KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑279/21

X

vs

Udlændingenævnet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija – Riunifikazzjoni tal-familja bejn konjuġi – Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 – Regola ta’ ‘Standstill’ – Ħaddiem Tork li diġà għandu permess ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti – Kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-lingwa imposta fuq ħaddiem Tork fil-kuntest tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja introdotta mill-konjuġi tiegħu – Restrizzjoni ġdida – Ġustifikazzjoni – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tirrigwarda l-kisba ta’ integrazzjoni b’suċċess – Verifika tan-natura neċessarja, xierqa u proporzjonata”

Introduzzjoni

1.

F’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tat l-assistenza tagħha lill-qrati nazzjonali sabiex tgħinhom jevalwaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli jew leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu d-dettalji tal-kundizzjonijiet li għalihom il-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok diġà preżenti fit-territorju tal-Unjoni u li ġeneralment diġà jagħmlu parti mis-suq regolari tax-xogħol għandhom ikunu suġġetti sabiex jiġu awtorizzati jingħaqdu ma’ dawn il-ħaddiema. Ċerti Stati Membri għażlu li jeħtieġu li dawn il-membri tal-familja jipprovaw li għandhom ir-rekwiżiti lingwistiċi minimi meqjusa neċessarji fid-dawl tal-integrazzjoni futura tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat ( 2 ). Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija atipika fir-rigward tal-fatt li r-Renju tad-Danimarka għażel li jimponi dan ir-rekwiżit lingwistiku, mhux fuq il-membri tal-familja li jixtiequ jingħaqdu mal-ħaddiem Tork fit-territorju Daniż, iżda fuq il-ħaddiem Tork innifsu, diġà preżenti fit-territorju Daniż u legalment integrat fis-suq tax-xogħol, qabel ma jawtorizza r-riunifikazzjoni tal-familja.

2.

Y huwa ċittadin Tork fis‑27 ta’ Settembru 1979 li daħal fit-territorju Daniż, fejn ilu jirrisjedi minn dakinhar. Huwa għandu permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka sa mill‑1985. X twieldet fit-Turkija u għandha nazzjonalità Torka. Hija żżewġet lil Y fit-Turkija fl‑10 ta’ Lulju 2015. Fl‑14 ta’ Awwissu 2015, hija daħlet fit-territorju Daniż u mbagħad fil‑21 ta’ Ottubru 2015, hija introduċiet applikazzjoni għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja fid-Danimarka minħabba ż-żwieġ tagħha ma’ Y.

3.

Fil-kuntest tal-eżami mill-awtoritajiet Daniżi ta’ din l-applikazzjoni introdotta minn X, Y kellu jipprovdi għadd ta’ informazzjoni. B’mod partikolari, huwa indika li ma kienx għadda mit-test “Prøve i Dansk 1” jew eżami ekwivalenti. Mill-banda l-oħra, huwa indika li kien segwa taħriġ bażiku fil-qasam tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi taħt il-forma ta’ 320 kors mogħti bil-lingwa Daniża. Huwa indika wkoll li, fid-dawl tal-attività professjonali tiegħu u fil-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem Tork, huwa ma kellux jissodisfa rekwiżit lingwistiku. Huwa ppreċiża li ma jsofri minn ebda diżabbiltà u minn ebda disturb li jistgħu jiġġustifikaw diffikultà li twaqqfu milli jgħaddi mill-imsemmi test. Huwa fakkar li ilu jaħdem fid-Danimarka mill‑1980, li għandu erbat itfal adulti, li ommu u t-tmien ħutu jgħixu fid-Danimarka u li ħadd minn ħutu ma jinsab fit-Turkija.

4.

Fl‑1 ta’ Marzu 2016, l-Udlændingestyrelsen (l-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni, id-Danimarka) ċaħad l-applikazzjoni ta’ X għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ Y għar-raġuni li dan tal-aħħar ma kienx wera li kien għadda mit-test tal-lingwa “Prøve i Dansk 1” jew eżami ekwivalenti. Issa, minkejja li l-punt 1(d) tal-Artikolu 9(1) tal-udlændingeloven lovbekendtgørelse nr. 1021 af 19. September 2014 (il-Liġi dwar il-Barranin kif ippubblikata permezz tad-Digriet ta’ Kodifikazzjoni Nru 1021 tad‑19 ta’ Settembru 2014, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) kien jipprevedi li wara applikazzjoni, permess ta’ residenza jista’ jinħareġ lil kull barrani ta’ iktar minn 24 sena li jgħix f’rabtiet taż-żwieġ ma’ persuna residenti fid-Danimarka li għandha wkoll iktar minn 24 sena u li ilha fil-pussess ta’ permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka għal iktar minn tliet snin, il-punt 5 tal-paragrafu 12 ta’ din id-dispożizzjoni kien jippreċiża li, ħlief għal raġunijiet speċjali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-unità tad-dar tal-familja, permess ta’ residenza b’applikazzjoni tal-punt 1(d) tal-paragrafu 1 tal-imsemmija dispożizzjoni ma jistax jinħareġ ħlief jekk il-persuna li tirrisjedi fit-territorju Daniż kienet għaddiet mit-test “Prøve i Dansk 1”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-lov om danskudddannelse til voksne udlændinge m.fl (il-Liġi dwar il-Korsijiet tal-Lingwa Daniża għall-Barranin Adulti), jew eżami tad-Daniż ta’ livell ekwivalenti jew ogħla. Barra minn hekk, l-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni ma qiesx li hemm raġunijiet speċjali li jirrakkomandawlu jagħti segwitu favorevoli lill-applikazzjoni ta’ X minkejja l-fatt li Y ma kienx għadda mit-test, peress li deherlu li ċ-ċaħda tal-imsemmija applikazzjoni ma hijiex kuntrarja b’mod partikolari għall-impenji internazzjonali tad-Danimarka. L-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni żied li din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-klawżola ta’ “Standstill” kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dogan ( 3 ).

