SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 10(3)(a) – Artikolu 16(1)(b) – Kunċett ta’ ‘wild minuri’ – Kunċett ta’ ‘ħajja tal-familja effettiva’ – Persuna maġġorenni li titlob ir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri li kiseb l-istatus ta’ refuġjat – Data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri”

Fil-Kawżi magħquda C‑273/20 u C‑355/20,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ April 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ġunju 2020 u fit‑30 ta’ Lulju 2020, rispettivament, fil-proċeduri

Bundesrepublik Deutschland

vs

SW (C‑273/20),

BL,

BC (C‑355/20),

fil-preżenza ta’:

Stadt Darmstadt (C-273/20),

Stadt Chemnitz (C-355/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SW, minn H. Mohrmann, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u D. Schaffrin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(f), tal-Artikolu 10(3)(a), kif ukoll tal-Artikolu 16(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) u SW kif ukoll BL u BC, ċittadini Sirjani, dwar applikazzjonijiet ippreżentati minnhom sabiex jiksbu l-ħruġ ta’ viża nazzjonali bl-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iben rispettiv tagħhom li kiseb l-istatus ta’ refuġjat fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 2, 4, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2003/86:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6)

Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(8)

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

(9)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

Skont l-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(f)

‘minorenni mhux akkompanjat’ tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

[…]

(b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

[…]

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini;

[…]”

7

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

[…]

5.   Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

8

L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86 jippreċiża:

“Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

(a)

għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

[…]”

9

Skont l-Artikolu 13(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Hekk kif l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja kienet aċċettata, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jawtorizzaw id-dħul tal-membru jew membri tal-familja. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-persuni tali kull faċilita biex jiksbu l-viżi rekwiżiti.

2.   l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta’ residenza għal tul ta’ mill-inqas sena. Il-permess ta’ residenza għandu [jkun jista’] jiġġedded.”

10

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta’ residenza li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu lir-raġel/lill-maa jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa f’każijiet ta’ tifrik tar-relazzjoni familjali.

2.   L-Istati Membri jistgħu joħorġu permess ta’ residenza awtonomu lil tfal adulti u lil qraba fil-linja diretta axxendenti li għalihom japplika l-Artikolu 4(2).

[…]

4.   Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.”

11

L-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1. L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn il-kondizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati.

[…]

(b)

fejn l-isponsor u l-membru(i) tal-familja tiegħu/tagħha ma jgħixux jew m’għadhomx jgħixu f’relazzjoni reali ta’ żwieġ jew familja;

[…]”

12

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Id-dritt Ġermaniż

13

Il-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) tal‑25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-AufenthG”), tipprevedi, fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“Għal residenzi fit-tul tkun meħtieġa viża għat-territorju Ġermaniż (viża nazzjonali) maħruġa qabel id-dħul f’dan it-territorju. L-imsemmija viża tinħareġ konformement mar-rekwiżiti fis-seħħ fil-qasam ta’ permessi ta’ residenza temporanji, ta’ Karti Blu tal-Unjoni Ewropea, ta’ Karti għal persuni li huma s-suġġett ta’ trasferiment intraażjendali (ICT), ta’ karti ta’ residenza permanenti u ta’ permessi ta’ residenza għal żmien twil – UE. […]”

14

L-Artikolu 25 ta’ din il-liġi, intitolat “Residenza għal raġunijiet umanitarji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Barrani għandu jingħata permess ta’ residenza temporanju meta l-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati) jkun irrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz (“il-Liġi dwar l-Ażil”) jew id-dritt għall-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar l-Ażil. […]”

15

L-Artikolu 36 tal-AufenthG, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri u ta’ membri oħra tal-familja”, jipprovdi:

“(1)   B’deroga mill-punt 1 tal-Artikolu 5(1) u mill-punt 2 tal-Artikolu 29(1), permess ta’ residenza temporanju jinħareġ lill-ġenituri ta’ barrani minuri li għandu permess ta’ residenza temporanju skont l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 25(1) jew l-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2), karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 26(3), jew karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 26(4), wara li jkun inħareġ permess ta’ residenza temporanju skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2), meta ma jkun jinsab ebda ġenitur li għandu awtorità fuq il-persuna minuri fit-territorju Ġermaniż.

