SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Artikolu 18(1) u (3) – Punt 3(b) tal-Anness III – Approċċ ibbażat fuq ir-riskju – Evalwazzjoni tar-riskji mwettqa mill-entitajiet marbuta b’obbligu – Identifikazzjoni tar-riskji mill-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu – Miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti – Miżuri ta’ diliġenza msaħħa – Pajjiżi terzi b’riskju għoli ta’ korruzzjoni – Artikolu 13(1)(c) u (d) – Rekwiżiti ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu – Artikolu 14(5) – Kontroll kontinwu fir-rigward tal-klijenti impost fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu – Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni”
Fil-Kawża C‑562/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura
SIA “Rodl & Partner”
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal SIA “Rodl & Partner”, minn J.-C. Pastille, Rechtsanwalt, u L. Rasnačs, advokāts, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Hūna, K. Pommere u V. Soņeca, bħala aġenti, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn J. Etienne, O. Hrstková Šolcová, M. Menegatti u L. Ruppeka-Rupeika, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn D. Ancāne, M. Chavrier, I. Gurov u K. Pleśniak, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas, A. Sauka u T. Scharf, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(c) u (d), tal-Artikolu 14(5), tal-Artikolu 18, tal-Artikolu 60(1) u (2), u tal-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), kif ukoll il-validità tal-Artikolu 14(5) u tal-Artikolu 18(1) u (3) ta’ din id-direttiva. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SIA “Rodl & Partner” u Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar sanzjoni finanzjarja imposta fuq Rodl & Partner għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 1, 22, 30, 43 u 66 tad-Direttiva 2015/849 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdu: “1. Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni.” |
6 |
Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2015/849: “Kull Stat Membru għandu jieħu passi xierqa biex jidentifika, jivvaluta, jifhem u jimmitiga r-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawh, kif ukoll kwalunkwe tħassib marbut mal-protezzjoni tad-data f’dak ir-rigward. Għandu jżomm il-valutazzjoni tar-riskju aġġornat.” |
7 |
L-Artikolu 8(1) sa (2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta’ fatturi ta’ riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, [s]ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu. 2. Il-valutazzjonijiet tar-riskju imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati, jinżammu aġġornati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi awtoregolatorji rilevanti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati mhumiex meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u jinftiehmu.” |
8 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
[…]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 13(1) u (4) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “1. Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu: […]
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri huma xierqa fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati.” |
10 |
L-Artikolu 14(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha iżda anki fi żminijiet xierqa għall-klijenti eżistenti fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju, inklużi fi żminijiet meta jinbidlu ċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ klijent partikolari.” |
11 |
Skont l-Artikolu 18(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva: “1. Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli 19 sa 24, u fit-trattament ta’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi terzi, identifikati mill-Kummissjoni bħala pajjiżi terzi b’riskju kbir, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b’obbligu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa biex jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji kif xieraq. […] 2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jeżaminaw, sa fejn dan ikun raġonevolment possibbli, l-isfond u l-għan tat-transazzjonijiet kollha li jkunu kumplessi u kbar b’mod mhux tas-soltu, u t-tipi kollha tat-transazzjonijiet mhux tas-soltu, li ma jidher li jkollhom l-ebda għan ekonomiku jew legali. B’mod partikolari, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżidu l-grad u n-natura tal-monitoraġġ tar-relazzjoni ta’ negozju, sabiex jiddeterminaw jekk dawk it-transazzjonijiet jew attivitajiet jidhrux suspettużi. 3. Meta jivvalutaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu kont tal-inqas ta’ dawk il-fatturi ta’ sitwazzjonijiet b’potenzjal ta’ riskju ogħla indikati fl-Anness III.” |
12 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet obbligati jżommu d-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin f’konformità mal-liġi nazzjonali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni, mill-UIF [l-Unità ta’ Informazzjoni Finanzjarja] jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn, ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu possibbli:
|
13 |
L-Artikolu 60(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva li ma jistax isir appell kontriha għandha tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom immedjatament wara li l-persuna sanzjonata tiġi mgħarrfa b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li japplikaw dan is-subparagrafu għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigatorja. […] 2. Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jista’ jsir appell kontrihom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippubblikaw minnufih din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta’ dan l-appell fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom. Barra minn hekk, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti biex tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva.” |
14 |
L-Anness III tal-imsemmija direttiva jinkludi “lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi u tipi ta’ evidenza ta’ riskju potenzjalment ogħla msemmi fl-Artikolu 18(3)”, peress li din il-lista tinkludi tliet kategoriji, jiġifieri l-“fatturi ta’ riskju tal-klijenti” (punt 1), il-“fatturi ta’ riskju tal-prodotti, is-servizzi, it-transazzjonijiet jew il-kanali tad-distribuzzjoni” (punt 2) u l-“fatturi ta’ riskju ġeografiċi” (punt 3). Fost dawn il-fatturi ta’ riskju tal-aħħar hemm, fil-punt 3(b) ta’ dan l-istess anness, il-“pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b’livelli sinifikanti ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra”. |
