SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ setgħa ta’ qorti nazzjonali sabiex teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa konformi mal-kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat – Proċeduri dixxiplinari”

Fil-Kawża C‑430/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura mibdija minn

RS

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, N. Wahl, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Liţu u L.‑E. Baţagoi, bħala aġenti, assistiti minn M. Manolache,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. J. O. Van Nuffel u I. Rogalski kif ukoll minn K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minn RS intiża sabiex tikkontesta t-tul ta’ proċeduri kriminali mibdija wara lment imressaq mill-konjuġi tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kostituzzjoni Rumena

3

L-Artikolu 148(2) u (4) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena) jipprevedi li:

“(2)   Wara l-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jikkostitwixxu l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-leġiżlazzjonijiet Komunitarji l-oħra vinkolanti għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni.

[…]

(4)   Il-Parlament, il-President tar-Rumanija, il-Gvern u l-awtorità ġudizzjarja għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Att ta’ Adeżjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

4

L-Artikolu 4881 tal-codul de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jipprevedi li kontestazzjoni intiża sabiex jintalab li l-proċeduri kriminali jiġu mħaffa tista’ titressaq tal-inqas sena wara l-bidu tal-proċeduri kriminali għall-kawżi li jkunu fl-istadju ta’ tali proċeduri.

5

Il-qorti tad-drittijiet u tal-libertajiet jew il-qorti kompetenti għandha, skont l-Artikolu 4885 ta’ dan il-kodiċi, tevalwa n-natura raġonevoli tat-tul tal-proċeduri kriminali, billi tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

6

L-Artikolu 4886(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li, meta tqis il-kontestazzjoni fondata, il-qorti tad-drittijiet u tal-libertajiet tiffissa t-terminu li fih il-prosekutur li quddiemu titressaq il-kawża għandu jiddeċiedi dwar il-kawża.

Il-Liġi Nru 303/2004

7

L-Artikolu 99(ș) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), tat-28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826 tat-13 ta’ Settembru 2005) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 303/2004”), jistabbilixxi, b’mod partikolari, li n-nuqqas ta’ osservanza tas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Dixxiplinari) tikkostitwixxi reat dixxiplinari.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

RS kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li fi tmiemhom ġie kkundannat.

9

Fl-1 ta’ April 2020, il-konjuġi ta’ RS ressqet ilment kriminali fejn allegat, b’mod partikolari, reati ta’ repressjoni inġusta u ta’ abbuż minn kariga li twettqu, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, minn prosekutur kif ukoll minn żewġ imħallfin.

10

Peress li dan l-ilment jirrigwarda, b’mod partikolari, maġistrati, l-eżami tiegħu jaqa’ taħt il-kompetenza tas-Secția pentru Investigarea Infracțiunilor din Justiție (it-Taqsima għall-Investigazzjoni ta’ Reati Mwettqa fis-Sistema Ġudizzjarja, iktar ’il quddiem is-“SIIJ”), stabbilita fi ħdan il-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casataqx ie organika i Justinea (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija). Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ April 2020, prosekutur tas-SIIJ beda proċeduri kriminali kontra l-imħallfin imsemmija mill-imsemmi lment għal reati ta’ repressjoni inġusta u ta’ abbuż minn kariga.

11

Fl-10 ta’ Ġunju 2021, RS ressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, prevista fl-Artikoli 4881 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intiża sabiex tikkontesta n-natura eċċessiva tat-tul tal-proċeduri kriminali mibdija wara l-imsemmi lment u sabiex tikseb l-iffissar, minn din il-qorti, ta’ terminu li fih il-prosekutur li quddiemu tressaq l-istess ilment għandu jiddeċiedi.

12

Din il-qorti tqis li, sabiex tiddeċiedi dwar din l-azzjoni, hija għandha teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet is-SIIJ.

13

Issa, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor Din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393).

