SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ferrovjarja unika Ewropea – Direttiva 2012/34/UE – Allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 45 – Skedar – Artikolu 46 – Proċess ta’ koordinazzjoni – Artikolu 47 – Infrastruttura kkonġestjonata – Prijoritizzazzjoni ta’ ċerti servizzi – Kriterji ta’ prijorità – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regoli ta’ prijorità marbuta mal-intensità tal-użu tal-infrastruttura”

Fil-Kawża C‑671/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

“Gargždų geležinkelis” UAB

fil-preżenza ta’:

Lietuvos transporto saugos administracija,

Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba,

“LTG Infra” AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Gargždų geležinkelis” UAB, minn V. Nikitinas, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u S. Grigonis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, P. Messina u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 sa 47 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifika fil-ĠU 2012, L 196, p. 67 u fil-ĠU 2015, L 67, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn “Gargždų geležinkelis” UAB, dwar id-deċiżjoni tal-Lietuvos transporto saugos administracija (l-Awtorità Litwana għas-Sigurtà tat-Trasport, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità għas-Sigurtà tat-Trasport”), li tirrifjuta li talloka kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika lil Gargždų geležinkelis, u tas-sentenza tal-Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjonijiet tar-Repubblika tal-Litwanja), li tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Gargždų geležinkelis kontra din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 3 u 34 tad-Direttiva 2012/34:

“(3)

L-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja trid titjieb, sabiex tiddaħħal f’suq kompetittiv, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tal-linji tal-ferrovija.

[…]

(34)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja, u għas-servizzi f’faċilitajiet ta’ servizz, għall-impriżi ferrovjarji kollha, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintużaw id-drittijiet tal-aċċess għandha tiġi ppubblikata f’dikjarazzjoni dwar in-netwerk. […]”

4

Skont il-punt 20 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, “infrastruttura konġestjonata” tfisser element tal-infrastruttura li għaliha l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura ma jistgħux jiġu sodisfatti kompletament matul ċerti perijodi, anki wara l-koordinazzjoni tad-diversi talbiet għall-kapaċità.

5

Skont il-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, “dikjarazzjoni dwar in-netwerk” tfisser id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi, fid-dettall, ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tarifikazzjoni u tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din kollha li hi meħtieġa sabiex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura.

6

Skont il-punt 27 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva “mogħdija tal-ferrovija” tfisser il-kapaċità tal-infrastruttura meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’perijodu speċifikat.

7

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34 jirrigwarda t-tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha. It-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu IV, intitolata, “Prinċipji Ġenerali”, tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 26 u 27 ta’ din id-direttiva.

8

L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Użu effettiv tal-kapaċità tal-infrastruttura”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi tat-tqegħid ta’ imposti u tal-kapaċità tal-allokazzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja jsegwu l-prinċipji stabbiliti f’din id-Direttiva u b’hekk jippermettu lill-maniġer tal-infrastruttura biex iqiegħed fis-suq u jagħmel użu effettiv mill-kapaċità infrastrutturali disponibbli.”

9

L-Artikolu 27 tal-istess direttiva, intitolat “Dikjarazzjoni dwar in-netwerk”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li għandha tkun tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ tariffa li ma tistax taqbeż l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni. […]”

10

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34, intitolata “L-imposti tal-infrastruttura u tas-servizzi”, tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 31, 32 u 36 ta’ din id-direttiva.

11

L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Korp regolatorju”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-imposti tal-infrastruttura msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jinkludu imposta li tirrifletti l-iskarsezza tal-kapaċità tat-taqsima identifikabbli tal-infrastruttura fil-perjodi ta’ konġestjoni.”

12

L-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”, jipprovdi, fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiddistingwu wkoll it-taqsimiet tas-suq skont il-prodott bażiku jew il-passiġġieri li jkunu qed jiġu trasportati.”

13

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Il-Piżijiet ta’ riserva”, jipprevedi:

“Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jimponu imposta għall-kapaċità allokata iżda mhux użata. Din l-imposta għan-nuqqas ta’ użu għandha tipprovdi inċentivi għall-użu effiċjenti tal-kapaċità. Il-ġbir ta’ tali imposta fuq l-applikanti li kienu allokati mogħdija ferrovjarja għandha tkun obbligatorja fil-każ tan-nuqqas regolari tagħhom li jużaw il-mogħdijiet ferrovjarji allokati jew parti minnhom. […]”

14

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolata “L-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura”, tinkludi l-Artikoli 38 sa 54 tal-imsemmija direttiva.

15

L-Artikolu 38 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet tal-kapaċità”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kapaċità tal-infrastruttura għandha tiġi allokata minn maniġer tal-infrastruttura Ladarba tkun allokata lil applikant, din ma għandhiex tiġi ttrasferita minn min jirċeviha lejn impriża jew servizz ieħor.”

16

L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Allokazzjoni tal-kapaċità”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jistipulaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura suġġetta għall-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4. Għandhom jiġu stipulati regoli speċifiċi għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq il-proċessi tal-allokazzjoni tal-kapaċità. B’mod partikolari, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiżgura li l-kapaċità tal-infrastruttura tiġi allokata b’mod ġust u nondiskriminatorju u skont il-liġi tal-Unjoni.”