Id‑dritt Latvjan
15 |
In-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u tal-Proliferazzjoni), tas‑17 ta’ Lulju 2008 (Latvijas Vēstnesis, 2008, Nru 116), ġiet emendata sabiex, b’mod partikolari, tittrasponi d-Direttiva 2015/849 fl-ordinament ġuridiku Latvjan. |
16 |
Din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prevenzjoni”), tipprovdi, fl-Artikolu 6(1) u (12) tagħha: “(1) L-entità marbuta b’obbligu, skont it-tip ta’ attività tagħha, għandha twettaq u tiddokumenta l-evalwazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu sabiex tidentifika, tevalwa, tifhem u tamministra dawn ir-riskji inerenti għall-attivitajiet u l-klijenti tagħha u, abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, tistabbilixxi sistema ta’ kontroll intern intiża għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż billi tiżviluppa u tiddokumenta l-politika u l-proċeduri rilevanti li huma approvati mill-bord tad-diretturi tagħha, jekk dan tal-aħħar ikun ġie nnominat, jew, fejn applikabbli, minn korp ta’ direzzjoni ieħor tal-entità marbuta b’obbligu. […] (12) L-entità marbuta b’obbligu, meta twettaq l-evalwazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u tfassal is-sistema ta’ kontroll intern, għandha tieħu minn tal-inqas inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin li għandhom effett fuq ir-riskji:
|
17 |
L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “L-entità marbuta b’obbligu għandha tevalwa regolarment, għall-inqas darba kull 18-il xahar, l-effettività tal-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern, b’mod partikolari billi teżamina u taġġorna l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu marbut mal-klijent, mal-pajjiż ta’ residenza tiegħu (stabbiliment), mal-attività ekonomika jew personali tal-klijent, mas-servizzi u l-prodotti użati u mal-konnessjonijiet ta’ provvista tagħhom kif ukoll mat-tranżazzjonijiet imwettqa u, jekk ikun meħtieġ, timplimenta miżuri intiżi sabiex itejbu l-effiċjenza tas-sistema ta’ kontroll intern, inklużi [dawk intiżi sabiex] jeżaminaw mill-ġdid u jippreċiżaw l-politika u l-proċeduri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
18 |
Rodl & Partner hija kumpannija kummerċjali stabbilita fil-Latvja, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ kontabbiltà, ta’ żamma ta’ kotba tal-kontijiet u ta’ awditi kif ukoll ta’ servizzi ta’ konsulenza fiskali. Hija għandha l-kwalità ta’ “entità marbuta b’obbligu” fis-sens tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni. |
19 |
Matul il-perijodu bejn it‑3 ta’ April u s‑6 ta’ Ġunju 2019, Rodl & Partner kienet suġġetta għal kontroll mill-VID fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, li ta lok għat-tfassil ta’ rapport inizjali, fit‑3 ta’ April 2019, imbagħad ta’ rapport definittiv, fis‑6 ta’ Ġunju 2019. Ir-rapport tat‑3 ta’ April 2019 wera, minn naħa, li s-sistema ta’ kontroll intern stabbilita minn Rodl & Partner sabiex tosserva r-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi dwar il-Prevenzjoni kienet tippreżenta ċerti irregolaritajiet u, min-naħa l-oħra, li Rodl & Partner, bħala entità marbuta b’obbligu, kienet astjeniet, bi ksur tar-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, milli twettaq u tiddokumenta evalwazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu f’dak li jirrigwarda żewġ klijenti tagħha, jiġifieri l-fondazzjoni IT izglītības fonds u RBA Consulting SIA. Fil-fatt, il-VID ikkunsidrat li dawn iż-żewġ klijenti kienu jippreżentaw riskju għoli ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u li, għaldaqstant, Rodl & Partner kellha tadotta miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tagħhom. |
20 |
B’hekk, fir-rigward tal-fondazzjoni IT izglītības fonds, il-VID irrilevat, l-ewwel, li din kienet organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li, bħala tali, kienet partikolarment vulnerabbli u setgħet tintuża illegalment għal finijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif jirriżulta minn rapport ippubblikat min-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas novēršanas dienests (is-Servizz tal-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus, il-Latvja); it-tieni, li d-direttur impjegat ta’ din il-fondazzjoni li kien iffirma, fis‑7 ta’ Marzu 2017, id-dikjarazzjoni ta’ identità tagħha kien ċittadin tal-Federazzjoni Russa, pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni; u, it-tielet, li l-imsemmija fondazzjoni kienet indikat bħala benefiċjarja effettiva l-kumpannija Latvjana kollha kemm hi, fatt li kien imur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. |
21 |
Fir-rigward ta’ RBA Consulting, il-VID ikkonstatat li din kienet wettqet tranżazzjonijiet finanzjarji ma’ kumpannija miżmuma fil-parti l-kbira minn kumpannija stabbilita fil-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, filwaqt li l-VID kienet talbet lil Rodl & Partner tippreżentalha kopja tal-kuntratt li fuqu huma bbażati dawn it-tranżazzjonijiet, l-entità marbuta b’obbligu ma laqgħetx din it-talba, filwaqt li spjegat biss li hija kienet ħadet konjizzjoni tal-oriġinal tal-imsemmi kuntratt fil-bini ta’ RBA Consulting. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2019, id-direttur tal-VID ikkundanna lil Rodl & Partner għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 3000 għal ksur tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-fondazzjoni IT izglītītības fonds u RBA Consulting. B’kuntrast ma’ dan, peress li r-rapport finali ta’ spezzjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2019 ikkonstata li l-irregolaritajiet li jivvizzjaw is-sistema ta’ kontroll intern kienu ġew ikkoreġuti, ebda ksur ma ġie kkonstatat f’dan ir-rigward. Fil‑11 ta’ Awwissu 2019, il-VID ippubblikat fuq is-sit internet tagħha informazzjoni dwar l-okkorrenzi ta’ ksur imwettqa minn Rodl & Partner kif stabbiliti minn din id-deċiżjoni. |
23 |
Wara appell amministrattiv ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni, din ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-VID tat‑13 ta’ Novembru 2019. |