5.

Fil‑25 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Daniżi ħarġu permess ta’ residenza fid-Danimarka lil X għall-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata, permess li ġie mġedded fl‑14 ta’ Settembru 2017 sat‑13 ta’ Settembru 2021.

6.

X ippreżentat rikors amministrattiv quddiem l-Udlændinge-, Integrations- og Boligministerium (il-Ministeru għall-Barranin, għall-Integrazzjoni u għall-Akkomodazzjoni, id-Danimarka) ( 4 ) kontra l-parti tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Marzu 2016 relatata mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari talbet li tiġi eżaminata mill-ġdid l-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mas-sentenza Dogan ( 5 ). Fis‑6 ta’ Diċembru 2017, il-Ministeru għall-Barranin, għall-Integrazzjoni u għall-Akkomodazzjoni kkonferma d-deċiżjoni tal-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni, billi qies li dan tal-aħħar kien wettaq, b’mod suffiċjenti, ibbilanċjar u evalwazzjoni konkreti fir-rigward tal-fatt dwar jekk jeżistux raġunijiet speċjali li setgħu jiġġustifikaw il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fid-Danimarka lil X għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ladarba Y ma kienx għadda mill-eżami tal-lingwa Daniża. Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Novembru 2019, ir-rikors għal annullament ippreżentat minn X kontra d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2017 ġie trasferit lill-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fl-ewwel istanza. Quddiemha l-Ministeru ġie ssostitwit mill-Udlændingenævnet (il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Immigrazzjoni, id-Danimarka, iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) bħala parti konvenuta fil-kawża prinċipali.

7.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taħriġ fil-lingwa Daniża li huwa konkluż bit-test “Prøve i Dansk 1” jinkludi korsijiet tal-lingwa u kultura Daniża kif ukoll ta’ edukazzjoni ċivika. Dan huwa organizzat għal parteċipanti li qatt ma marru skola jew li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni, u ma tgħallmux jaqraw u jiktbu fil-lingwa materna tagħhom. Il-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn dan it-test, impost fuq il-ħaddiem Tork għall-eżami tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tal-konjuġi li jixtieq jingħaqad miegħu fit-territorju Daniż, kienet introdotta b’emenda tal-Liġi dwar il-Barranin li seħħet fl‑2012 ( 6 ). Hija tirriproduċi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta minn kull applikant ċittadin ta’ Stat terz ( 7 ) sabiex jinħariġlu permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka. Din għadha kundizzjoni li hija meħtieġa miċ-ċittadini barranin li diġà jibbenefikaw minn permess ta’ residenza maħruġ taħt leġiżlazzjoni li ma kienet timponi ebda rekwiżit lingwistiku sabiex jibbenefikaw minn tali permess ta’ residenza, kif kien il-każ għal Y, meta dawn iċ-ċittadini japplikaw sabiex il-konjuġi tagħhom jingħaqad magħhom fit-territorju Daniż. Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ( 8 ), ma kinitx teżisti regola li timponi fuq il-ħaddiem Tork diġà preżenti fid-Danimarka li jgħaddi minn eżami tal-lingwa Daniża sabiex il-konjuġi tiegħu jkun awtorizzat jingħaqad miegħu.

8.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kisba ta’ permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork li jirrisjedi legalment u jaħdem fl-Istat Membru ospitanti għal kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-lingwa, tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-klawżola ta’ Standstill li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 9 ) u, fl-affermattiv, jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni b’suċċess tal-konjuġi barrani.

