Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Novembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar – Direttiva 91/477/KEE – Parti III tal-Anness I – Standards u tekniċi ta’ diżattivazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 – Verifika u ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar – Artikolu 3 – Entità ta’ verifika ċċertifikata minn awtorità nazzjonali – Ħruġ ta’ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni – Entità li ma tinsabx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea – Trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea ta’ armi tan-nar iddiżattivati – Artikolu 7 – Rikonoxximent reċiproku”

Fil-Kawża C‑296/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura imnedija minn

A

fil-preżenza ta’:

Helsingin poliisilaitos,

Poliisihallitus,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, inizjalment minnu stess, sussegwentement minn P. Snell,

–        għal Poliisihallitus, minn M. Koponen u M. Lehtonen,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u V.‑S. Strasser, bħala aġenti

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen, I. Söderlund u R. Tricot, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3, rettifika fil-ĠU 2020, L 191, p. 5), kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, L 179, p. 5) (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 91/477), kif ukoll tal-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal‑15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU 2015, L 333, p. 62, rettifika fil-ĠU 2016, L 202, p. 56).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’proċedura mibdija minn A dwar id-deċiżjoni tal-Helsingin poliisilaitos (il-Pulizija ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) li tirrifjuta li tirrikonoxxi ċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar maħruġa fl-Awstrija u ppreżentati fil-mument tat-trasferiment ta’ dawn l-armi fil-Finlandja.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Id-Direttiva 91/477/KE

3        Id-Direttiva 91/477 tħassret bid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2021, L 115, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, it-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477.

4        Skont it-tielet u r-raba’ premessa ta’ din id-direttiva, din kellha bħala għan l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar l-armi billi tistabbilixxi leġiżlazzjoni effettiva li tippermetti l-kontroll ġewwa l-Istati Membri tal-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar u t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor.

5        Id-Direttiva 2008/51 emendat id-Direttiva 91/477 fil-verżjoni inizjali tagħha, b’mod partikolari sabiex jiddaħħal fid-dritt tal-Unjoni l-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, li ġie ffirmat, f’isem il-Komunità Ewropea, fis‑16 ta’ Jannar 2002, mill-Kummissjoni Ewropea, konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/748/KE tas‑16 ta’ Ottubru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 200).

6        Il-premessi 1, 11, 12 u 15 tad-Direttiva 2008/51 kienu jipprevedu:

(1)      Id-Direttiva [91/477] stabbilixxiet miżura ta’ akkumpanjament għas-suq intern. Stabbilixxiet bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal ċerti armi tan-nar fi ħdan il-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li din il-libertà tiġi rregolata permezz ta’ ċerti garanziji ta’ sigurtà, adatti għal dan it-tip ta’ prodott.

[…]

(11)      Fir-rigward tad-diżattivazzjoni ta’ l-armi tan-nar, il-punt (a) tal-Parti III ta’ l-Anness I tad-Direttiva [91/477] jirriferi sempliċement għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Protokoll [tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom] jistipula prinċipji ġenerali aktar espliċiti dwar id-diżattivazzjoni ta’ l-armi. L-Anness I tad-Direttiva [91/477] għaldaqstant jeħtieġ li jiġi emendat.

(12)      Minħabba n-natura speċjali ta’ l-attività tan-negozjanti, jeħtieġ li l-Istati Membri jeżerċitaw kontroll strett fuq din l-attività, b’mod partikulari billi jivverifikaw l-integrità professjonali u l-kapaċitajiet tan-negozjanti.

[…]

(15)      Sabiex ikun iffaċilitat l-ittraċċar ta’ l-armi tan-nar u sabiex jiġu miġġielda b’mod effiċjenti t-traffikar u l-manifattura illegali ta’ l-armi tan-nar u tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom, jeħtieġ li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.”

7        L-Artikolu 1 (1) u (2) tad-Direttiva 91/477 kien jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-taqsima III ta’ l-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-taqsima II ta’ l-Anness I.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli jekk:

— ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar, u

— bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi faċilment konvertit hekk.

