KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑479/21 PPU

SN,

SD

partijiet magħquda:

Governor of Cloverhill Prison,

l-Irlanda,

Attorney General,

Governor of Mountjoy Prison

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 21) TUE – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Bażijiet legali – Artikolu 50 TUE – Artikolu 217 TFUE”

I. Introduzzjoni

1.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddetermina jekk l-Irlanda hijiex obbligata teżegwixxi mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mir-Renju Unit, minkejja l-ħruġ ta’ dak il-pajjiż mill-Unjoni Ewropea.

2.

Prima facie, jidher li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ( 2 ) tal-2020 u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ( 3 ) tal-2021 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ikopru l-eżekuzzjoni tal-mandati tal-arrest inkwistjoni.

3.

Madankollu, il-Protokoll Nru 21 tat-TUE u tat-TFUE ( 4 ), adottat fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona tal-2007 u fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009, jipprovdi li l-Irlanda ma hijiex marbuta bil-miżuri tal-Unjoni Ewropea relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, sakemm dan l-Istat Membru ma jagħżilx espressament il-miżura inkwistjoni. L-Irlanda ma għażlitx id-dispożizzjonijiet rilevanti taż-żewġ ftehimiet imsemmija. Għalhekk, jeħtieġ ikun eżaminat jekk, bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, l-Irlanda kienx jeħtiġilha tagħmel tagħha d-dispożizzjonijiet relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew biex dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw. Dak, imbagħad, jiddependi minn jekk il-Protokoll Nru 21 japplikax għal dawk id-dispożizzjonijiet.

4.

Il-Protokoll Nru 21 ma japplikax, madankollu, jekk l-Unjoni Ewropea b’mod korrett tibbaża dawk il-ftehimiet fuq is-setgħat esterni tagħha biex tikkonkludi ftehim dwar ħruġ (Artikolu 50(2) TUE) u ftehim ta’ assoċjazzjoni (Artikolu 217 TFUE), pjuttost milli fuq kompetenza relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Element ewlieni f’dan ir-rigward huwa l-fatt li dawk iż-żewġ sistemi ta’ konsenja ma joħolqux obbligi ġodda, b’mod partikolari għall‑Irlanda, iżda sempliċement jestendu dawk eżistenti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

5.

L-Artikolu 50 TUE jistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2.   L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.   It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat inkwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru inkwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ m’għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew jew f’deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3)(b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.   […]”

B.   It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

6.

L-Artikolu 217 TFUE huwa l-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni:

“L-Unjoni tista’ tikkonkludi ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali ftehim li jistabbilixxu assoċjazzjoni li ġġib magħha drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali.”

7.

L-Artikolu 218(6) u (8) TFUE jistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali għall‑konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u b’mod partikolari ftehimiet ta’ assoċjazzjoni:

“6.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

(a)

wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

(i)

ftehim ta’ assoċjazzjoni;

[…]

8.   Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.

Mandankollu, għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta’ att ta’ l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta’ assoċjazzjoni […]”.

C.   Il-Protokoll Nru 21

8.

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 21 l-Irlanda ma tiħux parti f’miżuri adottati li jkollhom x’jaqsmu mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja:

“Suġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea […]”.

9.

L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 21 jispeċifika l-effetti tal-Artikolu 1:

“B’konsegwenza ta’ l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi dispożizzjoni jew miżuri bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenza, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’ xi mod taffettwa la l-acquis communautaire, u lanqas dak ta’ l-Unjoni u lanqas tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għar-Renju Unit jew l-Irlanda.”

10.

Madankollu, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 l-Irlanda tkun tista’ tinnotifika lill-Kunsill li hija tkun tixtieq tieħu parti fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ tali miżura, u skont l-Artikolu 4 dak l-Istat Membru jkun jista’ jaċċetta tali miżura wara li tkun ġiet adottata.

D.   Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

11.

Il-Kunsill adotta unanimament id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 5 ) u d‑Deċiżjoni Qafas 2009/299 ( 6 ) li emendatha skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari b’riferiment għall-Artikoli 31(1)(a) u 34(2)(b), qabel ma kienu ddaħħlu fis-seħħ it-tibdiliet għat-Trattat ta’ Lisbona u għall-Protokoll Nru 21 fl-1 ta’ Diċembru 2009. Għalhekk, iż-żewġ deċiżjonijiet qafas jorbtu lill-Irlanda anki għalkemm l-Irlanda ma kinitx espliċitament innotifikat lill-Kunsill li hija xtaqet tieħu parti fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom jew li hija kienet aċċettathom.

12.

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi l-obbligi bażiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id‑disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

13.

