SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont id-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2014/104/UE – Artikoli 5 u 6 – Produzzjoni ta’ provi – Provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni – Proċedura pendenti quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Proċedura nazzjonali dwar azzjoni għal kumpens fir-rigward tal-istess ksur – Kundizzjonijiet dwar il-produzzjoni tal-provi”
Fil-Kawża C‑57/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2021, fil-proċedura
RegioJet a.s.
vs
České dráhy a.s.,
fil-preżenza ta’:
Česká republika, Ministerstvo dopravy,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal RegioJet a.s., minn O. Doležal, advokát, |
– |
għal České dráhy a.s., minn J. Kindl, S. Mikeš u K. Muzikář, advokáti, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst, P. Němečková u C. Zois, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (4), tal-Artikolu 6(5)(a) u tal-Artikolu 6(7) u (9) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RegioJet a.s. u České dráhy a.s. dwar it-talba għall-produzzjoni ta’ provi mressqa minn RegioJet fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kumpens għad-dannu allegatament sostnut minn din il-kumpannija minħabba l-aġir antikompetittiv ta’ České dráhy. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003
3 |
Skont il-premessi 7 u 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):
[…]
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-oneru tal-prova”, jipprovdi: “F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-[Unjoni] għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101] u [102 TFUE], il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101(1)] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE] [huwa impost] fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. […]” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu [101] u [102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:
Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mi[n-naħa] tagħhom.” |
6 |
Il-Kapitolu III tal-istess regolament jikkonċerna d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jikkonsistu fil-konstatazzjoni u l-waqfien ta’ ksur (Artikolu 7), fl-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji (Artikolu 8), f’deċiżjonijiet li jirrendu impenji vinkolanti (Artikolu 9) u, fl-aħħar nett, fil-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (Artikolu 10). |
7 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu: “1. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni] f’koperazzjoni qariba. […] 6. L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III [twaqqaf] l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri [mil]l-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli [101] u [102 TFUE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali.” |
8 |
L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-[Unjoni”, jipprovdi: “1. Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE]. 2. Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.” |
Ir‑Regolament (KE) Nru 773/2004
9 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat-30 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 171, p. 3), jipprovdi: “Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda proċeduri bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skond il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fi kwalunkwe żmien, imma mhux iktar tard mid-data li fiha hija toħroġ stima preliminari kif jirreferi għaliha l-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament jew dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jew id-data li fiha avviż skond l-Artikolu 27(4) ta’ dak ir-Regolament ikun ippubblikat, skond liema tkun id-data l-iktar kmieni.” |
Id‑Direttiva 2014/104
10 |
Skont il-premessi 6, 15, 21, 23 u 25 sa 28 tad-Direttiva 2014/104:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
11 |
Skont il-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104, “informazzjoni preeżistenti” tfisser kull prova li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti mibdija minn awtorità tal-kompetizzjoni, kemm jekk din tkun tinsab kif ukoll jekk din ma tkunx tinsab fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni. |
12 |
L-Artikolu 5, intitolat “Divulgazzjoni tal-evidenza”, ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti relatati ma’ azzjoni għal danni fl-Unjoni fuq talba ta’ attur li jkun ippreżenta ġustifikazzjoni raġunata li tkun tinkludi fatti u evidenza disponibbli b’mod raġonevoli suffiċjenti biex isostnu l-plawsibbiltà tal-pretensjoni tiegħu għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jew lil parti terza biex jiddivulgaw evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, fuq talba tal-konvenut, jordnaw lill-attur jew lil parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza rilevanti. […] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta’ elementi speċifiċi ta’ evidenza jew ta’ kategoriji rilevanti ta’ evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta’ fatti disponibbli b’mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunata. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat. Fid-determinazzjoni ta’ jekk kwalunkwe divulgazzjoni mitluba minn parti hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet terzi kollha kkonċernati. Partikolarment għandhom jikkunsidraw:
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw id-divulgazzjoni ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għall-azzjoni għad-danni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex tiġi protetta tali informazzjoni. 5. L-interess tal-impriżi li jevitaw azzjonijiet għal danni wara ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ma għandux jikkostitwixxi interess li jitlob protezzjoni. […] 8. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 7 u għall-Artikolu 6, dan l-Artikolu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jkollhom jew jintroduċu regoli li jwasslu għal divulgazzjoni akbar ta’ evidenza.” |
13 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Divulgazzjoni ta’ evidenza inkluża fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-fini tal-azzjonijiet għad-danni, meta l-qrati nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza inkluża fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, japplika dan l-Artikolu flimkien mal-Artikolu 5. […] 4. Fil-valutazzjoni, skont l-Artikolu 5(3), tal-proporzjonalità ta’ ordni għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom, barra minn hekk, jikkunsidraw dan li ġej:
5. Il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tal-kategoriji ta’ evidenza li ġejjin biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor, tkun temmet il-proċedimenti tagħha:
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu fi kwalunkwe mument jordnaw lil parti jew parti terza biex jiddivulgaw ebda waħda mill-kategoriji ta’ evidenza li ġejjin:
7. Pretendent jista’ jippreżenta talba ġustifikata biex qorti nazzjonali jkollha aċċess għall-evidenza msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 6 għall-uniku għan biex ikun żgurat li l-kontenut tagħhom jikkorrispondi mad-definizzjonijiet fil-punti (16) u (18) tal-Artikolu 2. F’dik il-valutazzjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu assistenza biss mill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti. L-awturi tal-evidenza inkwistjoni jista’ wkoll ikollhom il-possibbiltà li jinstemgħu. Fl-ebda każ il-qorti nazzjonali ma għandha tippermetti lil partijiet oħrajn jew lil partijiet terzi aċċess għal dik l-evidenza. 8. Jekk huma biss partijiet tal-evidenza mitluba li huma koperti mill-paragrafu 6, il-partijiet li jibqa’ tagħha għandhom, skont il-kategorija li taqa’ fiha, jiġu rilaxxati f’konformità mal-paragrafi rilevanti ta’ dan l-Artikolu. 9. Id-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li ma taqax taħt waħda mill-kategoriji elenkati f’dan l-Artikolu tista’ tiġi ordnata f’azzjonijiet għal danni fi kwalunkwe mument, mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu. […] 11. Sal-punt li awtorità tal-kompetizzjoni hija lesta li tiddikjara l-fehmiet tagħha dwar il-proporzjonalità ta’ talbiet għal divulgazzjoni, hija tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tippreżenta osservazzjonijiet lill-qorti nazzjonali li quddiemha jintalab ordni ta’ divulgazzjoni.” |
