SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Jannar 2022 ( *1 )
“Dritt istituzzjonali – Kooperazzjoni msaħħa li tikkonċerna l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Ħatra tal-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Ħatra ta’ wieħed mill-kandidati nnominati mill-Belġju – Regoli applikabbli għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej”
Fil-Kawża T‑647/20,
Jean-Michel Verelst, li jirrisjedi f’Éghezée (il-Belġju), irrappreżentat minn C. Molitor, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pleśniak, R. Meyer u K. Kouri, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Van Regemorter u M. Jacobs, bħala aġenti,
intervenjent,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 tas‑27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2020, L 244, p. 18), sa fejn taħtar lil Yves van den Berge bħala prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. J. Costeira, President, M. Kancheva (Relatur) u T. Perišin, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Ir-rikorrent, Jean-Michel Verelst, ilu mis-sena 2010 jeżerċita l-funzjonijiet ta’ viċi prosekutur tar-Re ta’ Brussell (il-Belġju) speċjalizzat fil-qasam fiskali. Barra minn hekk, huwa direttur tal-Organe central pour la saisie et la confiscation (l-Organu Ċentrali għas-Sekwestru u l-Konfiska, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-“OĊSK”) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan sa mit-2 ta’ Jannar 2017, wara li kien l-assistent direttur tiegħu sa mix-xahar ta’ Diċembru 2013. |
2 |
Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1). Dan ir-regolament jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħala korp tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw il-funzjonament tiegħu. |
3 |
Skont il-premessa 40 tar-Regolament 2017/1939: “Il-proċedura għall-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej għandha tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom. Il-leġittimità tagħhom għandha tkun derivata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura tal-ħatra”. |
4 |
Il-premessa 41 tar-Regolament 2017/1939 hija fformulata kif ġej: “Bord ta’ għażla għandu jistabbilixxi lista ristretta ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap Prosekutur Ewropew. Is-setgħa tal-istabbiliment tar-regoli għall-operat tal-bord u tal-ħatra tal-membri tiegħu għandha tingħata lill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni [Ewropea]. Tali setgħa ta’ implimentazzjoni tkun tirrifletti s-setgħat speċifiċi mogħtija lill-Kunsill taħt l-Artikolu 86 TFUE, u tirrifletti n-natura speċifika tal-UPPE, li ser jibqa’ inkorporat fiss fl-istrutturi legali nazzjonali filwaqt li fl-istess ħin ikun korp tal-Unjoni. L-UPPE ser ikun qed jaġixxi fi proċedimenti fejn il-biċċa l-kbira tal-atturi l-oħrajn ser ikunu nazzjonali, bħall-qrati, il-pulizija u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi, u għaldaqstant il-Kunsill għandu interess speċifiku li jkun involut mill-qrib fil-proċedura tal-ħatra. L-għoti ta’ dawk is-setgħat lill-Kunsill ukoll jieħu kont b’mod adegwat tan-natura sensittiva potenzjali ta’ kwalunkwe setgħa deċiżjonali b’implikazzjonijiet diretti għall-istrutturi ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni nazzjonali […]” |
5 |
Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939, kull Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa li tirrigwarda l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jinnomina tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew minn fost kandidati li jkunu membri attivi tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew tal-ġudikatura tal-Istat Membru kkonċernat, li joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza u li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jinħatru f’kariga għolja ta’ prosekuzzjoni jew ġudizzjarja f’dak l-Istat Membru u li jkollhom esperjenza prattika rilevanti tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali. |
6 |
L-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi li, wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”), il-Kunsill għandu jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati biex ikun il-Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru kkonċernat u li, jekk il-Bord tal-Għażla jsib li kandidat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet ta’ Prosekutur Ewropew, l-opinjoni tiegħu għandha torbot lill-Kunsill. Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, għandu jagħżel u jaħtar lill-Prosekuturi Ewropej għal perijodu ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded u jista’ jiddeċiedi li jestendi dan il-mandat għal perijodu massimu ta’ tliet snin fi tmiem il-perijodu ta’ sitt snin. |
7 |
Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla u għandu jadotta deċiżjoni għall ħatra tal-membri tiegħu fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea. |
8 |
Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696, dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (ĠU 2018, L 282, p. 8). |
9 |
L-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/1696 huwa intitolat “Regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Ħidma tal-Bord tal-Għażla”). Skont il-punt VI.2 ta’ dawn ir-regoli, dwar il-proċedura tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej, wara li jirċievi n-nomini ppreżentati minn Stat Membru, il-Bord tal-Għażla għandu janalizzahom fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 u għandu jisma’ lill-kandidati nominati, li s-smigħ tagħhom għandu jsir bil-preżenza fiżika. L-ewwel paragrafu tal-punt VII.2 ta’ dawn l-istess regoli jipprovdi li “[i]l-bord tal-għażla, abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, għandu jifformula opinjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-dmirijiet ta’ Prosekuturi Ewropej u għandu jiddikjara espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kondizzjonijiet [previsti] fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939”. Skont it-tielet paragrafu tal-imsemmi punt VII.2, “[i]l-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom”, klassifikazzjoni li “għandha tindika ordni ta’ preferenza tal-bord tal-għażla u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kunsill”. |
10 |
Fid-dawl tan-nomina tat-tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939, l-awtoritajiet Belġjani ppubblikaw sejħa għall-kanditaturi fil-Moniteur belge tal-25 ta’ Jannar 2019, li għaliha rrispondew sitt kandidati, fosthom ir-rikorrent. Is-smigħ ta’ dawn il-kandidati sar mill-Collège des procureurs généraux (il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali, il-Belġju) u mill-Procureur fédéral de Belgique (il-Prosekutur Federali tal-Belġju) fl-14 ta’ Marzu 2019. Fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2019, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali indika, fir-rigward tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew, li “[l]-funzjonijiet passati u attwali [tar-rikorrent], b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fiskali, kif ukoll l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-OĊSK (missjonijiet Ewropej – ARO – u internazzjonali – CARIN), [kienu] importanti biex jissodisfa l-funzjonijiet ta’ Prosekutur Ewropew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”. Madankollu, huwa indika li “[r-rikorrent] ma [setax] jikkonvinċi lill-Kulleġġ [li huwa kellu] viżjoni suffiċjentement ċara tal-kompiti u missjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur u [tal-]Prosekutur [Ewropew ta’ Stat Membru]”. Bħala konklużjoni, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali adotta, fir-rigward tar-rikorrent “opinjoni b’riżerva għall-mandat ta’ Prosekutur Ewropew (fuq skala ta’ favorevoli ħafna – favorevoli – b’riżerva – sfavorevoli)”. |
