SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 87/357/KEE – Artikolu 1(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Prodotti mhux tal-ikel li jistgħu jiġu konfużi ma’ prodotti tal-ikel – Kunċett – Riskju ta’ soffokazzjoni, ta’ avvelenament, ta’ perforazzjoni jew ta’ ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel – Preżunzjoni ta’ perikolu – Assenza – Prova”

Fil-Kawża C‑122/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

GET Fresh Cosmetics Limited

vs

Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba,

fil-preżenza ta’:

V. U.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Get Fresh Cosmetics Limited, minn M. Inta, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn M. K. Dieninis et V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, E. Sanfrutos Cano u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE tal‑25 ta’ Ġunju 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prodotti li, minħabba li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu jipperikolaw is-saħħa jew s-sigurtà tal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 8, p. 283).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Get Fresh Cosmetics Limited u l-Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba (l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi”), dwar projbizzjoni imposta fuq Get Fresh Cosmetics li tqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq ċerti prodotti kosmetiċi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 87/357

3

Skont l-ewwel sas-seba’ premessa tad-Direttiva 87/357:

“Billi f’diversi Stati Membri hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet legali jew regolamenti dwar ċerti prodotti li, minħabba li jidhru li huma xi ħaġa oħra minn dak li fil-fatt huma, jipperikolaw is-sigurtà jew is-saħħa tal-konsumaturi; iżda, billi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jaqblux fil-kontenut, skop u fil-qasam ta’ l-applikazzjoni; billi, b’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet f’ċerti Stati Membri jikkonċernaw il-prodotti kollha li jixbhu oġġetti ta’ l-ikel waqt li ma jkunux hekk waqt li fi Stati Membri oħra huma jikkonċernaw prodotti li x’aktarx jistgħu jitfixklu ma’ oġġetti ta’ l-ikel, l-aktar ħelu;

Billi din il-qagħda toħloq fil-Komunità xkiel sinifikanti għall-moviment liberu tal-merkanzija u kondizzjonijiet kompetittivi li mhumiex ugwali mingħajr ma tkun żgurata protezzjoni effettiva għal konsumaturi, b’mod speċjali tfal;

Billi, dawn l-ostakoli għall-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq komuni għandhom jitneħħew u għandha tkun żgurata protezzjoni xierqa għal konsumaturi bi qbil mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ April 1975 u d‑19 ta’ Mejju 1981 rispettivament fuq l-ewwel [ĠU 1975, C 92, p. 1] u t-tieni programmi [ĠU 1981, C 133; p. 1] tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal protezzjoni tal-konsumatur u politika ta’ informazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ġunju 1986 dwar spinta ġdida għal politika ta’ protezzjoni tal-konsumatur [ĠU 1986, C 167, p. 1];

Billi s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi għandu jkollhom livell ekwivalenti ta’ protezzjoni fl-Stati Membri differenti;

Billi għal dak il-għan jeħtieġ li jkun projbit il-bejgħ, l-importazzjoni u kemm il-produzzjoni kif ukoll l-esportazzjoni ta’ prodotti li, minħabba li jistgħu jitfixklu ma’ oġġetti ta’ l-ikel, jipperikolaw is-saħħa jew is-sigurtà ta’ konsumaturi;

Billi għandha ssir dispożizzjoni għal kontrolli li għandhom isiru mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri;

Billi, bi qbil mal-prinċipji inkorporati fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsil dwar protezzjoni tal-konsumatur, il-prodotti perikolużi għandhom ikunu rtirati mis-suq.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti, definiti fil-paragrafu 2 hawn taħt, li, waqt li jidhru li huma xi ħaġa oħra milli fil-fatt huma, jipperikolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi.

