SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
24 ta’ Frar 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 23(3) – Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk – Projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-minuri – Sistema ta’ sanzjonijiet – Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Obbligu, għall-bejjiegħa ta’ prodotti tat-tabakk, li jivverifikaw l-età tax-xerrej mal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti – Multa – Operat ta’ bar-tabakkerija – Sospensjoni tal-liċenzja ta’ operat għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ prekawzjoni”
Fil-Kawża C‑452/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura
PJ
vs
Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio dei monopoli per la Toscana,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal PJ, minn A. Celotto, avvocato, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, G. Koós u R. Kissné Berta, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u A. Spina, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2021
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ prekawżjoni, tal-Artikolu 5 TUE, tal-premessi 8, 21 u 60 kif ukoll tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, PJ u, min-naħa l-oħra, l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli – Ufficio dei monopoli per la Toscana (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji – Uffiċċju Doganali ta’ Toscana, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Doganali”) u l-Ministero dell’ economia e delle finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Aġenzija Doganali li permezz tagħha din imponiet sanzjoni pekunjarja fuq PJ, kif ukoll sanzjoni amministrattiva aċċessorja li tikkonsisti fis-sospensjoni tal-liċenzja tiegħu għall-operat tal-bar-tabakkerija tiegħu għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
3 |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat‑2 ta’ Ġunju 2004 (ĠU 2006, L 142M, p. 63), il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa [WHO] dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil‑21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem il-“FCTC”), ġiet approvata għan-nom tal-Unjoni Ewropea. Skont il-preambolu tal-FCTC, il-partijiet għal din il-konvenzjoni qafas jirrikonoxxu li “data xjentifika stabbilixxiet b’mod inkontestabbli li l-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk huma kawża ta’ mewt, ta’ mard u ta’ inkapaċità u li hemm differenza bejn l-espożizzjoni għas-sigarett u l-użu ta’ prodotti oħra tat-tabakk u d-dehra tal-mard marbut mat-tabakk” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
4 |
L-Artikolu 16(1) u (6) tal-FCTC jipprevedi: “1. Kull parti għandha tadotta u tapplika miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi fuq livell governattiv xieraq sabiex jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-persuni li ma laħqux l-età prevista mid-dritt intern jew stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew l-età ta’ tmintax-il sena. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:
[…] 6. Kull parti għandha tadotta u tapplika miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi, inkluż sanzjonijiet fil-konfront ta’ bejjiegħa u ta’ distributuri, sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-artikolu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id‑dritt tal‑Unjoni
5 |
Il-premessi 7, 8, 21, 48 u 60 tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:
sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-[FCTC].” |
7 |
L-Artikolu 23(3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn il-pieni jiġu infurzati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kwalunkwe piena amministrattiva finanzjarja li tista’ tiġi imposta bħala riżultat ta’ ksur intenzjonat tista’ tkun tali li tinnewtralizza l-vantaġġ ekonomiku mfittex permezz tal-ksur.” |
Id‑dritt Taljan
8 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-regio decreto n. 2316 – Approvazione del testo unico delle leggi sulla protezione ed assistenza della maternità ed infanzia (id-Digriet Irjali Nru 2316 li tapprova l-konsolidazzjoni tal-Liġijiet dwar il-Protezzjoni u l-Assistenza tal-Maternità u tat-Tfulija) tal‑24 ta’ Diċembru 1934 (GURI Nru 47, tal‑25 ta’ Frar 1935, p. 811), kif issostitwit bl-Artikolu 24(3) tad-decreto legislativo n. 6 Recepimento della direttiva 2014/40/UE sul ravvicinamento delle disposizioni legislative, regolamentari e amministrative degli Stati membri relative alla lavorazione, alla presentazione e alla vendita dei prodotti del tabacco e dei prodotti correlati e che abroga la direttiva 2001/37/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 6 dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE) tat‑12 ta’ Jannar 2016 (GURI Nru 13, tat‑18 ta’ Jannar 2016, p. 102) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 6/2016”) jipprovdi: “Kull persuna li tbigħ prodotti tat-tabakk, sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ rikarika li fihom in-nikotina, jew inkella prodotti tat-tabakk ġodda, għandha teħtieġ li x-xerrej jipproduċi dokument ta’ identità fil-mument tax-xiri tiegħu ħlief jekk ikun evidenti li dan tal-aħħar huwa maġġorenni. Kull persuna li tbigħ jew tipprovdi prodotti tat-tabakk, sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ rikarika li fihom in-nikotina, jew inkella prodotti tat-tabakk ġodda, lil minuri ta’ inqas minn tmintax-il sena hija suġġetta għal multa amministrattiva minn EUR 500 sa EUR 3000 u għal sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tagħha għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata. Fil-każ ta’ reċidiva, il-persuna hija suġġetta għal multa amministrattiva minn EUR 1000 sa EUR 8000 u għall-irtirar tal-liċenzja tal-operat tagħha.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
