SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Id-Direttiva (UE) 2018/1972 – Artikolu 3 – Kundizzjonijiet stipulati ma’ awtorizzazzjoni ġenerali – Punt 4 tal-Parti A tal-Anness I – Awtorizzazzjoni tal-interċettazzjoni legali mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti – Artikolu 13 – Għanijiet ġenerali – Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ interċettazzjoni ordnati lill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji – Assenza ta’ mekkaniżmu ta’ rimbors sħiħ – Prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza”
Fil-Kawża C‑339/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2021, fil-proċeduri
Colt Technology Services SpA,
Wind Tre SpA,
Telecom Italia SpA,
Vodafone Italia SpA
vs
Ministero della Giustizia,
Ministero dello Sviluppo economico,
Ministero dell’ Economia e delle Finanze,
Procura Generale della Repubblica presso la Corte d’appello di Reggio Calabria,
Procura della Repubblica presso il Tribunale di Cagliari,
Procura della Repubblica presso il Tribunale di Roma,
Procura della Repubblica presso il Tribunale di Locri,
u
Ministero della Giustizia,
Ministero dello Sviluppo economico,
Procura Generale della Repubblica presso la Corte d’appello di Reggio Calabria,
Procura della Repubblica presso il Tribunale di Cagliari,
Procura della Repubblica presso il Tribunale di Roma,
vs
Wind Tre SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Mejju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Colt Technology Services SpA, minn F. Fioretti, M. Giustiniani u N. Moravia, avukati, |
|
– |
għal Wind Tre SpA, minn B. Caravita di Toritto, S. Fiorucci u R. Santi, avukati |
|
– |
għal Telecom Italia SpA, minn D. Gallo, G. Vercillo u A. Zoppini avukati, |
|
– |
għal Vodafone Italia SpA, minn S. D’Ercole, N. Palombi u F. Pignatiello, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, G. Galluzzo u P. Gentili, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u P. Messina, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 26, 49, 54 u 55 TFUE, tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36), kif ukoll tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ diversi tilwimiet bejn, minn naħa, Colt Technology Services SpA, Wind Tre SpA, Telecom Italia SpA, u Vodafone Italia SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati”) kontra l-Ministero della Giustizia (il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Italja), il-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, l-Italja), il-Procura Generale della Repubblica presso la Corte d’appello di Reggio Calabria (l-Uffiċċju Ġenerali tal-Prosekutur fil-Qorti tal-Appell ta’ Reggio Calabria, l-Italja),u l-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Cagliari (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta’ Cagliari, l-Italja,) u l-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Roma (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta’ Ruma, l-Italja), u l-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Locri (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta’ Locri, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, il-Ministero della Giustizia (il-Ministeru tal-Ġustizzja), u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku), il-Procura Generale della Repubblica presso la Corte d’appello di Reggio Calabria (l-Uffiċċju Ġenerali tal-Prosekutur fil-Qorti tal-Appell ta’ Reggio Calabria), il-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Cagliari (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta’ Cagliari) u l-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Roma (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta’ Ruma) kontra Wind Tre, dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li, permezz ta’ tariffa fissa annwali, tobbliga lill-operaturi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet attivi fit-territorju nazzjonali li jipprovdu, fuq talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji, servizzi ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2018/1972: “Id-Direttivi […] 2002/20/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337)], 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)] […] ġew emendati sostanzjalment. Ladarba għandhom isiru emendi ulterjuri, dawn id-Direttivi jenħtieġ li jerġgħu jiġu formulati fl-interessi taċ-ċarezza.” |
|
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Objettivi ġenerali”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkunu qed jitwettqu l-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra jieħdu miżuri kollha meħtieġa u proporzjonati biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2. […] […] 2. Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra kif ukoll il-[Korp ta’ Regulaturi Ewropej tal-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)], il-Kummissjoni [Ewropea] u l-Istati Membri għandhom jaħdmu għal kull wieħed minn dawn l-objettivi ġenerali li ġejjin, li mhumiex elenkati f’ordni ta’ prijorità: […]
|
|
5 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Awtorizzazzjoni ġenerali ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprevedi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tal-forniment tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.” |