2.   Il-prodotti li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 hawn fuq huma dawk li, għalkemm ma jkunux oġġetti ta’ l-ikel, ikollhom forma, riħa, kulur, dehra, imballaġġ, tikketta, volum jew daqs, li x’aktarx li l-konsumaturi, speċjalment tfal, ifixkluhom ma’ oġġetti ta’ l-ikel u bħala konsegwenza jqegħduhom f’ħalqhom, jew isoffuhom jew jibilgħuhom, li jistgħu jkunu perikolużi u jikkawżaw, per eżempju, fgar, avvelenament, jew il-perforazzjoni jew xkiel fis-sistema diġestiva.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprojbixxu l-bejgħ, l-importazzjoni u jew il-manifattura jew l-esportazzjoni tal-prodotti li għalihom tirreferi din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jistipula li:

“L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li jsir l-iċċekkjar fuq prodotti li jkun hemm fis-suq biex jassiguraw li ebda prodott li jaqa’ fil-qasam ta’ din id-Direttiva ma jkun qed jinbiegħ u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jirtiraw jew iġiegħlu li jkun irtirat kull prodott li jaqa’ taħt din id-Direttiva.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1223/2009

7

Il-premessi 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162 u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43), huma fformulati kif ġej:

“(9)

Il-prodotti kożmetiċi għandhom ikunu sikuri f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment imbassra. B’mod partikolari raġunament ta’ riskju u benefiċċju ma għandux jiġġustifika riskju għas-saħħa tal-bniedem.

(10)

Il-preżentazzjoni ta’ prodott kożmetiku u b’mod partikolari l-forma, ir-riħa, il-kulur, id-dehra, l-imballaġġ, it-tikketta, il-volum jew id-daqs m’għandhomx jipperikolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi minħabba konfużjoni mal-oġġetti, skont [id-Direttiva 87/357]”.

8

L-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sikurezza”, jipprevedi:

“Prodott kożmetiku li jsir disponibbli fis-suq għandu jkun sikur għal saħħet il-bniedem meta użat f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli, waqt li jiġu kkunsidrati, b’mod partikulari, dawn li ġejjin:

(a)

preżentazzjoni inkluża l-konformità mad-[Direttiva 87/357];

[…]”

Id‑dritt Litwan

9

L-Artikolu 6 tal-Lietuvos Respublikos Maisto įstatymas (il-Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel tar-Repubblika tal-Litwanja) jirregola r-restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel u ta’ prodotti oħra li jixbhu prodotti tal-ikel. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li, mill-forma tagħhom, mir-riħa tagħhom, mill-kulur tagħhom, mill-aspett tagħhom, mill-ittikkettjar tagħhom, mill-imballaġġ tagħhom, mid-daqs tagħhom jew b’mod ieħor jixbhu prodott tal-ikel sal-punt li konsumaturi, b’mod partikolari tfal, jistgħu jitfixklu u jikkonsmawhom bħal prodott tal-ikel, meta tali konsum jista’ jikkomprometti s-saħħa jew il-ħajja tagħhom.

10

Skont l-Artikolu 9 tal-Lietuvos Respublikos produktų saugos įstatymas (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Prodotti tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sigurtà tal-Prodotti”):

“Il-bejjiegħ għandu:

iqiegħed fis-suq biss prodotti siguri.

[…]”

11

L-Artikolu 3(5) tal-Liġi dwar it-Traffiku tat-Triq jipprovdi:

“‘Prodott sigur’ ifisser kull prodott li, użat taħt kundizzjonijiet normali ta’ użu, iddefiniti mill-manifattur jew raġonevolment prevedibbli, inkluż tat-tul ta’ żmien, ma jkollu ebda riskju jew ma jkunx ta’ riskju għall-ħajja jew għas-saħħa tal-konsumaturi li jkun ogħla mil-limitu awtorizzat mil-leġiżlatur bħala li jikkorrispondi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’kunsiderazzjoni:

1.

għall-parametri tal-prodott, għall-kompożizzjoni tiegħu, għall-imballaġġ tiegħu, għall-modalitajiet tiegħu ta’ assemblaġġ u għall-użu, kif ukoll għall-manutenzjoni;

2.

għall-impatt tiegħu fuq prodotti oħra, jekk ikun raġonevolment mistenni li ser jintuża ma’ prodotti oħra;

3.

għall-preżentazzjoni tal-prodott, għall-iskrizzjonijiet li jidhru fuq il-prodott jew fuq l-imballaġġ tiegħu, għall-istruzzjonijiet dwar l-użu u l-qerda tiegħu wara dan, kif ukoll għal kull informazzjoni oħra pprovduta mill-manifattur;

4.

għall-kategoriji ta’ konsumaturi li l-użu tal-prodott jista’ jesponi riskju ikbar, b’mod partikolari għat-tfal.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Get Fresh Cosmetics hija kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li timmanifattura prodotti kożmetiċi bħal bombi tal-banju. Dawn il-prodotti huma ddistribwiti fil-Litwanja b’mod partikolari permezz ta’ sit internet.

