SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5 – Prinċipji dwar l-ipproċessar – Artikolu 24 – Responsabbiltà tal-kontrollur – Artikolu 32 – Miżuri implimentati biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ipproċessar – Evalwazzjoni tan-natura xierqa ta’ tali miżuri – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Produzzjoni tal-provi – Artikolu 82 – Dritt għal kumpens u responsabbiltà – Eżenzjoni eventwali mir-responsabbiltà tal-kontrollur fil-każ ta’ ksur imwettaq minn terzi – Talba għal kumpens għal dannu morali bbażata fuq il-biża’ ta’ użu abbużiv potenzjali ta’ data personali”
Fil-Kawża C‑340/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura
VB
vs
Natsionalna agentsia za prihodite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għan-Natsionalna agentsia za prihodite, minn R. Spetsov, |
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce, J. Quaney u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Pimenta, J. Ramos u C. Vieira Guerra, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg u N. Nikolova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2), tal-Artikoli 24 u 32 kif ukoll tal-Artikolu 82(1) sa (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VB, persuna fiżika, u n-Natsionalna agentsia za prihodite (l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem in-“NAP”) dwar il-kumpens għad-dannu morali li l-imsemmija persuna ssostni li ġarrbet minħabba allegat nuqqas ta’ din l-awtorità pubblika li twettaq l-obbligi legali tagħha fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur ta’ data personali. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 4, 10, 11, 74, 76, 83, 85 u 146 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi: “1. Id-data personali għandha:
[…]
2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).” |
6 |
Skont l-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Responsabbiltà tal-kontrollur”: “1. B’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ. 2. Fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta’ politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur. 3. Il-konformità mal-kodiċijiet tal-kondotta kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni approvati kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera l-konformità mal-obbligi tal-kontrollur.” |
7 |
L-Artikolu 32 tal-GDPR, intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprovdi: “1. Filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u in-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, inklużi inter alia kif xieraq:
2. Fl-evalwazzjoni tal-livell xieraq ta’ sigurtà ser jitqiesu b’mod partikolari r-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali. 3. L-osservanza ta’ kodiċi ta’ kondotta approvat kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. […]” |
8 |
L-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
9 |
L-Artikolu 82 tar-regolament imsemmi, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab. 2. Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. […] 3. Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10 |
In-NAP hija awtorità marbuta mal-Ministru għall-Finanzi Bulgaru. Fil-kuntest tal-kompiti tagħha, li jikkonsistu, inter alia, fl-identifikazzjoni, fl-iżgurar u fl-irkupru tal-krediti pubbliċi, hija responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
11 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2019, il-medja żvelat li kien seħħ aċċess mhux awtorizzat għas-sistema informatika tan-NAP u li, wara dan l-attakk ċibernetiku, data personali li tinsab fl-imsemmija sistema kienet ġiet ippubblikata fuq l-internet. |
12 |
Iktar minn sitt miljun persuna fiżika, ta’ nazzjonalità Bulgara jew barranija, kienu kkonċernati minn dawn l-avvenimenti. Xi mijiet minnhom, fosthom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ippreżentaw, kontra n-NAP, azzjonijiet għall-kumpens għad-danni morali li rriżultaw mill-iżvelar tad-data personali tagħhom. |
13 |
Huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) intiż biex in-NAP tħallasha s-somma ta’ BGN 1000 (lev Bulgaru) (madwar EUR 510) bħala danni, abbażi tal-Artikolu 82 tal-GDPR u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru. Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li ġarrbet dannu morali li jirriżulta minn ksur ta’ data personali, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, b’mod iktar partikolari ksur tas-sigurtà li kien ikkawżat minn nuqqas tan-NAP li twettaq l-obbligi tagħha skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(1)(f) kif ukoll l-Artikoli 24 u 32 ta’ dan ir-regolament. Id-dannu morali tagħha jikkonsisti fil-biża’ li d-data personali tagħha li ġiet ippubblikata mingħajr il-kunsens tagħha tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv, fil-futur, jew li hija stess issofri rikatt, aggressjoni, jew ħtif. |