(2)   Permess ta’ residenza temporanju bl-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jinħareġ lill-membri l-oħra tal-familja ta’ barrani meta dan ikun neċessarju sabiex jiġu evitati diffikultajiet eċċessivi. L-Artikolu 30(3) kif ukoll l-Artikolu 31 japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-familja maġġorenni u l-Artikolu 34 għall-membri tal-familja minuri.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16

SW kif ukoll BL u BC, ċittadini Sirjani, jitolbu l-ħruġ ta’ viża nazzjonali għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iben rispettiv tagħhom li kiseb l-istatus ta’ refuġjat.

17

It-tifel ta’ SW kif ukoll dak ta’ BL u ta’ BC, imwielda fit‑18 ta’ Jannar 1999 u fl‑1 ta’ Jannar 1999 rispettivament, waslu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-sena 2015. Bi tweġiba għall-applikazzjonijiet tagħhom għal ażil ippreżentati fl‑10 ta’ Diċembru 2015 u fil‑5 ta’ Ottubru 2015, rispettivament, l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati tahom l-istatus ta’ refuġjat fil‑15 ta’ Lulju 2016 u fl‑10 ta’ Diċembru 2015, rispettivament. Fil‑15 ta’ Awwissu 2016 u fis‑26 ta’ Mejju 2016 rispettivament, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-barranin tathom permess ta’ residenza temporanju validu għal tliet snin.

18

Fl‑4 ta’ Ottubru 2016 u fid‑9 ta’ Novembru 2016, rispettivament, SW kif ukoll BL u BC talbu lill-ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Bejrut għal viżi nazzjonali għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iben rispettiv tagħhom, għalihom infushom kif ukoll għal tfal oħra, li huma aħwa tat-tifel tagħhom li jgħix fit-territorju Ġermaniż. Bħalma jsegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑355/20, permezz ta’ ittra elettronika tad‑29 ta’ Jannar 2016, ulied BL u BC kienu diġà ppreżentaw f’din l-istess ambaxxata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħhom.

19

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Marzu 2017 u tat‑28 ta’ Marzu 2017, l-ambaxxata rrifjutat dawn l-applikazzjonijiet għal viża għar-raġuni li iben SW kif ukoll dak ta’ BL u ta’ BC kienu sadanittant saru maġġorenni fit‑18 ta’ Jannar 2017 u fl‑1 ta’ Jannar 2017, rispettivament.

20

Il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2019 u tat‑30 ta’ Jannar 2019, ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja toħroġ lil SW kif ukoll lil BL u lil BC, rispettivament, viżi nazzjonali għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 36(1) tal-AufenthG, għar-raġuni li t-tfal tagħhom, skont il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), kellhom jitqiesu bħala minuri.

21

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra s-sentenzi tal-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li fih invokat ksur tal-Artikolu 36(1) tal-AufenthG. Hija ssostni, essenzjalment, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), fid-data rilevanti tad-deċiżjoni tal-aħħar qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, iben SW u dak ta’ BL u ta’ BC ma kinux refuġjati minuri. Fil-fehma tagħha, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) ma hijiex trasponibbli għal dan il-każ, peress li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biss fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit relatat mal-kwalità ta’ minuri tar-refuġjat ikkonċernat, imsemmi fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha. Hija ssostni li, fl-imsemmija kawża, ma ġietx deċiża l-kwistjoni dwar jekk viża ta’ dħul u ta’ residenza għandhiex tingħata lill-ġenituri ta’ refuġjat li sar maġġorenni, meta, skont id-dritt nazzjonali, huma ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza indipendenti mir-refuġjat minuri u għandhom jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat immedjatament.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-dritt nazzjonali, SW kif ukoll BL u BC ma għandhomx id-dritt għall-ħruġ ta’ viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iben rispettiv tagħhom.