|
6 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2018/1972, intitolat “Kondizzjonijiet stipulati mal-awtorizzazzjoni ġenerali u mad-drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju u għal riżorsi ta’ numerazzjoni, u obbligi speċifiċi” huwa b’hekk ifformulat: “1. “L-awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u d-drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju u d-drittijiet tal-użu għan-numri jistgħu jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet imniżżla fl-Anness I. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom ikunu nondiskriminatorji, proporzjonati u trasparenti.[…] […] 3. L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss il-kondizzjonijiet speċifiċi għal dak is-settur u stabbiliti fit-Taqsimiet A, B u C Anness I u ma għandhiex tidduplika l-kondizzjonijiet li huma applikabbli għall-impriżi bis-saħħa ta’ xi liġi nazzjonali oħra. […]” |
|
7 |
L-Anness I ta’ din id-direttiva jispeċifika, fil-Parti A tiegħu u skont it-titolu ta’ din tal-aħħar, il-“Kondizzjonijiet ġenerali li jistgħu jiġi stipulati ma’ awtorizzazzjoni ġenerali”. Fost dawn hemm, fil-punt 4, il-kundizzjoni segwenti: “Awtorizzazzjoni tal-interċettazzjoni legali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2),] u mad-Direttiva 2002/58/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514)].” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 125 tagħha, id-Direttiva 2018/1972 ħassret u ssostitwixxiet b’mod partikolari d-Direttiva 2002/20, kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/20”), kif ukoll id-Direttiva 2002/21, kif kienet emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id- “Direttiva 2002/21”), b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2020, ir-riferimenti magħmula għad-Direttivi 2002/20 u 2002/21 li jinftiehmu bħala li saru għad-Direttiva 2018/1972 u bħala li kellhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XIII ta’ din l-aħħar direttiva. |
Id‑dritt Taljan
|
9 |
L-Artikolu 28 tad-Decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259, dwar il-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tal‑1 ta’ Awwissu 2003 (GURI Nru 214, tal‑15 ta’ Settembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), intitolat “Kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq l-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u d-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u d-drittijiet ta’ użu għan-numri tista’ tkun suġġetta biss għall-osservazzjoni tal-kondizzjonijiet elenkati rispettivament fit-taqsimiet A, B u Ċ tal-Anness 1.” Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu non-diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti u, fil-każ ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju, skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi. L-awtorizzazzjoni ġenerali hija dejjem suġġetta għall-kundizzjoni Nru 11 tal-Parti A tal-Anness 1.” |
|
10 |
L-imsemmi Anness 1 jinkludi lista eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu marbuta mal-awtorizzazzjonijiet ġenerali (Parti A), mad-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi (Parti B) u mad-drittijiet ta’ użu tan-numri (parti C). Il-punt 11 tal-Parti A tal-istess anness jindika, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li “jiġu żgurati s-servizzi għall-finijiet tal-ġustizzja, imsemmija fl-Artikolu 96 tal-Kodiċi [tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi] mill-bidu tal-attività”. |
|
11 |
L-Artikolu 96 ta’ dan il-kodiċi, bit-titolu “Servizzi Obbligatorji”, jistabbilixxi li: “(1) Servizzi għal skopijiet ġudizzjarji mwettqa abbażi ta’ talbiet għal interċettazzjoni u informazzjoni magħmula mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu obbligatorji għall-operaturi; il-ħinijiet u l-metodi għandhom jiġu miftiehma ma’ dawn l-awtoritajiet sakemm jiġi approvat id-digriet deskritt fil-paragrafu 2. (2) Għall-finijiet tal-adozzjoni tal-imposta annwali fissa għas-servizzi obbligatorji deskritti fil-paragrafu 1, għandu jinħareġ digriet qabel il‑31 ta’ Diċembru 2017 mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku, bi qbil mal-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Finanzi, biex tiġi implimentata r-reviżjoni tal-oġġetti fil-lista stabbilita fid-Digriet tal-Ministru għall-Komunikazzjoni tas‑26 ta’ April 2001, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 104 tas‑7 ta’ Mejju 2001. Id-Digriet:
[…]” |
|
12 |
Konformement ma’ dan l-Artikolu 96(2), is-servizzi obbligatorji pprovduti mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet u t-tariffi korrispondenti ġew speċifikati mid-decreto interministeriale del Ministro della giustizia e del Ministro dello sviluppo economico di concerto con il Ministro dell’economia e delle finanze – Disposizione di riordino delle spese per le prestazioni obbligatorie di cui all’articolo 96 del decreto legislativo No 259 del 2003, (id-Digriet Interministerjali tal-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku bi qbil mal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, dwar Dispożizzjonijiet għar-riorganizzazzjoni tal-ispejjeż għas-servizzi obbligatorji msemmija fl-Artikolu 96 tad-Digriet-Liġi Nru 259/2003); tat‑28 ta’ Diċembru 2017 (Gazzetta ufficiale della Repubblica Italiana Nru 33 tad‑9 ta’ Frar 2018 iktar ’il quddiem id-“Digriet Interministerjali tat‑28 ta’ Diċembru 2017”). |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