13

Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Mejju 2018, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi kkuntattja lid-distributur tal-prodotti ta’ Get Fresh Cosmetics fil-Litwanja, fejn indika li kien ser iwettaq kontroll tal-prodotti kożmetiċi mibjugħa fuq is-sit internet ikkonċernat. Huwa stieden lil dan id-distributur jipprovdilu, fir-rigward ta’ ċerti prodotti kożmetiċi magħżula addoċċ — jiġifieri tipi differenti ta’ bombi tal-banju (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”) –, l-isem u l-indirizz tal-manifattur, it-tikketti bil-lingwa oriġinali u bil-Litwan, informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni, in-nomenklatura internazzjonali tal-ingredjenti ta’ prodotti kożmetiċi (INCI) (International Nomenclature of Cosmetic Ingredients), kif ukoll informazzjoni oħra neċessarja għal dan il-kontroll.

14

Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Mejju 2018, dan id-distributur informa lill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi li, diversi ġimgħat qabel, wara li ġie informat dwar ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni ma’ prodotti tal-ikel, huwa kien irtirahom mill-imsemmi sit internet. Huwa indika wkoll li l-prodotti kollha kienu jirreferu għall-portal ta’ notifika tal-prodotti kożmetiċi (Cosmetic product notification portal), kienu rreġistrati fl-Unjoni u kellhom tikketta li tindika li la kellhom jitpoġġew fil-ħalq u lanqas jiġu kkonsmati. Fl-aħħar, huwa pprovda lill-Uffiċċju ta’ Protezzjoni tal-Konsumaturi d-dokumenti mitluba.

15

Wara l-istħarriġ tal-konformità tal-prodotti inkwistjoni mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009 kif ukoll tal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u abbażi tar-rapport ta’ kontroll, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi adotta, fid‑29 ta’ Awwissu 2018, deċiżjonijiet li jikkonstataw li dawn il-prodotti ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(a) u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 minħabba li l-imsemmija prodotti kienu jimitaw prodotti tal-ikel permezz tal-aspett tagħhom, tar-riħa tagħhom, tal-forma tagħhom u tad-daqs tagħhom u li, peress li ma kellhomx id-dehra ta’ dak li kienu, kienu jikkompromettu s-sigurtà u s-saħħa tal-konsumaturi, b’mod partikolari tat-tfal u tax-xjuħ. Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, minn naħa, ipprojbixxa t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-prodotti inkwistjoni fis-suq u, min-naħa l-oħra, ordna lid-distributur ikkonċernat jirtirahom mis-suq, javża lill-konsumaturi bir-riskju assoċjat ma’ dawn il-prodotti, jinforma lill-konsumaturi bil-possibbiltà li jirritornaw l-imsemmija prodotti lill-bejjiegħ u jipprovdi informazzjoni dwar il-passi li kellhom jittieħdu.

16

Il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Get Fresh Cosmetics billi annullat l-imsemmija deċiżjonijiet u billi obbligat lill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi jeżamina mill-ġdid il-kwistjoni tal-konformità tal-prodotti inkwistjoni mar-rekwiżit tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1223/2009.

17

Adita b’appell mill-imsemmi uffiċċju, il-qorti tar-rinviju annullat din is-sentenza u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus). Din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors ta’ Get Fresh Cosmetics li appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba, b’mod partikolari, li l-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) kienet wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 87/357.

18

Get Fresh Cosmetics issostni li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357 jeżiġi li jiġi pprovat li l-prodotti inkwistjoni jkunu prodotti mhux tal-ikel li jkollhom forma, riħa, kulur, aspett, ippakkjar, ittikkettjar, volum jew daqs li huwa prevedibbli li l-konsumaturi, b’mod partikolari t-tfal, ifixkluhom ma’ prodotti tal-ikel u, minħabba f’hekk, idaħħluhom fil-ħalq, isoffuhom jew jibilgħuhom, meta din l-azzjoni tista’ timplika riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel.