23

B’mod partikolari, din il-qorti tqis li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36(1) tal-AufenthG ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-ġenituri ta’ refuġjat minuri għandhom dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja miegħu, skont din id-dispożizzjoni, biss meta l-wild ikun għadu minuri fil-mument meta d-deċiżjoni, amministrattiva jew tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun ittieħdet. Fuq dan il-punt, ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri hija distinta mir-riunifikazzjoni tal-familja tat-tfal, li ma hijiex limitata ratione temporis, peress li l-permess ta’ residenza temporanju maħruġ lil wild jinbidel, meta huwa jsir maġġorenni, fi dritt ta’ residenza awtonomu, indipendenti mir-riunifikazzjoni tal-familja. Min-naħa l-oħra, id-dritt Ġermaniż ma jagħtix lill-ġenituri ta’ refuġjat minuri li jkun ibbenefika minn riunifikazzjoni tal-familja miegħu tali dritt ta’ residenza awtonomu meta l-wild ikkonċernat isir maġġorenni, peress li l-leġiżlatur nazzjonali ma użax il-possibbiltà fakultattiva prevista għal dan l-għan fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2003/86.

24

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ fid-dawl ta’ liema kriterji hija għandha tevalwa jekk ir-rekwiżit ta’ ħajja tal-familja effettiva, li għalih l-Artikolu 16(1)(b) tal-imsemmija direttiva jissuġġetta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, huwiex issodisfatt.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑273/20 u C‑355/20:

“1

a)

Fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-Artikolu 10(3)(a) u l-Artikolu 2(f) tad-[Direttiva 2003/86], il-fatt li l-imsemmi refuġjat għadu minuri jista’ jikkostitwixxi ‘kundizzjoni’ fis-sens tal-Artikolu 16(1)(a) [ta’ din id-direttiva]? Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tagħtix dritt ta’ residenza (derivat) fl-Istat Membru lill-ġenituri li jkunu bbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 ħlief sa fejn ir-refuġjat effettivament ikun għadu minuri hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?

(b)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda: id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 16(1)(a), tal-Artikolu 10(3)(a) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tillimita d-dritt ta’ residenza (derivat) tal-ġenituri għall-perijodu li matulu l-wild huwa minuri li jiċħad applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata mill-ġenituri li jkunu għadhom jinsabu fil-pajjiż terz meta r-refuġjat ikun sar maġġorenni qabel ma deċiżjoni definittiva tkun ittieħdet, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, dwar l-applikazzjoni ppreżentata fi żmien tliet xhur wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat?

(2)

Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta li r-riunifikazzjoni tal-familja ma tistax tiġi rrifjutata:

Liema kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet familjali effettivi, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri ma’ refuġjat li jkun sar maġġorenni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja? B’mod partikolari

a)

L-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti (Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86) huwa suffiċjenti għal dan il-għan jew hija wkoll neċessarja ħajja tal-familja effettiva?

b)

Jekk ħajja tal-familja effettiva hija wkoll meħtieġa:

X’għandha tkun l-intensità tagħha għal din il-ħajja tal-familja? Żjarat okkażjonali jew regolari huma pereżempju suffiċjenti għal dan il-għan, huwa neċessarju li jgħixu flimkien f’dar komuni jew, minbarra dan, hija meħtieġa komunità ta’ assistenza reċiproka fejn il-membri tagħha jiddependu wieħed fuq l-ieħor?