9 |
PJ huwa detentur ta’ liċenzja tal-operat ta’ bar-tabakkerija li tawtorizzah ibigħ prodotti tat-tabakk li huma suġġetti għal monopolju tal-Istat fl-Italja. |
10 |
Fix-xahar ta’ Frar 2016, waqt kontroll tal-Aġenzija Doganali, din ikkonstatat li PJ kien biegħ sigaretti lil minuri. |
11 |
B’applikazzjoni tal-Artikolu 24(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 6/2016, l-Aġenzija Doganali imponiet fuq PJ multa ammistrattiva fl-ammont ta’ EUR 1000 kif ukoll sanzjoni amministrattiva aċċessorja li tikkonsisti fis-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tal-bar-tabakkerija tiegħu għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata. |
12 |
PJ ħallas il-multa imposta fuqu. Għall-kuntrarju, huwa kkontesta quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tat-Toscana, l-Italja) is-sanzjoni amministrattiva aċċessorja li permezz tagħha l-liċenzja tal-operat ta’ bar-tabakkerija tiegħu kienet sospiża. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ PJ permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018. |
13 |
PJ appella mis-sentenza tat-Tribunale Amministrativo Regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tat-Toscana) quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet inkompatibbli mad-Direttiva 2014/40, b’mod partikolari s-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tiegħu kellha natura eċċessiva u sproporzjonata, għaliex din is-sanzjoni kienet ġiet imposta fuqu wara ksur wieħed imwettaq għall-ewwel darba. PJ qies għalhekk li din il-leġiżlazzjoni tagħti preċedenza lill-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex tiżgura d-dritt għas-saħħa tal-minuri, li wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
14 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, waqt l-eżami tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prevalenza li d-Direttiva 2014/40 tagħti lill-protezzjoni tas-saħħa taż-żgħażagħ. |
15 |
Din il-qorti tqis li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-interess tal-protezzjoni tas-saħħa taż-żgħażagħ, u min-naħa l-oħra, id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attività kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk, l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 iħalli lill-Istati Membri s-setgħa li jiddeterminaw is-sistemi ta’ sanzjonijiet intiżi sabiex jilħqu l-għan li jipprojbixxu l-konsum ta’ tabakk mill-minuri. L-imsemmija qorti żżid li, minkejja li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li s-sanzjonijiet finanzjarji imposti jistgħu jkunu ta’ natura li jinnewtralizzaw il-vantaġġ finanzjarju miksub minħabba l-ksur, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eskludiex il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi minbarra dawk pekunjarji. |
16 |
F’dan il-kuntest, l-istess qorti tqis li, billi ppreveda s-sospensjoni ta’ liċenzji tal-operat li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jbigħu prodotti tat-tabakk, il-leġiżlatur Taljan, b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/40, ta prijorità lill-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fuq id-dritt tal-imprenditur li jbigħ prodotti tat-tabakk. Għaldaqstant, it-telf finanzjarju tal-imprendituri mġarrab minħabba din is-sospensjoni huwa ġġustifikat u raġonevoli. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 25(2) tad-[Digriet Irjali Nru 2316 tal‑24 ta’ Diċembru 1934], kif issostitwit mill-Artikolu 24(3) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 6/2016] – sa fejn jipprovdi li “[k]ull persuna li tbigħ jew tipprovdi prodotti tat-tabakk, sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ rikarika li fihom in-nikotina, jew inkella prodotti tat-tabakk ġodda, lil minuri ta’ inqas minn tmintax-il sena huwa suġġett għal multa amministrattiva minn EUR 500 sa EUR 3000 u għal sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tiegħu għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata” – jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ prekawzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5 TUE, fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40/UE u fil-premessi 21 u 60 tal-istess direttiva, sa fejn dan jagħti preċedenza lill-prinċipju ta’ prekawzjoni mingħajr ma jirregolah permezz tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sal-punt li jissagrifika l-interessi tal-kummerċjanti b’mod sproporzjonat favur il-protezzjoni tas-saħħa u, b’dan il-mod, ma jassigurax l-ibbilanċjar tajjeb li għandu jinstab bejn id-drittijiet fundamentali differenti, billi jimponi, barra minn hekk, sanzjoni li ma ssegwix b’mod effettiv l-għan li titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip tat-tabakk fost iż-żgħażagħ kuntrarjament għal dak li tipprovdi l-premessa 8 [tal-imsemmija direttiva]?” |
Fuq id‑domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
