SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor – Motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent – Il-punt 3 tal-Artikolu 34 – Sentenza irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija preċedentement bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent – Kundizzjonijiet – Osservanza, permezz ta’ sentenza mogħtija preċedentement u li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ta’ dispożizzjonijiet u ta’ għanjiet fundamentali tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 – Il-punt 1 tal-Artikolu 34 – Rikonoxximent manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑700/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association Limited

vs

Kingdom of Spain,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan (Relatur), A. Kumin, M. L. Arastey Sahún, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association Limited, minn A. Song u M. Volikas, solicitors, A. Thompson u C. Tan, barristers, C. Hancock u T. de la Mare, QC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Baxter, B. Kennelly u F. Shibli, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl u M. Hellmann bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, A. Gavela Llopis, S. Jiménez García u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger, X. Lewis u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(d) u tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, London Steam-Ship Owners’ Mutual Association Limited (iktar ’il quddiem il-“London P&I Club”) u l-Kingdom of Spain (ir-Renju ta’ Spanja) dwar ir-rikonoxximent fir-Renju Unit ta’ sentenza mogħtija minn qorti Spanjola.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara li:

“Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja [fl-Unjoni Ewropea] tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

d) arbitraġġ.”

5

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jikkonsisti f’għaxar sezzjonijiet.

6

Is-Sezzjoni 3 ta’ dan il-kapitolu tirrigwarda l-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.

7

F’din is-Sezzjoni, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

[…]

5)

li tkun relatata ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni sa kemm ikopri wieħed jew aktar mir-riskji mniżżla fl-Artikolu 14.”

8

Skont it-termini tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, li jinsab ukoll fl-imsemmija sezzjoni:

“Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fl-Artikolu 13(5):

1)

xi telf jew ħsara għal:

a)

vapuri tajbin għat-tbaħħir, installazzjonijiet il-barra mix-xatt jew fuq il-baħar, jew ajruplani, li joriġinaw mill-perikoli li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu tagħhom jew għal skopijiet kummerċjali;

[…]

2)

kwalunkwe responsabbilità, apparti minn dik ta’ korriment tal-passiġġieri jew telf jew ħsara tal-bagalji tagħhom:

a)

li joriġinaw mill-użu jew operat tal-vapuri, installazzjonijiet jew ajruplani li hemm referenza għalihom f’punt 1(a) sakemm, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn ta’ l-aħħar, il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn ikun irreġistrat dak l-ajruplan ma jkunx għamel ftehim ipprojbit dwar il-ġurisdizzjoni li tirrigwardja l-assigurazzjoni ta’ riskji bħal dawk;

[…]”

9

Is-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)

f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

10

It-Taqsima 9 tal-Kapitolu II, dwar il-lis alibi pendens u l-azzjonijiet relatati, tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

11

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Ir-rikonoxximent u l-infurzar” jinkludi l-Artikoli 32 sa 56 tiegħu.

12

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

13

Skont l-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament:

“1.   Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

2.   Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta sentenza bħala s-suġġet prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

14

L-Artikolu 34 tal-istess regolament jipprevedi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika [l-ordni pubbliku] ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[…]

3)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[…]”

15

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.   Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika [ordni pubbliku] msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

16

Skont l-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament:

“Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.”

Ir‑Regolament (UE) Nru 1215/2012

17

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ħassar ir-Regolament Nru 44/2001.

18

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1215/2012 hija fformulata kif ġej:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-arbitraġġ. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jżomm lill-qrati ta’ Stat Membru, meta jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjoni li fir-rigward tagħha l-partijiet kienu daħlu fi ftehim ta’ arbitraġġ, milli jirreferu lill-partijiet għall-arbitraġġ, milli jissospendu jew iwaqqfu l-proċedimenti, jew milli jeżaminaw jekk il-ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

Sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru dwar jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq m’għandhiex tkun soġġetta għar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, indipendentement minn jekk il-qorti ddeċidietx dwar dan bħala kwistjoni prinċipali jew bħala kwistjoni inċidentali.