c)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri li jkunu għadhom jinsabu fil-pajjiż terz u li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ wild li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat, li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, teħtieġ il-previżjoni li, wara d-dħul fit-territorju, il-ħajja tal-familja tibda (mill-ġdid) fl-Istat Membru sa fejn huwa meħtieġ b’mod konformi mal-punt (b) tat-tieni domanda?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑273/20 jekk xtaqitx issostni t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fid-dawl tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Awwissu 2020, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Awwissu 2020, l-imsemmija qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li xtaqet iżżomm din it-talba sa fejn hija kienet tqis li dik is-sentenza ma kinitx twieġeb biżżejjed għad-domandi mqajma f’din il-kawża, filwaqt li ppreċiżat li l-pożizzjoni tagħha kienet tgħodd ukoll għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑355/20.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, il-Kawżi C‑273/20 u C‑355/20 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, skont l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, il-fatt li dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata mill-ġenituri tal-isponsor, jikkostitwixxi “kundizzjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 16(1)(a) li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw tali applikazzjoni. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’każ bħal dan, id-dritt ta’ residenza tal-ġenituri kkonċernati jintemm malli l-wild jilħaq l-età maġġorenni.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabelxejn li, bħalma tfakkar fil-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza, fil‑15 ta’ Lulju 2016 u fl‑10 ta’ Diċembru 2015, rispettivament, l-awtoritajiet Ġermaniżi taw l-istatus ta’ refuġjat lil iben SW kif ukoll lil dak ta’ BL u ta’ BC. Fl‑4 ta’ Ottubru 2016, jiġifieri fi żmien tliet xhur wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat tat-tifel tiegħu, SW ippreżenta applikazzjoni għal viża nazzjonali għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ibnu, meta dan tal-aħħar kien għadu minuri. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda lil BL u BC, minkejja li l-applikazzjoni tagħhom għal viża nazzjonali ġiet ippreżentata biss fid‑9 ta’ Novembru 2016, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja kienet diġà ġiet ippreżentata minn uliedhom fid‑29 ta’ Jannar 2016, jiġifieri fi żmien tliet xhur wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat ta’ binhom minuri. Kien biss permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Marzu 2017 u tat‑28 ta’ Marzu 2017 li dawn l-applikazzjonijiet ġew irrifjutati għar-raġuni li iben SW kif ukoll dak ta’ BL u ta’ BC kienu sadanittant saru maġġorenni fit‑18 ta’ Jannar 2017 u fl‑1 ta’ Jannar 2017 rispettivament.

30

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

31

F’dan ir-rigward, mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva jsegwi li din tipprevedi għar-refuġjati kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, peress li s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni partikolari minħabba raġunijiet li ġiegħluhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jipprekluduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk.

32

Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet iktar favorevoli tirrigwarda r-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti fl-ewwel grad tar-refuġjat. Fil-fatt, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, filwaqt li, skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, il-possibbiltà ta’ tali riunifikazzjoni, bħala prinċipju, titħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru u hija suġġetta b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-axxendenti diretti fl-ewwel grad ikunu dipendenti fuq l-isponsor u li jkunu mċaħħda mill-appoġġ neċessarju tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini, l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi, b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, li l-axxendenti diretti fl-ewwel grad għandhom id-dritt għal tali riunifikazzjoni mar-refuġjat minuri mhux akkumpanjat, li la huwa suġġett għal marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri u lanqas għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 4(2)(a) (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 3334).

33

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “minorenni mhux akkumpanjat” li, fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86, jintuża biss f’dan l-Artikolu 10(3)(a), huwa ddefinit fil-parti inizjali tal-Artikolu 2 u fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva. Għalkemm din id-dispożizzjoni tal-aħħar tindika li “minorenni mhux akkumpanjat” tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat li, b’mod partikolari, għandhom inqas minn 18‑il sena, din ma tippreċiżax il-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta u lanqas ma twettaq, f’dan ir-rigward, riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li ma jista’ jingħata ebda marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri fir-rigward tal-iffissar tal-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex tiġi evalwata l-età tar-refuġjat minuri mhux akkumpanjat għall-finijiet tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 39 sa 45).

34

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li din id-direttiva tfittex, barra minn hekk, li tagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti mill-Karta u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fl-osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, huma l-Istati Membri, b’mod partikolari l-qrati tagħhom, li għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dan l-Artikolu 7 għandu jinqara, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li wild ikollu regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fl-Artikolu 24(3) tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bl-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dritt Ġermaniż jeżiġi li l-minuri refuġjat mhux akkumpanjat ikollu inqas minn 18‑il sena mhux biss fil-mument tat-tressiq mill-axxendent dirett fl-ewwel grad tal-applikazzjoni tiegħu għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, iżda wkoll fid-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew il-qrati nazzjonali eventwalment involuti jiddeċiedu dwar tali applikazzjoni.