24 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, Rodl & Partner adixxiet lill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), il-qorti tar-rinviju, b’azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2019 u sabiex il-VID tiġi ordnata tirtira l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet tagħha dwar is-sanzjoni imposta. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li la l-Liġi dwar il-Prevenzjoni u lanqas id-Direttiva 2015/849 ma jipprevedu li NGO tikkostitwixxi, permezz tal-forma ġuridika tagħha, każ ta’ riskju ogħla fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, li għandu jkun suġġett, minħabba dan is-sempliċi fatt, għal diliġenza msaħħa min-naħa tal-entitajiet marbuta b’obbligu. Bl-istess mod, ebda wieħed mill-kriterji li jistgħu jikkaratterizzaw riskju ġeografiku ogħla, stipulati fil-Linji Gwida għal Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskji għall-Professjoni tal-Kontabbiltà [Guidance for a Risk-based Approach for the Accounting Profession], ippubblikati mill-GAFI, ma jirrigwarda n-nazzjonalità tal-impjegat ta’ klijent. Għalhekk, skont dik il-qorti, fil-każ li l-VID tqis, bħala awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni, li entità marbuta b’obbligu għandha tadotta diliġenza msaħħa fil-każijiet kollha fejn il-klijent huwa NGO jew fejn wieħed mill-impjegati tiegħu, mingħajr ma jkun il-benefiċjarju effettiv tal-imsemmi klijent fis-sens ta’ din id-direttiva, ikun ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali rekwiżit, mhux previst mil-liġi, huwiex eċċessiv u sproporzjonat u, għaldaqstant, mhux konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif previst fl-Artikolu 5 TUE. |
26 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Federazzjoni Russa ma hijiex pajjiż b’riskju għoli peress li la tidher fil-lista tal-pajjiżi b’riskju għoli, ippubblikata mill-GAFI, u lanqas f’dik ta’ pajjiżi terzi li l-mezzi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma insuffiċjenti, adottata mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, dik il-qorti tindika li l-Federazzjoni Russa tista’ titqies, abbażi tal-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2015/849, bħala pajjiż jew territorju b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, kif issostni mill-bqija l-NGO Transparency International. |
27 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154), Stat Membru jista’ jadotta dispożizzjonijiet iktar stretti intiżi sabiex jipprekludu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-każ fejn, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, ikun jeżisti tali riskju. Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar jekk, f’dan il-każ, billi qieset li l-fatt li RBA Consulting hija s-sieħeb fin-negozju ta’ sussidjarja miżmuma fil-parti l-kbira minn kumpannija stabbilita fil-Federazzjoni Russa jikkostitwixxi fattur ta’ riskju għoli, il-VID applikatx b’mod sproporzjonat il-Liġi dwar il-Prevenzjoni, ladarba la din il-liġi u lanqas id-Direttiva 2015/849 ma jipprevedu tali fattur ta’ riskju. |
28 |
Bl-istess mod, dik il-qorti għandha dubji dwar jekk il-VID marritx lil hinn mis-setgħat tagħha meta eżiġiet li Rodl & Partner tipprovdilha l-kopja tal-kuntratt konkluż bejn RBA Consulting u din is-sussidjarja, peress li la l-Liġi dwar il-Prevenzjoni u lanqas id-Direttiva 2015/849 ma jeżiġu li l-entità marbuta b’obbligu tikseb kopja ta’ tali dokumenti ta’ tranżazzjonijiet. |
29 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tindika li l-VID ikkunsidrat li Rodl & Partner kienet kisret l-Artikolu 8(2) tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, li jipprovdi li l-entità marbuta b’obbligu għandha twettaq regolarment, tal-inqas darba kull 18‑il xahar, b’mod partikolari, evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu marbut mal-klijent. Issa, meta l-VID evalwat is-sitwazzjoni ta’ Rodl & Partner, RBA Consulting ma kinitx għadha klijenta sa minn 18‑il xahar qabel. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tagħha, jimponux fuq l-entità marbuta b’obbligu l-obbligu li tapplika l-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti eżistenti anki jekk ebda bidla tal-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tagħhom ma tista’ tiġi identifikata u, jekk ikun il-każ, jekk tali miżuri humiex raġonevoli u proporzjonati, jew jekk dawn il-miżuri japplikawx biss għall-klijenti li jippreżentaw riskju għoli ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. |
30 |
Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi ta’ ksur imwettqa minn Rodl & Partner, ippubblikata mill-VID fuq is-sit internet tagħha, kienet tinkludi ineżattezzi. Hija tistaqsi għalhekk dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda
32 |
Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq entità marbuta b’obbligu l-obbligu li tattribwixxi, b’mod awtomatiku, livell għoli ta’ riskju lil klijent u, konsegwentement, li tadotta miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ dan il-klijent meta dan ikun NGO, meta wieħed mill-impjegati tal-imsemmi klijent ikun ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, jew meta s-sieħeb fin-negozju ta’ dan l-istess klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, ikun marbut ma’ tali pajjiż terz. |
33 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2015/849 għandha bħala għan prinċipali, kif jirriżulta mit-titolu tagħha u mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15), is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Autoblanchiment), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 44). |
34 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li huma ta’ natura preventiva, huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, għadd ta’ miżuri preventivi u dissważivi għall-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Autoblanchiment), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), sabiex jiġi evitat, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, u jheddu s-suq intern tagħha u kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. |
35 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif jirriżulta mill-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2015/849, l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jippreżumi evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, issir fuq tliet livelli, jiġifieri, qabelxejn, fil-livell tal-Unjoni, mill-Kummissjoni, sussegwentement, fil-livell ta’ kull Stat Membru u, fl-aħħar nett, fil-livell tal-entitajiet marbuta b’obbligu. Kif jirriżulta mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva, din l-evalwazzjoni tar-riskji tikkundizzjona, b’mod partikolari, l-adozzjoni, minn dawn l-entitajiet, ta’ miżuri ta’ diliġenza xierqa fir-rigward tal-klijent ikkonċernat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ tali evalwazzjoni, ma jkunx possibbli la għall-Istat Membru kkonċernat u lanqas, jekk ikun il-każ, għall-imsemmija entitajiet li jiddeċiedu każ b’każ liema miżuri għandhom japplikaw (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 107). |