Minħabba li r-Renju Unit ma kienx għadu Stat Membru fiż-żmien meta l‑awtoritajiet tiegħu kienu ħarġu l-mandati ta’ arrest inkwistjoni, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tistax isservi direttament bħala l-bażi għall-eżekuzzjoni tagħhom.

E.   Il-Ftehim dwar il-Ħruġ

14.

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa bbażat fuq l-Artikolu 50(2) TUE ( 7 ). Daħal fis‑seħħ fl-1 ta’ Frar 2020 ( 8 ).

15.

Skont l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kien hemm perijodu ta’ tranżizzjoni, li beda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. L-Artikolu 127 jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni kellu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni sakemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma kienx jipprovdi mod ieħor. Minħabba li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jipprovdix għal deroga mill-Artikolu 127 għad-dispożizzjonijiet relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew, dawk id‑dispożizzjonijiet komplew japplikaw matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

16.

L-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi, inter alia, li “t-Tieni u t-Tielet Partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19, l-Artikolu 34(1), l-Artikolu 44, u l-Artikolu 96(1), kif ukoll it-Titolu I tas-Sitt Parti u l-Artikoli minn 169 sa 181, għandhom japplikaw minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

17.

It-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tinkludi l-Artikolu 62(1) li jkopri proċedimenti kurrenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jipprevedi:

“Fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu lir-Renju Unit, għandhom japplikaw l-atti li ġejjin kif ġej:

(a)

[…]

(b)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI għandha tapplika fir-rigward tal-mandati ta’ arrest Ewropej meta l-persuna rikjesta tkun ġiet arrestata qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, […];

[…]”.

18.

L-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jċedux iċ-ċittadini tagħhom lejn ir-Renju Unit. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tas-Slovenja nqdew b’din il-possibbiltà ( 9 ).

F.   Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

19.

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, huwa Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 217 TFUE ( 10 ). Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara r-ratifika mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit ( 11 ).

20.

It-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (l-Artikoli 596 sa 632) jistabbilixxi sistema ta’ konsenja bejn l-Istati Membri u r‑Renju Unit.

21.

L-Artikolu 632 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprovdi li t-Titolu VII “għandu japplika fir-rigward ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI […] minn Stat qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fejn il-persuna rikjesta ma tkunx ġiet arrestata għall-fini tal-eżekuzzjoni tagħha qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

22.

SD huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew datat 20 ta’ Marzu 2020, maħruġ minn awtorità ġudizzjarja tar-Renju Unit, li jitlob l-estradizzjoni tiegħu lejn ir-Renju Unit biex jaqdi sentenza ta’ priġunerija ta’ tmien snin. SD kien arrestat fl-Irlanda fid-9 ta’ Settembru 2020. Fit-8 ta’ Frar 2021, il-High Court (il‑Qorti Għolja) (l-Irlanda) ordnat l-estradizzjoni ta’ SD lejn ir-Renju Unit u wara ordnat li huwa jintbagħat il-ħabs sakemm isseħħ l-estradizzjoni tiegħu.

23.

SN huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew datat 5 ta’ Ottubru 2020, maħruġ ukoll minn awtorità ġudizzjarja fir-Renju Unit, li jitlob l-estradizzjoni minħabba li huwa akkużat b’erbatax‑il reat. SN kien arrestat fl-Irlanda fil-25 ta’ Frar 2021 u ntbagħat il-ħabs sakemm tinstema’ t-talba għall-estradizzjoni tiegħu.

24.

Fis-16 ta’ Frar 2021 kien ippreżentat rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) f’isem SD li kien jitlob li ssir inkjesta skont l-Artikolu 40.4.2 tal‑Kostituzzjoni tal-Irlanda dwar il-legalità tad-detenzjoni ta’ SD. Kien sottomess li SD ma kienx intbagħat il-ħabs legalment minħabba li s-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx għadha tapplika bejn l-Irlanda u r-Renju Unit. Fil-5 ta’ Marzu 2021, kien ippreżentat rikors simili f’isem SN.

25.

Il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li kemm SD kif ukoll SN kienu miżmuma l-ħabs legalment u, għalhekk, irrifjutat tordna l-ħelsien tagħhom. It-tnejn ingħataw permess jappellaw direttament quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) (l-Irlanda), iżda kellhom jibqgħu miżmuma l-ħabs sakemm ikun hemm ir-riżultat tal-appelli rispettivi tagħhom quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema).

26.

Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tqis li huwa possibbli li l-arranġamenti li jinsabu fil-Ftehim dwar il-Ħruġ u fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, sakemm ikunu relatati mas-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ma jkunux vinkolanti għall-Irlanda. Jekk dan kellu jkun il-każ, il-miżuri nazzjonali adottati mill-Irlanda biex tinżamm is-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tar-Renju Unit isiru invalidi u, konsegwentement, il-priġunerija kontinwata tal-appellanti tkun ukoll illegali.

