SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

1 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni – Validità ta’ kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat mingħajr data ta’ skadenza – Artikolu 65(1) – Artikolu 69 – Effetti taċ-ċertifikat fir-rigward tal-persuni msemmija fih iżda li ma talbux il-ħruġ tiegħu – Artikolu 70(3) – Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-validità tal-kopja – Effetti tal-kopja fid‑dawl tar-regoli dwar il-provi”

Fil-Kawża C‑301/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

UE,

HC

vs

Vorarlberger Landes‑ und Hypothekenbank AG,

fil-preżenza ta’:

Suċċessjoni ta’ VJ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatriċi) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, E. Samoilova u A. Posch, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63, tal-Artikolu 65(1), tal-Artikolu 69 u tal-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, UE u HC, iben u bint VJ, deċedut, li kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fi Spanja, u, min-naħa l-oħra, Vorarlberger Landes‑ und Hypothekenbank AG, bank li għandu s-sede tiegħu fl-Awstrija, dwar talba għall-ħlas lura ta’ somma flus u ta’ titoli mqiegħda taħt depożitu ġudizzjarju minn dan il-bank.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 7, 67, 71 u 72 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddikjaraw:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[…]

(67)

Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ‘il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. […]

[…]

(71)

Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha. Ma għandux ikun titolu ta’ infurzar fih innifsu iżda għandu jkollu effett evidenzjarju u għandu jkun preżunt li juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħal ma hija l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis. […] Kwalunkwe persuna li tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà ta’ suċċessjoni lil persuna indikata fiċ-Ċertifikat bħala li hija intitolata taċċetta tali ħlas jew proprjetà bħala werrieta jew legatarji, għandha tingħata l-protezzjoni adatta jekk hija tkun aġixxiet in bona fede, waqt li tkun qagħdet fuq il-preċiżjoni tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat. L-istess protezzjoni għandha tingħata lil kwalunkwe persuna li, waqt li toqgħod fuq il-preċiżjoni tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, tixtri jew tirċievi proprjetà ta’ suċċessjoni mingħand persuna indikata fiċ-Ċertifikat bħala li hija intitolata tiddisponi minn tali proprjetà. Il-protezzjoni għandha tkun żgurata jekk jiġu ppreżentati kopji ċertifikati li għadhom validi. […]

(72)

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat fuq talba. Il-kopja oriġinali taċ-Ċertifikat għandha tibqa’ għand l-awtorità emittenti li għandha toħroġ kopja ċċertifikata waħda jew aktar taċ-Ċertifikat lill-applikant u lil kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu. […]”

4

Skont l-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”:

“1.   Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.   L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.   Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

5

L-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “Fini taċ-Ċertifikat”, jipprovdi:

“1.   Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju.

2.   Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

[…]”

6

L-Artikolu 65 tal-istess regolament, intitolat “Applikazzjoni għal Ċertifikat”, jipprevedi:

“1.   Iċ-Ċertifikat għandu jinħareġ fuq applikazzjoni minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 63(1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-applikant’).

[…]

3.   L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata hawn isfel, safejn l-applikant ikun jaf b’din l-informazzjoni u safejn hija tkun meħtieġa sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tiċċertifika l-elementi li l-applikant irid li jiġu ċertifikati, u għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha jew fl-oriġinali jew kopji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(2):

[…]

(e)

dettalji ta’ benefiċjarji possibbli oħrajn taħt trasferiment causa mortis u/jew bl-operat tal-liġi: kunjom u isem/ismijiet jew isem tal-organizzazzjoni, numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli) u indirizz;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Kontenut taċ-Ċertifikat”:

“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

[…]

(g)

dettalji rigward il-benefiċjarji: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet u n-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli);

[…]”

8

L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Effetti taċ-Ċertifikat”, jiddikjara:

“1.   Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal-patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

3.   Kwalunkwe persuna li, waqt li taġixxi abbażi tal-informazzjoni ċċertifikata f’Ċertifikat, tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà lil persuna msemmija fiċ-Ċertifikat kif awtorizzata biex taċċetta ħlas jew proprjetà għandha tiġi meqjusa li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna li għandha l-awtorità li taċċetta ħlas jew proprjetà, dment li ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.