41

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ewwel parti tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jiġi kklassifikat bħala “minorenni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li kienet taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, issir maġġorenni u, sussegwentement, jiġi rrikonoxxut l-istatus tagħha ta’ refuġjat (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 64).

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li tiġi adottata d-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età tal-applikant jew, skont il-każ, tal-isponsor, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 la jkun konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, u lanqas mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-Karta, li jirrigwarda r-rispett tal-ħajja tal-familja, u mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, b’din id-dispożizzjoni tal-aħħar teżiġi li, fl-atti kollha li jirrigwardaw it-tfal, b’mod partikolari dawk imwettqa mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-interessi superjuri tal-wild għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 36).

43

Fil-fatt, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti ma jkunux inċentivati sabiex jindirizzaw bi prijorità t-talbiet imressqa mill-ġenituri ta’ minuri bl-urġenza neċessarja sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà ta’ dawn il-minuri u għalhekk ikunu jistgħu jaġixxu b’mod li jipperikola d-dritt għall-ħajja tal-familja kemm ta’ ġenitur mal-wild minuri tiegħu kif ukoll ta’ dan tal-aħħar ma’ membru tal-familja tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni lanqas ma tkun tippermetti li jiġi żgurat, konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali, trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jkunu jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, sa fejn din tkun twassal sabiex is-suċċess tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-amministrazzjoni jew lill-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-ħeffa ikbar jew inqas li biha l-applikazzjoni tiġi ttrattata jew li biha r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali applikazzjoni jiġi deċiż, u mhux fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni, sa fejn din ikollha l-effett li tissuġġetta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għal ċirkustanzi inċerti u mhux prevedibbli, kompletament imputabbli lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, tista’ twassal għal differenzi sinjifikattivi fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-istess Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 43).

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, id-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa mill-ġenituri tal-isponsor ma hijiex determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri tar-refuġjat ikkonċernat.

47

Konsegwentement, il-fatt li dan ir-refuġjat ikun għadu minuri f’din id-data ma jistax jikkostitwixxi “kundizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(a) ta’ din id-direttiva, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw tali applikazzjoni, inkella jkun hemm kontradizzjoni mal-interpretazzjoni, imfakkra fil-punt 41, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet tal-ewwel parti tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-età tal-applikant jew, skont il-każ, tal-isponsor, ma tistax titqies bħala kundizzjoni sostantiva għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, fis-sens tal-premessa (6) u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86, bħal dawk previsti b’mod partikolari fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, li huma msemmija fl-Artikolu 16(1)(a) tagħha. Fil-fatt, kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, il-kundizzjoni tal-età tirrappreżenta kundizzjoni tal-ammissibbiltà nfisha tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-evoluzzjoni tagħha hija ċerta u prevedibbli, u li għalhekk tista’ tiġi evalwata biss fid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 46).

49

Minn dan isegwi li l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, skont l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, li dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa mill-ġenituri tal-isponsor.

50

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex permess li d-dritt ta’ residenza tal-ġenituri kkonċernati jiġi limitat għall-perijodu li matulu l-isponsor ikun għadu minuri, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri huma obbligati, meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi aċċettata, li joħorġu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta’ residenza għal perijodu ta’ mill-inqas sena.