18 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li trid tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment ta’ pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata. |
19 |
F’din il-kawża, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 TUE u tad-Direttiva 2014/40 biss, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Supplimenti ta’ pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 26). |
20 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, wara kontroll tal-Aġenzija Doganali, din tal-aħħar ikkonstatat li PJ kien biegħ sigaretti lil minuri bi ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri. Konsegwentement, l-Aġenzija Doganali imponiet fuqu, abbażi tad-dritt nazzjonali, sanzjoni amministrattiva pekunjarja kif ukoll sanzjoni amministrattiva aċċessorja li tikkonsisti fis-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tal-bar-tabakkerija tiegħu għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata. |
21 |
F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà tal-Artikolu 5 TUE f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, billi tirreferi għal dan l-artikolu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar preċiż, dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif previst fl-Artikolu 5(4) TUE. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, dan jikkonċerna l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jimponilhom li jikkonformaw ruħhom mal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ kompetenza (digriet tat‑13 ta’ Frar 2020, МАK TURS, C‑376/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:99, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Issa, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali tinsab fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 6/2016 adottat mil-leġiżlatur Taljan u tikkonċerna l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri fl-Italja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 5(4) TUE ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
24 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/40 u l-Artikolu 23(3), f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat l-ewwel, li, skont il-premessa 21 ta’ din id-direttiva, f’konformità, minn naħa, mal-għan tagħha, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, fuq il-bażi ta’ livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa, speċjalment għaż-żgħażagħ, u, min-naħa l-oħra, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jipprekludu l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lit-tfal u lill-adolexxenti, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri adatti li jistabbilixxu u jinfurzaw limiti ta’ età. |
25 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-inkoraġġiment ma ġiex rifless fid-Direttiva 2014/40 permezz ta’ dispożizzjoni li timponi obbligu li jiġu adottati miżuri li jipprojbixxu l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri. |
26 |
Fil-fatt, mill-premessa 48 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din ma tarmonizzax il-modalitajiet ta’ bejgħ tat-tabakk fis-swieq nazzjonali. Din il-premessa tipprevedi wkoll li l-Istati Membri huma liberi biex jirregolaw tali kwistjonijiet fil-limitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom u huma mħeġġa jagħmlu dan. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2014/40 ma wettqitx l-armonizzazzjoni ta’ dawn l-aspetti tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lill-minuri. |
28 |
Konsegwentement, la l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 u lanqas din tal-aħħar ma huma applikabbli f’dan il-każ. |
29 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-FCTC ġiet approvata f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513. |
30 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jagħmel, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, parti integrali tad-dritt tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla)C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-FCTC tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni. |
31 |
Mill-Artikolu 16(1) ta’ din il-konvenzjoni qafas, intitolat “Bejgħ lill-Minuri u mill-Minuri”, jirriżulta li kull parti għall-imsemmija konvenzjoni qafas għandha tadotta u tapplika miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi fuq livell governattiv sabiex jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-persuni li ma laħqux l-età prevista mid-dritt intern jew stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew l-età ta’ tmintax-il sena. Skont l-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, kull parti għall-istess konvenzjoni qafas għandha tadotta u tapplika miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi, inkluż sanzjonijiet fil-konfront ta’ bejjiegħa u ta’ distributuri, sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 tal-imsemmi Artikolu 16. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-FCTC. |
33 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn il-FCTC tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tagħha għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
34 |