13 |
Skont id-dritt Taljan, b’mod partikolari l-Artikolu 96 tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet huma marbuta, fil-każ ta’ talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji, li jwettqu operazzjonijiet ta’ interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet (vokali, informatika, telematiċi u ta’ data), permezz ta’ ħlas fiss annwali. |
|
14 |
Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati kellhom l-obbligu li jipprovdu tali operazzjonijiet ta’ interċettazzjoni. B’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 96(2), l-ammonti li huma kienu jirċievu għal dan il-għan u li kienu ġew stabbiliti inizjalment permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Komunikazzjonijiet tas‑26 ta’ April 2001 ġew emendati bid-digriet interministerjali tat‑28 ta’ Diċembru 2017. |
|
15 |
Skont din id-dispożizzjoni, din l-emenda kienet tikkonsisti b’mod partikolari fi tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % tar-rimborsi tal-ispejjeż marbuta mal-imsemmija operazzjonijiet ta’ interċettazzjoni. |
|
16 |
L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ikkonċernati talbu, permezz ta’ rikorsi distinti ppreżentati quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), l-annullament tad-Digriet Interministerjali tat‑28 ta’ Diċembru 2017, fejn allegaw li l-ħlasijiet li l-awtoritajiet Taljani għandhom jallokawlhom skont dan id-digriet ma jkoprux kompletament l-ispejjeż sostnuti sabiex jipprovdu s-servizzi obbligatorji relatati mal-interċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ordnata mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti. |
|
17 |
Permezz tas-sentenzi Nri 4594/2019, 4596/2019, 4600/2019 u 4604/2019, tad‑9 ta’ April 2019, din il-qorti ċaħdet dawn ir-rikorsi minħabba li ma kienx ġie stabbilit li t-tariffi ffissati minn dan id-digriet ma kinux biżżejjed sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż sostnuti mill-operaturi fil-kuntest tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet ta’ interċettazzjoni. |
|
18 |
L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ikkonċernati kif ukoll, fir-rigward tas-sentenza Nru 4604/2019 li kienet laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Wind Tre għal raġuni oħra, il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, il-Prosekutur Ġenerali fi ħdan il-Qorti tal-Appell ta’ Reggio Calabria, il-Prosekutur fi ħdan il-qorti ta’ Cagliari u l-Prosekutur fi ħdan il-qorti ta’ Ruma appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2020, din il-qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 26 kif ukoll 102 et seq TFUE. Peress li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ġiet miċħuda, permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, Colt Technology Services et (C‑318/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:969), bħala manifestament inammissibbli. |
|
20 |
Wara li kompliet il-proċedura fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li għadha obbligata, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-aħħar istanza, li terġa’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb interpretazzjoni eżatta tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tat-tilwim imressqa quddiemha. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, hija tindika li għandha dubji dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/1972 u ċerti regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni. |
|
22 |
Hija tippreċiża li l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati jsostnu quddiemha li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata, l-ewwel, twassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq id-daqs tal-impriża, peress li l-impriżi ż-żgħar huma proporzjonalment inqas ippenalizzati mill-operaturi l-kbar, it-tieni, toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, peress li l-impriżi mhux stabbiliti fl-Italja huma ffavoriti meta mqabbla mal-operaturi stabbiliti fl-Italja, it-tielet, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni, peress li tintroduċi ostakolu strutturali u indebitu għall-aċċess għas-suq Taljan għall-operaturi barranin, u r-raba’, tikser id-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività kummerċjali sa fejn twettaq esproprjazzjoni sostanzjali tal-kapaċitajiet imprenditorjali ta’ operaturi ekonomiċi privati li hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan ta’ interess ġenerali invokat. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li, skont l-Artikolu 13 u l-Anness I tad-Direttiva 2018/1972, l-awtorizzazzjoni ġenerali li tapplika għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tiġi suġġetta mid-dritt nazzjonali għall-kundizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-interċettazzjonijiet ordnati mill-awtoritajiet ġudizzjarji u li l-uniku limitu previst, b’mod ġenerali, f’dan l-Artikolu 13, huwa li l-kundizzjonijiet previsti jkunu nondiskriminatorji, proporzjonati u trasparenti. |
|
24 |