17

L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skedar”, jipprevedi:

“1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, sa fejn possibbli, jissodisfa t-talbiet kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura inklużi talbiet għall-mogħdijiet tal-ferroviji li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed, u għandhom, se fejn possibbli, jieħdu kont tal-irbit kollu fuq l-applikanti, inkluż l-effett ekonomiku fuq in-negozju tagħhom.

2.   Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati dwar l-abbozz tal-iskeda tax-xogħol u jagħtihom għall-inqas xahar żmien biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati għandhom jinkludu lil dawk kollha li jkunu talbu l-kapaċità tal-infrastruttura kif ukoll lill-partijiet l-oħrajn li jixtiequ jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar kif l-iskeda tax-xogħol tista’ taffettwalhom l-abbiltà li jipprokuraw servizzi ferrovjarji waqt il-perjodu tal-iskeda tax-xogħol.

4.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jieħu miżuri xierqa biex jittratta kull tħassib li jkun espress.”

18

L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċess ta’ koordinazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Matul il-proċess tal-iskedar imsemmi fl-Artikolu 45, fejn il-maniġer tal-infrastruttura jiltaqa’ ma’ kunflitti bejn talbiet differenti, għandu jipprova, permezz ta’ koordinazzjoni tat-talbiet, jiżgura li r-rekwiżiti kollha jitqabblu flimkien bl-aħjar mod possibbli.

2.   Fejn tinqala’ sitwazzjoni li teħtieġ il-koordinament, il-maniġer tal-infrastruttura għandu d-dritt, f’limiti raġonevoli, li jipproponi kapaċità tal-infrastruttura li tkun differenti minn dik mitluba.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova, permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-applikanti xierqa jsolvi kull kunflitt. Tali konsultazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja fi żmien raġonevoli, mingħajr ħlas u bil-miktub jew f’forma elettronika:

a)

il-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba mill-applikanti l-oħra kollha fuq l-istess rotot;

b)

il-mogħdijiet tal-ferrovija allokati fuq bażi preliminari lill-applikanti l-oħra kollha fuq l-istess rotot;

c)

il-mogħdijiet tal-ferrovija alternattivi proposti fuq ir-rotot rilevanti skont il-paragrafu 2;

d)

id-dettalji sħaħ tal-kriterji li qed jintużaw fil-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità.

Skont l-Artikolu 39(2), dik l-informazzjoni għandha tingħata mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-applikanti l-oħra, sakemm l-applikanti kkonċernati ma jkunux qablu ma’ tali żvelar.”

19

L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Infrastruttura kkonġestjonata”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta, wara l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji mitluba u l-konsultazzjoni mal-applikanti, ma jkunx possibbli li jiġu sodisfatti ttalbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura b’mod adegwat, il-maniġer tal-infrastruttura għandu minnufih jiddikara li dik it-taqsima tal-infrastruttura li seħħ dan fuqha hija kkonġestjonata. Dan għandu jsir ukoll għall-infrastruttura li hija mistennija li ssofri minn nuqqas ta’ kapaċità fil-futur qrib.

2.   Fejn l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq analiżi tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 50, sakemm ma jkunx diġà qed jiġi implimentat pjan għat-titjib tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 51.

3.   Fejn l-imposti skont l-Artikolu 31(4) ma jkunux ġew iddebitati jew ma jkunux laħqu riżultat sodisfaċenti u l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, il-maniġer tal-infrastruttura jista’ wkoll juża kriterji ta’ prijorità biex jalloka l-kapaċità tal-infrastruttura.

4.   Il-kriterji ta’ prijorità għandhom iqisu l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li konsegwentement ikun se jiġi eskluż.

Sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta’ servizzi tat-trasport adegwati f’dan il-qafas, partikolarment biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jew biex jiġi promoss l-iżvilupp nazzjonali u internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kull miżura meħtieġa, b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, biex jiżguraw li dawn is-servizzi jingħataw prijorità meta tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura.

[…]”

20

L-Artikolu 49 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infrastruttura speċjalizzata”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-kapaċità tal-infrastruttura għandha titqies disponibbli għall-użu tat-tipi kollha ta’ servizzi li jikkonformaw mal-karatteristiċi meħtieġa għat-tħaddim fil-mogħdija tal-ferrovija.

2.   Meta jkun hemm rotot alternattivi adegwati, il-maniġer tal-infrastruttura jista’, wara li jikkonsulta lill-partijiet interessati, jindika infrastruttura partikolari għall-użu minn tipi speċifiċi tat-traffiku. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 101, 102 u 106 [TFUE], fejn isseħħ din it-tip ta’ identifikazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil dan it-tip ta’ traffiku fl-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastuttura.

Din l-identifikazzjoni ma għandhiex ma tħallix li jsir użu ta’ din it-tip ta’ infrastruttura minn tipi oħrajn tat-traffiku meta l-kapaċità tkun disponibbli.”

21

L-Artikolu 52 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Użu tal-mogħdijiet ferrovjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom se jqis il-livelli preċedenti tal-użu tal-mogħdijiet tal-ferrovija fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-proċess tal-allokazzjoni.”