9.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li teżisti ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 10 ), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-klawżola ta’ Standstill stabbilita minn din id-dispożizzjoni tostakola l-introduzzjoni minn Stat Membru ta’ restrizzjonijiet ġodda fir-rigward tal-possibbiltà li tinkiseb ir-riunifikazzjoni tal-familja ħlief jekk tali restrizzjoni hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 11 ). Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata integrazzjoni b’suċċess jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 12 ), madankollu hija ddeċidiet ukoll li kundizzjoni li timponi fuq l-applikant konjuġi ta’ ċittadin Tork li jirresjedi fl-Istat Membru kkonċernat, li jixtieq jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat għar-riunifikazzjoni tal-familja, li jipprova minn qabel il-kisba ta’ għarfien lingwistiku bażiku tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, tmur, b’mod konkret, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għar-raġuni li n-nuqqas ta’ prova tal-kisba ta’ għarfien lingwistiku suffiċjenti jwassal awtomatikament għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ ( 13 ). Issa, X sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 peress li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ integrazzjoni b’suċċess sa fejn li wieħed jgħaddi mit-test tal-lingwa jikkostitwixxi l-uniku mezz għall-barrani residenti sabiex juri l-kapaċità tiegħu ta’ integrazzjoni mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra. X issostni wkoll li, fir-realtà, ma kienx hemm possibbiltà li ssir deroga minn dan ir-rekwiżit, peress li l-assenza li wieħed jgħaddi minn dan l-eżami twassal għal ċaħda tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja.

10.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 14 ), jipprekludix miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din la hija applikata għaċ-ċittadini Daniżi u lanqas għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). F’dan ir-rigward, hija tirrileva li skont il-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tirrigwarda r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra u għandha dubji dwar jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv ta’ din id-dispożizzjoni. Minkejja li X issostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt “kundizzjonijiet tax-xogħol oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Bord tal-Appell jikkontesta li dan huwa l-każ, u f’kull każ, isostni li d-differenza fit-trattament li jimplika l-applikazzjoni tar-rekwiżit lingwistiku ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jimplimenta l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

11.

Fit-tielet lok, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikax fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistax japplika l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ( 15 ), u fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. X issostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta kontra ċ-ċittadini Torok, ibbażata fuq in-nazzjonalità, meta mqabbla mat-trattament mogħti liċ-ċittadini Daniżi u ta’ pajjiżi Nordiċi oħra kif ukoll liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx jissodisfaw kundizzjoni simili sabiex jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja. Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell jargumenta li s-sitwazzjoni ta’ X hija rregolata esklużivament mid-Deċiżjoni Nru 1/80, u mhux mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni nnifsu peress li hija ma għandhiex drittijiet skont dan il-ftehim u li, fi kwalunkwe każ, ma hemmx diskriminazzjoni. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċittadini Daniżi, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi Nordiċi oħra u ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema Torok.

12.

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandux effett dirett u jistax għalhekk jiġi invokat direttament mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali. X issostni li r-regola ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 9 setgħet tiġi invokata direttament u tiġi applikata b’mod awtonomu. Il-Bord tal-Appell jargumenta li l-imsemmi Artikolu 9 huwa regola ġenerali preċiża u kkonkretizzata fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li l-ġeneralità tagħha kif ukoll in-natura u l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprekludu li jiġi rrikonoxxut effett dirett lil dan l-istess Artikolu 9.

13.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2021, li tagħmel lil din tal-aħħar id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-klawżola ‘standstill’ fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprekludi l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li, bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi, teżiġi – sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi f’każ speċifiku – li l-konjuġi/konkubin jgħaddi minn test tal-lingwa fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, li bħala ħaddiem Tork fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, huwa kopert mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mid-Deċiżjoni Nru 1/80, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx teżiġi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt?

2)

Il-projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tkopri dispożizzjoni nazzjonali li, bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi, teżiġi – sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi f’każ speċifiku – li l-konjuġi/konkubin jgħaddi minn test tal-lingwa fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, li bħala ħaddiem Tork fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, huwa kopert mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mid-Deċiżjoni Nru 1/80, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx teżiġi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx tirrikjedi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt, filwaqt li tali rekwiżit ma japplikax għal ċittadini tal-Istat Membru Nordiku inkwistjoni (f’dan il-każ, id-Danimarka) u ta’ pajjiżi Nordiċi oħra, jew għal persuni oħra li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni (u għalhekk ma japplikax għal ċittadini tal-Unjoni jew taż-ŻEE)?

4)

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, il-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tista’ tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali?”

14.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, mill-Gvern Daniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea li nstemgħu wkoll waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Mejju 2022.

Analiżi

15.

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li permezz tad-domandi preliminari li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja introdotta mill-konjuġi ta’ ħaddiem Tork tista’ tintlaqa’ biss jekk dan il-ħaddiem huwa f’pożizzjoni li jipprova li jkun għadda minn eżami tal-lingwa Daniża hijiex kompatibbli mad-Deċiżjoni Nru 1/80 (b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 13) u/jew mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (f’dan il-każ, l-Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar). Madankollu, il-konstatazzjoni li waħda biss minn dawn it-tliet dispożizzjonijiet imsemmija tipprekludi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suffiċjenti sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha. Issa, mill-analiżi tiegħi jirriżulta li s-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju u ppreċiżata permezz tad-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li tmur kontra b’mod ċar l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet li ġejjin ser ikunu ddedikati biss għal din id-dispożizzjoni, u għalhekk għall-ewwel domanda preliminari biss.