Għalhekk, hija tal-fehma li la d-dritt sekondarju tal-Unjoni rilevanti u lanqas il-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE li għalihom jirreferu l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ikkonċernati ma jeżiġux ir-rimbors sħiħ tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-operaturi fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ tali interċettazzjonijiet u, għaldaqstant, li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix tali rimbors sħiħ u li, barra minn hekk, torbot ir-reviżjoni tar-rimborsi li jistgħu jingħataw ma’ għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż. |
|
25 |
B’mod partikolari, hija tenfasizza li t-tariffi previsti b’mod ġenerali mill-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi huma għal kollox komparabbli għall-operaturi kollha li joffru servizzi fl-Italja, li għandhom jiġu kkalkolati mill-amministrazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-evoluzzjoni tal-ispejjeż, u tal-progress teknoloġiku li renda ċerti servizzi inqas onerużi, kif ukoll il-fatt li dawn is-servizzi jsegwu għanijiet li jaqgħu taħt interess pubbliku superjuri u jistgħu jiġu pprovduti biss mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, u li dawn it-tariffi huma pubbliċi. Il-kundizzjoni marbuta mal-awtorizzazzjoni ġenerali li jiġu pprovduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk nondiskriminatorja, proporzjonata u trasparenti, konformement ma’ dan l-Artikolu 13. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, l-implimentazzjoni minn qabel tar-riżorsi neċessarji għal tali interċettazzjonijiet tikkostitwixxi spiża intrinsika inevitabbli tal-attività kummerċjali li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, peress li l-provvista ta’ tali servizzi hija, fl-istat attwali, suġġetta għal awtorizzazzjoni ġenerali u li din hija suġġetta għall-kundizzjoni kontenzjuża. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikoli 18, 26, 49, 54 u 55 TFUE, l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva [2018/1972] kif ukoll l-Artikoli 16 u 52 tal-[Karta], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, meta tiddelega lill-awtorità amministrattiva l-funzjoni li tistabbilixxi l-kumpens li għandu jiġi rrikonoxxut lill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet għat-twettiq obbligatorju tal-attivitajiet ta’ interċettazzjoni ta’ flussi ta’ komunikazzjoni ordnati mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ma timponilhiex li jiġi osservat il-prinċipju tar-rimbors totali tal-ispejjeż effettivament sostnuti u debitament iddokumentati mill-operaturi fir-rigward ta’ tali attivitajiet u, barra minn hekk, tobbliga lill-awtorità amministrattiva sabiex tnaqqas l-ispejjeż fir-rigward tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq fil-qasam tal-kalkolu […] tal-kumpens?” |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
27 |
Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibilità tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Minn naħa, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), billi ma wera ebda dubju raġonevoli dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni, uża l-mekkaniżmu għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE b’mod kuntrarju għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat reċentement fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, (C‑561/19, EU:C:2021:799). Min-naħa l-oħra, id-domanda magħmula hija ipotetika. Fil-fatt, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ma pprovdiex l-elementi ta’ fatt li minnhom jirriżulta li t-tariffi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma insuffiċjenti sabiex jitħallsu lill-operaturi. Issa, huwa biss fil-każ ta’ tariffi mhux remunerattivi li d-domanda magħmula tkun rilevanti. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern tista’, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 40 sa 46 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799), tastjeni milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess meta l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun meħtieġa b’tali evidenza li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 39 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Madankollu, l-allegata kjarezza tar-risposti għad-domandi magħmula bl-ebda mod ma tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punti 42 u 43). |
|
30 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern Taljan isostni li d-domanda magħmula hija ipotetika peress li, fil-fehma tiegħu, hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-rimborsi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettux li jiġu koperti l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-operaturi kkonċernati, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 85u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta l-premessa fattwali li fuqha hija bbażata t-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
31 |