14 |
Bħala difiża, in-NAP, qabel kollox, sostniet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx talbitha informazzjoni dwar id-data preċiża li kienet ġiet żvelata. Sussegwentement, in-NAP ipproduċiet dokumenti intiżi biex jipprovaw li hija kienet ħadet il-miżuri kollha neċessarji, minn qabel, sabiex tipprevjeni l-ksur tad-data personali li tinsab fis-sistema informatika tagħha kif ukoll, downstream, sabiex tillimita l-effetti ta’ dan il-ksur u sabiex tassigura liċ-ċittadini. Barra minn hekk, skont in-NAP, ma kienx hemm rabta kawżali bejn id-dannu morali allegat u l-imsemmi ksur. Fl-aħħar nett, hija sostniet li, peress li hija stess sofriet preġudizzju malizzjuż min-naħa ta’ persuni li ma kinux l-impjegati tagħha, hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-konsegwenzi dannużi ta’ dan il-preġudizzju. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2020, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Din il-qorti qieset, minn naħa, li l-aċċess mhux awtorizzat għad-database tan-NAP kien jirriżulta minn piraterija informatika mwettqa minn terzi u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx ipprovat nuqqas tan-NAP fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà. Barra minn hekk, hija qieset li din ir-rikorrenti ma kinitx ġarrbet dannu morali li jagħti dritt għal kumpens. |
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat fil-kassazzjoni mill-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Insostenn tal-appell tagħha, hija ssostni li l-qorti tal-ewwel istanza wettqet żball ta’ liġi fit-tqassim tal-oneru tal-prova dwar il-miżuri ta’ sigurtà meħuda min-NAP u li din tal-aħħar ma wrietx l-assenza ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tagħha f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega li l-biża’ ta’ użu abbużiv possibbli tad-data personali tagħha fil-futur tikkostitwixxi dannu morali reali, u mhux ipotetiku. Fid-difiża tagħha, in-NAP tikkontesta kull wieħed minn dawn l-argumenti. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tipprevedi, qabel kollox, il-possibbiltà li l-konstatazzjoni tas-seħħ ta’ ksur ta’ data personali tippermetti, waħedha, li jiġi konkluż li l-miżuri implimentati mill-kontrollur ta’ din id-data ma kinux “xierqa”, fis-sens tal-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR. |
18 |
Madankollu, fil-każ li din il-konstatazzjoni ma tkunx suffiċjenti sabiex tintlaħaq tali konklużjoni, hija tistaqsi, minn naħa, dwar il-portata tal-istħarriġ li l-qrati nazzjonali għandhom iwettqu sabiex jevalwaw in-natura xierqa tal-miżuri kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dwar ir-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi li għandhom japplikaw f’dan il-kuntest, kemm fir-rigward tal-oneru tal-prova kif ukoll fir-rigward tal-provi, b’mod partikolari meta dawn il-qrati jiġu aditi b’kawża għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament. |
19 |
Sussegwentement, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tal-Artikolu 82(3) tal-imsemmi regolament, il-fatt li l-ksur ta’ data personali jirriżulta minn att imwettaq minn terzi, f’dan il-każ minn attakk ċibernetiku, jikkostitwixxix fattur li jeżenta sistematikament lill-kontrollur ta’ din id-data mir-responsabbiltà tiegħu għad-dannu kkawżat lill-persuna kkonċernata. |
20 |
Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-biża’ li tħoss persuna li d-data personali tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv fil-futur, f’dan il-każ wara aċċess mhux awtorizzat għaliha u l-iżvelar tagħha minn ċiberkriminali, tistax, waħedha, tikkostitwixxi “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR. Fl-affermattiv, din il-persuna tkun eżentata milli tistabbilixxi li terzi jkunu għamlu, qabel it-talba tagħha għal kumpens, użu illegali minn din id-data, bħal użu ħażin tal-identità tagħha. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk l-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew aċċess mhux awtorizzat għal tali data minn “terzi”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex jitqies li l-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-kontrollur inkwistjoni ma kinux “xierqa”, fis-sens ta’ dawn l-Artikoli 24 u 32. |
23 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, bħall-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR, ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata, l-għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar u l-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11; tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49,C‑673/17, EU:C:2019:801, punti 47 u 48, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 29). |
