SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
12 ta’ Mejju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Iffriżar u konfiska tal-mezzi u tar-rikavat mill-kriminalità fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2014/42/UE – Artikolu 4 – Konfiska – Artikolu 7 – Iffriżar – Artikolu 8 – Garanziji proċedurali – Iffriżar u konfiska ta’ beni ta’ terzi fil-proċeduri kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rikors għal terzi matul il-proċeduri ġudizzjarji u li ma tippermettix ir-restituzzjoni eventwali tal-imsemmi beni qabel l-għeluq tal-proċeduri kriminali”
Fil‑Kawża C‑505/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura mibdija minn
RR,
JG,
fil-preżenza ta’:
Spetsializirana prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Kummissjoni Ewropea minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114), tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li matulhom RR u JG, bħala terzi għal din il-proċedura, talbu, quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-restituzzjoni tal-beni ssekwestrati tagħhom matul il-fażi preliminari tal-imsemmija proċeduri. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 15, 31, 33, 34 u 38 tad-Direttiva 2014/42 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn: […]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Konfiska” jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.” |
8 |
Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva: “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, benefiċċju ekonomiku, fejn qorti abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna li tinstab ħatja, tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet minn imġiba kriminali.” |
9 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konfiska fir-rigward ta’ parti terza”, jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw ir-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata, tal-inqas jekk dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur fis-suq. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide.” |
10 |
L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Iffriżar”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jiffriżaw proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. Dawk il-miżuri, li għandhom jiġu ordnati minn awtorità kompetenti, għandhom jinkludu azzjoni urġenti li għandha tittieħed fejn meħtieġ biex tiġi preservata l-proprjetà. 2. Il-proprjetà fil-pussess ta’ parti terza, kif imsemmi taħt l-Artikolu 6, tista’ tkun soġġetta għal miżuri ta’ ffriżar għall-fini tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement.” |
11 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Salvagwardji”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni affettwati mill-miżuri previsti skont din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ordni ta’ ffriżar tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata mill-iktar fis possibbli wara li tiġi eżegwita. Tali komunikazzjoni għandha tindika, għall-inqas fil-qosor, ir-raġuni jew raġunijiet li għalihom ittieħdet l-ordni kkonċernata. Meta jkun jeħtieġ li jiġi evitat li tiġi pperikolata l-investigazzjoni kriminali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ffriżar lill-persuna affettwata. 3. L-ordni ta’ ffriżar għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ li l-proprjetà tiġi ppreservata fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata tikkontesta l-ordni ta’ ffriżar quddiem qorti, f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-liġi nazzjonali. Tali proċeduri jistgħu jipprevedu li meta l-ordni ta’ ffriżar inizjali tkun ittieħdet minn awtorità kompetenti li ma tkunx awtorità ġudizzjarja, tali ordni l-ewwel għandha tintbagħat għall-validazzjoni jew ir-rieżami lill-awtorità ġudizzjarja qabel ma tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti. 5. Il-proprjetà ffriżata li ma tiġix sussegwentement ikkonfiskata għandha tintradd lura immedjatament. Il-kundizzjonijiet jew regoli ta’ proċedura li skonthom tali proprjetà tintradd lura għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali. 6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe ordni ta’ konfiska tkun debitament motivata u li l-ordni tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà effettiva li persuna li fil-konfront tagħha tkun inħarġet ordni ta’ konfiska tkun tista’ tikkontesta dik l-ordni quddiem qorti. […] 9. Il-partijiet terzi għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-titolu tas-sjieda jew drittijiet ta’ proprjetà oħrajn, inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6. […]” |
Id‑dritt Bulgaru
Il‑Kodiċi Kriminali
12 |
L-Artikolu 53 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali) jistipula: “(1) Irrispettivament minn kull responsabbiltà kriminali, għandhom jiġu kkonfiskati għall-benefiċċju tal-Istat:
(2) Għandhom jiġu kkonfiskati wkoll għall-benefiċċju tal-Istat:
(3) Fis-sens tal-paragrafu 2(b):
|
Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali
13 |
L-Artikolu 111 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), intitolat “Żamma tal-provi materjali”, jipprevedi: “(1) Il-provi materjali jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri kriminali. (2) L-oġġetti ssekwestrati għall-finijiet ta’ provi materjali jistgħu jiġu rrestitwiti lill-aventi kawża li lilhom ġew ikkonfiskati bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur qabel it-tmiem tal-proċeduri kriminali, biss meta dan ma jostakolax l-aċċertament tal-verità oġġettiva u meta ma jkunux is-suġġett ta’ ksur amministrattiv. (3) Il-prosekutur pubbliku għandu jiddeċiedi dwar it-talbiet għal restituzzjoni f’terminu ta’ tlett ijiem. Rifjut tal-prosekutur skont il-paragrafu (2) jista’ jiġi kkontestat mid-detentur tad-drittijiet quddiem il-qorti kompetenti tal-ewwel istanza. Din il-qorti ser tiddeċiedi dwar l-appell fi żmien tliet ijiem minn meta tirċeviha, waqt seduta in camera, u d-deċiżjoni tagħha ser tkun definittiva. (4) L-oġġetti li jistgħu jiddeterjoraw ssekwestrati bħala provi materjali, irtirati mill-aventi kawża u li ma jistgħux jiġu rrestitwiti, jingħataw lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet ġuridiċi kkonċernati bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur pubbliku sabiex jintużaw skont l-assenjazzjoni tagħhom jew għandhom jinbiegħu, f’liema każ id-dħul mill-bejgħ jiġi ddepożitat għand bank kummerċjali, għall-użu tal-baġit nazzjonali. (5) Id-drogi, il-prekursuri tad-droga u l-pjanti psikotropiċi, kif ukoll il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, jistgħu jinqerdu qabel ma jitlestew il-proċeduri kriminali skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri previsti mil-liġi. F’dan il-każ, huma biss il-kampjuni rappreżentattivi ssekwestrati li jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 |
Fil‑15 ta’ Jannar 2019, waqt il-kontroll ta’ vettura misjuqa minn WE u li fiha kienet tinsab ukoll RR, il-konkubina tiegħu, u l-proprjetarja ta’ din il-vettura, ġiet ikkonstatata l-preżenza ta’ drogi. WE u RR tqiegħdu taħt att ta’ akkuża iżda, wara li ġie kkunsidrat, wara l-inkjesta, li RR ma kinitx informata bil-preżenza tad-drogi, il-prosekutur pubbliku temm il-proċeduri kriminali kontra din tal-aħħar. Madankollu, il-vettura, li l-investigazzjoni tagħha wriet li tqiegħdet b’mod permanenti għad-dispożizzjoni ta’ WE, baqgħet issekwestrata bħala prova materjali, konformement mal-Artikolu 111 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri kontra WE. |
15 |
Fis‑7 ta’ Awwissu 2019, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra grupp organizzat għat-traffikar tad-drogi, saret tfittxija fid-dar ta’ JG li matulha nqabdu żewġ telefons ċellulari u somma flus. Madankollu JG ma tqegħedx taħt att ta’ akkuża, peress li l-prosekutur pubbliku qies li ma kienx involut fir-reat. Iż-żewġ telefons ċellulari u s-somma ta’ flus baqgħu ssekwestrati bħala provi materjali, skont l-Artikolu 111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra l-membri tal-grupp organizzat. |
16 |
RR u JG marru quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, b’talba għar-restituzzjoni tal-beni rispettivi tagħhom. |
17 |
Skont din il-qorti, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-possibbiltà għal terz li jitlob, matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, ir-restituzzjoni ta’ beni ssekwestrat, hija ma tippermettix li tintalab tali restituzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, fażi li tista’ ddum diversi snin. |
18 |
L-imsemmija qorti żżid li l-Artikolu 53 tal-Kodiċi Kriminali ma jippermettix il-konfiska tal-oġġett ta’ terz f’bona fide f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-oġġetti ssekwestrati fil-kawża prinċipali għandhom jiġu rrestitwiti lill-proprjetarji tagħhom fi tmiem il-fażi ġudizzjarja. |
19 |
Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-Direttiva 2014/42, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta beni jiġu ssekwestrati bħala strumenti jew prodotti preżunti ta’ reati, il-proprjetarju ta’ dawn il-beni, terz f’bona fide, ma għandu, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, ebda dritt li jressaq quddiem il-qorti kompetenti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni. |
22 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-reati marbuta mal-kriminalità organizzata u mat-traffikar tad-drogi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/42. |
23 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(g) u (h) tagħha, din id-direttiva tapplika għar-reati koperti mid-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841, li jirrigwardaw rispettivament ir-reati fil-qasam tat-traffikar tad-droga u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. |
