SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

8 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 2, 4 u 6 – Applikabbiltà tar-Regolament 2016/679 – Kunċett ta’ ‘interess leġittimu’ – Kunċett ta’ ‘kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika’ – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikoli 1, 3, 4, 6 u 9 – Legalità tal-ipproċessar ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari – Ipproċessar sussegwenti ta’ data relatata mal-vittma preżunta ta’ reat kriminali għall-finijiet tal-akkuża tagħha – Kunċett ta’ ‘skop differenti minn dawk li għalihom id-data tkun inġabret’ – Data użata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru għall-finijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat”

Fil-Kawża C‑180/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

VS

vs

Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet

fil-preżenza ta’:

Teritorialno otdelenie – Petrich kam Rayonna prokuratura – Blagoevgrad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis, u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VS, minn V. Harizanova,

għall-Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet, minn S. Mulyachka,

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u T. Mitova, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), kif ukoll tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1) tiegħu.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VS u l-Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (l-Ispettur tal-Ispettorat tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“IVSS”) dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernah, imwettaq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich (il-Bulgarija).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑GDPR

3

Il-premessi 19, 45 u 47 tal-GDPR jipprovdu:

“(19)

[…] L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti fis-sens tad-Direttiva [2016/680] b’kompiti li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sa fejn dan huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(45)

Fejn l-ipproċessar […] ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. […]

[…]

(47)

L-interessi leġittimi ta’ kontrollur inklużi dawk ta’ kontrollur li lilu tista’ tiġi żvelata d-data personali jew ta’ parti terza, jistgħu jipprovdu bażi legali għall-ipproċessar, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux aktar importanti, b’kont meħud tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur. […] Minħabba li hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatur li jipprovdi bil-liġi l-bażi legali għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproċessaw id-data personali, dik il-bażi ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. […]”

4

L-Artikolu 2 tal-GDPR, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

5

L-Artikolu 4 tal-GDPR, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]”

6

L-Artikolu 5 tal-GDPR, bit-titolu “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-data personali għandha:

[…]

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet […] (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]”

7

Skont l-Artikolu 6 tal-GDPR, bit-titolu “Legalità tal-ipproċessar”:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali […]

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

[…]

3   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. […]”

8

L-Artikolu 21 tal-GDPR, bit-titolu “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1) […]. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

9

L-Artikolu 23 tal-ĠDPR, bit-titolu “Restrizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dritt tal-Unjoni jew id-dritt tal-Istat Membru li għalih ikun suġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data jistgħu jirrestrinġu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tkun tosserva l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u meta din tkun tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jiġu ggarantiti, b’mod partikolari, ċerti għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

Id‑Direttiva 2016/680

10

Il-premessi 8 sa 12, 27 u 29 tad-Direttiva 2016/680 jipprovdu:

“(8)

L-Artikolu 16(2) TFUE jobbliga lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu r-regoli rigward il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u r-regoli rigward il-moviment liberu tad-data personali.

(9)

Fuq dik il-bażi, [il-GDPR] jistabbilixxi regoli ġenerali għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u sabiex ikun assigurat il-moviment liberu tad-data personali fi ħdan l-Unjoni.

(10)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

(11)

Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. Tali awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkludu mhux biss awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll kwalunkwe korp jew entità fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Fejn tali korp jew entità tipproċessa data personali għal finijiet oħra għajr għal finijiet ta’ din id-Direttiva, japplika [l-GDPR]. I[l-GDPR] għalhekk japplika f’każijiet fejn korp jew entità jiġbru d-data personali għal finijiet oħra u jkomplu jipproċessaw dik id-data personali sabiex jikkonformaw ma’ obbligu legali li għalih ikunu soġġetti. […]

(12)

L-attivitajiet imwettqa mill-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi huma ffukati prinċipalment fuq il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi l-attivitajiet tal-pulizija mingħajr għarfien preċedenti jekk inċident hux reat kriminali jew le. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu wkoll l-eżerċizzju ta’ awtorità billi jieħdu miżuri koerċittivi bħal attivitajiet tal-pulizija waqt dimostrazzjonijiet, avvenimenti sportivi kbar u rvellijiet. Huma jinkludu wkoll iż-żamma tal-ordni pubbliku bħala kompitu konferit fuq il-pulizija jew fuq awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra fejn tkun meħtieġa għas-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u għall-interessi fundamentali tas-soċjetà protetti mil-liġi, li jistgħu jwasslu għal reat kriminali. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti b’kompiti oħra li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sakemm dan huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta[l-GDPR].

[…]

(27)

Għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw data personali, li tkun miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi lil hinn minn dak il-kuntest sabiex jiġi żviluppat fehim tal-attivitajiet kriminali, u tar-rabtiet li jsiru bejn ir-reati kriminali differenti individwati.

[…]

(29)

Id-data personali għandha tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex kompatibbli mal-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra jew il-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Jekk id-data personali tiġi pproċessata mill-istess kontrollur jew wieħed ieħor għal fini fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva minbarra dak li għalih inġabret, tali pproċessar għandu jkun permess taħt il-kundizzjoni li dan l-ipproċessar jiġi awtorizzat skont dispożizzjonijiet legali applikabbli u li jkun neċessarju u proporzjonali għal dak il-fini l-ieħor.”

11

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

12

Id-definizzjonijiet tal-kliem “data personali” u “ipproċessar”, li jinsabu, rispettivament, fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jirriproduċu dawk stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

13

Skont l-Artikolu 3(7)(a) u (8) tad-Direttiva 2016/680:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(7)   ‘awtorità kompetenti’ tfisser:

a)

kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; […]

[…]

(8)   ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.

