SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

12 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Iffriżar u konfiska tal-mezzi u tar-rikavat mill-kriminalità fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2014/42/UE – Artikolu 4 – Konfiska – Artikolu 7 – Iffriżar – Artikolu 8 – Garanziji proċedurali – Iffriżar u konfiska ta’ beni ta’ terzi fil-proċeduri kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rikors għal terzi matul il-proċeduri ġudizzjarji u li ma tippermettix ir-restituzzjoni eventwali tal-imsemmi beni qabel l-għeluq tal-proċeduri kriminali”

Fil‑Kawża C‑505/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura mibdija minn

RR,

JG,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114), tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li matulhom RR u JG, bħala terzi għal din il-proċedura, talbu, quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-restituzzjoni tal-beni ssekwestrati tagħhom matul il-fażi preliminari tal-imsemmija proċeduri.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 15, 31, 33, 34 u 38 tad-Direttiva 2014/42 jistabbilixxu:

“(15)

Għandu jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat ta’ kriminalità, jew il-proprjetà [beni] li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat mill-kriminalità, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali. Tali kundanna definittiva tista’ tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia. Meta ma jkunx possibbli li ssir konfiska abbażi ta’ kundanna definittiva, madankollu f’ċerti ċirkostanzi għandu jibqa’ jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat, tal-inqas f’każijiet ta’ mard jew ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata. Madankollu, f’tali każijiet ta’ mard jew ħarba, l-eżistenza ta’ proċedimenti in absentia fi Stati Membri tkun biżżejjed biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu. Meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun ħarbet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli u jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata titħarrek jew tiġi infurmata bil-proċedimenti ta’ konfiska.

[…]

(31)

Minħabba li l-ordnijiet ta’ ffriżar joħolqu limitazzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà, dawn il-miżuri proviżorji m’għandhomx jinżammu fis-seħħ iktar minn kemm ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata d-disponibbiltà tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. Dan jista’ jkun jeħtieġ li ssir rieżami mill-qorti sabiex jiġi żgurat li l-għan li l-proprjetà ma tintefaqx ikun għadu validu.

[…]

(33)

Din id-Direttiva taffettwa b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni, mhux biss ta’ dawk suspettati jew akkużati iżda anke ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jitressqu quddiem il-qorti. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom meta ssir l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan jinkludi d-dritt li jinstemgħu għall-partijiet terzi li jiddikjaraw li huma s-sidien tal-proprjetà kkonċernata, jew li jiddikjaraw li jkollhom drittijiet oħra ta’ proprjetà (‘drittijiet reali’, ‘ius in re’), bħad-dritt ta’ użufrutt. L-ordni ta’ ffriżar għandha tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata kemm jista’ jkun malajr wara li tiġi eżegwita. Minkejja dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni ta’ tali ordnijiet lill-persuna affettwata minħabba l-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.

(34)

L-għan tal-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ffriżar huwa, fost l-oħrajn, li l-persuna affettwata tkun tista’ tikkontesta l-ordni. Għalhekk, tali komunikazzjoni għandha tindika, għallinqas fil-qosor, ir-raġuni jew raġunijiet li għalihom ittieħdet l-ordni kkonċernata, filwaqt li jinftiehem li tali indikazzjoni tista’ tkun konċiża ferm.

[…]

(38)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta] u l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’Ruma l-4 ta’ Novembru 1950] (“il-KEDB”), kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u ma’ dawn il-prinċipji. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-għajnuna legali u ma toħloqx xi obbligu għas-sistemi ta’ għajnuna legali tal-Istati Membri, li għandhom japplikaw f’konformità mal-Karta u mal-KEDB.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;

4)

‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

5)

‘iffriżar’ tfisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, tal-qerda, tal-konverżjoni, taċ-ċessjoni jew tal-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja ta’ kustodja jew ta’ kontroll ta’ proprjetà;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn:

[…]

g)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi [(ĠU 2006, L 153M, p. 94)];

h)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata [(ĠU 2008, L 300, p. 42)];

[…]”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Konfiska” jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.”