Fir-rigward, fir-raba’ u fl-aħħar lok, tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ prekawzjoni f’dan il-każ, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jimplika li, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata tar-riskji, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li jkunu kompletament stabbiliti minn qabel ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma tiċħad ir-riskji marbuta mal-konsum tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip u, min-naħa l-oħra, li mill-preambolu tal-FCTC jirriżulta li data xjentifika stabbilixxiet b’mod inkontestabbli li l-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk huma kawżi ta’ mewt, ta’ mard u ta’ inkapaċità u li hemm differenza bejn l-espożizzjoni għas-sigarett u l-użu ta’ prodotti oħra tat-tabakk u d-dehra tal-mard marbut mat-tabakk. Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-prinċipju ma japplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri, tipprevedi, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, is-sospensjoni tal-liċenzja ta’ operat li tawtorizza lill-operatur ekonomiku li kiser din il-projbizzjoni li jbigħ tali prodotti għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata. |
Ir‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
B’mod partikolari, il-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, Pinzaru u Cirstinoiu, C‑707/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:574, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Fil-fatt, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punt 39 u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 166). |
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur issanzjonat, b’mod partikolari billi jiġi żgurat effett realment dissważiv, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Pinzaru u Cirstinoiu, C‑707/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:574, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Barra minn hekk, minkejja li hija l-qorti tar-rinviju, l-unika waħda kompetenti sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, is-sospensjoni ta’ liċenzja tal-operat ta’ bar-tabakkerija, minbarra l-multa li kienet ġiet imposta, hijiex proporzjonata mat-twettiq tal-għan leġittimu mfittex mill-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-minuri, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem sabiex titnaqqas b’mod partikolari, il-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan ta’ bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 39). |
41 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 24(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 6/2016 jirriżulta li l-leġiżlatur Taljan ippreveda kumulu ta’ sanzjonijiet, fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri, li jikkonsisti, minn naħa, fl-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja u, min-naħa l-oħra, fis-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tal-bar-tabakkerija tal-persuna li wettqet il-ksur għal ħmistax-il ġurnata. |
42 |
F’dak li jirrigwarda dan il-kumulu ta’ sanzjonijiet, il-Gvern Taljan josserva li, fiż-żmien tas-sistema ta’ sanzjonijiet preċedenti, li kienet tipprevedi biss sanzjonijiet purament pekunjarji, kunsiderazzjonijiet ekonomiċi wasslu lill-bejjiegħa ta’ prodotti tat-tabakk jieħdu r-riskju li jiġu ssanzjonati għal ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti lil minuri. Għaldaqstant, l-impożizzjoni biss ta’ multa ma kinitx tippermetti li jitnaqqas il-konsum tat-tabakk fost iż-żgħażagħ. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-Artikolu 16(6) tal-FCTC ma jeskludix il-possibbiltà li jiġu imposti, minbarra multa amministrattiva, sanzjonijiet amministrattivi li ma humiex pekunjarji, bħas-sospensjoni tal-liċenzja ta’ operatur ekonomiku li kiser il-projbizzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri. |
44 |
It-tieni, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tali sanzjoni tiżgura effett realment dissważiv, filwaqt li għandha tosserva l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, il-persuni li jwettqu l-ksur għandhom jiġu effettivament imċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur marbut mal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri u s-sanzjonijiet għandhom jippermettu l-produzzjoni ta’ effetti proporzjonati mal-gravità tal-ksur, b’mod li lil kull persuna tiġi skoraġġata b’mod effettiv milli twettaq ksur tal-istess natura. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, is-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tal-bar-tabakkerija tal-operatur ekonomiku kkonċernat bħala sanzjoni amministrattiva aċċessorja tista’ ddgħajjef ħafna, jew saħansitra, telimina l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jwasslu lil bejjiegħa ta’ prodotti tat-tabakk ibigħu prodotti tat-tabakk lill-minuri minkejja l-projbizzjoni ta’ tali bejgħ. |
46 |
Għalhekk, is-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlatur Taljan jidhru li huma ta’ natura, minn naħa, li jinnewtralizzaw il-vantaġġ finanzjarju miksub permezz tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li jinċentivaw lill-operaturi ekonomiċi josservaw il-miżuri li jipprojbixxu l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri. |
47 |
Għalhekk, sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u li titnaqqas b’mod partikolari l-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ, kif iddikjarat fil-FCTC. |
