SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Fond ta’ Koeżjoni – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Finanzjament mill-Unjoni Ewropea – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Ftehim ta’ sussidju – Fondi ttrasferiti lill-benefiċjarju f’kont ta’ bank fallut – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma teskludix dawn il-fondi mill-massa fallimentari ta’ dan il-bank”

Fil-Kawża C‑698/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

Gmina Wieliszew

vs

Syndyk masy upadłości Spółdzielczego Banku Rzemiosła i Rolnictwa w Wołominie w upadłości likwidacyjnej,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tas-Sitt Awla, u I. Ziemele, Imħallef,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Barcew u J. Hradil, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5), tal-Artikoli 3 u 4, tal-Artikolu 57(1) u tal-Artikoli 70 u 80 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25 u rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 423/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom (ĠU 2012, L 133, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1083/2006”), kif ukoll il-punt 15 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 37(1), tal-Artikolu 66, tal-Artikolu 67(1), tal-Artikolu 74(1) u tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Gmina Wieliszew (il-Komun ta’ Wieliszew, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Komun”) u s-Syndyk masy upadłości Spółdzielczego Banku Rzemiosła i Rolnictwa w Wołominie w upadłości likwidacyjnej (l-istralċjatur fil-proċedura ta’ falliment ta’ bank kooperattiv tal-artiġjanat u tal-agrikoltura) dwar l-esklużjoni tas-somma ta’ 2439814 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 500000), li l-komun kien iddepożita fil-kont ta’ dan il-bank, tal-massa fallimentari ta’ dan tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal-Unjoni

Il‑Protokoll

3

Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), “[i]l-proprjetà u l-assi ta’ l-Unjoni [Ewropea] ma jkunu suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]”.

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005

4

L-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26 u r-rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23), kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “nefqa pubblika” bħala “kull kontribut pubbliku għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet li joriġina mill-baġit tal-Istat, tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, tal-Komunitajiet Ewropej u kull nefqa simili. Kull kontribut għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet li joriġina mill-baġit ta’ korpi pubbliċi legali jew assoċjazzjonijiet ta’ awtorità reġjonali jew lokali waħda jew aktar jew korpi pubbliċi legali fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) għandhom jitqiesu bħala kontribut pubbliku”.

5

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“Il-FAEŻR għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp rurali sostenibbli fil-Komunità kollha b’mod komplementari għal-linji ta’ politika ta’ appoġġ għas-suq u għad-dħul tal-Politika Agrikola Komuni, għall-Politika ta’ Koeżjoni u għall-Politika Komuni tas-Sajd.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament kien jistabbilixxi:

“L-appoġġ għall-iżvilupp rurali għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-kompetittività tal-agrikoltura u l-foresterija permezz ta’ appoġġ għar-ristritturazzjoni, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

b)

it-titjib tal-ambjent u l-kampanja permezz ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-art;

(c)

it-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u l-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika.”

7

L-Artikolu 15(1) tal-istess regolament kien jipprovdi:

“Il-FAEŻR għandu jaġixxi fl-Istati Membri permezz ta’ programmi għall-iżvilupp rurali. Dawn il-programmi jimplimentaw strateġija ta’ żvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri magħquda flimkien skont l-assi definiti fit-Titolu IV, li għall-kisba tagħhom ser titfittex għajnuna mill-FAEŻR.

Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jkopri perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2013.”

8

L-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 kien ifformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli relatati mad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikoli 43 u 49 [KE], l-Istat Membru għandu jiżgura li operazzjoni ta’ investiment iżżomm il-kontribut tal-FAEŻR jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, ma tgħaddix minn modifika sostanzjali li:

a)

taffetwa n-natura jew il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha jew tagħti vantaġġ mhux debitu lil xi impriża jew korp pubbliku;

(b)

tirriżulta minn bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, jew mill-waqfien jew ir-rilokazzjoni ta’ attività produttiva.”

Ir-Regolament Nru 1083/2006

9

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1083/2006 “jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FES) (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Fondi Strutturali”) u l-Fond ta’ Koeżjoni”.

10

L-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament kien jispeċifika:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

[…]

5)

‘infiq pubbliku’: kull kontribuzzjoni pubblika għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet li l-oriġini tagħhom ikun il-baġit ta’ l-Istat, ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali, tal-Komunitajiet Ewropej li tkun relatata mal-Fondi Strutturali u mal-Fond ta’ Koeżjoni u kwalunkwe nfiq simili ieħor. Kull kontibuzzjoni għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet li joriġinaw mill-baġit ta’ korpi regolati mid-dritt pubbliku jew ta’assoċjazżonijiet ta’ waħda jew iżjed mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali […] għandhom jiġu meqjusa bħala nfiq simili”.

11

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Objettivi”, kien jipprevedi:

“1.   L-azzjoni meħuda mill-Komunità taħt l-Artikolu 158[KE] għandha tkun imfassla sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mkabbra sabiex jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli tal-Komunità. Din l-azzjoni għandha tittieħed bl-għajnuna tal-Fondi, tal-Bank Ewropew ta’ l-Investment (BEI) u strumenti finanzjarji oħra eżistenti. Hija għandha tkun immirata sabiex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li żviluppaw b’mod partikolari f’pajjiżi u reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u b’rabta mar-ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali u max-xjuħija tal-popolazzjoni.