8

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva: “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, benefiċċju ekonomiku, fejn qorti abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna li tinstab ħatja, tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet minn imġiba kriminali.”

9

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konfiska fir-rigward ta’ parti terza”, jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw ir-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata, tal-inqas jekk dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur fis-suq.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide.”

10

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Iffriżar”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jiffriżaw proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. Dawk il-miżuri, li għandhom jiġu ordnati minn awtorità kompetenti, għandhom jinkludu azzjoni urġenti li għandha tittieħed fejn meħtieġ biex tiġi preservata l-proprjetà.

2.   Il-proprjetà fil-pussess ta’ parti terza, kif imsemmi taħt l-Artikolu 6, tista’ tkun soġġetta għal miżuri ta’ ffriżar għall-fini tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement.”

11

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Salvagwardji”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni affettwati mill-miżuri previsti skont din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ordni ta’ ffriżar tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata mill-iktar fis possibbli wara li tiġi eżegwita. Tali komunikazzjoni għandha tindika, għall-inqas fil-qosor, ir-raġuni jew raġunijiet li għalihom ittieħdet l-ordni kkonċernata. Meta jkun jeħtieġ li jiġi evitat li tiġi pperikolata l-investigazzjoni kriminali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ffriżar lill-persuna affettwata.

3.   L-ordni ta’ ffriżar għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ li l-proprjetà tiġi ppreservata fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata tikkontesta l-ordni ta’ ffriżar quddiem qorti, f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-liġi nazzjonali. Tali proċeduri jistgħu jipprevedu li meta l-ordni ta’ ffriżar inizjali tkun ittieħdet minn awtorità kompetenti li ma tkunx awtorità ġudizzjarja, tali ordni l-ewwel għandha tintbagħat għall-validazzjoni jew ir-rieżami lill-awtorità ġudizzjarja qabel ma tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti.

5.   Il-proprjetà ffriżata li ma tiġix sussegwentement ikkonfiskata għandha tintradd lura immedjatament. Il-kundizzjonijiet jew regoli ta’ proċedura li skonthom tali proprjetà tintradd lura għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe ordni ta’ konfiska tkun debitament motivata u li l-ordni tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà effettiva li persuna li fil-konfront tagħha tkun inħarġet ordni ta’ konfiska tkun tista’ tikkontesta dik l-ordni quddiem qorti.

[…]

9.   Il-partijiet terzi għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-titolu tas-sjieda jew drittijiet ta’ proprjetà oħrajn, inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

[…]”

Id‑dritt Bulgaru

Il‑Kodiċi Kriminali

12

L-Artikolu 53 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali) jistipula:

“(1)   Irrispettivament minn kull responsabbiltà kriminali, għandhom jiġu kkonfiskati għall-benefiċċju tal-Istat:

a)

il-beni li tappartjeni lill-persuna li tinstab ħatja u li kienet intiża, jew li serviet, għat-twettiq ta’ reat kriminali premeditat; meta dan il-beni ma tkunx għadu jeżisti jew ikun ġiet ittrasferit, għandu jiġi ddeterminat l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tiegħu;

b)

il-beni li jappartjeni lil persuna li nstabet ħatja u li kienet is-suġġett ta’ reat premeditat, fil-każijiet espressament previsti fil-parti speċjali ta’ dan il-kodiċi.

(2)   Għandhom jiġu kkonfiskati wkoll għall-benefiċċju tal-Istat:

a)

il-beni li kien is-suġġett jew l-istrument ta’ reat kriminali u li l-pussess tagħha huwa pprojbit; u

b)

il-prodotti diretti u indiretti miksuba permezz tar-reat kriminali, jekk ma huwiex meħtieġ li jiġu rrestitwiti jew li jiġu rrimborsati; meta dawn il-prodotti ma jkunux għadhom jeżistu jew ikunu nbiegħu, jiġi ddeterminat l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tagħhom.