Id-dritt Litwan

22

Il-punt 28 tar-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika, adottati mil-Lietuvos Respublikos Vyriausybės nutarimas Nr. 611 “Dėl viešosios geležinkelių infrastruktūros pajėgumų skyrimo taisyklių patvirtinimo” (id-Digriet Nru 611 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-adozzjoni tar-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja pubblika), tad-19 ta’ Mejju 2004 (Žin., 2004, Nru 83–3019), kif emendat mil-Lietuvos Respublikos Vyriausybės nutarimas Nr. 355 (id-Digriet Nru 355 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja), tad-9 ta’ April 2018 (TAR, 2018, Nru 2018–6085) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Allokazzjoni”), jippreċiża:

“Fejn ikun possibbli, l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika, sabiex jirrikonċilja l-applikazzjonijiet għal allokazzjoni relatati mal-istess kapaċità, għandu jipproponi lill-applikanti […] kapaċitajiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-applikazzjonijiet tagħhom. F’każ li l-applikanti u/jew l-impriżi ta’ manutenzjoni jirrifjutaw il-kapaċitajiet ta’ sostituzzjoni proposti mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika jew fin-nuqqas ta’ tali kapaċità, l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika għandu japplika r-regola ta’ prijorità, jiġifieri li l-kapaċità tiġi assenjata lill-applikant li se jużaha sabiex jipprovdi servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji internazzjonali; jekk il-kapaċità ma tintużax sabiex jiġu pprovduti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji internazzjonali, din tingħata lill-applikant li jużaha sabiex jipprovdi servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji lokali; jekk il-kapaċitajiet ma jintużawx biex jiġu pprovduti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji internazzjonali jew lokali, dawn jiġu assenjati lill-applikant u/jew l-impriżi ta’ manutenzjoni li jużahom għall-ikbar numru ta’ jiem; jekk tkun mistennija li l-kapaċità tintuża għall-istess numru ta’ jiem, din tiġi assenjata lill-applikant u/jew l-impriżi ta’ manutenzjoni li jkun talab li jiġi assenjat lilu l-ikbar numru possibbli ta’ vjaġġi fuq l-itinerarju inkwistjoni.”

Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Fit-3 ta’ April 2019, Gargždų geležinkelis ressqet, quddiem l-Awtorità għas-Sigurtà tat-Trasport, applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ infrastruttura ferrovjarja pubblika għall-ferroviji tal-merkanzija, skont l-iskeda tas-servizz għall-perijodu 2019–2020. Din l-applikazzjoni ġiet ittrasferita lill-amministratur tal-infrastruttura pubblika, jiġifieri d-Direttorat tal-Infrastruttura Ferrovjarja ta’ “Lietuvos geležinkeliai” AB, li sar “LTG Infra” (iktar ’il quddiem l- “amministratur tal-infrastruttura”).

24

Wara eżami tal-imsemmija applikazzjoni, l-amministratur tal-infrastruttura kkonkluda li s-sitwazzjoni ma kinitx tippermetti, minħabba l-kapaċità limitata ta’ ċerti taqsimiet tal-infrastruttura ferrovjarja kkonċernata, li jiġu pprogrammati fl-iskeda ta’ servizz il-kapaċitajiet kollha mitluba mill-applikanti, inklużi dawk mitluba minn Gargždų geležinkelis, sa fejn it-talbiet tagħhom kienu parzjalment konfliġġenti. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Gargždų geležinkelis, li l-konġestjoni ta’ din l-infrastruttura ferrovjarja kienet eventwalment artifiċjali peress li l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet kienu tressqu minn diversi applikanti bl-għan li tiġi ttrasportata, fl-iskeda ta’ servizz, l-istess tagħbija, l-amministratur tal-infrastruttura ppreċiża li dawn l-applikazzjonijiet għal allokazzjoni ma kinux jinkludu informazzjoni dwar it-tagħbijiet previsti u li għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma din l-allegazzjoni.

25

Filwaqt li nbeda proċess ta’ koordinazzjoni sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima, wieħed mill-applikanti, li ma kienx Gargždų geležinkelis, irrifjuta li jipparteċipa u l-amministratur tal-infrastruttura ma kienx f’pożizzjoni li jipproponi lil din il-kumpannija kapaċitajiet oħra minbarra dawk imsemmija fit-talba tagħha. Barra minn hekk, filwaqt li kkonstata li, fi tmiem dan il-proċess ta’ koordinazzjoni, huwa ma setax jissodisfa t-talbiet kollha magħmula minħabba l-kapaċità insuffiċjenti, l-amministratur tal-infrastruttura ddikjara li l-infrastruttura kienet ikkonġestjonata fis-sezzjonijiet ikkonċernati.

26

Sussegwentement, l-amministratur tal-infrastruttura bagħat, matul ix-xahar ta’ Settembru 2019, lill-awtorità tas-sigurtà tat-trasport abbozz ta’ skeda ta’ servizz emendat għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kapaċitajiet kif ukoll informazzjoni dwar il-kapaċità effettiva tas-sezzjonijiet ikkonċernati, iddeterminata abbażi tat-talbiet irċevuti.