24 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 24 tal-GDPR jipprevedi obbligu ġenerali, impost fuq il-kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali, li jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiżgura ruħu li l-imsemmi pproċessar jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-regolament u sabiex ikun jista’ juri dan. |
25 |
Għal dan l-għan, dan l-Artikolu 24 jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, ċertu numru ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura xierqa ta’ tali miżuri, jiġifieri n-natura, il-portata, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji, li l-grad ta’ probabbiltà u ta’ gravità tagħhom ivarja, għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Din id-dispożizzjoni żżid li l-imsemmija miżuri għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u aġġornati jekk ikun meħtieġ. |
26 |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 32 tal-GDPR jispeċifika l-obbligi tal-kontrollur u ta’ proċessur eventwali fir-rigward tas-sigurtà ta’ dan l-ipproċessar. Għalhekk, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li dawn tal-aħħar għandhom jimplimentaw il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiggarantixxu livell ta’ sigurtà adattat għar-riskji msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat tal-għarfien, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni kif ukoll in-natura, il-portata, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar ikkonċernat. |
27 |
Bl-istess mod, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, fl-evalwazzjoni tal-livell xieraq ta’ sigurtà, għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, ir-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali. |
28 |
Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 24(3) ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-Artikolu 32(3) tiegħu jindikaw li l-kontrollur jew il-proċessur jista’ juri li huwa osserva r-rekwiżiti tal-paragrafi 1 rispettivi ta’ dawn l-artikoli billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li huwa japplika kodiċi ta’ kondotta approvat jew mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni approvat, kif previst fl-Artikoli 40 u 42 tal-imsemmi regolament. |
29 |
Ir-riferiment, li jinsab fl-Artikolu 32(1) u (2) tal-GDPR, għal “livell ta’ sigurtà adatt għar-riskju” u għal “livell xieraq ta’ sigurtà” juri li dan ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tar-riskji u li bl-ebda mod ma jallega li jelimina r-riskji ta’ ksur tad-data personali. |
30 |
Għalhekk, mill-kliem tal-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jimponu fuq il-kontrollur l-obbligu li jadotta miżuri tekniċi u organizzattivi intiżi biex jiġi evitat, sa fejn ikun possibbli, kull ksur ta’ data personali. In-natura xierqa ta’ tali miżuri għandha tiġi evalwata b’mod konkret, billi jiġi eżaminat jekk dawn il-miżuri ġewx implimentati minn dan il-kontrollur b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji differenti previsti mill-imsemmija artikoli u tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni tad-data speċifikament inerenti għall-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll għar-riskji kkawżati minn dan tal-aħħar. |
31 |
Għaldaqstant, l-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew aċċess mhux awtorizzat għal tali data minn terz huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-miżuri adottati mill-kontrollur ikkonċernat ma kinux xierqa, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma jippermettu lil dan tal-aħħar li jipproduċi l-prova kuntrarja. |
32 |
Tali interpretazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li l-Artikolu 24 tal-GDPR jipprevedi espressament li l-kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri l-konformità ma’ dan ir-regolament tal-miżuri li jkun implimenta, possibbiltà li jiġi mċaħħad minnha jekk tiġi aċċettata preżunzjoni inkonfutabbli. |
33 |
Fit-tieni lok, elementi ta’ natura kuntestwali u teleoloġika jikkorroboraw din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR. |
34 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest li jaqgħu fih dawn iż-żewġ artikoli, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 5(2) tal-GDPR jirriżulta li l-kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri li huwa osserva l-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Dan l-obbligu huwa inkluż u speċifikat fl-Artikolu 24(1) u (3), kif ukoll fl-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-obbligu li jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi sabiex tiġi protetta tali data waqt l-ipproċessar imwettaq minn dan il-kontrollur. Issa, tali obbligu li tintwera n-natura xierqa ta’ dawn il-miżuri ma jagħmilx sens jekk il-kontrollur ikun obbligat jimpedixxi kull preġudizzju għall-imsemmija data. |
