SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Artikolu 11 – Dritt għal ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali – Deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali – Kunċett ta’ ‘benefiċċji prinċipali’ – Direttiva 2000/43/KE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika – Artikolu 2 – Kunċett ta’ diskriminazzjoni – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku tal-lingwa ta’ dan l-Istat Membru”

Fil-Kawża C‑94/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Land Oberösterreich

vs

KV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Land Oberösterreich, minn K. Holzinger, Rechtsanwältin,

għal KV, minn S. Scheed, Rechtsanwältin,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, D. Martin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn KV u l-Land Oberösterreich (il-Land ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), dwar talba għal kumpens għad-dannu li KV allegatament ġarrab minħabba r-rifjut ta’ għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għall-akkomodazzjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/43

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43, intitolat “L-Għan”, jistabbilixxi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, jippreċiża:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a)

diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

(b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva ma’ tkoprix id-differenza tat-trattamenti msejsa fuq in-nazzjonalità u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u għal kull trattament li jinħoloq mill-istat legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni bla stat interessati.”

Id-Direttiva 2003/109

6

Il-premessi 2, 4, 12 u 13 tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere [(il-Finlandja)] fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali [tal-Unjoni Ewropea, stabbilita fit-Trattat FUE].

[…]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.

(13)

Fir-rigward ta’ l-assistenza soċjali, il-possibbiltà li jiġu limitati l-benefiċċji għar-residenti ta’ pejodu twil ta’ żmien għall-benefriċċji prinċipali għandha tiftiehem fis-sens li din l-ideja tkopri ta’ l-anqas dħul minimu ta’ sostenn, assistenza fil-każ ta’ mard, tqala, assistenza tal-ġenituri u kura f’perjodu twil ta’ żmien. Il-modalitajiet għall-għoti ta’ dawk il-benefiċċji għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali.”

7

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser xi persuna li ma tkunx ċittadin tal-l-Unjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu [20(1) TFUE];

(b)

‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7 [ta’ dan];

[…]”

8

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Trattament ugwali”, jiddisponi:

“1.   Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’: […]

[…]

(d)

sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali.

[…]”

Id-dritt Awstrijak

L-oöWFG

9

Il-Land ta’ Oberösterreich jagħti l-għajnuna għall-akkomodazzjoni, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha kienu rregolati mid-dispożizzjonijiet segwenti tal-Oberösterreichisches Wohnbauförderungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich dwar Appoġġ għall-Kostruzzjoni ta’ Akkomodazzjoni) (LGBl. 6/1993), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“oöWFG”). L-Artikolu 6 tal-oöWFG kien jipprevedi:

“[…]

9.   Sostenn b’din il-liġi għandu jingħata liċ-ċittadini Awstrijaċi li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] u liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom, fis-sens tad-Direttiva 2004/38/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)]. Sakemm konvenzjoni internazzjonali ma teżiġix li huma jingħataw sostenn bl-istess mod bħaċ-ċittadini Awstrijaċi, ikun jista’ jingħata sostenn biss lil persuni oħra jekk huma

1.

ikollhom legalment ir-residenza prinċipali tagħhom għal perijodu kontinwu ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju Awstrijak,

2.

jirċievu dħul taxxabbli fl-Awstrija jew kontribuzzjonijiet imħallsa għall-iskema obbligatorja ta’ assigurazzjoni soċjali fl-Awstrija għax ikunu segwew attività okkupazzjonali u fil-mument ikunu jirċievu benefiċċji minn dik l-iskema, u jkunu rċevew dak id-dħul jew benefiċċju għal erbgħa u ħamsin xahar matul il-ħames snin preċedenti, u

3.

iġibu prova li jkunu jafu l-lingwa Ġermaniża skont is-subparagrafu 11.

