SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ lipstick tawwalija, konika u ċilindrika – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑488/20,

Guerlain, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn T. de Haan, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Pétrequin, A. Folliard‑Monguiral u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal‑Appell tal-EUIPO tat‑2 ta’ Ġunju 2020 (Każ R 2292/2019‑1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ lipstick tawwalija, konika u ċilindrika bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, U. Öberg u O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: J. Pichon, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Awwissu 2020,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ottubru 2020,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tal‑10 ta’ Frar 2021 sabiex iweġbuha waqt is-seduta,

wara s-seduta tal‑21 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

It-talbiet tal-partijiet

9

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il‑Bord tal-Appell.

10

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

[omissis]

42

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-aspett estetiku ta’ suċċess kbir tal-forma inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li prodotti jkollhom disinn ta’ kwalità ma jimplikax neċessarjament li trade mark ikkostitwita mill-forma tridimensjonali ta’ dawn il-prodotti tippermetti ab initio li ssir distinzjoni bejn l-imsemmija prodotti u dawk ta’ impriżi oħra, fis‑sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Forma ta’ lazz ta’ żarbun, T‑573/18, EU:T:2020:32, punt 65).

43

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-aspett estetiku ta’ trade mark li tieħu l-forma tal-imballaġġ ta’ prodott, f’dan il-każ tal-kontenitur tiegħu, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra, sabiex tiġi stabbilita differenza fir-rigward tan-norma u tal-użanzi ta’ settur, sakemm dan l-aspett estetiku jinftiehem bħala li jirreferi għall-effett viżiv oġġettiv u inabitwali prodott mid-disinn speċifiku tal-imsemmija trade mark (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos, C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punt 32).

44

Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aspett estetiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandux ikun ekwivalenti għal evalwazzjoni tas-sbuħija jew tal-assenza tagħha tal-prodott inkwistjoni, li hija min-natura tagħha suġġettiva, iżda huwa intiż sabiex jivverifika, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, jekk dan jistax joħloq effett viżiv oġġettiv u inabitwali f’għajnejn il-pubbliku rilevanti.

[omissis]

48

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, in-norma u l-użanzi tas-settur ma jistgħux jiġu ridotti biss għall-forma statistikament l-iktar komuni, iżda jinkludu l‑forom kollha li l-konsumatur għandu d-drawwa li jipperċepixxi fis-suq (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Brasserie St Avold vs EUIPO (Forma ta’ flixkun skur), T‑862/19, EU:T:2020:561, punt 56).

49

Għalhekk, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-istampi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell bħala li jikkostitwixxu n-norma u l-użanzi tas-settur ikkonċernat, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-forma inkwistjoni hija inabitwali għal lipstick u hija differenti minn kull forma oħra eżistenti fis-suq.

50

Il-Bord tal-Appell illimita ruħu li jikkonstata l-assenza ta’ diverġenza sinjifikattiva min-normi u mill-użanzi tas-settur. Issa, għalkemm huwa minnu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq, li s-sempliċi fatt li forma tkun “varjant” ta’ waħda mill-forom abitwali ta’ tip ta’ prodotti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija forma ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv, il-fatt li settur huwa kkaratterizzat minn varjetà kbira ta’ forom ta’ prodotti ma jimplikax li f’każ ta’ forma ġdida din neċessarjament ser tiġi pperċepita bħala waħda minnhom.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑2 ta’ Ġunju 2020 (Każ R 2292/2019‑1) hija annullata.

 

2)

L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn Guerlain għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

 

Spielmann

Öberg

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Lulju 2021.

Ir-Reġistratur

E. Coulon

Il-President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.