11 |
Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2019, il-ministre de la Justice (il-Ministru għall-Ġustizzja) Belġjan informa lir-rikorrent li skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939, huwa kien ippropona, fid-29 ta’ Marzu 2019, lill-President tal-Bord tal-Għażla tliet kandidati għall-pożizzjoni tal-prosekutur Ewropew, filwaqt li indika li r-rikorrent kien wieħed minnhom. |
12 |
Is-smigħ tar-rikorrent seħħ mill-Bord tal-Għażla fl-24 ta’ Mejju 2019. |
13 |
Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Bord tal-Għażla bagħat l-opinjoni motivata tiegħu lill-Kunsill dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew proposti mir-Renju tal-Belġju. |
14 |
F’din l-opinjoni, l-ewwel nett, il-Bord tal-Għażla ppreċiża li, fuq il-bażi tal-eżami tal-curriculums vitae u tal-ittri ta’ motivazzjoni kif ukoll tas-smigħ li seħħ fit-23 u fl-24 ta’ Mejju 2019, huwa kkunsidra li l-kandidati ppreżentati mir-Renju tal-Belġju għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. |
15 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Għażla indika li huwa kien ikklassifika l-imsemmija kandidati f’ordni ta’ preferenza fejn ir-rikorrent kien jinsab fl-ewwel post filwaqt li Yves van den Berge kien jinsab fit-tielet post. |
16 |
Għal dak li jirrigwarda r-rikorrent, il-Bord tal-Għażla mmotiva din il-klassifikazzjoni bil-mod kif ġej: “Fost il-kandidati ppreżentati, il-Bord ikkunsidra li [r-rikorrent] huwa l-iktar wieħed adattat biex jeżerċita l-funzjoni ta’ prosekutur Ewropew fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew […] Viċi prosekutur tar-Re ta’ Brussell, [ir-rikorrent] huwa d-direttur tal-[OĊSK] fi ħdan is-service public fédéral Justice (is-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja) Belġjan. Matul il-karriera tiegħu, [huwa] akkwista esperjenza vasta fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet li jirrigwardaw ir-reati finanzjarji kbar, inkluż il-każijiet ta’ ħasil ta’ flus u ta’ frodi serja tal-karużell. Huwa kiseb ukoll esperjenza prezzjuża fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali. [Ir-rikorrent] huwa membru tal-grupp ta’ pilotaġġ u punt ta’ kuntatt tan-network bejn l-aġenziji għall-irkupru tal-assi ta’ Camden (CARIN) u jipparteċipa regolarment fil-gruppi ta’ xogħol tal-[Unjoni] marbutin mal-konfiska ta’ assi akkwistati illegalment. [Ir-rikorrent] wera kapaċità kbira li jaħdem f’ambjent multikulturali, inkluż il-kapaċità li jaħdem fuq sistemi ġuridiċi differenti minn tiegħu u għarfien tajjeb tal-qafas legali istituzzjonali tal-Unjoni […] Huwa għandu barra minn hekk esperjenza maniġerjali tajba. Waqt is-smigħ tiegħu, [ir-rikorrent] ippreżenta viżjoni strateġika fuq ir-rwol u l-funzjonament tal-prosekutur Ewropew fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u pprovda tweġibiet preċiżi ħafna għall-mistoqsijiet magħmula mill-Bord. Huwa wera għarfien tajjeb tar-Regolament [2017/1939] kif ukoll tal-isfidi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jaffaċċja u ppropona soluzzjonijiet vijabbli biex jindirizzahom. Il-Bord innota l-enfasi magħmul fuq il-ħtieġa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u proċedurali fil-proċeduri tiegħu. Il-Bord innota b’mod partikolari l-kompetenza speċjalizzata tiegħu fil-qasam tal-konfiska u tal-irkupru tal-assi akkwistati illegalment kif ukoll l-approċċ pragmatiku biex isolvi l-kunflitti potenzjali. Il-Bord huwa konvint li [r-rikorrent] jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex ikun Prosekutur Ewropew effiċjenti”. |
17 |
Il-kwistjoni tal-għażla u tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej ġiet eżaminata mill-uffiċjali tad-diviżjoni Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Kunsill matul is-sitt laqgħat suċċessivi (iktar ’il quddiem il-“laqgħat COPEN”), li nżammu fid-9 ta’ Settembru, fis‑26 ta’ Novembru u fit-12 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll fl-1, fl‑20 u fit‑22 ta’ Lulju 2020. |
18 |
Fit-18 ta’ Settembru 2019, il-presidenza tal-Kunsill bagħtet lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) dokument intitolat “Kompiti u proċeduri għall-għażla tal-prosekuturi Ewropej”. Il-punt 8 ta’ dan id-dokument kien jipprovdi dan li ġej: “Ix-xogħol tekniku preparatorju għandu jitwettaq mill-korpi kompetenti tal-Kunsill (COPEN Grupp ta’ Xogħol u/jew uffiċjali ĠAI, skont il-każ). L-eżami jsir fuq il-bażi tal-opinjonijiet motivati mibgħuta mill-Bord tal-Għażla, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ordni ta’ preferenza tal-klassifikazzjoni mhux obbligatorja tal-Bord tal-Għażla u [l-]fatt li l-merti u l-kapaċità professjonali [kif ukoll] il-kwalifiki tal-kandidati inklużi fil-lista qasira diġà ġew evalwati fid-dettall mill-Bord tal-Għażla. Wara dan l-eżami, l-korp kompetenti tal-Kunsill għandu jipproponi l-prosekuturi Ewropej u jirrakkomanda lill-[Coreper] il-ħatra tagħhom. Skont l-Artikolu 16[(3) u (4)] tar-Regolament [2017/1939], il-Kunsill, b’deċiżjoni ta’ maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri parteċipanti, għandu jagħżel u jaħtar lill-prosekuturi Ewropej […]”. |
19 |
Waqt il-laqgħa COPEN tas-26 ta’ Novembru 2019, id-delegazzjoni Belġjana indikat [kunfidenzjali] ( 1 ). |
20 |
Matul il-laqgħa COPEN tat-12 ta’ Diċembru 2019, [kunfidenzjali]. |
21 |
Fis-27 ta’ Frar 2020, ir-Renju tal-Belġju pprovda lill-Kunsill ġustifikazzjoni bil-miktub li tikkonċerna [kunfidenzjali]. |
22 |
F’din il-ġustifikazzjoni bil-miktub, ir-Renju tal-Belġju [kunfidenzjali]. |
23 |
Ir-Renju tal-Belġju espona mbagħad il-pożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali bil-mod kif ġej: “[kunfidenzjali]” |
24 |
Ir-Renju tal-Belġju indika wkoll għaliex huwa kkunsidra li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali f’dan il-każ bil-mod kif ġej: “[kunfidenzjali]” |
25 |
Ir-Renju tal-Belġju ppreċiża wkoll li huwa “[kunfidenzjali]”. |
26 |
Bħala konklużjoni tal-ġustifikazzjoni bil-miktub tiegħu, ir-Renju tal-Belġju indika li, “[kunfidenzjali]”. |
27 |
Waqt il-laqgħa COPEN tal-1 ta’ Lulju 2020, il-presidenza tal-Kunsill fakkret li, [kunfidenzjali]. |
28 |
Konsegwentement, il-kwistjoni tal-għażla u tal-ħatra tal-prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju kienet diskussa waqt il-laqgħa tal-“Grupp ANTICI” tat-13 ta’ Lulju 2020. |
29 |
Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Coreper adotta l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. |
30 |
Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1117, li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2020, L 244, p. 18, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
31 |
Il-premessi 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:
|
32 |
Fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill indika li evalwa l-merti rispettivi tal-kandidati filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet motivati mibgħuta mill-Bord tal-Għażla. Fil-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill ippreċiża li, wara tali evalwazzjoni, huwa kien segwa l-ordni ta’ preferenza mhux vinkolanti indikata mill-Bord tal-Għażla għall-kandidati kollha nnominati mill-Istati Membri parteċipanti ħlief għal dawk innominati mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija u mir-Repubblika Portugiża, li fil-konfront tagħhom huwa kien ibbaża ruħu fuq evalwazzjoni oħra tal-merti ta’ dawn il-kandidati, magħmula fi ħdan il-korpi preparatorji kompetenti tal-Kunsill. |
