SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1) – Ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru – Kuntratt konkluż ma’ rappreżentanza konsulari ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor – Funzjonijiet tal-ħaddiem – Assenza ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika”
Fil-Kawża C‑280/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura
ZN
vs
Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria v grad Valensia, Kralstvo Ispania,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u I. Gavrilova, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u G. Koleva, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZN u l-Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria v grad Valensia, Kralstvo Ispania (il-Konsulat Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija f’Valencia (Spanja), iktar ’il quddiem il-“Konsulat Ġenerali”) dwar talba intiża għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal-leave annwali mħallas mhux meħud. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 3 sa 5 u 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistipulaw:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii). […]” |
5 |
L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.” |
6 |
L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:
|
7 |
It-Taqsima 5 tal-imsemmi regolament tirregola l-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol. Għalhekk, skont l-Artikolu 20 tal-istess regolament, inkluż fl-imsemmija taqsima: “1. Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-punt 5 tal-Artikolu 7, u, f’każ ta’ proċedimenti mressqa mill-impjegat, għall-punt 1 tal-Artikolu 8. 2. Meta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan tal-aħħar ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru iżda jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjegah għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment, ikun meqjus li huwa domiċiljat f’dak l-Istat Membru.” |
8 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tar-Regolament, inkluż ukoll f’din it-taqsima: “1. Min jimpjega li jkun domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:
2. Min jimpjega li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1.” |
Id-dritt Bulgaru
Il-Kodiċi tax-Xogħol
9 |
L-Artikolu 362 tal-Kodeks na truda (il-Kodiċi tax-Xogħol) jiddisponi: “[…] Il-kunflitti tax-xogħol bejn l-impjegati – ċittadini Bulgari li jaħdmu barra mill-pajjiż – u l-persuni li jimpjegaw Bulgari barra mill-pajjiż huma suġġetti għall-qorti kompetenti ta’ Sofija, filwaqt li, meta l-ħaddiem ikun konvenut, [l-imsemmija kunflitti huma suġġetti] għall-qorti tal-post ta’ residenza tal-ħaddiem fil-pajjiż.” |
Il-Liġi dwar is-Servizz Diplomatiku
10 |
L-Artikolu 21 taż-Zakon za diplomaticheskata sluzhba (il-Liġi dwar is-Servizz Diplomatiku) jistabbilixxi: “(1) […] Ir-rappreżentanzi barra mill-pajjiż tar-Repubblika tal-Bulgarija huma strutturi territorjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li jiżguraw l-attività diplomatika u/jew konsulari f’pajjiż ieħor jew fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet governattivi internazzjonali. (2) Ir-rappreżentanzi barra mill-pajjiż huma:
(3) Il-ftuħ tar-rappreżentanzi barra mill-pajjiż, l-għażla tat-tip tagħhom u l-għeluq tagħhom isiru mill-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin.” |
11 |
L-Artikolu 22 tal-Liġi dwar is-Servizzi Diplomatiku jipprevedi: “(1) Ir-rappreżentanza barra mill-pajjiż hija magħmula mill-kap tal-missjoni, mill-persunal diplomatiku, mill-persunal amministrattiv u tekniku u mill-persunal tas-servizz, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi adottata fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 […], tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari adottata fi Vjenna fl‑24 ta’ April 1963 […] u tal-Konvenzjoni dwar Missjonijiet Speċjali. (2) Jistgħu jiġu stabbiliti servizzi fi ħdan ir-rappreżentanza barra mill-pajjiż, skont it-tip tagħhom, il-funzjonijiet u l-kompożizzjoni tagħhom. […]” |
12 |
L-Artikolu 80 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Bl-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, mogħtija abbażi ta’ rapport motivat, il-kap tal-missjoni tar-rappreżentanza barra mill-pajjiż jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ xogħol ma’ resident lokali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
ZN hija ċittadina Bulgara residenti f’Sofija, detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza fi Spanja fejn, bħala fornitur, hija kienet tipprovdi servizzi marbuta mal-attività tal-Konsulat Ġenerali. |
14 |