36 |
F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2015/849 tipprevedi, fit-Taqsimiet 1 sa 3 tal-Kapitolu II tagħha, intitolat “Diliġenza Dovuta tal-Klijenti”, tliet tipi ta’ miżuri ta’ diliġenza, jiġifieri miżuri normali, miżuri ssemplifikati u miżuri msaħħa. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jevitaw jew, tal-inqas, jostakolaw kemm jista’ jkun il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, billi jistabbilixxu, għal dan il-għan, ostakoli fl-istadji kollha li l-imsemmija attivitajiet jistgħu jinvolvu, kontra l-ħasil tal-flus u dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Autoblanchiment), (C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza msaħħa, li huma l-uniċi inkwistjoni fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/849 isemmi ċerti sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li fihom l-Istati Membri jeżiġu li l-entitajiet obbligati japplikaw tali miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti sabiex jamministraw u jnaqqsu dan ir-riskju b’mod adegwat. B’hekk, tali miżuri ta’ diliġenza msaħħa għandhom jiġu applikati minn dawn l-entitajiet, l-ewwel, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 19 sa 24 ta’ din id-direttiva, it-tieni, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi terzi elenkati mill-Kummissjoni bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli, u, it-tielet, f’każijiet oħra ta’ riskji ogħla identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbuta b’obbligu. |
38 |
Minn dan isegwi li, minbarra s-sitwazzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikoli 19 sa 24 tad-Direttiva 2015/849 u sitwazzjonijiet li jinvolvu relazzjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi terzi elenkati mill-Kummissjoni bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli, imsemmija fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa tippreżupponi, konformement mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, l-identifikazzjoni minn qabel, mill-Istat Membru jew l-entità marbuta b’obbligu, ta’ riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ogħla. Għaldaqstant, barra minn dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi, l-attribuzzjoni ta’ livell ta’ riskju ogħla lil klijent u, konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tiegħu ma humiex awtomatiċi. |
39 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti minn Rodl & Partner mal-fondazzjoni IT izglītības fonds u RBA Consulting, rispettivament, ma humiex koperti mill-Artikoli 19 sa 24 tad-Direttiva 2015/849. Barra minn hekk, il-Federazzjoni Russa ma hijiex fost in-numru ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli elenkati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal‑14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU 2016, L 254, p. 1). |
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq entità marbuta b’obbligu li tattribwixxi, b’mod awtomatiku, livell ta’ riskju għoli lil klijent u, konsegwentement, li tadotta miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ dan il-klijent għar-raġuni biss li dan huwa NGO, li wieħed mill-impjegati tal-imsemmi klijent huwa ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni jew li sieħeb fin-negozju ta’ dan l-istess klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, huwa marbut ma’ dan il-pajjiż terz. |
41 |
B’dan ippreċiżat, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849, Stat Membru jista’ jadotta dispożizzjonijiet iktar stretti intiżi sabiex jipprekludu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-każ fejn, fl-opinjoni ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jeżistu l-fatturi ta’ riskju msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk din il-possibbiltà tistax tiġġustifika d-deċiżjoni li l-VID ħadet, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ Rodl & Partner. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 jipprekludux li d-dritt ta’ Stat Membru jobbliga lill-entità marbuta b’obbligu tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ klijent, tali fatturi ta’ riskju. |
43 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li relazzjonijiet kummerċjali bħal dawk stabbiliti minn Rodl & Partner mal-Fondazzjoni IT izglītības fonds u RBA Consulting jistgħu jaqgħu taħt “każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b’obbligu”, imsemmija fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/849. |
44 |
Sabiex jiġu identifikati dawn il-“każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar”, minn qari flimkien tal-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu 18 jirriżulta li l-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji li għandhom iwettqu, jieħdu inkunsiderazzjoni minn tal-inqas il-fatturi u t-tipi ta’ elementi indikattivi ta’ riskju potenzjalment ogħla, elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Issa, fil-lista mhux eżawrjenti tal-fatturi u tat-tipi ta’ elementi indikattivi ta’ tali riskju, li tinsab f’dan l-anness, jinsabu, b’mod partikolari, il-fatturi ta’ riskji inerenti għall-klijenti, il-fatturi ta’ riskji marbuta mat-tranżazzjonijiet jew ukoll il-fatturi ta’ riskji ġeografiċi. |
45 |
B’hekk, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 kif ukoll min-natura mhux eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Anness III tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-mod xieraq li jiġi implimentat l-obbligu li jiġu previsti miżuri ta’ diliġenza msaħħa u li jiġu ddeterminati kemm is-sitwazzjonijiet li fihom jeżisti tali riskju għoli kif ukoll il-miżuri ta’ diliġenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 73). |
46 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2015/849 twettaq biss armonizzazzjoni minima, peress li l-Artikolu 5 tagħha jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni. |
47 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-espressjoni “dispożizzjonijiet aktar stretti” imsemmija f’dan l-Artikolu 5 tista’ tikkonċerna mhux biss sitwazzjonijiet li għalihom id-Direttiva 2015/849 tipprevedi ċertu tip ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, iżda wkoll ta’ sitwazzjonijiet oħra li l-Istati Membri jqisu li jippreżentaw riskju ogħla (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 77). Fil-fatt, peress li l-imsemmi Artikolu 5 jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, tal-Kapitolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali” tad-Direttiva 2015/849, dan japplika għad-dispożizzjonijiet kollha li jaqgħu fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, inklużi dawk li jinsabu fit-Taqsima 3, intitolata “Diliġenza Dovuta tal-Klijenti Msaħħa”, tal-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva. |
