SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Tkeċċija ta’ ħaddiem li sar definittivament inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni tiegħu – Membru tal-persunal li jwettaq stage fil-kuntest tar-reklutaġġ tiegħu – Artikolu 5 – Akkomodament raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà – Obbligu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid f’pożizzjoni oħra – Obbligu taħt piena li ma jikkostitwixxix piż disproporzjonat għall-persuna li timpjega”

Fil-Kawża C‑485/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

XXXX

vs

HR Rail SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal XXXX, minn M. Wilmet, avocate,

għal HR Rail SA, minn C. Van Olmen, V. Vuylsteke u G. Busschaert, avocats,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Van Regemorter, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn M. Pimenta, A. Barros da Costa u M. João Marques, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XXXX u HR Rail SA dwar it-tkeċċija ta’ dan tal-aħħar minħabba diżabbiltà.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni NU”), tistabbilixxi fil-punt (e) tal-preambolu tagħha:

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kunċett ta’ diżabbiltà jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-interazzjoni bejn il-persuni b’inkapaċitajiet u l-ostakoli komportamentali u ambjentali li jostakolaw il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Għan”:

“L-għan ta’ din il-konvenzjoni huwa li tiġi promossa, protetta u żgurata t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li jiġi promoss ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandhom impedimenti fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fuq perijodu twil li, flimkien ma’ interazzjoni ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni:

[…]

‘diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà’ tfisser kull distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew l-effett li tikkomprometti jew ixxejjen ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju, fuq bażi ugwali mal-oħrajn, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili jew oħrajn. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ akkomodament raġonevoli;

‘akkomodament raġonevoli’ tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew indebitu, fejn meħtieġ f’każ partikolari, sabiex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali mal-oħrajn, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni NU, intitolat “Xogħol u impjieg”, jipprovdi:

“L-Istati Kontraenti għandhom jirrikonoxxu lill-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, id-dritt għax-xogħol, inkluża l-opportunità li jaqilgħu l-għajxien billi jwettqu xogħol magħżul liberament jew aċċettat f’suq tax-xogħol u f’ambjent tax-xogħol miftuħin, li jiffavorixxu l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà. L-Istati Kontraenti għandhom jiggarantixxu u jiffavorixxu l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li kisbu diżabbiltà waqt l-impjieg, billi jittieħdu miżuri xierqa, inklużi miżuri leġiżlattivi, b’mod partikolari:

[…]

h)

li jiffavorixxu r-reklutaġġ ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat billi jimplimentaw politiki u miżuri xierqa, inkluż fejn xieraq programmi ta’ azzjoni pożittiva, inċentivi u miżuri oħra;

i)

li jiżguraw li jsir akkomodament raġonevoli fil-postijiet tax-xogħol għal persuni b’diżabbiltà;

[…]

k)

li jippromwovu rijabilitazzjoni vokazzjonali u professjonali, żamma tal-impjieg u programmi dwar ritorn lejn ix-xogħol għal persuni b’diżabbiltà.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

7

Il-premessi 16, 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78 huma fformulati kif ġej:

“(16)

Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

(17)

Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħriġ relevanti, mingħajr preġudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

[…]

(20)

Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarriġ jew integrazzjoni.

(21)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.”

8

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

b)

l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ gwida professjonali, formazzjoni professjonali, formazzjoni u riformazzjoni professjonali iktar avvanzata, inkluż taħriġ ta’ xogħol prattiku;

c)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, jipprovdi:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

Id‑dritt Belġjan

10

Il-loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discriminations (il-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007 Intiża għall-Ġlieda Kontra Ċerti Forom ta’ Diskriminazzjoni), li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan, tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta u indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, stabbiliti fl-Artikolu 4(4) tagħha, b’mod partikolari l-istat ta’ saħħa attwali u futur, kif ukoll id-diżabbiltà.

11

Skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, distinzjoni indiretta abbażi tad-diżabbiltà tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, sakemm ma jiġix ipprovat li ebda akkomodament raġonevoli ma jista’ jiġi stabbilit. Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi, kull forma ta’ diskriminazzjoni hija pprojbita, peress li d-diskriminazzjoni għandha tinftiehem b’mod partikolari bħala d-diskriminazzjoni diretta, id-diskriminazzjoni indiretta u r-rifjut li jiġi stabbilit akkomodament raġonevoli għal persuna b’diżabbiltà.