27

Fit-30 ta’ Settembru 2019, Gargždų geležinkelis ippreżentat rikors quddiem l-Awtorità għas-Sigurtà tat-Trasport f’dan ir-rigward.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2019, l-Awtorità għas-Sigurtà tat-Trasport iddeċidiet li l-amministratur tal-infrastruttura, waqt l-eżami u l-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet li kienu sarulu, kien aġixxa b’osservanza tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u ma kienx kiser id-drittijiet ta’ Gargždų geležinkelis, u lanqas ma ppreġudika l-interessi leġittimi ta’ din tal-aħħar.

29

Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2019, id-Direttur tal-Awtorità għas-Sigurtà tat-Trasport iddeċieda li ma jallokax lil Gargždų geležinkelis il-kapaċitajiet li din tal-aħħar kienet talbet, minħabba li dawn ma kinux jeżistu. Dawn il-kapaċitajiet ġew allokati lil impriżi oħra skont ir-regola ta’ prijorità stabbilita fil-punt 28 tar-regoli ta’ allokazzjoni. Din id-deċiżjoni kienet tindika wkoll li ma kienx possibbli li tiġi proposta kapaċità ta’ sostituzzjoni, peress li l-parti kkonċernata tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika kienet ukoll ikkonġestjonata.

30

Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Frar 2020, id-Direttur tal-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjonijiet tar-Repubblika tal-Litwanja kkunsidra li r-rikors amministrattiv ippreżentat minn Gargždų geležinkelis kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2019 kien infondat u, għaldaqstant, ċaħad dan ir-rikors.

31

Peress li r-rikors ġudizzjarju ppreżentat minn Gargždų geležinkelis quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2020 ġie miċħud ukoll, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2020, din il-kumpannija appellat minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju.

32

Din l-aħħar qorti tistaqsi minn żewġ perspettivi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika mad-Direttiva 2012/34.

33

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-unika soluzzjoni li tippermetti li tiġi indirizzata l-problema ta’ konġestjoni tal-infrastruttura kkonċernata kienet l-applikazzjoni tar-regola ta’ prijorità stabbilita fil-punt 28 tar-regoli ta’ allokazzjoni. Sa fejn l-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34 jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu prijoritajiet għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, billi jibbażaw ruħhom fuq it-tip ta’ servizzi pprovduti, din il-qorti tqis li huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni l-ewwel u t-tieni kriterju previsti f’dan il-punt 28, li jipprovdu li l-prijorità mogħtija hija preċiżament marbuta mat-tip ta’ servizzi li l-applikant għandu l-intenzjoni li jipprovdi.

34

Min-naħa l-oħra, it-tielet u r-raba’ kriterju, li jipprovdu li l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet hija bbażata fuq l-intensità tal-użu tan-network ikkonċernat, iqajmu dubji. Il-qorti tar-rinviju tesponi, f’dan il-kuntest, li, skont Gargždų geležinkelis, tali regoli ta’ prijorità ma jiggarantixxux l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li dawn ir-regoli jagħtu vantaġġ indebitu lit-trasportatur storiku. Min-naħa l-oħra, l-amministratur tal-infrastruttura jsostni li l-prijoritizzazzjoni intiża għall-użu iktar intensiv tan-network hija bbażata fuq kriterju ta’ użu effikaċi tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika.

35

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34 għandhom jittieħdu f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji.

36

Hija tfakkar ukoll li, fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114), il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-kontenut tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 29), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2012/34.

37

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt Spanjol, li l-kriterju tal-użu effettiv tan-network bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa diskriminatorju sa fejn iwassal, meta jkun hemm sovrappożizzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta n-network ikun konġestjonat, għaż-żamma ta’ vantaġġi għall-utenti abitwali u għall-waqfien tal-aċċess għall-mogħdijiet tal-ferrovija l-iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx il-fondatezza tal-motiv ta’ ġustifikazzjoni invokat, f’dan ir-rigward, mill-Istat Membru kkonċernat, ibbażat fuq il-garanzija ta’ użu iktar effikaċi tal-infrastrutturi, peress li hija kkunsidrat li, sabiex jintlaħaq tali għan, bl-ebda mod ma kien neċessarju li ssir diskriminazzjoni bejn l-operaturi tan-network u lanqas li jiġi bblokkat l-aċċess ta’ operaturi ġodda għalih.

38

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva erba’ ċirkustanzi partikolari.

39

L-ewwel, b’differenza mis-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114), il-possibbiltà, miftuħa mir-regola ta’ prijorità nazzjonali, jiġifieri l-punt 28 tar-regoli għall-allokazzjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, waqt l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet, l-intensità tal-użu tal-infrastruttura ma tikkonċernax l-użu fil-passat, iżda l-użu futur ta’ din.

40

It-tieni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 li jirregolaw l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, b’mod iktar speċifiku l-Artikoli 45 u 46 ta’ din, jagħtu lill-amministratur tal-infrastruttura setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex isolvi każ b’każ eventwali tilwim dwar applikazzjonijiet għal kapaċitajiet konfliġġenti.

41

It-tielet, skont l-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2012/34, l-amministratur tal-infrastruttura huwa awtorizzat jieħu inkunsiderazzjoni l-livelli ta’ użu preċedenti tal-mogħdijiet tal-ferrovija.