48 |
Issa, minn qari flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, jidentifikaw sitwazzjonijiet oħra li jippreżentaw riskju għoli fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtihom dan l-Artikolu 18 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 106). |
49 |
Fit-tieni lok, sa fejn l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 jispeċifika li l-Istati Membri huma obbligati jaġixxu “fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni”, dawn għandhom, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lilhom mill-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 96). |
50 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li mill-premessa 66 tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni tkun xi tkun, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-direttiva tiġi implimentata b’mod li ma jkunx diskriminatorju fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tar-riskji mwettqa fil-kuntest tal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti. |
51 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tan-natura dinamika kemm tar-relazzjonijiet ekonomiċi kif ukoll tal-attivitajiet kriminali, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, ma jipprekludix li l-liġijiet nazzjonali ma jiddeterminawx b’mod eżawrjenti l-fatturi kollha possibbli ta’ riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, sakemm dawn il-fatturi jiġu sussegwentement speċifikati f’atti li ma jkollhomx neċessarjament l-istatus ta’ liġi iżda jiġu ppubblikati b’mod xieraq. |
52 |
It-tieni, il-fatturi ta’ riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu għandhom, minn naħa, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, ma jagħtux lok għal diskriminazzjonijiet. |
53 |
Fit-tielet lok, mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li l-Istati Membri huma, minħabba sitwazzjonijiet speċifiċi għalihom, esposti għal riskji differenti ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. B’hekk, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-livell ta’ protezzjoni li huwa jqis xieraq fl-isfond tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament ta’ terroriżmu li ġie ddefinit (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 105). |
54 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-fattur potenzjali ta’ riskju marbut mal-forma ġuridika tal-klijent, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 6(1.2) tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni jipprovdi li, fost iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-entità marbuta b’obbligu, meta hija twettaq l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward ta’ klijent, jinsab “ir-riskju inerenti fil-forma ġuridika” tal-klijent. Barra minn hekk, il-Gvern Latvjan indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li rapport ippubblikat matul is-sena 2019 mis-Servizz tal-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus kien juri li l-NGOs huma partikolarment vulnerabbli għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu, peress li 94 % ta’ dawn l-NGOs inklużi fir-reġistru Latvjan tal-impriżi ma indikawx il-qasam tal-attività tagħhom jew indikaw li jaqgħu fil-kategorija msejħa “assoċjazzjoni jew fondazzjoni mhux ikklassifikata x’imkien ieħor”, li minnha wieħed jista’ jiddeduċi li l-forma ġuridika tal-NGO għandha titqies bħala fattur potenzjali ta’ riskju għoli fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji. |
55 |
F’dak li jirrigwarda l-fattur potenzjali ta’ riskju marbut mal-eżistenza ta’ rabta bejn il-klijent ta’ entità marbuta b’obbligu u l-Federazzjoni Russa, kif enfasizza l-Gvern Latvjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, minn rapport nazzjonali ppubblikat fuq is-sit internet tal-VID kif ukoll mil-linji gwida ppubblikati jirriżulta li, minħabba l-prossimità ġeografika tagħha ma’ dan il-pajjiż terz u r-relazzjonijiet ekonomiċi importanti tagħha miżmuma miegħu, il-Latvja hija esposta, fil-prattika, għar-riskju li l-ekonomija tagħha tintuża għall-ħasil tal-flus li joriġina mill-imsemmi pajjiż terz, u dan tqies minn Transparency International li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni. |
56 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, konformement mal-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2015/849, fost il-fatturi ġeografiċi indikattivi ta’ riskju potenzjalment ogħla jinsab il-fatt li l-pajjiż inkwistjoni huwa identifikat minn sorsi kredibbli bħala li jippreżenta livelli sinjifikattivi ta’ korruzzjoni jew ta’ attività kriminali oħra. |
57 |
Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, il-forma ġuridika ta’ NGO u l-eżistenza ta’ rabta bejn il-klijent ta’ entità marbuta b’obbligu u l-Federazzjoni Russa jidhru li huma meqjusa, fid-dritt Latvjan, fatturi ta’ riskju potenzjali ogħla, li din l-entità hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tar-riskju li hija għandha twettaq fir-rigward tal-klijenti. Jekk ikun il-każ, hija dik il-qorti li għandha tivverifika jekk Rodl & Partner ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tar-riskji tal-klijenti kkonċernati. |
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2015/849 ma jagħmilx distinzjoni skont jekk il-fattur ta’ riskju ġeografiku li għalih jirreferi jikkonċernax il-klijent jew l-imsieħba kummerċjali tiegħu. Sussegwentement, minn qari flimkien tal-Artikolu 8(1), tal-Artikolu 18(2) kif ukoll tal-Anness III ta’ din id-direttiva jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji li għandhom iwettqu, l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatturi ta’ riskju relatati mat-tranżazzjonijiet tal-klijenti tagħhom. Fl-aħħar nett, dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw li kull tranżazzjoni kumplessa u ta’ ammont anormalment għoli u kull tip anormali ta’ tranżazzjonijiet, li ma għandhomx suġġett ekonomiku jew legali apparenti, jistgħu jitqiesu li jimplikaw riskju potenzjalment għoli. |
59 |
B’hekk, il-fatt li l-klijent ta’ entità marbuta b’obbligu jwettaq tranżazzjonijiet li jinvolvu rabtiet ma’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni jista’ jitqies, konformement mad-Direttiva 2015/849, li huwa fattur indikattiv ta’ riskju ġeografiku potenzjalment ogħla. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-ordinament ġuridiku Latvjan jipprevedix tali fattur ta’ riskju u, fl-affermattiv, jekk Rodl & Partner kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tar-riskji marbuta ma’ RBA Consulting. |