14

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680, bit-titolu “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

[…]

(b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

(c)

adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[…]”

15

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi:

“L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali għandu jkun permess sakemm:

(a)

il-kontrollur ikun awtorizzat biex jipproċessa data personali bħal din għal dan il-fini skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru; u

(b)

l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.”

16

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, bit-titolu “Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data”:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:

(a)

il-persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

(b)

persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali;

(c)

vittmi ta’ reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali; […]

[…]”

17

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/680, bit-titolu “Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Data personali miġbura minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) sakemm tali pproċessar ma jkunx awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Meta d-data personali tkun proċessata għal tali finijiet oħra, i[l-GDPR] għandu japplika dment li l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati mil-liġi ta’ Stat Membru bit-twettiq ta’ kompiti oħra minbarra dawk imwettqa għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), i[l-GDPR] għandu japplika għall-ipproċessar għal finijiet bħal dawn, inkluż għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika, sakemm l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.”

Id‑dritt Bulgaru

Il‑Kostituzzjoni tar‑Repubblika tal‑Bulgarija

18

L-Artikolu 127 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi:

“L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jiżgura l-osservanza tal-liġijiet, kif ġej:

1   Huwa għandu jmexxi l-investigazzjoni u jivverifika l-legalità tal-iżvolġiment tagħha;

2   Huwa jista’ jwettaq investigazzjoni;

3   Huwa għandu jimputa r-responsabbiltà għar-reati lill-persuni li jkunu wettquhom u huwa għandu jressaq l-azzjoni kriminali quddiem il-qrati fil-każ ta’ reati li ma jeħtiġux rapport jew kwerela.

[…]”

Iż-ZZLD

19

Skont l-Artikolu 1 tagħha, iż-Zakon za zashtita na lichnite (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali) (DV Nru 1, tal‑4 ta’ Jannar 2002, iktar ’il quddiem iż-“ZZLD”) hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali rregolat mill-GDPR kif ukoll fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża l-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ tali theddid.

20

Skont l-Artikolu 17(1) taż-ZZLD, l-IVSS għandu jiżgura l-kontroll u l-osservanza tal-GDPR, taż-ZZLD u tal-atti dwar il-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data minn naħa, b’mod partikolari, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-awtoritajiet ta’ investigazzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. L-Artikolu 38b taż-ZZLD jagħti lis-suġġett tad-data, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari, minn dawn l-awtoritajiet, id-dritt li jippreżenta rikors quddiem l-IVSS.

21

L-Artikolu 42(2) u (3), l-Artikolu 45(2) u l-Artikolu 47 taż-ZZLD jimplimentaw id-dispożizzjonijiet, rispettivament, tal-Artikolu 9(1) u (2), tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680.

Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali

22

L-Artikolu 191 tan-Nakazatelno‑protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) (DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-proċedura istruttorja għandha titwettaq fil-każ ta’ reati li ma jeħtiġux rapport jew kwerela.”

23

L-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-proċedura istruttorja tinkludi investigazzjoni u atti tal-prosekutur pubbliku wara l-għeluq tal-investigazzjoni.”

Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili

24

L-Artikoli 8 u 9 tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (DV Nru 59, tal‑20 ta’ Lulju 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jimplimentaw rispettivament il-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

25

L-Artikolu 154 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, bit-titolu “Oneru tal-prova” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull parti għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-fatti li fuqhom hija tibbaża l-konklużjonijiet jew l-oġġezzjonijiet tagħha.”

Iż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi

26

L-Artikolu 2b taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni Kkawżati) (DV Nru 60, tal‑5 ta’ Awwissu 1988) jipprovdi:

“(1)   L-Istat għandu jwieġeb għad-danni kkawżati liċ-ċittadini u lill-persuni ġuridiċi permezz ta’ ksur tad-dritt li l-kawża tiġi eżaminata u deċiża f’terminu raġonevoli skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni [Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950].

(2)   Ir-rikorsi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżaminati skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fejn il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul totali u s-suġġett tal-proċedura, il-kumplessità tagħha fil-fatt u fid-dritt, l-aġir tal-partijiet u tar-rappreżentanti proċedurali jew legali tagħhom, l-aġir tal-partijiet l-oħra fil-proċedura u tal-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll fatti oħra rilevanti għas-soluzzjoni korretta tat-tilwima.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

27

Fl‑2013, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich fetaħ il-Proċedura Istruttorja Nru 252/2013 kontra awtur mhux magħruf, għat-twettiq ta’ reat imsemmi fl-Artikolu 325(1) tan-Nakazatelen Kodeks (il-Kodiċi Kriminali), moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) tiegħu, fil-kuntest ta’ inċident li seħħ f’bar. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, VS, ipparteċipa f’din il-proċedura bħala vittma ta’ dan ir-reat.

28

Fl‑2016, wara diversi lmenti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, lil VS, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich fetaħ diversi fajls li jinkludu informazzjoni relatata ma’ din il-persuna, mingħajr madankollu ma fetaħ proċedura istruttorja fl-assenza ta’ provi tat-twettiq ta’ reat.

29

Fl‑2018, fil-kuntest tal-Proċedura Istruttorja Nru 252/2013, il-prosekutur pubbliku akkuża lill-persuni kollha li kienu pparteċipaw fl-inċident li kien is-suġġett ta’ dik il-proċedura, inkluż VS.