14 |
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.” |
Id‑dritt Ċek
Il-Liġi Nru 143/2001
15 |
Iż-zákon č. 143/2001 Sb. o ochraně hospodářské soutěže (il-Liġi Nru 143/2001 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 143/2001”), tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, li hija “tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi […] kontra kull prattika li tipprekludi, tillimita, twassal għal distorsjoni jew thedded il-kompetizzjoni”. |
16 |
L-Artikolu 21ca(2) tal-Liġi Nru 143/2001 jipprovdi, essenzjalment, li d-dokumenti u l-informazzjoni ppreparata u prodotta għall-finijiet ta’ proċedura amministrattiva pendenti quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi biss wara l-għeluq tal-investigazzjoni jew wara d-deċiżjoni finali tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq l-għeluq tal-proċedura amministrattiva. |
Il‑Liġi Nru 262/2017
17 |
Iż-zákon č. 262/2017 Sb., o náhradě škody v oblasti hospodářské soutěže (il-Liġi Nru 262/2017 dwar id-Danni fil-Qasam tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 262/2017”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2014/104 fl-ordinament ġuridiku Ċek. |
18 |
L-Artikolu 2(2)(c) ta’ din il-liġi jipprovdi li jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzjali protetta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità, b’mod partikolari, “id-dokumenti ġustifikattivi u l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta espressament għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva quddiem l-awtorità [nazzjonali] tal-kompetizzjoni”. |
19 |
Mill-Artikolu 10(1) tal-imsemmija liġi jirriżulta, essenzjalment, li, qabel il-ftuħ ta’ proċedura dwar azzjoni għad-danni abbażi ta’ dannu kkawżat minn restrizzjoni tal-kompetizzjoni, il-President tal-Awla għandu jordna, fuq talba tal-parti li tkun ressqet din l-azzjoni, li tikkonferma, b’ċertezza li tikkorrispondi mal-punti ta’ fatt disponibbli, il-plawżibbiltà tad-dritt tagħha għal kumpens għad-dannu kkawżat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, meta dan jirriżulta neċessarju u proporzjonat għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għad-dannu tal-attur, il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti li jippermettu investigazzjoni tas-sitwazzjoni, lill-persuni li jkunu fil-pussess tagħhom. |
20 |
L-Artikolu 15(4) tal-istess liġi jipprovdi li “l-obbligu li wieħed jipproduċi informazzjoni kunfidenzjali, imsemmi fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ din il-liġi, jista’ jiġi impost biss, l-iktar kmieni, wara li tkun saret definittiva d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonċerna l-għeluq tal-proċedura amministrattiva”. |
21 |
L-Artikolu 16(1)(c) tal-Liġi Nru 262/2017 jipprovdi, essenzjalment, li f’każ ta’ talba għall-aċċess għad-dokumenti li jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali u li jkunu jinsabu fil-fajl tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-President tal-Awla għandu jeżamina jekk il-produzzjoni tagħhom tippreġudikax l-applikazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Skont l-Artikolu 16(3) ta’ din il-liġi, id-dokumenti li jkun fihom l-informazzjoni kunfidenzjali jistgħu jiġu prodotti biss wara l-għeluq tal-investigazzjoni jew wara d-deċiżjoni finali tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar l-għeluq tal-proċedura amministrattiva. |
22 |
Skont l-Artikolu 18(1) ta’ din il-liġi, il-President tal-Awla jista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 10 u 16 tal-imsemmija liġi, jordna l-produzzjoni tal-provi anki wara l-ftuħ tal-proċedura fil-mertu. |
23 |
L-Artikolu 27(1) tal-istess liġi jipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni, il-qorti hija marbuta bid-deċiżjoni ta’ awtorità oħra, tal-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem l-“ÚOHS”), u tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u dwar l-identità tal-awtur tagħha. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
24 |
Fil‑25 ta’ Jannar 2012, l-ÚOHS fetaħ ex officio proċedura amministrattiva dwar il-possibbiltà ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq minn České dráhy, trasportatur ferrovjarju nazzjonali miżmum mill-Istat Ċek. |
25 |
Matul is-sena 2015, RegioJet, impriża li toffri, b’mod partikolari, servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ persuni fuq ir-rotta Praga‑Ostrava (ir-Repubblika Ċeka), ressqet azzjoni għad-danni kontra České dráhy quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), intiża għall-kumpens għad-dannu li joriġina mill-aġir ta’ din il-kumpannija li allegatament imur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni. |
26 |
Fl‑10 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ prezzijiet predatorji allegatament ipprattikati minn České dráhy fl-okkażjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ persuni fir-Repubblika Ċeka u, b’mod partikolari, fuq ir-rotta Praga-Ostrava (Każ Nru AT.40156 – Czech Rail). |
27 |
Fl‑14 ta’ Novembru 2016, l-ÚOHS issospenda l-proċedura amministrattiva, mingħajr madankollu ma għalaqha formalment, minħabba li l-Kummissjoni stess kienet fetħet proċedura li, mill-perspettiva materjali, kienet tirrigwarda l-istess aġir li kien is-suġġett tal-proċedura amministrattiva. |
28 |
Fil‑11 ta’ Ottubru 2017, RegioJet, fil-kuntest tal-azzjoni tagħha għad-danni, ressqet talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 262/2017. RegioJet talbet, inter alia, il-produzzjoni ta’ dokumenti li hija ppreżumiet li kienu fil-pussess ta’ České dráhy, b’mod partikolari, rendikonti maqsumin f’partiti u rendikonti li jirrigwardaw it-trasport pubbliku ferrovjarju u kif ukoll id-dokumenti ta’ kontabbiltà tas-settur kummerċjali ta’ din il-kumpannija tal-aħħar. |
29 |
Filwaqt li bbaża ruħu fuq l-Artikolu 21ca(2) tal-Liġi Nru 143/2001, l-ÚOHS indika li d-dokumenti mitluba li huwa kellu fil-pussess tiegħu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ma setgħux jiġu prodotti, u dan sal-għeluq definittiv ta’ din il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, huwa indika li d-dokumenti l-oħra mitluba kienu jaqgħu taħt il-kategorija tad-dokumenti li jikkostitwixxu ġabra koerenti ta’ dokumenti u rrifjuta li jipproduċihom, minħabba li dan seta’ jnaqqas l-effettività tal-politika tal-proċeduri ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
30 |
Fis‑26 ta’ Frar 2018, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga), fit‑12 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni enfasizzat li, meta tiddeċiedi fuq il-produzzjoni tal-provi, il-qorti jkollha, fl-interess tal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-partijiet kollha fil-proċedura u ta’ dawk tat-terzi, tapplika, inter alia, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tadotta l-miżuri intiżi li jipproteġu tali informazzjoni. Hija indikat, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-qrati nazzjonali ma jistgħux, meta jkollhom jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 101 u 102 TFUE, jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra dawk adottati mill-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom ukoll jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li jkunu f’kunflitt ma’ dik prevista fi proċedura mibdija minn din l-istituzzjoni. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali ġiet mistiedna tevalwa kienx meħtieġ li tissospendi l-proċedura tagħha. |