35 |
Barra minn hekk, il-premessa 74 tal-GDPR tenfasizza li huwa importanti li l-kontrollur ikun obbligat jimplimenta miżuri xierqa u effettivi u jkun jista’ juri l-konformità tal-attivitajiet ta’ pproċessar ma’ dan ir-regolament, inkluża l-effettività tal-miżuri, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji, marbuta mal-karatteristiċi tal-ipproċessar ikkonċernat u mar-riskju ppreżentat minnu, li huma stabbiliti wkoll fl-Artikoli 24 u 32 tiegħu. |
36 |
Bl-istess mod, skont il-premessa 76 ta’ dan ir-regolament, il-probabbiltà u l-gravità tar-riskju jiddependu mill-ispeċifiċitajiet tat-trattament inkwistjoni u dan ir-riskju għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni oġġettiva. |
37 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 82(2) u (3) tal-GDPR jirriżulta li, għalkemm kontrollur huwa responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-regolament, huwa madankollu eżentat mir-responsabbiltà tiegħu jekk jipprova li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu. |
38 |
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza hija wkoll akkreditata mill-premessa 83 tal-GDPR, li tipprovdi, fl-ewwel sentenza tagħha, li, “[s]abiex iżomm is-sigurtà u jipprevjeni l-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jevalwa r-riskji inerenti fl-ipproċessar u jimplimenta miżuri sabiex itaffi dawk ir-riskji”. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera l-intenzjoni tiegħu li “jnaqqas” ir-riskji ta’ ksur tad-data personali, mingħajr ma allega li huwa possibbli li din tiġi eliminata. |
39 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew aċċess mhux awtorizzat għal tali data minn “terzi”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jitqies li l-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-kontrollur inkwistjoni ma kinux “xierqa”, fis-sens ta’ dawn l-Artikoli 24 u 32. |
Fuq it‑tieni domanda
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li n-natura xierqa tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-kontrollur, skont dan l-artikolu, għandha tiġi evalwata mill-qrati nazzjonali b’mod konkret, b’mod partikolari billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-ipproċessar ikkonċernat. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 32 tal-GDPR jeżiġi li l-kontrollur u l-proċessur, skont il-każijiet, jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1 tiegħu. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, ċertu numru ta’ fatturi li huma rilevanti sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ sigurtà xieraq fid-dawl tar-riskji li jippreżenta l-ipproċessar ikkonċernat. |
42 |
Mill-imsemmi Artikolu 32(1) u (2) jirriżulta li n-natura xierqa ta’ tali miżuri tekniċi u organizzattivi għandha tiġi evalwata f’żewġ stadji. Minn naħa, għandhom jiġu identifikati r-riskji ta’ ksur tad-data personali kkawżati mill-ipproċessar ikkonċernat u l-eventwali konsegwenzi tagħhom għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Din l-evalwazzjoni għandha ssir b’mod konkret, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ probabbiltà tar-riskji identifikati u l-grad ta’ gravità tagħhom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri implimentati mill-kontrollur humiex adattati għal dawn ir-riskji, fid-dawl tal-istat tal-għarfien, tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni kif ukoll tan-natura, tal-portata, tal-kuntest u tal-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar. |
43 |
Ċertament, il-kontrollur tad-data għandu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddetermina l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiggarantixxi livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, kif jeħtieġ l-Artikolu 32(1) tal-GDPR. Xorta jibqa’ l-fatt li qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tevalwa l-evalwazzjoni kumplessa mwettqa mill-kontrollur u, b’dan il-mod, tiżgura ruħha li l-miżuri adottati minn dan tal-aħħar ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu tali livell ta’ sigurtà. |
44 |
Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ta’ natura li tiżgura, minn naħa, l-effettività tal-protezzjoni tad-data personali li l-premessi 11 u 74 ta’ dan ir-regolament jenfasizzaw u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur, kif protett mill-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-premessa 4 tal-istess regolament. |
45 |