Min-naħa l-oħra, meta qorti ta’ Stat Membru, li teżerċita ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament jew skont id-dritt nazzjonali, tkun iddeċidiet li ftehim ta’ arbitraġġ huwa null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, dan m’għandux jagħmilha impossibbli li s-sentenza tal-qorti dwar is-sustanza tal-kwistjoni tkun rikonoxxuta jew, skont il-każ, eżegwita skont dan ir-Regolament. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-qrati tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ f’konformità mal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, magħmula fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 [(Serje ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 330, p. 3)] il-‘Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958’), li tieħu preċedenza fuq dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal kwalunkwe azzjoni jew proċediment anċillari li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ tribunal tal-arbitraġġ, is-setgħa tal-arbitri, it-tmexxija tal-proċedura ta’ arbitraġġ jew kwalunkwe aspett ieħor ta’ tali proċedura, u lanqas għal azzjoni jew sentenza li tirrigwarda l-annullament, ir-rieżami, l-appell, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ.”

19

Skont l-Artikolu 73(2) tal-imsemmi regolament:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.”

Id‑dritt tar‑Renju Unit

20

L-Artikolu 66 tal-Arbitration Act 1996 (il-Liġi tal‑1996 dwar l-Arbitraġġ), intitolat “Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni”, jipprevedi:

“1)   Deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mit-tribunal skont ftehim ta’ arbitraġġ tista’, fuq awtorizzazzjoni tal-qorti, tiġi eżegwita bl-istess mod bħal sentenza jew digriet tal-qorti fl-istess sens.

2)   Fejn tingħata din l-awtorizzazzjoni, tista’ tingħata sentenza skont id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

3)   L-awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma għandhiex tingħata meta, jew fejn, il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tagħha turi li t-tribunal ma kellux ġurisdizzjoni fil-mertu sabiex jipproċedi bl-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Id-dritt li ssir tali oġġezzjoni jista’ jkun li ntilef (ara l-Artikolu 73).

4)   L-ebda dispożizzjoni ta’ dan l-artikolu ma għandha taffettwa r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni skont kwalunkwe liġi jew dispożizzjoni legali oħra, b’mod partikolari skont il-Parti II tal-Liġi tal-1950 dwar l-Arbitraġġ (eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet skont il-Konvenzjoni ta’ Genève) jew skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti III ta’ din il-liġi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet skont il-Konvenzjoni ta’ New York [tal-1958] jew bis-saħħa ta’ azzjoni dwar id-deċiżjoni [“action on the award”].”

21

L-Artikoli 67 sa 72 tal-Liġi tal-1996 dwar l-Arbitraġġ jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet fil-proċeduri ta’ arbitraġġ jistgħu jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ, ir-regolarità tal-proċeduri u l-fondatezza tad-deċiżjoni.

22

L-Artikolu 73 ta’ din il-liġi, intitolat “Telf tad-dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprevedi:

“1)   Jekk parti fi proċeduri arbitrali tieħu sehem, jew tkompli tieħu sehem fil-proċeduri mingħajr ma tagħmel, immedjatament jew fit-terminu stabbilit mill-ftehim ta’ arbitraġġ jew mit-tribunal jew minn kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-parti, kwalunkwe oġġezzjoni:

(a)

it-tribunal ta’ arbitraġġ ma għandux kompetenza ratione materiae,

(b)

li l-proċeduri twettqu b’mod irregolari,

(c)

li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim ta’ arbitraġġ jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-parti, jew

(d)

li kien hemm kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa t-tribunal jew il-proċeduri,

hija ma tistax tinvoka din l-oġġezzjoni iktar tard, quddiem it-tribunal jew il-qorti, sakemm ma turix li, fil-mument li fih hija ħadet sehem jew kompliet tieħu sehem fil-proċeduri, hija ma kinitx taf u ma setgħetx tiskopri l-motivi tal-oġġezzjoni b’diliġenza raġonevoli.

2)   Meta t-tribunal ta’ arbitraġġ jiddeċiedi li għandu ġurisdizzjoni fuq il-mertu u parti fi proċedura arbitrali li setgħet tikkontesta din id-deċiżjoni:

a)

permezz ta’ kwalunkwe proċedura arbitrali ta’ appell jew ta’ reviżjoni disponibbli, jew

b)

billi tikkontesta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ,

ma tagħmilx dan, jew ma jagħmilx dan fit-terminu stabbilit mill-ftehim ta’ arbitraġġ jew kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-parti, hija ma tistax sussegwentement toġġezzjona għall-ġurisdizzjoni fil-mertu tat-tribunal għal xi raġuni li kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.”