27.

F’dan il-kuntest, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Billi l-Irlanda għandha l-benefiċċju taż-żamma tas-sovranità [fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja] bla ħsara għad-dritt tal-Irlanda li tipparteċipa f’miżuri adottati mill-Unjoni f’dak il-qasam skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE;

Billi l-bażi legali sostantiva dikjarata tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (u tad-Deċiżjoni għall-konklużjoni tal-istess) huwa l-Artikolu 50 TUE;

Billi l-bażi legali sostantiva dikjarata tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (u d-Deċiżjoni għall-konklużjoni tal-istess) huwa l-Artikolu 217 TFUE; u

Billi jsegwi li ma kinitx tqieset il-ħtieġa ta’ jew il-permess għall-parteċipazzjoni mill-Irlanda u, għalhekk, tali parteċipazzjoni ma kinitx eżerċitata:

(a)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ħruġ, li jipprevedu ż-żamma tas-sistema tal-[Mandat ta’ Arrest Ewropew] fir-rigward tar-Renju Unit, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst f’dan il-ftehim, jistgħu jitqiesu li huma vinkolanti għall-Irlanda b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut sinjifikattiv tiegħu fil-qasam tal-[ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja]; u

(b)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jipprevedu ż-żamma tas-sistema tal-[Mandat ta’ Arrest Ewropew] fir-rigward tar-Renju Unit wara l-perijodu rilevanti ta’ tranżizzjoni, jistgħu jitqiesu li huma vinkolanti għall-Irlanda b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut sinjifikattiv tiegħu fil-qasam tal-[ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja]?”

28.

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi ttrattat skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-18 ta’ Awwissu 2021, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ dik it-talba. Fis-7 ta’ Settembru 2021 l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet il-kawża lill-Awla Manja.

29.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn SD u SN, mill-Irlanda, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet u r-Renju tad-Danimarka wkoll ipparteċipaw fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2021.

IV. Analiżi ġuridika

30.

Il-kwistjoni f’din il-kawża hija jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li huma inklużi fil-Ftehim dwar il-Ħruġ u fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni humiex vinkolanti għall-Irlanda.

31.

Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tispjega li, skont id-dritt Irlandiż, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-Renju Unit u d-detenzjoni tal-persuna mitluba huma permissibbli biss jekk ikun hemm obbligu korrispondenti skont id-dritt tal-Unjoni li jkun vinkolanti għall-Irlanda.

32.

Qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea kien daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2020, dak l-obbligu kien jirriżulta direttament mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni sussegwenti, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, id-Deċiżjoni Qafas kompliet tapplika bis-saħħa tal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Madankollu, il-każijiet ta’ SD u SN ma humiex koperti minn dawk ir-regoli minħabba li huma ma kinux estraditi lejn ir-Renju Unit qabel ma kien intemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

33.

Minħabba li SD kien arrestat qabel ma ntemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-pożizzjoni tiegħu hija konformi mal-Artikolu 62(1)(b) u mal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tkompli tapplika fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew tiegħu.

34.

Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Irlandiżi arrestaw lil SN wara li kien intemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni, għalkemm l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu ħarġu l-mandat ta’ arrest Ewropew matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fir-rigward ta’ dik is-sitwazzjoni, l-Artikolu 632 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprovdi li għandha tapplika s-sistema ġdida ta’ estradizzjoni stabbilita bit-Titolu VII tat-Tielet Parti ta’ dak il-ftehim.

35.

SD u SN jopponu l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet taż-żewġ ftehimiet. Huma jsostnu li dawk id-dispożizzjonijiet joħolqu obbligi ġodda relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-Protokoll Nru 21, tali obbligi jkunu biss vinkolanti għall-Irlanda jekk dak l-Istat Membru espliċitament jaqbel li jintrabat bihom (jiġifieri, jagħti l-kunsens tiegħu). Fl-assenza ta’ kunsens mill-Irlanda għal dan, SD u SN jissottomettu li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-kompetenza tadotta d-dispożizzjonijiet rilevanti b’effett għall-Irlanda għar-raġuni li dan l-Istat Membru ma ttrasferixxiex dik il-kompetenza lill-Unjoni Ewropea.

36.

Ser neżamina din il-pożizzjoni f’żewġ stadji. L-ewwel, nindika l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21 kif iddikjarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li l-applikazzjoni tiegħu tiddependi mill-bażi legali tal-miżura inkwistjoni (A). It-tieni, niddiskuti jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 62(1)(b) u l-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u t-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 632 tiegħu, kellhomx ikunu bbażati fuq kompetenza relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (B.1 u B.2).