L-azzjoni meħuda taħt il-Fondi għandha tinkorpora, fil-livelli nazzjonali u reġjonali, il-prijoritajiet Komunitarji favur żvilupp sostenibbli billi jissaħħu t-tkabbir, il-kompetittività, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll bil-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent.

2.   Għal dak il-għan, il-FEŻR, l-FES, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-BEI u l-istrumenti finanzjarji Komunitarji eżistenti l-oħra għandhom kull wieħed jikkontribwixxu bil-mod dovut lejn il-kisba tat-tliet objettivi li ġejjin:

(a)

l-objettiv ta’ Konverġenza, li għandu jkun immirat li jħaffef il-konverġenza ta’ l-Istati Membri u r-reġjuni l-inqas żviluppati billi jiġu mtejba l-kondizzjonijiet għat-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ żieda u titjib fil-kwalità ta’ l-investment f’kapital fiżiku u uman, ta’ l-iżvilupp ta’ l-innovazzjoni u tas-soċjetà tat-tagħrif, ta’ l-adattabbiltà għal bidliet ekonomiċi u soċjali, tal-protezzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent, u ta’ l-effiċjenza amministrattiva. Dan l-objettiv għandu jikkostitwixxi l-prijorità tal-[Fondi strutturali u Fond ta’ Koeżjoni];

(b)

l-objettiv ta’ Kompetittività Reġjonali u Impjiegi li għandu, barra r-reġjuni l-anqas żviluppati, ikun immirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u ta’ l-attrazzjoni tar-reġjuni kif ukoll ta’ l-impjiegi billi jantiċipa l-bidliet ekonomiċi u soċjali, inklużi dawk marbuta mal-ftuħ tal-kummerċ, billi jżid u jtejjeb il-kwalità ta’ l-investiment fil-kapital uman, permezz ta’ l-innovazzjoni u l-promozzjoni tas-soċ‐ jetà tat-tagħrif, ta’ l-imprenditorjat, tal-protezzjoni u tat-titjib ta’ l-ambjent, u t-titjib ta’ l-aċċessibbiltà, ta’ l-adattabbiltà tal-ħaddiema u tan-negozji kif ukoll l-iżvilupp ta’ swieq inklużivi ta’ impjiegi; u

(ċ)

l-objettiv ta’ Koperazzjoni Territorjali Ewropea li għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tal-koperazzjoni transkonfinali permezz ta’ inizjattivi lokali u reġjonali konġunti, it-tisħiħ tal-koperazzjoni transnazzjonali permezz ta’ azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat marbut mal-prijoritajiet Komunitarji, u t-tisħiħ tal-koperazzjoni interreġjonali u l-iskambju ta’ esperjenzi fil-livell territorjali xieraq.

3.   Taħt it-tliet objettivi msemmija fil-paragrafu 2, l-għajnuna mill-Fondi għandha, skond in-natura tagħhom, tqis il-karatteristiċi ekonomiċi u soċjali speċifiċi, min-naħa waħda, u l-karatteristiċi territorjali speċifiċi, min-naħa l-oħra. L-għajnuna għandha, b’mod dovut, issostni l-iżvilupp urban sostenibbli b’mod partikolari bħala parti mill-iżvilupp reġjonali u t-tiġdid taż-żoni rurali u taż-żoni li jiddependu fuq is-sajd permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika. L-għajnuna għandha ssostni wkoll dawk iż-żoni milqutin minn żvantaġġi ġeografiċi jew naturali li jkomplu jkabbru l-problemi ta’ żvilupp, b’mod partikolari fir-reġ‐juni l-aktar estremi kif imsemmija fl-Artikolu 299(2) [KE] kif ukoll l-inħawi tat-Tramuntana li għandhom densità baxxa ħafna ta’ popolazzjoni, ċerti gżejjer u Stati Membri gżejjer, u żoni muntanjużi.”

12

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Strumenti u missjonijiet”, kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Fondi għandhom jikkontribwixxu, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolawh, lejn il-kisba tat-tliet objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2) kif ġej:

(a)

l-objettiv ta’ Konverġenza: il-FEŻR, il-FES u l-Fond ta’ Koeżjoni;

(b)

l-objettiv ta’ Kompetittività Reġjonali u Impjiegi: il-FEŻR u l-FES;

(ċ)

l-objettiv ta’ Koperazzjoni Territorjali Ewropea: il-FEŻR.”

13

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-baġit tal-Unjoni Ewropea allokat lill-Fondi għandu jiġi implimentat fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea.

14

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“L-Istat Membru jew l-awtorità ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li operazzjoni li tinkludi investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv tibqa’ żżomm il-kontribuzzjoni mill-Fondi biss jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin qabel it-tlestija tagħha, ma ġġarrabx modifika sostanzjali kkawżat minn bidla fid-dritt ta’ proprjetà ta’ xi element ta’ infrastruttura jew mill-waqfien ta’ xi attività produttiva u li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jew tagħti lil xi kumpannija jew korp pubbliku xi vantaġġ mhux dovut.”