31 |
Fl‑14 ta’ Marzu 2018, l-imsemmija qorti nazzjonali ordnat lil České dráhy tipproduċi, billi tressaqhom fil-proċess, ġabra ta’ dokumenti. Dawn id-dokumenti kienu jinkludu, minn naħa, informazzjoni espressament ippreparata minn din il-kumpannija għall-finijiet ta’ proċedura quddiem l‑ÚOHS u, min-naħa l-oħra, informazzjoni ppreparata u maħżuna b’mod obbligatorju barra mill-kuntest ta’ din il-proċedura, bħalma huma r-rendikonti tal-linji tal-ferroviji, ir-rendikonti trimestrali fuq it-trasport pubbliku ferrovjarju u l-lista tal-linji operati minn České dráhy. Mill-banda l-oħra, din il-qorti ċaħdet it-talbiet ta’ RegioJet intiżi li jiksbu, minn naħa, il-produzzjoni tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tas-settur kummerċjali ta’ České dráhy, inkluż il-kodiċi ta’ korrispondenza skont il-linja u t-tip ta’ ferrovija u, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ České dráhy, għax-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2011. |
32 |
Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2018, din l-istess qorti ddeċidiet, skont l-Artikolu 27(1) tal-Liġi Nru 262/2017, li tissospendi l-proċedura fil-mertu relatata mal-kawża għad-danni sal-għeluq tal-proċedura msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza. |
33 |
Min-naħa tagħhom, RegioJet u České dráhy appellaw mid-digriet tal-14 ta’ Marzu 2018 quddiem il-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Novembru 2019, din il-qorti tal-aħħar ikkonfermat id-digriet tal‑14 ta’ Marzu 2018 u, sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-provi prodotti, adottat il-miżuri li jikkonsistu filli tqiegħed lill-imsemmija provi taħt l-awtorità tagħha u tipproduċihom biss lill-partijiet, lir-rappreżentanti tagħhom u lill-esperti, u dan, f’kull każ, dejjem fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub motivata u wara approvazzjoni minn qabel tal-qorti adita bil-kawża skont it-tqassim tax-xogħol. |
34 |
České dráhy ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra dan id-digriet tad‑29 ta’ Novembru 2019 quddiem il-qorti tar-rinviju, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka). |
35 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑applikabbiltà ratione temporis tal‑Artikoli 5 u 6 tad‑Direttiva 2014/104
36 |
Qabelxejn għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, din tal-aħħar tinkludi dispożizzjoni partikolari, li tistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet sostantivi u mhux sostantivi tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 tagħha sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva ma japplikawx retroattivament. |
38 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda dispożizzjoni nazzjonali minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva ma għandha tapplika għal rikorsi għad-danni mressqa quddiem qorti nazzjonali qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014. |
39 |
Għaldaqstant, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104, fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjoni kkonċernata tikkostitwixxix dispożizzjoni sostantiva jew le, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata, fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u mhux fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva huma intiżi sabiex jagħtu lill-qrati nazzjonali l-possibbiltà li jordnaw lill-konvenut jew lil terz, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipproduċu provi rilevanti li jkunu jinsabu fil-pussess tagħhom u, għaldaqstant, jiddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedura marbuta ma’ azzjoni għad-danni. |
41 |
Sa fejn jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu lil dawn il-qrati setgħat partikolari fil-kuntest tal-eżami ta’ kawżi li jirrigwardaw l-azzjonijiet għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu sostnut minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni li jikkaratterizza, bħala prinċipju, dawn il-kawżi għad-detriment tal-persuna leża, kif imfakkar fil-premessa 15 tad-Direttiva 2014/104, u li jirrendi iktar diffiċli għal din il-persuna l-kisba ta’ informazzjoni indispensabbli sabiex tippreżenta azzjoni għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
It-tieni, peress li l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104 għandhom preċiżament l-għan li jippermetti lir-rikorrent f’tali kawżi jikkumpensa għan-nuqqas ta’ informazzjoni tiegħu, dawn ċertament iwasslu għat-tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din il-parti, meta tindirizza għal dan il-għan lill-qorti nazzjonali, elementi li hija ma kellhiex. Xorta jibqa’ l-fatt li l-għan ta’ dawn l-artikoli jirrigwarda biss il-miżuri proċedurali applikabbli quddiem il-qrati nazzjonali, li jagħtuhom setgħat partikolari sabiex jistabbilixxu l-fatti invokati mill-partijiet fil-kuntest tal-kawżi li jirrigwardaw l-azzjonijiet għad-danni abbażi ta’ tali ksur u għalhekk ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali ta’ dawn il-partijiet, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrigwardawx l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali. |
43 |
B’mod partikolari, ma jidhirx li l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104 jistabbilixxu obbligi sostantivi ġodda imposti fuq parti jew oħra f’dan it-tip ta’ kawżi, b’mod li jippermetti li dawn id-dispożizzjonijiet jitqiesu li huma sostantivi fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, PACCAR et, C‑163/21, EU:C:2022:863, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104 ma jinsabux fost id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) tagħha, u li dawn jagħmlu parti, konsegwentement, minn dispożizzjonijiet oħra msemmija fl-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva, li huma, f’dan il-każ, dispożizzjonijiet proċedurali, kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punti 29 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
45 |
Fit-tieni lok, mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 jirriżulta li l-Istati Membri kellhom setgħa diskrezzjonali biex jiddeċiedu, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jekk ir-regoli nazzjonali intiżi li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-imsemmija direttiva japplikawx għall-azzjonijiet għad-danni mibdija wara s‑26 ta’ Diċembru 2014, imma qabel d-data tat-traspożizzjoni tal-istess direttiva jew ukoll għal dawk mibdija, l-iktar tard qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, jiġifieri qabel is‑27 ta’ Diċembru 2016 (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 28). |
46 |
F’dan il-każ, mil-Liġi Nru 262/2017 jirriżulta li l-leġiżlatur Ċek iddeċieda li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva 2014/104 għandhom japplikaw, b’mod dirett u inkundizzjonat, ukoll għall-azzjonijiet ippreżentati qabel din id-data ta’ traspożizzjoni, iżda wara s‑26 ta’ Diċembru 2014. Issa, l-azzjoni għad-danni li għall-finijiet tagħha ġiet ippreżentata t-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti tressqet fil‑25 ta’ Novembru 2015. |
47 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 5 u 6 huma applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali u li għalhekk hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari dwar dawn id-dispożizzjonijiet. |
Fuq il‑mertu