4.   Fejn persuna msemmija fiċ-Ċertifikat hija awtorizzata tiddisponi minn proprjetà fis-suċċessjoni tiddisponi minn tali proprjetà favur persuna oħra, dik il-persuna l-oħra għandha, jekk taġixxi fuq il-bażi tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, titqies li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna bl-awtorità li tiddisponi mill-proprjetà kkonċernata, dment li din ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.

5.   Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2).”

9

L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità emittenti għandha żżomm l-oriġinali taċ-Ċertifikat u għandha toħroġ kopja ċċertifikata waħda jew aktar lill-applikant u lil kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu.

2.   L-awtorità emittenti għandha, għall-finijiet tal-Artikoli 71(3) u 73(2), iżżomm lista ta’ persuni li jkunu nħarġulhom kopji ċċertifikati skont il-paragrafu 1.

3.   Il-kopji ċċertifikati li jinħarġu għandhom ikunu validi għal perjodu limitat ta’ sitt xhur li għandu jiġi indikat fil-kopja ċċertifikata permezz ta’ data ta’ skadenza. F’każijiet straordinarji ġġustifikati kif meħtieġ, l-awtorità emittenit tista’, b’deroga, tiddeċiedi li l-perjodu ta’ validità jkun itwal. Ladarba jkun skada dan il-perjodu, kwalunkwe persuna fil-pussess ta’ kopja ċċertifikata għandha, sabiex tkun tista’ tuża ċ-Ċertifikat għall-finijiet indikati fl-Artikolu 63, tapplika għal estenzjoni tal-perjodu ta’ validità tal-kopja ċċertifikata jew titlob kopja ċertifikata ġdida mill-awtorità emittenti.”

10

L-Artikolu 71 tal-istess regolament, intitolat “Rettifika, modifika jew irtirar taċ-Ċertifikat”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-awtorità emittenti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-persuni kollha li jkunu nħarġulhom kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 70(1), bi kwalunkwe rettifika, modifika jew irtirar tiegħu.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Vorarlberger Landes‑ und Hypothekenbank poġġiet taħt sekwestru ġudizzjarju somma ta’ flus u titoli, wara li HC u UE kif ukoll missierhom, VJ, talbu l-ħlas lura ta’ dawn l-assi, billi invokat l-eżistenza ta’ drittijiet kompetittivi li l-fondatezza tagħhom kienet kontenzjuża.

12

VJ, li kien stabbilixxa l-aħħar residenza abitwali tiegħu fi Spanja, miet fil-5 ta’ Mejju 2017. Wara din il-mewt, il-proċedura ta’ suċċessjoni ġiet eżegwita quddiem nutar Spanjol, konformement mad-dritt Spanjol.

13

HC u UE talbu l-ħelsien tal-oġġett taħt sekwestru u ppreżentaw quddiem il-Bezirksgericht Bregenz (il-Qorti Distrettwali ta’ Bregenz, l-Awstrija) kopja ċċertifikata ta’ ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, maħruġa mill-imsemmi nutar Spanjol fuq talba ta’ HC, sabiex jipprovaw il-kwalità tagħhom ta’ werrieta ta’ VJ, skont l-Artikoli 62 et seq. tar-Regolament Nru 650/2012. Din il-kopja, li tieħu l-forma ta’ “formola V” (iktar ’il quddiem il-“formola V”), kif jipprevedi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-formoli msemmija fir-Regolament Nru 650/2012 (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14), tinkludi l-indikazzjoni “żmien indefinit” fit-taqsima “Hija valida sa”. UE jissemma fuq l-imsemmi ċertifikat, ħdejn l-isem ta’ oħtu, bħala l-benefiċjarju ta’ nofs il-wirt ikkonċernat.