30

Fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, VS ippreżenta, quddiem l-Okrazhen sad Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), rikors kontra l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija intiż għall-kumpens għad-dannu allegat li jirriżulta mit-tul eċċessiv tal-Proċedura Istruttorja Nru 252/2013. Waqt is-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2018, sabiex tiġi żgurata d-difiża tal-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, prosekutur pubbliku tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich, rappreżentant tal-Ministeru Pubbliku, talab li l-fajls miftuħa minn dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl‑2016, imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jiġu prodotti fil-kuntest tal-imsemmi rikors. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-prosekutur pubbliku kellu għalhekk l-intenzjoni li juri li l-problemi ta’ saħħa allegati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kinux, hekk kif kien qiegħed isostni dan tal-aħħar, imputabbli lill-imsemmija proċedura istruttorja, iżda kienu ġew ikkawżati mill-kontrolli mwettqa mill-pulizija u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich fil-kuntest tal-imsemmija fajls. Waqt din is-seduta, l-Okrazhen sad Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad) ordnat lill-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tad-distrett ta’ Petrich jipproduċi kopji awtentiċi tad-dokumenti tal-fajls inkwistjoni, fatt li l-prosekutur pubbliku ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku wettaq.

31

Fit‑12 ta’ Marzu 2020, VS ippreżenta rikors quddiem l-IVSS, fejn invoka l-ksur, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich, tad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali. Minn naħa, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, huwa sostna li dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kien uża illegalment id-data personali li tikkonċernah, li kienet inġabret meta huwa kien meqjus bħala vittma ta’ reat, sabiex huwa jkun suġġett għal prosekuzzjoni kriminali fil-kuntest tal-istess proċedura u għall-istess fatti. Min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni motiv tiegħu, huwa invoka l-illegalità tal-ipproċessar tad-data personali miġbura fil-kuntest tal-fajls imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li dan l-istess uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kien wettaq fil-kuntest tar-rikors għad-danni li huwa kien ippreżenta kontra l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Bulgarija. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2020, l-IVSS ċaħad dan ir-rikors.

32

Fil‑31 ta’ Lulju 2020, VS ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li permezz tiegħu huwa sostna, minn naħa, li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah fil-kuntest tal-Proċedura Istruttorja Nru 252/2013 imur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipji tad-Direttiva 2016/680 u, min-naħa l-oħra, li l-ipproċessar tad-data miġbura fil-kuntest tal-fajls imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, wara li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku rrifjuta li jibda proċedura istruttorja, kien jikser il-prinċipji tal-GDPR.

33

Peress li tqis, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR u tad-Direttiva 2016/680, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar sussegwenti ta’ data personali miġbura mill-kontrollur għall-finijiet, inizjalment, ta’ investigazzjoni u ta’ sejbien ta’ reat kriminali.

34

B’mod partikolari, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija, bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(7)(a) tad-Direttiva 2016/680, u bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 3(8) ta’ din id-direttiva, ikun ġabar, għall-finijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sejbien ta’ reat kriminali, data personali li tikkonċerna persuna meqjusa bħala vittma tal-imsemmi reat fil-mument ta’ dan il-ġbir, l-ipproċessar sussegwenti ta’ din id-data minn din l-istess awtorità sabiex din il-persuna tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali jissodisfax skop li jaqa’ taħt l-imsemmija direttiva, iżda differenti minn dawk li għalihom id-data inkwistjoni tkun inġabret, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tagħha.

35

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li r-riferiment, fil-kuntest tar-rikors għad-danni ppreżentat minn VS, għall-informazzjoni relatata ma’ din il-persuna inkluża fil-fajls miftuħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich fl‑2016 għandu skop differenti minn dak li għalih inġabret din l-informazzjoni u tirrileva li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, bħala konvenut, ma jaġixxix għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sempliċi fatt li jiġi indikat lill-qorti ċivili kompetenti li l-imsemmija fajls jikkonċernaw lil VS u li tintbagħat lilha din l-informazzjoni kollha jew parti minnha jikkostitwixxux “ipproċessar” ta’ “data personali” fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu.

36

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni tal-konċiljazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data personali u d-drittijiet ta’ parti fi proċedura ġudizzjarja, meta din id-data tkun inġabret minn din il-parti, bħala kontrollur, fis-sens tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2016/680, b’mod partikolari, fid-dawl tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, dwar in-neċessità tal-ipproċessar għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija minn dan il-kontrollur.

37

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li r-raġunijiet l-oħra li għalihom ipproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt il-GDPR huwa meqjus bħala legali, li huma msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ma humiex rilevanti fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, hija tqis li l-provvista, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku lill-qorti kompetenti, ta’ informazzjoni dwar il-fajls kriminali li huwa fetaħ, sabiex jiżgura d-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, ma hijiex neċessarja għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku u lanqas ma taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad - Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

L-Artikolu 1(1) tad-[Direttiva 2016/680] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jippreżenta l-għanijiet ta’ ‘prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien [jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali]’ bħala lista, qiegħed jirreferi għal aspetti tal-istess għan ġenerali?

2.

Id-dispożizzjonijiet ta[l-GDPR] huma applikabbli fil-konfront tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija, minħabba l-ġbir ta’ informazzjoni dwar persuna, fil-kapaċità tiegħu ta’ ‘kontrollur’ fis-sens […] tal-Artikolu 3[(8)] tad-Direttiva 2016/680, marbuta mal-kompilazzjoni ta’ fajl quddiem il-prosekutur għall-verifika ta’ data dwar reat imwettaq u użata fid-difiża ta’ din il-persuna quddiem il-qorti bħala parti fi proċeduri ċivili, f’sitwazzjoni fejn jiġi kkomunikat il-fatt li tkun qiegħda tiġi kkompilata din l-informazzjoni jew f’sitwazzjoni fejn jiġu kkomunikati elementi minn din l-informazzjoni?