(3)   Fis-sens tal-paragrafu 2(b):

1.

jikkostitwixxi ‘rikavat dirett’ kull vantaġġ ekonomiku li huwa konsegwenza immedjata tal-ksur;

2.

jikkostitwixxi ‘rikavat indirett’ kull vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mid-dispożizzjoni tar-rikavat dirett, kif ukoll minn kull beni li jirriżulta mit-trasformazzjoni ulterjuri totali jew parzjali tar-rikavat dirett, inkluż meta dan ikun tħallat ma’ beni ta’ oriġini legali; il-beni huwa suġġett għal konfiska sal-valur tar-rikavat dirett imħallat, inkluż żidiet fil-valur tal-beni, meta dawn ikunu marbuta direttament mad-dispożizzjoni jew mat-trasformazzjoni tar-rikavat dirett u mal-inkorporazzjoni tar-rikavat dirett fil-beni.”

Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

13

L-Artikolu 111 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), intitolat “Żamma tal-provi materjali”, jipprevedi:

“(1)   Il-provi materjali jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri kriminali.

(2)   L-oġġetti ssekwestrati għall-finijiet ta’ provi materjali jistgħu jiġu rrestitwiti lill-aventi kawża li lilhom ġew ikkonfiskati bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur qabel it-tmiem tal-proċeduri kriminali, biss meta dan ma jostakolax l-aċċertament tal-verità oġġettiva u meta ma jkunux is-suġġett ta’ ksur amministrattiv.

(3)   Il-prosekutur pubbliku għandu jiddeċiedi dwar it-talbiet għal restituzzjoni f’terminu ta’ tlett ijiem. Rifjut tal-prosekutur skont il-paragrafu (2) jista’ jiġi kkontestat mid-detentur tad-drittijiet quddiem il-qorti kompetenti tal-ewwel istanza. Din il-qorti ser tiddeċiedi dwar l-appell fi żmien tliet ijiem minn meta tirċeviha, waqt seduta in camera, u d-deċiżjoni tagħha ser tkun definittiva.

(4)   L-oġġetti li jistgħu jiddeterjoraw ssekwestrati bħala provi materjali, irtirati mill-aventi kawża u li ma jistgħux jiġu rrestitwiti, jingħataw lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet ġuridiċi kkonċernati bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur pubbliku sabiex jintużaw skont l-assenjazzjoni tagħhom jew għandhom jinbiegħu, f’liema każ id-dħul mill-bejgħ jiġi ddepożitat għand bank kummerċjali, għall-użu tal-baġit nazzjonali.

(5)   Id-drogi, il-prekursuri tad-droga u l-pjanti psikotropiċi, kif ukoll il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, jistgħu jinqerdu qabel ma jitlestew il-proċeduri kriminali skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri previsti mil-liġi. F’dan il-każ, huma biss il-kampjuni rappreżentattivi ssekwestrati li jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Fil‑15 ta’ Jannar 2019, waqt il-kontroll ta’ vettura misjuqa minn WE u li fiha kienet tinsab ukoll RR, il-konkubina tiegħu, u l-proprjetarja ta’ din il-vettura, ġiet ikkonstatata l-preżenza ta’ drogi. WE u RR tqiegħdu taħt att ta’ akkuża iżda, wara li ġie kkunsidrat, wara l-inkjesta, li RR ma kinitx informata bil-preżenza tad-drogi, il-prosekutur pubbliku temm il-proċeduri kriminali kontra din tal-aħħar. Madankollu, il-vettura, li l-investigazzjoni tagħha wriet li tqiegħdet b’mod permanenti għad-dispożizzjoni ta’ WE, baqgħet issekwestrata bħala prova materjali, konformement mal-Artikolu 111 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri kontra WE.