12

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(12) tal-istess liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “akkomodament raġonevoli” bħala kull “miżuri xierqa, meħuda skont il-ħtiġijiet f’sitwazzjoni konkreta, sabiex persuna b’diżabbiltà taċċedi, tipparteċipa u tavvanza fl-oqsma li fir-rigward tagħhom tapplika din il-liġi, sakemm dawn il-miżuri ma joħolqux piż sproporzjonat fuq il-persuna li għandha tadottahom. Dan il-piż ma jkunx sproporzjonat meta jkun suffiċjentement ikkumpensat b’miżuri eżistenti fil-kuntest tal-politika pubblika mwettqa fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

13

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie rreklutat bħala teknixin ta’ manutenzjoni speċjalizzat fil-ferroviji, minn HR Rail, kumpannija li timpjega esklużiva tal-persunal tal-linji tal-ferrovija Belġjani. Fil‑21 ta’ Novembru 2016, huwa beda stage fi ħdan Infrabel, entità ġuridika li taġixxi bħala “amministratur tal-infrastruttura” għall-ferroviji Belġjani. F’Diċembru 2017, huwa ġie ddjanjostikat b’kundizzjoni tal-qalb li ħtieġet it-tqegħid ta’ pacemaker, apparat sensittiv għall-kampijiet elettromanjetiċi li jinsabu, fost l-oħrajn, fil-linji ferrovjarji. Peress li dan it-tagħmir mediku huwa inkompatibbli mal-espożizzjoni repetuta fil-kampijiet elettromanjetiċi li huwa suġġett għaliha teknixin ta’ manutenzjoni fuq il-linji ferrovjarji, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx għadu f’pożizzjoni li jwettaq il-kompiti li kien ġie rreklutat għalihom oriġinarjament.

14

Fit‑12 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent ġie rrikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà mis-Service public fédéral ‘Sécurité sociale’ (is-Servizz Pubbliku Federali tas-Sigurtà Soċjali, il-Belġju).

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2018, is-centre régional de la médecine de l’administration (iċ-Ċentru Reġjonali Mediku tal-kumpannija, il-Belġju), responsabbli mill-evalwazzjoni tal-kapaċità medika tal-uffiċjali tal-linji tal-ferrovija Belġjani, iddikjara li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx kapaċi jeżerċita l-funzjonijiet li għalihom kien ġie rreklutat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”). Madankollu, iċ-Ċentru Reġjonali Mediku Amministrattiv ippreċiża li huwa seta’ jiġi rreklutat f’pożizzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti segwenti: “attività medja, assenzja ta’ espożizzjoni għall-kampijiet elettromanjetiċi, projbizzjoni ta’ xogħol f’altitudni jew espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet”.

16

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għalhekk ġie assenjat mill-ġdid f’pożizzjoni ta’ magazzinier fi ħdan l-istess impriża.

17

Fl‑1 ta’ Lulju 2018, huwa ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni quddiem il-commission d’appel de la médecine de l’administration (il-Bord Mediċinali tal-Appell tal-kumpannija, il-Belġju).

18

Fid‑19 ta’ Lulju 2018, HR Rail informat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li kien ser jibbenefika minn “appoġġ personalizzat sabiex jinstab impjieg ġdid magħha” u li għal dan il-għan kien ser jissejjaħ għal intervista f’qasir żmien.

19

Fit‑3 ta’ Settembru 2018, il-Bord Mediċinali tal-Appell tal-kumpannija kkonferma d-deċiżjoni inkwistjoni.

20

Fis‑26 ta’ Settembru 2018, il-Konsulent Kap – Kap tad-Dipartiment informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bit-tkeċċija tiegħu fit‑30 ta’ Settembru 2018, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ reklutaġġ ta’ 5 snin fil-grad li fih ġie rreklutat.

21

Fis‑26 ta’ Ottubru 2018, id-Direttur Ġenerali ta’ HR Rail informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li, skont il-memorandum ta’ assoċjazzjoni u r-regoli applikabbli għall-persunal tal-linji tal-ferrovija Belġjani, l-istage tiegħu ntemmet minħabba l-impossibbiltà totali u definittiva tiegħu li jwettaq il-kompiti li għalihom kien ġie rreklutat. Fil-fatt, kuntrarjament għall-membri tal-persunal b’kuntratti permanenti, l-istagiaires irrikonoxxuti bħala persuni b’diżabbiltà u għalhekk ma humiex iktar kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom ma jibbenefikawx minn assenjazzjoni mill-ġdid fi ħdan l-impriża. Id-Direttur Ġenerali informah ukoll li l-ittra li toffri “akkomodament personalizzat” ma kellhiex iktar skop.