[…]

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘negozjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew sa ċertu punt fil-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar, tal-partijiet tagħhom u tal-munizzjon tagħhom.”

8        It-Taqsima III tal-Anness I ta’ din id-direttiva kienet tipprevedi:

“Għall-fini ta’ dan l-Anness oġġetti li jikkorrispondu għat-tifsira ta’ ‘arma tan-nar’ m’għandhomx jiġu inklużi f’ dik it-tifsira jekk:

a)      ikunu saru definittivament mhux tajba għall-użu permezz ta’ diżattivazzjoni li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali ta’ l-arma tan-nar ikunu saru għal kollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jiġu maqlugħa, sostitwiti jew mibdula bil-għan ta’ kwalunkwe riattivazzjoni.

[…]

L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex awtorità kompetenti tivverifika l-miżuri ta’ diżattivazzjoni msemmija fil-punt (a), sabiex jiġi ggarantit li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamluha mhux tajba għall-użu b’mod irriversibbli. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-kuntest tal-verifika msemmija, għall-ħruġ ta’ ċertifikat jew ta’ dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata jew li saret marka viżibbli b’mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan. Il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13a(2), toħroġ linji gwida komuni dwar l-istandards u t-teknika ta’ diżattivazzjoni sabiex tiżgura li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b’mod irriversibbli.

Sakemm issir il-koordinazzjoni tul il-Kommunità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom għall-armi tan-nar mniżżla f’ din is-Sezzjoni.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403

9        Il-premessi 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jistipulaw:

“(2)      Skont l-Anness I, il-Parti III, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), tad- Direttiva [91/477], oġġetti li jikkorrispondu mad-definizzjoni ta’ ‘arma tan-nar’ m’għandhomx jiġu inklużi f’dik it-tifsira jekk ikunu saru mhux tajba għall-użu permanentement permezz ta’ diżattivazzjoni, li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali tal-arma tan-nar ikunu saru għalkollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu mmodifikati sabiex b’xi mod l-arma tan-nar tiġi attivata mill-ġdid.

(3)      L-Anness I, il-Parti III, it-tieni paragrafu, tad-Direttiva [91/477] jirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu arranġamenti biex dawn il-miżuri ta’ diżattivazzjoni jiġu verifikati minn awtorità kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamluha inoperabbli irriversibilment. L-Istati Membri huma wkoll mitluba jipprevedu l-ħruġ ta’ ċertifikat jew ta’ dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata, jew li titqiegħed marka viżibbli b’mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan.”

10      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Persuni u entitajiet awtorizzati li jiddiżattivaw l-armi tan-nar”, jipprovdi:

“Id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar għandha titwettaq minn entitajiet pubbliċi jew privati jew minn persuni awtorizzati li jagħmlu dan skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali”.

11      L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Verifika u ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti sabiex tivverifika li d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar tkun saret skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I (‘l-entità ta’ verifika’).

2.      Fejn entità ta’ verifika hija awtorizzata wkoll tiddiżattiva l-armi tan-nar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-separazzjoni ċara ta’ dawk il-kompiti u tal-persuni li jwettquhom f’dik l-entità.

3.      Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha lista ta’ entitajiet ta’ verifika maħtura mill-Istati Membri, inkluża informazzjoni dettaljata dwar l-entità ta’ verifika u s-simbolu tagħha kif ukoll l-informazzjoni ta’ kuntatt.

4.      Meta d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar tkun twettqet skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I, l-entità ta’ verifika għandha toħroġ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni lil sid l-arma tan-nar skont il-mudell stipulat fl-Anness III. L-informazzjoni kollha inkluża fiċ-ċertifikat tad-diżattivazzjoni għandha tiġi pprovduta fl-ilsien tal-Istat Membru fejn ikun inħareġ iċ-ċertifkat ta’ diżattivazzjoni kif ukoll bl-Ingliż.

[…]”

12      L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Miżuri ta’ diżattivazzjoni addizzjonali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri addizzjonali għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar fit-territorju tagħhom li jkunu jmorru lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I.