Id‑dritt Spanjol

23

L-Artikolu 117 tal-Código Penal (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali Spanjol”) jipprevedi:

“L-assiguraturi li assumew ir-riskju ta’ responsabbiltajiet finanzjarji li jirriżultaw mill-użu jew mill-isfruttament ta’ kull beni, industrija, impriża jew attività, meta l-avveniment li jikkostitwixxi r-riskju assigurat iseħħ minħabba ċirkustanza prevista minn dan il-kodiċi, ikollhom responsabbiltà ċivili diretta fil-limitu tal-kumpens stabbilit bil-liġi jew bi ftehim, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ rkupru kontra l-persuna kkonċernata”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

24

Wara n-nawfraġju, f’Novembru 2002, tat-tanker Prestige barra mill-kosta Spanjola, li kkawżalhom kif ukoll lill-kosti Franċiżi dannu ambjentali sostanzjali, infetħet investigazzjoni kriminali fi Spanja fl-aħħar tal‑2002 kontra, b’mod partikolari, il-kaptan ta’ dan il-bastiment.

25

Fi tmiem din l-istruttorja, il-kawża ntbagħtet quddiem l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña, Spanja) u diversi persuni ġuridiċi, fosthom l-Istat Spanjol, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, ressqu azzjonijiet ċivili kontra l-kaptan tal-Prestige, kontra l-proprjetarji tiegħu u, abbażi tal-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol dwar l-azzjoni diretta, kontra l-London P&I Club, assiguratur għar-responsabbiltà tal-bastiment u tal-proprjetarji tiegħu. Minkejja li ddepożita mal-qrati kriminali Spanjoli aditi, fis‑16 ta’ Ġunju 2003, somma bħala kumpens għad-danni li jistgħu jirriżultaw min-nawfraġju, il-London P&I Club ma deherx fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

26

Fis‑16 ta’ Jannar 2012, jiġifieri wara l-preżentata tal-imsemmija azzjonijiet ċivili, il-London P&I Club beda proċeduri ta’ arbitraġġ f’Londra (ir-Renju Unit) intiża sabiex jiġi kkonstatat li, skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż mal-proprjetarji tal-Prestige, ir-Renju ta’ Spanja kellu jressaq it-talbiet tiegħu skont l-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol fil-kuntest ta’ dan l-arbitraġġ. Il-London P&I Club talab ukoll li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja f’dak li jirrigwarda dawn it-talbiet, peress li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien jistipula li, skont il-klawżola “pay to be paid” (ħallas sabiex titħallas), il-persuna assigurata għandha l-ewwel tħallas lill-vittma l-kumpens dovut qabel ma tkun tista’ tirkupra l-ammont mingħand l-assiguratur. Ir-Renju ta’ Spanja ma pparteċipax fil-proċeduri ta’ arbitraġġ, minkejja li kien ġie mistieden mit-Tribunal tal-Arbitraġġ.

27

Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit‑13 ta’ Frar 2013, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ qies li, peress li t-talbiet tar-Renju ta’ Spanja kienu ta’ natura kuntrattwali skont id-dritt internazzjonali privat Ingliż, id-dritt Ingliż kien japplika għall-kuntratt. Għaldaqstant, skont it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, ir-Renju ta’ Spanja ma setax jinvoka d-drittijiet kuntrattwali tal-proprjetarji mingħajr ma josserva kemm il-klawżola ta’ arbitraġġ kif ukoll il-klawżola “pay to be paid”. Minn dan, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ iddeduċa li t-talbiet għal kumpens imressqa mir-Renju ta’ Spanja quddiem il-qrati Spanjoli kellhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ l-arbitraġġ f’Londra, li r-responsabbiltà tal-London P&I Club ma setgħetx tiġi stabbilita fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja fl-assenza ta’ ħlas minn qabel lilu tad-danni mill-proprjetarji tal-bastiment, u li, fi kwalunkwe każ, din ir-responsabbiltà ma setgħetx taqbeż, skont l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, biljun dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 900000000).