22

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), kontra d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2018 li informatu bit-tkeċċija tiegħu fit‑30 ta’ Settembru 2018.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kundizzjonijiet tas-saħħa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jippermettuh jikkwalifika bħala “persuna b’diżabbiltà” fis-sens tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan. Madankollu, hija tikkonstata li l-ġurisprudenza nazzjonali ma analizzatx konsistentement il-kwistjoni dwar jekk, permezz ta’ “akkomodament raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, għandhiex titqies ukoll il-possibbiltà li l-persuna, minħabba d-diżabbiltà tagħha, tiġi assenjata funzjoni oħra, peress li ma hijiex kapaċi teżerċita l-funzjoni li hija kienet tokkupa qabel l-okkorrenza tad-diżabbiltà.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu, fir-rigward ta’ persuna li, minħabba d-diżabbiltà tagħha, ma tkunx iktar kapaċi taqdi l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni li għaliha tkun ġiet assenjata, li tassenjaha f’pożizzjoni oħra li għaliha jkollha l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltà meħtieġa meta tali miżura ma timponix piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega?”

Fuq id‑domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “akkomodament raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jeżiġi li ħaddiem, inkluż dak li jwettaq stage wara li jkun ġie rreklutat, li, minħabba d-diżabbiltà tiegħu, ikun ġie ddikjarat inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni okkupata minnu, jiġi assenjat f’pożizzjoni oħra li fir-rigward tagħha huwa għandu l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltà meħtieġa.

26

Qabelxejn, huwa importanti li jitfakkar li, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol” lil kull persuna, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm inkluża d-diżabbiltà (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Din id-direttiva tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il qudidem il-“Karta”). Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tal-Karta jipprovdi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C‑824/19, EU:C:2021:862, punti 3233, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija direttiva tistax tiġi invokata minn persuna li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, filwaqt li kienet qiegħda twettaq stage wara li ġiet irreklutata mill-persuna li timpjegaha, saritilha pacemaker, li rrendiet impossibbli l-kontinwazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti li għalihom hija kienet oriġinarjament ġiet irreklutata, fid-dawl tas-sensittività ta’ dan it-tagħmir għall-kampijiet elettromanjetiċi emessi mil-linji ferrovjarji, u li, konsegwentement, wasslet għat-tkeċċija tagħha.

29

F’dan ir-rigward, l-ewwel, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tapplika kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi. Għaldaqstant, il-fatt li HR Rail għandha l-kwalità ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ma jipprekludix lir-rikorrent fil-kawża prinċipali milli jinvoka din id-direttiva.

30

It-tieni, skont l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tagħha, l-imsemmija direttiva tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, għal attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom jew għax-xogħol, kif ukoll għal aċċess għal kull tip u għal kull livell ta’ gwida professjonali, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avvanzat u rikwalifikazzjoni. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jwettaq stage wara r-reklutaġġ tiegħu mill-persuna li timpjegah.

31

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, li huwa l-istess bħal dak li hemm riferiment għalih fid-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 19), jestendi għall-persuni li jwettqu stage preparatorja jew perijodi ta’ taħriġ fi professjoni, li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu preparazzjoni prattika marbuta mal-eżerċizzju stess tal-professjoni inkwistjoni, peress li l-imsemmija perijodi jitwettqu fil-kundizzjonijiet ta’ attività mħallsa reali u effettiva favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Minn dan isegwi li l-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx, fid-data tat-tkeċċija tiegħu, membru tal-persunal irreklutat b’mod definittiv, ma jipprekludix li s-sitwazzjoni professjonali tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

33

It-tielet, huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu “diżabbiltà” fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2000/78.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens ta’ din id-Direttiva għandu jiġi mifhum bħala li jirreferi għal limitazzjoni fil-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali mal-ħaddiema l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 38, kif ukoll tal-‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica, C‑397/18, EU:C:2019:703, punt 41).

35

F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-fatt ibati minn problema tas-saħħa li teħtieġ it-tqegħid ta’ pacemaker, mekkaniżmu sensittiv għall-kampijiet elettromanjetiċi espressi, b’mod partikolari, mil-linji tal-ferrovija, aspett li ma jippermettilux jissodisfa l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni li huwa kien assenjat għaliha.

