11.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/42


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2020 – Fryč vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-92/20)

(2020/C 161/55)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Petr Fryč (Pardubice, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: Š. Oharková, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea manifestament kisru l-obbligi tagħhom u kkawżaw dannu lir-rikorrent, peress li:

il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) f’forma li, fiha, fost l-oħrajn, tmur lil hinn mill-awtorizzazzjoni legali li tirriżulta mit-Trattati, ma tiggarantixxix l-osservanza tal-prinċipji kostituzzjonali dwar in-natura eċċezzjonali u ġġustifikata tal-interferenza fil-kompetizzjoni li taffettwa s-suq komuni, u rrendiet possibbli, b’mod illegali, l-introduzzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest ta’ programm ta’ sussidji (il-Programm Operazzjonali “Intrapriża u Innovazzjoni” iktar ’il quddiem “POII”), liema għajnuna kkawżat dannu lill-attività kummerċjali tar-rikorrent;

permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2007 il-Kummissjoni Ewropea adottat il-programm operazzjonali li jmur kontra t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ma ppubblikatx din id-deċiżjoni;

il-Kummissjoni Ewropea ma mxietx b’mod xieraq fl-eżami tal-ilment imressaq quddiemha mir-rikorrent dwar inkompatibbiltà tal-POII mal-liġi, peress li hija la eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-istabbiliment u tal-implimentazzjoni tal-POII, u lanqas ma ġġustifikat b’mod xieraq iċ-ċaħda tal-ilment imressaq quddiemha mir-rikorrent;

il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrifjutat milli teżamina fuq il-mertu r-rikors għal annullament tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u ċaħdet ir-rikors bħala manifestament infondat, u b’hekk kisret l-obbligu legali tagħha ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proprzjonalità, u permezz ta’ approċċ unilaterali eċċessivament formalistiku kisret id-dritt kostituzzjonali tar-rikorrent għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

tiddikjara li l-konvenuta għandha tħallas lir-rikorrent is-somma pekunjarja ta’ EUR 4 800 000 bħala kumpens għad-dannu kkawżat bil-mod spjegat hawn fuq, fi żmien tlett’ijiem minn meta s-sentenza ssir definittiva;

tordna l-ħlas lura tal-ispejjeż tal-kawża lir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq it-tiġrib ta’ dannu mir-rikorrent fil-kuntest tad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

B’riżultat tal-għajnuna pubblika mogħtija lill-kompetituri tar-rikorrent bi ksur tat-TFUE, il-kumpannija tar-rikorrent, f’termini ta’ kompetittività, ġarrbet dannu li inizjalment ikkawżalha tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ annwali tagħha u tnaqqis tal-profitti annwali ta’ diversi miljuni ta’ koruna Ċeka [(CZK)]. Fir-rigward tal-fatt li l-għajnuna mill-Istat baqgħet tingħata għal xi snin u, b’rabta ma’ dan, tas-sitwazzjoni ekonomika mhux soddisfaċenti tal-kumpannija, il-qorti kompetenti tar-Repubblka Ċeka tat deċiżjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ insolvenza.

Fil-każ fejn ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) kien konformi mal-liġi, l-għajnuna introdotta b’modi selettivi u diskriminatorji fil-kuntest tal-programm ta’ sussidji POII ikkawżat dannu partikolari u mhux tas-soltu fil-konfront tar-rikorrent, li totalment imur lil hinn mil-limiti tar-riskju ekonomiku relatat mal-attività ekonomika tal-kumpannija tar-rikorrent.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 107 TFUE fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa).

Bis-saħħa tal-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill huwa awtorizzat jiddetermina, permezz ta’ regoli, oqsma li fihom ma hijiex meħtieġa l-proċedura standard fejn il-Kummissjoni tevalwa talba għal għajnuna mill-Istat u teżaminaha taħt perspettiva konformi mal-Artikolu 107 TFUE. Il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 659/1999 u fih awtorizza lill-Kummissjoni (skont l-Artikolu 108(4) TFUE) tadotta regolamenti li fihom tiddefinixxi r-rekwiżiti għall-għoti ta’ għajnuna pubblika barra mis-sistema standard ta’ awtorizzazzjoni “ad hoc”. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 70/2001 u mbagħad ir-Regolament Nru 800/2008 u sussegwentement ir-Regolament Nru 651/2014 (Regolamenti għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa).