28

F’Marzu 2013, il-London P&I Club ressaq kawża quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit), skont l-Artikolu 66(1) u (2) tal-Liġi tal‑1996 dwar l-Arbitraġġ, sabiex tawtorizza l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fit-territorju nazzjonali bl-istess mod bħal sentenza jew digriet, u li tagħti sentenza li tadotta t-termini ta’ din id-deċiżjoni. Ir-Renju ta’ Spanja oppona din it-talba u talab lill-qorti adita tannulla l-imsemmija deċiżjoni jew tiddikjaraha ineffettiva, abbażi tal-Artikolu 67 jew tal-Artikolu 72 tal-Liġi tal‑1996 dwar l-Arbitraġġ. Ir-Renju ta’ Spanja sostna wkoll li l-imsemmija qorti kellha tirrifjuta, b’applikazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tagħti sentenza li tadotta t-termini tal-istess deċiżjoni.

29

Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2013 mogħti wara seduta li matulha kienu ġew ippreżentati provi fattwali u li nstemgħu esperti fid-dritt Spanjol, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)), awtorizzat lill-London P&I sabiex jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tat‑13 ta’ Frar 2013. Hija tat, ukoll fit‑22 ta’ Ottubru 2013, sentenza li tadotta t-termini ta’ din id-deċiżjoni.

30

Ir-Renju ta’ Spanja appella minn dan id-digriet quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ April 2015, din il-qorti ċaħdet l-appell.

31

Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2013 mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri kriminali miftuħa quddiem il-qrati Spanjoli, l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) illiberat lill-kaptan tal-Prestige fir-rigward ta’ proċeduri dwar reati kontra l-ambjent, ikkundannat lil dan tal-aħħar għar-reat ta’ diżubbidjenza serju lejn l-awtorità u ddeċidiet li l-persuna kkonċernata ma hijiex responsabbli ċivilment għad-danni kkawżati mit-tixrid taż-żejt, fl-assenza ta’ rabta bejn ir-reat ta’ diżubbidjenza u dawn id-danni. Hija ma ddeċidietx dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarji tal-Prestige jew tal-London P&I Club.

32

Diversi partijiet ippreżentaw appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, din il-qorti ħelset lill-kaptan tal-Prestige mir-reat ta’ diżubbidjenza serja lill-awtorità, iżda kkundannatu għar-reat ta’ traskuraġni kontra l-ambjent. Fir-rigward tal-azzjoni ċivili, hija ddikjarat bħala responsabbli ċivilment il-kaptan tal-Prestige, il-proprjetarji tal-bastiment kif ukoll, abbażi tal-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol, il-London P&I Club, suġġett, għal dan tal-aħħar, tal-limitu kuntrattwali ta’ responsabbiltà ffissat għal USD biljun. Fl-aħħar, hija bagħtet il-kawża quddiem l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont rispettiv tad-danni dovuti mill-konvenuti fil-kuntest tal-proċedura Spanjola.

33

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2017, irrettifikata fil‑11 ta’ Jannar 2018, l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) iddikjarat responsabbli l-kaptan tal-Prestige, il-proprjetarji tiegħu u l-London P&I Club fir-rigward ta’ iktar minn 200 parti distinti, inkluż l-Istat Spanjol, fil-limitu, għal dak li jirrigwarda l-London P&I Club, tal-massimu kuntrattwali ta’ responsabbiltà ffissat għal biljun USD. Wara appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza, din ġiet ikkonfermat essenzjalment permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑19 ta’ Diċembru 2018.

34

Permezz ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni tal‑1 ta’ Marzu 2019, l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) stabbilixxiet l-ammonti li kull rikorrent kellu d-dritt jeżiġi mingħand il-konvenuti rispettivi. Hija ddeċidiet b’mod partikolari li dawn kienu dovuti lill-Istat Spanjol għas-somma ta’ madwar EUR 2.3 biljun, suġġetta, fir-rigward tal-London P&I Club, għal-limitu ta’ somma ta’ EUR 855 miljun.