B’hekk, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Climate Corporation Emissions Trading, C‑641/21, EU:C:2022:842, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 26, 49, 54 u 55 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju la ppreċiżat ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawżi prinċipali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli kemm għad-domanda magħmula sa fejn tirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, sa fejn tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972, it-talba għal deċiżjoni preliminari tippreċiża mhux biss il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, iżda turi wkoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tistaqsi fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, ir-relazzjoni bejn dawn id-domandi u s-suġġett tal-kawża prinċipali, li barra minn hekk ir-realtà tagħha ma hijiex ikkontestata, tirriżulta b’mod ċar minn din it-talba. |
|
33 |
Għaldaqstant, sa fejn tirrigwarda d-Direttiva 2018/1972, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
34 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972. Madankollu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawżi prinċipali kienet tittrasponi direttiva preċedenti għad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri d-Direttiva 2002/20, u li din, konformement mal-Artikolu 125 tad-Direttiva 2018/1972, tħassret u ġiet issostitwita minn din tal-aħħar biss b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-digriet interministerjali tat‑28 ta’ Diċembru 2017 u l-preżentata, mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ikkonċernati, tar-rikors tagħhom quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), intiża għall-annullament tiegħu. |
|
35 |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata finalment li l-kawżi prinċipali jaqaw taħt id-Direttiva 2002/20, għandu jiġi indikat li r-risposta mogħtija f’din is-sentenza tidher li tista’ tiġi trasposta għal dan l-att preċedenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2018/1972 fasslet mill-ġdid b’mod partikolari l-erba’ direttivi preċedenti, kif emendati, li kienu jirregolaw is-settur tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż tad-Direttiva 2002/20, mingħajr ma emendat, rilevanti għal din il-kawża, id-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jiġu riżolti l-kawżi prinċipali, kemm fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom, tal-kuntest tagħhom jew tal-għan tagħhom. |
|
36 |
B’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 13(1) kif ukoll il-paragrafu (3), u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2018/1972 jirriproduċu, mingħajr tibdil fis-sustanza rilevanti f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet rispettivament, tal-Artikolu 6(1) u (3), kif ukoll il-punt 11 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2002/20. |
|
37 |
Barra minn hekk, fost iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, huwa biss l-Artikolu 13 li jidher li huwa direttament rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, anki jekk l-analiżi tad-domanda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, huwa l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tagħha li jipprevedi l-kundizzjoni li magħha ġiet adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
38 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2018/1972 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix li jsir rimbors sħiħ tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta jiffaċilitaw l-interċettazzjoni legali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
|
39 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association, C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2018/1972 tipprevedi li l-awtorizzazzjoni ġenerali li tapplika għall-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tkun suġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, peress li t-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tippreċiża li dawn il-kundizzjonijiet huma nondiskriminatorji, proporzjonati u trasparenti. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża, barra minn hekk, li l-awtorizzazzjoni ġenerali tinkludi biss il-kundizzjonijiet li huma speċifiċi għas-settur ikkonċernat u li huma msemmija fil-Partijiet A, sa C tal-Anness I tal-imsemmija direttiva. Fost dawn il-kundizzjonijiet, hemm, fil-punt 4 ta’ din il-Parti A, li telenka l-kundizzjonijiet ġenerali li għalihom tista’ tkun suġġetta tali awtorizzazzjoni ġenerali, il-kundizzjoni tal-faċilitazzjoni tal-interċettazzjoni legali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
|
41 |
Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, lil hinn mill-obbligu, għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jissuġġettaw l-awtorizzazzjoni ġenerali li tapplika għall-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-kundizzjoni li tinsab fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2018/1972, li jimponu din il-kundizzjoni b’mod nondiskriminatorju, proporzjonat u trasparenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni la impona u lanqas eskluda r-rimbors, mill-Istati Membri kkonċernati, tal-ispejjeż li jiġu sostnuti mill-impriżi kkonċernati meta jiffaċilitaw l-interċettazzjoni legali skont ma din il-kundizzjoni tipprevedi. |
|
42 |
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan ir-rigward fid-Direttiva 2018/1972, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam. Konsegwentement, l-Artikolu 13 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tiegħu ma jistgħux jinqraw fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu r-rimbors, a fortiori sħiħ, ta’ dawn l-ispejjeż eventwali. |