A.   Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21

37.

Skont il-Protokoll Nru 21 l-Irlanda ma tipparteċipax fil-miżuri adottati skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jkopri l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, sakemm ma tagħżilx espliċitament li tagħmel hekk f’tali miżuri.

38.

Iżda, kif diġà spjegajt f’żewġ konklużjonijiet preċedenti, il-kamp ta’ applikazzjoni konkret tal-Protokoll Nru 21 huwa espressament limitat għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Barra minn dan, bħala eċċezzjoni, dan il-protokoll għandu jkun interpretat ristrettivament. Ma humiex la l-ispirtu u lanqas l-għan ta’ dan il-protokoll li l-Irlanda tingħata diskrezzjoni ħielsa dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew dwar l-effett vinkolanti ta’ tali miżuri għaliha f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 12 ).

39.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-bażi legali għal miżura li tiddetermina jekk il-protokoll għandux ikun applikat, u mhux bil-maqlub ( 13 ). Fi kliem ieħor, il-Protokoll Nru 21 japplika biss għal miżuri li kienu, jew kellhom ikunu bbażati fuq kompetenza derivanti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Bil-maqlub, miżura li tkun relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ma tkunx koperta bil-Protokoll jekk ma jkunx meħtieġ li tkun ibbażata fuq tali kompetenza.

B.   Il-bażijiet legali tal-ftehimiet

40.

Iż-żewġ ftehimiet ma humiex ibbażati fuq kompetenzi relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, iżda pjuttost, fuq il-kompetenza relatata mal‑arranġamenti għal ħruġ, l-Artikolu 50(2) TUE, u mal-kompetenza għal konklużjoni ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, l-Artikolu 217 TFUE, rispettivament.

41.

Għalhekk, jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew jekk it-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 632 tiegħu, kellhomx – minflok jew addizzjonalment – ikunu bbażati fuq kompetenza relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jiġifieri l-Artikolu 82(1)(d) TFUE.

42.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali għal att tal-Unjoni Ewropea, inkluż wieħed adottat għal konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi suxxettibbli għal stħarriġ ġudizzjarju, li jkunu jinkludu l-għan u l-kontenut ta’ dik il-miżura. Jekk eżami ta’ att tal-Unjoni Ewropea jiżvela li jkun isegwi għan doppju jew li jkun jikkomprendi żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk ikun identifikabbli bħala l-wieħed ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri fuq dik meħtieġa skont l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk ikun stabbilit, madankollu, li l-att ikun, fl-istess waqt, isegwi għadd ta’ objettivi, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu inestrikabbilment konnessi mingħajr ma l-wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, b’mod li jkunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, tali miżura jkollha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti. Madankollu, ma huwiex possibbli li wieħed jirrikorri għal bosta bażijiet legali fejn il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi legali jkunu inkompatibbli ma’ xulxin ( 14 ).

43.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-Protokoll Nru 21 ma jistax jaffettwa l-identifikazzjoni tal-bażi legali korretta għall-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali ( 15 ). Din il-ġurisprudenza tikkorrispondi mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-punt preċedenti, u l-Protokoll stess ma jsostnix mod ieħor. Għalhekk, l-argument ta’ SD u SN li l-kriterju tal-għan predominanti ma jistax ikun applikat meta miżuri jkunu relatati mal-Protokoll Nru 21, għandu jiġi miċħud.

44.

Meqjusa dawn il-kunsiderazzjonijiet, issa jiena ser neżamina l-bażijiet legali tar-regoli dwar mandati ta’ arrest fiż-żewġ ftehimiet.

1. Il-bażi legali tal-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

45.

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż l-Artikolu 62(1)(b) tiegħu, huwa bbażat fuq l-Artikolu 50(2) TUE. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) TUE, l-Unjoni Ewropea għandha tinnegozja u tikkonkludi ftehim ma’ Stat li jkun ħiereġ li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jitqies il-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea. Ir-raba’ sentenza tipprovdi li l-Ftehim għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni Ewropea mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

46.