35

Permezz ta’ rikors tal‑25 ta’ Marzu 2019, ir-Renju ta’ Spanja talab lill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench) abbażi tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-rikonoxximent fir-Renju Unit tad-digriet ta’ eżekuzzjoni tal‑1 ta’ Marzu 2019. Din il-qorti laqgħet din it-talba permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Mejju 2019.

36

Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, il-London P&I Club ippreżenta appell kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001.

37

Insostenn tal-appell tiegħu, il-London P&I Club sostna, minn naħa, li d-digriet ta’ eżekuzzjoni tal‑1 ta’ Marzu 2019 huwa irrikonċiljabbli, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, mad-digriet u s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013 mogħtija skont l-Artikolu 66 tal-Liġi tal‑1996 dwar l-Arbitraġġ u kkonfermati fl‑1 ta’ April 2015 mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)). Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, huwa sostna, billi bbaża ruħu fuq il-punt 1 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet ta’ eżekuzzjoni huwa manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.

38

Ir-Renju ta’ Spanja talab li l-appell jiġi miċħud.

39

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjonijiet dwar, l-ewwel, jekk sentenza bħas-sentenza tagħha mogħtija skont l-Artikolu 66 tal-Liġi tal‑1996 dwar l-Arbitraġġ tistax tiġi kklassifikata bħala “sentenza”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ fejn din il-qorti ma semgħetx hija stess fil-mertu t-tilwima kollha deċiża mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ. It-tieni, hija tistaqsi jekk deċiżjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament minħabba l-eċċezzjoni dwar l-arbitraġġ imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tiegħu tistax madankollu tiġi invokata sabiex tostakola, abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor. It-tielet, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva, il-punt 1 tal-Artikolu 34 tal-istess regolament jippermettix li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni sa fejn din tikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ preċedenti jew ma’ sentenza li tadotta t-termini ta’ tali deċiżjoni.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Minħabba n-natura tal-kwistjonijiet li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra meta tiddeċiedi jekk tagħtix sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 66 tal-Arbitration Act 1996 (il-Liġi dwar l-Arbitraġġ tal-1996), sentenza mogħtija skont dik id-dispożizzjoni tista’ tikkostitwixxi “sentenza” tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent għall-finijiet tal-Artikolu 34(3) tar-[Regolament KE Nru 44/2001]?

2)

Minħabba li sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħal dik mogħtija taħt l-Artikolu 66 tal- Liġi dwar l-Arbitraġġ tal-1996, hija deċiżjoni [sentenza] li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001 bħala riżultat tal-eċċezzjoni ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 1(2)(b), tali sentenza tista’ tikkostitwixxi “sentenza” rilevanti tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent għall-finijiet tal-Artikolu34(3) [ta’ dan ir-] Regolament?

3)

Fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax u jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza ta’ Stat Membru ieħor imorru kontra l-ordni pubbliku intern fuq il-bażi li din is-sentenza tikser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata minħabba deċiżjoni ta’ arbitraġġ interna preċedenti jew sentenza preċedenti rreġistrata fit-termini tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mill-qorti tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent, huwa permissibbli li wieħed jinvoka l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 bħala raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew infurzar jew l-Artikolu 34(3) u (4) [ta’ dak ir-regolament] jipprevedi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li għalihom l-awtorità tar-res judicata u/jew in-natura irrikonċiljabbli tista’ tipprekludi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza fis-sens tal-imsemmi regolament?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

41

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru u li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tistax tikkostitwixxi sentenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema sentenza tostakola, f’dan l-Istat Membru, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor jekk dawn is-sentenzi huma irrikonċiljabbli bejniethom.

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001 li, huwa stess, issostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ wieħed mill-istrumenti ġuridiċi msemmija l-aħħar tapplika wkoll għal dawk ta’ oħrajn, meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punt 28).

43

Dan huwa l-każ tal-Artikolu 1(2)(d) ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti u tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-konvenzjoni, li jeskludu l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

44

Issa, din l-esklużjoni tirrigwarda l-arbitraġġ bħala qasam kollu kemm hu, inklużi l-proċeduri mressqa quddiem il-qrati tal-Istat (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Rich, C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 18).