42

Ir-raba’, Gargždų geležinkelis tafferma li, fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha stess, l-infrastruttura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex realment konġestjonata, peress li hija tikkompeti ma’ impriża oħra għall-istess tagħbijiet. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni tas-sovrappożizzjoni tal-kapaċitajiet għandha tiġi solvuta biss fil-kuntest tal-programmazzjoni u tal-proċess ta’ koordinazzjoni, previsti fl-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, billi jitħallew ir-regoli ta’ prijorità mhux applikati, sabiex ma jiġix inkoraġġut l-operatur li dawn ir-regoli jistgħu jkunu favurih, jabbuża mid-dritt li japplika għal kapaċitajiet.

43

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34 jipprekludix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, fil-każ ta’ konġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intensità tal-użu ta’ din l-infrastruttura waqt l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

44

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet għal kapaċitajiet u l-konġestjoni ta’ infrastruttura, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-Direttiva 2012/34, l-amministratur tal-infrastruttura għandu, qabel kollox, wara li jkun irċieva t-talbiet kollha, ifittex li jikkoordinahom qabel ma jikkonstata, jekk ikun il-każ, li din l-infrastruttura hija kkonġestjonata u li japplika l-miżuri intiżi sabiex isolvu l-problema ta’ konġestjoni tal-imsemmija infrastruttura, li fosthom hemm ir-regoli ta’ prijorità.

45

Għalhekk, mill-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2012/34 jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ prijorità hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata. Madankollu, skont l-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura jista’, fil-kuntest tal-programmazzjoni u tal-proċess ta’ koordinazzjoni, jagħti prijorità lil ċerti servizzi. L-imsemmija direttiva għalhekk tawtorizza li tingħata prijorità qabel ma l-infrastruttura tiġi ddikjarata kkonġestjonata.

46

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kontenut tal-obbligu li jiġu kkoordinati l-applikazzjonijiet u li jiġu kkonsultati l-applikanti b’applikazzjoni tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2012/34 qabel ma l-infrastruttura tiġi ddikjara bħala kkonġestjonata. Fil-fatt, fir-rigward tal-proċedura fil-kawża prinċipali, jidher li Gargždų geležinkelis tinsab f’kompetizzjoni ma’ impriża ferrovjarja oħra, peress li ż-żewġ impriżi ressqu applikazzjonijiet relatati ma’ kapaċitajiet parzjalment identiċi.

47

Issa, meta diversi impriżi jkunu f’kompetizzjoni għat-trasport tal-istess tagħbija, l-infrastruttura ma tkunx teknikament ikkonġestjonata, peress li, fi kwalunkwe każ, it-tagħbija kkonċernata tiġi ttrasportata minn waħda minn dawn l-impriżi. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-amministratur tal-infrastruttura għandux jistabbilixxi l-eventwali identiċità tat-tagħbija ta’ diversi impriżi ferrovjarji qabel ma jkun jista’ jiddikjara l-infrastruttura kkonġestjonata.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu b’mod inekwivoku li tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, f’każ ta’ konġestjoni tal-infrastruttura, li tittieħed inkunsiderazzjoni, matul l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-intensità tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja? Il-kwistjoni ta’ jekk l-indikatur tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja huwiex relattiv għall-użu effettiv ta’ din l-infrastruttura fil-passat jew għall-użu previst għall-perijodu ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol ikkonċernata, għandha importanza f’dan ir-rigward? L-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, li jagħtu lill-maniġer tal-infrastruttura jew lill-korp li jiddeċiedi dwar il-kapaċitajiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jikkoordinaw l-applikazzjonijiet għall-kapaċità, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali, għandhom importanza f’dan ir-rigward? Il-fatt li, fil-każ konkret, l-infrastruttura ġiet iddikjarata kkonġestjonata minħabba kapaċitajiet mitluba minn diversi impriżi ferrovjarji bil-għan li jġorru l-istess merkanzija, għandu importanza f’dan ir-rigward?

2.

L-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2012/34, li jgħid li “[i]l-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49.”, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-maniġer tal-infrastruttura jista’ japplika r-regola ta’ prijorità nazzjonali anki f’każijiet fejn l-infrastruttura ma ġietx iddikjarata kkonġestjonata? Sa fejn (abbażi ta’ liema kriterji) għandu l-maniġer tal-infrastruttura jikkoordina l-applikazzjonijiet għal mogħdijiet tal-ferrovija u jikkonsulta lill-kandidati b’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47[(1)] tad-Direttiva 2012/34 qabel ma jiddikjara l-infrastruttura bħala kkonġestjonata? Din il-konsultazzjoni tal-kandidati tinvolvi li jiġi vverifikat jekk diversi kandidati ressqux applikazzjonijiet konfliġġenti bil-għan li tiġi ttrasportata l-istess merkanzija?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li jaqbel li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-programmazzjoni u tal-proċess ta’ koordinazzjoni msemmija fl-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, jekk l-amministratur tal-infrastruttura għandux jivverifika jekk diversi applikanti ressqux applikazzjonijiet għal kapaċità konfliġġenti għat-trasport tal-istess tagħbija, jekk dan jistax japplika, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, regola ta’ prijorità prevista fid-dritt nazzjonali meta l-infrastruttura ma tiġix iddikjarata kkonġestjonata, u sa fejn dan għandu jikkoordina t-talbiet għal mogħdijiet tal-ferrovija u jikkonsulta lill-applikanti qabel ma jiddikjara l-infrastruttura kkonġestjonata.