Osservazzjonijiet preliminari
48 |
Għandu jitfakkar li hija parti mill-effettività sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, u, b’mod partikolari, tal-effett utli tal-projbizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-possibbiltà li kull persuna titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew aġir li jista’ jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jew inkella l-aġir abbużiv ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 33). |
49 |
Kif tiddikjara l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1/2003, il-qrati nazzjonali għandhom funzjoni essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Meta jiddeċiedu dwar tilwim bejn individwi, dawn għandhom jipproteġu d-drittijiet suġġettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari bl-għoti ta’ danni lil vittmi ta’ ksur. Ir-rwol tal-qrati nazzjonali huwa, f’dan ir-rigward, komplimentari għal dak tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. |
50 |
Għalkemm, meta jiddeċiedu dwar kawżi għad-danni, f’kuntest fejn ma tkunx teżisti deċiżjoni definittiva ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li tirrigwarda l-istess fatti (azzjonijiet imsejħa “stand-alone”), dawn il-qrati għandhom, b’mod inċidentali, bħala prinċipju, jiddeċiedu fuq l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġifieri dwar il-preżenza ta’ ftehimiet, ta’ deċiżjonijiet jew ta’ prattiki, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE, l-azzjonijiet ċivili ma jistgħux jissostitwixxu l-proċeduri nazzjonali u tal-Unjoni li jimplimentaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE li huma mmexxija fl-isfera pubblika u li fl-ambitu tagħhom b’mod partikolari huwa previst, kif ipprovdut fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, li l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) jew tal-Artikolu 102 TFUE jaqa’ fuq il-parti jew fuq l-awtorità li tallega dan. |
51 |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 dwar il-produzzjoni ta’ provi ma tistax twassal sabiex jiġu evitati l-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv meta jkun jidher li s-suġġett tal-azzjoni inkwistjoni ma huwiex strettament kumpensatorju. |
52 |
Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, telaq preċiżament mill-konstatazzjoni, li tissemma fil-premessa 6 ta’ din id-direttiva, li kien neċessarju li ż-żewġ għodod intiżi li jiżguraw applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma rispettivament l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi (public enforcement) u l-azzjonijiet għad-danni għal ksur ta’ dawn ir-regoli mmexxija fl-isfera privata (private enforcement), jinteraġixxu b’mod koerenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. |
53 |
Fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa fl-isfera privata, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni ta’ dokumenti esposti fil-Kapitolu II (l-Artikoli 5 sa 8) tad-Direttiva 2014/104 jirriflettu bbilanċjar bejn, minn naħa, l-effettività tal-azzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-effettività tal-kawżi għad-danni ppreżentati mill-persuni li jqisu ruħhom leżi minn prattiki antikompetittivi. |
54 |
Għaldaqstant, għalkemm, fid-dawl tal-asimetrija tal-informazzjoni li ħafna drabi tikkaratterizza l-kawżi li jirrigwardaw l-azzjonijiet għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, id-Direttiva 2014/104 hija intiża sabiex ittejjeb l-aċċess għall-provi tal-vittmi ta’ aġir antikompetittiv, li huma neċessarjament jeħtieġu sabiex juru l-fondatezza tat-talbiet tagħhom għad-danni, hija tirregola wkoll dan l-aċċess b’mod strett. |
55 |
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/104 jistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli ta’ natura ġenerali fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi fil-proċeduri dwar azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
56 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi regoli speċifiċi għall-produzzjoni tal-provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, li jixhdu, b’mod partikolari, livell ta’ protezzjoni ddifferenzjat skont l-informazzjoni mitluba u l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tal-proċeduri mmexxija fl-isfera pubblika. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn diversi kategoriji ta’ provi. |
57 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-provi relatati mad-dikjarazzjonijiet magħmula bil-għan li tinkiseb il-klemenza u mal-proposti għal tranżazzjoni (iktar ’il quddiem il-“provi li jaqgħu taħt il-lista sewda”), l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali fl-ebda mument ma jkunu jistgħu jordnaw lil parti jew lil terz jipproduċu dawn il-provi. |
58 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-informazzjoni ppreparata minn persuna fiżika jew ġuridika espressament għall-finijiet ta’ proċedura amministrattiva miftuħa minn awtorità tal-kompetizzjoni, l-informazzjoni stabbilita minn din tal-aħħar u mibgħuta lill-partijiet matul din il-proċedura kif ukoll il-proposti għal tranżazzjoni li jkunu ġew irtirati, l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 jipprevedi li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jordnaw il-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji (iktar ’il quddiem il-“provi li jaqgħu taħt il-lista griża”) ħlief meta l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’xi mod ieħor, il-proċedura tagħha. |
59 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 2014/104, il-produzzjoni ta’ provi mill-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kategoriji msemmija qabel (iktar ’il quddiem il-“provi li jaqgħu taħt il-lista bajda”), tista’ tiġi ordnata f’kull mument fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, bla ħsara għal dan l-artikolu. |
60 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(3) u mill-Artikolu 6(4) tagħha, id-Direttiva 2014/104 tipprevedi għalhekk regoli speċifiċi applikabbli għat-talbiet għal produzzjoni ta’ provi li fl-ambitu tagħhom dawn it-talbiet ma humiex awtomatikament milqugħa, iżda jiġu evalwati mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-interessi leġittimi preżenti. Il-qorti nazzjonali adita hija għalhekk mitluba timplimenta stħarriġ tal-proporzjonalità rigoruż, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-opinjoni li l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata tista’, skont l-Artikolu 6(11) tad-Direttiva 2014/104, tippreżenta lil din il-qorti. |
61 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata. |
Fuq l‑ewwel domanda
62 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura nazzjonali mibdija quddiem din il-qorti u li tirrigwarda kawża għad-danni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja li proċedura li tikkonċerna dan l-istess ksur tkun pendenti quddiem il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, li wasslet lill-qorti nazzjonali tissospendi l-proċedura mibdija quddiemha. |
63 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni jneħħi l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE għal dak li jikkonċerna l-istess ksur. |
64 |
Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, qorti nazzjonali adita b’azzjoni għad-danni ma titlifx awtomatikament, minħabba l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni, il-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE u sabiex tiddeċiedi fuq l-okkorrenzi ta’ ksur eżaminati minn din il-istituzzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom, fil-fatt, biss, minn naħa, jastjenu milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni prevista fi proċedura mibdija mill-Kummissjoni u, għal dan il-għan, jevalwaw jekk huwiex neċessarju li jissospendu l-proċedura. |