60 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva 2015/849 tirrikonoxxi lill-Istati Membri, il-forma ġuridika ta’ NGO, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-klijent ta’ entità marbuta b’obbligu u l-Federazzjoni Russa jew ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li dan il-klijent iwettaq ma’ sieħeb kummerċjali marbut ma’ dan il-pajjiż terz jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkostitwixxu, fl-osservanza tal-limiti tad-dritt tal-Unjoni mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, fatturi indikattivi ta’ riskju potenzjalment ogħla. |
61 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li impjegat tal-klijent li ma huwiex il-benefiċjarju effettiv tiegħu u li ma għandux funzjoni fi ħdan l-imsemmi klijent li tippermettilu jeżerċita attivitajiet li potenzjalment jistgħu jkunu marbuta ma’ attivitajiet ta’ ħasil tal-flus għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni ma jidhirx li jikkaratterizza sitwazzjoni li tippreżenta riskju potenzjalment ogħla ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. |
62 |
Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li huma biss it-tranżazzjonijiet kummerċjali ta’ ċerta importanza jew kumplessità jew li huma ta’ natura anormali, konklużi mill-klijent tal-entità marbuta b’obbligu ma’ sieħeb kummerċjali stabbilit f’pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, li jistgħu jitqiesu li huma fatturi indikattivi ta’ riskju ġeografiku potenzjalment ogħla li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji li għandha titwettaq fir-rigward tal-klijenti. |
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 5 u l-Anness III tagħha, ma jipprekludix li Stat Membru jidentifika fatturi oħra ta’ riskju potenzjalment ogħla li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji li għandha titwettaq fir-rigward tal-klijenti, fatturi ta’ riskju li jistgħu jkunu marbuta mal-forma ġuridika ta’ klijent, bħal dik ta’ NGO, filwaqt li jinżamm fil-ħsieb il-prinċipju ta’ rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-premessa 43 tad-Direttiva 2015/849, jew mar-rabta tal-klijent jew tas-sieħeb kummerċjali tiegħu mal-pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, sa fejn dawn il-fatturi huma previsti fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru, ġew ippubblikati b’mod xieraq u huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni. |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 5 mal-punt 3(b) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq entità marbuta b’obbligu l-obbligu li tattribwixxi, b’mod awtomatiku, livell għoli ta’ riskju lil klijent u, konsegwentement, li tadotta miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ dan il-klijent, unikament minħabba li dan huwa NGO, li wieħed mill-impjegati tal-imsemmi klijent huwa ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni jew li sieħeb kummerċjali ta’ dan l-istess klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, għandu rabta ma’ tali Stat terz. Madankollu, Stat Membru jista’ jidentifika, fid-dritt nazzjonali, tali ċirkustanzi bħala fatturi indikattivi ta’ riskju potenzjalment ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji li għandha ssir fir-rigward tal-klijenti tagħhom, sakemm dawn il-fatturi jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
65 |
It-tieni domanda saret fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta negattiva mogħtija għaliha, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din it-tieni domanda. |
Fuq ir‑raba’ domanda
66 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-entità marbuta b’obbligu, meta hija tadotta miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, l-obbligu li tikseb mingħand il-klijent ikkonċernat kopja tal-kuntratt konkluż bejn dan il-klijent u terz. |
67 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li tkun għamlitilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto, C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/849, li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li fihom l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati japplikaw miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, għaliex dawn is-sitwazzjonijiet jitqiesu li jippreżentaw riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 60). L-entitajiet marbuta b’obbligu huma għalhekk obbligati japplikaw dawn il-miżuri ladarba jkunu identifikaw, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji marbuta ma’ klijent, livell ta’ riskju normali. |
69 |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza stess li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jimplimentaw, l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jsemmi numru partikolari ta’ miżuri, li fosthom hemm l-evalwazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-għan u n-natura maħsuba tar-relazzjoni ta’ negozju (punt (c)), jew l-eżerċizzju ta’ kontroll kontinwu tar-relazzjoni kummerċjali, b’mod partikolari billi jiġu eżaminati t-tranżazzjonijiet konklużi tul din ir-relazzjoni, b’mod li jiġi vverifikat li dawn it-tranżazzjonijiet huma konsistenti mal-għarfien li l-entità marbuta b’obbligu għandha dwar il-klijent tagħha, l-attivitajiet kummerċjali tiegħu u l-profil ta’ riskju tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, l-oriġini tal-fondi, u billi jsir aġġornament tad-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmuma (punt (d)). |
70 |
Barra minn hekk, skont id-Direttiva 2015/849, dawn l-entitajiet huma obbligati josservaw ċerti rekwiżiti ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dak li jirrigwarda kemm l-evalwazzjoni tar-riskji li huma jwettqu fir-rigward tal-klijenti tagħhom kif ukoll in-natura xierqa tal-miżuri ta’ diliġenza applikati lil dawn il-klijenti fir-rigward tal-livell ta’ riskju identifikat. |
71 |
Fil-fatt, qabelxejn, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2015/849 jispeċifika li l-evalwazzjonijiet tar-riskji li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma marbuta li jwettqu għandhom jiġu ddokumentati, aġġornati u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi awtoregolatorji kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-premessa 22 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskji ma jikkostitwixxix għażla indebitament permissibbli għall-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu, iżda jippreżupponi l-użu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq provi, b’mod li jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jheddu lill-Unjoni u lill-atturi li joperaw fi ħdanha. |
