17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-4 ta’ Novembru 2021 – Booky.fi Oy

(Kawża C-662/21)

(2022/C 24/28)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Booky.fi Oy

Konvenut: Kansallinen audiovisuaalinen instituutti (KAVI)

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 34 TFUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-kuvaohjelmalain (il-Liġi dwar il-Programmi Viżwali) li teżiġi l-klassifikazzjoni tal-mezzi li fuqhom jinħażnu l-programmi viżwali taħt il-Liġi dwar il-Programmi Viżwali u l-pubblikazzjoni tal-indikazzjoni dwar l-età li għaliha huma adatti dawn il-programmi, liema indikazzjoni tiddependi mill-imsemmija klassifikazzjoni, flimkien mal-indikazzjonijiet dwar il-prodott, u dan diġà f’mument li fih il-mezz li fuqu jinħażen il-programm viżwali jkun jinsab għal bejgħ f’ħanut online u minkejja li l-mezzi li fuqhom jinħażnu l-programmi viżwali jkunu ġew ikklassifikati u ttikkettjati fi Stat Membru ieħor iżda jkunu għadhom ma ġewx ikkunsinnati fil-Finlandja?

Għall-finijiet tal-għoti ta’ risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li l-Liġi dwar il-Programmi Viżwali ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar eċċezzjonijiet mir-rekwiżit ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar ibbażati fuq il-fatt li nkisbet ċertezza li x-xerrej tal-mezzi li fuqhom jinħażnu l-programmi viżwali huwa maġġorenni u li r-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq dwar klassifikazzjoni ġdida u ttikkettjar meta mezz li fuqu jinħażen il-programm viżwali jiġi offrut f’ħanut online japplika biss meta l-programm ikun qiegħed jiġi offrut minn kumpanniji jew negozjanti li huma rreġistrati fil-Finlandja jew li għandhom stabbiliment hemmhekk jew meta jkun offrut minn persuna li hija ċittadina Finlandiża jew għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Finlandja, jew inkella meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li l-programm jiġi offrut fil-Finlandja?

2)

Jekk sabiex ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq dwar klassifikazzjoni ġdida u ttikkettjar jitqies li huwa proporzjonat, huwa meħtieġ li tkun tista’ ssir eċċezzjoni għal dan ir-rekwiżit ibbażata fuq il-fatt li nkisbet ċertezza li x-xerrej tal-mezzi li fuqhom jinħażnu l-programmi viżwali huwa maġġorenni: fil-każ ta’ bejgħ lil maġġorenni għandha tkun meħtieġa ċertezza assoluta li x-xerrej huwa maġġorenni fil-mument tal-ordni u tal-bejgħ tal-mezz li fuqu jinħażen il-programm viżwali jew huwa suffiċjenti li l-bejjiegħ tal-mezz li fuqu jinħażen il-programm viżwali jkun għamel sforz sabiex jiżgura li x-xerrej huwa maġġorenni?