15

L-Artikolu 70(1) u (2) tal-imsemmi regolament kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

li jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b’mod effettiv;

(b)

li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.   Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.”

16

L-Artikolu 80 tal-istess regolament kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b’effett ekwivalenti m’għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji.”

Ir-Regolament Nru 1303/2013

17

Skont l-Artikolu 152(1) u (2) tar-Regolament Nru 1303/2013:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil‑31 ta’ Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l‑31 ta’ Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu l-assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti kbar.

2.   L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006

għandhom jibqgħu validi.”

18

L-Artikolu 153(1) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 152, ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 huwa revokat b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013

19

L-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487), jipprovdi li dan l-aħħar regolament għandu jkompli japplika għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni bis-saħħa tiegħu qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013

20

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83):

“Ħlief fejn espliċitament previst mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni, pagamenti relatati mal-finanzjament imsemmi f’dan ir-Regolament għandhom jiġu żburżati b’mod sħiħ lill-benefiċjarji.”

21

L-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi:

“1.   L-approprjazzjonijiet meħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-infiq imsemmi fl-Artikolu 5 għandhom isiru disponibbli għall-Istati Membri fl-għamla ta’ prefinanzjament, pagamenti interim u l-pagament ta’ bilanċ, kif deskritt f’din it-Taqsima.

2.   It-total konġunt ta’ prefinanzjament u ta’ pagamenti interim ma għandux ikun aktar minn 95 % tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għal kull programm tal-iżvilupp rurali.

[…]”

22

Skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, “[w]ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm ta’ żvilupp rurali, ammont inizjali ta’ prefinanzjament għall-perijodu sħiħ tal-ipprogrammar għandu jitħallas mill-Kummissjoni lill-Istat Membru”. Skont l-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagamenti intermedji sabiex tirrimborsa l-infiq magħmul mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. Fir-rigward tal-ħlas tal-bilanċ, l-Artikolu 37(1) u (2) tal-istess regolament jippreċiża li dan għandu jsir mill-Kummissjoni wara li tirċievi l-aħħar rapport annwali ta’ avvanz dwar l-implimentazzjoni ta’ programm tal-iżvilupp rurali. Dan l-Artikolu 37(2) jindika li dan il-ħlas isir mhux iktar tard minn sitt xhur wara li l-Kummissjoni tirċievi ċerta informazzjoni u dokumenti msemmija fl-imsemmi Artikolu 37(1) u l-approvazzjoni tal-aħħar kont annwali.

23

L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi:

“1.   Għal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu reġistrati, fil-mument tat-talba għal irkupru, fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti.

2.   Jekk ma jsirx irkupru fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għal irkupru, jew fi żmien tmien snin fejn l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandu jġarrabhom l-Istat Membru konċernat u 50 % għandhom jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru konċernat għandu jsegwi proċeduri ta’ rkupru b’konformità mal-Artikolu 58.

Fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, jiġi rreġistrat in-nuqqas ta’ kwalunkwe irregolarità permezz ta’ strument amministrattiv jew legali ta’ natura aħħarija, l-Istat Membru konċernat għandu jiddikjara bħala nfiq dovut lill-Fondi l-piż finanzjarju li huwa jkollu jagħmel tajjeb għalih skont l-ewwel subparagrafu.

Madankollu, jekk, għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat Membru konċernat, ma jkunx possibbli li l-irkupru jseħħ sal-iskadenza speċifikata fl-ewwel subparagrafu u jekk lammont li jrid jiġi rkuprat jaqbeż il-EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenza b’perjodu li ma jkunx itwal min-nofs il-perjodu oriġinali.

3.   Għal raġunijiet ġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux irkupru. Deċiżjoni b’dan l-effett tista’ tittieħed biss fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk l-ispejjeż diġà magħmula u li x’aktarx ikunu magħmula jlaħħqu aktar mill-ammont li jkollu jiġi rkuprat, liema kondizzjoni għandha titqies li ġiet issodisfatta

i)

l-ammont li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju fil-kuntest ta’ pagament individwali għal skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ, mingħajr l-imgħax, ma jaqbiżx EUR 100; jew

(ii)

l-ammont li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju fil-kuntest ta’ pagament individwali għal skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ, mingħajr l-imgħax, ikun bejn EUR 100 EUR u EUR 150 u l-Istat Membru konċernat japplika limitu daqs jew ogħla mill-ammont li għandu jiġi rkuprat skont il-liġi nazzjonali tiegħu biex ma jiġux imfittxija djun nazzjonali.

b)

jekk l-irkupru jirriżulta impossibbli minħabba l-insolvenza, irreġistrata u rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew il-persuni legalment responsabbli mill-irregolarità.

Fejn id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tittieħed qabel ma l-ammont dovut ikun ġie soġġett għar-regoli msemmija fil-paragrafu 2, il-konsegwenza finanzjarja ta’ nuqqas ta’ rkupru għandha tkun imġarrba mill-baġit tal-Unjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fil-kontijiet annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni skont il-punt (c)(iv) tal-Artikolu 102(1) l-ammonti li jkollhom jagħmlu tajjeb għalihom huma skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tara li dan ikun sar u tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 51.