65 |
Barra minn hekk, minn qari tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2014/104 jirriżulta li din lanqas ma timponi fuq il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri l-obbligu li jissospendu l-proċeduri tagħhom relatati ma’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li huma aditi bihom minħabba l-ftuħ ta’ proċedura quddiem il-Kummissjoni dwar l-istess ksur. |
66 |
Għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, minn naħa, l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi (public enforcement) u, min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet għad-danni għal ksur ta’ dawn ir-regoli mwettqa fl-isfera privata (private enforcement) għandhom jinteraġixxu b’mod koerenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma ta’ natura komplementari u, bħala prinċipju, jistgħu jitwettqu b’mod kontemporanju. |
67 |
F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(5) u (9) tad-Direttiva 2014/104 jikkonfermaw li proċedura relatata ma’ azzjoni għad-danni tista’ titkompla minkejja l-eżistenza ta’ proċedura pendenti quddiem awtorità tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw il-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt il-lista griża biss meta l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet il-proċedura tagħha (Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva), il-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt il-lista bajda tista’ tiġi ordnata “f’azzjonijiet għal danni fi kwalunkwe mument” (Artikolu 6(9) tal-imsemmija direttiva). |
68 |
F’dan il-kuntest, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2014/104 tipprekludix li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jittrasponu l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva minkejja s-sospensjoni, motivata mill-eżistenza ta’ proċedura miftuħa quddiem il-Kummissjoni, tal-proċedura nazzjonali mibdija fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni. |
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix awtomatikament lil qorti nazzjonali milli tordna l-produzzjoni ta’ provi fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni abbażi ta’ allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni pendenti, meta proċedura li tirrigwarda l-istess ksur tkun qiegħda titmexxa fl-istess ħin mill-Kummissjoni u l-qorti nazzjonali tkun issospendiet il-proċedura relatata mal-azzjoni għad-danni sakemm tintemm il-proċedura tal-Kummissjoni. |
70 |
Fil-fatt, meta qorti nazzjonali tiddeċiedi li tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni li tkun ġiet sospiża minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, hija ma għandhiex tieħu, bħala prinċipju, deċiżjoni li tista’ tmur kontra d-deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni f’dik il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003. |
71 |
Madankollu, jekk il-qrati nazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jordnaw lill-konvenut jew lil terz jipproduċu provi rilevanti li jkunu fil-pussess tagħhom, huma għandhom jagħmlu dan bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 2014/104. |
72 |
Għalhekk, il-qrati nazzjonali aditi, li huma obbligati jillimitaw il-produzzjoni ta’ provi għal dak li huwa strettament rilevanti, proporzjonat u neċessarju, għandhom jiżguraw li deċiżjoni dwar il-produzzjoni ta’ provi ma taffettwax indebitament investigazzjoni pendenti mmexxija minn awtorità tal-kompetizzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, dawn il-qrati huma mitluba jwettqu eżami li jeżiġi mit-talba mressqa quddiemhom, f’dak li jikkonċerna r-rilevanza tal-provi mitluba, ir-rabta bejn dawn il-provi u t-talba għad-danni mressqa, in-natura suffiċjenti tal-livell ta’ preċiżjoni tal-imsemmija provi u l-proporzjonalità tagħhom. |
73 |
Skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2014/104, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità għandu jiġi evalwat b’attenzjoni meta jkun hemm riskju li l-produzzjoni ta’ dokumenti tippreġudika l-istrateġija ta’ investigazzjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni sa fejn jiġu rrivelati d-dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl jew meta jkun hemm riskju li jaffettwa b’mod negattiv il-mod li bih l-impriżi jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni ta’ “spedizzjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni”, jiġifieri t-tiftix mhux speċifiku jew mifrux ħafna għal informazzjoni li ftit li xejn tkun mistennija li tkun rilevanti għall-partijiet fil-proċedura. |
74 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(4)(b) tad-Direttiva 2014/104 jispeċifika li, meta l-qrati nazzjonali jeżaminaw il-proporzjonalità ta’ ordni għall-produzzjoni ta’ informazzjoni, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kwistjoni ta’ jekk “il-parti li titlob id-divulgazzjoni tkunx qed tagħmel dan b’rabta ma’ azzjoni għad-danni quddiem qorti nazzjonali”. |
75 |
Minn dan jista’ jiġi dedott li, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ ordni għall-produzzjoni ta’ provi, eżami li għandu jsir b’attenzjoni, speċjalment meta jkunu provi li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-proċedura li tirrigwarda l-azzjoni għad-danni tkun ġiet sospiża. |
76 |
Fil-fatt, minkejja li ordni għall-produzzjoni tal-provi għall-finijiet ta’ proċedura relatata ma’ azzjoni għad-danni ma taqax, a priori, taħt “deċiżjonijiet” imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, kemm, minn naħa, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeżiġu minn qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-proċedura pendenti quddiem il-Kummissjoni waqt l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni jew ta’ miżura matul proċedura dwar azzjoni għad-danni, partikolarment meta din id-deċiżjoni jew miżura jkollha rabta mal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni identiku jew simili. |
77 |
Għaldaqstant, meta qorti tordna lill-partijiet jew lil terzi jipproduċu provi fl-ambitu ta’ azzjoni għad-danni li tkun ġiet sospiża minħabba l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni, hija għandha tiżgura ruħha li din il-produzzjoni, li għandha ssegwi talba suffiċjentement limitata u sostnuta, hija neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-tkomplija ta’ din l-azzjoni. |
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura nazzjonali mibdija quddiem din il-qorti u li tirrigwarda azzjoni għad-danni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja li proċedura li tikkonċerna dan il-ksur tkun pendenti quddiem il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, li wasslet lill-qorti nazzjonali sabiex tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura ruħha li l-produzzjoni tal-provi mitluba f’dan l-istadju tal-proċedura, li għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104, ma teċċedix dak li huwa neċessarju fir-rigward tat-talba għad-danni adita biha. |
Fuq it‑tielet domanda
79 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sospensjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-proċedura amministrattiva mibdija minnha, minħabba li l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, tistax tiġi assimilata ma’ għeluq ta’ din il-proċedura amministrattiva minn din l-awtorità “bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, il-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw il-produzzjoni tal-provi li jaqgħu taħt il-lista griża “biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor, tkun temmet il-proċedimenti tagħha”. |
81 |