|
43 |
Dan il-qari tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa sostnut kemm mill-kuntest li jagħmlu parti minnu kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2018/1972. B’mod partikolari, minn naħa, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva — li tirriproduċi l-kontenut tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/20 — tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-libertà li jiġu pprovduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din il-libertà tista’ tiġi eżerċitata biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jirriżulta obbligu ta’ rimbors impost fuq l-Istati Membri, fis-sens allegat mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li tali obbligu lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-għanijiet ġenerali li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2018/1972, li fit-twettiq tagħhom l-Istati Membri huma, permezz tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra, obbligati li jiżguraw. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-għan ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, previst f’dan l-Artikolu 3(2)(b) u ta’ dak tal-iżvilupp tas-suq intern, previst f’din l-istess dispożizzjoni (c), u li qabel kienu jinsabu, essenzjalment, fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2002/21. Fil-fatt, il-formulazzjoni tagħhom ma turi ebda rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kundizzjoni prevista fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2018/1972, lil hinn mir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza. |
|
45 |
B’hekk, peress li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, huwa neċessarju, sabiex l-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2018/1972 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma timponix li jsir ir-rimbors sħiħ tal-ispejjeż li effettivament jidhru li jiġu sostnuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta jiffaċilitaw l-interċettazzjoni legali ta’ dawn il-komunikazzjonijiet elettroniċi, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li din il-leġiżlazzjoni tkun konformi ma’ dawn il-prinċipji. |
|
46 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-ewwel, ir-rimborsi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ffaċilitar tal-interċezzjoni legali, li l-awtorizzazzjoni ġenerali tagħhom hija akkumpanjata fl-Italja u li l-konformità tagħhom mad-Direttiva 2018/1972 ma hijiex ikkontestata, huma paragunabbli għall-operaturi kollha li joffru servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Italja, peress li r-rimborsi huma previsti abbażi ta’ tariffi fissi unitarji, stabbiliti skont it-tip ta’ provvista ta’ interċezzjoni mwettqa. |
|
47 |
It-tieni, kif indikat il-qorti tar-rinviju, dawn it-tariffi għandhom, skont il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli, jiġu kkalkolati mill-amministrazzjoni billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress teknoloġiku tas-settur li rrenda ċerti servizzi inqas onerużi, kif ukoll tal-fatt li dawn is-servizzi huma essenzjali sabiex jintlaħqu għanijiet ġenerali li jaqgħu taħt interess pubbliku superjuri u li jistgħu jiġu pprovduti biss mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet. |
|
48 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, konformement ma’ din l-istess leġiżlazzjoni, dawn it-tariffi huma ffissati permezz ta’ att amministrattiv formali, li huwa ppubblikat u liberament kontestabbli. |
|
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tipprevedi r-rimborsi inkwistjoni, hija effettivament nondiskriminatorja, proporzjonata u trasparenti, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
50 |
Barra minn hekk, peress li din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà, għal Stat Membru li ppreveda r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta, skont id-Direttiva 2018/1972, jiffaċilitaw l-interċezzjoni legali, inaqqsu, bil-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi, il-livell tar-rimborsi mogħtija preċedentement, għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-kundizzjoni prevista fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar ma tistax tipprekludi tali tnaqqis, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija nondiskriminatorja, proporzjonata u trasparenti. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2018/1972 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix ir-rimbors sħiħ tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta jiffaċilitaw l-interċettazzjoni legali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta din il-leġiżlazzjoni tkun nondiskriminatorja, proporzjonata u trasparenti. |
Fuq l‑ispejjeż
|
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix ir-rimbors sħiħ tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta jiffaċilitaw l-interċettazzjoni legali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta din il-leġiżlazzjoni tkun nondiskriminatorja, proporzjonata u trasparenti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.