2.1

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

L-espressjoni ‘interessi leġittimi’ użata fl-Artikolu 6(1)(e) ta[l-GDPR] għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-komunikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ informazzjoni dwar persuna, miġbura fil-kuntest tal-kompilazzjoni ta’ fajl quddiem il-prosekutur għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, f’sitwazzjoni fejn tintuża fid-difiża tal-kontrollur bħala parti fi proċeduri ċivili u fejn ikun eskluż il-kunsens tas-suġġett tad-data?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

39

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat l-ewwel domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħtiha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn dik il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn dan isegwi li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 6 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali jissodisfa skop differenti minn dak li għalih din id-data tkun inġabret, meta l-ġbir ta’ tali data jkun twettaq għall-finijiet tas-sejbien u tal-investigazzjoni ta’ reat kriminali u meta s-suġġett tad-data kien, fil-mument ta’ dan il-ġbir, meqjus bħala vittma, filwaqt li l-imsemmi pproċessar jitwettaq għall-finijiet tal-prosekuzzjoni kriminali ta’ din il-persuna fi tmiem l-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, jekk dan l-ipproċessar huwiex awtorizzat.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll tista’ tirrileva elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-kliem tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, li jirrigwarda l-għan tagħha, jiddistingwi espressament bejn kategoriji differenti ta’ attivitajiet li għall-finijiet tagħhom ipproċessar ta’ data personali rilevanti jista’ jservi. F’dan ir-rigward, mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari dik Bulgara, Spanjola, Ġermaniża, Griega, Ingliża u Taljana, jirriżulta li l-iskopijiet differenti msemmija f’dan l-Artikolu 1(1) jikkorrispondu rispettivament għall-“prevenzjoni”, għas-“sejbien”, għall-“investigazzjoni” u għall-“prosekuzzjoni” ta’ reati kriminali, għall-“eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, għas-salvagwardji” kontra t-“theddid għas-sigurtà pubblika” u għall-“prevenzjoni” ta’ tali theddid.

43

Sussegwentement, il-kliem tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-ipproċessar għal “kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) [tagħha] minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali” għandu jkun permess, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, jikkonferma espliċitament li l-kliem elenkat f’dan l-Artikolu 1(1), jiġifieri “prevenzjoni”, “sejbien”, “investigazzjoni”, “prosekuzzjoni”, “eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali”, “salvagwardji kontra [t-theddid għas-sigurtà pubblika]” u “prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika” jirreferi għal numru ta’ skopijiet differenti tal-ipproċessar ta’ data personali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

44

Għalhekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tagħha, jirriżulta li, meta data personali tkun inġabret għall-finijiet tas-“sejbien” u tal-“investigazzjoni” ta’ reat kriminali u sussegwentement tkun ġiet ipproċessata għall-finijiet ta’ “prosekuzzjoni”, l-imsemmi ġbir u l-imsemmi pproċessar iservu skopijiet differenti.

45

Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu li l-kontrollur jistabbilixxi, jekk ikun il-każ u sa fejn ikun possibbli, distinzjoni ċara bejn id-data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data bħal, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, rispettivament, il-persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dawn ikunu wettqu jew sejrin iwettqu reat kriminali, il-persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali u l-vittimi ta’ reat kriminali jew il-persuni li fir-rigward tagħhom ċerti fatti jagħtu x’jinftiehem li huma jistgħu jkunu vittmi ta’ reat kriminali.

46

Konsegwentement, persuna li d-data personali tagħha tiġi pproċessata sabiex hija tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għandha titqies bħala li taqa’ taħt il-kategorija ta’ persuni li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu reat kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680. Minn dan jirriżulta li, jekk, bħal fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda, din il-persuna kienet inizjalment meqjusa bħala vittma ta’ reat kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6(c) ta’ din id-direttiva, l-imsemmi pproċessar jirrifletti bidla fil-kategorija tal-imsemmija persuna, fatt li l-kontrollur għandu jieħu inkunsiderazzjoni skont ir-rekwiżit ta’ distinzjoni ċara bejn id-data ta’ kategoriji differenti ta’ persuni, stabbilit f’dan l-artikolu.

47

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u lanqas l-Artikolu 4(2) tagħha ma jirreferu għall-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jew għall-kontenut tiegħu sabiex jiġi ddeterminat l-iskop ta’ pproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

48

Barra minn hekk, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”, użata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, tindika b’mod ċar li ma huwiex neċessarjament possibbli li ssir distinzjoni ċara bejn tali data, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, din id-data tinġabar għall-finijiet ta’ “investigazzjoni” jew għall-finijiet ta’ “sejbien” ta’ reat kriminali, peress li l-istess persuna tista’ taqa’ taħt diversi kategoriji ta’ persuni previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u d-determinazzjoni tal-kategoriji kkonċernati tista’ tevolvi matul l-istruttorja, skont il-kjarifika progressiva tal-fatti inkwistjoni.

49

Minn dan għandu jiġi dedott li dan l-Artikolu 6 jistabbilixxi obbligu distint minn dak previst fl-imsemmi Artikolu 4(2) u, hekk kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmi obbligu ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ipproċessar ta’ data personali jissodisfax skop differenti minn dak li għalih din id-data tkun inġabret, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

50

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi, minn naħa, li d-data personali għandha tinġabar għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-iskopijiet, u, min-naħa l-oħra, li din id-data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom din tiġi pproċessata. Dawn iż-żewġ rekwiżiti huma stabbiliti, essenzjalment, fl-istess termini fl-Artikolu 5(1)(b) u (c) tal-GDPR, li jippreċiża li dawn jikkorrispondu, rispettivament, għall-prinċipji ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet u ta’ minimizzazzjoni tad-data.