Fit‑30 ta’ April 2019, ZN ippreżentat, fil-Bulgarija, rikors kontra l-Konsulat Ġenerali intiż sabiex tikseb, minn naħa, ir-rikonoxximent tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal-leave annwali mħallas mhux meħud, jiġifieri 120 jum ta’ leave annwali mhux użat li jikkorrispondi għal 30 jum fis-sena, għall-perijodu mit‑2 ta’ Jannar 2013 sad‑29 ta’ Ġunju 2017. |
15 |
ZN issostni li, għall-imsemmi perijodu, hija kienet ipprovdiet servizzi marbuta mar-riċezzjoni ta’ dokumenti fil-fajls miftuħa fil-konsulat minn ċittadini Bulgari kif ukoll mal-ġestjoni ta’ dawn il-fajls skont sitt kuntratti suċċessivi konklużi mal-Konsulat Ġenerali. |
16 |
ZN issostni li, konformement mal-Liġi dwar is-Servizz Diplomatiku, ir-rappreżentanzi tar-Repubblika tal-Bulgarija jistgħu jimpjegaw persuni biss permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol li jifformalizzaw ir-relazzjoni bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-kuntratti konklużi jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ kuntratt ta’ xogħol skont id-dritt Bulgaru. |
17 |
Il-Konsulat Ġenerali, min-naħa tiegħu, jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari sabiex jiddeċiedu l-kawża prinċipali u jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli bħala qrati tal-post tax-xogħol ta’ ZN. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ effett transkonfinali sa fejn it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna ħaddiem Bulgaru u persuna li timpjega Bulgara u r-relazzjoni ġuridika tagħhom hija marbuta mill-qrib mar-Repubblika tal-Bulgarija. |
19 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-liġi Bulgara tiddisponi espressament li, fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi bejn persuna li timpjega Bulgara stabbilita barra mill-pajjiż u ċittadin Bulgaru li jaħdem barra mill-pajjiż, tilwim eventwali jistgħu jiġu eżaminati biss mill-qrati Bulgari. Sa fejn il-Konsulat Ġenerali huwa suddiviżjoni ta’ organu tal-Istat Bulgaru stabbilit fi Stat Membru ieħor u li l-attività tiegħu hija, bħala prinċipju, marbuta mas-servizz taċ-ċittadini Bulgari, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma japplikax għaldaqstant għat-tilwim bejn iċ-ċittadini ta’ Stat Membru u r-rappreżentanzi konsulari tal-istess Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru ieħor. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 tal-preambolu ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi regolament għandu japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ tilwima bejn impjegat minn dan l-Istat u l-konsulat tal-istess Stat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jew l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali tilwima għandha tiġi deċiża skont ir-regoli nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni tal-Istat tan-nazzjonalità komuni għall-partijiet?” |
Fuq id-domanda preliminari
21 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn ħaddiem ta’ Stat Membru u awtorità konsulari ta’ dan l-Istat Membru li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
22 |
Ir-risposta għad-domanda preliminari, li tirrigwarda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 tal-imsemmi regolament, teżiġi li tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 għas-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali. |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament. |
24 |
Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati “bħala ekwivalenti” (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dan japplika f’materji ċivili u kummerċjali. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” wasslet għall-esklużjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet għat-tilwima jew l-għan tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ikun differenti meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Fir-rigward ta’ tilwima li qamet bejn ambaxxata ta’ Stat terz li tinsab fi Stat Membru u l-impjegati tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-funzjonijiet ta’ ambaxxata, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961, jikkonsistu essenzjalment fir-rappreżentanza tal-Istat akkreditanti, fil-protezzjoni tal-interessi tiegħu kif ukoll fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet mal-Istat li jakkredita. Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, l-ambaxxata, bħal kull entità pubblika oħra, tista’ taġixxi iure gestionis u ssir titolari tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura ċivili, b’mod partikolari sussegwentement għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dritt privat. Dan huwa l-każ meta hija tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuni li ma jwettqux funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 49). |
28 |