5.   Il-Kummissjoni tista’, kemm-il darba l-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3) tkun ġiet segwita, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu minn finanzjament mill-Unjoni somom a karigu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet li ġejjin:

a)

jekk l-Istat Membru ma jkunx ħares il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

jekk hi tqis li d-deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru li ma jfittixx l-irkupru skont il-paragrafu 3 mhijiex ġustifikata;

(c)

jekk hi tqis li l-irregolarità jew in-nuqqas ta’ rkupru jkunu rriżultat ta’ irregolarità jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew lil korp uffiċjali ieħor tal-Istat Membru.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2).”

24

L-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji fejn jinkixfu irregolaritajiet jew negliġenza f’operazzjonijiet jew fi programmi ta’ żvilupp rurali billi jikkanċellaw għal kollox jew parzjalment il-finanzjament mill-Unjoni konċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR.

Ammonti ta’ finanzjament mill-Unjoni mill-FAEŻR li jkunu kkanċellati u ammonti rkuprati, kif ukoll l-imgħaxijiet fuqhom, għandhom jiġu riallokati għall-programm konċernat. Madankollu, il-fondi tal-Unjoni kanċellati jew irkuprati ma jistgħux jerġgħu jintużaw mill-Istati Membri ħlief għal operazzjoni taħt l-istess programm ta’ żvilupp rurali u bil-kondizzjoni li l-fondi ma jiġux riallokati għal operazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ aġġustament finanzjarju. Wara l-għeluq ta’ programm ta’ żvilupp rurali, l-Istat Membru għandu jagħti lura s-somom irkuprati lill-baġit tal-Unjoni.”

25

L-Artikolu 58(1)(e) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-PAK, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:

[…]

e)

jirkupraw pagamenti mhux dovuti flimkien mal-imgħaxijiet, u jressqu proċediment legali għal dak il-għan, kif meħtieġ.”

Id‑dritt Pollakk

26

Skont l-Artikolu 61 tal-ustawa z dnia 28 lutego 2003 r. – Prawo upadłościowe (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Falliment, tat‑28 ta’ Frar 2003) (Dz. U. tal-2020, Nru 60, intestatura 1228, iktar ’il quddiem l-“u.p.u.”):

“Mid-data tad-dikjarazzjoni ta’ falliment, il-patrimonju tal-fallut isir il-massa fallimentari, li sservi sabiex jitħallsu l-kredituri tiegħu.”

27

Skont l-Artikolu 63(1) tal-u.p.u., ma jidħolx fil-massa fallimentari kull oġġett eskluż mill-eżekuzzjoni furzata skont id-dispożizzjonijiet tal-ustawa z dnia 17 listopada 1964 r. – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, tas‑17 ta’ Novembru 1964) (Dz. U. tal‑2020, intestatura 1575, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”).

28

L-Artikolu 70 tal-u.p.u. jipprovdi:

“L-oġġetti li ma jappartjenux għall-patrimonju tal-fallut huma esklużi mill-massa fallimentari.”

29

Il-punt 2a tal-Artikolu 831(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Ma jistgħux ikunu is-suġġett ta’ eżekuzzjoni furzata:

[…]

2a) il-fondi li ġejjin minn programmi ffinanzjati bil-kontribuzzjoni mill-fondi msemmija fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 5(1) tal-ustawa z dnia 27 sierpnia 2009 r. o finansach publicznych (il-Liġi dwar il-Finanzi Pubbliċi, tas‑27 ta’ Awwissu 2009) (Dz. U. tal‑2019, intestatura 869, hekk kif immodifikata), imħallsa bil-quddiem, ħlief jekk il-kreditu li huwa s-suġġett tal-miżura ta’ eżekuzzjoni joriġina mill-implimentazzjoni tal-proġett li għalih kienu intiżi dawn il-fondi”.

30

Il-punti 2, 2a u 3 tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-Finanzi Pubbliċi jistabbilixxu:

“Huma kkunsidrati bħala fondi pubbliċi:

[…]

2) il-fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u l-fondi mhux rimborsabbli mħallsa abbażi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA);

2a) il-fondi msemmija fl-Artikolu 3b tal-ustawa z dnia 6 grudnia 2006 r. o zasadach prowadzenia polityki rozwoju (il-Liġi dwar il-prinċipji li jirregolaw il-Politika tal-Iżvilupp, tas‑6 ta’ Diċembru 2006) (Dz. U. tal‑2018, intestaturi 1307 u 1669);

3) il-fondi mhux rimborsabbli li ġejjin minn sorsi barranin, minbarra dawk imsemmija fil-punt 2”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

31

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-komun ibbenefika, abbażi ta’ tliet ftehimiet ta’ sussidju (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“ftehimiet ta’ sussidju”) li huwa kien ikkonkluda mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mill-fondi rċevuti minn dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tat-twettiq ta’ proġetti kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

32

L-ewwel ftehim ta’ sussidju ġie konkluż fis‑26 ta’ Mejju 2014 sabiex jiġi ffinanzjat proġett fil-kuntest tal-programm operattiv “Ekonomija innovattiva”, għall-perijodu 2007–2013, imwettaq bl-appoġġ tal-FEŻR. L-ispiża totali eliġibbli ta’ dan il-proġett kienet tammonta għal PLN 1014473 (madwar EUR 210000) u setgħet tiġi kkofinanzjata sa 85 % mill-baġit tal-Unjoni. Minn dan il-ftehim jirriżulta, minn naħa, li l-kontribuzzjoni pubblika kellha tingħata fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż eliġibbli sostnuti u/jew fil-forma ta’ antiċipi, u, min-naħa l-oħra, li l-benefiċjarju kellu jiżgura l-implimentazzjoni kif ukoll il-permanenza tal-imsemmi proġett matul il-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1083/2006 u kien obbligat jirrimborsa l-fondi f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal dak ta’ użu abbużiv tal-fondi.

