SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Rimedji ġudizzjarji– Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Kuntrabandu doganali – Beni ta’ terz maqbudin fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lil dan it-terz mill-kategorija ta’ persuni awtorizzati jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva li tordna l-qbid”

Fil-Kawża C‑752/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

JP EOOD

vs

Otdel “Mitnichesko razsledvane i razuznavane”/MRR/v Teritorialna direktsia “Mitnitsa Burgas”,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Haskovo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(7), kif ukoll tal-Artikoli 29 u 44 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013 L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016 L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JP EOOD, kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt Bulgaru, u l-Otdel “Mitnichesko razsledvane i razuznavane”/MRR/v TD “Mitnitsa Burgas” (id-Dipartiment tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas, il-Bulgarija) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ qbid, favur l-Istat Bulgaru, ta’ vettura ta’ trasport, proprjetà ta’ JP, li ntużat għall-kuntrabandu ta’ merkanzija.

Il-kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni Qafas 2005/212

3

Skont il-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212:

“L-għan ewlieni tal-kriminalità organizzata transkonfinali huwa l-gwadann finanzjarju. Għalhekk, sabiex ikun effikaċi, kwalunkwe tentattiv sabiex tali kriminalità tiġi prevenuta u miġġielda għandu jiffoka fuq it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità. Madankollu, dan ikun diffiċli, inter alia, minħabba differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fir-raba’ inċiż tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

[…]

‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà”.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Konfiska”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rimedji legali”:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.”

Il‑Kodiċi Doganali tal-Unjoni

7

L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni], għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘awtoritajiet doganali’ tfisser l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri responsabbli biex japplikaw il-leġislazzjoni doganali u kwalunkwe awtorità oħra mogħtija s-setgħa taħt il-liġi nazzjonali biex tapplika ċertu leġislazzjoni doganali;

(2)

‘leġislazzjoni doganali’ tfisser il-korp leġislattiv magħmul minn dan kollu li ġej:

(a)

il-Kodiċi u l-provvedimenti li jissupplimentawh jew jimplimentawh adottati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali;

(b)

it-Tariffa Doganali Komuni;

(c)

il-leġislazzjoni li tistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali;

(d)

ftehimiet internazzjonali li jinkludu provvedimenti doganali, sa fejn dawn ikunu applikabbli fl-Unjoni;

[…]

(39)

‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe att mill-awtoritajiet doganali marbut mal-leġislazzjoni doganali li jagħti deċiżjoni dwar każ partikolari, u li jkollu effetti legali fuq il-persuna jew persuni kkonċernati;

[…]”

8

L-Artikolu 22 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Deċiżjonijiet meħuda wara applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Deċiżjoni li taffettwa lill-applikant b’mod negattiv għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tirriferi għad-dritt tal-appell previst fl-Artikolu 44.”

9

L-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Deċiżjonijiet meħuda mingħajr applikazzjoni minn qabel”, jipprovdi:

“Ħlief meta awtorità doganali taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja, l-Artikoli 22(4), (5), (6) u (7), l-Artikolu 23(3) u l-Artikoli 26, 27 u 28 għandhom japplikaw ukoll għad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali mingħajr ma ssir applikazzjoni minn qabel mill-persuna kkonċernata.”

10

L-Artikolu 42 tal-istess kodiċi, intitolat “L-applikazzjoni ta’ pieni”, jistabbilixxi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Fejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin, jew it-tnejn:

(a)

imposta monetarja mill-awtoritajiet doganali, inkluż, fejn xieraq, arranġament applikat minflok u biex jissostitwixxi piena kriminali;

(b)

ir-revoka, is-sospensjoni jew l-emendament ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni miżmuma mill-persuna kkonċernata.

3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, fi żmien 180 jum mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, kif determinata skont l-Artikolu 288(2), bil-provvedimenti nazzjonali fis-seħħ, kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk il-provvedimenti.”

11

Skont l-Artikolu 43 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Deċiżjonijiet meħudin minn awtorità ġudizzjarja”:

“L-Artikoli 44 u 45 m’għandhomx japplikaw għall-appelli ppreżentati bil-ħsieb għall-annullament, revokar jew emendar ta’ deċiżjoni marbuta mal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali meħuda minn awtorità ġudizzjarja, jew mill-awtoritajiet doganali li jaġixxu bħala awtoritajiet ġudizzjarji.”

12

L-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Id-dritt ta’ appell”, jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment.