14

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li minn din is-sentenza jirriżulta fost oħrajn li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandha kompetenza esklużiva sabiex twettaq investigazzjonijiet fuq ir-reati mwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi, mingħajr ma l-ħolqien ta’ tali taqsima jkun iġġustifikat minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jkun akkumpanjat minn garanziji speċifiċi. Dawn il-garanziji għandhom jippermettu, minn naħa, li jiġi eskluż kull riskju li din it-taqsima tintuża bħala strument ta’ kontroll politiku tal-attività ta’ dawn l-imħallfin u prosekuturi li jista’ jippreġudika l-indipendenza tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li din il-kompetenza tkun tista’ tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

15

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li fil-punt 7 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ livell kostituzzjonali ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali tiegħu, li tipprovdi li qorti ta’ livell inferjuri ma għandhiex setgħa ma tapplikax, ex officio, dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825), li hija tqis, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur kontra din id-deċiżjoni jew kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

16

Il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod usa’, għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li kull qorti nazzjonali għandha l-obbligu li ma tapplikax, fil-kawża li jkollha quddiemha, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett, kif ukoll għan-natura vinkolanti tas-sentenzi preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 148(2) u (4) tal-Kostituzzjoni Rumena jipprevedi s-supremazija tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

18

Madankollu, din il-qorti tirrileva li, permezz tas-sentenza Nru 390/2021, tat-8 ta’ Ġunju 2021, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ċaħdet bħala infondata eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità mqajma fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li tirregola s-SIIJ.

19

F’din is-sentenza, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) b’mod partikolari ppreċiżat, qabelxejn li, sa fejn is-supremazija rrikonoxxuta lid-dritt tal-Unjoni hija limitata, fl-ordinament ġuridiku Rumen, mir-rekwiżit tal-osservanza tal-identità kostituzzjonali nazzjonali, hija għandha l-obbligu tiżgura s-supremazija tal-Kostituzzjoni Rumena fit-territorju Rumen. Konsegwentement, hija tqis li, għalkemm qorti ordinarja għandha s-setgħa teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tali qorti ma għandhiex is-setgħa teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tkun ġiet iddikjarata konformi mal-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni Rumena mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali).

20

Barra minn hekk, skont il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, il-punt 7 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor Din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), huwa infondat fid-dawl tal-Kostituzzjoni Rumena. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 148 ta’ din tal-aħħar jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jmorru kontrih, ir-rapporti stabbiliti b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, minħabba l-kontenut u l-effetti tagħhom, ma jikkostitwixxux regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali għandha tapplika bħala prijorità, filwaqt li twarrab ir-regola nazzjonali li tmur kontrih.

21

Fl-aħħar nett, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ippreċiżat f’din l-istess sentenza Nru 390/2021, tat-8 ta’ Ġunju 2021 li, jekk qrati ma japplikawx, ex officio, dispożizzjonijiet nazzjonali li huma jqisu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni filwaqt li oħrajn japplikaw l-istess dispożizzjonijiet billi jqisuhom li huma konformi ma’ dan id-dritt, iċ-ċertezza legali tiġi ferm ippreġudikata, li jwassal għall-ksur tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt.

22

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tiddetermina jekk hijiex obbligata tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), kif jipprevedi d-dritt Rumen, jew ma’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex is-setgħa teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni li stabbilixxiet is-SIIJ.

23

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ li hija tiddeċiedi li tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-imħallfin ikkonċernati jkunu esposti għal proċedura dixxiplinari u għal sospensjoni eventwali tal-funzjonijiet tagħhom, peress li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jikkostitwixxi, skont id-dritt Rumen, reat dixxiplinari. Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu deċiżi sanzjonijiet dixxiplinari kontra mħallef li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ikun eżamina l-konformità ma’ dan id-dritt ta’ dispożizzjoni nazzjonali bi ksur ta’ deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

24

Barra minn hekk, mill-informazzjoni li dehret fl-istampa u d-data disponibbli quddiem il-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești, ir-Rumanija) jirriżulta li diġà nbdew proċeduri dixxiplinari kontra mħallef li qies, fil-kuntest ta’ proċedura paragunabbli għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-leġiżlazzjoni Rumena li stabbilixxiet is-SIIJ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-kompatibbiltà ta’ tali proċedura dixxiplinari mad-dritt tal-Unjoni hija dubjuża.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 148(2) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), kif interpretata mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali […] ir-Rumanija) fis-sentenza Nru 390/2021, [tat-8 ta’ Ġunju 2021,] li tipprovdi li l-qrati nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li janalizzaw il-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali, meqjusa kostituzzjonali permezz ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

