SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta tikketta – Disinn preċedenti – Prova tal-iżvelar – Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Provi prodotti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑443/20,

Sanford LP, stabbilita f’Atlanta, Georgia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Zecher, avukata,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Avery Zweckform GmbH, stabbilita f’Oberlaindern/Valley (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Förster, avukata,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Mejju 2020 (Każ R 2413/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Avery Zweckform u Sanford,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann (Relatur), President, U. Öberg u R. Mastroianni, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Lulju 2020,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ottubru 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ottubru 2020,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Talbiet tal-partijiet

9

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

10

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

11

Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn ċerti provi ġew prodotti tardivament quddiem il-Bord tal-Appell, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn id-disinn preċedenti tqies b’mod żbaljat bħala li kien is-suġġett ta’ żvelar, u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, sa fejn id-disinni kunfliġġenti tqiesu b’mod żbaljat bħala li jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat u li d-disinn ikkontestat tqies għalhekk b’mod żbaljat bħala li kien nieqes minn karattru individwali.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn ċerti provi ġew prodotti tardivament quddiem il-Bord tal-Appell

12

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 billi ddikjara ammissibbli ċerti provi dwar ir-romblu ta’ tikketti R5015 prodotti mill-intervenjenti għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

13

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

14

Skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, l-EUIPO jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fi żmien xieraq.

15

Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 6/2002 u li l-EUIPO ma huwa bl-ebda mod ipprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tardivament (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Crocs vs EUIPO – Gifi Diffusion (Żraben), T‑651/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:137, punt 31).

16

Billi jippreċiża li l-EUIPO “jista’”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni provi prodotti tardivament, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jagħti fil-fatt lill-EUIPO setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Żraben, T‑651/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:137, punt 32).

17

Għal dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-EUIPO sabiex eventwalment jieħu inkunsiderazzjoni provi mressqa tardivament, tali teħid inkunsiderazzjoni mill-EUIPO, meta jkun meħtieġ li jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jista’ partikolarment jiġi ġġustifikat meta dan iqis li, minn naħa, il-provi mressqa tardivament jistgħu, prima facie, ikunu realment rilevanti għal dak li jikkonċerna r-riżultat tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedimenti li fih il-provi jiġu mressqa tardivament u l-fatti relatati ma’ dan ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni. Tali kunsiderazzjonijiet jistgħu b’mod partikolari jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-EUIPO ta’ provi li, minkejja li ma jkunux ġewx prodotti fit-terminu stabbilit minnu, jiġu prodotti fi stadju ulterjuri tal-proċedura, b’mod addizzjonali għall-provi li jkunu ġew prodotti fl-imsemmi terminu (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Żraben, T‑651/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:137, punt 34).

18

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess, u b’mod partikolari mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-intervenjenti pproduċiet għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell l-Annessi 32 sa 34, u dan sabiex turi l-eżistenza tal-iżvelar tad-disinn preċedenti. B’mod partikolari, l-Anness 32 jinkludi dikjarazzjoni ġuramentata tat‑18 ta’ Frar 2019 ta’ A, direttur ta’ kumpannija attiva fil-qasam tal-istampar ta’ tikketti, li tindika li din il-kumpannija kienet tipproduċi rombli ta’ tikketti R5015 għall-intervenjenti mill‑2003, liema dikjarazzjoni hija akkumpanjata minn fatturi u minn rappreżentazzjonijiet tal-imsemmija rombli. L-Annessi 33 u 34 jinkludu żewġ dikjarazzjonijiet ġuramentati, datati, rispettivament, l-ewwel waħda, il‑11 ta’ Frar 2019 u maħruġa minn B, membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija li tipproduċi forom flessibbli (“flexible dies”) għall-intervenjenti mill‑1999 sal‑2003, u, it-tieni waħda, id‑19 ta’ Frar 2019 u maħruġa minn C, inġinier mekkaniku għall-intervenjenti, li tinkludi b’mod partikolari rappreżentazzjonijiet tar-rombli ta’ tikketti 8853 użati mill-intervenjenti u li tikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ A.