Għal dan il-fini, kif il-Kummissjoni tispjega b’mod partikolari, l-Artikolu 50(2) TUE jipprovdi għall-kompetenza għal konklużjoni ta’ ftehim wieħed, komprensiv, ibbażat fuq proċedura waħda speċifika, li tkun tikkomprendi l-oqsma kollha koperti bit-Trattati li jkunu rilevanti għall-ħruġ. Tali ftehim ikun ikopri proċeduri li jinġiebu għal konklużjoni li jkunu mfassla skont id-dritt tal-Unjoni, li jkunu għaddejjin fiż-żmien tal-ħruġ, dwar l-Istat li jkun ħiereġ. Għal dan ikunu meħtieġa regoli u arranġamenti ddettaljati f’għadd vast ta’ oqsma differenti li jkunu konformi mal-acquis tal-Unjoni Ewropea. Biex ikun żgurat ħruġ ordinat fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u, tabilħaqq, tal-Istat li jkun ħiereġ, dawk ir-regoli u l-arranġamenti jkunu jistgħu jinkludu perijodi ta’ tranżizzjoni li matulhom, għal perijodi limitati wara li jkun seħħ il-ħruġ, id-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għall-Istat li jkun ħiereġ.

47.

Għalhekk, bħala l-ewwel stadju għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi fl-Artikolu 127 li l-kważi d-dritt kollu tal-Unjoni jkompli japplika għal u fir-Renju Unit bejn id-data tal-ħruġ u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

48.

Bħala t-tieni stadju tal-ħruġ, wara għandhom japplikaw regoli speċifiċi stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, jiġifieri mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni skont ir-raba’ sas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

49.

Huwa minnu li dawk ir-regoli speċifiċi għat-tieni stadju, bl-istess mod bħall-applikazzjoni kontinwa tal-parti l-kbira tad-dritt tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, ikopru ħafna politiki differenti, inkluża, b’mod partikolari, is-sistema ta’ konsenja f’każijiet kriminali skont l-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Ordinarjament, biex titmexxa dawn il-politiki l-Unjoni Ewropea tkun qiegħda taġixxi skont setgħat speċifiċi u jkun jeħtiġilha tħares restrizzjonijiet għal dawk is-setgħat, bħall-Protokoll Nru 21.

50.

Madankollu, meqjus l-għan tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dik il-politiki speċifiċi kollha jkunu neċessarjament anċillari għall-għan predominanti ġenerali li tkun ipprovduta sistema komprensiva għat-tranżizzjoni minn sħubija tal-Unjoni Ewropea għal status ta’ pajjiż terz. Dan huwa għan estremament wiesa’ fis-sens li għandu jkun possibbli għall-miżuri meħtieġa biex l-dan għan ikun segwit li huma jkunu jirrigwardaw varjetà wiesgħa ta’ materji speċifiċi ( 16 ). Tabilħaqq, il-Ftehim għandu jkun jista’ jittratta l-firxa sħiħa ta’ materji koperti bid-dritt tal-Unjoni.

51.

Il-proċeduri stabbiliti fil-bażijiet legali tal-politiki speċifiċi koperta bil-Ftehim dwar il-Ħruġ jikkonfermaw il-karattru anċillari tagħhom fil-kuntest tal-ħruġ tal-Istat Membru.

52.

Dan huwa partikolarment evidenti fil-każ ta’ politiki li normalment ikunu jeħtieġu l-unanimità biex il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaġixxi, bħal tassazzjoni indiretta li hija s-suġġett tal-Artikoli 51 sa 53 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Skont l-Artikolu 113 TFUE il-Kunsill għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ tassazzjoni indiretta b’unanimità, iżda l-unanimità, ma tistax tkun marbuta ma’ maġġoranza kwalifikata ( 17 ) msemmija fl-Artikolu 50(2) TUE. Barra minn dan, skont l-Artikolu 113 TFUE il-Kunsill jeħtieġlu biss jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, filwaqt li skont l-Artikolu 50(2) TUE tkun meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament.

53.

Din l-inkompatibbiltà ta’ proċeduri ma tistax tkun riżolta billi jkunu esklużi minn ftehim dwar il-ħruġ materji li jeħtieġu proċeduri inkompatibbli minħabba li l-Artikolu 50(2) TUE ma jipprovdi għal ebda eċċezzjoni għall-arranġamenti għal ħruġ.

54.

L-approċċ komprensiv tal-Artikolu 50(2) TUE u l-proċedura leġiżlattiva prevista huma meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali dwar ħruġ, kif saħaq il-Kunsill. Kif wera l-ħruġ tar-Renju Unit, tali arranġamenti wiesgħa jkollhom isiru taħt pressjoni politika intensa u f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna. Il-ħtieġa tal-unanimità fil-Kunsill jew l-esklużjoni ta’ ċerti materji mill-proċedura ġenerali jżidu l-komplessità għal dak il-proċess u jkabbru r-riskju li ma jintlaħaq ebda ftehim.

55.