[…]

11.   Il-kundizzjoni stabbilita fis-subparagrafu 9(3) għandha titqies issodisfatta jekk l-applikant

1.

jipproduċi ċertifikat mill-Österreichischer Integrationsfonds (il-Fond ta’ Integrazzjoni Awstrijak) (ÖIF) jew minn istituzzjoni ta’ evalwazzjoni ċertifikata mill-ÖIF li juri li tkun irnexxiet evalwazzjoni ta’ integrazzjoni; jew

2.

jipproduċi diploma jew ċertifikat ta’ lingwa ġeneralment irrikonoxxuti ta’ profiċjenza fil-Ġermaniż Livell‑A 2 maħruġa minn ċentru ta’ evalwazzjoni ċċertifikat skont l-Integrationsvereinbarungs-Verordnung (il-Konvenzjoni ta’ Integrazzjoni) (BGBl. II, 242/2017) jew

3.

jipproduċi prova li l-persuna tkun segwiet edukazzjoni obbligatorja fl-Awstrija għal mill-inqas ħames snin u tkun kisbet punti biżżejjed fis-suġġett tal-“Ġermaniż” jew is-suġġett “Ġermaniż” tlesta b’suċċess fil-livell tad-9 grad, jew

4.

li tkun għaddiet mill-eżami fi tmiem apprendistat skont il-Berufsausbildungsgesetz (il-Liġi dwar Taħriġ Vokazzjonali għal Apprendistat) (BGBl. 142/1969).

[…]”

10

L-Artikolu 23 tal-oöWFG kien jiddisponi:

“(1)   Għajnuna għall-akkomodazzjoni tista’ tingħata lill-kerrej prinċipali, lix-xerrej li jkun mistenni jlesti fil-ġejjieni u lis-sid ta’ dar li fir-rigward tagħha jkun ingħata sostenn, jekk

1.

l-ispiża tal-akkomodazzjoni tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli għall-applikant;

2.

l-applikant ikun jgħix b’mod permanenti fid-dar imsemmija sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu ta’ akkomodazzjoni; u

3.

l-applikant ikun applika għal għajnuna oħra biex inaqqas l-ispiża għall-akkomodazzjoni (Artikolu 24(1)) li huwa jkun intitolat jirċievi, u

4.

ikun beda l-ħlas lura ta’ self ta’ sostenn (Artikolu 9) jew self issussidjat għal ipoteka (Artikolu 10).

(2)   L-għajnuna għall-akkomodazzjoni tista’ tingħata lill-kerrej prinċipali ta’ dar li fir-rigward tagħha jkun ingħata benefiċċju jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafu 1(1) sa (3) ikunu ssodisfatti u l-kirja ma tkunx ġiet konkluża ma’ persuna relatata.

[…]”

L-oberösterreichische Wohnbeihilfen-Verordnung

11

Skont l-Artikolu 2(3) tal-oberösterreichische Wohnbeihilfen-Verordnung (l-Ordinanza ta’ Oberösterreich dwar l-Għajnuna Soċjali għall-Akkomodazzjoni tal-Awstrija ta’ Fuq), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, l-ammont ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni ma kienx jaqbeż EUR 300 fix-xahar.

L-oöBMSG

12

Il-persuni li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà soċjali setgħu jirċievu garanzija ta’ riżorsi minimi sabiex jiżguraw il-kopertura tal-bżonnijiet tagħhom, bis-saħħa tal-oberösterreichisches Mindestsicherungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich dwar Benefiċċji Minimi Ggarantiti) (BGBl. 74/2011), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“oöBMSG”), li l-Artikolu 1 tagħha jippreċiża li din il-garanzija kellha l-għan li tiggarantixxi lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tal-komunità f’dan ir-rigward kundizzjonijiet ta’ eżistenza dinjitużi kif ukoll l-integrazzjoni fit-tul fis-soċjetà li din kienet timplika. Taħt ċerti kundizzjonijiet, wieħed seta’ jirċievi tali benefiċċju flimkien ma’ għajnuna għall-akkomodazzjoni jew din tal-aħħar kienet parzjalment titnaqqas mill-ewwel waħda. L-ammont bażiku ta’ dan il-benefiċċju, matul is-sena 2018, kien ta’ EUR 921.30 fix-xahar għal persuna li tgħix waħedha, u ta’ EUR 649.10 għal adulti li jgħixu taħt saqaf wieħed, b’benefiċċji komplementari għat-tfal.