51

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, anki fil-każ fejn ir-riunifikazzjoni tal-familja tkun intalbet mill-ġenituri ta’ refuġjat minuri li sadanittant ikun sar maġġorenni, dawn il-ġenituri għandu jinħarġilhom, jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġi aċċettata, permess ta’ residenza validu għal mill-inqas sena, mingħajr l-fatt li l-wild benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat jilħaq l-età maġġuri ma jkun jista’ jwassal sabiex jitqassar it-tul ta’ tali permess ta’ residenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 63). Huwa għalhekk kuntrarju għall-imsemmija dispożizzjoni li, f’tali ċirkustanzi, il-ġenituri jingħataw dritt ta’ residenza biss sakemm dan il-wild ikun effettivament minuri.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, skont l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, il-fatt li dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata mill-ġenituri tal-isponsor ma jikkostitwixxix “kundizzjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 16(1)(a), li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw tali applikazzjoni. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’każ bħal dan, id-dritt ta’ residenza tal-ġenituri kkonċernati jintemm malli l-wild jilħaq l-età maġġorenni.

53

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda, peress li din saret mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti tal-imsemmija domanda.

Fuq it-tieni domanda

54

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86, fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenitur ma’ wild minuri li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat, meta dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn dan il-ġenitur.

55

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, għal dan l-għan, l-axxendenza diretta fl-ewwel grad hijiex suffiċjenti jew jekk ħajja tal-familja effettiva hijiex ukoll neċessarja, u f’dan il-każ, x’għandha tkun l-intensità tagħha. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk riunifikazzjoni tal-familja teżiġix li, wara d-dħul tal-ġenitur fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-ħajja tal-familja terġa’ tibda mill-ġdid f’dan tal-aħħar.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, jirtiraw il-permess ta’ residenza mogħti għal dan l-għan jew jirrifjutaw it-tiġdid tiegħu, meta l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu ma jkollhomx jew ma għadx għandhom ħajja konjugali jew tal-familja effettiva. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali rabtiet familjari effettivi u lanqas ma timponi ebda rekwiżit speċifiku f’dak li jirrigwarda l-intensità tar-relazzjonijiet familjari kkonċernati. Barra minn hekk, din lanqas ma tagħmel riferiment, fuq dan il-punt, għad-dritt tal-Istati Membri.

57

Kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

58

Issa, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/86, konformement mal-premessa 6 tagħha, hija intiża sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-familja kif ukoll iż-żamma jew il-ħolqien tal-ħajja tal-familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, konformement mal-premessa 4 ta’ din id-direttiva, ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju sabiex tippermetti l-ħajja tal-familja u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ stabbiltà soċjokulturali.

59

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-miżuri li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tat-tfal ikkonċernati u bl-għan li tiġi promossa l-ħajja tal-familja.

60

Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, is-sitwazzjoni tar-refuġjati titlob attenzjoni partikolari, minħabba r-raġunijiet li wassluhom biex jaħarbu minn pajjiżhom u li jipprekluduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk. Huwa għalhekk li din id-direttiva tipprevedi kundizzjonijiet iktar favorevoli għar-refuġjati u għall-axxendenti diretti tagħhom fl-ewwel grad fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

61

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86, teħtieġ li ssir evalwazzjoni każ b’każ, bħalma jsegwi barra minn hekk mill-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, bl-għajnuna tal-fatturi rilevanti kollha f’kull każ u fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-imsemmija direttiva.

62

Għal dan l-għan, is-sempliċi axxendenza diretta fl-ewwel grad ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta tal-familja effettiva. Fil-fatt, għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/86 u tal-Karta jipproteġu d-dritt għal ħajja tal-familja u jippromwovu ż-żamma tagħha, dawn iħallu, sakemm il-persuni kkonċernati jkomplu jgħixu ħajja tal-familja effettiva, lid-detenturi ta’ dan id-dritt il-kompitu li jiddeċiedu l-modalitajiet li abbażi tagħhom huma jixtiequ jgħixu l-ħajja tal-familja tagħhom u, b’mod partikolari, ma jimponu ebda rekwiżit f’dak li jirrigwarda l-intensità tar-relazzjoni tal-familja tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 58).