51

Madankollu, għandu jiġi osservat, fid-dawl tal-premessa 29 ta’ din id-direttiva, li l-Artikolu 4(2) tagħha jawtorizza pproċessar sussegwenti ta’ data personali għal skop differenti minn dak li għalih din id-data tkun inġabret, sakemm dan l-iskop ikun jinsab fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva u dan l-ipproċessar ikun jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 4(2)(a) u (b). Minn naħa, il-kontrollur għandu jkun awtorizzat jipproċessa l-imsemmija data personali għal tali skop skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, l-ipproċessar għandu jkun neċessarju u proporzjonat għal dan l-iskop l-ieħor.

52

B’mod partikolari, data personali miġbura għall-finijiet tal-“prevenzjoni”, tas-“sejbien” jew tal-“investigazzjoni” ta’ reati kriminali tista’ tkun ipproċessata sussegwentement, jekk ikun il-każ, minn awtoritajiet kompetenti differenti, bil-għan ta’ “prosekuzzjoni” jew ta’ “eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali”, meta reat kriminali jkun ġie identifikat u jkun jitlob, konsegwentement, azzjoni repressiva.

53

Madankollu, fil-kuntest tal-ġbir ta’ data personali għall-finijiet ta’ “sejbien” u ta’ “investigazzjoni” ta’ reati kriminali, l-awtoritajiet kompetenti huma mitluba jiġbru kull data potenzjalment rilevanti għad-determinazzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu r-reat kriminali inkwistjoni fi stadju fejn dawn ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-“prosekuzzjoni”, din id-data tkun intiża li tistabbilixxi n-natura suffiċjentement probatorja tal-fatti imputati lill-persuni suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali kif ukoll l-eżattezza tal-klassifikazzjoni kriminali ta’ dawn il-fatti, sabiex il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħti deċiżjoni.

54

Konsegwentement, minn naħa, data personali neċessarja għall-finijiet ta’ “sejbien” ta’ reat kriminali u ta’ “investigazzjoni” tiegħu ma tkunx sistematikament neċessarja għall-finijiet ta’ “prosekuzzjoni”. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tal-ipproċessar ta’ data personali għas-suġġetti tad-data jistgħu jkunu sostanzjalment differenti, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-grad ta’ ndħil fid-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ din id-data u l-effetti ta’ dan l-ipproċessar fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni.

55

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(2) ma huwiex limitat għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq b’rabta mal-istess reat kriminali bħal dak li jkun iġġustifika l-ġbir ta’ din l-istess data. Fil-fatt, hekk kif tindika l-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680, din tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità, għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ġlieda kontra r-reati kriminali, li jipproċessaw data personali għal skop differenti minn dak li wassal għall-ġbir ta’ din id-data, b’mod partikolari bl-għan li jinkiseb għarfien aħjar tal-attivitajiet kriminali u li jiġu stabbiliti rabtiet bejn ir-reati kriminali differenti aċċertati.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/680, l-evalwazzjoni tal-osservanza tagħhom minn ipproċessar, mill-istess kontrollur jew minn kontrollur ieħor, ta’ data personali għal wieħed mill-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) differenti minn dawk li għalihom din id-data tkun inġabret, għandha titwettaq billi kull wieħed minn dawn l-iskopijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 1(1) jitqies bħala speċifiku u distint.

57

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2016/680, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta regoli li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-qasam kopert minn din id-direttiva.

58

F’dan ir-rigward, il-premessa 12 tipprovdi li l-attivitajiet imwettqa mill-pulizija jew minn awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi huma ffokati prinċipalment fuq il-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi l-attivitajiet tal-pulizija mwettqa mingħajr għarfien minn qabel dwar jekk inċident jikkostitwixxix reat kriminali jew le.

59

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jadotta regoli li jikkorrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw l-attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn jikkostitwixxu attivitajiet distinti li jfittxu skopijiet speċifiċi għalihom.

60

Din l-interpretazzjoni, imwettqa fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha, hija kkorraborata mill-oriġini tagħha, b’mod partikolari mid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill dwar il-Pożizzjoni (UE) Nru 5/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, C 158, p. 46). Fil-fatt f’din id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-Kunsill jiġġustifika l-introduzzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fid-Direttiva 2016/680 billi jindika li din “pereżempju, [t]ippermetti prosekutur jipproċessal-istess data personali għall-prosekuzzjoni ta’ reat, bħalma għamlu l-pulizija fis-sejbien ta’ reat billi ż-żewġ finijiet fl-eżempju huma koperti mill-Artikolu 1(1) [ta’ din id-direttiva].”

61

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, bil-għan li ssolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk l-ipproċessar tad-data personali relatata ma’ VS, imwettaq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-distrett ta’ Petrich għall-finijiet tal-prosekuzzjoni ta’ din il-persuna, setax jiġi awtorizzat fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680, billi tivverifika, minn naħa, jekk id-dritt kriminali Bulgaru kienx jippermetti lil din l-awtorità twettaq dan l-ipproċessar u, min-naħa l-oħra, jekk dan kienx neċessarju u proporzjonat mal-iskop tiegħu.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tevalwa n-natura neċessarja u proporzjonata ta’ tali pproċessar, il-qorti tar-rinviju tista’, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtorità inkarigata minn din il-prosekuzzjoni għandha tkun tista’ tkun f’pożizzjoni li tibbaża ruħha fuq id-data miġbura matul l-imsemmija investigazzjoni bħala prova tal-fatti li jikkostitwixxu r-reat, b’mod partikolari, dik relatata mal-persuni involuti fih, sakemm din id-data tkun neċessarja għall-identifikazzjoni tagħhom u għad-determinazzjoni tal-involviment tagħhom.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 6 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali jissodisfa skop differenti minn dak li għalih din id-data tkun inġabret, meta l-ġbir ta’ tali data jkun twettaq għall-finijiet tas-sejbien u tal-investigazzjoni ta’ reat kriminali, filwaqt li l-imsemmi pproċessar jitwettaq għall-finijiet tal-prosekuzzjoni kriminali ta’ persuna fi tmiem l-investigazzjoni kriminali inkwistjoni, u dan indipendentement mill-fatt li din il-persuna kienet meqjusa bħala vittma fil-mument tal-imsemmi ġbir, u li tali pproċessar huwa awtorizzat bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, sakemm dan josserva l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 3(8) u l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dan ir-regolament huwa applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, sabiex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat, fil-każ fejn dan jinforma lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ fajls li jikkonċernaw lil persuna fiżika parti f’dan ir-rikors, miftuħa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva u fejn huwa jibgħat dawn il-fajls lill-imsemmija qorti u, min-naħa l-oħra, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li tali pproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala legali għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ammissibiltà