2)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 99(ș) tal-[Liġi Nru 303/2004], li tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallef għal nuqqas ta’ osservanza ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), meta l-imħallef huwa mitlub jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), dispożizzjoni nazzjonali din li ċċaħħad lill-imħallef mill-possibbiltà li japplika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] li huwa jqis li għandha prijorità?

3)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi prattiki ġudizzjarji nazzjonali li jipprojbixxu lill-imħallef, taħt piena ta’ responsabbiltà dixxiplinari, milli japplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] fi proċeduri kriminali bħall-kontestazzjoni tat-tul raġonevoli tal-proċeduri kriminali, [imsemmi] mill-Artikolu 488 tal-[Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali]?”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari jew, sussidjarjament, għall-proċedura mħaffa, previsti fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27

Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju sostniet li l-kawża li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda preġudizzju serju għall-indipendenza tal-qrati Rumeni u li l-inċertezzi marbuta mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollhom effett fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kkostitwita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE.

28

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-30 ta’ Lulju 2021, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

29

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

30

Fit-12 ta’ Awwissu 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ t-talba li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa.

31

Fil-fatt, meta kawża tqajjem inċertezzi serji li jolqtu kwistjonijiet fundamentali tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun neċessarju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ tali kawża, li tiġi ttrattata f’qasir żmien konformement mal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2018, Wightman et, C‑621/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:851, punt 10 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, fid-dawl tal-importanza fundamentali għar-Rumanija u għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tal-kwistjonijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn il-qrati ordinarji u l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, kif ukoll il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni li tqajjem din il-kawża, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tingħata fi żmien qasir hija ta’ natura li telimina l-inċertezzi serji li taffaċċja l-qorti tar-rinviju, u dan jiġġustifika t-trattament ta’ din il-kawża fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li timplika li l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru ma għandhomx is-setgħa jeżaminaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru tkun qieset konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li timponi l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

34

Preliminarjament, sa fejn l-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, jippreżumi li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 55), kif ukoll tal-20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 41) jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 204).

35

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju la jirriżulta li RS jinvoka dritt li huwa għandu abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas li huwa s-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex, bħala tali, applikabbli għall-kawża prinċipali.

37

Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tal-20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-qrati ordinarji u l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, li jikkostitwixxu s-suġġett tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, inkluż it-twaqqif, il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ qorti kostituzzjonali, taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, dawn xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 216).

39

Għal dak li jirrigwarda l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 19 TUE, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni, li tikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE, tagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 217).

40

Konformement ma’ ġurisprudenza ferm stabbilita, sabiex din il-protezzjoni tiġi ggarantita, kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma mitluba, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom, b’mod partikolari, dik tal-indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 220221 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-ġudikatura, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ta’ ġerarkija jew ta’ subordinazzjoni ma kwalunkwe persuna u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u li għalhekk tkun protetta kontra interventi jew pressjoni esterni li jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett tal-aħħar jeżiġi li l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 7273, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 224).

42

Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi ggarantita fir-rigward tal-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 124, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 228).

43

Issa, bħalma tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, la l-Artikolu 2, la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, ma jimponu fuq l-Istati Membri mudell kostituzzjonali preċiż li jirregola r-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn is-setgħat statali differenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom. Madankollu, fl-għażla tal-mudell kostituzzjonali rispettiv tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-rekwiżit tal-indipendenza tal-qrati li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 229 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali jorbtu lill-qrati ordinarji, sakemm id-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-indipendenza tal-imsemmija qorti kostituzzjonali fir-rigward b’mod partikolari tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, kif meħtieġ minn dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jekk id-dritt nazzjonali ma jiggarantixxix din l-indipendenza, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu tali leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, peress li tali qorti kostituzzjonali ma tkunx f’pożizzjoni li tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 230).