45

Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ taqa’ mhux taħt ir-Regolament Nru 44/2001, iżda taħt id-dritt nazzjonali u d-dritt internazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn jintalab dan ir-rikonoxximent u din l-eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom, C‑536/13, EU:C:2015:316, punt 41).

46

Fl-istess sens, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1215/2012 issa tenfasizza li dan ir-regolament ma japplikax għal azzjoni jew għal sentenza dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

47

Minn dan isegwi li sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ taqa’ taħt l-esklużjoni tal-arbitraġġ stabbilita fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 u li, għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri u tiċċirkola fl-ispazju ġudizzjarju tal-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

48

Madankollu, tali sentenza tista’ titqies bħala sentenza, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

49

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “sentenza” mogħtija fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan il-kunċett ikopri kull sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni skont il-kontenut tas-sentenza inkwistjoni, sakemm din kienet jew setgħet tkun, fl-Istat Membru ta’ oriġini, is-suġġett, taħt diversi modalitajiet, ta’ investigazzjoni kontradittorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, H Limited, C‑568/20, EU:C:2022:264, punti 2426 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, din id-definizzjoni wiesgħa tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament li fihom jintuża dan it-terminu, b’mod partikolari għall-punt 3 tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren, C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 20).

50

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 hija kkorroborata mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri li tipproteġi l-integrità tal-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru u li tiggarantixxi li l-ordni soċjali tiegħu ma jiġix imfixkel mill-obbligu li jirrikonoxxi sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor li hija irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija, bejn l-istess partijiet, mill-qrati tiegħu stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren, C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 21).

51

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-esklużjoni ta’ qasam mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ma tipprekludix li sentenza relatata magħha tista’ taqa’ taħt il-punt 3 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, tostakola r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li magħha hija irrikonċiljabbli.

52

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari li hija irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor sentenza ta’ qorti tal-Istat Membru fejn tintalab ir-rikonoxximent li, peress li kienet tirrigwarda l-istatus tal-persuni fiżiċi, ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ladarba li dawn iż-żewġ sentenzi jinvolvu konsegwenzi legali li jeskludu lil xulxin reċiprokament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann, 145/86, EU:C:1988:61, punt 25).

53

Għaldaqstant, sentenza mogħtija fi Stat Membru u li tadotta t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tista’ tikkostitwixxi sentenza, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, liema sentenza tostakola r-rikonoxximent, f’dan l-Istat Membru, ta’ sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor jekk dawn is-sentenzi jkunu irrikonċiljabbli bejniethom.

54

Madankollu dan huwa differenti fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħha din is-sentenza tadotta t-termini tkun ġiet adottata f’ċirkustanzi li ma kinux jippermettu l-adozzjoni, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet u tal-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. Għaldaqstant hemm lok, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, mhux biss il-formulazzjoni u l-għan tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 iżda wkoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet kollha segwiti mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Dawn l-għanijiet huma riflessi fil-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fi ħdan l-Unjoni, bħal dawk tal-moviment liberu tas-sentenzi li jaqgħu taħt dan il-qasam, ta’ prevedibbiltà tal-qrati kompetenti u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis għall-massimu tar-riskji ta’ proċeduri simultanji, u ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 49, u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponka Insurance, C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 36).

57

Għandu jingħad ukoll li l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni li fuqha huma bbażati, skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli li dan ir-regolament jipprevedi fil-qasam tar-rikonoxximent tas-sentenzi ġudizzjarji ma testendix għad-deċiżjonijiet meħuda minn tribunali ta’ arbitraġġ, u lanqas għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jinkorporaw it-termini tagħhom.

58

Minn dan isegwi li deċiżjoni ta’ arbitraġġ tista’ biss, permezz ta’ sentenza li tinkorpora t-termini tagħha, ikollha effetti fil-kuntest tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jekk din ma tfixkilx id-dritt għal rimedju effettiv garantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 44) u tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni taħt kundizzjonijiet mill-inqas favorevoli daqs dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 55, u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponka Insurance, C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 38).

59

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kontenut tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 mingħajr ma jikser żewġ regoli fundamentali tiegħu dwar, minn naħa, l-effett relattiv ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-lis alibi pendens.