50

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran,C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2012/34, moqri flimkien mal-Artikolu 39(1) tagħha, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura disponibbli għandhom jitqassmu mill-amministratur tal-infrastruttura fuq bażi ekwa u b’mod nondiskriminatorju kif ukoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

52

Fir-rigward tal-iskedar, l-Artikolu 45(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jagħmel ħiltu, sa fejn ikun possibbli, sabiex jissodisfa l-applikazzjonijiet kollha għall-kapaċità ta’ infrastruttura u jieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, ir-restrizzjonijiet kollha li għandhom jiffaċċjaw l-applikanti, bħall-impatt ekonomiku fuq l-attivitajiet tagħhom.

53

Skont l-Artikolu 45(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura għandu jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz tal-iskeda ta’ servizz, jagħtihom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul perijodu ta’ mill-inqas xahar u jadotta l-miżuri xierqa sabiex jieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib espress.

54

Meta l-amministratur tal-infrastruttura jkollu quddiemu, fil-kuntest tal-iskedar, applikazzjonijiet konfliġġenti, huwa għandu jipprova, skont l-Artikolu 46(1) tal-istess direttiva, permezz tal-koordinazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet, isib bl-aħjar mod possibbli l-bilanċ bejniethom. Skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 46, huwa jista’, f’limiti raġonevoli, jipproponi kapaċitajiet differenti minn dawk li jkunu ntalbu u għandu jagħmel ħiltu, filwaqt li jikkonsulta l-applikazzjonijiet ikkonċernati, jsolvi l-kunflitti eventwali.

55

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li la mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2012/34, u lanqas minn dawk tal-Artikolu 46 tagħha ma jirriżulta li n-natura tal-merkanzija li applikant għandu l-intenzjoni li jittrasporta tikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest tal-iskedar u tal-proċess ta’ koordinazzjoni. B’mod partikolari, din l-indikazzjoni ma tinsabx fost l-informazzjoni kkomunikata għall-finijiet tal-konsultazzjoni tal-applikanti, elenkata fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva.

56

Dan huwa kkonfermat mill-kuntest li fih jinsabu l-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, li jagħmlu parti mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolata “Allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura”.

57

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li ma sarx riferiment għall-merkanzija ttrasportata fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, li tinsab f’din it-Taqsima 3, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dawk dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura, li jinsabu fit-Taqsima 2 tal-istess kapitolu. B’hekk, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-amministratur tal-infrastruttura jiddistingwi wkoll it-taqsimiet tas-suq skont il-prodott tal-merkanzija jew tal-passiġġieri ttrasportati.

58

Barra minn hekk, l-għan li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, jiġifieri l-użu effettiv u ottimali ta’ dawn il-kapaċitajiet, imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, lanqas ma jimponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ din l-allokazzjoni, it-tip ta’ merkanzija li applikant għandu l-intenzjoni li jittrasporta.

59

Għaldaqstant, l-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex obbligat li jivverifika, għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, jekk diversi applikanti ressqux applikazzjonijiet għal kapaċità konfliġġenti sabiex jittrasportaw l-istess tagħbija.

60

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-amministratur tal-infrastruttura jistax japplika regola ta’ prijorità prevista fid-dritt nazzjonali, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2012/34, li jipprovdi li “[i]l-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49”.

61

L-Artikoli 47 u 49 tad-Direttiva 2012/34 jirrigwardaw rispettivament l-“infrastruttura kkonġestjonata” u l-“infrastruttura speċjalizzata”.

62

B’hekk, l-Artikolu 47(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, meta, wara l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji mitluba u l-konsultazzjoni mal-applikanti, ma jkunx possibbli li tingħata risposta favorevoli għall-applikazzjoni għall-kapaċitajiet tal-infrastruttura, l-amministratur tal-infrastruttura għandu minnufih jiddikjara dik it-taqsima kkonċernata tal-imsemmija infrastruttura bħala “infrastruttura kkonġestjonata”. F’dan il-każ, fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 47, l-amministratur tal-infrastruttura jista’ japplika kriterji ta’ prijorità għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha.

63

Barra minn hekk, l-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2012/34 jipprovdi li, meta jkunu jeżistu rotot alternattivi adegwati, l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jinnomina infrastrutturi speċifiċi li għandhom jintużaw minn tipi partikolari ta’ traffiku u jista’ jagħti prijorità lil dan it-tip ta’ traffiku meta jalloka l-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

64

Issa, għalkemm huwa minnu li l-Artikoli 47 u 49 tad-Direttiva 2012/34 jipprevedu li kriterji ta’ prijorità jistgħu jiġu applikati, fir-rigward rispettivament ta’ infrastruttura kkonġestjonata jew ta’ infrastruttura speċjalizzata, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva ma jistax jinftiehem bħala li jeskludi li l-amministratur tal-infrastruttura japplika, fil-kuntest tal-programmazzjoni u tal-proċess ta’ koordinazzjoni, ċerti kriterji, inklużi kriterji li jimplikaw element ta’ prijorità, sakemm l-applikazzjoni tagħhom tippermetti l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq bażi ekwa u b’mod nondiskriminatorju kif ukoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 39(1) tal-imsemmija direttiva.