[…]

2.   Id-dritt tal-appell jista’ jkun eżerċitat mill-anqas f’żewġ stadji:

(a)

inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali jew awtorità ġudizzjarja jew korp ieħor maħtur għal dik il-għan mill-Istati Membri;

(b)

sussegwentement, quddiem korp indipendenti ogħla, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp ekwivalenti speċjalizzat, skont il-provvedimenti fis-seħħ fl-Istati Membri.

3.   L-appell għandu jkun ippreżentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew fejn tkun saret l-applikazzjoni għaliha.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura tal-appelli tippermetti l-konferma jew il-korrezzjoni minnufih ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali.”

Id‑Direttiva 2014/42/UE

13

Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014 L 138, p. 114), tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)

‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

[…]”

14

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…] l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI [tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)] u l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.”

Id‑dritt Bulgaru

Iż‑ZM

15

L-Artikolu 231 taż-zakon za mitnitsite (il-Liġi dwar id-Dwana) (DV Nru 15 tas‑6 ta’ Frar 1998), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZM”), jipprevedi:

“Id-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni amministrattiva għandhom jittieħdu mid-Direttur tal-Aġenzija Doganali jew mill-aġenti li jinħatru minnu.”

16

Skont l-Artikolu 232 taż-ZM:

“(1)   Fejn l-awtur tal-ksur ma jkunx magħruf, ir-rapport għandu jiġi ffirmat minn min fasslu u wkoll minn xhud u ma għandux jiġi nnotifikat. F’dan il-każ, għandha tittieħed deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva li tidħol fis-seħħ sa mit-teħid tagħha.

[…]”

17

L-Artikolu 233 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)   Kull min iċaqlaq jew jittrasporta merkanzija mill-fruntiera tal-Istat, jew jipprova jagħmel dan, mingħajr l-għarfien tal-awtoritajiet doganali jew l-awtorizzazzjoni tagħhom, jeħel, fejn l-att kommess ma jkunx jikkostitwixxi reat kriminali, multa għal kuntrabandu doganali minn 100 sa 200 % tal-valur doganali tal-importazzjoni jew tal-valur tal-merkanzija tal-esportazzjoni.

[…]

(8)   Il-mezzi tat-trasport jew il-kontenituri li jkunu ntużaw għaċ-ċaqliq jew għat-trasport tal-oġġetti li huma s-suġġett tal-kuntrabandu doganali, irrispettivament minn min hu sidhom, jiġu maqbuda favur l-Istat, ħlief fejn il-valur tagħhom ma jkunx jaqbel manifestament mal-valur tas-suġġett tal-kuntrabandu doganali.”

Iż-ZANN

18

L-Artikolu 59 taż-zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi) (DV Nru 92 tat‑28 ta’ Novembru 1969), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZANN”), jipprovdi:

“(1)   Id-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva u l-iskeda elettronika jistgħu jiġu kkontestati quddiem ir-[Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali)], fid-distrett fejn ikun ġie kommess jew ikkonsmat il-ksur u quddiem is-[Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija)] fejn il-ksur ikun ġie kommess barra mill-pajjiż.

(2)   L-awtur tal-ksur u l-persuna li titlob kumpens jistgħu jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni f’terminu ta’ sebat ijiem min-notifika tagħha, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu d-dritt li jressaq oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni f’terminu ta’ ġimagħtejn minn meta tittieħed.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Fil‑11 ta’ Lulju 2020, l-awtoritajiet doganali Bulgari kkonstataw tentattiv ta’ trasport mhux awtorizzat, mit-Turkija lejn il-Bulgarija, ta’ injettaturi għall-vetturi bil-mutur mgħobbija fi trakk u semitrejler miġbud warajh.

20

Infetħet investigazzjoni kriminali mill-Okrazhna prokuratura – Haskovo (l-Uffiċċju Reġjonali tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Haskovo, il-Bulgarija) għal kuntrabandu doganali aggravat. Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2020, il-prosekutur fl-Uffiċċju Reġjonali tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Haskovo) ġab fi tmiem il-proċeduri kriminali minħabba nuqqas ta’ provi.

21

Fl-istess waqt, il-proċess intbagħat lill-Awtorità ta’ Inkjesta u ta’ Investigazzjonijiet Doganali sabiex din tal-aħħar tevalwa jekk għandhiex, bis-saħħa taż-ZM, tittieħed azzjoni għal responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali.

22

Billi l-awtur tal-ksur ma setax jiġi identifikat, il-Kap tad-Dipartiment tal-Aġenzija Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas, fit‑22 ta’ Frar 2021, ħa deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva kontra awtur mhux magħruf abbażi tal-Artikolu 232(1) taż-ZM. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, fejn l-awtur tal-ksur ma jkunx magħruf, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva tidħol fis-seħħ sa minn meta tittieħed.