72 |
Sussegwentement, l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom ikunu f’pożizzjoni li juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi regolatorji li l-miżuri ta’ diliġenza li huma japplikaw huma adegwati għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati. |
73 |
Fl-aħħar nett, il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Protezzjoni tad-Data, Żamma ta’ Reġistri u Data Statistika”, jimponi fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu li jżommu kopja tad-dokumenti u tal-informazzjoni li huma neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, għal ħames snin wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ negozju mal-klijent. |
74 |
Mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tar-riskji, l-entità marbuta b’obbligu tidentifika riskju potenzjalment ogħla minħabba tranżazzjoni kumplessa u ammont anormalment għoli jew li ma għandhiex suġġett ekonomiku jew legali apparenti, li l-klijent tagħha kkonkluda ma’ sieħeb kummerċjali marbut ma’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, hija din l-entità li għandha, waqt il-kontroll imwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti, tipprovdi lil din l-awtorità dokumentazzjoni xierqa li turi li hija analizzat din it-tranżazzjoni u debitament ħaditha inkunsiderazzjoni sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-livell ta’ riskju ta’ dan il-klijent. |
75 |
B’dan stabbilit, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza ma jippreċiżawx il-modalitajiet li permezz tagħhom l-entitajiet marbuta b’obbligu jistgħu jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawn il-modalitajiet jaqgħu għalhekk taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tas-sigriet kummerċjali u tal-protezzjoni tad-data personali. |
76 |
B’hekk, kif il-Kummissjoni indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-obbligu ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni impost fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu ma jimplikax neċessarjament il-preżentazzjoni fiżika tal-kopja ta’ kuntratt, peress li jeżistu mezzi xierqa oħra ta’ prova, bħall-produzzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tal-kuntratt li jinkludu l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi evalwat ir-riskju marbut mat-tranżazzjoni u mar-relazzjoni kummerċjali kkonċernati. |
77 |
F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, Rodl & Partner ma pprovdietx lill-VID il-kopja tal-kuntratt konkluż bejn RBA Consulting u kumpannija terza miżmuma fil-parti l-kbira minn kumpannija stabbilita fil-Federazzjoni Russa, sa fejn l-entità marbuta b’obbligu spjegat biss li hija setgħet tieħu konjizzjoni tal-oriġinal ta’ dan il-kuntratt fil-bini ta’ RBA Consulting. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li Rodl & Partner stabbilixxiet jew allegat li hija kienet ipprovdiet lill-VID provi xierqa dwar l-evalwazzjoni tar-riskji marbuta ma’ din ir-relazzjoni kummerċjali u mat-tranżazzjonijiet konklużi fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni, jew dwar miżuri ta’ diliġenza adottati f’dan ir-rigward. |
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2), l-Artikolu 13(4) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-entità marbuta b’obbligu, meta tieħu miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, l-obbligu li tikseb mingħand il-klijent ikkonċernat kopja tal-kuntratt konkluż bejn dan il-klijent u terz, sakemm din l-entità tkun tista’ tipprovdi lill-awtorità nazzjonali kompetenti dokumenti oħra xierqa li juru, minn naħa, li hija analizzat it-tranżazzjoni u r-relazzjoni kummerċjali konklużi bejn dan il-klijent u dan it-terz u, min-naħa l-oħra, li hija debitament ħadithom inkunsiderazzjoni sabiex tadotta miżuri ta’ diliġenza meħtieġa fid-dawl tar-riskji identifikati tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. |
Fuq il‑ħames domanda
79 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-entità marbuta b’obbligu hija obbligata tapplika miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti eżistenti, u dan anki meta ebda bidla fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ dan il-klijent ma setgħet tiġi identifikata u t-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali sabiex issir evalwazzjoni ġdida tar-riskju jkun għadu ma skadiex. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk dan l-obbligu japplikax biss għall-klijenti li jippreżentaw riskju għoli ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. |
80 |
Fil-każ li dawn id-domandi jingħataw risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
81 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Autoblanchiment), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-entitajiet marbuta b’obbligu japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha, iżda anki, meta opportun, għall-klijenti eżistenti abbażi tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji, b’mod partikolari, meta jinbidlu l-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni ta’ klijent. |
83 |
B’hekk, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji, japplikaw miżuri ta’ diliġenza mhux biss fir-rigward tal-klijenti l-ġodda tagħhom, iżda wkoll, meta l-mument jirriżulta xieraq, fir-rigward tal-klijenti eżistenti tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li wieħed minn dawn il-mumenti xierqa prevedibbli huwa dak fejn jinbidlu l-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tal-klijent ikkonċernat. Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni ma tillimitax dan l-obbligu li għandhom l-entitajiet marbuta b’obbligu biss għall-klijenti li lilhom ġie attribwit livell għoli ta’ riskju. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2015/849, l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom, b’mod partikolari, jaġġornaw l-evalwazzjonijiet tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li huma esposti għalihom. |
85 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, jimponi fuq l-entità marbuta b’obbligu l-obbligu li tadotta, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju aġġornata, miżuri ta’ diliġenza, jekk ikun il-każ ta’ natura msaħħa, fir-rigward ta’ klijent eżistenti, meta dan jidher xieraq, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ bidla tal-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni ta’ dan il-klijent. |
86 |
Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura ġenerali li jagħmel parti minnha l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849. |
87 |