L-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest li tagħmel parti minnu u l-għanijiet tagħha jindikaw li sospensjoni tal-proċedura relatata mal-azzjoni għad-danni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi assimilata ma’ għeluq tal-proċedura. |
82 |
L-ewwel nett, fis-sens letterali, is-“sospensjoni” tirreferi għal waqfien provviżorju tal-istanza. Il-proċedura b’hekk ma tingħalaqx peress li hija terġa’ tibda meta r-raġuni għas-sospensjoni tispiċċa. |
83 |
Dan huwa kkonfermat mill-premessa 25 tad-Direttiva 2014/104, li tipprovdi eżempji ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu l-għeluq tal-proċedura, b’riferiment, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003. Din il-premessa 25 tippreċiża b’hekk li l-għeluq tal-proċedura jseħħ bl-adozzjoni, pereżempju, ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, “bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar miżuri temporanji”. |
84 |
Barra minn hekk, meta d-Direttiva 2014/104 tirreferi għall-għeluq tal-proċedura bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew “b’mod ieħor”, dawn huma miżuri li, fir-rigward tas-sustanza u tal-għan tagħhom, jiġu adottati meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tiddeċiedi li, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura matul il-proċedura, ikun possibbli jew ukoll meħtieġ li din tiġi deċiża u magħluqa. |
85 |
Għaldaqstant, il-fatt li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tissospendi l-proċedura amministrattiva tagħha, anki jekk tali sospensjoni kienet motivata mill-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi assimilat ma’ għeluq ta’ din il-proċedura amministrattiva minn din l-awtorità “b’mod ieħor”. |
86 |
Sussegwentement, is-sospensjoni tal-proċedura amministrattiva deċiża minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tinftiehem fil-kuntest tar-regoli li jirregolaw il-kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni, minn naħa, u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra. |
87 |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni ma jċaħħadx, b’mod permanenti u definittiv, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni terġa’ tiġi stabbilita hekk kif il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni tkun intemmet (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 79 u 80). |
88 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jżommu s-setgħa tagħhom li jaġixxu fil-kuntest kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, anki jekk il-Kummissjoni stess tkun diġà ħadet deċiżjoni, bil-kundizzjoni li huma ma jiħdux deċiżjonijiet li jmorru kontra dik adottata mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 84 sa 86). |
89 |
Sospensjoni tal-proċedura amministrattiva sakemm il-Kummissjoni tkun għalqet l-investigazzjoni fil-każ ikkonċernat għalhekk ma tikkostitwixxix għeluq ta’ din il-proċedura fis-sens li kien hemm adozzjoni ta’ att finali li jikkonċerna l-ksur inkwistjoni, iżda għandha titqies bħala miżura provviżorja. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura tagħha mingħajr ma tagħti deċiżjoni dwar il-ksur, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernata tista’, bħala prinċipju, tiddeċiedi li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura tagħha. |
90 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 25 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni applikabbli għall-provi li jaqgħu taħt il-lista griża hija intiża sabiex tiżgura li produzzjoni ta’ dokumenti ma taffettwax indebitament investigazzjoni pendenti mmexxija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. L-awtorizzazzjoni tal-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt il-lista griża wara sospensjoni tal-proċedura ordnata minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, iżda matul investigazzjoni pendenti tal-Kummissjoni, tista’ tikkomprometti, u dan anki b’mod serju, l-effettività ta’ din l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, l-għanijiet tal-imsemmija direttiva. |
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sospensjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-proċedura amministrattiva mibdija minnha, minħabba li l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, ma tistax tiġi assimilata ma’ għeluq ta’ din il-proċedura amministrattiva minn din l-awtorità “bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
92 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mhux biss tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha, iżda wkoll tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Herios, C‑593/21, EU:C:2022:784, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
93 |
F’dan ir-rigward, għalkemm it-tieni domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tidher b’mod espliċitu li tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5) u (9) tad-Direttiva 2014/104, dik il-qorti tixtieq tkun taf, kif jirriżulta mit-termini tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jekk din id-direttiva tipprekludix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li twessa’ l-portata tal-informazzjoni li l-produzzjoni tagħha hija eskluża sakemm iddum il-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni. Issa, sa fejn il-marġni ta’ manuvrar li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva huwa limitat mid-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 5(8) tal-istess direttiva, it-tieni domanda preliminari għandha tiġi fformulata mill-ġdid u l-portata tagħha għandha tiġi estiża għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
94 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(8), l‑Artikolu 6(5)(a) u l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 2014/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita temporanjament, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, mhux biss il-produzzjoni tal-informazzjoni “mħejjija” espressament għall-finijiet tal-proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni, iżda wkoll il-produzzjoni tal-informazzjoni kollha “sottomessa” għal dan il-għan. |
95 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel, li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-tieni domanda kkontestata minn České dráhy, peress li din tal-aħħar sostniet li din il-kwistjoni hija prematura u ipotetika sa fejn, sal-lum, il-qrati nazzjonali Ċeki għadhom ma ddeċidewx fuq il-punt dwar jekk id-dokumenti li ntalbu minn České dráhy bħala provi kinux ġew ippreparati espressament għall-finijiet tal-proċedura miftuħa mill-ÚOHS jew ta’ dik immexxija mill-Kummissjoni. |
96 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 27 u 28). |
97 |
Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Ir-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tiffaċilitalha li tidentifika l-provi li ma jaqgħux taħt il-lista griża, iżda taħt il-lista bajda u li, jekk ikun il-każ, jistgħu, minkejja l-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni ma għalqetx il-proċedura tagħha, ikunu s-suġġett ta’ talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/104. |
98 |
Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija ammissibbli. |
99 |
It-tieni, fil-mertu, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-portata tal-informazzjoni li tibbenefika mill-protezzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 f’dak li jirrigwarda l-provi li jaqgħu taħt il-lista griża. |
100 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan il-kuntest, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(3) tal-Liġi Nru 262/2017, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(c) tagħha, jirriżulta li l-limitazzjoni fiż-żmien applikabbli għall-produzzjoni tal-provi matul il-perijodu li fih tiżvolġi proċedura mmexxija minn awtorità tal-kompetizzjoni tapplika għall-informazzjoni kollha ppreżentata lill-awtorità tal-kompetizzjoni għall-finijiet ta’ din il-proċedura, u mhux biss għall-informazzjoni “mħejjija espressament” għall-finijiet tal-imsemmija proċedura. |