2.      Il-Kummissjoni, b’mod regolari u flimkien mal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva [91/477], għandha tanalizza kwalunkwe miżura addizzjonali meħuda mill-Istati Membri u għandha tikkunsidra li meta jkun il-waqt tirrevedi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I.”

13      L-Artikolu 7 tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Trasferiment ta’ armi tan-nar diżattivati fl-Unjoni [Ewropea]”), jipprevedi:

“1.      Armi tan-nar diżattivati jistgħu jiġu trasferiti biss lil Stat Membru ieħor sakemm ikollhom il-marka unika komuni u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ diżattivazzjoni skont dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tad-diżattivazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istati Membri li introduċew miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 6 jistgħu jitolbu prova li l-arma tan-nar diżattivata li tkun se tiġi ttrasferita fit-territorju tagħhom tikkonforma ma’ dawn il-miżuri addizzjonali.”

14      L-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, intitolat “Rekwiżiti ta’ notifika”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li jadottaw fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament kif ukoll bi kwalunkwe miżura addizzjonali introdotta f’konformità mal-Artikolu 6. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċeduri ta’ notifika stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/1535 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1)]”.

15      L-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar” u li jinkludi tliet tabelli, jippreżenta l-operazzjonijiet ta’ diżattivazzjoni li għandhom jitwettqu sabiex id-diversi tipi ta’ armi tan-nar u l-elementi essenzjali tagħhom jiġu ineffettivi b’mod irriversibbli.

16      L-Anness III tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jinkludi l-mudell ta’ ċertifikat għall-armi tan-nar iddiżattivati li għandhom josservaw l-entitajiet ta’ verifika indikati mill-Istati Membri.

 Iddritt Finlandiż

17      L-Artikolu 19 tal-ampuma-aselaki (1/1998) (l-Att dwar l-Armi tan-Nar (1/1998), kif emendata, iktar ’il quddiem l-“Att dwar l-Armi tan-Nar”) jipprevedi li, meta awtorizzazzjoni kummerċjali fis-settur tal-armi jew awtorizzazzjoni għall-pussess maħruġa għal użu privat jiskadu jew jiġu rrevokati, il-pulizija għandha toħroġ deċiżjoni ta’ konfiska tal-armi tan-nar, il-partijiet tagħhom, il-cartridges u l-munizzjon partikolarment perikolużi, sakemm dawn ma jkunux diġà ġew ittrasferiti lid-detentur tal-awtorizzazzjoni xierqa. Il-pulizija għandha wkoll tieħu d-deċiżjoni li twettaq is-sekwestru meta d-detentur ta’ arma tan-nar jew ta’ parti ta’ arma tan-nar mhux awtorizzata jew ta’ cartridges u ta’ munizzjon partikolarment perikolużi mhux awtorizzati jiddenunzja, fuq inizjattiva tiegħu stess, dawn l-oġġetti lill-pulizija u jgħaddihomlhom.

18      L-Artikolu 112a tal-Att dwar l-Armi tan-Nar, intitolat “Trasferiment u importazzjoni fil-Finlandja ta’ armi tan-nar iddiżattivati”, jipprevedi li l-persuna li tittrasferixxi jew timporta arma tan-nar iddiżattivata fil-Finlandja għandha, fi żmien tletin jum wara t-trasferiment jew l-importazzjoni, tippreżenta l-arma tan-nar lil awtorità lokali amministrattiva tal-pulizija jew lill-amministrazzjoni ċentrali tagħhom għall-finijiet ta’ verifika.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19      Fis‑17 ta’ Ottubru 2017, A, li l-attività kummerċjali tagħha tikkonsisti fil-bejgħ ta’ artikoli tal-gwerra storiċi, ittrasferixxiet tliet azzarini tal-assalt mill-Awstrija lejn il-Finlandja.

20      Fl‑24 ta’ Ottubru 2017, konformement mal-Artikolu 112a tal-Att dwar l-Armi tan-Nar, A ppreżentat dawn l-armi tal-pulizija ta’ Ħelsinki bħala ddiżattivati u pproduċiet iċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni li kienu nħarġu fid‑9 ta’ Ottubru 2017 mill-kumpannija B, stabbilita fl-Awstrija.