23

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-awtur mhux magħruf ittieħdulu l-injettaturi tal-vetturi bil-mutur, li ġew maqbuda favur l-Istat Bulgaru. Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet doganali Bulgari qabdu favur l-Istat, konformement mal-Artikolu 233(8) taż-ZM, it-trakk u s-semitrejler miġbud warajh b’valur totali ta’ 111 604, 20 (lev Bulgaru) (BGN) (madwar EUR 57300), it-tnejn proprjetà ta’ JP.

24

Din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra din l-istess deċiżjoni quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad, il-Bulgarija), li, permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ April 2021, ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba li l-imsemmija kumpannija ma kellhiex interess ġuridiku.

25

Din il-qorti qieset, minn naħa, li d-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, konformement mal-Artikolu 59(2) taż-ZANN, tal-awtur tal-ksur, kif ukoll tal-persuna li titlob kumpens, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu d-dritt li jressaq oppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li, sa fejn id-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva kkonċernata kienet ittieħdet fil-konfront ta’ awtur mhux magħruf, din kienet daħlet fis-seħħ, konformement mal-Artikolu 232(1) taż-ZM, sa minn meta ttieħdet u ma setgħetx tiġi kkontestata.

26

JP ippreżentat appell minn dan id-digriet quddiem l-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, u sostniet li, minkejja li kienet terz mhux involut fil-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali, hija kienet ġarrbet dannu patrimonjali meta ġew maqbuda l-beni tagħha mingħajr ma ngħatat possibbiltà reali li tiddefendi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tagħha.

27

Din il-qorti tikkonferma li d-dritt Bulgaru ma jipprevedix dritt għal azzjoni legali, fejn, bħal fil-kawża prinċipali, deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva tittieħed kontra awtur mhux magħruf. Fil-fatt, f’tali każ, jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 232(1) taż-ZM li deċiżjoni bħal din ma tistax tiġi kkontestata.

28

Għalhekk, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn naħa, mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, jekk jitqies li din tal-aħħar tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li fihom l-att kommess ma jikkostitwixxix reat kriminali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 44(1) tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix l-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 59(2) taż-[ZANN], li fil-grupp ta’ persuni li għandhom id-dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni kriminali, ma tinkludix il-proprjetarju ta’ oġġetti kkonfiskati permezz ta’ din id-deċiżjoni f’sitwazzjoni fejn dan tal-aħħar ma jkunx l-awtur tal-att li jikkostitwixxi reat kriminali?

(2)

L-Artikolu 22(7), [kif ukoll l-Artikoli] 29 u 44 tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni], ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 13 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali] u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux l-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 232(1) taż-[ZM], li teskludi l-possibbiltà ta’ azzjoni legali kontra deċiżjoni kriminali mogħtija kontra awtur mhux magħruf sa fejn skont id-dritt nazzjonali din id-deċiżjoni tista’ tordna l-konfiska tal-beni favur l-Istat f’sitwazzjoni fejn dawn il-beni jkunu proprjetà ta’ terz li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura amministrattiva kriminali?

(3)

Fuq il-bażi ta’ argument a fortiori, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas [2005/212], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika f’sitwazzjonijiet fejn l-aġir ma jkunx jikkostitwixxi reat[?] [U] l-istess artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 59(2) taż-ZANN, li teskludi lill-proprjetarju tal-beni kkonfiskati mill-grupp ta’ persuni li għandhom id-dritt għal azzjoni legali, u bħal dik prevista fl-Artikolu 232 taż-ZM, li tipprovdi li att li permezz tiegħu, skont id-dritt nazzjonali, jistgħu jiġu kkonfiskati beni ma jistax jiġi kkontestat minn terz li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura amministrattiva kriminali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

30

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva għal persuna li l-beni tagħha jkunu ġew maqbuda abbażi ta’ tali deċiżjoni iżda li, f’din id-deċiżjoni, ma titqiesx bħala l-awtriċi tal-ksur amministrattiv li huwa marbut mas-sanzjoni li tkun ġiet imposta.

31

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tappella kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li tikkonċernaha b’mod dirett u individwali.

32

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “deċiżjoni”, li tirreferi għalih din id-dispożizzjoni, dan huwa mfisser fil-punt 39 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi kodiċi bħala “kwalunkwe att mill-awtoritajiet doganali marbut mal-leġislazzjoni doganali li jagħti deċiżjoni dwar każ partikolari, u li jkollu effetti legali fuq il-persuna jew persuni kkonċernati”, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni doganali tinkludi b’mod partikolari, konformement mal-punt 2 ta’ dan l-artikolu, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet li jikkumplimentaw jew jimplimentaw dan il-kodiċi fil-livell nazzjonali.