Għalhekk, il-ħtieġa li ftehim dwar ħruġ tkun ukoll ibbażata fuq dispożizzjonijiet għajr fuq l-Artikolu 50(2) TUE kull meta l-ftehim ikun relatat ma’ qasam speċifiku twassal fil-prattika għall-possibbiltà li jixxejnu fis-sustanza tagħhom il-kompetenza u l-proċedura tal-Artikolu 50(2) TUE ( 18 ).

56.

Konsegwentement, il-fatt li ftehim dwar ħruġ ikollu klawżoli dwar diversi materji speċifiċi ma jistax jibdel il-karatterizzazzjoni tal-ftehim fl-intier tiegħu, ħaġa li għandha tiġi ddeterminata billi jitqies l-għan essenzjali tiegħu u mhux skont klawżoli individwali ( 19 ).

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ simili fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda żiedet kwalifika, jiġifieri li klawżoli dwar materji speċifiċi ma għandhomx jimponu tali obbligi estensivi b’mod li dawk l-obbligi fil-fatt ikunu jikkostitwixxu għanijiet distinti minn dawk ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 20 ).

58.

Irrispettivament minn jekk dik il-kwalifika tapplikax għal ftehimiet dwar ħruġ, is-sistema ta’ konsenja skont l-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ f’kull każ ma toħloqx obbligi estensivi li jikkostitwixxu objettiv distint mill-għan li jkun żgurat proċess dwar ħruġ ordinat. Hija testendi biss u timmodifika obbligi eżistenti fid-dawl tal-ħruġ għal perijodu limitat ta’ tranżizzjoni.

59.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija eżempju perfett ta’ tali estensjoni minħabba li l-obbligu li jirriżulta jkun jiddependi mill-fatt li l-Irlanda tipparteċipa fis-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, għalhekk, setgħet tirċievi tali mandati mir-Renju Unit qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Bil-maqlub, l-Irlanda ma tipparteċipax fis-sistema tal-ordni Ewropea ta’ protezzjoni ( 21 ) u, għalhekk, hija ma setgħetx tirċievi tali ordnijiet li jirriżultaw f’obbligi skont l-Artikolu 62(1)(k).

60.

B’mod partikolari, ma jistax jiġi argument b’suċċess li l-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ joħloq obbligi ġodda għall-Irlanda minħabba li dan l-Istat Membru kien suġġett għal obbligi simili skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 qabel ma l-ftehim kien daħal fis-seħħ.

61.

Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet ta’ SD u SN, il-motivazzjoni tal-Avukat Ġenerali Hogan ( 22 ) fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) ( 23 ) ma hijiex rilevanti għal dan il-każ. L-Unjoni Ewropea tqis li tikkonkludi din il-konvenzjoni b’riferiment għal setgħat speċifiċi relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. L-Avukat Ġenerali Hogan jaqbel ma’ dan l-approċċ ( 24 ) Skont dik il-premessa l-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija konformi eżattament mal-portata tal-Protokoll Nru 21. SD u SN jissottomettu li dan ifisser li l-Ftehim dwar il-Ħruġ kellu wkoll ikun konkluż skont tali setgħat u jkun suġġett għall-Protokoll.

62.

Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija ftehim għalkollox differenti u l-bażijiet legali inkunsiderazzjoni jirriflettu dan. B’mod partikolari, l-Avukat Ġenerali Hogan ma jindirizzax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(2) TUE jew il-bażi legali adatta tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

63.

Għalhekk, l-Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa bbażat b’mod korrett fuq l-Artikolu 50(2) TUE biss. Ma huwiex meħtieġ li din il-kompetenza tingħaqad mal-kompetenza relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

2. Il-bażi legali tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 632 tiegħu

64.

L-Unjoni Ewropea kkonkludiet il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni abbażi tal-Artikolu 217 TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-konklużjoni ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jistabbilixxu assoċjazzjoni li tkun tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjoni komuni u proċedura speċjali.

65.

Dik il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-Unjoni Ewropea tiggarantixxi impenji għal pajjiżi mhux membri fl-oqsma kollha koperti bit-Trattati ( 25 ) Dan il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ huwa ġġustifikat bl-għan li jinħolqu rabtiet speċjali, privileġġjati ma’ pajjiż mhux membru, li jkollu, almenu sa ċertu punt, jipparteċipa fis-sistema tal-Unjoni Ewropea ( 26 ). Dan l-għan b’firxa wiesgħa, orizzontali huwa distint mill-għanijiet ta’ ftehimiet speċifiċi li jipprovdu għal regoli dwar materji ddefiniti sewwa. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dik is-setgħa ġenerali, skont l-Artikolu 217 TFUE, ma tippermettix lill-Unjoni Ewropea, meqjus il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi stabbilit bl-Artikolu 5(2) TUE, tadotta, fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, miżuri li jkunu jeċċedu l-limiti tas-setgħat li l-Istati Membri jkunu tawha fit-Trattati biex hija tikseb l-għanijiet stabbiliti hemmhekk ( 27 ).