13

L-Artikolu 4 tal-oöBMSG kien jiddisponi:

“(1)   Sa fejn din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-garanzija ta’ riżorsi minimi biex ikunu koperti ħtiġijiet tista’ tingħata biss lil dawk li

1.

ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom f’Oberösterreich […] u

2.

(a)

ikunu ċittadini Awstrijaċi jew membri tal-familja ta’ ċittadini Awstrijaċi;

(b)

ikollhom id-dritt għal ażil jew għal protezzjoni sussidjarja;

(c)

ikunu ċittadini tal-Unjoni, ċittadini ta’ Stat Membru taż-[ŻEE], ċittadini Svizzeri jew membri tal-familja tagħhom, sakemm ma jitilfux id-dritt tagħhom ta’ residenza;

(d)

ikollhom permess ta’ residenza [UE] fit-tul jew ‘residenti fit-tul – membru tal-familja’, jew ċertifikat ta’ stabbiliment jew permess ta’ residenza indefinita;

(e)

ikollhom dritt differenti ta’ residenza fit-territorju Awstrijak, bil-kundizzjoni li jekk jirċievu dawk il-benefiċċji huma ma jitilfux id-dritt tagħhom ta’ residenza.”

14

Skont l-Artikolu 5 tal-oöBMSG:

“L-għoti ta’ garanzija ta’ riżorsi minimi biex tkopri ħtiġijiet għandha tkun bla ħsara għall-kundizzjoni li persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4

(1)

tkun f’sitwazzjoni ta’ faqar soċjali (Artikolu 6) u

(2)

tkun lesta tevita, ittaffi jew tegħleb diffikultà soċjali (Artikolu 7).”

15

L-Artikolu 6 tal-oöBMSG jistabbilixxi:

“(1)   Persuni jkunu f’sitwazzjoni ta’ faqar soċjali meta ma jkunux jistgħu jipprovdu

1.

għas-sussistenza u għall-akkomodazzjoni tagħhom stess; jew

2.

għas-sussistenza u għall-akkomodazzjoni tal-membri dipendenti tal-familja li jkunu jgħixu magħhom taħt l-istess saqaf,

jew li jipprovdu, f’dik il-qagħda, sabiex ikunu koperti kif meħtieġ fil-każ ta’ mard, tqala jew twelid.

(2)   Il-ħtiġijiet ta’ sussistenza msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu nfiq b’rabta ma’ ħtiġijiet perjodiċi relatati ma’ ħajja dinjituża, b’mod partikolari ikel, ilbies, iġjene personali, għamara u tagħmir tad-dar, tisħin, elettriku, u ħtiġijiet oħra personali, bħall-ħtieġa li wieħed jieħu parti b’mod xieraq fil-ħajja soċjali u kulturali.

(3)   Il-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu kera kull tant żmien, ħlasijiet u taxxi ġenerali meħtieġa sabiex tkun żgurata akkomodazzjoni xierqa.

[…]”

L-oöADG

16

L-oberösterreichisches Antidiskriminierungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich kontra d-Diskriminazzjoni) (LGBl. 50/2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“oöADG”), ittrasponiet id-Direttiva 2000/43 fid-dritt Awstrijak. L-Artikolu 1 tal-oöADG’, bit-titolu “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra persuni fiżiċi minħabba, inter alia, etniċità. Dan l-Artikolu 1 ma japplikax, skont l-Artikolu 3 tal-oöADG, għal inugwaljanzi fit-trattament minħabba nazzjonalità, bil-kundizzjoni li dawn ikunu imposti mil-liġi jew ikunu ġġustifikati oġġettivament u li ma jkunux preklużi minn regoli tal-Unjoni jew minn konvenzjonijiet internazzjonali li jagħmlu parti mill-qafas ta’ integrazzjoni Ewropea b’rabta mal-ugwaljanza tal-persuni.