Għaldaqstant, sabiex tistħarreġ in-natura xierqa ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati skont l-Artikolu 32 tal-GDPR, qorti nazzjonali ma għandhiex tillimita ruħha li tikkonstata b’liema mod il-kontrollur ikkonċernat kellu l-intenzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt dan l-artikolu, iżda għandha twettaq eżami ta’ dawn il-miżuri fil-mertu, fid-dawl tal-kriterji kollha msemmija fl-imsemmi artikolu kif ukoll taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-każ inkwistjoni u tal-provi li din il-qorti għandha f’dan ir-rigward. |
46 |
Tali eżami jeħtieġ li ssir analiżi konkreta kemm tan-natura kif ukoll tal-kontenut tal-miżuri li ġew implimentati mill-kontrollur, tal-mod kif dawn il-miżuri ġew applikati u tal-effetti prattiċi tagħhom fuq il-livell ta’ sigurtà li dan kellu jiggarantixxi, fid-dawl tar-riskji inerenti għal dan l-ipproċessar. |
47 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 32 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura xierqa tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-kontrollur skont dan l-artikolu għandha tiġi evalwata mill-qrati nazzjonali b’mod konkret, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-ipproċessar ikkonċernat u billi jiġi evalwat jekk in-natura, il-kontenut u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri humiex adattati għal dawn ir-riskji. |
Fuq it‑tielet domanda
Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet domanda
48 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-kontrollur, stabbilit fl-Artikolu 5(2) tal-GDPR u kkonkretizzat fl-Artikolu 24 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, il-kontrollur inkwistjoni għandu l-oneru li jipprova n-natura xierqa tal-miżuri ta’ sigurtà li huwa jkun implimenta skont l-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li l-Artikolu 5(2) tal-GDPR jistabbilixxi prinċipju ta’ responsabbiltà, li abbażi tiegħu l-kontrollur huwa responsabbli għall-osservanza tal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u jipprevedi li l-imsemmi kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri li dawn il-prinċipji huma osservati. |
50 |
B’mod partikolari, il-kontrollur għandu, konformement mal-prinċipju ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità tad-data personali li huwa stabbilit fl-Artikolu 5(1)(f) ta’ dan ir-regolament, jiżgura li tali data tiġi pproċessata b’mod li tiġi ggarantita sigurtà xierqa tagħha, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-għajnuna ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa, u għandha tkun f’pożizzjoni li turi li dan il-prinċipju huwa osservat. |
51 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li kemm l-Artikolu 24(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 74 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 32(1) ta’ dan ir-regolament jimponu fuq il-kontrollur, fir-rigward ta’ kull ipproċessar ta’ data personali mwettaq minnu stess jew f’ismu, li jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiżgura ruħu u jkun f’pożizzjoni li juri li l-ipproċessar isir f’konformità mal-imsemmi regolament. |
52 |
Mill-kliem tal-Artikolu 5(2), tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 32(1) tal-GDPR jirriżulta mingħajr ambigwità li l-oneru tal-prova li d-data personali hija pproċessata b’mod li tiġi ggarantita sigurtà xierqa ta’ din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(f) u tal-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, jaqa’ fuq il-kontrollur ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Kaxxa elettronika ġudizzjarja),C‑60/22, EU:C:2023:373, punti 52 u 53, kif ukoll tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ netwerk soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 95). |
53 |
Dawn it-tliet artikoli jistabbilixxu għalhekk regola, ta’ applikazzjoni ġenerali, li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fil-GDPR, għandha tiġi applikata wkoll fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament. |
54 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni letterali preċedenti hija sostnuta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-GDPR. |
55 |
Minn naħa, peress li l-livell ta’ protezzjoni previst mill-GDPR jiddependi mill-miżuri ta’ sigurtà adottati mill-kontrolluri tal-ipproċessar ta’ data personali, dawn għandhom jiġu mħeġġa, permezz tal-fatt li dawn isostnu l-oneru li juru n-natura xierqa ta’ dawn il-miżuri, li jagħmlu kull sforz sabiex jipprevjenu l-okkorrenza ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar li ma humiex konformi ma’ dan ir-regolament. |
56 |
Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li l-oneru tal-prova dwar in-natura xierqa tal-imsemmija miżuri jaqa’ fuq is-suġġetti tad-data kkonċernati, kif iddefiniti fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, minn dan jirriżulta li d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tiegħu jkun imċaħħad minn parti sinjifikattiva mill-effett utli tiegħu, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried isaħħaħ kemm id-drittijiet ta’ dawn il-persuni kif ukoll l-obbligi tal-kontrolluri, meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet preċedenti għal dan ir-regolament, kif tindika l-premessa 11 tiegħu. |