66.

F’dan il-każ, sehem fis-sistema tal-Unjoni Ewropea jfisser parteċipazzjoni fis-sistema ta’ konsenja stabbilita għall-mandat ta’ arrest Ewropew bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Din is-sistema tapplika għall-Irlanda.

67.

Għall-preżervazzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri u biex ikun żgurat livell għoli ta’ leġittimità demokratika għal tali impenji potenzjalment ta’ portata estensiva, l-Artikolu 218(6) u (8) TFUE jitlob l-unanimità fil-Kunsill u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni.

68.

Inċidentalment, ir-rekwiżit ta’ unanimità jfisser li l-Irlanda taqbel li tintrabat bis-sistema ta’ konsenja stabbilita fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ kull eċċezzjoni għall-Irlanda, l-effett fuq dan l-Istat Membru kellu jkun ċar.

69.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Kunsill għandu d-dritt, skont l-Artikolu 217 TFUE, jadotta miżura fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni sakemm dik il-miżura jkollha rabta ma’ qasam speċifiku ta’ kompetenza tal-Unjoni u tkun imsejsa wkoll fuq il-bażi legali korrispondenti, meqjusa b’mod partikolari l-għan u l-kontenut tagħha, għal dak il-qasam ( 28 ). SD u SN, għalhekk, isostnu li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni kellu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 82(1)(d) TFUE bħala bażi legali addizzjonali u li, konsegwentement, il-Protokoll Nru 21 kien ikun japplika. Huwa għalhekk għaliex, fil-fehma tagħhom, is-sistema ta’ konsenja tal-Ftehim kienet tkun vinkolanti biss għall-Irlanda kieku dan l-Istat Membru kien għażel li jipparteċipa f’din is-sistema.

70.

Madankollu l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħtieġa ta’ bażi legali addizzjonali speċifika tikkonċerna biss id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea f’korpi stabbiliti permezz ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, f’dan il-każ il-pożizzjoni li jkollha tittieħed dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim KEE-Turkija ( 29 ). Skont l-Artikolu 218(8) u (9) TFUE il-Kunsill jiddeċiedi dwar tali kwistjonijiet b’maġġoranza kwalifikata mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew. Iż-żieda ta’ bażi legali speċifika interna tkun qiegħda tiggarantixxi li ma jkunx hemm evitar ta’ rekwiżiti proċedurali iktar rigorużi għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam rispettiv.

71.

Kuntrarju għal pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma kinitx relatata ma’ qasam ta’ politika speċifika li kien ikun jeħtieġlu rabta ta’ kompetenza speċifika mal-Artikolu 217 TFUE. Bl-istess mod bħall-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jittratta dwar ħafna oqsma koperti bit-Trattati. Is-sistema ta’ konsenja tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni hija waħda biss minn dawk il-ħafna oqsma.

72.

Dwar dan, is-setgħa għal konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni skont l-Artikolu 217 TFUE hija, għallinqas, sa ċertu punt, simili għas-setgħat għal konklużjoni ta’ ftehimiet dwar ħruġ skont l-Artikolu 50(2) TUE jew ta’ ftehimiet dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp skont l-Artikolu 209(2) TFUE. Huma kollha kkaratterizzati minn għan ġenerali li huwa moqdi b’miżuri speċifiċi li jistgħu jkunu adottati b’riferiment għal kompetenzi speċifiċi.

73.

Madankollu, il-ħtieġa li jiżdiedu l-kompetenzi rilevanti kollha bħala bażijiet legali toħloq il-possibbiltà li tixxejjen is-sustanza tal-kompetenza u l-proċedura ġenerali rispettivi għall-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali ( 30 ). Barra minn dan, il-ħtieġa li jiżdiedu l-kompetenzi rilevanti kollha bħala bażijiet legali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni wkoll ma hijiex prattikabbli minħabba r-rekwiżiti proċedurali ( 31 )differenti u sikwit inkompatibbli ( 32 ).

74.

Għandu jkun innotat ukoll li, għallinqas fil-kuntest tar-relazzjoni bejn l-Irlanda u r-Renju Unit, is-sistema ta’ konsenja stabbilita fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma tkunx qiegħda toħloq b’mod konkret obbligi ġodda, iżda biss tkompli bl-obbligi kważi kollha li kien hemm tas-sistema ta’ qabel bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u bil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għalhekk, jekk il-kwalifika msemmija iktar ’il fuq għall-kompetenza fir-rigward ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 33 )kellha wkoll tkun applikabbli għall-kompetenza fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, hija ma kinitx tkun tapplika f’dan il-każ speċifiku.