15

Fis‑7 ta’ Awwissu 2019, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra grupp organizzat għat-traffikar tad-drogi, saret tfittxija fid-dar ta’ JG li matulha nqabdu żewġ telefons ċellulari u somma flus. Madankollu JG ma tqegħedx taħt att ta’ akkuża, peress li l-prosekutur pubbliku qies li ma kienx involut fir-reat. Iż-żewġ telefons ċellulari u s-somma ta’ flus baqgħu ssekwestrati bħala provi materjali, skont l-Artikolu 111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra l-membri tal-grupp organizzat.

16

RR u JG marru quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, b’talba għar-restituzzjoni tal-beni rispettivi tagħhom.

17

Skont din il-qorti, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-possibbiltà għal terz li jitlob, matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, ir-restituzzjoni ta’ beni ssekwestrat, hija ma tippermettix li tintalab tali restituzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, fażi li tista’ ddum diversi snin.

18

L-imsemmija qorti żżid li l-Artikolu 53 tal-Kodiċi Kriminali ma jippermettix il-konfiska tal-oġġett ta’ terz f’bona fide f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-oġġetti ssekwestrati fil-kawża prinċipali għandhom jiġu rrestitwiti lill-proprjetarji tagħhom fi tmiem il-fażi ġudizzjarja.

19

Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-Direttiva 2014/42, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42/UE […] jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, wara l-iffriżar ta’ proprjetà, issekwestrata bħala eventwali mezz strumentali jew rikavat minn attività kriminali, fil-fażi ġudizzjarja tal-proċess, il-persuna kkonċernata ma għandhiex id-dritt titlob lill-qorti li tingħata lura din il-proprjetà?

2)

Hija kompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 2 tagħha, u mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-konfiska ta’ “mezz strumentali” ma hijiex permessa fir-rigward ta’ oġġett li huwa proprjetà ta’ terz li ma jkunx ħa sehem fl-attività kriminali iżda li jkun qiegħed dan l-oġġett għad-dispożizzjoni permanenti tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali, b’tali mod li, fir-relazzjoni interna ta’ bejniethom, hija din il-persuna tal-aħħar li teżerċita drittijiet bħala proprjetarja?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) u l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2014/42 jistabbilixxu l-obbligu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li dan it-terz, li l-proprjetà tiegħu ġiet iffriżata u tista’ tkun ikkonfiskata bħala mezz strumentali, għandu jitħalla jipparteċipa fil-proċedura li tista’ twassal għall-konfiska u għandu jitħalla jikkontesta d-deċiżjoni ta’ tali konfiska quddiem qorti?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta beni jiġu ssekwestrati bħala strumenti jew prodotti preżunti ta’ reati, il-proprjetarju ta’ dawn il-beni, terz f’bona fide, ma għandu, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, ebda dritt li jressaq quddiem il-qorti kompetenti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni.

22

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-reati marbuta mal-kriminalità organizzata u mat-traffikar tad-drogi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/42.

23

Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(g) u (h) tagħha, din id-direttiva tapplika għar-reati koperti mid-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841, li jirrigwardaw rispettivament ir-reati fil-qasam tat-traffikar tad-droga u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

24

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji”, jimponi fuq l-Istati Membri, fil-paragrafu 1 tiegħu, li jipprevedu favur il-persuni kkonċernati mill-miżuri previsti mill-imsemmija direttiva dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ dawn il-persuni. Din id-dispożizzjoni b’hekk tafferma mill-ġdid, fil-qasam kopert minn din l-istess direttiva, id-drittijiet fundamentali msemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprevedi b’mod partikolari li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu u b’mod partikolari li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ekwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 75).

25

Fl-ewwel lok, il-miżuri previsti mid-Direttiva 2014/42 jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-iffriżar ta’ beni li huwa ddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala “il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, tal-qerda, tal-konverżjoni, taċ-ċessjoni jew tal-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja ta’ kustodja jew ta’ kontroll ta’ proprjetà”.