33

It-tieni ftehim ta’ sussidju, konkluż fit‑28 ta’ Awwissu 2014, kien jirrigwarda l-finanzjament ta’ proġett taħt l-azzjoni “Servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali”, fil-kuntest tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007–2013, sostnut mill-FAEŻR. Il-komun kiseb għajnuna ta’ PLN 2335084 (madwar EUR 480000), fil-limitu massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli sostnuti għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan il-proġett. Bħall-ewwel ftehim, it-tieni ftehim kien jimponi fuq il-benefiċjarju obbligu ta’ rimbors tal-fondi f’ċerti sitwazzjonijiet u kien jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-imsemmi proġett.

34

Dispożizzjonijiet simili kienu previsti mit-tielet ftehim ta’ sussidju, konkluż fit‑8 ta’ Settembru 2014, li kien jirrigwarda l-finanzjament ta’ proġett fil-kuntest tal-programm operattiv “Infrastruttura u Ambjent”, għall-perijodu 2007–2013, sostnut mill-Fond ta’ Koeżjoni. L-ispiża totali eliġibbli ta’ dan il-proġett kienet tammonta għal PLN 5107 639.40 (madwar EUR 1000000). Din is-somma kellha titħallas lill-benefiċjarju fil-forma ta’ antiċipi, segwiti minn pagamenti intermedji u minn pagament finali.

35

Is-somom kollha mħallsa lill-komun mill-awtoritajiet nazzjonali skont il-ftehimiet ta’ sussidju ġew iddepożitati fuq kontijiet li huwa kellu mal-iSpółdzielczy Bank Rzemiosła i Rolnictwa w Wołominie (bank kooperattiv tal-artiġjanat u tal-agrikoltura, iktar ’il quddiem il-“bank”).

36

Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Diċembru 2015, il-bank kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment.

37

Il-komun talab lill-imħallef-superviżorju sabiex jeskludi s-somom li huwa kien irċieva fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ sussidju tal-massa fallimentari tal-bank, iżda r-rikors tiegħu ġie miċħud permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Marzu 2016. Il-komun għalhekk ippreżenta rikors intiż sabiex jikseb din l-esklużjoni quddiem is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja). Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Frar 2017. Peress li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) ċaħdet, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, l-appell ippreżentat mill-komun kontra din l-aħħar sentenza, dan appella fil-kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju.

38

Din tal-aħħar tistaqsi dwar l-eżitu tas-somom imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, hija tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tali somom, li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni, ma humiex esklużi mill-massa fallimentari tal-bank li miegħu ġew iddepożitati, peress li din il-leġiżlazzjoni għandha l-effett li tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

39

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li, minħabba d-depożitu tagħhom f’wieħed mill-kontijiet kurrenti tal-bank, is-somom imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza saru l-proprjetà tiegħu u, minħabba f’hekk, daħlu leġittimament fil-massa fallimentari ta’ dan il-bank sabiex jitħallsu lill-kredituri ta’ dan tal-aħħar.

40

Ċertament, skont is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), mill-Artikolu 63 tal-u.p.u, mill-Artikolu 831(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili kif ukoll mill-punti 2 u 3 tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-Finanzi Pubbliċi jirriżulta li s-somom li ġejjin minn fondi pubbliċi, inklużi dawk li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa paċifiku, fid-duttrina u fil-ġurisprudenza Pollakka, li l-esklużjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjonijiet tapplika biss fil-każ fejn il-fallut huwa l-benefiċjarju tal-fondi inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, il-benefiċjarju ma kienx il-bank, iżda l-komun. Konsegwentement, skont l-imsemmija qorti, sabiex jiġi evitat il-qbid tal-fondi kkonċernati, il-komun kellu jżommhom mingħajr ma jħallashom lill-bank, li madankollu ma kienx awtorizzat mill-ftehimiet ta’ sussidju.

41

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li l-komun segwa l-proċedura prevista mid-dritt Pollakk, b’mod partikolari fl-Artikolu 70 tal-u.p.u., sabiex jikseb l-esklużjoni mill-massa fallimentari ta’ oġġetti li, skont din l-awtorità lokali, ma kinux jappartjenu lill-fallut. Madankollu, ir-rikors ippreżentat mill-komun f’dan ir-rigward ma ntlaqax, minħabba li l-bank kien sar proprjetarju tal-fondi ddepożitati mill-benefiċjarju, b’tali mod li dan l-Artikolu 70 ma japplikax għall-kawża prinċipali.