24 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji”, jimponi fuq l-Istati Membri, fil-paragrafu 1 tiegħu, li jipprevedu favur il-persuni kkonċernati mill-miżuri previsti mill-imsemmija direttiva dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ dawn il-persuni. Din id-dispożizzjoni b’hekk tafferma mill-ġdid, fil-qasam kopert minn din l-istess direttiva, id-drittijiet fundamentali msemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprevedi b’mod partikolari li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu u b’mod partikolari li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ekwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 75). |
25 |
Fl-ewwel lok, il-miżuri previsti mid-Direttiva 2014/42 jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-iffriżar ta’ beni li huwa ddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala “il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, tal-qerda, tal-konverżjoni, taċ-ċessjoni jew tal-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja ta’ kustodja jew ta’ kontroll ta’ proprjetà”. |
26 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħu taħt il-kustodja tal-awtoritajiet implikati fil-prosekuzzjonijiet kriminali. Għaldaqstant, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li s-sekwestru inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “iffriżar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
27 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom id-Direttiva 2014/42 tippermetti l-użu ta’ ffriżar ta’ beni, l-Artikolu 7 tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu l-iffriżar tal-beni fid-dawl tal-konfiska ulterjuri eventwali tagħhom. |
28 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk il-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġewx iffriżati fid-dawl tal-konfiska ulterjuri eventwali tagħhom, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7. |
29 |
F’dan ir-rigward, fil-mument li fih il-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew iffriżati, setgħet issir konfiska ulterjuri ta’ dawn il-beni. |
30 |
Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna RR, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar inizjalment ġiet imqiegħda taħt ta’ akkuża għar-reat ta’ traffikar tad-drogi u li kien biss sussegwentement li l-involviment tagħha f’dan ir-reat ġie eskluż mill-prosekutur pubbliku, b’tali mod li l-persuna kkonċernata ġiet ikklassifikata bħala terzi f’bona fide, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, kien jipprekludi l-konfiska tal-beni tagħha skont il-leġiżlazzjoni Bulgara. |
31 |
Fir-rigward ta’ JG, minn din l-istess deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-parteċipazzjoni tiegħu fl-attività kriminali inkwistjoni ġiet eskluża biss wara eżami taż-żewġ telefons ċellulari maqbuda, b’tali mod li dawn it-telefons ċellulari kif ukoll is-somma ta’ flus ġew iffriżati fid-dawl tal-konfiska ulterjuri eventwali tagħhom. |
32 |
Għaldaqstant, sa fejn l-oġġetti ta’ RR u ta’ JG setgħu, fil-mument tal-iffriżar, ikunu s-suġġett ta’ konfiska ulterjuri skont id-dritt Bulgaru, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ persuni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/42. Konsegwentement, huma kkonċernati minn miżura prevista minn din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha. |
33 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-fatt li l-proprjetarju tal-beni ffriżati ma għandu l-ebda dritt, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, li jressaq quddiem il-qorti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42 jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jżommu d-drittijiet tagħhom. |
34 |
F’dan ir-rigward, minħabba n-natura ġenerali tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzzjoni, il-persuni li lilhom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedji effettivi u smigħ xieraq ma humiex biss dawk irrikonoxxuti ħatja ta’ reat iżda wkoll it-terzi li l-beni tagħhom huma kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ konfiska (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42, li tistipula li din id-direttiva tippreġudika b’mod sinjifikattiv id-drittijiet tal-persuni, mhux biss tal-persuni ssuspettati jew tal-akkużati, iżda wkoll ta’ terzi li ma humiex is-suġġett ta’ prosekuzzjoni filwaqt li jsostnu li huma l-proprjetarji tal-beni kkonċernati. Għaldaqstant huwa meħtieġ, skont din il-premessa, li jiġu previsti garanziji speċifiċi u rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fl-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 77). |
36 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, li tipprevedi li, fid-dawl tal-limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet ta’ ffriżar, dawn il-miżuri provviżorji ma għandhomx jiġu applikati iktar milli meħtieġ sabiex jiġu ssalvagwardjati l-beni fid-dawl tal-konfiska eventwali tagħhom sussegwenti u li minn dan jirriżulta li dan jista’ jobbliga lill-qorti kkonċernata tistħarreġ li l-għan tad-deċiżjoni ta’ ffriżar jibqa’ validu. |
37 |