63

F’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li l-wild ta’ SW kif ukoll dak ta’ BL u BC kienu għadhom minuri fil-mument meta dawn l-ulied kellhom jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u li dawn kienu jikkostitwixxu għalhekk flimkien familja nukleari kif imsemmija fil-premessa 9 tad-Direttiva 2003/86, li hija, skont l-istess premessa, “f’kull każ” koperta mir-riunifikazzjoni tal-familja. Issa, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jidher li jindika li l-persuni kkonċernati ma kellhomx, matul il-perijodu ta’ qabel il-ħarba tal-wild rispettiv tagħhom, ħajja tal-familja effettiva.

64

Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, SW kif ukoll BL u BC u l-wild rispettiv tagħhom ma setgħux jgħixu ħajja tal-familja reali matul il-perijodu ta’ separazzjoni tagħhom li seħħ b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni partikolari tal-wild tagħhom bħala refuġjat, iżda din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex tali li tista’ sservi ta’ bażi għall-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ ħajja tal-familja effettiva fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi preżunt li kull ħajja tal-familja bejn ġenitur u l-wild tiegħu ma tibqax teżisti immedjatament malli l-wild minuri jilħaq l-età maġġuri.

65

Madankollu, l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva tippreżupponi li tiġi stabbilita r-realtà tar-rabta tal-familja jew ir-rieda li tiġi stabbilita jew miżmuma tali rabta.

66

Għalhekk, il-fatt li l-persuni kkonċernati għandhom l-intenzjoni li jagħmlu żjarat okkażjonali, sa fejn dawn ikunu possibbli, u li jkollhom kuntatti regolari ta’ kwalunkwe natura li jkunu, fid-dawl b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi materjali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati, fosthom l-età tal-wild, jista’ jkun biżżejjed sabiex jitqies li dawn il-persuni qegħdin jibnu relazzjonijiet personali u emozzjonali mill-ġdid u sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva.

67

Barra minn hekk, bħalma ddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas ma jista’ jiġi rikjest li l-wild sponsor u l-ġenitur tiegħu jkollhom sostenn finanzjarju reċiproku, peress li huwa probabbli li huma ma jkollhomx il-mezzi materjali għal dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li sar maġġorenni), C‑279/20, EU:C:2022:XXX, punt 68).

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenitur ma’ wild minuri li kiseb l-istatus ta’ refuġjat, meta dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn dan il-ġenitur, is-sempliċi axxendenza diretta fl-ewwel grad ma hijiex suffiċjenti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-wild sponsor u l-ġenitur ikkonċernat jikkoabitaw fi ħdan l-istess dar jew jgħixu taħt l-istess saqaf sabiex dan il-ġenitur ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja. Żjarat okkażjonali, sa fejn huma possibbli, u kuntatti regolari ta’ kwalunkwe natura li tkun jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jitqies li dawn il-persuni qegħdin jibnu relazzjonijiet personali u emozzjonali mill-ġdid u sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi rikjest li l-wild sponsor u l-ġenitur ikkonċernat ikollhom sostenn finanzjarju reċiproku.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja għandu jiġi interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, skont l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, il-fatt li dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata mill-ġenituri tal-isponsor ma jikkostitwixxix “kundizzjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 16(1)(a), li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw tali applikazzjoni. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’każ bħal dan, id-dritt ta’ residenza tal-ġenituri kkonċernati jintemm malli l-wild jilħaq l-età maġġorenni.

 

2)

L-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenitur ma’ wild minuri li kiseb l-istatus ta’ refuġjat, meta dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn dan il-ġenitur, is-sempliċi axxendenza diretta fl-ewwel grad ma hijiex suffiċjenti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-wild sponsor u l-ġenitur ikkonċernat jikkoabitaw fi ħdan l-istess dar jew jgħixu taħt l-istess saqaf sabiex dan il-ġenitur ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja. Żjarat okkażjonali, sa fejn huma possibbli, u kuntatti regolari ta’ kwalunkwe natura li tkun jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jitqies li dawn il-persuni qegħdin jibnu relazzjonijiet personali u emozzjonali mill-ġdid u sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi rikjest li l-wild sponsor u l-ġenitur ikkonċernat ikollhom sostenn finanzjarju reċiproku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.