65

Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2012/34, moqri flimkien mal-punt 26 tal-Artikolu 3 ta’ din, li minnu jirriżulta li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jistabbilixxi u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-network li tispeċifika, b’mod partikolari, il-kriterji relatati mas-sistemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 46(3)(d) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-konsultazzjoni għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti eventwali għandha tkun ibbażata fuq il-komunikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ informazzjoni kompleta u ddettaljata dwar il-kriterji ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

66

Il-fatt li l-amministratur tal-infrastruttura jaġixxi skont kriterji ddeterminati minn qabel jikkontribwixxi barra minn hekk sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja u huwa essenzjali sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza fl-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, għanijiet li huma enfasizzati, rispettivament, fil-premessi 3 u 34 tad-Direttiva 2012/34.

67

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt dwar sa fejn l-amministratur tal-infrastruttura għandu jikkoordina t-talbiet għal mogħdijiet tal-ferrovija u jikkonsulta lill-applikanti qabel ma jiddikjara l-infrastruttura kkonġestjonata, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm, f’dan il-każ, inbeda proċess ta’ koordinazzjoni sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, wieħed mill-applikanti, li ma kienx ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irrifjuta li jipparteċipa fih.

68

Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma ġewx ikkontestati matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiddefinixxix il-modalitajiet ta’ żvolġiment tal-proċess ta’ koordinazzjoni, peress li dan tal-aħħar ikkonsista biss, f’dan il-każ, fi skambju ta’ korrispondenza.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proċess ta’ koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2012/34 għandu rwol ewlieni fl-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fil-każ ta’ talbiet irrikonċiljabbli. Is-suċċess ta’ dan il-proċess ta’ koordinazzjoni jiddependi neċessarjament fuq il-fatt li kemm l-amministratur tal-infrastruttura kif ukoll l-applikanti jfittxu b’mod attiv soluzzjoni sodisfaċenti.

70

Għalhekk, l-amministratur tal-infrastruttura huwa obbligat, kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li jagħmel sforz, permezz tal-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet, sabiex jiżgura l-aħjar adegwatezza possibbli bejniethom u sabiex isolvi eventwali kunflitti billi jikkonsulta lill-applikanti kkonċernati.

71

Issa, tali rekwiżiti ma jkunux issodisfatti jekk il-proċess ta’ koordinazzjoni jkun limitat essenzjalment għal sempliċi skambju ta’ korrispondenza li ma jinkludix it-tfittxija attiva, mill-amministratur tal-infrastruttura u mill-applikanti, ta’ soluzzjoni sodisfaċenti.

72

F’dan il-kuntest, ir-rifjut ta’ applikant li jipparteċipa fil-proċess ta’ koordinazzjoni jikkostitwixxi ċirkustanza li għandha debitament tittieħed inkunsiderazzjoni, mill-amministratur tal-infrastruttura, fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u fl-allokazzjoni tal-kapaċitajiet li għandha ssir minnu, għad-detriment ta’ dan l-applikant, sa fejn dan ma jfittixx b’mod attiv soluzzjoni sodisfaċenti mal-amministratur tal-infrastruttura u mal-applikanti l-oħra, kif huwa rrilevat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-iskedar u tal-proċess ta’ koordinazzjoni msemmija f’dawn l-artikoli, l-amministratur tal-infrastruttura

ma huwiex obbligat jivverifika jekk diversi applikanti ressqux applikazzjonijiet għal kapaċitajiet konfliġġenti għat-trasport tal-istess tagħbija;

jista’ japplika ċerti kriterji, inklużi kriterji li jinvolvu element ta’ prijoritizzazzjoni, sakemm l-applikazzjoni tagħhom tippermetti l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura fuq bażi ekwa u b’mod nondiskriminatorju kif ukoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni;

għandu jagħmel ħiltu sabiex ifittex b’mod attiv, flimkien mal-applikanti, soluzzjoni sodisfaċenti f’każ ta’ kunflitti.

Fuq l-ewwel domanda

74

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, f’każ ta’ konġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, li tittieħed inkunsiderazzjoni, matul l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-intensità tal-użu tal-infrastruttura.

75

Kif huwa mfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, b’konformità mal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva2012/34, meta, wara l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji mitluba u l-konsultazzjoni mal-applikanti, ma jkunx possibbli li tingħata risposta favorevoli għall-applikazzjonijiet kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura b’mod adegwat, l-amministratur tal-infrastruttura għandu minnufih jiddikjara t-taqsima kkonċernata tal-infrastruttura bħala “infrastruttura kkonġestjonata”.