Tali approċċ jippreżumi li t-terz f’bona fide proprjetarju ta’ beni ffriżat jista’, ukoll matul il-proċeduri ġudizzjarji, jitlob lill-qorti kompetenti teżamina jekk il-kundizzjonijiet imposti għall-iffriżar ta’ dan il-beni jibqgħux issodisfatti. Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix tali possibbiltà tmur kontra l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42. |
38 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta beni jiġu ffriżati bħala strumenti jew li huma preżunti rikavat ta’ reati, il-proprjetarju ta’ dawn il-beni, terz f’bona fide, ma għandu, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, ebda dritt li jressaq quddiem il-qorti kompetenti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni. |
Fuq it‑tieni domanda
39 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-konfiska ta’ beni li jappartjenu lil terzi f’bona fide u użat bħala strument ta’ ksur, inkluż meta dan l-oġġett ikun tqiegħed minn dan it-terzi għad-dispożizzjoni permanenti tal-persuna akkużata. |
40 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni Ewropea tqajjem l-inammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li din ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li konfiska ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi implimentata fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, imur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-istrument inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kkonfiskat, b’tali mod li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jkunx jixtieq iktar u lanqas ma jipprevedi iktar il-possibbiltà li dan l-istrument jiġi sussegwentement ikkonfiskat. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet it-tilwima u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tawtorizzax il-konfiska tal-beni ta’ terzi f’bona fide f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Issa, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf preċiżament jekk, abbażi tad-Direttiva 2014/42, tali konfiska hijiex meħtieġa f’din is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, ma jirriżultax b’mod manifest li t-tieni domanda ma kellha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża, b’tali mod li din id-domanda hija ammissibbli. |
44 |
Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 jipprevedi l-konfiska, b’mod partikolari, tal-“mezzi strumentali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bla ħsara għal kundanna definittiva għal reat. |
45 |
Madankollu, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi espliċitament l-istrumenti u l-kundanna definittiva għal reat, il-formulazzjoni tagħha ma tippreċiżax jekk l-istrument li huwa s-suġġett ta’ konfiska għandux neċessarjament jappartjeni lill-persuna kkundannata. |
46 |
Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll, b’mod partikolari, il-kuntest li fih tinsab (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dwar il-“konfiska estiża”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan jista’ jikkonċerna biss “il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali”, b’tali mod li l-beni ta’ terzi hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
48 |
Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, dan isemmi espliċitament, kif jikkonferma t-titolu tiegħu, il-“konfiska fir-rigward ta’ parti terza”, dan l-artikolu jirreferi biss għar-“rikavat”, u mhux għall-“mezzi strumentali”, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, isservi bħala bażi sabiex jiġi kkonfiskat strument f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. |
49 |
Fir-rigward tal-premessa 15 tad-Direttiva 2014/42, li fid-dawl tagħha għandu jinqara l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, huwa jistabbilixxi obbligu li l-persuni suspettati u dawk akkużati jiġu informati bil-proċedura ta’ konfiska, mingħajr ma jsemmi bl-ebda mod lil terzi. |
50 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet differenti jirriżulta li, peress li l-konfiska tal-oġġetti li jappartjenu lil terzi hija prevista biss fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/42, il-konfiska tal-beni prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tista’ tikkonċerna biss il-beni tal-persuni ssuspettati u dawk akkużati. |
51 |
Il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, li l-beni ntuża b’mod permanenti mill-persuna akkużata ma huwiex tali li jippermetti l-konfiska ta’ dan il-beni, meta dan jappartjeni għal terzi f’bona fide, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42. |
52 |
Fi kwalunkwe każ u sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix il-konfiska tal-beni ta’ terzi f’bona fide f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih quddiem qorti nazzjonali (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Poplawski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-konfiska ta’ beni li jappartjeni lil terz f’bona fide u li jintuża bħala strument ta’ reat, inkluż meta dan il-beni jkun tqiegħed minn dan it-terz għad-dispożizzjoni permanenti tal-persuna akkużata. |
Fuq it‑tielet domanda
54 |
Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.