14

It-talba tar-rikorrenti ġiet miċħuda mill-Bezirksgericht Bregenz (il-Qorti Distrettwali ta’ Bregenz). Il-Landesgericht Feldkirch (il-Qorti Reġjonali ta’ Feldkirch, l-Awstrija) ċaħdet l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza. Hija qieset, l-ewwel, li hija biss il-persuna li applikat għall-ħruġ taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni li tista’ tistabbilixxi d-drittijiet tagħha billi tippreżenta dan iċ-ċertifikat, it-tieni, li l-ħruġ ta’ kopja ta’ tali ċertifikat mingħajr limitu ta’ validità jmur kontra r-rekwiżit li jiġi previst perijodu ta’ validità limitat għal sitt xhur għall-ipproċessar ta’ din il-kopja u, it-tielet, li din tal-aħħar kellha tkun valida fid-data li fiha l-qorti tal-ewwel istanza tat id-deċiżjoni tagħha.

15

Il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), ġiet adita b’rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni mogħtija mil-Landesgericht Feldkirch (il-Qorti Reġjonali ta’ Feldkirch). Hija tirrileva li, skont id-dritt Awstrijak, il-ħelsien tal-assi taħt sekwestru jeħtieġ talba konġunta bil-miktub tal-partijiet kollha (“il-partijiet avversarji”), sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni ġudizzjarja definittiva. Għalhekk, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kopja taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni tistax tintuża sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tal-werrieta.

16

B’mod partikolari, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tesprimi dubji, fl-ewwel lok, dwar il-validità ta’ kopja ċċertifikata li ma tinkludix data ta’ skadenza. Hija tosserva li dan il-każ ma huwiex previst fir-Regolament Nru 650/2012 u li ma teżisti ebda ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett. Il-qorti tar-rinviju ssemmi, minn naħa, il-possibbiltà li dan id-dokument ma jipproduċix effetti minħabba din l-irregolarità, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-indikazzjoni “żmien indefinit” tista’ tikkostitwixxi estensjoni tal-perijodu ta’ validità, jekk din is-sitwazzjoni tista’ titqies li hija “każ straordinarju”, fis-sens tal-Artikolu 70(3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata wkoll fis-sens li dan id-dokument għandu perijodu ta’ validità limitat għal sitt xhur u, f’tali każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar id-data li minnha għandu jiġi kkalkolat dan il-perijodu.

17

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, peress li r-Regolament Nru 650/2012 ma jipprevedix il-każ fejn wieħed biss mill-werrieta jitlob il-ħruġ taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, l-effett ta’ dan iċ-ċertifikat jikkonċernax biss l-“applikant” jew jekk jikkonċernax ukoll il-persuni kollha msemmija fih.

18

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali konsegwenzi tal-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ kopja taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni. F’dan ir-rigward, hija ssemmi l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-pożizzjonijiet dottrinali differenti f’dan il-qasam, u bejn il-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi u dik tal-qrati Ġermaniżi, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex biżżejjed li din il-kopja tkun valida fid-data tal-preżentata tat-talba quddiem l-awtorità adita jew jekk l-imsemmija kopja għandhiex tkun għadha valida fil-mument meta tingħata d-deċiżjoni.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 70(3) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li kopja taċ-ċertifikat maħruġa, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr indikazzjoni ta’ data ta’ skadenza, għal żmien indefinit,

hija valida u tipproduċi effetti għal żmien indeterminat, jew

hija valida biss għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data ta’ ħruġ tal-kopja ċċertifikata, jew

hija valida biss għal perijodu ta’ sitt xhur minn data oħra, jew

ma hijiex valida u ma hijiex xierqa sabiex tintuża fis-sens tal-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament?

2)

L-Artikolu 65(1) moqri flimkien mal-Artikolu 69(3) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat jipproduċi l-effetti tiegħu għall-persuni kollha msemmija fiċ-ċertifikat b’isimhom bħala werrieta, legatarji, eżekuturi testamentarji jew amministraturi tas-suċċessjoni, b’tali mod li dawn jistgħu jużaw iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012 anki jekk ma jkunux talbu huma nfushom il-ħruġ tiegħu?