16.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja, ma’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fid-Danimarka, tal-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin ta’ Stat terz għall-kundizzjoni li l-imsemmi ħaddiem jgħaddi minn eżami li jiċċertifika ċertu livell ta’ għarfien tad-Daniż, tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida” u, fl-affermattiv, jekk tali miżuri tistax tkun iġġustifikata.

Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni ġdida

17.

Infakkar li l-klawżola ta’ “Standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju, minn ċittadin Tork, tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fl-Istat Membru kkonċernat ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li leġiżlazzjoni nazzjonali li twebbes il-kundizzjonijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema Torok li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli waqt id-dħul fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-eżerċizzju minn dawn il-ħaddiema Torok tal-moviment liberu fl-imsemmi Stat Membru ( 17 ).

18.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ konjuġi ħaddiem Tork, tobbliga lill-konjuġi ċittadin ta’ Stat terz li jipproduċi l-prova li l-imsemmi ħaddiem ikun għadda minn eżami li jikkonferma għarfien bażiku tad-Daniż webbset, fil-qasam ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-kundizzjonijiet għall-ewwel dħul fit-territorju Daniż tal-konjuġi ta’ ċittadini Torok li jirrisjedu legalment fid-Danimarka meta mqabbla ma’ dawk applikabbli waqt id-dħul fis-seħħ f’dan l-Istat Membru tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 18 ).

19.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-riunifikazzjoni tal-familja tikkostitwixxi mezz indispensabbli sabiex tippermetti l-ħajja tal-familja għall-ħaddiema Torok li jagħmlu parti mis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri, u tikkontribwixxi kemm biex ittejjeb il-kwalità tar-residenza tagħhom kif ukoll għall-integrazzjoni tagħhom f’dawn l-Istati ( 19 ). Id-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru sabiex fih jeżerċita attività ekonomika b’mod stabbli tista’ tkun influwenzata b’mod negattiv meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tagħmel diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’tali mod li l-imsemmi ċittadin jista’, jekk ikun il-każ, jiġi obbligat jagħżel bejn l-attività tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat u l-ħajja tal-familja tiegħu fit-Turkija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni li tagħmel ir-riunifikazzjoni tal-familja iktar diffiċli billi twebbes il-kundizzjonijiet tal-ewwel dħul, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, tal-konjuġi ta’ ċittadini Torok meta mqabbla ma’ dawk applikabbli waqt id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni ( 20 ).

20.

Għalhekk, dan huwa l-effett tal-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin, li, billi jimponi fuq il-ħaddiem Tork innifsu kundizzjoni li ma kinitx meħtieġa sa dakinhar u li s-sodisfazzjon tagħha hija neċessarja għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-konjuġi tiegħu għal raġunijiet li jirrigwardaw ir-riunifikazzjoni tal-familja, jikkostitwixxi għalhekk “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li barra minn hekk lanqas huwa kkontestat mill-Gvern Daniż.

21.

Madankollu, tali restrizzjoni hija pprojbita ħlief jekk taqa’ fil-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 21 ) jew jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 22 ). Peress li mill-proċess ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk din ir-restrizzjoni l-ġdida tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

Fuq l‑eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

22.

Il-Gvern Daniż isostni li l-għan allegatament imfittex mill-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin huwa dak li tiġi żgurata integrazzjoni b’suċċess. Ir-ratio legis tal-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin kien, barra minn hekk, ippreċiżat mill-qorti tar-rinviju li ċċitat l-abbozz tal-Liġi Nru L 180 tas‑26 ta’ April 2012 (li ta lok għall-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Barranin fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali), u b’mod partikolari t-Taqsima 3.8 tal-imsemmi abbozz li fih il-Gvern fakkar li, “sabiex ikun jista’ jinġab konjuġi barrani fid-Danimarka, il-barranin residenti għandhom ikunu integrati sew u jkollhom rabta mas-soċjetà Daniża. L-integrazzjoni ta’ konjuġi barrani fis-soċjetà Daniża hija ffaċilitata jekk ir-resident jista’ jsostni lill-konjuġi u jgħinu jistabbilixxi ruħu, jitgħallem id-Daniż u jaċċeddi għas-suq tax-xogħol” ( 23 ). Għalhekk, ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi kellha tkun issuġġettata għall-kundizzjoni li l-barranin residenti jkollhom permess ta’ residenza permanenti li l-għoti tiegħu issa huwa kkundizzjonat fuq il-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa, peress li l-barrani residenti għandu jkun jista’ jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-konjuġi tiegħu fis-soċjetà Daniża. Il-barranin residenti li kisbu tali permess ta’ residenza qabel l-introduzzjoni ta’ din il-kundizzjoni, dejjem skont il-kliem tal-Gvern Daniż fl-abbozz tal-liġi inkwistjoni, ma jkunux ipproduċew prova attwalment li huma integrati tajjeb. Dan huwa għalfejn il-Gvern Daniż ippropona li jimponi fuq ir-residenti barranin li jitolbu r-riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi tagħhom ċittadin ta’ Stat terz u li diġà għandhom permess ta’ residenza permanenti, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ġodda għall-għoti ta’ tali permess, fosthom li jkunu għaddew minn eżami tal-lingwa Daniża.