21      Fil‑15 ta’ Frar 2018, il-pulizija ta’ Helsinki ddeċidiet li toħroġ deċiżjoni ta’ konfiska tal-imsemmija armi skont l-Artikolu 91(2) tal-Att dwar l-Armi tan-Nar. Fil-fatt, hija kkunsidrat li d-diżattivazzjoni ta’ dawn l-azzarini tal-assalt ma kinitx osservat ir-rekwiżiti tekniċi previsti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Konsegwentement, hija qieset li dawn l-armi kellhom jiġu kklassifikati bħala armi tan-nar li jeħtieġu permess li jawtorizza l-pussess tagħhom.

22      A ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) fejn sostniet li ma kienx il-kompitu tal-pulizija ta’ Ħelsinki li tivverifika d-diżattivazzjoni tal-armi inkwistjoni, għaliex dawn tal-aħħar kienu ġejjin mill-Awstrija fejn kienu ġew iddiżattivati. Minn naħa, il-pulizija kellha, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, tirrikonoxxi ċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ mill-kumpannija B. Min-naħa l-oħra, A pproduċiet provi li juru li d-diżattivazzjoni tal-armi inkwistjoni kienet tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, jiġifieri skambju ta’ posta elettronika mal-Ministeru tad-Difiża u tal-Isport Awstrijak, li permezz tiegħu dan tal-aħħar ikkonferma li l-kumpannija B, armatur, kienet waħda mis-sittax-il entità ta’ verifika indikati mill-Awstrija.

23      Poliisihallitus (l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Pulizija) sostniet li l-armi inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li ġew iddiżattivati, għaliex mhux biss id-diżattivazzjoni mwettqa kienet inkompleta, iżda wkoll, għaliex iċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni kien inħareġ mill-kumpannija B li ma hijiex awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament u ma tidhirx fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 3(3) tal-istess regolament. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-awtorità indikata fuq din il-lista tal-Kummissjoni għall-Awstrija ma kinitx il-kumpannija B iżda l-Ministeru tal-Intern.

24      Permezz tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2019, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) ċaħdet l-appell ta’ A. Fil-fatt, din il-qorti qieset li mill-Artikoli 3 u 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jirriżulta li huwa biss ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ minn entità ta’ verifika kompetenti inkluża fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni li seta’ jiġi kkunsidrat bħala konformi ma’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Fin-nuqqas li jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ minn tali entità, il-pulizija ta’ Ħelsinki setgħet twettaq spezzjoni teknika tal-armi u, sussegwentement, il-konfiska tagħhom.

25      A appellat quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

26      Din il-qorti għandha erba’ tipi ta’ dubji. L-ewwel, hija tqis li s-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilita mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 ma hijiex ċara peress li ma tipprevedix jekk l-inklużjoni fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, ta’ entità indikata minn Stat Membru hijiex awtomatika jew jekk tirriżultax minn deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni.

27      It-tieni, hija tistaqsi dwar jekk persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat bħal kumpannija kummerċjali tistax taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “awtorità kompetenti” jew ta’ “entità ta’ verifika”, fis-sens tat-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403.

28      It-tielet, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-effetti legali li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tal-lista tal-entitajiet ta’ verifika prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Għalkemm tista’ tikkunsidra li l-pubblikazzjoni għandha biss effett informattiv, din il-qorti madankollu taħseb li din il-pubblikazzjoni għandha effett kostituttiv, b’tali mod li, sabiex jiġi rrikonoxxut, ċertifikat ta’ diżattivazzjoni għandu jinħareġ minn entità ta’ verifika debitament indikata u li l-informazzjoni ddettaljata tagħha tinsab fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija l-iktar adattata sabiex tiżgura l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni u tevita r-riskju ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli ta’ diżattivazzjoni tal-armi tan-nar bejn l-awtoritajiet tad-diversi Stati Membri.