60

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-effett relattiv ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni miftiehma bejn assiguratur u d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma tistax tiġi invokata kontra l-vittma ta’ dannu assigurat li, fejn id-dritt nazzjonali jippermetti dan, tixtieq taġixxi direttament, abbażi tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali, kontra l-assiguratur quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, jew quddiem il-qorti tal-post fejn hija ddomiċiljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Assens Havn, C‑368/16, EU:C:2017:546, punti 3140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Minn dan isegwi li, ħlief bi ksur ta’ dan id-dritt tal-vittma, qorti differenti minn dik diġà adita bl-azzjoni diretta ma għandhiex tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni abbażi ta’ tali klawżola ta’ arbitraġġ, u dan sabiex jiġi ggarantit l-għan imfittex mir-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dannu fil-konfront tal-assiguratur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Assens Havn, C‑368/16, EU:C:2017:546, punti 3641).

62

Issa, dan l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ danni jkun kompromess li kieku setgħet titqies bħala “sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li permezz tagħha tribunal ta’ arbitraġġ iddikjara ruħu li għandu ġurisdizzjoni abbażi ta’ tali klawżola ta’ arbitraġġ, inkluża fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni kkonċernat.

63

Fil-fatt, kif juru ċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk jiġi aċċettat li tali sentenza tista’ tostakola r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor wara azzjoni diretta għad-danni mressqa mill-vittma, dan ikun tali li jċaħħad lil din tal-aħħar mill-kumpens effettiv tad-dannu li hija sofriet.

64

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-lis alibi pendens, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-data li fiha nbdiet il-proċedura ta’ arbitraġġ, jiġifieri fis‑16 ta’ Jannar 2012, kienet diġà pendenti proċedura quddiem il-qrati Spanjoli bejn, b’mod partikolari, l-Istat Spanjol u l-London P&I Club.

65

Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-azzjonijiet ċivili li ġew ippreżentati quddiem il-qrati Spanjoli kienu ġew innotifikati lill-London P&I Club f’Ġunju 2011 u li r-Renju ta’ Spanja ġie mistieden, mill-arbitru uniku, sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija mil-London P&I Club f’Londra.

66

Issa, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirrigwarda “proċedimenti […] bejn l-istess partijiet”, mingħajr ma jirrikjedi parteċipazzjoni effettiva fil-proċeduri inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istess partijiet kienu involuti fil-proċeduri msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Merck, C‑231/16, EU:C:2017:771, punt 3132).

67

Fl-aħħar nett, dawn il-proċeduri kellhom l-istess suġġett u l-istess kawżali, jiġifieri l-eventwali teħid tar-responsabbiltà tal-P&I Club fir-rigward tal-Istat Spanjol, skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn il-London P&I Club u l-proprjetarji tal-Prestige, għad-danni kkawżati min-nawfraġju ta’ dan tal-aħħar.

68

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta interpretat l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, iddeċidiet li talba intiża sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu kif ukoll li jiġi kkundannat għad-danni għandha l-istess kawżali u l-istess għan bħall-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva tal-istess konvenut intiża sabiex jiġi deċiż li huwa ma huwiex responsabbli għall-imsemmi dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponka Insurance, C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 42 u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schlömp, C‑467/16, EU:C:2017:993, punt 51). Issa, f’dan il-każ, filwaqt li l-azzjonijiet ċivili mressqa fi Spanja kellhom bħala għan b’mod partikolari li l-London P&I Club jinżamm responsabbli f’dan l-Istat Membru, il-proċedura ta’ arbitraġġ li ressaq dan tal-aħħar f’Londra kellha l-għan li tikseb konstatazzjoni negattiva fir-rigward ta’ din l-istess responsabbiltà.

69

Tali ċirkustanzi jikkorrispondu għal sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens li fiha, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita fit-tieni lok tissospendi ex officio tiddeċiedi sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita, u sussegwentement, meta din il-ġurisdizzjoni tiġi stabbilita, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

70

Issa, kif ġie enfasizzat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, it-tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, imfittex minn din id-dispożizzjoni, huwa wieħed mill-għanijiet u mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fi ħdan l-Unjoni.