48 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk is-severità tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tmurx lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandhom, fl-ewwel lok, jiġu eżaminati l-eventwali riperkussjonijiet tas-sospensjoni tal-liċenzja ta’ operat tal-bar-tabakkerija tal-operatur ekonomiku kkonċernat fir-rigward tad-dritt leġittimu tiegħu li jeżerċita attività imprenditorjali. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 9 TFUE, mill-Artikolu 114(3) TFUE u mill-Artikolu 168(1) TFUE, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 157). |
50 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa għandu importanza predominanti meta mqabbel mal-interessi ta’ natura ekonomika, peress li l-importanza ta’ dan l-għan tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki ta’ daqs kunsiderevoli (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match, C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 54). |
51 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva, fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat ta’ bar-tabakkerija, għal perijodu ta’ żmien limitat, fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri ma tistax, bħala prinċipju, titqies li hija ksur sproporzjonat tad-dritt leġittimu tal-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw l-attività imprenditorjali tagħhom. |
52 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-modalitajiet tad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, għalkemm l-Artikolu 24(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 6/2016 jipprevedi s-sospensjoni ta’ liċenzja ta’ operat ta’ bar-tabakkerija għal perijodu determinat ta’ ħmistax-il ġurnata, xorta jibqa’ l-fatt li dan jipprevedi wkoll li din is-sospensjoni tkun akkumpanjata minn multi fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri li jvarjaw skont il-gravità tal-ksur inkwistjoni, fatt li jindika ċerta gradazzjoni u progressività fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet li jistgħu jkunu imposti. |
53 |
Fil-fatt, jidher li din id-dispożizzjoni tipprevedi modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-multi li jippermettu li dawn jiġu ffissati fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-gravità tal-aġir illegali tal-operatur ekonomiku kkonċernat. |
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-bilanċ bejn is-severità tas-sanzjonijiet u l-gravità tal-ksur ikkonċernat jidher li huwa żgurat mill-multi li jakkumpanjaw is-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tal-bar-tabakkerija tal-persuna li wettqet il-ksur li jvarjaw skont il-gravità tal-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jammonta għal EUR 1000, jiġifieri, ammont li jikkorrispondi għal-limiti inferjuri tal-ammonti previsti fil-każ tal-ewwel ksur. |
55 |
It-tieni, għandu jiġi osservat li s-sospensjoni tal-liċenzja ta’ operat hija prevista biss għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata. |
56 |
Jidher għalhekk li din is-sanzjoni aċċessorja, meħuda fil-kuntest tagħha, tikkostitwixxi miżura li, fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri, hija intiża, b’mod partikolari, li tissanzjona l-ksur imwettaq mill-bejjiegħa ta’ dawn il-prodotti u li tiddisswadihom milli jiksru mill-ġdid din il-projbizzjoni billi jeliminaw il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jwasslu lil dawn il-bejjiegħa jbigħu prodotti tat-tabakk lill-minuri minkejja l-projbizzjoni ta’ tali bejgħ, mingħajr ma twassal għal revoka tal-liċenzja, peress li din tal-aħħar hija prevista biss, kif jirriżulta mill-Artikolu 24(3) tad-Digriet 6/2016 fil-każ ta’ reċidiva. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-gravità tal-ksur u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, sabiex iċċaħħad lill-persuni li wettqu l-ksur mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk lill-minuri u tiddisswadihom milli jiksru din il-projbizzjoni, tipprevedi, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, is-sospensjoni ta’ liċenzja tal-operat tal-bar-tabakkerija għal perijodu determinat ta’ ħmistax il-ġurnata fil-każ tal-ewwel ksur teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ tnaqqis, b’mod partikolari, tal-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ. |
58 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-minuri, tipprevedi, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, is-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat li tawtorizza lill-operatur ekonomiku li jkun kiser din il-projbizzjoni li jbigħ tali prodotti għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata, sakemm tali leġiżlazzjoni ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ tnaqqis, b’mod partikolari, tal-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ. |
Fuq l‑ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ tal-ewwel ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-minuri, tipprevedi, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, is-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat li tawtorizza lill-operatur ekonomiku li jkun kiser din il-projbizzjoni li jbigħ tali prodotti għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata, sakemm tali leġiżlazzjoni ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ tnaqqis, b’mod partikolari, tal-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.