26

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħu taħt il-kustodja tal-awtoritajiet implikati fil-prosekuzzjonijiet kriminali. Għaldaqstant, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li s-sekwestru inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “iffriżar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom id-Direttiva 2014/42 tippermetti l-użu ta’ ffriżar ta’ beni, l-Artikolu 7 tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu l-iffriżar tal-beni fid-dawl tal-konfiska ulterjuri eventwali tagħhom.

28

F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk il-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġewx iffriżati fid-dawl tal-konfiska ulterjuri eventwali tagħhom, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7.

29

F’dan ir-rigward, fil-mument li fih il-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew iffriżati, setgħet issir konfiska ulterjuri ta’ dawn il-beni.

30

Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna RR, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar inizjalment ġiet imqiegħda taħt ta’ akkuża għar-reat ta’ traffikar tad-drogi u li kien biss sussegwentement li l-involviment tagħha f’dan ir-reat ġie eskluż mill-prosekutur pubbliku, b’tali mod li l-persuna kkonċernata ġiet ikklassifikata bħala terzi f’bona fide, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, kien jipprekludi l-konfiska tal-beni tagħha skont il-leġiżlazzjoni Bulgara.

31

Fir-rigward ta’ JG, minn din l-istess deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-parteċipazzjoni tiegħu fl-attività kriminali inkwistjoni ġiet eskluża biss wara eżami taż-żewġ telefons ċellulari maqbuda, b’tali mod li dawn it-telefons ċellulari kif ukoll is-somma ta’ flus ġew iffriżati fid-dawl tal-konfiska ulterjuri eventwali tagħhom.

32

Għaldaqstant, sa fejn l-oġġetti ta’ RR u ta’ JG setgħu, fil-mument tal-iffriżar, ikunu s-suġġett ta’ konfiska ulterjuri skont id-dritt Bulgaru, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ persuni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/42. Konsegwentement, huma kkonċernati minn miżura prevista minn din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha.

33

F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-fatt li l-proprjetarju tal-beni ffriżati ma għandu l-ebda dritt, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, li jressaq quddiem il-qorti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42 jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jżommu d-drittijiet tagħhom.

34

F’dan ir-rigward, minħabba n-natura ġenerali tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzzjoni, il-persuni li lilhom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedji effettivi u smigħ xieraq ma humiex biss dawk irrikonoxxuti ħatja ta’ reat iżda wkoll it-terzi li l-beni tagħhom huma kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ konfiska (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42, li tistipula li din id-direttiva tippreġudika b’mod sinjifikattiv id-drittijiet tal-persuni, mhux biss tal-persuni ssuspettati jew tal-akkużati, iżda wkoll ta’ terzi li ma humiex is-suġġett ta’ prosekuzzjoni filwaqt li jsostnu li huma l-proprjetarji tal-beni kkonċernati. Għaldaqstant huwa meħtieġ, skont din il-premessa, li jiġu previsti garanziji speċifiċi u rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fl-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 77).

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, li tipprevedi li, fid-dawl tal-limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet ta’ ffriżar, dawn il-miżuri provviżorji ma għandhomx jiġu applikati iktar milli meħtieġ sabiex jiġu ssalvagwardjati l-beni fid-dawl tal-konfiska eventwali tagħhom sussegwenti u li minn dan jirriżulta li dan jista’ jobbliga lill-qorti kkonċernata tistħarreġ li l-għan tad-deċiżjoni ta’ ffriżar jibqa’ validu.

37

Tali approċċ jippreżumi li t-terz f’bona fide proprjetarju ta’ beni ffriżat jista’, ukoll matul il-proċeduri ġudizzjarji, jitlob lill-qorti kompetenti teżamina jekk il-kundizzjonijiet imposti għall-iffriżar ta’ dan il-beni jibqgħux issodisfatti. Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix tali possibbiltà tmur kontra l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42.

38

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta beni jiġu ffriżati bħala strumenti jew li huma preżunti rikavat ta’ reati, il-proprjetarju ta’ dawn il-beni, terz f’bona fide, ma għandu, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, ebda dritt li jressaq quddiem il-qorti kompetenti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni.