45

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, bla ħsara għall-kundizzjoni espressa fil-punt preċedenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tipprevedi li l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru, skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali, huma marbuta b’deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi mal-Kostituzzjoni tal-imsemmi Stat Membru.

46

Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ meta l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni jew ta’ tali prattika timplika li tiġi eskluża kull kompetenza ta’ dawn il-qrati ordinarji sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru tkun iddeċidiet li hija konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprevedi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

47

Fil-fatt, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar it-Trattat KEE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattati Komunitarji, b’differenza mit-trattati internazzjonali ordinarji, stabbilixxew ordinament ġuridiku speċifiku ġdid, integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri mad-dħul fis-seħħ tat-Trattati u li huwa vinkolanti għall-qrati tagħhom. L-Istati Membri llimitaw, għall-benefiċċju ta’ dan l-ordinament ġuridiku l-ġdid li għandu l-istituzzjonijiet tiegħu stess u li s-suġġett tiegħu ma humiex biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom, fl-oqsma ddefinit mit-Trattati, id-drittijiet sovrani tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 23; tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1158 u 1159, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 245).

48

Għaldaqstant, fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 1158 sa 1160), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istabbiliment mit-Trattat KEE ta’ ordinament ġuridiku speċifiku, aċċettat mill-Istati Membri fuq bażi ta’ reċiproċità, għandu bħala korollarju li ma jistgħux jinvokaw kontra dan l-ordinament ġuridiku miżura unilaterali sussegwenti, u lanqas jopponu għad-dritt imnissel mit-Trattat KEE b’regoli tad-dritt nazzjonali jkunu li jkunu, mingħajr ma jtellfu lil dan id-dritt in-natura Komunitarja tiegħu u mingħajr ma jpoġġu fid-dubju l-bażi legali tal-Komunità nnifisha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-forza eżekuttiva tad-dritt Komunitarju ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor favur leġiżlazzjonijiet interni sussegwenti, mingħajr ma tiġi pperikolata l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat KEE, u mingħajr ma tiġi pprovokata diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità pprojbita minn dan it-Trattat (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 246).

49

Dawn il-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-importanza tal-osservanza dovuta lilu ġew, barra minn hekk, ikkonfermati bir-ratifika, mingħajr riżerva, tat-Trattati li jemendaw it-Trattat KEE u, b’mod partikolari, tat-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, waqt l-adozzjoni ta’ dan it-Trattat, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri xtaqet tfakkar espressament, fid-Dikjarazzjoni Nru 17 tagħha dwar is-supremazija, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2012, C 326, p. 346), li, “skond każistika stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, it-Trattati u l-liġijiet adottati mill-Unjoni abbażi tat-Trattati għandhom il-primat fuq il-liġi ta’ l-Istati Membri, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti [b’din il-]każistika” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 248).

50

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, b’mod konsistenti, il-ġurisprudenza preċedenti dwar il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, prinċipju li jimponi fuq l-istanzi kollha tal-Istati Membri li jagħtu effett sħiħ lid-diversi regoli tal-Unjoni, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 250 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza ferm stabbilita, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, ma d-dispożizzjonijiet interni, inklużi ta’ natura kostituzzjonali, jkunu jistgħu jostakolaw dan (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 3, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 251).

52

Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldavja, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 45), hija għandha l-obbligu, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan id-dritt, b’tali mod li din il-portata ma tistax tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u lanqas mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni adottata minn qorti nazzjonali, li ma tikkorrispondix għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 254).

53

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu, jekk ma tkunx tista’ tipproċedi għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li jkollha quddiemha billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma titlob jew tistenna l-eliminazzjoni minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 24; tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 6162, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 252).

54

Kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-osservanza ta’ dan l-obbligu li tiġi applikata b’mod sħiħ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett għandha titqies li hija indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, kif rikjest mill-Artikolu 19(1) TUE.