57 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-kontrollur, stabbilit fl-Artikolu 5(2) tal-GDPR u kkonkretizzat fl-Artikolu 24 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, il-kontrollur inkwistjoni għandu l-oneru li jipprova n-natura xierqa tal-miżuri ta’ sigurtà li jkun implimenta skont l-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament. |
Fuq it‑tieni parti tat‑tielet domanda
58 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32 tal-GDPR u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi evalwata n-natura xierqa tal-miżuri ta’ sigurtà li l-kontrollur ikun implimenta skont dan l-artikolu, perizja ġudizzjarja tikkostitwixxi mezz ta’ prova neċessarja u suffiċjenti. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-aspetti proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi biex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-GDPR ma jistabbilixxix regoli dwar l-ammissjoni u l-valur probatorju ta’ mezz ta’ prova, bħal perizja ġudizzjarja, li għandhom jiġu applikati mill-qrati nazzjonali aditi b’azzjoni għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament u inkarigati li jevalwaw, fid-dawl tal-Artikolu 32 tiegħu, in-natura xierqa tal-miżuri ta’ sigurtà li implimenta l-kontrollur ikkonċernat. Għaldaqstant, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-azzjonijiet intiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minn dan l-Artikolu 82 u, b’mod partikolari, ir-regoli relatati mal-provi li jippermettu li tiġi evalwata n-natura xierqa ta’ tali miżuri f’dan il-kuntest, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-imsemmija prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains,C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 297, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 54). |
61 |
F’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Is-sitwazzjoni tkun differenti fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn il-kliem stess tat-tieni parti tat-tielet domanda jippreżenta l-użu ta’ perizja ġudizzjarja bħala “mezz ta’ prova neċessarju u suffiċjenti”. |
62 |
B’mod partikolari, regola proċedurali nazzjonali li skontha jkun sistematikament “neċessarju” li l-qrati nazzjonali jordnaw perizja ġudizzjarja tista’ tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, l-użu sistematiku ta’ tali perizja jista’ jkun superfluwu fid-dawl tal-provi l-oħra miżmuma mill-qorti adita, b’mod partikolari, kif indika l-Gvern Bulgaru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fid-dawl tar-riżultati ta’ stħarriġ tal-osservanza tal-miżuri ta’ protezzjoni tad-data personali li twettaq minn awtorità indipendenti u stabbilita mil-liġi, sakemm dan l-istħarriġ ikun reċenti, peress li l-imsemmija miżuri għandhom, konformement mal-Artikolu 24(1) tal-GDPR, jiġu eżaminati mill-ġdid u aġġornati jekk ikun meħtieġ. |
63 |
Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-prinċipju ta’ effettività jista’ jinkiser fil-każ li t-terminu “suffiċjenti” għandu jinftiehem bħala li jfisser li qorti nazzjonali għandha tiddeduċi esklużivament jew awtomatikament minn rapport ta’ perizja ġudizzjarja li l-miżuri ta’ sigurtà implimentati mill-kontrollur inkwistjoni huma “xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 32 tal-GDPR. Issa, is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament, li huwa intiż mill-imsemmi prinċipju ta’ effettività, u speċjalment id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur, li huwa ggarantit mill-Artikolu 79(1) tiegħu, jirrikjedu li qorti imparzjali twettaq evalwazzjoni oġġettiva tan-natura xierqa tal-miżuri kkonċernati, minflok ma tillimita ruħha għal tali tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság,C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 50). |
64 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 32 tal-GDPR u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi evalwata n-natura xierqa tal-miżuri ta’ sigurtà li l-kontrollur ikun implimenta skont dan l-artikolu, perizja ġudizzjarja ma tistax tikkostitwixxi mezz ta’ prova sistematikament neċessarja u suffiċjenti. |
Fuq ir‑raba’ domanda
65 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(3) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kontrollur huwa eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa d-dannu mġarrab minn persuna, skont l-Artikolu 82(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dannu jirriżulta minn żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew minn aċċess mhux awtorizzat għal tali data minn “terzi”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. |