23.

Għalhekk, l-awtoritajiet Daniżi sostnew quddiem il-qorti tar-rinviju li l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin kien iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tirrigwarda li tiġi żgurata integrazzjoni b’suċċess. Il-Gvern Daniż ippreċiża wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-rekwiżit li wieħed jgħaddi minn eżami tal-lingwa Daniża huwa bbażat fuq l-idea li, jekk ir-resident ikun jaf il-lingwa Daniża, huwa jkun jista’ jakkumpanja aħjar lill-konjuġi tiegħu fil-proċess ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Daniża.

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li, meta miżura jkollha l-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-integrazzjoni b’suċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Istat ospitanti, tali għan jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 24 ).

25.

Madankollu, ninnota li l-argumenti mressqa mil-leġiżlatur Daniż u mbagħad mill-Gvern Daniż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex nieqsa minn kull ambigwità fir-rigward tal-grupp preċiżament previst mill-għan ta’ integrazzjoni b’suċċess. Il-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-lingwa hija imposta fuq il-ħaddiem Tork li tiegħu wieħed donnu jrid jittestja l-livell ta’ integrazzjoni jew il-“kapaċità ta’ integrazzjoni” tiegħu, sabiex nuża l-espressjoni użata minn X ( 25 ), qabel ma jiġi ddeterminat jekk huwiex ser ikun f’pożizzjoni li jakkumpanja lill-konjuġi tiegħu fil-mixja ta’ integrazzjoni. Qabelxejn, kif fakkart, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riunifikazzjoni tal-familja tikkontribwixxi preċiżament sabiex ittejjeb il-kwalità tar-residenza u tal-integrazzjoni tal-ħaddiem Tork fl-Istat Membru ospitanti ( 26 ). Imbagħad, kif fakkret il-Kummissjoni, ma naħsibx li huwa possibbli li jiġi meħtieġ minn ħaddiem Tork li s-sitwazzjoni tiegħu hija kkonsolidata fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li huwa jipprova l-intensità tal-integrazzjoni tiegħu.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin għandu jitqies li jfittex għan leġittimu biss sa fejn l-uniku skop tar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali invokata jkun dak li jiġi żgurat is-suċċess tal-integrazzjoni tal-konjuġi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dawn tal-aħħar.

27.

Għalhekk, jonqos li jiġi vverifikat li l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin huwa xieraq sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

Fuq in‑natura xierqa tar‑restrizzjoni l‑ġdida

28.

Kif indikajt iktar ’il fuq, il-leġiżlatur Daniż jitlaq mill-premessa li jekk il-ħaddiem Tork huwa integrat “tajjeb” fis-soċjetà Daniża, l-integrazzjoni tal-konjuġi li jixtieq jingħaqad miegħu tkun iffaċilitata. Ix-xogħol preparatorju jsemmi studji li jikkonfermaw din ir-rabta. Nista’ nammetti li ħaddiem li biħsiebu jilqa’ fid-dar tiegħu lill-konjuġi tiegħu u li ilu preżenti fid-Danimarka għal ċertu żmien, jaf id-Daniż, huwa involut fil-ħajja lokali u għandu ħbieb Daniżi jista’ effettivament jinfluwenza b’mod pożittiv il-proċess ta’ akkulturazzjoni tal-konjuġi tiegħu ( 27 ).

29.

Madankollu, toħroġ l-ewwel diffikultà fl-analiżi tal-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin fir-rigward tar-rekwiżit tan-natura xierqa peress li għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rabta esklużiva bejn l-integrazzjoni, minn naħa, u l-livell ta’ għarfien tal-lingwa Daniża, min-naħa l-oħra. Madankollu, l-integrazzjoni ta’ individwu f’soċjetà ospitanti hija proċess kumpless u fih diversi fatturi, li ma jistax jinġabar fil-pussess ta’ xi għarfien lingwistiku bażiku biss, iktar u iktar meta dan ma jkunx meħtieġ mill-individwu nnifsu iżda mill-konjuġi tiegħu.

30.