33

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ttieħdet mill-awtoritajiet doganali f’każ ta’ kuntrabandu doganali partikolari, għandha effetti legali fuq JP, sa fejn beni ta’ din il-persuna ġuridika, bħala “persuna kkonċernata”, ġew maqbuda. Minn dan isegwi li din hija “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 5(39) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

34

Għandu jingħad ukoll, minn naħa, li l-Artikolu 42(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu pieni fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, b’tali mod li d-deċiżjoni li timponi, fil-każ ta’ kuntrabandu doganali bħal dak ikkonstatat fil-kawża prinċipali, tali piena, b’mod partikolari l-qbid tal-beni, tikkostitwixxi deċiżjoni marbuta mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, fis-sens tal-Artikolu 44 tal-imsemmi kodiċi.

35

Min-naħa l-oħra, għalkemm jidher li d-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx formalment indirizzata lil JP, ċirkustanza li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, xorta jibqa’ l-fatt li din tipproduċi effetti legali diretti fuq din il-kumpannija, sa fejn, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, il-beni tagħha ġew maqbuda. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-imsemmija deċiżjoni tikkonċerna b’mod dirett u individwali lil JP, fis-sens tal-Artikolu 44 tal-istess kodiċi.

36

Minn dan isegwi li deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, konformement mal-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, b’tali mod li dan il-kodiċi jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra tali deċiżjoni għal persuna affettwata minnha b’mod dirett u individwali.

37

Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva għal persuna li l-beni tagħha jkunu ġew maqbuda abbażi ta’ tali deċiżjoni iżda li ma titqiesx, f’din id-deċiżjoni, bħala l-awtriċi tal-ksur amministrattiv li huwa marbut mas-sanzjoni li ġiet imposta.

Fuq it-tielet domanda

38

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal deċiżjoni dwar att li ma jikkostitwixxix reat kriminali u fl-affermattiv, li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li terz li l-beni tiegħu jistgħu jinqabdu fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali ma għandux rimedju ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jirreferi għalih l-Artikolu 4 tagħha, jipprevedi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

40

Mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija deċiżjoni qafas huwa, kif jirriżulta wkoll mill-istess titolu, kif ukoll mill-premessa 1 tal-istess deċiżjoni qafas li jirreferu għall-“konfiska ta’ rikavati, mezzi u assi relatati mal-kriminalità” u għall-“kriminalità organizzata”, rispettivament, limitat għar-reati kriminali, b’tali mod li l-istess deċiżjoni qafas ma tapplikax għal deċiżjoni li ma hijiex parti mill-kuntest ta’, jew mis-segwitu għal, proċedura li tirrigwarda reat kriminali wieħed jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 61).

41

Dan l-istess kamp ta’ applikazzjoni huwa limitat ukoll fis-sens li jkopri biss reati kriminali ta’ ċerta gravità, jiġifieri dawk punibbli b’piena ta’ priġunerija għal żmien ta’ iktar minn sena.

42

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “konfiska”, għandu jsir riferiment mhux għad-definizzjoni li tinsab fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, iżda għal dik li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, peress li din id-direttiva, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1) tagħha, issostitwixxiet, b’mod partikolari, l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003, C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 30).

43

Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “konfiska” jikkostitwixxi “ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali”.

44

Issa, huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva ttieħdet wara proċedura ta’ natura amministrattiva, liema proċedura ma kinitx tirrigwarda reat kriminali wieħed jew iktar u wisq inqas ksur kriminali punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà għal żmien ta’ iktar minn sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212.

45

Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-awtoritajiet doganali Bulgari u mhux minn qorti, kif meħtieġ mill-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42.

46

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ma hijiex applikabbli ratione materiae f’sitwazzjoni fejn l-att kommess ma jikkostitwixxix reat kriminali.

47

Sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa ddefinit b’mod ċar u sa fejn din ġiet adottata sabiex jiġu stabbiliti regoli minimi komuni f’qasam iddefinit sew, li, barra minn hekk, jikkonċerna l-kooperazzjoni f’materji kriminali, din lanqas ma tista’ tkun applikabbli ratione materiae b’analoġija għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48

Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal deċiżjoni dwar att li ma jikkostitwixxix reat kriminali.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva għal persuna li l-beni tagħha jkunu ġew maqbuda abbażi ta’ tali deċiżjoni iżda li ma titqiesx, f’din id-deċiżjoni, bħala l-awtriċi tal-ksur amministrattiv li huwa marbut mas-sanzjoni li ġiet imposta.

 

2)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma japplikax għal deċiżjoni dwar att li ma jikkostitwixxix reat kriminali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.