42

Madankollu, il-komun jagħmel parti mill-kredituri tal-bank, peress li l-krediti tiegħu huma rrappreżentati mis-somom li tħallsu lilu skont il-ftehimiet ta’ sussidju. Sabiex jipprova jirkupra dawn is-somom, il-komun għandu għalhekk jiddikjara lill-massa fallimentari tal-bank il-kreditu li huwa għandu fuq l-imsemmija somom. Madankollu, bl-ebda mod ma huwa ggarantit li dan it-tentattiv ta’ rkupru jirnexxi.

43

Skont is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), impossibbiltà eventwali li jiġu rkuprati s-somom inkwistjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 57 u 80 tar-Regolament Nru 1083/2006. Fil-fatt, tali impossibbiltà ma tippermettix li jintlaħaq l-għan segwit mill-ftehimiet ta’ sussidju, jiġifieri li jikkofinanzjaw u għalhekk jirrendu possibbli proġetti ta’ investiment speċifiċi. Barra minn hekk, nuqqas ta’ assenjazzjoni ta’ dawn is-sommom għall-finijiet previsti minn dawn il-ftehimiet jikser dawn il-ftehimiet u jista’ jwassal għall-obbligu tal-benefiċjarju tal-imsemmija sommom li jirrimborsahom.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-[Regolament Nru 1083/2006], u b’mod partikolari l-punt 5 tal-Artikolu 2, l-Artikoli 3, 4, 57(1), 70 u 80 tiegħu, u r-regolament attwali, jiġifieri r-[Regolament Nru 1303/2013], u b’mod partikolari l-punt 15 tal-Artikolu 2 u l-Artikoli 37(1), 66, 67(1), 74(1) u 89(1) tiegħu, għandhom jiġu intepretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil entità, li tkun irċeviet fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, milli tadixxi qorti b’mod effettiv sabiex dawn il-fondi jiġu esklużi mill-massa fallimentari, jekk dawn ikunu tħallsu lejn kont tal-bank miżmum f’bank li sussegwentement ġie ddikjarat fallut, jew leġiżlazzjoni nazzjonali li ma teskludix tali fondi mill-massa fallimentari tal-bank fallut?”

Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa

45

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tar-rinviju tinvoka n-natura tal-proċedura ta’ falliment, l-għan li l-kredituri jitħallsu fl-iqsar żmien possibbli u li b’hekk tingħalaq il-proċedura ta’ falliment tal-bank.

47

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din il-proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 14).

49

F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad it-talba intiża għall-issuġġettar ta’ din il-kawża għal proċedura mħaffa.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, fir-rigward tal-għan li l-kredituri jitħallsu fl-iqsar żmien possibbli u li tingħalaq b’hekk malajr il-proċedura ta’ falliment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li r-rekwiżit tat-trattament ta’ kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’termini qosra ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tiżgura riżoluzzjoni rapida tat-tilwima (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 24).

51

Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju sempliċement sostniet li l-użu tal-proċedura mħaffa kien iġġustifikat bin-“natura” tal-proċedura ta’ falliment, mingħajr ma spjegat kif din in-“natura” teżiġi, fiha nnifisha, trattament ta’ din il-kawża f’termini qosra, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, in-natura ekonomikament jew soċjalment sensittiva ta’ kawża, anki jekk jitqies li hija stabbilita, ma timplikax, waħedha, in-neċessità ta’ trattament fl-iqsar żmien possibbli (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-Mard Komprensiva), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 45).

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq lammissibbiltà

52

Ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) iqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minħabba li l-korp tar-rinviju, kompost minn persuni maħtura bi ksur tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

53

B’mod partikolari, l-ewwel, tali ksur tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni fil-proċedura ta’ ħatra ta’ persuni li jifformaw il-qorti tar-rinviju ma jippermettix li jitqies li dan il-korp jissodisfa l-kriterju li qorti għandha tkun “stabbilita mil-liġi”.

54

It-tieni, l-Ombudsman isostni li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi legali u fattwali kollha marbuta mal-proċess ta’ ħatra ta’ persuni msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza ma tippermettix li jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan il-korp.

55

It-tielet, l-Ombudsman jirrileva li waħda mill-persuni li jifformaw l-Awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija l-Imħallef, bħala Imħallef uniku, li kien adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235) u li, fir-rigward ta’ din il-persuna, huwa kien diġà esprima, fil-kuntest ta’ dik il-kawża, id-dubji tiegħu dwar il-fatt li hija tissodisfa r-rekwiżiti li jippermettu li titqies bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 267, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħalma huma, fost l-oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-imsemmi organu, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 66).

57

Ma huwiex ikkontestat li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħala tali, tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. F’dan il-każ, l-Ombudsman iqajjem pjuttost il-kwistjoni dwar jekk l-Imħallfin li jifformaw il-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li għamlet din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

58

Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 69 tas-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235), u għar-raġunijiet elenkati fil-punti 70 u 71 tal-imsemmija sentenza, sa fejn talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, imfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha.