29      Fl-aħħar, ir-raba’, peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu kkonfermaw, f’ittra indirizzata lil A, li huma kienu fil-fatt indikaw lill-kumpannija B bħala “entità ta’ verifika”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tistaqsi dwar jekk, sabiex tiġi kkumpensata l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ entità fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, tali mezz ta’ prova huwiex ammissibbli sabiex tintwera l-kwalità ta’ “entità ta’ verifika” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Meta jkun hemm trasferiment fl-Unjoni ta’ armi tan-nar iddiżattivati u meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [90/477] u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [2015/2403], b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament:

a)      korp ta’ verifika b’ċertifikazzjoni minn awtorità nazzjonali li jkun ħareġ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni jista’ jitqies bħala korp fis-sens tad-Direttiva [91/477] u tal-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, anki jekk ma jkunx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) [ta’ din ir-regolament ta’ implimentazzjoni], sakemm diversi awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru informaw lill-persuna li ttrasferiet l-armi li l-korp ta’ verifika, li għandu l-forma legali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u li ħareġ iċ-ċertifikat, huwa awtorizzat li jagħmel dan taħt [dan ir-regolament], u

b)      evidenza oħra ta’ korp ta’ verifika maħtur minn Stat Membru għad-diżattivazzjoni ta’ armi, minbarra dik imdaħħla fil-lista ppubblikata fuq is-sit tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, tista’ wkoll tiġi prodotta minn awtorità nazzjonali, sabiex iċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ minn dan il-korp ta’ verifika jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, li Stat Membru għandu jirrikonoxxi ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jipprekludux li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “entità ta’ verifika”, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat bħal kumpannija kummerċjali, meta din il-persuna ma tidhirx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 tal-imsemmija dispożizzjoni.

32      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “entità ta’ verifika”, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, għandux l-għan li jinkludi persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat bħal kumpannija kummerċjali. F’dan ir-rigward, għalkemm it-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 kif ukoll dan l-Artikolu 3 isemmu l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, li l-paragrafu 1 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jissejjaħ “entità ta’ verifika”, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet u ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva u ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ma tispeċifika dak li għandu jinftiehem b’ “awtorità kompetenti” u “entità ta’ verifika”.

33      Madankollu, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu, għal dawn il-kunċetti, ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, dawn għandhom jitqiesu bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha.

34      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tiegħu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintuża fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda t-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 kif ukoll it-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jindikaw “awtorità kompetenti”, imsejħa “entità ta’ verifika” minn dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, sabiex tivverifika li d-diżattivazzjoni ta’ arma tan-nar twettqet b’mod irriversibbli konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Anness I tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni u, għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat li l-modifiki magħmula f’din l-arma jagħmluha li ma tistax tintuża b’mod irriversibbli.

36      Fis-sens abitwali tagħhom, il-kunċetti ta’ “awtorità” jew ta’ “entità” għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment għal kull entità investita b’setgħa ta’ ċerta natura, b’tali mod li l-kwalità ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat ta’ tali entità hija irrilevanti. Għalkemm mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 isegwi li din l-“entità” għandha bħala għan il-“verifika”, tali preċiżazzjoni hija biss indikattiva tan-natura tas-setgħa eżerċitata minnha, jiġifieri setgħa ta’ verifika tal-eżistenza ta’ diżattivazzjoni tal-arma tan-nar imwettqa konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u, jekk ikun il-każ, setgħa ta’ ħruġ ta’ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni, konformement mal-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, u ma jipprovdix preċiżazzjoni dwar il-kwalità ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat tal-imsemmija entità.

37      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li dawn il-kunċetti jaqgħu neċessarjament taħt dak ta’ “entità pubblika”, li jagħmel riferiment speċifiku għall-Istat, għall-korpi kollettivi territorjali kif ukoll għall-entitajiet maħluqa mill-Istat jew minn dawn il-korpi kollettivi sabiex jissodisfaw bżonnijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, NMI Technologietransfer, C‑516/19, EU:C:2020:754, punt 47).