Toħroġ issa t-tieni diffikultà, fil-fehma tiegħi ferm iktar serja. Minkejja li nista’ nammetti li l-integrazzjoni tal-konjuġi tista’ tiġi eventwalment iffaċilitata meta l-ħaddiem Tork diġà preżenti fit-territorju Daniż ikollu għarfien bażiku tal-lingwa, tal-kultura u taċ-ċivilizzazzjoni Daniża, mill-banda l-oħra, jiena ma naqbilx b’mod ċar mal-idea li l-integrazzjoni tal-konjuġi tkun prekluża jew iddestinata li tfalli jekk dan ma jkunx il-każ. Fi kliem ieħor, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita previżjoni ta’ inkapaċità li wieħed jintegra fir-rigward tal-konjuġi minħabba l-fatt biss li l-ħaddiem Tork ma jippreżentax huwa stess prova li għadda mill-eżami rikjest.

31.

Jidhirli li huwa wkoll estremament problematiku, fil-perspettiva ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni l-ġdida eżaminata, li l-Gvern Daniż ammetta, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li anki kieku jirriżulta li l-mara ta’ Y kienet bilingwi u taf id-Daniż perfettament, l-applikazzjoni tagħha għar-riunifikazzjoni tal-familja kienet xorta tiġi miċħuda għaliex Y għadu sal-lum ma weriex li għadda mit-test “Prøve i Dansk 1”. Dikjarazzjoni bħal din tikkontradixxi b’mod dirett il-premessa li fuqha huwa bbażat il-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin u li tipprovdi li teżisti rabta indissoċċjabbli bejn il-kapaċità li wieħed jesprimi ruħu fil-lingwa tal-Istat ospitanti u s-suċċess tal-integrazzjoni, peress li, skont din il-loġika, konjuġi li għandu l-probabbiltà kollha li jkun jista’ jintegra faċilment fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti minħabba l-għarfien lingwistiku tiegħu stess, jiġi minkejja kollox irrifjutat permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. Imbagħad, din id-dikjarazzjoni twassal neċessarjament, u kif antiċipajt, sabiex tiġi kkontestata n-natura reali tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni.

32.

Għalhekk, peress li mill-proċess jirriżulta li l-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn dan it-test hija neċessarja għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-konjuġi tal-ħaddiem Tork diġà preżenti fl-Istat ospitanti u legalment integrat fis-suq tax-xogħol tiegħu mingħajr ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet integrattivi tal-imsemmi konjuġi stess, minkejja li l-għan allegatament imfittex huwa dak tal-integrazzjoni b’suċċess tal-imsemmi konjuġi, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma tippermettix li jiġu evalwati l-perspettivi reali ta’ integrazzjoni tal-applikant għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja, ma jidhirlix li hija xierqa sabiex tiżgura l-integrazzjoni b’suċċess ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ Stat terzi fid-Danimarka ( 28 ).

Fuq in‑natura proporzjonata

33.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-restrizzjoni l-ġdida li jikkostitwixxi l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex, hija tkun għad trid tiżgura li din id-dispożizzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

34.

F’dan ir-rigward, l-ewwel, ninnota li r-rekwiżit li wieħed jgħaddi mit-test “Prøve i Dansk 1” huwa impost fuq il-ħaddiema Torok kollha lil hinn minn kwalunkwe evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi oħra li juru l-integrazzjoni reali tagħhom fis-soċjetà Daniża. Għalhekk, bħal fil-każ ta’ Y, ħajja ta’ xogħol, iżda wkoll diversi kontribuzzjonijiet għas-soċjetà Daniża, ma jidhirx li huma suffiċjenti sabiex jeżentawh minn din il-kundizzjoni fil-mument li fih il-konjuġi tiegħu titlob li tingħaqad miegħu fit-territorju Daniż. Għalhekk, il-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin donnu jistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli li tipprovdi li l-ħaddiem Tork li ma jistax juri li jkun għadda mill-eżami ta’ lingwa ma huwiex integrat. Madankollu, fir-rigward ta’ ħaddiem Tork li ilu preżenti fit-territorju Daniż sa mill‑1979 – jiġifieri 36 sena fil-mument li fih il-konjuġi tiegħu talbet li tingħaqad miegħu –, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni provi oħra tal-kapaċità tiegħu li jsostni lill-konjuġi tiegħu fil-proċess ta’ integrazzjoni tagħha, bħal pereżempju, it-taħriġ fil-lingwa Daniża li huwa segwa ( 29 ). L-assenza ta’ kwalunkwe relazzjoni proporzjonata ssir pjuttost evidenti meta ma jkunx hemm ibbilanċjar jew kumpens possibbli bejn, minn naħa, l-assenza ta’ prova li wieħed ikun għadda mit-test “Prøve i Dansk 1” u, min-naħa l-oħra, l-assorbiment soċjali u kulturali li għandu jirriżulta naturalment minn 36 sena ta’ ħajja ta’ xogħol f’pajjiż ospitanti jew, tal-inqas, il-fatturi l-oħra li jistgħu juru li l-konjuġi jista’, jekk ikun hemm bżonn, jiġi akkumpanjat fil-proċess ta’ integrazzjoni mill-ħaddiem Tork diġà preżenti fl-Istat Membru ospitanti.