76

Abbażi tal-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2012/34, fejn it-tariffi previsti fl-Artikolu 31(4) ta’ din id-direttiva ma jkunux inġabru jew ma jkunux laħqu riżultati sodisfaċenti u l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, l-amministratur tal-infrastruttura jista’ wkoll juża kriterji ta’ prijorità sabiex jalloka l-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

77

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tal-imsemmija direttiva, dawn il-kriterji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li konsegwentement ikun ser jiġi eskluż. It-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 47(4) jippreċiża li, sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta’ servizzi tat-trasport adegwati f’dan il-qafas, b’mod partikolari biex jirrispondu għar-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku jew biex jiġi promoss l-iżvilupp nazzjonali u internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kull miżura meħtieġa, b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, biex jiżguraw li dawn is-servizzi jingħataw prijorità meta tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura.

78

Fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 95), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kriterju tal-użu effettiv tan-network bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa diskriminatorju sa fejn iwassal, meta jkun hemm sovrappożizzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta n-network ikun ikkonġestjonat għaż-żamma ta’ vantaġġi għall-utenti abitwali u għall-waqfien tal-aċċess għall-mogħdijiet tal-ferrovija l-iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda.

79

Huwa minnu, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li l-kriterju ta’ prijorità eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kien jirrigwarda l-użu effettiv tal-infrastruttura ferrovjarja fil-passat, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi kriterji dwar l-użu ppjanat tan-network. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li tali kriterju prospettiv huwa differenti minn kriterju relatat mal-passat sa fejn l-operaturi l-ġodda jistgħu huma wkoll jippjanaw volum ta’ użu.

80

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 70, 71 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, kriterju ta’ prijorità bbażat fuq il-previżjonijiet relatati mal-użu futur tan-network jista’ wkoll ikollu effett diskriminatorju fir-rigward tal-operaturi l-ġodda, b’mod partikolari meta dawn il-previżjonijiet ikunu bbażati fuq data bbażata fuq l-użu reċenti, peress li l-operaturi l-ġodda ma jistgħux jipprovdu tali data.

81

Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2012/34 u invokat mill-Gvern Litwan, għandu jiġi rrilevat li, sabiex dan jintlaħaq, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li ssir diskriminazzjoni bejn l-operaturi tan-network u lanqas li jiġi bblokkat l-aċċess ta’ operaturi ġodda għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 97).

82

Fil-fatt, id-Direttiva 2012/34 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jħeġġu l-użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura filwaqt li jiggarantixxu aċċess xieraq u nondiskriminatorju għan-network ferrovjarju. Pereżempju, l-Artikolu 52(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà, għall-amministratur tal-infrastruttura, li jispeċifika l-kundizzjonijiet għal teħid inkunsiderazzjoni tal-livelli ta’ użu preċedenti tal-mogħdijiet tal-ferrovija waqt id-determinazzjoni tal-prijoritajiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Bl-istess mod, l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jimponi tariffa ta’ riżerva għall-kapaċitajiet li tkun saret applikazzjoni għalihom, iżda li ma jintużawx, sabiex jitħeġġeġ użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 98).

83

Minn dan isegwi li kriterju ta’ prijorità bbażat fuq l-użu ppjanat tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa kompatibbli mad-Direttiva 2012/34 biss sa fejn huwa akkumpanjat minn garanziji li jiżguraw li dan il-kriterju ma jiġix applikat għad-detriment tal-operaturi l-ġodda.

84

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34, u lanqas fil-fatt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “infrastruttura kkonġestjonata”, li tinsab fil-punt 20 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, ma jirreferu għall-merkanzija li applikant għandu l-intenzjoni li jittrasporta. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konġestjoni tal-infrastruttura, huwa irrilevanti l-fatt li, f’każ konkret, diversi applikanti talbu kapaċitajiet sabiex jittrasportaw l-istess tagħbija.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47(3) u (4) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fil-każ ta’ konġestjoni ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ prijorità bbażat fuq l-użu ppjanat ta’ dawn il-kapaċitajiet, sakemm dan il-kriterju ma jkunx akkumpanjat minn garanziji li jiżguraw li dan il-kriterju ma jiġix applikat għad-detriment tal-operaturi l-ġodda.

Fuq l-ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

fil-kuntest tal-iskedar u tal-proċess ta’ koordinazzjoni msemmija f’dawn l-artikoli, l-amministratur tal-infrastruttura

ma huwiex obbligat jivverifika jekk diversi applikanti ressqux applikazzjonijiet għal kapaċitajiet konfliġġenti għat-trasport tal-istess tagħbija;

jista’ japplika ċerti kriterji, inklużi kriterji li jinvolvu element ta’ prijoritizzazzjoni, sakemm l-applikazzjoni tagħhom tippermetti l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura fuq bażi ekwa u b’mod nondiskriminatorju kif ukoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni;

għandu jagħmel ħiltu sabiex ifittex b’mod attiv, flimkien mal-applikanti, soluzzjoni sodisfaċenti f’każ ta’ kunflitti.

 

2)

L-Artikolu 47(3) u (4) tad-Direttiva 2012/34:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fil-każ ta’ konġestjoni ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ prijorità bbażat fuq l-użu ppjanat ta’ dawn il-kapaċitajiet, sakemm dan il-kriterju ma jkunx akkumpanjat minn garanziji li jiżguraw li dan il-kriterju ma jiġix applikat għad-detriment tal-operaturi l-ġodda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.