19

Il-Bord tal-Appell qies li kien neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali prodotti mill-intervenjenti quddiemu. Huwa qies li dawn kienu rilevanti u kienu insostenn ta’ dawk prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod partikolari, huwa enfasizza li l-Anness 32 kien ġie ppreżentat insostenn tal-iżvelar tat-tikketta R5015 li tinsab fl-Anness 8 ppreżentata fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Huwa indika wkoll li dawn il-provi kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrenti, li kienet għamlet osservazzjonijiet dwarhom, li ma kienx jeżisti terminu sabiex titressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit li disinn Komunitarju rreġistrat, li l-validità tiegħu setgħet sussegwentement tiġi kkontestata b’suċċess permezz ta’ proċedimenti oħra għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma jibqax imniżżel fir-reġistru. Fl-aħħar nett, huwa żied jgħid li dawn il-provi kienu ġew prodotti sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tgħid li l-provi tal-iżvelar kienu insuffiċjenti. Għaldaqstant, huwa ddikjarahom ammissibbli.

20

Għandu jiġi osservat li, kif tammetti r-rikorrenti stess, l-intervenjenti kienet ippreżentat insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità dokumenti, u b’mod partikolari dikjarazzjoni ġuramentata ta’ C quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Madankollu, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet qieset li r-rappreżentazzjonijiet u d-dokumenti pprovduti ma kinux isostnu d-dikjarazzjonijiet ta’ C. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ikkunsidrat ukoll li l-provi prodotti mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit żvelar, minħabba assenza ta’ identifikazzjoni ċara tad-disinni preċedenti invokati u assenza ta’ prova dwar is-sorsi u d-dati rilevanti ta’ żvelar. Hija għalhekk ikkonkludiet li l-iżvelar tad-disinn preċedenti ma setax jiġi stabbilit.

21

Konsegwentement, l-annessi u r-rappreżentazzjonijiet prodotti quddiem il-Bord tal-Appell jiżdiedu ma’ dawk diġà prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Barra minn hekk, dawn l-annessi, sussegwenti għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, u għalhekk ma setgħux jiġu prodotti preċedentement, ippermettew b’mod partikolari lill-intervenjenti twieġeb għall-konstatazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, anki jekk, kif tenfasizza r-rikorrenti, ċerti rappreżentazzjonijiet tar-rombli ta’ tikketti prodotti fl-Annessi 32 u 34 huma differenti mid-disinn ikkontestat, xorta jibqa’ l-fatt li huma jappartjenu għall-istess sensiela ta’ tikketti bħad-disinn ikkontestat (jiġifieri R5012‑R5020). Għaldaqstant, dawn l-annessi kienu rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima u setgħu validament jikkompletaw il-provi diġà prodotti.

22

Barra minn hekk, dawn l-annessi ġew ippreżentati fil-kuntest tan-nota tal‑25 ta’ Frar 2019 li tesponi l-aggravji tal-appell. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kien f’pożizzjoni li jeżerċita, b’mod oġġettiv u motivat, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija opinjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Gamet vs EUIPO – Metal-Bud II Robert Gubała (Pum ta’ bieb), T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punt 22).

23

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-ammissibbiltà ta’ dawn l-annessi kisret id-dritt għal smigħ tagħha, peress li hija setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Bord tal-Appell tat‑2 ta’ Mejju u tas‑6 ta’ Settembru 2019, kif tirrikonoxxi hija stess.

24

Minn dan jirriżulta li, billi aċċetta b’mod motivat li jieħu inkunsiderazzjoni l-annessi addizzjonali prodotti quddiemu, il-Bord tal-Appell għamel użu xieraq mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn id-disinn preċedenti tqies b’mod żbaljat bħala li kien is-suġġett ta’ żvelar

[omissis]

52

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, sa fejn id-disinni kunfliġġenti tqiesu b’mod żbaljat bħala li jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat u li d-disinn ikkontestat tqies għalhekk b’mod żbaljat bħala li kien nieqes minn karattru individwali

53

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali, bi ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, minħabba b’mod partikolari li d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti ġew injorati b’mod żbaljat.