33 |
Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata: “Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħtura Prosekuturi Ewropej tal-UPPE bħala aġenti temporanji fil-grad ta’ AD 13 għal perijodu li ma jiġġeddidx ta’ sitt snin mid-29 ta’ Lulju 2020: Is-Sur Yves van den Berge […]” |
34 |
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill innotifika lir-rikorrent, l-istess bħall-kandidati kollha l-oħra li ma ntgħażlux, bid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll bl-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna r-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar kandidat ieħor, f’dan il-każ, Yves van den Berge. |
35 |
Għaldaqstant, il-Kunsill ippreċiża [kunfidenzjali]. |
36 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill għamel diversi preċiżazzjonijiet, Huwa indika għaldaqstant [kunfidenzjali]. |
37 |
Il-Kunsill enfasizza wkoll [kunfidenzjali]. |
38 |
Barra minn hekk, il-Kunsill indika [kunfidenzjali]. |
39 |
F’din l-ittra, il-Kunsill kien ippreċiża wkoll [kunfidenzjali]. |
40 |
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent talab lill-Kunsill biex jibgħatlu d-dokumenti kollha li jirrigwardaw l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għażla li tikkonċerna lilu. B’risposta, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent, fil-25 ta’ Novembru 2020, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tiegħu mill-Bord tal-Għażla, il-ġustifikazzjoni bil-miktub ipprovduta mir-Renju tal-Belġju biex ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla li tikkonċerna lill-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew innominati minn dan l-Istat Membru, estratti mill-minuti tal-laqgħat COPEN tas-26 ta’ Novembru 2019, tat-12 ta’ Diċembru 2019 u tal-1 ta’ Lulju 2020, inkwantu dawn kienu jikkonċernaw l-għażla tal-kandidati nnominati mill-imsemmi Stat Membru, kif ukoll id-dokument tal-Kunsill 12175/19, tat-18 ta’ Diċembru 2019, li jiddefinixxi l-proċess intern li għandu jiġi segwit fi ħdan il-Kunsill għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej u żewġ dokumenti oħra li jikkonċernaw l-involviment tal-“grupp ANTICI” f’dan il-proċess. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
41 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. |
42 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Jannar 2021, ir-Renju tal-Belġju talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2021, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Renju tal-Belġju ppreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet prinċipali għarrfu lill-Qorti Ġenerali li huma ma kellhomx osservazzjonijiet x’jagħmlu fuq dan fit-termini imposti. |
43 |
Fis-26 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. |
44 |
Adita b’talba motivata f’dan is-sens, ippreżentata mill-Kunsill fil-11 ta’ Frar 2021, fuq il-bażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet li fil-verżjoni pubblika ta’ din is-sentenza tħalli barra l-kontenut tal-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020, annessa mar-rikors, u tal-ittra tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 u tal-annessi tagħha, annessi mar-risposta. |
45 |
Ir-rikorrent u l-Kunsill ippreżentaw ir-replika u l-kontroreplika rispettivament fit-12 ta’ Marzu u fid-19 ta’ April 2021. |
46 |
Wara l-mewt tal-imħallef Berke, li seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2021, il-President tad-Disa’ Awla ħatar imħallef ieħor biex l-Awla tkun kompluta. |
47 |
Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-terminu impost. |
48 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura. |
49 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
50 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
51 |
Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors. |
Fid-dritt
52 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli applikabbli għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej, b’mod partikolari r-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 16(1) sa (3) tar-Regolament 2017/1939, kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/1696, tal-punti VI.2 u VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE u sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-prosekuturi Ewropew u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
53 |
L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv
54 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi għamel paragun tal-merti bejn it-tliet kandidati maħtura mir-Renju tal-Belġju fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali ta’ dan l-Istat Membru, u mhux fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Bord tal-Għażla. |
55 |
Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li mill-Artikolu 16 tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li l-Kunsill jagħżel u jaħtar wieħed mit-tliet kandidati maħtura minn kull wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla. Minn dan isegwi li l-għażla mill-Kunsill ta’ wieħed mit-tliet kandidati inkwistjoni għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla. Skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma jistax għaldaqstant jissostitwixxi l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla b’dik tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-awtorità nazzjonali kompetenti, li r-rwol tagħha hija limitata biex tinnomina tliet kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. |
56 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2017/1939 ġiet ikkonfermata mill-Kunsill stess fid-dokument intern 12175/19, tat-18 ta’ Settembru 2019, li jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita fi ħdan il-Kunsill għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej, li ġie anness mar-risposta. |
57 |
Issa, skont ir-rikorrent, mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mil-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 u mill-provi prodotti mill-Kunsill fl-anness mar-risposta jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-ħatra għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew ta’ kandidat innominat mir-Renju tal-Belġju, il-Kunsill, bi ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2017/1939, injora l-paragun tal-merti tal-kandidati innominati minn dan l-Istat Membru li kien sar mill-Bord tal-Għażla fl-opinjoni motivata tiegħu u għamel paragun ieħor tal-merti, mhux previst fir-Regolament 2017/1939, li sar minn korpi mhux awtorizzati, filwaqt li rriproduċew l-opinjoni mogħtija mill-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u l-Prosekutur Federali tal-Belġju. |
58 |
Il-Kunsill u r-Renju tal-Belġju jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent. |
59 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jikkontestax ir-realtà tal-iżvolġiment tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif deskritta fil-punti 10 sa 30 iktar ’il fuq. |
60 |
Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrent ma ressaqx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 16 jew l-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1939, jew kontra r-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, iżda huwa jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet inkisru, f’dan il-każ, mill-Kunsill. |
61 |
F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill jagħżel u jaħtar bħala Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru kkonċernat wieħed mit-tliet kandidati nnominati minn dan l-Istat Membru wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li, jekk il-Bord tal-Għażla jsib li kandidat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet ta’ Prosekutur Ewropew, l-opinjoni tiegħu għandha torbot lill-Kunsill. |