35.

Ir-raġuni li għaliha l-prova li wieħed ikun għadda mit-test “Prøve i Dansk 1” tant hija kundizzjoni neċessarja għall-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi hija wkoll diffiċli biex tinftiehem peress li mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżulta li ladarba tiġi awtorizzata r-residenza tal-konjuġi għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, huwa stess ikollu jissottometti ruħu, fi żmien sitt xhur mill-wasla tiegħu fid-Danimarka, għal test li għandu jevalwa l-kompetenzi miksuba fil-kuntest tal-programm ta’ korsijiet obbligatorji li huwa għandu jsegwi, li l-għan tagħhom donnu huwa wkoll li tiġi żgurata l-integrazzjoni b’suċċess tal-konjuġi, ladarba jkun daħal fit-territorju Daniż.

36.

F’dan ir-rigward, mingħajr ma nippretendi li nissostitwixxi lil-leġiżlatur nazzjonali, iżda għall-kuntrarju, sabiex nipprova nifhem il-leġiżlazzjoni implimentata, ma nistax ma nikkonstatax ċerta inkoerenza li tikkonsisti fiċ-ċaħda li X tingħata permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi tagħha għar-raġuni li dan ma weriex li għadda mit-test “Prøve i Dansk 1” li suppost juri li huwa għandu għarfien bażiku tal-lingwa Daniża u dwar is-soċjetà Daniża li jkunu utli għall-integrazzjoni tal-konjuġi tiegħu f’din is-soċjetà u, fl-istess waqt, ingħatat, fl‑2016, permess ta’ residenza sabiex teżerċita attività bħala persuna impjegata li ser ikun imġedded sal‑2021 ( 30 ).

37.

It-tieni, huwa minnu li l-prattika amministrattiva kif deskritta mill-qorti tar-rinviju u mbagħad mill-Gvern Daniż ma turix prattika ta’ rifjut sistematiku tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 31 ) peress li l-konjuġi ma jissodisfax il-kundizzjoni li jkun għadda mill-eżami tal-lingwa. Madankollu, dan ma jirrendix l-imsemmija prattika neċessarjament proporzjonata. Għadu meħtieġ li jkunu jeżistu possibbiltajiet reali ta’ deroga minn dan ir-rekwiżit. Mill-proċess jirriżulta li dawn il-każijiet huma limitati ħafna u qatt ma jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti ċirkustanzi partikolari marbuta ma’ kull applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja u li jirrigwardaw il-persuna tal-applikant innifsu. Għalhekk, diġà wrejt li anki fil-każ ta’ konjuġi li jaf perfettament il-lingwa tal-Istat ospitanti, l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi miċħuda jekk il-ħaddiem Tork diġà preżenti f’dan l-Istat ma jkunx kapaċi juri li għadda mit-test tal-lingwa. Fil-fehma tiegħi, dan juri l-fatt li ma hemmx derogi ġenwini previsti jew, tal-inqas, li ma hemmx teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ ( 32 ).

38.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Daniż, ma nqisx li ninsab fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni tat-tip ta’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Udlændingenævnet ( 33 ). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar restrizzjoni ġdida li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-età limitu sabiex wild ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jkun jista’ jippreżenta applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali miżura kienet proporzjonata, għaliex id-dritt Daniż kien jipprevedi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fil-każ fejn l-interessi superjuri tal-wild jeħtieġ dan, f’liema każ l-awtoritajiet Daniżi kienu obbligati jwettqu evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tal-wild u, f’kull każ, li jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi ( 34 ). Din il-kawża hija differenti minn dik minħabba l-fatt li ma jidhirx li ser titwettaq evalwazzjoni individwali, għal dak li jirrigwarda l-kapaċitajiet lingwistiċi jew il-perspettivi ta’ integrazzjoni, fir-rigward tal-applikant innifsu sabiex jiġi ddeterminat jekk tingħatax deroga minn dan ir-rekwiżit li għandu jiġi ssodisfat mill-ħaddiem.

39.

Għall-kuntrarju, mill-analiżi tal-proċess ( 35 ) jirriżulta li ma hijiex ser tingħata deroga minn dan ir-rekwiżit li wieħed ikun għadda mit-test “Prøve i Dansk 1” ħlief fid-dawl ta’ “raġunijiet speċjali” li jirrigwardaw b’mod partikolari l-impenji internazzjonali tad-Danimarka u biss fejn ma jkunx possibbli li l-ħaddiem Tork jiġi mistieden ikompli l-ħajja tal-familja tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini mingħajr ma tali stedina tikkostitwixxi ksur ta’ dawn l-impenji ( 36 ).