59

Ċertament, il-preżunzjoni esposta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tista’ tiġi kkonfutata meta deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti nazzjonali jew internazzjonali twassal sabiex jitqies li l-imħallef jew l-imħallfin li jikkostitwixxu l-qorti tar-rinviju ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE,

moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 72).

60

Madankollu, f’dan il-każ, peress li ma nġabitx għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, la fi tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u lanqas, barra minn hekk, waqt is-smigħ tal-kawża, li l-imħallfin li jikkostitwixxu l-kulleġġ ġudikanti tar-rinviju kienu s-suġġett ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja finali, kwalunkwe difetti li setgħu kkontaminaw il-proċedura nazzjonali għall-ħatra tagħhom mhumiex probabbli li jwasslu għall-inammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

61

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-preżunzjoni msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza tapplika biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE. Minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin li jifformaw il-qorti tar-rinviju neċessarjament jippermettu li jiġu ssodisfatti l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 74).

62

Fl-aħħar, għandu jiġi speċifikat li evalwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-punti 57 sa 61 ta’ din is-sentenza tista’ tkun neċessarja f’ċirkustanzi li fihom, lil hinn mis-sitwazzjoni personali tal-imħallef jew tal-imħallfin li formalment jippreżentaw talba skont l-Artikolu 267 TFUE, elementi oħra kellu jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-qorti tar-rinviju li dawn l-imħallfin jagħmlu parti minnha u b’hekk jikkontribwixxu sabiex jiġu ppreġudikati l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 75).

63

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

64

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni, minn naħa, tar-Regolament Nru 1083/2006 u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 1303/2013, li ħassar u ssostitwixxa dan ir-Regolament Nru 1083/2006, u hija intiża sabiex tkun taf jekk dawn ir-regolamenti jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-somom, li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni, riċevuti minn benefiċjarju ta’ programmi kofinanzjati minnha, ma jistgħux, fil-każ ta’ falliment tal-bank li miegħu jkunu ġew iddepożitati, jiġu esklużi mill-massa fallimentari tiegħu.

65

Madankollu, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, jirriżulta li, filwaqt li l-ewwel u t-tielet ftehimiet ta’ sussidju jirrigwardaw proġetti sostnuti, rispettivament, mill-FEŻR u mill-Fond ta’ Koeżjoni, li huma għalhekk b’mod partikolari rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1083/2006, imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1303/2013, it-tieni ftehim ta’ sussidju jirrigwarda programm tal-iżvilupp rurali sostnut mill-FEŻR, b’mod partikolari rregolat mir-Regolament Nru 1698/2005, imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1305/2013, kif ukoll bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1306/2013.

66

Fit-tieni lok, anki jekk il-ftehimiet ta’ sussidju ġew iffirmati wara t-tħassir tar-Regolamenti Nru 1083/2006 u Nru 1698/2005, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2014, dawn jibqgħu suġġetti, skont rispettivament l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 1303/2013 u l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1305/2013, għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regolamenti Nru 1083/2006 u Nru 1698/2005, peress li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-proġetti li huma s-suġġett ta’ dawn il-ftehimiet jikkonċernaw il-perijodu 2007–2013 u ġew approvati abbażi tal-imsemmija Regolamenti Nru 1083/2006 u Nru 1698/2005. Barra minn hekk, sa fejn ir-Regolament Nru 1306/2013 ma jinkludix dispożizzjoni tranżitorja bħall-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1305/2013 u sa fejn, skont l-Artikoli 119 u 121 tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-Regolament Nru 1290/2005 huwa mħassar mill‑1 ta’ Jannar 2014, it-tieni ftehim ta’ sussidju huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1306/2013.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikoli 3, 4, 57, 70 u 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Artikoli 11, 54, 56 u 58 tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll l-Artikolu 2(i), l-Artikoli 3 u 4 kif ukoll l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix lil entità li tkun irċeviet fondi f’kuntest ta’ programmi kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, fejn dawn ikunu tħallsu f’kont miżmum minn bank li sussegwentement ġie ddikjarat fallut, biex tikseb l-esklużjoni ta’ dawn il-fondi mill-massa fallimentari ta’ dan il-bank u, min-naħa l-oħra, ma jipprovdix li ma jiġux esklużi dawk il-fondi minn din il-massa.

68

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-assi li joħorġu mill-baġit tal-Unjoni u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri taħt il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni ma jistgħux jitqiesu, ladarba jitħallsu, bħala assi tal-Unjoni, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Dell’Acqua, C‑370/16, EU:C:2018:344, punt 40).

69

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tar-Regolament Nru 1083/2006, li l-pagamenti imwettqa mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, abbażi tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, jimplikaw trasferiment ta’ assi tal-baġit tal-Unjoni lejn il-baġits tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Dell’Acqua, C‑370/16, EU:C:2018:344, punt 39).

70

Min-naħa l-oħra, mill-Artikoli 34 sa 37 tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li l-pagamenti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-programmi tal-iżvilupp rurali sostnuti mill-FEŻR jimplikaw, huma wkoll, trasferiment ta’ assi bejn il-baġit tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri.