19

F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ma setax sempliċement jistabbilixxi li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jiġu konfużi ma’ prodotti tal-ikel, iżda kellu juri wkoll il-perikolu li jirriżulta minn tali konfużjoni. Hija tqis li, għal dan il-għan, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi kellu jwettaq testijiet u provi fil-laboratorju sabiex jiddetermina jekk il-prodotti inkwistjoni jistgħux jinqasmu u jekk humiex ta’ perikolu ta’ avvelenament meta jiddaħħlu fil-ħalq, jissoffew jew jinbelgħu.

20

L-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi jsostni, min-naħa tiegħu, li, sa fejn il-prodotti kożmetiċi ma humiex intiżi għall-konsum, l-eżistenza ta’ xebh bejn tali prodott mhux tal-ikel u prodott tal-ikel, li minnu jirriżulta li huwa prevedibbli li l-prodott kożmetiku ser jitqiegħed fil-ħalq, hija biżżejjed sabiex jiġi preżunt li dan il-prodott joħloq riskji għas-saħħa tal-konsumaturi.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009 u tad-Direttiva 87/357, iċċarata mix-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tiegħu, jirriżulta li x-xebh bejn prodott kożmetiku u prodott tal-ikel huwa fattur li jnissel ipso facto riskju, tal-inqas potenzjali, għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-konsumaturi, b’mod partikolari tat-tfal.

22

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’mod li tapplika wkoll għar-riskji potenzjali. F’dan il-kuntest, hija għandha dubji dwar in-neċessità li titressaq il-prova li l-prodotti koperti minn din id-dispożizzjoni jippreżentaw effettivament perikolu. Madankollu, fil-każ li l-imsemmija dispożizzjoni jkollha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li r-riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà jiġi kkonfermat minn data oġġettiva u sostnuta, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf min għandu jsostni l-oneru ta’ din il-prova.

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont ir-Regolament Nru 1223/2009, il-persuna responsabbli għandha tiggarantixxi l-konformità tal-prodotti kożmetiċi mad-Direttiva 87/357 saħansitra qabel ma tqiegħed dawn il-prodotti fis-suq u għandha, b’mod partikolari, ikollha data li tistabbilixxi din il-konformità.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 87/357], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti imsemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu huma dawk li, għalkemm ma jkunux oġġetti tal-ikel, ikollhom forma, riħa, kulur, dehra, imballaġġ, tikketta, volum jew daqs, li x’aktarx li l-konsumaturi, speċjalment tfal, jitfixkluhom ma’ oġġetti tal-ikel u bħala konsegwenza jqegħduhom f’ħalqhom, jew isoffuhom jew jibilgħuhom, li jista’ jkun perikoluż kif muri minn informazzjoni oġġettiva u sostanzjata u jista’ jikkawża, pereżempju, fgar, avvelenament, jew il-perforazzjoni jew ix-xkiel tas-sistema diġestiva?

2)

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti li twettaq il-kontroll?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu jintwera permezz ta’ data oġġettiva u sostnuta li l-fatt li jitqiegħdu fil-ħalq, jissoffew jew jinbilgħu prodotti li, filwaqt li ma humiex prodotti tal-ikel, għandhom forma, riħa, kulur, aspett, imballaġġ, ittikkettjar, volum jew daqs b’mod li huwa prevedibbli li l-konsumaturi, b’mod partikolari t-tfal, ifixkluhom ma’ prodotti tal-ikel u, minħabba dan, iqiegħduhom fil-ħalq, isoffuhom jew jibilgħuhom, jista’ jkollu riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel.

26

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfittex, b’mod partikolari, li tiddetermina jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357 ħoloqx preżunzjoni ta’ perikolu tal-prodotti li jkollhom id-dehra ta’ prodotti tal-ikel jew jekk in-natura tal-perikolu ta’ tali prodotti għandhiex tintwera permezz ta’ data oġġettiva u ssostanzjata.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 87/357, din tapplika għall-prodotti li ma jkollhomx id-dehra ta’ dak li huma u jikkompromettu s-sigurtà jew is-saħħa tal-konsumaturi.