F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, dwar l-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti. Minn dan isegwi li l-obbligu impost fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu skont l-imsemmija dispożizzjoni japplika għall-klijenti kollha, indipendentement mil-livell ta’ riskju li ġie attribwit lilhom. |
88 |
Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati jeżerċitaw kontroll kontinwu fuq il-klijenti tagħhom kif ukoll fuq it-tranżazzjonijiet konklużi minn dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta entità marbuta b’obbligu ssir taf b’elementi rilevanti dwar wieħed mill-klijenti eżistenti tagħha, bħalma huma tranżazzjonijiet kummerċjali, li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tar-riskju mwettaq fir-rigward ta’ dan il-klijent, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u, meta dan jidher xieraq, tirrevedi l-analiżi tar-riskju u, jekk ikun il-każ, il-livell tal-miżuri ta’ diliġenza applikati għall-imsemmi klijent. |
89 |
Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, kif adottata fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, tiżgura li jintlaħaq l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva, li huwa, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. |
90 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet konklużi bejn RBA Consulting u kumpannija miżmuma fil-parti l-kbira minn kumpannija stabbilita fil-Federazzjoni Russa, li fir-rigward tagħhom ma huwiex ikkontestat li Rodl & Partner kellha għarfien, kinux jikkostitwixxu, skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, elementi rilevanti li jirrendu xierqa, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza, jekk ikun il-każ ta’ natura msaħħa, fir-rigward ta’ RBA Consulting, indipendentement mill-fatt li t-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali sabiex issir evalwazzjoni ġdida tar-riskju marbut ma’ dan il-klijent kien għadu ma skadiex. |
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati jadottaw, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji aġġornata, miżuri ta’ diliġenza, jekk ikun il-każ ta’ natura msaħħa, fir-rigward ta’ klijent eżistenti, meta dan jidher xieraq, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ bidla tal-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni ta’ dan il-klijent, u dan indipendentement mill-fatt li t-terminu massimu stabbilit mid-dritt nazzjonali għal evalwazzjoni ġdida tar-riskju marbut mal-imsemmi klijent ikun għadu ma skadiex. Dan l-obbligu ma japplikax biss għall-klijenti b’riskju għoli ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. |
92 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata d-domanda sussidjarja magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din il-ħames domanda, imsemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza. |
Fuq is‑sitt domanda
93 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta tippubblika deċiżjoni ta’ sanzjoni adottata għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandhiex l-obbligu li tiżgura li l-informazzjoni ppubblikata tkun konformi ma’ dik li tinsab f’din id-deċiżjoni. |
94 |
Il-Gvern Latvjan iqis li din id-domanda hija inammissibbli. |
95 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-imsemmija domanda hija ipotetika sa fejn l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2015/849, li l-interpretazzjoni tiegħu hija b’hekk mitluba mill-qorti tar-rinviju, jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha tiġi ppubblikata deċiżjoni li ma kienet suġġetta għal ebda appell u mhux dik li fiha, bħal f’dan il-każ, tiġi ppubblikata deċiżjoni li hija suġġetta għal appell, sa fejn din is-sitwazzjoni tal-aħħar hija koperta mill-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva. |
96 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatat ebda ineżattezza fl-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet tal-VID, b’tali mod li s-sitt domanda preliminari ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għalhekk ma tissodisfax bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
97 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Latvja ttrasponiet fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2015/849 u li hija tawtorizza, għaldaqstant, il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet suġġetti għal appell. Issa, billi tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw “ukoll”, immedjatament, fuq is-sit internet uffiċjali tagħhom, l-informazzjoni li d-deċiżjoni inkwistjoni hija suġġetta għal appell, din id-dispożizzjoni tippreċiża li dawn l-awtoritajiet għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni minbarra dik elenkata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 60, sa fejn dan il-paragrafu tal-aħħar jipprevedi li “[i]l-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it‑tip u n‑natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli”. Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni kemm tal-paragrafu 1 u kif ukoll tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 60, li huma, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan il‑paragrafu tal-aħħar, marbuta flimkien, ma jirrendix is-sitt domanda ipotetika. |
98 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-mument tal-adozzjoni tad-digriet tar-rinviju tagħha, il-pubblikazzjoni, fuq is-sit internet tal-VID, tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni adottata fir-rigward ta’ Rodl & Partner kienet għadha tinkludi ineżattezzi. |
99 |
Mill-elementi preċedenti jirriżulta li s-sitt domanda hija ammissibbli. |
100 |
Fir-rigward tal-pubblikazzjoni, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, tad-deċiżjonijiet li huma suġġetti għal appell, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ qari flimkien tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 60 tad-Direttiva 2015/849, li tfakkru, essenzjalment, fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, hija ppubblikata fuq is-sit internet tal-awtorità nazzjonali kompetenti biss informazzjoni li tinsab f’dawn id-deċiżjonijiet. Konsegwentement, hija eskluża mill-pubblikazzjoni informazzjoni li ma hijiex konformi ma’ dik li tinsab fl-imsemmija deċiżjonijiet. |
101 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tiġi ppubblikata deċiżjoni ta’ sanzjoni adottata minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata tiżgura ruħha li l-informazzjoni ppubblikata tkun eżattament konformi ma’ dik li tinsab f’din id-deċiżjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
102 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.