75.

Għalhekk, it-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 632 tiegħu, huma bbażati b’mod korrett fuq l-Artikolu 217 TFUE biss. Ma jeħtieġx li din il-kompetenza tingħaqad ma’ kompetenza relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

V. Konklużjoni

76.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-Protokoll Nru 21 ma jkoprix is-sistemi ta’ konsenja taż-żewġ ftehimiet u, għalhekk, dawk is-sistemi huma vinkolanti għall-Irlanda, mingħajr ħtieġa ta’ parteċipazzjoni speċifika.

77.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni li ġejja:

L-Artikolu 62(1)(b) u l-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill‑Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u t-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l‑Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 632 tiegħu, li jipprovdu għall-kontinwazzjoni tas‑sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tar-Renju Unit, huma vinkolanti għall-Irlanda.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Artikolu 62(1)(b) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020 L 29, p. 7 (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”)

( 3 ) Artikoli 596 sa 632 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l‑Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021 L 149, p. 10, il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l‑Kooperazzjoni).

( 4 ) Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Qasam ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (il-“Protokoll Nru 21”).

( 5 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 34).

( 6 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009 L 81, p. 24).

( 7 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020 L 29, p. 1).

( 8 ) Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020 L 29, p. 189).

( 9 ) Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea magħmula f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 188).

( 10 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2).

Fir-rigward ta’ Euratom, il-Kunsill approvaha bid-Deċiżjoni (Euratom) 2020/2253 tad-29 ta’ Diċembru 2020 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 444, p. 11) abbażi tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija Atomika.

( 11 ) Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2560).

( 12 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (ŻEE) (C‑431/11, EU:C:2013:187, punti 7374), u fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażati fuq, jew tikkonsisti minn, Aċċess Kondizzjonali) (C‑137/12, EU:C:2013:441, punt 84).

( 13 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażati fuq, jew tikkonsisti minn, Aċċess Kondizzjonali) (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 74). Ara wkoll l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor) tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 218) u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’dik il-kawża, EU:C:2016:992, punt 203.

( 14 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 76 sa 78), u s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kommissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mar-Repubblika tal-Armenja) (C‑180/20, EU:C:2021:658, punti 3234).

( 15 ) Sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (l-Isvizzera) (C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 49); tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażati fuq, jew tikkonsisti minn, Aċċess Kondizzjonali) (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 73); tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (It-Turkija) (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 37); kif ukoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 108).

( 16 ) Ara dwar dan is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1996, Ir-Repubblika tal-Portugall vs Il-Kunsill (l‑Indja) (C‑268/94, EU:C:1996:461, punt 37); tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ll-Filippini) (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 38); u tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (Ftehim mar-Repubblika tal-Armenja) (C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 50).

( 17 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Irkupru ta’ krediti) (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 58).

( 18 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1996, Ir-Repubblika tal-Portugall vs Il-Kunsill (l‑Indja) (C-268/94, EU:C:1996:461, punt 38); tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (il-Filippini) (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 38); u tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (Ftehim mar-Repubblika tal-Armenja) (C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 51).

( 19 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1996, Ir-Repubblika tal-Portugall vs Il-Kunsill (l-Indja) (C‑268/94, EU:C:1996:461, punt 39), u tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (il-Filippini) (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 39).

( 20 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1996, Ir-Repubblika tal-Portugal vs Il-Kunsill (l‑Indja) (C‑268/94, EU:C:1996:461, punt 39), u tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (il-Filippini) (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 39).

( 21 ) Premessa 41 tad-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (ĠU 2011, L 338, p. 2).

( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-proċedura għal Opinjoni 1/19 (Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) (EU:C:2021:198, punt 181 et seq.).

( 23 ) Il-Kunsill tal-Ewropa, Ġabra tat-Trattati – Nru 210.

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-proċedura għal Opinjoni 1/19 (Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) (EU:C:2021:198, punt 166).

( 25 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 9), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (It-Turkija) (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 61).

( 26 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 9). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (ŻEE) (C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 49).

( 27 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (It-Turkija) (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 61).

( 28 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (It-Turkija) (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 62).

( 29 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (It-Turkija) (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 12).

( 30 ) Ara iktar ’il fuq, punti 57 u 58.

( 31 ) Ara iktar ’il fuq, punti 51 sa 53.

( 32 ) Ara, minbarra r-referenzi fin-nota’ ta’ qiegħ il-paġna 14, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Dijossidu tat-titanju) (C‑300/89, EU:C:1991:244, punti 18 sa 21), u tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ kimiċi perikolużi) (C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 57).

( 33 ) Ara iktar ’il fuq, punt 57.