28

Għandu jiġi wkoll irrilevat li, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, il-prodotti li ma jkollhomx id-dehra ta’ dak li huma u li jikkompromettu s-sigurtà jew is-saħħa tal-konsumaturi huma dawk li, filwaqt li ma humiex prodotti tal-ikel, ikollhom forma, riħa, kulur, aspett, imballaġġ, ittikkettjar, volum jew daqs b’mod li huwa prevedibbli li l-konsumaturi, b’mod partikolari t-tfal, ifixkluhom ma’ prodotti tal-ikel u, minħabba dan, iqiegħduhom fil-ħalq, isoffuhom jew jibilgħuhom, meta din l-azzjoni jista’ jkollha riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel.

29

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jindika li dawn jistabbilixxu preżunzjoni ta’ perikolu tal-prodotti li ma jkollhomx id-dehra li huma, jew obbligu, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li juru permezz ta’ data oġġettiva u sostnuta li l-fatt li jitqiegħdu fil-ħalq, jissoffew jew jinbilgħu tali prodotti jista’ jimplika riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel.

30

Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 87/357 ma jistabbilixxix rabta kawżali diretta ta’ effett bejn il-fatt li prodott ma għandux id-dehra ta’ dak li huwa u l-fatt li jikkomprometti s-sigurtà jew is-saħħa tal-konsumaturi, iżda sempliċement jipprevedi li prodott jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ importazzjoni, ta’ manifattura, jew ta’ esportazzjoni stabbilita mid-Direttiva 87/357 jekk jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivi.

31

L-ewwel, il-prodott għandu jkun prodott mhux tal-ikel li għandu l-forma, ir-riħa, il-kulur, l-aspett, l-imballaġġ, l-ittikkettjar, il-volum jew id-daqs ta’ prodott tal-ikel.

32

It-tieni, il-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti għandhom ikunu tali li huwa prevedibbli li l-konsumaturi, b’mod partikolari t-tfal, ifixklu l-prodott ma’ prodott tal-ikel.

33

It-tielet, għandu jiġi previst li, minħabba dan, il-konsumaturi jqiegħdu dan il-prodott fil-ħalq, isoffuh jew jibilgħuh.

34

Ir-raba’, il-fatt li dan il-prodott jitqiegħed fil-ħalq, jissoffa jew jinbela’ jista’ jkollu riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel.

35

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 87/357 ma tinkludix dispożizzjoni li tistabbilixxi preżunzjoni tan-natura ta’ perikolu tal-prodotti li ma jkollhomx id-dehra li huma u lanqas, b’mod partikolari, preżunzjoni li l-fatt li jitqiegħdu fil-ħalq, jissoffew jew jinbilgħu tali prodotti jista’ jimplika tali riskji, iżda li l-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi, għall-kuntrarju, abbażi ta’ din l-aħħar kundizzjoni li tali riskji jiġu evalwati każ b’każ.

36

Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357 fis-sens li jistabbilixxi tali preżunzjoni twassal sabiex tipprojbixxi de facto l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti.

37

Madankollu, id-Direttiva 87/357 ma għandhiex l-għan li tipprojbixxi, bħala prinċipju, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kollha li ma humiex prodotti tal-ikel u li jistgħu jiġu konfużi ma’ tali prodotti.

38

Fil-fatt, mit-tieni sal-ħames premessa ta’ din id-direttiva jirriżulta li din ġiet adottata sabiex telimina l-ostakoli għall-moviment liberu li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ċerti prodotti li, peress li ma jkollhomx id-dehra ta’ dik li huma, jikkompromettu s-sigurtà jew is-saħħa tal-konsumaturi filwaqt li jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi u billi jiggarantixxu li dawn ikunu s-suġġett ta’ livell ta’ protezzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri differenti.

39

Fit-tielet lok, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 87/357 u, b’mod partikolari, mill-erba’ kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, din id-direttiva tapplika għal numru indefinit ta’ prodotti li jkollhom ċerti karatzteristiċi u li fir-rigward tagħhom ikollu jiġi ddeterminat, każ b’każ u skont kull Stat Membru, jekk dawn jistgħux jimplikaw ir-riskji koperti mill-imsemmija direttiva.

40

Għalhekk, id-Direttiva 87/357 tippreżupponi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jevalwaw, f’kull każ ineżami, jekk il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva humiex issodisfatti u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ prodott ibbażata fuq l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva sabiex din tkun tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju.