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni l-ġdida li jikkostitwixxi l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin donnha tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, li nfakkar li huwa l-integrazzjoni b’suċċess tal-konjuġi li jitlob li jingħaqad ma’ ħaddiem Tork fl-Istat Membru ospitanti.

Konklużjoni intermedja

41.

Fl-aħħar ta’ din l-analiżi u għar-raġunijiet kollha invokati, miżura nazzjonali bħal dik tal-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork, legalment integrat fis-suq tax-xogħol u li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat, u l-konjuġi tiegħu, għall-kundizzjoni li l-imsemmi ħaddiem ikun għadda b’suċċess minn test tal-lingwa sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ dan il-konjuġi, ladarba dan ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Tali restrizzjoni ma tidhirx li hija ġġustifikata.

Konklużjoni

42.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka):

Miżura nazzjonali li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork, legalment integrat fis-suq tax-xogħol u li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat, u l-konjuġi tiegħu, għall-kundizzjoni li l-imsemmi ħaddiem ikun għadda b’suċċess minn test tal-lingwa sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ dan il-konjuġi, ladarba dan ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija.

Tali restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Dwar din it-tema, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 3 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014 (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 4 ) Li sar, minn dak iż-żmien, l-Udlændinge-og Integrationsministeriet (il-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni, id-Danimarka).

( 5 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014 (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 6 ) Liġi Nru 572 tat‑18 ta’ Ġunju 2012 li Temenda l-Liġi dwar il-Barranin. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni preċedentement fis-seħħ sa mill‑2011 kienet teħtieġ li l-barrani residenti fid-Danimarka jissodisfa l-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-lingwa Daniża ta’ livell ftit ogħla, jiġifieri l-eżami “Prøve i Dansk 2”.

( 7 ) Fil-fatt, din il-kundizzjoni la tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni u lanqas għaċ-ċittadini tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea.

( 8 ) Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ġie stabbilit mill-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 11).

( 9 ) L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg ta’ ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 10 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punti 3839); tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 51, 52, 6667); tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 53); tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 72), u tal‑10 ta’ Lulju 2019, A (C‑89/18, EU:C:2019:580, punti 31 sa 3445 sa 47).

( 11 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, A,C‑89/18, EU:C:2019:580.

( 12 ) Sentenzi tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 5556), kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2019, A (C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 38).

( 13 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

( 14 ) L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li “[l]-Istati Membri tal-Komunità għandhom jagħtu lill-ħaddiema Torok li jagħmlu parti mis-suq regolari tal-impjieg tagħhom trattament ikkaratterizzat mill-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla mal-ħaddiema Komunitarji għal dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 15 ) Dan l-artikolu jistabbilixxi li “[i]l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 16 ) Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2009, Sahin (C‑242/06, EU:C:2009:554, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 33); tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25); tal‑10 ta’ Lulju 2019, A (C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 23), kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet (C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 19).

( 17 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 39 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet (C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 20).

( 18 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet (C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 21).

( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punti 3536). Fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 39, 40, 4450).

( 21 ) L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li “[d]-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom jiġu applikati bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 22 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 40); tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 51); tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 33); tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 72); tal‑10 ta’ Lulju 2019, A (C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 31), u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet (C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 23).

( 23 ) Korsiv miżjud minni.

( 24 ) Sentenzi tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 5556); tal‑10 ta’ Lulju 2019, A (C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 34), kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet (C‑379/20, EU:C:2021:660, punti 2627).

( 25 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dak li nista’ nammetti hawnhekk diġà huwa bbażat fuq perċezzjoni kunsiderevolment iktar sinjura tal-proċess ta’ integrazzjoni meta mqabbla ma’ dik li donnha hija sostnuta mil-leġiżlatur Daniż.

( 28 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, A (C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 45).

( 29 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ir-rekwiżiti lingwistiċi li għalihom dan il-permess huwa eventwalment suġġett ma jirriżultawx mill-fajl.

( 31 ) Fuq in-natura sproporzjonata ta’ tali prattika, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

( 32 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

( 33 ) Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021 (C‑379/20, EU:C:2021:660).

( 34 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet (C‑379/20, EU:C:2021:660, punti 31 sa 33).

( 35 ) Ara espożizzjoni tal-motivi dwar il-punt 5 tal-Artikolu 9(12) u t-Taqsima 2.5.3 tal-abbozz tal-liġi ċċitati fil-punti 14 u 15 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 36 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi wkoll il-każ li fih il-ħaddiem Tork ikollu, pereżempju, diżabbiltà li tipprekludih milli jgħaddi mill-eżami tal-lingwa, li tista’ tikkostitwixxi wkoll raġuni speċjali, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin, dejjem minħabba r-rabta tagħha ma’ obbligu internazzjonali tad-Danimarka.