21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fid-9 ta’ Novembru 2021 – UAB “Gargždų geležinkelis” vs Lietuvos transporto saugos administraciją et

(Kawża C-671/21)

(2022/C 84/30)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UAB “Gargždų geležinkelis”

Partijiet oħra fil-proċedura: Lietuvos transporto saugos administracija

Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba

AB “LTG Infra”

Domandi preliminari

1)

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu b’mod inekwivoku li tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, f’każ ta’ konġestjoni tal-infrastruttura, li tittieħed inkunsiderazzjoni, matul l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-intensità tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja? Il-kwistjoni ta’ jekk l-indikatur tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja huwiex relattiv għall-użu effettiv ta’ din l-infrastruttura fil-passat jew għall-użu previst għall-perijodu ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol ikkonċernata, għandha importanza f’dan ir-rigward? L-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, li jagħtu lill-maniġer tal-infrastruttura jew lill-korp li jiddeċiedi dwar il-kapaċitajiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jikkoordinaw l-applikazzjonijiet għall-kapaċità, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali, għandhom importanza f’dan ir-rigward? Il-fatt li, fil-każ konkret, l-infrastruttura ġiet iddikjarata kkonġestjonata minħabba kapaċitajiet mitluba minn diversi impriżi ferrovjarji bil-għan li jġorru l-istess merkanzija, għandu importanza f’dan ir-rigward?

2)

L-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2012/34, li jgħid li “[i]l-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49.”, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-maniġer tal-infrastruttura jista’ japplika r-regola ta’ prijorità nazzjonali anki f’każijiet fejn l-infrastruttura ma ġietx iddikjarata kkonġestjonata? Sa fejn (abbażi ta’ liema kriterji) għandu l-maniġer tal-infrastruttura jikkoordina l-applikazzjonijiet għal mogħdijiet tal-ferrovija u jikkonsulta lill-kandidati b’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47[(1)] tad-Direttiva 2012/34 qabel ma jiddikjara l-infrastruttura bħala kkonġestjonata? Din il-konsultazzjoni tal-kandidati tinvolvi li jiġi vverifikat jekk diversi kandidati ressqux applikazzjonijiet konfliġġenti bil-għan li tiġi ttrasportata l-istess merkanzija?


(1)  ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32, ĠU 2015, L 196, p. 67.