71

Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li s-somom riċevuti mill-komun skont il-ftehimiet ta’ sussidju, imbagħad iddepożitati mal-bank, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala assi tal-Unjoni, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll, li jiġġustifikaw li dawn ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda miżura ta’ restrizzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja mingħajr awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

72

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza ma timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-esklużjoni tas-somom mill-massa fallimentari ta’ bank, għas-sempliċi raġuni li dawn is-somom ġew iddepożitati għand dan il-bank minn benefiċjarju ta’ programm ikkofinanzjat mill-baġit tal-Unjoni.

73

L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, li l-kontenut tiegħu huwa ekwivalenti, essenzjalment, għal dak tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istat Membru jew l-awtorità ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjoni tal-Fond ikkonċernat tibqa’ titgawda minn operazzjoni kkofinanzjata biss jekk, f’terminu ta’ ħames snin mit-twettiq tagħha, din l-operazzjoni ma tkunx suġġetta għal bidla sostanzjali, minn naħa, li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li tirriżulta jew f’bidla fin-natura ta’ appartenenza ta’ element ta’ infrastruttura, jew mill-waqfien ta’ attività ta’ produzzjoni.

74

Issa, l-eżistenza tal-obbligu msemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax minn dan l-Artikolu 57, u lanqas minn dan l-Artikolu 72(1).

75

It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1083/2006, li l-kontenut tiegħu jekwivali, essenzjalment, għal dak tal-Artikoli 54, 56 u 58 tar-Regolament Nru 1306/2013, dan jimponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri obbligu ta’ rimbors tal-ammonti mitlufa mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, meta jiġi stabbilit li t-telf jirriżulta minn nuqqas tagħhom jew negliġenza.

76

Issa, l-eżistenza tal-obbligu msemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 70, u lanqas minn dawk tal-Artikoli 54, 56 u 58 tal-imsemmi regolament.

77

Barra minn hekk, bl-ebda mod ma ġie allegat li r-Repubblika tal-Polonja wettqet nuqqas jew negliġenza fil-ġestjoni jew fil-kontroll tal-programmi operattivi inkwistjoni, li jiġġustifikaw applikazzjoni eventwali tal-imsemmi Artikolu 70.

78

It-tielet, fir-rigward tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1306/2013, minkejja li mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, essenzjalment, li l-benefiċjarji ta’ kontribuzzjoni pubblika għandhom jirċevuha kollha kemm hi, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jimponux, fihom infushom, fuq l-Istati Membri l-obbligu previst fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

79

Mill-kumplament, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-somom inkwistjoni effettivament tħallsu lill-komun mill-awtoritajiet nazzjonali skont il-ftehimiet ta’ sussidju.

80

Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu msemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza la jirriżulta mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1083/2006 u lanqas mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1698/2005. Fil-fatt, dawn l-artikoli jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu, f’termini ġenerali, l-għanijiet, l-istrumenti u l-missjonijiet tal-fondi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1083/2006 kif ukoll il-missjonijiet u l-għanijiet tal-FEŻR.

81

Fl-aħħar, il-ħames, għandu jiġi rrilevat li dan l-obbligu lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1083/2006 u lanqas mill-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 1698/2005, li sempliċement jiddefinixxu l-kunċett ta’ nfiq pubbliku.

82

Ċertament, kif tirrileva, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju, impossibbiltà eventwali li jiġu rkuprati s-somom inkwistjoni tista’ tostakola, f’ċerti każijiet, it-twettiq tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, jew saħansitra twassal għall-obbligu, tal-benefiċjarju ta’ dawn is-somom, li jirrimborsahom.

83

Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li tkun inkompatibbli mal-kliem tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39).

84

Fl-aħħar, għandu jiġi ppreċiżat li l-assenza, jekk ikun il-każ, fid-dritt tal-Unjoni, tal-obbligu msemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza huwa bla ħsara għall-possibbiltà eventwali li jiġu esklużi, skont id-dritt Pollakk, is-somom inkwistjoni mill-massa fallimentari tal-bank.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikoli 3, 4, 57, 70 u 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Artikoli 11, 54, 56 u 58 tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll l-Artikolu 2(i), l-Artikoli 3 u 4 kif ukoll l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix lil entità li tkun irċeviet fondi f’kuntest ta’ programmi kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, fejn dawn ikunu tħallsu f’kont miżmum minn bank li sussegwentement ġie ddikjarat fallut, biex tikseb l-esklużjoni ta’ dawn il-fondi mill-massa fallimentari ta’ dan il-bank u, min-naħa l-oħra, ma jipprovdix li ma jiġux esklużi dawk il-fondi minn din il-massa.

Fuq l‑ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 5 tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikoli 3, 4, 57, 70 u 80 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 423/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012, l-Artikoli 11, 54, 56 u 58 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, kif ukoll l-Artikolu 2(i), l-Artikoli 3 u 4 kif ukoll l-Artikolu 72(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix lil entità li tkun irċeviet fondi f’kuntest ta’ programmi kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, fejn dawn ikunu tħallsu f’kont miżmum minn bank li sussegwentement ġie ddikjarat fallut, biex tikseb l-esklużjoni ta’ dawn il-fondi mill-massa fallimentari ta’ dan il-bank u, min-naħa l-oħra, ma jipprovdix li ma jiġux esklużi dawk il-fondi minn din il-massa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.