65

Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-IVSS jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda minħabba li din saret mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-eżami ta’ motiv invokat minn VS li kien ġie miċħud bħala inammissibbli permezz tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali, minħabba l-iskadenza tat-terminu legali sabiex dan jitqajjem.

66

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-motivi mressqa minn VS fil-kuntest tar-rikors tiegħu quddiem l-IVSS taqa’ kompletament taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti indikat li hija kienet tqis it-tieni domanda bħala rilevanti, minkejja ċ-ċaħda bħala inammissibbli, mill-IVSS, tal-motiv imsemmi fil-punt 65 ta’ din is-sentenza. Fi kwalunkwe każ ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid din l-evalwazzjoni.

68

Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

– Fuq l‑applikazzjoni tal‑GDPR għall‑ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, sabiex jeżerċita d‑drittijiet tad‑difiża tiegħu fil‑kuntest ta’ rikors għad‑danni kontra l‑Istat

69

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-użu, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, tal-informazzjoni dwar persuna fiżika li huwa jkun ġabar u pproċessa għal finijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, sabiex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, jikkostitwixxix “ipproċessar” ta’ “data personali”, fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

70

Qabel kollox, għandu jitfakkar li “data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tfisser “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”, fejn huwa mifhum li, skont il-ġurisprudenza, din id-definizzjoni hija applikabbli meta, minħabba l-kontenut, l-iskop u l-effett tagħha, l-informazzjoni inkwistjoni tkun marbuta ma’ persuna speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 35). Barra minn hekk, skont il-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-kunċett ta’ “pproċessar” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom” bħal, b’mod partikolari, “il-konsultazzjoni”, “l-użu”, “l-iżvelar bi trażmissjoni”, “it-tixrid” jew “it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor”. Dawn id-definizzjonijiet jirriflettu l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti tifsira wiesgħa lil dawn iż-żewġ kunċetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 34, u tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 35).

71

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-konvenut fi proċeduri ċivili jinforma lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, anki fil-qosor, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jew waqt is-seduta, bil-ftuħ ta’ fajls li jikkonċernaw lill-persuna fiżika li tkun ressqet dawk il-proċeduri, b’mod partikolari għall-finijiet tas-“sejbien” jew tal-“investigazzjoni” ta’ reat kriminali, jimplika li dan il-konvenut “ikkonsulta”, “uża” u “ttrażmetta” jew “ikkomunika”“data personali”, fis-sens tal-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4 tal-GDPR. B’hekk, kemm permezz tal-kontenut tagħha kif ukoll permezz tal-iskop u tal-effett tagħha, din l-informazzjoni hija marbuta ma’ persuna speċifika, identifikabbli kemm mill-parti li tkun żvelatha kif ukoll mill-qorti li lilha din tiġi trażmessa.

72

Min-naħa l-oħra, il-fatt li dan l-istess konvenut, jipproduċi, fuq talba tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, il-fajls relatati mal-proċeduri li jikkonċernaw lill-imsemmija persuna fiżika, jimplika, tal-inqas, “l-użu” u l-“iżvelar bi trażmissjoni” ta’ “data personali”, fis-sens tal-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

73

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tal-GDPR jiddefinixxi, b’mod wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 61), li jinkludi kull “ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u [l]-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”. Il-korollarju ta’ din id-definizzjoni wiesgħa huwa li l-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-GDPR, elenkati fl-Artikolu 2(2) tiegħu għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) li tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punti 4041 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, din l-eċċezzjoni hija mmotivata mill-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) (d) tal-GDPR huwa rregolat minn att speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2016/680, li ġiet adottata fl-istess jum bħall-GDPR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2016/680, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, li għalihom din id-data tkun inġabret.

76

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi, minn naħa, li tali pproċessar ta’ data personali ma jistax, bħala prinċipju, jitwettaq, sakemm ma jkunx awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, li l-GDPR għandu japplika għal dan l-ipproċessar, sakemm dan ma jitwettaqx fil-kuntest ta’ attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, sakemm l-ipproċessar ma jitwettaqx fil-kuntest ta’ tali attività, il-GDPR għandu japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-kompiti tagħhom minbarra dawk imwettqa għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

77

Issa, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 71u 72 ta’ din is-sentenza, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, għall-finijiet tal-“prevenzjoni”, tas-“sejbien” tal-“investigazzjoni” jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali ċertament jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

78

Madankollu, anki jekk il-preżentata ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat tkun toriġina minn allegati nuqqasijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, bħal, bħal f’dan il-każ, allegat ksur tad-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, id-difiża tal-Istat fil-kuntest ta’ tali rikors ma hijiex intiża li tiżgura, bħala tali, il-kompiti ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680.