3)

L-Artikolu 69 moqri flimkien mal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtentifikazzjoni tal-kopja ċċertifikata ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni għandha tkun irrikonoxxuta jekk l-imsemmija kopja kienet għadha valida meta ġiet ippreżentata għall-ewwel darba, iżda t-tul ta’ żmien ta’ validità tagħha skada qabel ma l-awtorità amministrattiva tat id-deċiżjoni mitluba, jew li, bil-kontra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li dan iċ-ċertifikat għandu jkun validu wkoll fid-data tad-deċiżjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

20

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, li jkollha l-indikazzjoni “żmien indefinit” fuqha, hija valida, u jekk l-effetti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, għandhomx jiġu rrikonoxxuti mingħajr limitazzjoni ratione temporis, f’sitwazzjoni fejn din il-kopja kienet valida meta ġiet ippreżentata inizjalment.

21

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-terminu previst fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jaffettwax il-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni iżda jaffettwa biss dak tal-kopji ċċertifikati tiegħu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 70(1), moqri fid-dawl tal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament, iċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandu jinżamm mill-awtorità emittenti, li toħroġ kopji tiegħu.

22

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li l-kopji ċċertifikati ta’ dan iċ-ċertifikat għandhom ikunu validi għal perijodu limitat ta’ sitt xhur, li għandu jiġi indikat fil-kopja ċċertifikata bl-indikazzjoni ta’ data ta’ skadenza. F’każijiet straordinarji debitament iġġustifikati, l-awtorità emittenti tista’ testendi l-perijodu ta’ validità. Ladarba jkun skada dan il-perijodu ta’ sitt xhur, kull persuna fil-pussess ta’ kopja ċċertifikata ta’ ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandha, sabiex tkun tista’ tuża dan iċ-ċertifikat għall-finijiet indikati fl-Artikolu 63, tapplika għal estensjoni tal-perijodu ta’ validità ta’ din il-kopja jew titlob kopja ċċertifikata ġdida mingħand l-awtorità emittenti.

23

Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-perijodu ta’ validità tal-kopji ġiet prevista minħabba l-fatt li ċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha u minħabba li huwa preżunt li juri b’mod leali l-eżistenza ta’ elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi kif ukoll il-kwalità u d-drittijiet tal-persuni indikati bħala werrieta, legatarji, eżekuturi testamentarji jew amministraturi tas-suċċessjoni, skont l-Artikolu 69(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

24

F’dan ir-rigward, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jippermetti li tiġi żgurata korrispondenza bejn il-kontenut tal-kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni u r-realtà tas-suċċessjoni u, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat perjodikament li dan iċ-ċertifikat ma ġiex irrettifikat, irtirat jew emendat, skont l-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, jew li l-effetti tiegħu ma ġewx sospiżi, skont l-Artikolu 73 tiegħu.

25

Minn dan jirriżulta li l-validità ta’ tali kopja ċċertifikata hija limitata, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, għal sitt xhur.

26

Madankollu, tqum il-kwistjoni ta’ jekk, meta l-awtorità emittenti tkun espressament ippreċiżat, fil-formola V, li din il-kopja ma għandhiex data ta’ skadenza, din il-kopja għandhiex titqies li hija valida għal perijodu ta’ sitt xhur jew jekk din l-assenza ta’ data ta’ skadenza tipprekludix l-użu tal-imsemmija kopja, fis-sens tal-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament.

27

F’dan ir-rigward, l-għan tar-Regolament Nru 650/2012, kif jirriżulta mill-premessa 7 ta’ dan tal-aħħar, li huwa li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jkunu affaċċjati b’diffikultajiet sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali, jiġi kompromess jekk il-werrieta jew il-persuni l-oħra li għandhom interess leġittimu ma jkunux jistgħu jistabbilixxu d-drittijiet tagħhom minħabba żball formali li jkun jinsab fil-kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni li jkun inħarġilhom, iżda jkollhom jitolbu kopja ġdida ta’ dan iċ-ċertifikat, li jimplika dewmien u żieda fl-eventwali spejjeż.