62 |
Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2017/1939, “[i]l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, għandu jagħżel u jaħtar lill-Prosekuturi Ewropej għal perijodu ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded […]”. |
63 |
Il-portata preċiża tal-missjoni mogħtija lill-Bord tal-Għażla hija ppreċiżata fir-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla. |
64 |
Għaldaqstant, skont il-punt VI.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, dan tal-aħħar għandu jeżamina l-kandidaturi tal-kandidati nnominati fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939 u għandu jisma’ lil dawn il-kandidati, li għandhom jattendu s-smigħ fiżikament. Skont l-ewwel paragrafu tal-punt VII.2 ta’ dawn l-istess regoli, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li jasal għalihom matul l-eżaminazzjoni u s-smigħ, il-Bord tal-Għażla jagħti opinjoni motivata fuq il-kwalifiki tal-kandidati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew u jindika espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Skont it-tieni paragrafu tal-punt VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, “[fl-] eventwalità li l-kandidati nominati ma jissodisfawx l-[imsemmija] kondizzjonijiet […], il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob li l-Istat Membru kkonċernat jinnomina għadd korrispondenti ta’ kandidati ġodda”. Fl-aħħar nett, skont it-tielet paragrafu tal-punt VII.2 ta’ dawn l-istess regoli ta’ ħidma, il-Bord tal-Għażla għandu jagħmel klassifikazzjoni tal-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza ta’ dawn tal-aħħar, li ssemmi ordni ta’ preferenza u li ma hijiex vinkolanti fuq il-Kunsill. |
65 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra tal-prosekuturi Ewropej, kif ġustament jirrileva l-Kunsill, il-missjoni tal-Bord tal-Għażla tikkonsisti f’żewġ kompiti differenti. L-ewwel kompitu huwa li jifformula opinjoni motivata fuq il-kwalifiki tal-kandidati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew billi jindika espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Din l-opinjoni, li tingħata wara eżami tal-kandidaturi u smigħ fiżiku tal-kandidati mill-Bord tal-Għażla, jorbot lill-Kunsill meta jikkonstata li kandidat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew. F’tali ipoteżi, il-Bord tal-Għażla jistieden lill-Istat Membru kkonċernat biex jinnomina kandidat ġdid. Il-Kunsill, li skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2017/1939, jista’ jagħżel u jaħtar wieħed mit-tliet kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew biss wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla fuq il-kwalifiki tal-imsemmija kandidati biex jeżerċitaw din il-funzjoni, jista’ għaldaqstant jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward biss meta tliet kandidati, innominati mill-Istat Membru kkonċernat, ikunu s-suġġett ta’ opinjoni motivata favorevoli tal-Bord tal-Għażla. Minn dan isegwi li l-ewwel kompitu tal-imsemmi bord huwa li jiżgura li l-Kunsill ikollu jagħżel bejn tliet kandidati li, fid-dawl tal-kwalifiki tagħhom, jissodisfaw, kull wieħed, il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ prosekutur Ewropew. |
66 |
It-tieni kompitu tal-Bord tal-Għażla jikkonsisti fit-twettiq ta’ klassifikazzjoni tal-kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat, ibbażata fuq il-kwalifiki u l-esperjenza ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri paragun tal-merti tal-imsemmija kandidati, li jinkludi ordni ta’ preferenza. Kif tfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, it-tielet paragrafu tal-punt VII.2, tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla jipprovdi espressament li din il-klassifikazzjoni ma hijiex vinkolanti għall-Kunsill. Minn dan isegwi li t-tieni kompitu tal-Bord tal-Għażla jikkonsisti fit-twettiq, b’mod konsultattiv biss, ta’ paragun tal-merti bejn it-tliet kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew, li fuqu l-Kunsill ikun jista’, jekk ikun il-każ, jibbaża d-deċiżjoni li jaħtar wieħed minn dawn il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew. |
67 |
F’dan il-każ, jirriżulta mill-opinjoni tal-Bord tal-Għażla tal-20 ta’ Ġunju 2020 dwar it-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew, li l-kontenut tagħha jinsab espost fil-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq, li, wara li eżamina l-kandidaturi u sema’ lil dawn il-kandidati, dan il-Bord ikkunsidra li l-imsemmija kandidati kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew stabbiliti mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Jirriżulta wkoll minn din l-opinjoni li l-Bord tal-Għażla stabbilixxa klassifikazzjoni fl-ordni ta’ preferenza tal-kandidati, li abbażi tagħha r-rikorrent kien ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni u Yves van den Berge fit-tielet pożizzjoni, u li din l-ordni ta’ preferenza kienet ibbażata fuq paragun tal-kwalifiki u tal-esperjenza tal-kandidati msemmija. |
68 |
Jirriżulta wkoll mill-minuti tad-diversi laqgħat COPEN (ara l-punti 19, 20 u 27 iktar ’il fuq) li, fl-istadju tal-eżami tal-kandidaturi għall-pożizzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew, id-delegazzjoni tar-Renju tal-Belġju indikat [kunfidenzjali]. |
69 |
Barra minn hekk jirriżulta mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 32 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 (ara l-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq) li, fir-rigward tal-ħatra tal-prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju, il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu mhux fuq il-klassifikazzjoni stabbilita mill-Bord tal-Għażla, imma “abbażi ta’ valutazzjoni differenti tal-merti”. Jirriżulta mill-istess elementi li, fil-kuntest ta’ dan il-paragun, ingħatat attenzjoni partikolari lill-fatt li [kunfidenzjali]. |
70 |
Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Bord tal-Għażla kkunsidra effettivament, fi tmiem il-klassifikazzjoni magħmula fuq il-bażi tal-kwalifiki u tal-esperjenza tat-tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew innominati mir-Renju tal-Belġju, li r-rikorrent kien l-aħjar kandidat biex jeżerċita l-funzjonijiet ikkonċernati, il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq paragun ieħor tal-merti, li fil-kuntest tiegħu l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali, li ġiet ikkomunikata lilu mill-awtoritajiet Belġjani, kellha rwol determinanti. |
71 |
Issa, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-punt VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla, il-klassifikazzjoni stabbilita minn dan tal-aħħar fuq il-bażi tal-kwalifiki u tal-esperjenza tat-tliet kandidati nnominati mill-Istat Membru kkonċernat ma hijiex ta’ natura vinkolanti għall-Kunsill (ara l-punt 63 iktar ’il fuq). |
72 |
Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-Artikolu 16(2) u (3) tar-Regolament 2017/1939, u lanqas ir-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla ma jipprekludu li, biex issir l-għażla bejn it-tliet kandidati nnominati minn Stat Membru fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilu permezz tal-imsemmi Artikolu 16(2) u (3), il-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li tingħatalu mill-gvernijiet tal-Istati Membri rrappreżentati fi ħdanu, jekk ikun il-każ mill-Istat Membru kkonċernat stess. |