66 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li mill-punt 10 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jirriżulta li għandhom il-kwalità ta’ “parti terza”, b’mod partikolari, il-persuni minbarra dawk li, imqiegħda taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, huma awtorizzati li jipproċessaw id-data personali. Din id-definizzjoni tkopri persuni li ma humiex impjegati tal-kontrollur u li ma humiex taħt il-kontroll tiegħu, bħal dawk imsemmija fid-domanda magħmula. |
67 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 82(2) tal-GDPR jipprovdi li “[k]walunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament” u li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li kontrollur, jew proċessur skont il-każ, għandu jiġi eżentat minn tali responsabbiltà “jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu”. |
68 |
Barra minn hekk, il-premessa 146 tal-GDPR, li hija marbuta speċifikament mal-Artikolu 82 tiegħu, tistabbilixxi, fl-ewwel u fit-tieni sentenza tagħha, li “[i]l-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar li jikser dan ir-Regolament ” u “għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu”. |
69 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li l-kontrollur inkwistjoni għandu fil-prinċipju jikkumpensa dannu kkawżat minn ksur ta’ dan ir-regolament marbut ma’ dan l-ipproċessar u, min-naħa l-oħra, li huwa jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu biss jekk jipproduċi l-prova li l-fatt li kkawża dan id-dannu ma huwa bl-ebda mod imputabbli lilu. |
70 |
Għalhekk, kif turi ż-żieda espliċita tal-avverbju “bl-ebda mod” matul il-proċedura leġiżlattiva, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kontrollur jista’ jippretendi li jiġi eżentat mir-responsabbiltà ċivili li huwa jinkorri skont l-Artikolu 82 tal-GDPR għandhom ikunu strettament limitati għal dawk li fihom dan il-kontrollur ikun f’pożizzjoni li juri assenza ta’ imputabbiltà tad-dannu min-naħa tiegħu stess. |
71 |
Meta, bħal f’dan il-każ, ksur ta’ data personali, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, ikun twettaq minn ċiberkriminali, u għalhekk minn “terzi”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, dan il-ksur ma jistax jiġi imputat lill-kontrollur, ħlief jekk dan ikun għamel possibbli l-imsemmi ksur billi kiser obbligu previst mill-GDPR, u b’mod partikolari l-obbligu ta’ protezzjoni tad-data li huwa marbut bih skont l-Artikolu 5(1)(f) u l-Artikoli 24 u 32 tal-istess regolament. |
72 |
Għalhekk, fil-każ ta’ ksur ta’ data personali mwettaq minn terz, il-kontrollur jista’ jeżenta ruħu mir-responsabbiltà tiegħu, abbażi tal-Artikolu 82(3) tal-GDPR, billi jipprova li ma hemm ebda rabta kawżali bejn l-eventwali ksur tiegħu tal-obbligu ta’ protezzjoni tad-data u d-dannu mġarrab mill-persuna fiżika. |
73 |
Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni preċedenti ta’ dan l-Artikolu 82(3) hija wkoll konformi mal-għan tal-GDPR li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, stabbilit fil-premessi 10 u 11 ta’ dan ir-regolament. |
74 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(3) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontrollur ma jistax jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa d-dannu mġarrab minn persuna, skont l-Artikolu 82(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dannu jirriżulta minn żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew minn aċċess mhux awtorizzat għal tali data minn “terzi”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, peress li l-imsemmi kontrollur għandu għalhekk jipprova li l-fatt li kkawża d-dannu kkonċernat bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu. |
Fuq il‑ħames domanda
75 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-biża’ ta’ użu abbużiv potenzjali mid-data personali tagħha minn terzi li persuna kkonċernata tħoss wara ksur ta’ dan ir-regolament tista’, waħedha, tikkostitwixxi “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
76 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-test tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR, għandu jiġi osservat li dan jipprovdi li “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”. |
77 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ “dannu” li jkun “iġġarrab” tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previst fl-imsemmija dispożizzjoni, bħall-eżistenza ta’ ksur ta’ dan ir-regolament u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 32). |
78 |