54

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

[omissis]

Fuq l-utent avżat

[omissis]

63

F’dan il-każ, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, l-utent avżat, mingħajr ma jkun disinjatur, u lanqas espert tekniku, jaf id-disinni differenti ta’ rombli tal-istampaturi grazzi għall-firxa ta’ prodotti disponibbli fis-suq, għandu ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn ir-rombli ta’ tikketti normalment ikollhom u, minħabba l-interess tiegħu, juri livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta jużahom, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

[omissis]

67

Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat ġie għalhekk meqjus bħala medju, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

Fuq l-impressjoni globali

68

Għandu jitfakkar li l-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedent fi ħdan il-corpus ta’ disinni, mingħajr ma jiġu kkunsidrati differenzi li, minkejja li ma humiex sempliċement dettalji irrilevanti, ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, iżda jieħu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement sinjifikattivi sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali li ma jixxiebhux (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għall-paragun analitiku ta’ enumerazzjoni ta’ xebh u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi żvelati tad-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi, b’mod partikolari l-karatteristiċi tekniċi, esklużi mill-protezzjoni. L-imsemmi paragun għandu jirrigwarda d-disinni, bħala prinċipju, kif irreġistrati, mingħajr ma l-persuna li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tintalab rappreżentazzjoni grafika tad-disinn invokat, li tkun paragunabbli mar-rappreżentazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, il-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti jikkoinċidu mal-karatteristiċi tar-rombli ta’ sostenn, tal-istrixxa safranija, tat-tikketti rettangolari sempliċement bojod u tat-toqob ovali bejn kull tikketta. Fir-rigward tad-differenzi, dawn huma limitati għad-daqs tat-tikketta, itwal u idjaq fid-disinn ikkontestat milli fid-disinn preċedenti R5015, peress li d-differenza korrispondenti tirrigwarda l-għoli tar-romblu u n-numru, il-pożizzjoni u d-daqs tal-marki tal-istampar suwed.

71

Għalkemm dawn id-differenzi ma jistgħux jitqiesu insinjifikattivi, kif indika l-Bord tal-Appell, huwa ġustament qies li madankollu ma kinux biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti f’moħħ l-utent avżat.

72

L-argumenti li r-rikorrenti tinvoka sabiex issostni li d-disinn ikkontestat ma jipproduċix fuq l-utent avżat l-istess impressjoni globali bħal dik mogħtija mid-disinn preċedenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

[omissis]

79

It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi verbali u figurattivi ġew injorati b’mod żbaljat. F’dan ir-rigward, hija ssemmi t-trade marks verbali ppreżentati f’tipa speċjali li tidher fid-disinn ikkontestat (dymo) u fuq id-disinn preċedenti R5015 (avery) kif ukoll l-element figurattiv f’forma ta’ triangolu li jinsab maġenb l-element verbali “avery” u ssostni li dawn l-elementi huma elementi dekorattivi.

80

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi verbali u figurattivi li jinsabu fuq id-disinni kunfliġġenti huma trade marks jew sinjali distintivi mwaħħla fuq il-prodott sabiex jindikaw l-oriġini tiegħu. Dawn l-elementi ma għandhomx funzjoni ornamentali jew dekorattiva u ma jikkostitwixxux karatteristiċi tal-prodott li jagħtu d-dehra tagħhom lill-prodotti kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002. Dawn l-elementi verbali u figurattivi huma għalhekk irrilevanti fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali sabiex jiġi stabbilit il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

81

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni kunfliġġenti għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi żvelati tad-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi, b’mod partikolari dawk tekniċi, esklużi mill-protezzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Għalhekk, anki jekk dawn l-elementi verbali u figurattivi jistgħu jitqiesu li huma rilevanti, huwa ċar għall-utent avżat li jservu sabiex jindikaw l-oriġini tal-prodotti, b’tali mod li, fl-impressjoni globali, huwa mhux ser jagħtihom importanza u li dawn l-elementi huma għalhekk, f’dan il-każ, insuffiċjenti sabiex jimmodifikaw l-impressjoni globali li jkollu tad-disinn ikkontestat.

[omissis]

99

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li d-disinni kunfliġġenti kienu jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat u meta kkonkluda għalhekk li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tad-disinn preċedenti.

100

Konsegwentement, it-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat kif ukoll, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, peress li dan jippresupponi li jiġi milqugħ ir-rikors għal annullament u li għalhekk tressaq biss fil-każ li l-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikors jiġi milqugħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2019, Aytekin vs EUIPO – Dienne Salotti (Dienne), T‑107/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:114, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Sanford LP hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Spielmann

Öberg

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Novembru 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.