73 |
Minn dan isegwi li r-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-regoli tal-proċedura li jirregolaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari, tal-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament 2017/1939 kif ukoll tal-punti VI.2 u VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla. |
74 |
Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv
75 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta bbaża d-deċiżjoni tiegħu tal-ħatra tal-prosekuturi Ewropej tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Repubblika Portugiża fuq paragun tal-merti magħmul minn korp mhux awtorizzat għal dan il-għan, filwaqt li bbaża din l-istess deċiżjoni tal-ħatra għal dak li jikkonċerna lill-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fuq l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, skont ir-Regolament 2017/1939. |
76 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jew tal-ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il-Kummissjoni, T‑126/19, EU:T:2021:360, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Issa, f’dan il-każ, b’kuntrast ma’ dak li jsostni r-rikorrent, mill-fatt li l-Kunsill ma segwiex il-klassifikazzjoni stabbilita mill-Bord tal-Għażla għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej għar-Renju tal-Belġju, għar-Repubblika tal-Bulgarija u għar-Repubblika Portugiża ma jsegwix li, f’dan il-każ, huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward fuq paragun tal-merti mwettaq minn korp mhux awtorizzat għal dan il-għan. |
78 |
Jeħtieġ fil-fatt li jitfakkar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1939 u mir-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla li l-klassifikazzjoni stabbilita minn dan tal-aħħar tal-kandidati nnominati minn Stat Membru li jipparteċipa fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew ma hijiex vinkolanti għall-Kunsill u li dan tal-aħħar jista’ jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri rrappreżentati fi ħdanu fil-kuntest tal-paragun tal-merti tal-imsemmija kandidati li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa għandu jagħmel (ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq). |
79 |
Għaldaqstant, kif sostna l-Kunsill, il-fatt li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura previsti mir-Regolament 2017/1939 wasslet, f’ċerti każijiet, biex il-Kunsill isegwi l-klassifikazzjoni stabbilita mill-Bord tal-Għażla u, f’każijiet oħra, biex dan jinjora din il-klassifikazzjoni u jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq paragun ieħor tal-merti ma huwiex tali li juri li ċerti kandidati ġew ittrattati b’mod diskriminatorju. |
80 |
Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv bħala infondata kif ukoll, li jiġi miċħud, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
81 |
Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata, kif ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, hija nieqsa mill-motivazzjoni għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill għażel li ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla u li jibbaża ruħu fuq paragun ieħor tal-merti, imwettaq mill-korpi preparatorji tal-Kunsill. |
82 |
Skont ir-rikorrent, l-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 ma hijiex tali li tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, din hija motivazzjoni trażmessa a posteriori, li għaldaqstant ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Issa, il-motivi ta’ deċiżjoni, li għandhom preċiżament l-għan li jistabbilixxu l-bażi tal-istess deċiżjoni u li jiġġustifikaw l-għażla li għamel il-Kunsill meta adotta din id-deċiżjoni, għandhom ikunu jeżistu u jkunu identifikati fil-mument li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni. |
83 |
Min-naħa l-oħra, il-motivi mressqa f’din l-ittra huma irrilevanti, peress li jmorru kontra s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew implimentati mir-Regolament 2017/1939. Ir-rikorrent jirreferi hawnhekk għall-fatt li l-Kunsill iġġustifika l-għażla tal-kandidat maħtur bħala prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju bil-fatt li [kunfidenzjali]. Ir-rikorrent jirreferi wkoll, f’dan ir-rigward, għall-fatt li l-Kunsill iġġustifika l-għażla tiegħu bil-fatt li [kunfidenzjali]. Skont ir-rikorrent, dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux tali li jiġġustifikaw li l-Kunsill jagħti prevalenza lill-opinjoni ta’ awtorità nazzjonali fuq dik tal-korp tal-Unjoni kompetenti, jiġifieri l-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, il-kriterju marbut ma’ [kunfidenzjali] ma huwiex tali li jiġġustifika l-preferenza mogħtija lill-kandidatura tal-kandidat maħtur meta mqabbla ma’ dik tar-rikorrent. |
84 |
Il-Kunsill u r-Renju tal-Belġju jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent. |
85 |
Jeħtieġ, l-ewwel nett, li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni preskritt fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod li, minn naħa, tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le, u min-naħa l-oħra, tippermetti lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
86 |
Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, fil-prinċipju, tkun ikkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50; ara, wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill għażel u ħatar għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew wieħed mit-tliet kandidati nnominati minn kull wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa li tikkonċerna l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. |
88 |
Issa, minn naħa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni ta’ ħatra ma tistax titqies bħala att ta’ portata ġenerali, peress li ma tirrigwardax kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt u li l-individwi kollha tal-Unjoni, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala tali kategorija ta’ persuni kkontemplata fid-deċiżjoni tal-ħatra. Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ma jistax, barra minn hekk, jibdel in-natura ġuridika tagħha (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 2021, Mendes de Almeida vs Il-Kunsill, T‑75/21, mhux ippubblikat, li ġie appellat, EU:T:2021:424, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew ta’ ċerti kandidati nnominati mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa li tikkonċerna l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew hija marbuta inseparabbilment mar-rifjut impliċitu li jiġu maħtura f’din il-pożizzjoni l-kandidati l-oħra nnominati minn dawn l-Istati Membri (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 2021, Mendes de Almeida vs Il-Kunsill, T‑75/21, mhux ippubblikat, li ġie appellat, EU:T:2021:424, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
90 |
Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala ġabra ta’ atti ta’ natura individwali li jikkawżaw preġudizzju lil persuni li ma humiex id-destinatarji tagħhom, jiġifieri l-kandidati nnominati mill-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li ma nħatrux prosekuturi Ewropej mill-Kunsill (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 2021, Mendes de Almeida vs Il-Kunsill, T‑75/21, mhux ippubblikat, li ġie appellat, EU:T:2021:424, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
91 |
Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet tinvolvi ċaħda impliċita tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju, kellha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lilu fl-istess żmien bħad-deċiżjoni kkontestata. |