55

L-osservanza tal-imsemmi obbligu hija wkoll neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, li teskludi l-possibbiltà li tiġi invokata, kontra l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, miżura unilaterali, tkun liema tkun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 249), u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, li jimponi kull dispożizzjoni li possibbilment tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm jekk tkun preċedenti jew inkella sussegwenti għar-regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, ma tiġix applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 55, u tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 31).

56

Fil-każ ineżami, sabiex tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet is-SIIJ mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u mal-għanijiet ta’ referenza speċifiċi fil-qasam tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 u li għandha, konsegwentement, tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 183184).

58

Min-naħa l-oħra, kemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-għanijiet imsemmija fil-punt 56 tas-sentenza preżenti huma fformulati bi kliem ċar u preċiż u ma huma suġġetti għall-ebda kundizzjoni, u għalhekk għandhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 249250, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 253).

59

Minn dan isegwi li, jekk ma jkollomx is-setgħa jipproċedu għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tkun konformi mal-imsemmija dispożizzjoni jew mal-imsemmija għanijiet, il-qrati ordinarji Rumeni għandhom, ex officio, ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

60

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li, skont il-kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, dawn il-qrati ordinarji għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi Rumeni ma’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkollhom iressqu talba quddiem il-qorti kostituzzjonali nazzjonali għal dan il-għan.

61

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-qrati ordinarji huma mċaħħda minn din il-ġurisdizzjoni fejn il-qorti kostituzzjonali nazzjonali ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni huma konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprevedi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, inkwantu dawn il-qrati huma obbligati jikkonformaw ruħhom ma’ din is-sentenza ta’ din il-qorti kostituzzjonali.

62

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-setgħa li jsir, fil-mument stess tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dak kollu li jkun neċessarju sabiex ma tiġix applikata leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li possibbilment toħloq ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli ta’ dan id-dritt li għandhom effett dirett, tagħmel parti integrali mir-rwol tal-qorti tal-Unjoni li huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali inkarigata sabiex, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tapplika dawn ir-regoli, b’tali mod li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-ġudikatura li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 257).

63

Għalhekk, tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li jkollha l-effett li tnaqqas l-effettività tiegħu billi tiċħad lill-qorti li għandha kompetenza sabiex tapplika dan id-dritt, mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li jkun meħtieġ biex ma tiġix applikata dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li tista’ possibbilment tikkostitwixxi ostaklu għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni li jkollhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 22, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 258). Dan ikun il-każ li kieku, fl-ipoteżi ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali, is-soluzzjoni ta’ dan il-kunflitt tkun irriżervata għal awtorità differenti mill-qorti mitluba tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha setgħa diskrezzjonali speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 23, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 44).

64

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilit minn din id-dispożizzjoni huwa intiż sabiex jiżgura li f’kull ċirkustanza d-dritt tal-Unjoni jkollu l-istess effett fl-Istati Membri kollha u b’hekk jipprevjeni diverġenzi fl-interpretazzjoni tiegħu li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw u huwa intiż sabiex jiżgura din l-applikazzjoni. Għal dan il-għan, l-imsemmi artikolu joffri lill qorti nazzjonali mezz sabiex jiġu eliminati d-diffikultajiet li jista’ jqajjem ir-rekwiżit li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom setgħa mill-iktar wiesgħa, jew saħansitra l-obbligu, li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tkun tqajjem kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal‑validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Irtirar ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Konsegwentement, l-effettività tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, għaldaqstant, tad-dritt tal-Unjoni tkun kompromessa jekk l-eżitu ta’ eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità quddiem il-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru jista’ jkollu l-effett li jiddiswadi lill-qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha kawża rregolata minn dan id-dritt, milli teżerċita l-fakultà jew, jekk ikun il-każ, li tissodisfa l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-imsemmi dritt, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk regola nazzjonali hijiex kompatibbli miegħu jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 45; tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 73).

66

Issa, fl-ipoteżi fejn il-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tkun iddeċidiet li dispożizzjonijiet leġiżlattivi huma konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprevedi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, regola jew prattika nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 61 tas-sentenza preżenti tostakola l-effettività sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, sa fejn din tipprekludi lill-qorti ordinarja mitluba tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni milli tevalwa hija stess il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma’ dan id-dritt.