38      Minn dan jirriżulta li entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati jistgħu jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “awtorità kompetenti” u ta’ “entità ta’ verifika” li jinsabu fl-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament ta’ implimentazzjoni kif ukoll fit-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, b’tali mod li persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, bħal kumpannija kummerċjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tikkostitwixxi tali “awtorità kompetenti” jew tali “entità ta’ verifika”.

39      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar issir minn entitajiet pubbliċi jew privati jew minn persuni awtorizzati li jagħmlu dan konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li, fl-ipoteżi fejn entità ta’ verifika takkumula wkoll il-funzjoni ta’ diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu separazzjoni ċara tal-kompiti u tal-persuni li jwettquhom fi ħdan dan l-organu. Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jsegwi li l-operazzjoni ta’ verifika tad-diżattivazzjoni ta’ arma tan-nar tista’ tiġi fdata lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat.

40      Fl-aħħar, l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 91/477 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 isostnu din l-interpretazzjoni.

41      Fil-fatt, mill-premessa 1 tad-Direttiva 2008/51 isegwi li d-Direttiva 91/477 hija intiża li tiżgura bilanċ bejn l-eżistenza ta’ ċerta libertà ta’ moviment għal ċerti armi tan-nar u l-ħtieġa li din il-libertà tiġi rregolata permezz ta’ garanziji ta’ sigurtà adattati għan-natura ta’ dawn l-oġġetti, u dan sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C‑267/16, EU:C:2018:26, punti 49 sa 52).

42      Dawn il-garanziji huma riflessi, l-ewwel, fil-premessa 12 tad-Direttiva 2008/51, fir-rekwiżit impost fuq l-Istati Membri li jeżerċitaw kontroll rigoruż fuq l-armaturi u, b’mod partikolari, fil-verifika tal-onorabbiltà u tal-kompetenzi professjonali ta’ dawn tal-aħħar.

43      It-tieni, bħalma jsegwi mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur ried jiffaċilita l-ittraċċar tal-armi tan-nar u jiġġieled b’mod effiċjenti t-traffikar u l-manifattura illegali tagħhom u tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom, billi jiġi promoss l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

44      It-tielet, mill-premessi 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 isegwi li, sabiex jindirizzaw ir-riskju ta’ riattivazzjoni tal-armi tan-nar iddiżattivati b’mod skorrett, huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw entità ta’ verifika inkarigata li tivverifika u li tiċċertifika li l-modifiki magħmula għal arma tan-nar jagħmluha ma tistax tintuża b’mod irriversibbli, jiġifieri li, konformement mal-punt a tat-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, il-partijiet essenzjali kollha ta’ din l-arma jkunu saru ma jistgħux jintużaw b’mod definittiv u impossibbli li jitneħħew, li jiġu ssostitwiti jew li jiġu mmodifikati bil-ħsieb ta’ kwalunkwe riattivazzjoni tagħha.

45      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tar-riskji għas-sigurtà pubblika li għandhom l-armi tan-nar iddiżattivati, il-moviment liberu ta’ dawn tal-aħħar jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ qafas strett tal-kundizzjonijiet marbuta mad-diżattivazzjoni tagħhom u permezz tal-assigurazzjoni li din twettqet konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-entità ta’ verifika indikata mill-Istat Membru kkonċernat.

46      Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemmx lok li jitqies li l-indikazzjoni ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat bħala “entità ta’ verifika”, inkarigata li tivverifika li d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar twettqet konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u li toħroġ iċ-ċertifikat korrispondenti, hija, bħala tali, ta’ natura li tikkomprometti l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva u mill-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni peress li din in-nomina sseħħ ma’ kontroll effettiv u rigoruż ta’ din il-persuna mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat dwar, b’mod partikolari, meta tirrigwarda armatur bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-verifika tal-onorabbiltà u tal-kompetenzi professjonali tiegħu.