101 |
F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ din id-direttiva, jirriżulta mingħajr ambigwità li l-protezzjoni temporanja mogħtija permezz ta’ din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-informazzjoni kollha li kienet espressament sottomessa, b’mod spontanju jew fuq talba tal-awtorità tal-kompetizzjoni, għall-finijiet ta’ tali proċedura, iżda biss l-informazzjoni li kienet speċifikament imħejjija għall-finijiet ta’ proċedura mibdija minn din l-awtorità. |
102 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata minn interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjoni inkwistjoni. |
103 |
F’dan ir-rigward, għand jsir riferiment, fl-ewwel lok, għall-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 2014/104, li jikkonċerna l-provi li jaqgħu taħt il-lista bajda, li jipprovdi li l-produzzjoni ta’ provi li joriġinaw mill-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni li ma jaqgħux taħt il-lista griża u taħt dik sewda tista’ tiġi ordnata f’kull mument fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni. Il-premessa 28 ta’ din id-direttiva tiċċara l-portata ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn tuża l-kliem “evidenza li teżisti indipendentement mill-proċedimenti ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni (‘informazzjoni preeżistenti’)” sabiex turi l-provi li l-produzzjoni tagħhom ma hijiex awtomatikament ipprojbita mill-imsemmija direttiva, minħabba l-appartenenza tagħhom għal-lista griża jew sewda. |
104 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-punt 17 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “informazzjoni preeżistenti” bħala “evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta’ awtorità kompetenti, kemm jekk tali informazzjoni tinsabx jew le fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”. |
105 |
Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-provi li jinsabu f’tali fajl jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-lista bajda. B’mod partikolari, l-informazzjoni li parti fil-proċedura għandha l-obbligu li tipprepara u taħżen (jew li parti tipprepara u taħżen) fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni oħra, u irrispettivament mill-proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, tikkostitwixxi informazzjoni preeżistenti, li l-qrati nazzjonali jistgħu, bħala prinċipju, jordnaw il-produzzjoni tagħha f’kull mument sakemm din tirrigwarda provi li jaqgħu taħt il-lista bajda. |
106 |
Fit-tielet lok, filwaqt li jirrifletti l-idea li skontha jeħtieġ, min-naħa, li l-protezzjoni mogħtija lill-provi li jaqgħu taħt il-lista griża u f’dik sewda tiġi limitata għall-każijiet fejn din il-protezzjoni tkun effettivament meħtieġa u, għalhekk, xierqa mill-perspettiva tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/104 u, min-naħa l-oħra, li jkun awtorizzat aċċess raġonevolment wiesa’ għall-provi, l-Artikolu 6(8) ta’ din id-direttiva jipprovdi li jekk huma biss ċerti partijiet tal-provi mitluba li jaqgħu taħt il-lista sewda, il-partijiet l-oħra għandhom jiġu prodotti, skont il-kategorija li jaqgħu fiha, f’konformità mal-paragrafi rilevanti tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva. |
107 |
Fir-raba’ lok, mill-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 2014/104, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw ir-regoli li jwasslu għal produzzjoni iktar wiesgħa ta’ provi, bla ħsara għall-paragrafi 4 u 7 ta’ dan l-artikolu, u mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jikkwalifikaw, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, il-kundizzjonijiet li skonthom il-provi huma kklassifikati bħala dawk li jaqgħu taħt il-lista griża, taħt dik sewda jew taħt dik bajda. |
108 |
B’mod partikolari, il-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jwessgħu l-portata tal-informazzjoni li taqa’ taħt il-lista griża twassal għal produzzjoni iktar limitata ta’ provi, b’mod li jmur kontra l-loġika tal-Artikolu 5(8) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-imsemmija direttiva jiġi kompromess kieku l-Istati Membri jkollhom, fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi, il-possibbiltà li jintroduċu regoli iktar restrittivi minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tal-istess direttiva. |
109 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita temporanjament il-produzzjoni tal-informazzjoni kollha ppreżentata matul proċedura fuq talba ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew b’mod spontanju, inkluża l-informazzjoni preeżistenti, ma hijiex konformi mal-Artikolu 6(5)(a) u mal-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 2014/104. |
110 |
Din il-konklużjoni ma timplikax li l-qorti, adita b’talba għall-produzzjoni ta’ provi fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ kawża għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija neċessarjament obbligata li tordna l-produzzjoni tad-dokumenti kollha li ma jkunux ġew imħejjija espressament għall-finijiet tal-proċedura pendenti quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni. |
111 |
Fil-fatt, f’kull każ hija l-qorti nazzjonali, u iktar u iktar meta l-proċedura tkun ġiet sospiża sakemm tingħalaq proċedura amministrattiva miftuħa minn awtorità tal-kompetizzjoni, li għandha tiżgura li l-produzzjoni tal-provi mitluba f’dan l-istadju tal-proċedura, li għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104, ma teċċedix dak li huwa neċessarju fid-dawl tat-talba għad-danni li biha tkun adita. |
112 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(8), l-Artikolu 6(5)(a) u l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 2014/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita temporanjament, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, mhux biss il-produzzjoni tal-informazzjoni “mħejjija” espressament għall-finijiet tal-proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni, iżda wkoll il-produzzjoni tal-informazzjoni kollha “sottomessa” għal dan il-għan. |
Fuq ir‑raba’ domanda
113 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, moqri flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq il-produzzjoni ta’ provi u tordna li tpoġġihom taħt l-awtorità tagħha, filwaqt li tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-provi jinkludux “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għall-mument fejn din il-qorti jkollha aċċess għal dawn il-provi. |
114 |
Fil-fatt, minkejja r-riferiment li sar għall-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104, il-qorti tar-rinviju tfittex, fl-aħħar mill-aħħar, li tkun taf jekk qorti tistax tordna l-produzzjoni ta’ provi, irregolata bl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, sabiex tevalwa jekk dawn il-provi jinkludux “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(5)(a) tal-imsemmija direttiva. |
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur ippreveda, fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104, fir-rigward tal-provi li jaqgħu taħt il-lista sewda, mekkaniżmu ta’ verifika minn qabel intiż sabiex qorti nazzjonali taċċedi għal tali provi, għall-finijiet biss li din tiżgura li l-kontenut tagħhom jikkorrispondi sew għal “dikjarazzjoni magħmula bil-għan li tinkiseb il-klemenza” jew għal “proposta għal tranżazzjoni” kif iddefiniti fil-punti 16 u 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva u li għalhekk dawn huma effettivament provi li jaqgħu taħt il-lista sewda. |