Dan huwa, a fortiori, ukoll il-każ meta jkun hemm tilwima li tinvolvi konsulat ġenerali u persuna li hemmhekk tipprovdi provvisti ta’ servizzi fil-forma ta’ xogħol individwali marbuta mar-riċezzjoni ta’ dokumenti fil-fajls miftuħa fil-konsulat minn ċittadini Bulgari, kif ukoll mal-ġestjoni ta’ dawn il-fajls, servizzi li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li ma jistgħux jinterferixxu mal-interessi tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-qasam tas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 56). |
29 |
Konsegwentement, tilwima li tirriżulta minn kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala ta’ materji ċivili u kummerċjali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fid-dawl tal-fatti kollha tal-kawża prinċipali. |
30 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-element barrani li l-eżistenza tiegħu tikkundizzjona l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li juża, fil-premessi 3 u 26 tiegħu, il-kunċett ta’ “kwistjonijiet transkonfinali”, ma jinkludi ebda definizzjoni f’dan ir-rigward. |
31 |
Issa, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), jiddefinixxi l-kunċett ekwivalenti ta’ “tilwima transkonfinali” bħala tilwima li fiha mill-inqas waħda mill-partijiet għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics, C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 33). |
32 |
Sa fejn dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu t-tnejn li huma fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom effett transkonfinali, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ekwivalenti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dawn ir-regolamenti għandha tiġi armonizzata (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics, C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 35). |
33 |
Fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 3(1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn ir-rikorrent fi proċedura għal ordni ta’ ħlas ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, it-tilwima jkollha natura transkonfinali u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics, C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi minn ambaxxata f’isem l-Istat, dan jammonta għal “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001, meta l-funzjonijiet tal-impjegati li magħhom ikkonkludiet dawn il-kuntratti huma relatati mal-attività ta’ ġestjoni mwettqa mill-ambaxxata fl-Istat li jakkredita (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 52). |
35 |
Din il-konklużjoni tapplika a fortiori meta l-kuntratt ta’ xogħol jiġi konkluż mhux minn ambaxxata, iżda minn konsulat ġenerali, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 48 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491) ikunu ssodisfatti. |
36 |
B’analoġija, għandu jiġi kkunsidrat li l-Konsulat Ġenerali jikkostitwixxi “stabbiliment” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod iktar preċiż, bħala struttura territorjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Konsulat Ġenerali jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern bħala l-estensjoni ta’ dan il-ministeru. Il-Konsulat Ġenerali jirrappreżenta lill-Ministeru fl-Istat li jakkredita; huwa mmexxi mill-Konslu Ġenerali u huwa kapaċi jassumi b’mod awtonomu d-drittijiet u l-obbligi tad-dritt ċivili. Minn dan isegwi li konsulat jista’ jiġi pperċepit bħala ċentru operattiv, konformement ma’ dak li ġie kkunsidrat fil-punti 49 u 50 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491). |
37 |
Minn dan jirriżulta li, meta konsulat jikkostitwixxi “stabbiliment” ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor, waħda mill-partijiet fit-tilwima għandha titqies li għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew konklużi fi Spanja u huwa f’dan l-istess Stat Membru li ġew eżegwiti l-obbligi imposti minn dawn il-kuntratti. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kawża prinċipali għandha effett transkonfinali. |
40 |
Sa fejn id-domanda preliminari hija limitata għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 u ma tikkonċernax id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari jew Spanjoli f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konklużjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tax-Xogħol Bulgaru. |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn ħaddiem ta’ Stat Membru li ma jeżerċitax funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u awtorità konsulari ta’ dan l-Istat Membru li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn ħaddiem ta’ Stat Membru li ma jeżerċitax funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u awtorità konsulari ta’ dan l-Istat Membru li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.