Barra minn hekk, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura fl-istess ħin litterali, sistematika u teleoloġika, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 82(1) tal-GDPR fis-sens li jipprekludi regola jew prattika nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens għal “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data jkun laħaq ċertu livell ta’ gravità (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 51). |
79 |
Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-każ, li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma jagħmilx distinzjoni bejn każijiet fejn, wara ksur ikkonfermat ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, id-“dannu morali” allegat mill-persuna kkonċernata, minn naħa, ikun marbut ma’ użu abbużiv minn terzi tad-data personali tagħha li jkun diġà seħħ, fid-data tat-talba tagħha għal kumpens, jew inkella, min-naħa l-oħra, ikun marbut mal-biża’ li jinħass minn din il-persuna li tali użu jista’ jseħħ, fil-futur. |
80 |
Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma teskludix li l-kunċett ta’ “dannu morali” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jinkludi sitwazzjoni, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, fejn il-persuna kkonċernata tinvoka, sabiex tikseb kumpens abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-biża’ tagħha li d-data personali tagħha ser tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv futur minn terzi, minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament li seħħ. |
81 |
Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-premessa 146 tal-GDPR, li tirrigwarda speċifikament id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) ta’ dan tal-aħħar u li ssemmi, fit-tielet sentenza tagħha, li “l-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi” ta’ dan ir-regolament. Issa, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 82(1), li ma tinkludix is-sitwazzjonijiet fejn il-persuna kkonċernata minn ksur tal-imsemmi regolament tinvoka l-biża’ li hija għandha li d-data personali tagħha stess tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv fil-futur ma tissodisfax interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, kif mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 37 u 46). |
82 |
Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-premessa 85 tal-GDPR tindika li “vjolazzjoni ta’ data personali tista’, jekk ma tiġix indirizzata b’mod adegwat u fil-ħin, tirriżulta f’dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali lill-persuni fiżiċi bħat-telf ta’ kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq tal-identità jew frodi, telf finanzjarju, […] jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor”. Minn din il-lista illustrattiva tad-“danni” li jistgħu jiġu subiti mill-persuni kkonċernati jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi f’dawn il-kunċetti, b’mod partikolari, is-sempliċi “telf ta’ kontroll” fuq id-data tagħhom stess, wara ksur ta’ dan ir-regolament, anki meta użu abbużiv tad-data inkwistjoni ma jkunx seħħ konkretament għad-detriment tal-imsemmija persuni. |
83 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 80 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-għanijiet tal-GDPR, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “dannu”, kif tindika t-tielet sentenza tal-premessa 146 ta’ dan ir-regolament. Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR li tgħid li l-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludix is-sitwazzjonijiet fejn persuna kkonċernata tinvoka biss il-biża’ tagħha li d-data tagħha tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv minn terzi, fil-futur, ma tkunx konformi mal-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni, li huwa kopert minn dan l-istrument. |
84 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li persuna kkonċernata minn ksur tal-GDPR li kellha konsegwenzi negattivi fil-konfront tagħha hija obbligata turi li dawn il-konsegwenzi jikkostitwixxu dannu morali, fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 50). |
85 |
B’mod partikolari, meta persuna li titlob kumpens fuq din il-bażi tinvoka l-biża’ li fil-futur iseħħ użu abbużiv mid-data personali tagħha minħabba l-eżistenza ta’ tali ksur, il-qorti nazzjonali adita għandha tivverifika li din il-biża’ tista’ titqies li hija fondata, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni u fir-rigward tal-persuna kkonċernata. |
86 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biża’ ta’ użu abbużiv potenzjali tad-data personali tagħha minn terzi li persuna kkonċernata ssib wara ksur ta’ dan ir-regolament tista’, waħedha, tikkostitwixxi “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
87 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.