79

Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-GDPR, l-istess ipproċessar ta’ data personali ma jistax jitqies bħala li twettaq “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR u tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-espressjoni hija intiża biss li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet tal-Istat fil-kuntest ta’ attività intiża li tissalvagwardja s-sigurtà nazzjonali jew ta’ attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija. Issa, il-parteċipazzjoni ta’ awtorità pubblika fi proċeduri ċivili bħala konvenuta fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat ma hijiex intiża li tissalvagwardja s-sigurtà nazzjonali u lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija ta’ attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 66 sa 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-GDPR għall-ipproċessar ta’ data msemmi fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jitqies bħala “kontrollur”, fis-sens mhux biss tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR iżda wkoll tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2016/680, sa fejn “waħdu jew flimkien ma’ oħrajn”, huwa “ jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi” ta’ dan l-ipproċessar, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Fil-fatt, hija din l-awtorità, bħala parti fil-proċeduri, li tinforma lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fajls miftuħa fil-qasam kriminali li jikkonċernaw lill-parti l-oħra u li tibgħatilha dawn il-fajls. Il-kwalità tagħha ta’ “kontrollur”, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, li hija intiża li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data, hija indipendenti mill-grad ta’ involviment tagħha u mil-livell ta’ responsabbiltà tagħha, li jistgħu jkunu differenti minn dawk tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, li għandha tawtorizza, jew saħansitra tordna, tali pproċessar (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID, C‑40/17, EU:C:2019629, punti 66 sa 70).

81

Issa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar ta’ data msemmi fil-punt 80 ta’ din is-sentenza jaqax taħt l-Artikolu 9(1) jew taħt l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/680, mill-formulazzjoni ta’ dawn il-paragrafi u mill-artikulazzjoni tagħhom jirriżulta li l-GDPR japplika għal kull ipproċessar ta’ data personali, miġbura għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għal finijiet differenti minn dawn, ħlief jekk l-ipproċessar inkwistjoni ma jkunx jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż meta l-“kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 3(8) tal-imsemmija direttiva, ikun “awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 3(7)(a) tagħha u meta huwa jwettaq l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ kompiti oħra differenti minn dawk imwettqa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti hemm lok li jitqies li l-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, sabiex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat, meta, minn naħa, huwa jinforma lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni bl-eżistenza ta’ fajls li jikkonċernaw lil persuna fiżika li tkun parti f’dan ir-rikors, miftuħa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u meta, min-naħa l-oħra, huwa jibgħat dawn il-fajls lil dik il-qorti.

– Fuq il‑legalità tal‑ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill‑Uffiċċju tal‑Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, sabiex jeżerċita d‑drittijiet tad‑difiża tiegħu fil‑kuntest ta’ rikors għad‑danni kontra l‑Istat

83

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tal-GDPR jelenka, b’mod limitattiv, il-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala legali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99).

84

Fost dawn il-każijiet, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedi l-ipproċessar neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess ġenerali jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li l-kontrollur għandu u l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ikopri l-ipproċessar neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, sakemm ma jkunux jipprevalu l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkunu jeħtieġu protezzjoni tad-data personali. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu ma għandux japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

85

Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jirriżulta b’mod ċar li pproċessar ta’ data personali mwettaq minn awtorità pubblika fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tagħha ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, dwar l-ipproċessar ta’ data personali neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR u hekk kif sostniet il-Kummissjoni, din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tapplika għal tali pproċessar ta’ data, peress li l-bażi legali tiegħu għandha tkun prevista mil-leġiżlatur. Minn dan isegwi li, meta l-ipproċessar imwettaq minn awtorità pubblika jkun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku, u, għalhekk, dan ikun jaqa’ taħt il-kompiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR u dik tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu jeskludu lil xulxin.

86

Għaldaqstant, qabel ma titqies il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, ta’ data personali, miġbura inizjalment bil-għan ta’ wieħed jew iktar mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, għall-finijiet li tiġi żgurata d-difiża tal-Istat jew ta’ korp pubbliku, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn nuqqas tal-Istat jew ta’ korp pubbliku fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwiex neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew jaqax taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li huwa għandu, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

87

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 94 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta jkun l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li jkollu jiddefendi l-interessi ġuridiċi u finanzjarji tal-Istat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni li jikkontesta l-aġir jew l-imġieba ta’ din l-awtorità pubblika fil-kuntest tal-kompiti ta’ interess pubbliku fdati lilha fil-qasam kriminali, id-difiża ta’ dawn l-interessi tista’ tikkostitwixxi, skont id-dritt nazzjonali, kompitu ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

88

Fil-fatt, minn naħa, permezz tal-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilha bħala konvenuta, l-imsemmija awtorità pubblika tippreserva ċ-ċertezza legali tal-atti mwettqa u tad-deċiżjonijiet adottati fl-interess pubbliku, ikkontestati mir-rikorrent. It-teħid ta’ pożizzjoni tagħha fuq il-motivi u l-argumenti ta’ dan tal-aħħar jistgħu jevitaw, jekk ikun il-każ, ir-riskju li dawn jikkompromettu l-applikazzjoni effettiva tar-regoli imposti fuqha fil-kuntest tal-kompiti li hija qiegħda tiġi akkużata li wettqet b’mod żbaljat.

89

Min-naħa l-oħra, permezz tal-motivi u tal-argumenti ta’ difiża tagħha, din l-istess awtorità pubblika tista’ tenfasizza, meta dan ikun il-każ, in-natura eventwalment infondata jew eċċessiva tat-talbiet għad-danni tar-rikorrent, bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi evitat li t-twettiq tal-kompiti ta’ interess pubbliku kkontestat fil-kuntest tar-rikors għad-danni jiġi ostakolat mill-possibbiltà ta’ azzjonijiet għad-danni, meta dawn il-kompiti jkunu jistgħu jippreġudikaw l-interessi tal-individwi.