116 |
Tali mekkaniżmu ta’ verifika, madankollu, ma huwiex previst fir-rigward tal-provi li jaqgħu taħt il-lista griża li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104. Ir-raġuni hija li, b’differenza mill-provi li jaqgħu taħt il-lista sewda, il-protezzjoni li jgawdu minnha dawk li jaqgħu taħt il-lista griża hija biss temporanja. |
117 |
F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2014/104 tipprekludix li qorti nazzjonali tkun tista’, abbażi ta’ possibbiltà mogħtija skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tieħu miżuri bil-għan li tevalwa jekk il-provi li l-produzzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab insostenn ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u minkejja li l-proċedura mmexxija mill-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għadha pendenti, jaqgħux tabilħaqq taħt il-lista griża. |
118 |
Fil-kawża prinċipali, jidher li l-qorti tal-appell ordnat il-produzzjoni ta’ provi billi pprevediet, fuq inizjattiva tagħha stess, eżami tal-kwistjoni dwar jekk, fost dawn il-provi, kienx hemm provi li jaqgħu taħt il-lista griża wara l-produzzjoni tal-provi lill-qorti, iżda qabel il-preżentata tagħhom lill-applikant wara talba motivata ppreżentata minn dan tal-aħħar. |
119 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 21 tad-Direttiva 2014/104, ir-regola prevista fl-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, fil-qasam tal-provi li jaqgħu taħt il-lista griża, għandha l-għan li tevita li deċiżjoni dwar il-produzzjoni ta’ provi taffettwa indebitament investigazzjoni pendenti mmexxija minn awtorità tal-kompetizzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. |
120 |
Minn dan isegwi li l-armonizzazzjoni eżawrjenti prevista f’din id-dispożizzjoni twettqet mil-leġiżlatur tal-Unjoni prinċipalment favur l-interess tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-isfera pubblika. |
121 |
It-tfittxija ta’ tali għan timplika li l-aċċess għall-provi li jaqgħu taħt il-lista griża ma jingħatax lill-applikanti u lanqas lil terzi oħra qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet il-proċedura tagħha. |
122 |
Mill-banda l-oħra, dan l-għan ma jipprekludix li qorti nazzjonali, billi tapplika strument proċedurali nazzjonali, tordna l-produzzjoni ta’ provi, li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża, bil-għan biss li tqiegħed taħt l-awtorità tagħha d-dokumenti msemmija u li tipproduċihom lill-applikant, fuq talba, biss ladarba l-qorti tkun ivverifikat jekk dawn id-dokumenti kinux tassew jinkludu provi li jaqgħu taħt din il-lista. |
123 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi rrimedjata l-assimetrija tal-informazzjoni u li tiġi żgurata l-effettività tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-isfera privata, ħtieġa li ssostni l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104, din id-direttiva tippermetti, bħala prinċipju, li qorti nazzjonali tuża, skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, tali strument nazzjonali sabiex, b’mod partikolari, tipprekludi l-użu eċċessiv tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(5) tal-imsemmija direttiva. |
124 |
Dan l-istrument proċedurali huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-effettività tat-talbiet għad-danni fl-isfera privata, filwaqt li jippreżerva l-protezzjoni li għandhom jibbenefikaw minnha l-provi li jaqgħu taħt il-lista griża sakemm l-awtorità tal-kompetizzjoni ma tkunx, b’xi mod jew ieħor, għalqet il-proċedura tagħha. |
125 |
B’dan premess, l-użu ta’ tali strument għandu josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif inhuma speċifikati fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/104. |
126 |
B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata u l-ispiża tal-produzzjoni ta’ provi, ir-rilevanza tal-provi li l-produzzjoni tagħhom intalbet sabiex issostni l-fondatezza tat-talba għad-danni jew il-kwistjoni dwar jekk it-talba għall-produzzjoni ta’ provi li tinsab fil-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni ġietx ifformulata b’mod speċifiku fir-rigward tan-natura, tas-suġġett jew tal-kontenut tad-dokumenti msemmija. |
127 |
Kif tfakkar il-premessa 23 tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi evitat li jintlaqgħu talbiet mhux speċifiċi jew vasti ħafna għal informazzjoni li ftit li xejn tista’ tkun rilevanti għall-partijiet fil-proċedura. B’hekk għandhom ikunu suġġetti għal attenzjoni partikolari u ma għandhomx, minħabba f’hekk, jitqiesu proporzjonali talbiet għal produzzjoni ġenerali ta’ dokumenti li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni relatati ma’ każ speċifiku, jew għal produzzjoni ġenerali ta’ dokumenti ppreżentati minn parti fil-kuntest ta’ każ partikolari. |
128 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha premessi, għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, moqri flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li qorti nazzjonali, bl-applikazzjoni ta’ strument proċedurali tad-dritt nazzjonali, tiddeċiedi dwar il-produzzjoni ta’ provi u tordna li tpoġġihom taħt l-awtorità tagħha, filwaqt li tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-provi jinkludux “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għall-mument li fih din il-qorti jkollha aċċess għal dawn il-provi. L-użu ta’ tali strument għandu, madankollu, josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif inhuma speċifikati fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/104. |
Fuq il‑ħames domanda
129 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-provi li ntalbu li jiġu prodotti jinkludux “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, din il-qorti tista’ tirrifjuta lill-applikant jew lil partijiet oħra fil-proċedura kif ukoll lir-rappreżentanti tagħhom l-aċċess għal dawn il-provi, u dan skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva. |
130 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104, il-qrati nazzjonali għandhom mhux biss id-dritt, iżda wkoll l-obbligu li jiżguraw li parti oħra fil-proċedura ma jkollhiex aċċess, matul il-proċedura mibdija minn awtorità tal-kompetizzjoni, għall-informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għal din il-proċedura. |
131 |
Għaldaqstant, jekk qorti nazzjonali tordna, skont strument proċedurali tad-dritt nazzjonali, il-produzzjoni ta’ provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża sabiex tivverifika jekk dan ikunx il-każ, dik il-qorti għandha tiżgura, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti previsti jinkludux informazzjoni kunfidenzjali, li parti oħra fil-proċedura ma jkollhiex aċċess għal dawn il-provi, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista bajda, qabel ma hija tlesti din il-verifika jew, meta dawn il-provi jkunu jaqgħu taħt il-lista griża, qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tagħlaq il-proċedura tagħha. |
132 |
Għalhekk, għall-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali, skont strument proċedurali tad-dritt nazzjonali, tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-provi li l-produzzjoni tagħhom tkun mitluba jinkludux “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, din il-qorti għandha tiżgura li l-applikant jew parti oħra fil-proċedura u kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom ma jkollhomx aċċess għal dawn il-provi, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista bajda, qabel ma hija tkun lestiet din il-verifika jew, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista griża, qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tkun għalqet il-proċedura tagħha. |
Dwar l‑ispejjeż
133 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.