Fuq it‑tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-konfiska ta’ beni li jappartjenu lil terzi f’bona fide u użat bħala strument ta’ ksur, inkluż meta dan l-oġġett ikun tqiegħed minn dan it-terzi għad-dispożizzjoni permanenti tal-persuna akkużata.

40

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni Ewropea tqajjem l-inammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li din ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li konfiska ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi implimentata fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, imur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-istrument inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kkonfiskat, b’tali mod li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jkunx jixtieq iktar u lanqas ma jipprevedi iktar il-possibbiltà li dan l-istrument jiġi sussegwentement ikkonfiskat.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet it-tilwima u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tawtorizzax il-konfiska tal-beni ta’ terzi f’bona fide f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Issa, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf preċiżament jekk, abbażi tad-Direttiva 2014/42, tali konfiska hijiex meħtieġa f’din is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, ma jirriżultax b’mod manifest li t-tieni domanda ma kellha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża, b’tali mod li din id-domanda hija ammissibbli.

44

Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 jipprevedi l-konfiska, b’mod partikolari, tal-“mezzi strumentali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bla ħsara għal kundanna definittiva għal reat.

45

Madankollu, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi espliċitament l-istrumenti u l-kundanna definittiva għal reat, il-formulazzjoni tagħha ma tippreċiżax jekk l-istrument li huwa s-suġġett ta’ konfiska għandux neċessarjament jappartjeni lill-persuna kkundannata.

46

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll, b’mod partikolari, il-kuntest li fih tinsab (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dwar il-“konfiska estiża”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan jista’ jikkonċerna biss “il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali”, b’tali mod li l-beni ta’ terzi hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

48

Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, dan isemmi espliċitament, kif jikkonferma t-titolu tiegħu, il-“konfiska fir-rigward ta’ parti terza”, dan l-artikolu jirreferi biss għar-“rikavat”, u mhux għall-“mezzi strumentali”, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, isservi bħala bażi sabiex jiġi kkonfiskat strument f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

49

Fir-rigward tal-premessa 15 tad-Direttiva 2014/42, li fid-dawl tagħha għandu jinqara l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, huwa jistabbilixxi obbligu li l-persuni suspettati u dawk akkużati jiġu informati bil-proċedura ta’ konfiska, mingħajr ma jsemmi bl-ebda mod lil terzi.

50

Minn dawn id-dispożizzjonijiet differenti jirriżulta li, peress li l-konfiska tal-oġġetti li jappartjenu lil terzi hija prevista biss fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/42, il-konfiska tal-beni prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tista’ tikkonċerna biss il-beni tal-persuni ssuspettati u dawk akkużati.

51

Il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, li l-beni ntuża b’mod permanenti mill-persuna akkużata ma huwiex tali li jippermetti l-konfiska ta’ dan il-beni, meta dan jappartjeni għal terzi f’bona fide, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42.

52

Fi kwalunkwe każ u sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix il-konfiska tal-beni ta’ terzi f’bona fide f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih quddiem qorti nazzjonali (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Poplawski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-konfiska ta’ beni li jappartjeni lil terz f’bona fide u li jintuża bħala strument ta’ reat, inkluż meta dan il-beni jkun tqiegħed minn dan it-terz għad-dispożizzjoni permanenti tal-persuna akkużata.

Fuq it‑tielet domanda

54

Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta beni jiġu ffriżati bħala strumenti jew li huma preżunti rikavat ta’ reati, il-proprjetarju ta’ dawn il-beni, terz f’bona fide, ma għandu, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, ebda dritt li jressaq quddiem il-qorti kompetenti talba għal restituzzjoni tal-imsemmija beni.

 

2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-konfiska ta’ beni li jappartjeni lil terz f’bona fide u li jintuża bħala strument ta’ reat, inkluż meta dan il-beni ikun tqiegħed minn dan it-terzi għad-dispożizzjoni permanenti tal-persuna akkużata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.