28

Għaldaqstant, meta kopja ċċertifikata ta’ ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni tinkludi l-indikazzjoni “indefinit”, din il-kopja għandha titqies li hija valida għal perijodu ta’ sitt xhur.

29

Fir-rigward tad-data li minnha jibda l-perijodu ta’ validità ta’ din il-kopja, għandu jiġi osservat li l-awtorità emittenti għandha tindika, fil-formola V, wara d-data tal-validità tal-kopja ċċertifikata, dik tal-ħruġ tagħha. B’hekk, il-kalkolu tal-perijodu ta’ validità għandu jsir minn din id-data, li tiggarantixxi l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali meħtieġa fir-rigward tal-użu tal-imsemmija kopja.

30

Fir-rigward tad-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar id-data li fiha l-kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandha tkun valida sabiex tipproduċi l-effetti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012, u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-iskadenza, matul il-proċedura, tal-validità ta’ din il-kopja, għandu jiġi osservat li ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tagħti soluzzjoni diretta għal din il-kwistjoni.

31

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effetti ta’ din il-kopja għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha, b’tali mod li l-validità tagħha għandha tkun irregolata mir-Regolament Nru 650/2012.

32

Fil-fatt, mill-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li ċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha u li għandha tiġi żgurata protezzjoni lill-persuni li jibbażaw ruħhom fuq l-eżattezza tal-informazzjoni ċċertifikata f’dan iċ-ċertifikat meta jiġu ppreżentati kopji ċċertifikati li jkunu għadhom validi. Dan jiżgura b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ terzi li jwettqu ħlas jew jittrasferixxu proprjetà tas-suċċessjoni lil persuna indikata fiċ-ċertifikat bħala li għandha d-dritt taċċetta dan il-ħlas jew dan il-beni bħala werrieta.

33

Issa, jekk il-validità tal-kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni tkun meħtieġa fid-data tal-adozzjoni, mill-awtorità li quddiemha tkun ġiet prodotta din il-kopja, tad-deċiżjoni mitluba, jew inkella matul il-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernaha, u mhux fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba, tali rekwiżit jirriskja li jippreġudika d-drittijiet tal-werrieta u tal-aventi kawża l-oħra fis-suċċessjoni, li, peress li ma jeżerċitaw ebda influwenza fuq it-tul tal-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni, ikollhom, jekk ikun il-każ, jitolbu u jippreżentaw tali kopja diversi drabi.

34

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni toħloq dewmien, passi u sforzi addizzjonali, kemm għall-persuni li għandhom interess fis-suċċessjoni, kif ukoll għall-awtoritajiet responsabbli għaliha, u tmur kontra l-għan imfittex mir-Regolament Nru 650/2012, li huwa, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jiġu rregolati b’mod rapidu, faċli u effikaċi suċċessjoni li jkollha effett transkonfinali kif ukoll id-drittijiet tal-persuni li għandhom interess fis-suċċessjoni, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 67 ta’ dan ir-regolament.

35

Barra minn hekk, l-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jispeċifika li l-awtorità emittenti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-persuni li jkunu nħarġulhom kopji ċċertifikati u li tagħhom iżżomm lista skont l-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament, dwar kull rettifika, kull emenda jew kull irtirar taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, sabiex, konformement mal-premessa 72 tal-imsemmi regolament, jiġi evitat użu abbużiv ta’ dawn il-kopji u sabiex jiġi limitat ir-riskju li l-kopja ċċertifikata, li l-validità tagħha tkun skadiet fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni mitluba, ma tkunx tikkorrispondi mal-kontenut taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni.

36

F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-awtorità li lilha tkun ġiet ippreżentata l-kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni jkollha elementi li jiġġustifikaw raġonevolment dubju dwar l-istat ta’ dan iċ-ċertifikat, hija tista’, b’mod eċċezzjonali, titlob il-produzzjoni ta’ kopja ġdida jew ta’ kopja li l-perijodu ta’ validità tagħha jkun ġie estiż.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, li jkollha l-indikazzjoni “żmien indefinit” fuqha, hija valida għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ħruġ tagħha u tipproduċi l-effetti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, jekk kienet valida meta ġiet ippreżentata inizjalment quddiem l-awtorità kompetenti.