92 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-unika motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, tinsab fil-premessa 13 tagħha. Fil-fatt, jinsab indikat fiha li, “[f]ir-rigward tal-kandidati nnominati mill-Belġju, il-Bulgarija u l-Portugall, il-Kunsill ma segwiex l-ordni ta’ preferenza mhux vinkolanti tal-bord tal-għażla, abbażi ta’ valutazzjoni differenti tal-merti ta’ dawk il-kandidati li twettqet fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill”. |
93 |
Ir-rikorrent isostni li din il-motivazzjoni ma kinitx tippermettilu li jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kien għażel li ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla, li kien indikah bħala l-aħjar kandidat biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew fost il-kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju. Skont ir-rikorrent, il-Kunsill kien fil-fatt obbligat li jiġġustifika, fid-dawl tal-kontenut tal-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, għaliex huwa kien iddeċieda li ma jsegwix din l-ordni ta’ preferenza. |
94 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
95 |
Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 66 iktar ’il fuq, mit-tielet paragrafu tal-punt VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-Bord tal-Għażla jirriżulta li l-klassifikazzjoni stabbilita minn dan il-bord għal dak li jikkonċerna lit-tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew innominati mir-Renju tal-Belġju fuq il-bażi tal-kwalifiki u tal-esperjenza ta’ dawn il-kandidati ma kinitx torbot lill-Kunsill. Dan tal-aħħar kien għaldaqstant liberu kemm li jagħmel tiegħu din il-klassifikazzjoni, kif ukoll li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq paragun ieħor tal-merti tal-kandidati. |
96 |
Għaldaqstant, huwa żbaljat ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha tippermettilu jifhem għaliex il-Kunsill kien iddeċieda li ma jsegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla. |
97 |
Madankollu għandu jiġi rrilevat li, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Kunsill, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab fil-premessa 13 ta’ din tal-aħħar ma hijiex, minnha nfisha, tali li tippermetti lir-rikorrent, u lanqas lill-Qorti Ġenerali, li jifhmu għaliex il-Kunsill ikkunsidra li l-kandidatura tal-kandidat maħtur għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew tar-Renju tal-Belġju kellha iktar merti minn dik tar-rikorrent. |
98 |
L-argument tal-Kunsill li jgħid li r-rikorrent seta’ jifhem għaliex il-kandidatura tal-kandidat maħtur kienet ġiet ippreferuta minn tiegħu, minħabba li huwa kien irċieva l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju kif ukoll l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, sa fejn dawn id-dokumenti kienu jikkonċernawh, ma huwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha ebda indikazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-Kunsill kien ibbaża din id-deċiżjoni fuq l-informazzjoni pprovduta mir-Renju tal-Belġju għal dak li jikkonċerna l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali fuq l-aħjar kandidat li seta’ jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew. |
99 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2020, li l-kontenut tagħha kien espost fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq, il-Kunsill espona b’mod suffiċjentement dettaljat il-motivi għalfejn huwa qies li l-kandidat maħtur kien aħjar biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew miż-żewġ kandidati l-oħra. |
100 |
Għaldaqstant, għalkemm kien ikun aħjar li l-motivi addizzjonali taċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent kienu ġew ikkomunikati lilu flimkien mal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent seta’ jsir jaf bl-imsemmija motivi permezz tal-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020, jiġifieri qabel il-preżentata tar-rikors, u li, f’dan il-każ, tali komunikazzjoni ppermettietlu jevalwa l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u jiddefendi d-drittijiet tiegħu, kif juru l-argumenti mressqa insostenn tat-tielet motiv, li jirrigwardaw espressament il-motivi invokati mill-Kunsill fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2020. |
101 |
Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jistax jinvoka utilment f’dan ir-rigward ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif elaborat fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq. |
102 |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE huwa differenti minn dak ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed, li jirrigwarda nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, it-tieni wieħed, li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ regola tad-dritt li tirrigwarda l-applikazzjoni tat-Trattat FUE, fis-sens tal-istess Artikolu 263 TFUE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent. L-obbligu ta’ motivazzjoni hija għaldaqstant kwistjoni separata minn dik tal-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67). |
103 |
Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu miċħuda bħala ineffettivi, inkwantu tressqu insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-argumenti tar-rikorrent li permezz tagħhom dan isostni li l-motivi mressqa mill-Kunsill fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020 kienu jmorru kontra s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew implimentata mir-Regolament 2017/1939 inkwantu l-Kunsill ta prevalenza lill-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju fuq dik tal-Bord tal-Għażla. |
104 |
Fi kwalunkwe każ, sa fejn dawn l-argumenti jikkoinċidu fil-parti kbira tagħhom mal-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-tielet motiv inkwantu dan huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan il-motiv. |
105 |
Minn dan isegwi li t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ premura u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni
106 |
Skont ir-rikorrent, skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba, l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi d-dritt għal trattament imparzjali u ġust. Fil-qasam tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra jew tan-nomina għal pożizzjonijiet jew impjiegi pubbliċi, dan il-prinċipju kien iwassal għall-ħolqien tad-dmir ta’ premura, li tkun timplika li, fl-eżami ta’ proċess, a fortiori f’każ ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni diskrezzjonali, l-amministrazzjoni għandha teżamina l-elementi kollha li jiġu prodotti quddiemha b’mod oġġettiv. Ir-rikorrent josserva li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea iddeċieda li, meta astjeniet, f’każ ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, milli teżerċita b’mod konkret is-setgħa diskrezzjonali li hija kellha u bil-fatt li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi fl-interess tal-parti rikorrenti, li jirrigwardaw, minn naħa, ir-regoli applikabbli għar-reklutaġġ u, min-naħa l-oħra, it-titoli u l-merti tal-persuna kkonċernata, u billi ma eżerċitatx, b’dan il-mod, is-setgħa diskrezzjonali b’mod konkret u fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża, istituzzjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
107 |