Madankollu, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma setgħu jmorru lil hinn mill-Artikolu 107 TFUE bir-regolamenti tagħhom, u dan għaliex ir-rwol tagħhom huwa li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat b’tali mod li l-Istati Membri, li jimplimentaw għajnuna mill-Istat f’oqsma “koperti minn esklużjoni”, ma jkunux jistgħu jimplimentaw għajnuna mill-Istat li tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil fil-kompetizzjoni, anki jekk tkun eskluża mill-proċedura standard quddiem il-Kummissjoni. Din hija r-raġuni għalfejn għadha tapplika s-superviżjoni (stabbilita u ggarantita fit-TFUE) tal-Kummissjoni fuq is-sistema ta’ għajnuna anki fl-oqsma li jaqgħu taħt esklużjoni, għalfejn il-proċedimenti dwar l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment għadhom aċċessibbli (tal-inqas teoretikament), u għalfejn l-Unjoni Ewropea għadha tirrikonoxxi lilha nfisha bħala ekonomija tas-suq, u għaldaqstant ekonomija li tipproduċi prodotti u servizzi akkwistati b’mod volontarju mill-klijenti bil-għan li jottimizzaw ir-relazzjoni bejn id-dħul u l-ispejjeż, u mhux prodotti u servizzi ddeterminati minn politiċi u uffiċjali.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-Trattati u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2007 adottat il-Programm Operazzjonali (POII) u ma pubblikatx din id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni hija l-unika istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea awtorizzata twettaq kontroll dwar jekk għajnuna mill-Istat hijiex implimentata skont l-Artikolu 107 TFUE.

Fir-rigward tal-programm operazzjonali approvat, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk u għalfejn seħħ il-falliment tas-suq, li hija waħda mill-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rrikjedietx mir-Repubblika Ċeka li tippreżenta analiżi tal-ispejjeż u tal-qligħ (cost-benefit analysis, CBA), indikaturi ddefiniti b’mod oġġettiv, analiżi tal-impatt fuq il-kompetizzjoni u rekwiżiti oħra li, skont ir-rikorrent, huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet illegali u mhux konformi mal-missjoni tal-Kummissjoni.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ir-riċeviment, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ sensiela ta’ ittri mingħand ir-rikorrent, fosthom diversi analiżi ddettaljati li jagħtu prova tal-illegalità tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-POII, fuq in-nuqqas ta’ aġir tagħha konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, u fuq nuqqas ta’ osservanza min-naħa tagħha tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ggarantit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-Kummissjoni ma ħadet ebda pass ta’ kontroll u ma talbet ebda dokument addizzjonali, hija rrifjutat li tagħti segwitu għall-ilmenti tar-rikorrent għaliex, “prima facie”, ma tara ebda ksur fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ sussidji POII.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), tal-aċċess għas-sistema ġudizzjarja għar-raġuni ta’ formaliżmu eċċessiv.

Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-annullament ta’ tliet Regolamenti għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa minħabba li jmorru kontra t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fiż-żewġ istanzi l-QĠUE ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent għall-annullament tar-Regolamenti għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa minħabba inammissibbiltà manifesta. Ir-raġuni għaċ-ċaħda kienet in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ xahrejn oġġettiv stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE. Il-QĠUE b’ebda mod ma ttrattat il-mertu tal-kawża u kulma għamlet kien li applikat b’mod formalistiku t-terminu għat-tressiq ta’ kawża. Fil-frattemp, ir-rikorrent argumenta li t-twettiq illegali tal-mekkaniżmu ta’ kontroll mill-Kummissjoni kien żvelat biss abbażi tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-ilment imressaq quddiemha mir-rikorrent. Fir-rikors quddiem il-QĠUE, ir-rikorrent sostna li bħala bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandha titqies it-tweġiba li fiha l-Kummissjoni ċaħdet li teżamina l-ilment tiegħu f’iktar dettall.