47      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, sabiex tiġi kklassifikata bħala “entità ta’ verifika”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, l-awtorità kompetenti msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhiex ukoll tidher fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw l-entità ta’ verifika tagħhom, filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha lista tal-entitajiet ta’ verifika indikati mill-Istati Membri kif ukoll informazzjoni ddettaljata fuqhom, bħas-simbolu tagħhom u d-dettalji tal-persuni ta’ kuntatt.

49      Barra minn hekk, mill-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jsegwi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura li huma jadottaw fil-qasam irregolat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403.

50      Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull Stat Membru għandu, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni mhux biss l-informazzjoni ddettaljata dwar l-entità ta’ verifika li jkun indika kif ukoll dwar is-simbolu tagħha u d-dettalji tal-persuni ta’ kuntatt ta’ din l-entità, iżda wkoll jinnotifika kull bidla li taffettwa din l-informazzjoni, b’tali mod li l-lista prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni tiġi aġġornata b’mod kostanti u tkun kompleta.

51      Fil-fatt, bħalma tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiffaċilita t-traċċar tal-armi tan-nar u jiġġieled b’mod effettiv kontra t-traffikar u l-manifattura illegali tagħhom, kif ukoll tal-partijiet u tal-munizzjon tagħhom.

52      Barra minn hekk, meta armi tan-nar iddiżattivati jiġu ttrasferiti fi ħdan l-Unjoni, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor jekk dawn iċ-ċertifikati jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

53      F’dan il-kuntest, l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 huma ta’ importanza ċentrali u għalhekk huwa kruċjali li din il-lista ssemmi fedelment l-“entitajiet ta’ verifika” kollha indikati mill-Istati Membri u li l-informazzjoni li hija tinkludi tiġi aġġornata mingħajr dewmien. L-istabbiliment ta’ din il-lista huwa intiż preċiżament sabiex jippermetti lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat li fih l-armi tan-nar iddiżattivati jiġu ttrasferiti sabiex ikunu jistgħu jiżguraw, permezz ta’ mekkaniżmu sempliċi, immedjat u effikaċi ta’ pubbliċità, li l-entità li ħarġet iċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni inkwistjoni hija fil-fatt “entità ta’ verifika” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

54      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-inklużjoni ta’ “entità ta’ verifika” fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni, li tippreżupponi li kull Stat Membru jinnotifikalha, konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, tikkostitwixxi kundizzjoni formali li għandha tiġi osservata sabiex persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, bħal kumpannija kummerċjali, titqies bħala “entità ta’ verifika” fis-sens tat-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni.

55      Minn dan isegwi li l-indikazzjonijiet maħruġa minn entità li tinsab f’din il-lista, skont liema l-Istat Membru li tappartjeni għalih indika entità oħra, li ma tinsabx fl-imsemmija lista, bħala “entità ta’ verifika”, ma humiex biżżejjed sabiex juru li din l-entità tal-aħħar tikkostitwixxi “entità ta’ verifika” fis-sens tal-punt a tat-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403.

56      Hija biss l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “entità ta’ verifika” li ssegwi mill-punt 54 ta’ din is-sentenza li hija ta’ natura li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat li fih l-armi tan-nar iddiżattivati jiġu ttrasferiti li jkunu jistgħu jivverifikaw, b’mod immedjat u effettiv, l-identità tal-entità ta’ verifika li tkun ħarġet ċertifikat ta’ diżattivazzjoni tal-armi u, għaldaqstant, li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà pubblika billi tiġi żgurata d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar u jkun hemm ħarsien kontra kull riskju ta’ riattivazzjoni ta’ arma ddiżattivata b’mod skorrett.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, bħal kumpannija kummerċjali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “entità ta’ verifika”, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, peress li din il-persuna tinsab fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq ittieni domanda

58      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta ċertifikat ta’ diżattivazzjoni ta’ arma tan-nar jinħareġ minn entità ta’ verifika indikata minn Stat Membru, l-Istat Membru li fih tiġi ttrasferita l-arma tan-nar iddiżattivata huwa obbligat li jirrikonoxxi l-imsemmi ċertifikat.

59      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor jekk dawn iċ-ċertifikati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni.