71

Hija l-qorti adita sabiex tagħti sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li għandha tivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet u tal-għanijiet fundamentali tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tipprevjeni li dawn jiġu evitatati, bħal dak li jikkonsisti fi tmiem il-proċedura ta’ arbitraġġ bi ksur flimkien tal-effett relattiv ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u tar-regoli dwar il-lis alibi pendens previsti fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament. Issa, f’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u mid-dibattiti waqt is-seduta jirriżulta li tali verifika ma seħħet la quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)), u lanqas quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), fejn ebda waħda minn dawn iż-żewġ qrati barra minn hekk ma ressqet talba għal deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

72

F’tali ċirkustanzi, sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tostakola, skont il-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru u li tinkorpora t-termini ta’ sentenza ta’ arbitraġġ ma tikkostitwixxix sentenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta deċiżjoni li twassal għal riżultat ekwivalenti għal dak ta’ din is-sentenza ma setgħetx tiġi adottata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru mingħajr ma tikser id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-effett relattiv ta’ klawżola ta’ arbitraġġ imdaħħla fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni u r-regoli dwar lis alibi pendens li jinsabu fl-Artikolu 27 tiegħu, meta din is-sentenza b’hekk ma tkunx f’dan il-każ tista’ tostakola, f’dak l-Istat Membru, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor.

Fuq it-tielet domanda

74

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn il-punt 3 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, jippermetti li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor jiġi rrifjutat minħabba li tkun kontra l-ordni pubbliku għar-raġuni li din id-deċiżjoni tikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din id-deċiżjoni.

75

F’dan ir-rigward, mir-risposta għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li, f’dan il-każ, l-inapplikabbiltà tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għas-sentenza msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza tirriżulta mill-fatt li l-proċeduri ta’ arbitraġġ li taw lok għad-deċiżjoni li din is-sentenza kkonfermat intemmu bi ksur tar-regoli dwar il-lis alibi pendens previsti fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament u l-effett relattiv ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-allegat nuqqas ta’ osservanza ta’ din is-sentenza permezz tad-digriet ta’ eżekuzzjoni tal‑1 ta’ Marzu 2019, imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li seħħ fi proċeduri li l-imsemmija sentenza kkonċernata nnifisha naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, jista’ jikkostitwixxi ksur tal-ordni pubbliku fir-Renju Unit.

77

Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett sa fejn jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant huwa għandu japplika biss f’każijiet eċċezzjonali (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-użu tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” huwa eskluż meta l-problema mqajma tkun dik tal-kompatibbiltà ta’ sentenza barranija ma’ sentenza nazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann, 145/86, EU:C:1988:61, punt 21).

79

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu u osserva l-Gvern Franċiż, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza mogħtija preċedentement u, b’mod partikolari, dik tan-natura irrikonċiljabbli tas-sentenza li għandha tiġi rrikonoxxuta ma’ din is-sentenza deċiżjoni permezz tal-punti 3 u 4 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, u b’hekk jeskludi l-possibbiltà li jsir rikors, f’dan ir-rigward, għall-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 34.

80

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn il-punt 3 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor ma jistax jiġi rrifjutat minħabba li hija kontra l-ordni pubbliku peress li din id-deċiżjoni tikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din is-sentenza.

Fuq l‑ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru u li tinkorpora t-termini ta’ sentenza ta’ arbitraġġ ma tikkostitwixxix sentenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta deċiżjoni li twassal għal riżultat ekwivalenti għal dak ta’ din is-sentenza ma setgħetx tiġi adottata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru mingħajr ma tikser id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-effett relattiv ta’ klawżola ta’ arbitraġġ imdaħħla fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni u r-regoli dwar lis alibi pendens li jinsabu fl-Artikolu 27 tiegħu, meta din is-sentenza b’hekk ma tkunx f’dan il-każ tista’ tostakola, f’dak l-Istat Membru, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor.

 

2)

Il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn il-punt 3 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor ma jistax jiġi rrifjutat minħabba li hija kontra l-ordni pubbliku peress li din id-deċiżjoni tikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din is-sentenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.