41

Għal dan il-għan, huma għandhom jevalwaw, fil-każ fejn il-prodott inkwistjoni jkollu d-dehra jew ir-riħa ta’ prodott tal-ikel, mhux biss il-probabbiltà li dan jiġi konfuż ma’ prodott tal-ikel u, minħabba dan il-fatt, jitqiegħed fil-ħalq, jissoffa jew jinbela’, iżda wkoll ir-riskji ta’ tali azzjoni.

42

Din l-evalwazzjoni għandha, minn naħa, tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti kkonċernati. B’hekk, prodott li jkollu biss id-dehra jew ir-riħa ta’ prodott tal-ikel, probabbilment ma huwiex ser ikun konfuż ma’ tali prodott. Karatteristiċi bħal dawn, u b’mod partikolari l-materjali u l-kompożizzjoni ta’ prodott mhux tal-ikel, li huwa dak li jikkummerċjalizza l-imsemmi prodott li għandu jikkomunikahom, għandhom iservu wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatt li tali prodott jitqiegħed fil-ħalq, jissoffa jew jinbela’ jistax jimplika riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel.

43

L-imsemmija evalwazzjoni għandha, min-naħa l-oħra, tieħu inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà assoċjata mal-kategoriji ta’ persuni u ta’ konsumaturi li jistgħu jiġu kkonfrontati mal-prodotti li jkollhom id-dehra ta’ prodotti tal-ikel, fosthom b’mod partikolari t-tfal kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357.

44

Fir-raba’ lok, għalkemm din l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti juru permezz ta’ data oġġettiva u sostanzjata li l-konsumaturi ser jikkonfondu l-prodotti ma’ prodotti tal-ikel u li r-riskji ta’ soffokazzjoni, ta’ avvelenament, ta’ perforazzjoni jew ta’ ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel huma pprovati.

45

Fil-fatt, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa biżżejjed li l-azzjoni li l-prodott ikkonċernat jitqiegħed fil-ħalq, jissoffa jew jinbela’ tista’ timplika tali riskji. Barra minn hekk, l-impożizzjoni tar-rekwiżit li tintwera ċ-ċertezza li l-imsemmija riskji jimmaterjalizzaw tmur kontra l-obbligu ta’ protezzjoni tal-persuni u tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 87/357 u ma tiżgurax bilanċ ġust bejn dan l-obbligu u dak tal-moviment liberu tal-prodotti, liema għan huwa mfittex minn din id-direttiva hekk kif jirriżulta mit-tieni sal-ħames premessa tagħha.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 87/357 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex neċessarju li jintwera permezz ta’ data oġġettiva u sostanzjata li l-fatt li jitqiegħdu fil-ħalq, jissoffew jew jinbilgħu prodotti li, filwaqt li ma jkunux prodotti tal-ikel, ikollhom forma, riħa, kulur, aspett, imballaġġ, ittikkettjar, volum jew daqs b’mod li huwa prevedibbli li l-konsumaturi, b’mod partikolari t-tfal, ifixkluhom ma’ prodotti tal-ikel u, minħabba dan, iqiegħduhom fil-ħalq, isoffuhom jew jibilgħuhom, jista’ jkollu riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw każ b’każ jekk prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni u jiġġustifikaw li dan huwa l-każ.

Fuq it‑tieni domanda

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE tal‑25 ta’ Ġunju 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prodotti li, minħabba li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu jipperikolaw is-saħħa jew s-sigurtà tal-konsumaturi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex neċessarju li jintwera permezz ta’ data oġġettiva u sostanzjata li l-fatt li jitqiegħdu fil-ħalq, jissoffew jew jinbilgħu prodotti li, filwaqt li ma humiex prodotti tal-ikel, ikollhom forma, riħa, kulur, aspett, imballaġġ, ittikkettjar, volum jew daqs b’mod li huwa prevedibbli li l-konsumaturi, b’mod partikolari t-tfal, ifixkluhom ma’ prodotti tal-ikel u, minħabba dan, iqiegħduhom fil-ħalq, isoffuhom jew jibilgħuhom, jista’ jkollu riskji bħas-soffokazzjoni, l-avvelenament, il-perforazzjoni jew l-ostruzzjoni tal-kanal tal-ikel. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw każ b’każ jekk prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni u jiġġustifikaw li dan huwa l-każ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.