36

Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

37

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessi 20 u 21 tagħha, jirriżulta li l-persuna li timpjega hija obbligata tieħu l-miżuri xierqa, jiġifieri miżuri effikaċi u prattiċi, billi tieħu inkunsiderazzjoni kull sitwazzjoni individwali, sabiex tippermetti lil kull persuna b’diżabbiltà taċċedi għal impjieg, teżerċitah jew tavvanza fih, jew sabiex tingħata taħriġ mingħajr ma timponi fuq il-persuna li timpjega oneru sproporzjonat.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/78 għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi mal-Konvenzjoni NU (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C‑824/19, EU:C:2021:862, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni NU, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà tinkludi kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluż ir-rifjut ta’ akkomodament raġonevoli.

39

Mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà, għandu jiġi previst akkomodament raġonevoli. Għaldaqstant, il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu mizuri xierqa, skont il-ħtiġijiet f’sitwazzjoni partikolari, sabiex jippermettu persuna b’diżabbiltà taċċedi, tipparteċipa jew tavvanza f’impjieg, jew sabiex titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega.

40

Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-premessa 20 tal-imsemmija direttiva, li ssemmi, fost il-miżuri xierqa, “miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-lista ta’ miżuri xierqa ma hijiex eżawrjenti, u li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ta’ natura fiżika, organizzattiva u/jew edukattiva, peress li l-Artikolu 5 tal-istess direttiva, moqri fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni NU jippreskrivi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “akkomodament raġonevoli” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 4953).

41

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferiment magħmul fil-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78 għall-akkomodament tal-“post tax-xogħol”, għandu jinftiehem fis-sens li jenfasizza n-natura prijoritarja ta’ tali aġġustament fir-rigward ta’ miżuri oħra li jippermettu l-adattament tal-ambjent tax-xogħol tal-persuna b’diżabbiltà sabiex din tkun tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ u effettiv fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali mal-ħaddiema l-oħra. Dawn il-miżuri jistgħu għalhekk jinkludu implimentazzjoni mill-persuna li timpjega ta’ miżuri li jippermettu lil din il-persuna żżomm l-impjieg tagħha, bħal trasferiment lejn post tax-xogħol ieħor.

42

Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta. Iktar minn hekk, l-Artikolu 26 ta’ din il-karta jipprovdi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal‑persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-awtonomija, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fil‑ħajja tal‑komunità (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 47, kif ukoll tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C‑824/19, EU:C:2021:862, punti 3233).

43

Għaldaqstant, għandu jitqies, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu li, meta ħaddiem isir b’mod permanenti inkapaċi li jokkupa l-post tax-xogħol tiegħu minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu f’post tax-xogħol ieħor tista’ tikkostitwixxi miżura xierqa fil-kuntest ta’ akkomodament raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78.

44

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-kunċett li għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-eliminazzjoni ta’ diversi ostakoli li jostakolaw il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ persuni b’diżabbiltà fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali mal-ħaddiema l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 54).

45

Dan premess, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jobbliga lil min jimpjega jieħu miżuri li jimponulu “piż sproporzjonat”. F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni joħolqux piż sproporzjonat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż finanzjarji implikati, id-daqs u r-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjoni jew tal-impriża u l-possibbiltà li jinkisbu fondi pubbliċi jew kull għajnuna oħra.

46

Hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fattur li jista’ jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni huwa l-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li, wara li ġie ddikjarat li ma kienx kapaċi jeżerċita l-funzjonijiet li għalihom kien ġie rreklutat, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie assenjat mill-ġdid f’pożizzjoni ta’ magazzinier fi ħdan l-istess impriża.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li persuna b’diżabbiltà tiġi assenjata f’pożizzjoni tax-xogħol oħra teżisti biss fil-preżenza ta’ mill-inqas pożizzjoni vakanti waħda li jista’ jokkupa l-ħaddiem ikkonċernat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “akkomodament raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jeżiġi li ħaddiem, inkluż dak li jwettaq stage wara li jkun ġie rreklutat, li minħabba d-diżabbiltà tiegħu jkun ġie ddikjarat inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni okkupata minnu, jiġi assenjat f’pożizzjoni oħra li fir-rigward tagħha huwa għandu l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltà meħtieġa, bil-kundizzjoni li tali miżura ma timponix piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.

Fuq l‑ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “akkomodament raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jeżiġi li ħaddiem, inkluż dak li jwettaq stage wara li jkun ġie rreklutat, li minħabba d-diżabbiltà tiegħu jkun ġie ddikjarat inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni okkupata minnu, jiġi assenjat f’pożizzjoni oħra li fir-rigward tagħha huwa għandu l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltà meħtieġa, bil-kundizzjoni li tali miżura ma timponix piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.