Fuq it-tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 69(3) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni jipproduċi l-effetti tiegħu fir-rigward tal-persuni kollha li jissemmew fih b’isimhom, bħala werrieta, legatarji, eżekuturi testamentarji jew amministraturi tas-suċċessjoni, anki jekk ma jkunux huma stess li talbu l-ħruġ tiegħu.

39

L-Artikolu 63(1) u (2)(a) tal-imsemmi regolament, dwar l-għan taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, jelenka l-lista ta’ persuni li jistgħu jużaw dan tal-aħħar, jiġifieri l-werrieta, il-legatarji li għandhom drittijiet diretti għas-suċċessjoni u l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tas-suċċessjoni, sabiex jipprovaw, fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari l-kwalità tagħhom u/jew id-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Konformement mal-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandu jinħareġ fuq talba ta’ kwalunkwe parti msemmija fl-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 65(3)(e) tiegħu jispeċifika li l-applikazzjoni għal ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandha tinkludi b’mod partikolari l-informazzjoni dwar l-eventwali benefiċjarji ta’ trasferiment causa mortis u/jew skont il-liġi, apparti l-applikant. Din l-informazzjoni għandha, skont l-Artikolu 68(g) ta’ dan ir-regolament, tiġi inkluża f’dan iċ-ċertifikat.

41

L-Artikolu 69(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi li l-ħlasijiet jew it-trasferiment ta’ beni jistgħu jsiru, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, favur persuna indikata fih, fil-kwalità ta’ werriet, legatarju, eżekutur testamentarju jew amministratur, bħala li hija awtorizzata taċċetta ħlasijiet jew beni. B’hekk, l-effetti taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta’ din il-persuna, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tispeċifika jekk din il-persuna għandux ikollha l-kwalità ta’ applikant.

42

Barra minn hekk, indipendentement mill-kwalità tal-applikant, skont l-Artikolu 70(1) ta’ dan ir-regolament, l-awtorità emittenti, li żżomm l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandha toħroġ kopja ċċertifikata waħda jew iktar lill-applikant u lil kull persuna li tiġġustifika li għandha interess leġittimu. Minn dan isegwi li obbligu li jirrikjedi li l-persuna li tinvoka l-kopja ċċertifikata ta’ ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni għandha tkun neċessarjament il-persuna li applikat inizjalment għaċ-ċertifikat ikun imur kontra l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 70(1) tal-imsemmi regolament.

43

Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tirrikjedi li l-persuna li tuża kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni sabiex tibbenefika mill-effetti ta’ dan tal-aħħar għandu jkollha l-kwalità ta’ applikant għal dan iċ-ċertifikat.

44

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jekk kull persuna li jkollha interess tkun obbligata tapplika għal ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni u għall-kopja ċċertifikata tiegħu fir-rigward ta’ suċċessjoni partikolari, f’sitwazzjoni fejn diġà jkunu nħarġu ċertifikati u kopji fir-rigward ta’ din is-suċċessjoni, dan iwassal għal spejjeż inutli. Issa, tali obbligu jmur kontra l-għan imfittex mir-Regolament Nru 650/2012, li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 67 tiegħu, li suċċessjoni transkonfinali tiġi rregolata b’mod rapidu, faċli u effikaċi.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 69(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni jipproduċi effetti fir-rigward tal-persuni kollha msemmija fih b’isimhom, anki jekk ma jkunux huma stess li talbu l-ħruġ tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni, li jkollha l-indikazzjoni “żmien indefinit” fuqha, hija valida għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ħruġ tagħha u tipproduċi l-effetti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, jekk kienet valida meta ġiet ippreżentata inizjalment quddiem l-awtorità kompetenti.

 

2)

L-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 69(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni jipproduċi effetti fir-rigward tal-persuni kollha msemmija fih b’isimhom, anki jekk ma jkunux huma stess li talbu l-ħruġ tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.