67

L-applikazzjoni ta’ tali regola jew ta’ tali prattika nazzjonali tippreġudika wkoll l-effettività tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi tiddiswadi lill-qorti ordinarja mitluba sabiex tiddeċiedi l-kawża milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

68

Il-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punti preċedenti japplikaw iktar u iktar f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li fiha sentenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tirrifjuta li tagħti segwitu għal sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq l-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u fuq il-kunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha.

69

F’dan ir-rigward, hemm ċertament lok li jiġi rrelevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ skont l-Artikolu 4(2) TUE, tintalab tivverifika li obbligu ta’ dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 58, u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 46).

70

Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni la għandha l-għan u lanqas l-effett li tawtorizza qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, bi ksur tal-obbligi bbażati b’mod partikolari fuq l-Artikolu 4(2) u (3), kif ukoll fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huma imposti fuqha, ma tapplikax regola tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li din ir-regola tippreġudika l-identità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat kif iddefinita mill-qorti kostituzzjonali nazzjonali.

71

Jekk qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tqis li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tikser l-obbligu li tiġi osservata l-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, din il-qorti kostituzzjonali għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tevalwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 20, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 96).

72

Barra minn hekk, peress li, kif tfakkar fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru ma tistax, abbażi tal-interpretazzjoni tagħha stess ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tal-Artikolu 267 TFUE, tiddeċiedi b’mod validu li l-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza li tmur lil hinn mill-isfera tal-ġurisdizzjoni tagħha u, għaldaqstant, tirrifjuta li tagħti segwitu għal sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li tikkostitwixxi l-bażi fundamentali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita permezz tat-Trattati, tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, b’mod speċifiku bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, bl-għan li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176, kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 27).

74

Sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tal-kawża li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 26, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 19).

75

Il-qorti nazzjonali li tkun eżerċitat il-fakultà mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 3031).

76

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din is-soluzzjoni tapplika wkoll meta qorti ordinarja tkun marbuta, skont regola ta’ proċedura nazzjonali, minn deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 71).

77

Barra minn hekk, peress li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lir-regola ta’ dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża, meta dan ikun meħtieġ, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16, u tat-18 ta’ Novembru 2021, État belge (Taħriġ ta’ piloti), C‑413/20, EU:C:2021:938, punt 53), għandu jitqies li, sabiex tiżgura l-effettività tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’tilwima li jkollha quddiemha, il-qorti ordinarja hija obbligata twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali li tirrifjuta li tagħti segwitu lil sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk din is-sentenza ma tirriżultax minn talba għal deċiżjoni preliminari mressqa, b’rabta ma’ dik it-tilwima, minn din il-qorti ordinarja.

78

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) TUE, u mal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li timplika li l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru ma għandhomx is-setgħa jeżaminaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru tkun iddeċidiet li hija konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li timponi l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

79

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali minħabba li dan ikun applika d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi ma jimxix ma’ ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

80

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex, bħala tali, applikabbli għall-kawża prinċipali, kif ġie rrilevat fil-punt 36 tas-sentenza preżenti.

81

Kif tfakkar fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi li jinżammu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istanzi li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

82

Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jippreżumu l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-istanza inkwistjoni fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi konfliġġenti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 225 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, ir-responsabbiltà dixxiplinari li għaliha l-imħallfin tal-qrati ordinarji jistgħu jkunu suġġetti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, fil-każ ta’ ksur tad-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali, huwa minnu li s-salvagwardja tal-indipendenza tal-qrati ma tistax, b’mod partikolari, ikollha l-konsegwenza li teskludi totalment li r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef tista’, f’ċerti każijiet għal kollox eċċezzjonali, tinħoloq bħala riżultat ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati minnu. Fil-fatt, tali rekwiżit ta’ indipendenza huwa ċarament mhux intiż sabiex japprova kwalunkwe aġir gravi u totalment ineskużabbli min-naħa tal-imħallfin, li jista’ jikkonsisti, pereżempju, f’li deliberatament u b’mala fide, jew minħabba negliġenza partikolarment serja u gravi, jinjoraw ir-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni li huma suppost jiżguraw l-osservanza tagħhom, jew ikunu arbitrarji jew inġusti, minkejja li jkunu mitluba, bħala depożitarji tal-funzjoni li jingħata ġudizzju, li jiddeċiedu dwar it-tilwim sottomess lilhom minn partijiet fil-kawża (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 137, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 238).