F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew tal-Istat Membru kkonċernat setgħet tittieħed biss wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-Bord tal-Għażla u li dan il-bord kien inkarigat jistabbilixxi klassifikazzjoni tal-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, kien ikun il-Kunsill, fi kwalunkwe każ, li għandu jiġġustifika l-għażla ta’ kandidat u l-ħatra ta’ dan billi jagħmel, b’mod effettiv u konkret, paragun tal-merti tal-kandidati, ħaġa li setgħet issir jew b’riferiment għall-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, jew fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet ta’ din l-opinjoni, billi jagħmel huwa stess il-paragun. |
108 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kien obbligat jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq paragun tal-merti bbażat fuq data oġġettiva, jiġifieri l-paragun tal-fajls tal-kandidatura mal-kwalifiki meħtieġa biex wieħed jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew. Skont ir-rikorrent, meħud kont tal-portata tal-esperjenza professjonali tiegħu, kemm fil-qasam tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet ta’ reati finanzjarji kif ukoll fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali, tali paragun tal-merti kellu jwassal lill-Kunsill sabiex jikkonstata li din l-esperjenza kienet relattivament iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur, ħaġa li tirriżulta b’mod ċar mill-opinjoni tal-Bord tal-Għażla. Issa, il-Kunsill ma pproċediex b’tali paragun tal-merti, imma llimita ruħu biex jirriproduċi l-elementi li jinsabu fil-ġustifikazzjoni bil-miktub prodotta mill-awtoritajiet Belġjani, li kienu jirrigwardaw il-merti tal-kandidat magħżul, mingħajr ma jipparagunahom ma’ dawk tal-kandidati l-oħra, b’mod partikolari r-rikorrent. |
109 |
Ir-rikorrent jikkritika barra minn hekk lill-Kunsill li ta prevalenza għall-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju fuq l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla mingħajr ma ħa pożizzjoni fuq il-kontenut ta’ din tal-aħħar u jiġġustifika għaliex ma segwihiex. |
110 |
Ir-rikorrent jafferma wkoll li mill-fajl ma tinsabx ivverifikata l-affermazzjoni li l-pożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali u tal-Prosekutur Federali kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq evalwazzjoni ġenerali tal-prestazzjoni tul il-karriera kollha tal-kandidati. Għall-kuntrarju, skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Għażla, min-naħa tiegħu, ibbaża sew l-evalwazzjoni tiegħu b’mod partikolari fuq l-iżvolġiment tal-karriera tal-kandidati ppreżentati, fejn ir-rikorrent għandu, kif dan ġie enfasizzat mill-imsemmi bord fl-opinjoni tiegħu, esperjenza kbira fil-qasam ta’ tmexxija, li ma huwiex il-każ taż-żewġ kandidati l-oħra nnominati mir-Renju tal-Belġju. |
111 |
Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-affermazzjoni tal-Kunsill, fir-risposta, li tgħid li huwa “vvalorizza b’mod partikolari il-kapaċitajiet u l-esperjenza tal-kandidati marbutin mad-definizzjoni u [mal-] koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politiki fil-qasam kriminali fuq livell ċentrali tal-Istati Membri, inkluż għal dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, u l-kapaċità li jeżerċita responsabbiltà superjuri ta’ koordinazzjoni u ta’ superviżjoni” ma hijiex stabbilita fil-fajl, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma hija tali li tiġġustifika l-preferenza mogħtija lill-kandidat maħtur, fid-dawl tal-esperjenza professjonali relattivament iktar rikka tar-rikorrent f’dawn l-oqsma. |
112 |
Ir-rikorrent isostni wkoll li l-affermazzjoni tal-Kunsill li tgħid li “ġie nnotat li, fir-rigward taż-żewġ kandidati l-oħra nnominati mir-[Renju tal-] Belġju, fosthom ir-rikorrent, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali kien wera riżervi pjuttost sinjifikattivi” ma tikkorrispondix mar-realtà tal-fajl. Ir-rikorrent jippreċiża li fil-punt E tal-opinjoni li tikkonċernah hemm indikat li “[l-]funzjonijiet passati u attwali [tiegħu], b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fiskali, kif ukoll l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-OĊSK (missjonijiet Ewropej – ARO – u internazzjonali – CARIN), huma importanti biex jissodisfa l-funzjonijiet ta’ Prosekutur Ewropew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”. |
113 |
Huwa josserva finalment li l-affermazzjoni, li tinsab ukoll fil-punt E ta’ din l-istess opinjoni, li tgħid li “ma setax jikkonvinċi lill-Kulleġġ [tal-Prosekuturi Ġenerali li huwa] [kellu] viżjoni suffiċjentement ċara tal-kompiti u missjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur u tal-Prosekutur nazzjonali tiegħu” għandha tkun relativizzata, peress li saret minn awtorità nazzjonali, u f’kull każ għandha titqabbel mal-evalwazzjoni tal-kandidatura tar-rikorrent li kienet saret mill-Bord tal-Għażla fl-opinjoni motivata tiegħu. |
114 |
Il-Kunsill u r-Renju tal-Belġju jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent. |
115 |
Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li żbalja meta bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-elementi li jinsabu fil-ġustifikazzjoni bil-miktub ipprovduta mill-awtoritajiet Belġjani insostenn tal-pożizzjoni intiża li ma ssegwix l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Bord tal-Għażla, filwaqt li dawn l-elementi kienu jikkonċernaw biss il-merti tal-kandidat innominat u ma kienx fihom paragun tal-merti ta’ dan il-kandidat ma’ dawk taż-żewġ kandidati l-oħra, fosthom ir-rikorrent. Barra min hekk, skont ir-rikorrent, l-esperjenza professjonali tiegħu relattivament iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur kellha twassal lill-Kunsill biex jikkunsidra li huwa kien l-aħjar kandidat biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur Ewropew. |
116 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-evalwazzjoni u l-paragun tal-merti tal-kandidati għal pożizzjoni li trid timtela’ u li l-elementi ta’ din l-evalwazzjoni jiddependu mhux biss fuq il-kompetenza u fuq il-valur professjonali tal-persuni kkonċernati, imma wkoll fuq il-karattru tagħhom, fuq l-aġir tagħhom u fuq il-personalità globali tagħhom (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑137/03, EU:T:2005:33, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
117 |
Dan japplika iktar meta l-pożizzjoni li għandha timtela’ tinvolvi responsabbiltajiet kbar (sentenza tat-3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑137/03, EU:T:2005:33, punt 98). |
118 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1939, il-prosekuturi Ewropej magħqudin mal-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jifformaw il-kulleġġ ta’ dan tal-aħħar, li huwa responsabbli biex jadotta d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet strateġiċi, bħalma huma d-definizzjoni tal-prijoritajiet u tal-politika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-qasam tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet (ara l-premessa 24 tal-imsemmi regolament), kif ukoll li jikkonċernaw kwistjonijiet ġenerali mqajma mill-fajls partikolari, b’mod partikolari fid-dawl li tiġi żgurata l-koerenza u l-effikaċità, fl-Istati Membri kollha, tal-politika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-qasam tal-prosekuzzjonijiet. L-imsemmi kulleġġ jadotta r-regolament intern tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kif ukoll deċiżjonijiet oħra li jirregolaw l-organizzazzjoni interna u d-diversi aspetti amministrattivi tal-funzjonament ta’ dan. |
119 |
Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 12(1), (3) u (5) tar-Regolament 2017/1939, il-prosekuturi Ewropej jassumu diversi responsabbiltajiet. B’mod partikolari, huma jiżguraw is-sorveljanza tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet li għalihom huma responsabbli l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jkunu qegħdin jieħdu ħsieb xi kawża fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Huma jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jkun qed jieħu ħsieb xi kawża, jiżguraw il-kollaborazzjoni u jkollhom rwol ta’ kanali tal-informazzjoni bejn l-awli permanenti u l-Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istat Membru tal-oriġini rispettiv tagħhom. Huma jissorveljaw ukoll l-eżekuzzjoni, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, tal-missjonijiet mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, inkluż bil-għan li jevitaw il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. B’kuntrast mal-Prosekuturi Delegati Ewropej, il-prosekuturi Ewropej ma humiex responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet, mill-prosekuzzjonijiet u mill-preparazzjoni tal-kawżi quddiem il-qrati tal-Istati Membri. |
120 |
Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa mistenni jassumi l-funzjonijiet ta’ awtorità ċentrali għall-finijiet tal-kooperazzjoni fuq il-bażi tad-diversi strumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali, l-istess bħall-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, kif jipprevedi l-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1939 (ara, wkoll, il-premessa 109 ta’ dan ir-regolament). |
121 |
Minn dan isegwi li l-prosekuturi Ewropej huma mistennija jeżerċitaw responsabbiltajiet għoljin, ħaġa li hija wkoll ikkonfermata mill-iskala AD 13 li jinħatru fiha, li tikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, għall-funzjonijiet ta’ konsulent jew ekwivalenti. Il-funzjoni ta’ prosekutur Ewropew issib ruħha għaldaqstant bejn il-funzjonijiet ta’ direttur (AD 15-AD 14) u dawk tal-kap ta’ diviżjoni jew ekwivalenti (AD 9-AD 14). |
122 |
Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 116 u 117 iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-evalwazzjoni u l-paragun tal-merti tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew ta’ Stat Membru. |
123 |
Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-Kunsill li jeħtieġ li jiġu evalwati l-argumenti mressqa mir-rikorrent. |
124 |
L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill ma għamilx paragun tal-merti bejn it-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju, imma llimita ruħu biex jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn dan l-Istat Membru li kienu jikkonċernaw biss il-merti tal-kandidat maħtur, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-ġustifikazzjoni bil-miktub tagħhom tas-27 ta’ Frar 2020, l-awtoritajiet Belġjani indikaw lill-Kunsill li [kunfidenzjali]. |
125 |
Jeħtieġ, barra minn hekk, li jiġi rrilevat li, fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2020, qabel ma espona fid-dettall l-esperjenza professjonali tal-kandidat maħtur, il-Kunsill indika li, [kunfidenzjali]. |
126 |
Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif issupplimentata bl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020, ma fihiex evalwazzjoni komparattiva dettaljata tal-merti ta’ kull wieħed mit-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju, minn din il-motivazzjoni jirriżulta madankollu li l-Kunsill ikkunsidra li l-merti tal-kandidat maħtur, li ġew iddettaljati fl-imsemmija ittra, kienu ogħla minn dawk taż-żewġ kandidati l-oħra, fosthom ir-rikorrent. |
127 |
Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill ma bbażax id-deċiżjoni kkontestata fuq paragun tal-merti tat-tliet kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew. |
128 |
It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill żbalja meta bbaża ruħu fuq l-opinjoni tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju mingħajr ma qabbel din l-opinjoni ma’ dik tal-Bord tal-Għażla, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni tal-kandidati nnominati mir-Renju tal-Belġju li ġiet stabbilita mill-Bord tal-Għażla ma kinitx ta’ natura vinkolanti għall-Kunsill. |
129 |
It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kunsill żbalja meta indika li l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal-Belġju kellu riżervi kbar fil-konfront tiegħu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-opinjoni tal-imsemmi Kulleġġ fiha effettivament l-evalwazzjoni pożittiva segwenti: “[i]l-funzjonijiet passati u attwali [tar-rikorrent], b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fiskali, kif ukoll l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-OĊSK (missjonijiet Ewropej – ARO – u internazzjonali – CARIN), [kienu] importanti biex jissodisfa l-funzjonijiet ta’ Prosekutur Ewropew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”. Fl-istess opinjoni hemm indikat madankollu li “[r-rikorrent] ma [setax] jikkonvinċi lill-Kulleġġ [li huwa kellu] viżjoni suffiċjentement ċara tal-kompiti u missjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur u [tal-]Prosekutur [Ewropew ta’ Stat Membru]”. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, bħala konklużjoni tal-opinjoni tiegħu, il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali adotta “opinjoni b’riżerva għall-mandat ta’ Prosekutur Ewropew (fuq skala ta’ favorevoli ħafna – favorevoli – b’riżerva – sfavorevoli)”. Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żball meta indika fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2017 li l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali kellu riżervi sinjifikattivi fir-rigward tal-kandidatura tar-rikorrent fil-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew. |
130 |
Ir-raba’, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-esperjenza professjonali tiegħu hija iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ittra tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020, [kunfidenzjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-Kunsill, il-fatt li l-esperjenza professjonali tar-rikorrent f’dawn il-materji kienet iktar rikka minn dik tal-kandidat maħtur, jekk wieħed iqisha minnha, ma hijiex tali li turi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill. |
131 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent naqas milli juri li l-Kunsill, f’dan il-każ, eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesa’ tiegħu meta għażel u ħatar lil Yves van den Berge għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew. |
132 |
Barra minn hekk, l-istess bħall-Kunsill, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argument imressaq mir-rikorrent biex juri l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura huwa bbażat fuq il-premessa li, li kieku l-Kunsill osserva, f’dan il-każ, l-obbligi li joħorġu minn dawn il-prinċipji, il-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew kienet tkun neċessarjament aċċettata. Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali argument jikkoinċidi mal-ilmenti mressqa mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u ta’ dan il-motiv preżenti sa fejn dan huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li diġà ġew miċħuda. |
133 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet motiv bħala infondat. |
134 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
135 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, jeħtieġ li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan. |
136 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Costeira Kancheva Perišin Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Jannar 2022. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.
( 1 ) Informazzjoni kunfidenzjali maqtugħa.