60      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikonoxximent taċ-ċertifikat maħruġ minn “entità ta’ verifika” la huwa awtomatiku u lanqas inkundizzjonat, peress li huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan iċ-ċertifikat jissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-imsemmi regolament.

61      Fil-fatt, bħalma tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà pubblika, il-moviment liberu ta’ oġġetti bħalma huma armi tan-nar għandu jkun limitat b’garanziji adattati għan-natura ta’ dawn l-oġġetti, li jfisser, bħalma tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li huwa neċessarju li jiġi evitat ir-riskju ta’ riattivazzjoni tal-armi tan-nar iddiżattivati b’mod skorrett billi jiġi żgurat li l-partijiet essenzjali kollha ta’ dawn l-armi jkunu saru li ma jistgħux jintużaw b’mod definittiv u li ma jistgħux jitneħħew, li jiġu ssostitwiti jew li jiġu mmodifikati bil-ħsieb ta’ kwalunkwe riattivazzjoni tagħhom.

62      Għal dan l-għan, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih arma tan-nar iddiżattivata hija ttrasferita jistgħu jeżerċitaw, minbarra l-kontroll tal-miżuri ta’ diżattivazzjoni supplimentari eventwalment adottati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, sensiela ta’ kontrolli waqt il-preżentazzjoni ta’ din l-arma u taċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni li jakkumpanjaha.

63      F’dan ir-rigward, l-ewwel, bħalma jsegwi mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li dan iċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni jinħareġ minn “entità ta’ verifika” indikata minn Stat Membru u li tinsab fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

64      It-tieni, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jeżiġi li ċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ għandu josserva l-mudell tal-formola li jinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u li l-informazzjoni li tinsab fih tiġi redatta mhux biss fil-lingwa tal-Istat Membru li fih jinħareġ, iżda wkoll fil-lingwa Ingliża.

65      It-tielet, mill-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jsegwi wkoll li l-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat huwa suġġett għall-kundizzjoni li d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar tkun twettqet konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Għaldaqstant, il-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat għandu l-għan speċifiku li jikkonkretizza l-konstatazzjoni tal-entità ta’ verifika li l-operazzjonijiet ta’ diżattivazzjoni twettqu konformement ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, bl-għan li jiġi żgurat li l-partijiet essenzjali ta’ arma tan-nar ikunu saru li ma jistgħux jintużaw b’mod definittiv u li ma jistgħux jitneħħew, li jiġu ssostitwiti jew li jiġu mmodifikati bil-ħsieb ta’ kwalunkwe riattivazzjoni tagħha.

66      F’dan il-kuntest, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih arma tan-nar iddiżattivata tiġi ttrasferita ma humiex obbligati jirrikonoxxu ċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ minn entità ta’ verifika indikata minn Stat Membru ieħor u li jakkumpanja din l-arma, jekk dawn l-awtoritajiet jikkonstataw, waqt eżami sommarju tal-arma inkwistjoni, li dan iċ-ċertifikat manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament ta’ implementazzjoni.

67      Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ċertifikat ta’ diżattivazzjoni ta’ arma tan-nar jinħareġ minn “entità ta’ verifika”, l-Istat Membru li fih tiġi ttrasferita l-arma tan-nar iddiżattivata huwa obbligat li jirrikonoxxi l-imsemmi ċertifikat, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jikkonstataw, waqt eżami fil-qosor tal-arma inkwistjoni, li dan iċ-ċertifikat manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

 Fuq lispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Mejju 2008, u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment:

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, bħal kumpannija kummerċjali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “entità ta’ verifika”, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, peress li din il-persuna tinsab fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

2)      It-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta ċertifikat ta’ diżattivazzjoni ta’ arma tan-nar jinħareġ minn “entità ta’ verifika”, l-Istat Membru li fih tiġi ttrasferita l-arma tan-nar iddiżattivata huwa obbligat li jirrikonoxxi l-imsemmi ċertifikat, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jikkonstataw, waqt eżami fil-qosor tal-arma inkwistjoni, li dan iċ-ċertifikat manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.