84

Madankollu, jidher essenzjali, għall-finijiet li tinżamm l-indipendenza tal-qrati u jiġi evitat li s-sistema dixxiplinari tkun tista’ tiġi ddevjata mill-għanijiet leġittimi tagħha u użata għal finijiet ta’ kontroll politiku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew ta’ pressjoni fuq l-imħallfin, li l-fatt li deċiżjoni ġudizzjarja jkun fiha żball possibbli fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni, jew fl-evalwazzjoni tal-fatti u fl-evalwazzjoni tal-provi, ma jistax, waħdu, iwassal għar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef kkonċernat (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 138, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 239).

85

Barra minn hekk, jikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin nazzjonali l-fatt li dawn ma jkunux esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari talli eżerċitaw il-fakultà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 227, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

Konsegwentement, huwa importanti li l-istabbiliment tar-responsabbiltà dixxiplinari ta’ imħallef bħala riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tkun limitata għal każijiet pjuttost eċċezzjonali, bħal dawk imsemmija fil-punt 83 tas-sentenza preżenti, u limitata, f’dan ir-rigward, bi kriterji oġġettivi u verifikabbli, ibbażati fuq rekwiżiti tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kif ukoll fuq garanziji intiżi sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u għalhekk jippermetti li jiġi eskluż, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, kwalunkwe dubju leġittimu dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi konfliġġenti (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 139, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 240).

87

Minn dan isegwi li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-19(1) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali għal kwalunkwe ksur tad-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 242).

88

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, il-ksur tal-indipendenza tal-qrati nazzjonali li timplika tali leġiżlazzjoni jew tali prattika nazzjonali jkun ukoll inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, irrikonoxxuti mill-Artikolu 4(2) u (3) TUE flimkien mal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni meta l-istabbiliment tar-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali tkun immotivata mill-fatt li dan tal-aħħar ma jkunx applika deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li permezz tagħha din tkun irrifjutat li tagħti segwitu għal sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

89

Din l-interpretazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li l-istabbiliment tar-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali huwa tali li jsaħħaħ il-fatt li r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx osservati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jimplika li l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru ma għandhomx is-setgħa jeżaminaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, billi rrifjutat li tagħti segwitu għal sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, meqjusa li hija konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprevedi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 259).

90

Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Rumen indika, waqt is-seduta, li ebda sanzjoni ma kienet ġiet iddikjarata b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li t-tieni u t-tielet domanda huma relatati magħha, hemm lok li jitfakkar li s-sempliċi prospett li tinfetaħ investigazzjoni dixxiplinari, fiha nnifisha, tista’ teżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jagħtu deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 199).

91

Issa, l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jurux li r-responsabbiltà tal-qrati ordinarji nazzjonali dovuta għan-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), prevista fl-Artikolu 99(ș) tal-Liġi Nru 303/2004, hija suġġetta għal kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi ggarantit li din tkun limitata għall-każijiet għal kollox eċċezzjonali msemmija fil-punt 83 tas-sentenza preżenti, kif jeżiġi, kif tfakkar fil-punti 84 u 86 tas-sentenza preżenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

92

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 241 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà setgħet tikkonstata li mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza, ma kienx jirriżulta li din ir-responsabbiltà kienet limitata għal tali każijiet.

93

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li t-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) TUE, u mal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali minħabba li dan ikun applika d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi ma jimxix mal-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) TUE, u mal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li timplika li l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru ma għandhomx is-setgħa jeżaminaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru tkun iddeċidiet li hija konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li timponi l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) TUE, u mal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali minħabba li dan ikun applika d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi ma jimxix mal-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.