90

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaġixxi, bħala konvenut, fuq livell ta’ ugwaljanza mal-partijiet l-oħra, u ma jeżerċitax prerogattivi ta’ awtorità pubblika, hekk kif huwa l-każ fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tiegħu fil-qasam kriminali.

91

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Gvern Bulgaru bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għad-danni, li, parzjalment, ta’ lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa bbażat fuq il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni Kkawżati, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt li l-kawża tiġi eżaminata u deċiża f’terminu raġonevoli, u li, skont l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, hija l-awtorità li l-atti tagħha, l-azzjonijiet tagħha jew in-nuqqasijiet illegali tagħha jkunu kkawżaw id-dannu li għandha tkun parti fit-tilwima u li, fuq din il-bażi, għandha tissostitwixxi lill-Istat fuq livell proċedurali.

92

B’hekk, ir-rwol tal-awtorità li tikkawża d-dannu allegat fil-kuntest ta’ tali rikors għad-danni huwa differenti minn dak tal-konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru tal-Istat imressqa kontra l-uffiċjal pubbliku personalment responsabbli minħabba nuqqasijiet imwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, peress li, f’din l-aħħar ipoteżi, dan ir-rwol huwa intiż għad-difiża ta’ interessi privati (ara, f’dan is-sens, is-senenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 225).

93

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li l-ipproċessar, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, ta’ data personali, inizjalment miġbura u pproċessata bil-għan ta’ wieħed jew iktar mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, għall-finijiet li tiġi żgurata d-difiża tal-Istat, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn nuqqas ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fit-twettiq tal-kompiti tiegħu huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jaqa’ mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, iżda pjuttost taħt dak tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR.

94

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, meta, sabiex tiġi żgurata d-difiża tal-Istat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru jittrażmetti data personali lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, fuq talba ta’ din tal-aħħar, din it-trażmissjoni tista’ wkoll taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, meta, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, l-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jkun obbligat jilqa’ tali talba.

95

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi stabbilit li pproċessar ta’ data personali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li, konformement mal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, id-dritt nazzjonali jiddefinixxi, minn naħa, il-bażi għal tali pproċessar u, min-naħa l-oħra, l-iskopijiet ta’ dan tal-aħħar jew, fir-rigward tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), li l-imsemmi pproċessar huwa neċessarju għat-twettiq, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, tal-kompitu tiegħu ta’ interess pubbliku.

96

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk l-iżvelar, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, ta’ informazzjoni dwar l-awtur tar-rikors għad-danni, inkluża f’fajls miftuħa f’kawżi oħra differenti minn dik li tat lok għal dan ir-rikors, jissodisfax ir-rekwiżiti l-oħra previsti mill-GDPR, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” previst fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li jkun neċessarju b’rabta mal-iskopijiet li għalihom din tiġi pproċessata u li jagħti espressjoni għall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98). Barra minn hekk, hija għandha tivverifika li dan l-ipproċessar ta’ data personali twettaq b’osservanza tal-garanziji xierqa, b’mod partikolari tal-possibbiltà li wieħed jikkummenta b’mod effikaċi fuq l-informazzjoni u l-provi prodotti f’dan il-kuntest mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, iżda, wkoll, konformement mal-Artikolu 21(1) tal-GDPR, li wieħed joġġezzjona għall-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-provi lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, bla ħsara għal-limitazzjonijiet għal dan id-dritt ta’ oppożizzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, konformement mal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li:

l-Artikolu 3(8) u l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, sabiex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat, meta, minn naħa, huwa jinforma lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni bl-eżistenza ta’ fajls li jikkonċernaw lil persuna fiżika li tkun parti f’dan ir-rikors, miftuħa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u meta, min-naħa l-oħra, huwa jibgħat dawn il-fajls lil dik il-qorti;

l-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn rikors għad-danni kontra l-Istat ikun ibbażat fuq in-nuqqasijiet imputati lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tiegħu fil-qasam kriminali, tali pproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala legali jekk dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ difiża tal-interessi ġuridiċi u finanzjarji tal-Istat, fdat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri, abbażi tad-dritt nazzjonali, sakemm l-imsemmi pproċessar ta’ data personali jkun jissodisfa r-rekwiżiti kollha applikabbli previsti mill-imsemmi regolament.

Fuq l‑ispejjeż

98

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 6 tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ipproċessar ta’ data personali jissodisfa skop differenti minn dak li għalih din id-data tkun inġabret, meta l-ġbir ta’ tali data jkun twettaq għall-finijiet tas-sejbien u tal-investigazzjoni ta’ reat kriminali, filwaqt li l-imsemmi pproċessar jitwettaq għall-finijiet tal-prosekuzzjoni kriminali ta’ persuna fi tmiem l-investigazzjoni kriminali inkwistjoni, u dan indipendentement mill-fatt li din il-persuna kienet meqjusa bħala vittma fil-mument tal-imsemmi ġbir, u li tali pproċessar huwa awtorizzat bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, sakemm dan josserva l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 3(8) u l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru, sabiex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Istat, meta, minn naħa, huwa jinforma lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni bl-eżistenza ta’ fajls li jikkonċernaw lil persuna fiżika li tkun parti f’dan ir-rikors, miftuħa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u meta, min-naħa l-oħra, huwa jibgħat dawn il-fajls lil dik il-qorti.

 

3)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn rikors għad-danni kontra l-Istat ikun ibbażat fuq in-nuqqasijiet imputati lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tiegħu fil-qasam kriminali, tali pproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala legali jekk dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ difiża tal-interessi ġuridiċi u finanzjarji tal-Istat, fdat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri, abbażi tad-dritt nazzjonali, sakemm l-imsemmi pproċessar ta’ data jkun jissodisfa r-rekwiżiti kollha applikabbli previsti mill-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.