17

Skont l-Artikolu 8 tal-oöADG:

“(1)   Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-persuna inkwistjoni […] ikollha d-dritt għal kumpens xieraq […]

Minbarra l-kumpens għal ħsara materjali, [huwa jew hija] jkunu intitolati għal kumpens xieraq għal offiża personali mġarrba. L-ammont ta’ kumpens għall-offiża personali mġarrba ma jistax ikun inqas minn EUR 1000.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

KV, ta’ nazzjonalità Torka, ilu jgħix mis-sena 1997 ma’ martu u mat-tliet uliedhom fl-Awstrija fejn huwa għandu “status ta’ residenti għal żmien twil”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2003/109. Huwa bbenefika sal-aħħar tas-sena 2017 mill-għajnuna għall-akkomodazzjoni, skont l-oöWFG. Peress li l-għoti ta’ din l-għajnuna liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kien suġġett, mill‑1 ta’ Jannar 2018, bis-saħħa tal-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, għall-kundizzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jipproduċi l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandu għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, KV ġie rrifjutat minn din id-data l-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna, għar-raġuni li huwa ma kienx ipproduċa l-prova meħtieġa.

19

KV għalhekk adixxa lill-Bezirksgericht Linz (il-Qorti Distrettwali ta’ Linz, l-Awstrija) sabiex il-Land ta’ Oberösterreich jiġi kkundannat iħallaslu d-danni li jikkorrispondu għall-ammont tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni mhux imħallsa għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ Novembru 2018, fl-ammont ta’ EUR 281.54 fix-xahar, kif ukoll għall-kumpens għad-dannu morali tiegħu li jammonta għal EUR 1000. Insostenn tat-talbiet tiegħu, huwa invoka l-Artikolu 8 tal-oöADG u sostna, minn naħa, li l-punt 3 tal-Artikolu 6(9) u l-Artikolu 6(11) tal-oöWFG kienu jiżvantaġġawh minħabba l-oriġini etnika tiegħu, mingħajr ma dan kien iġġustifikat, u, min-naħa l-oħra, li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni kienet tikkostitwixxi “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

20

Peress li dawn it-talbiet intlaqgħu mill-Bezirksgericht Linz (il-Qorti Distrettwali ta’ Linz), il-Land Oberösterreich ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija).

21

Din il-qorti tindika, preliminarjament, li risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda hija neċessarja għaliha, indipendentement minn xulxin, sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Fil-fatt, għalkemm l-għajnuna għall-akkomodazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, risposta għat-tieni domanda magħmula tkun madankollu utli għaliha, peress li KV ibbaża l-azzjoni tiegħu fuq id-dritt tiegħu għal kumpens skont l-Artikolu 8(1) tal-oöADG u jitlob kemm il-ħlas tal-ammont tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni mhux riċevut kif ukoll il-kumpens għad-dannu morali tiegħu peress li ġie ddiskriminat minħabba l-appartenenza etnika tiegħu. Għalkemm din l-għajnuna ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, huwa madankollu konċepibbli, fil-fehma tagħha, li r-regola stabbilita fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita skont id-Direttiva 2000/43 jew tmur kontra l-Karta. Hija tqis li, billi tuża l-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, il-Land ta’ Oberösterreich kellha, fl-għażla tagħha tal-modalitajiet preċiżi tal-għoti tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni, tosserva r-rekwiżiti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-Direttiva 2000/43 u tal-Karta, u ma kellhiex tapplika kriterji diskriminatorji. Konsegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi eżaminat l-eventwali ksur mill-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG tad-Direttiva 2000/43 jew tal-Karta, indipendentement mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109.

22

Qabel kollox, filwaqt li tfittex li tiddetermina jekk l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxix “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Kumitat “għall-Akkomodazzjoni, il-Liġi tal-Kostruzzjoni u l-Protezzjoni tal-Ambjent” tal-oberösterreichischer Landtag (il-Parlament tal-Land ta’ Oberösterreich, l-Awstrija) iddikjara, fir-rapport tiegħu dwar abbozz ta’ liġi li jemenda l-oöWFG matul is-sena 2013, li s-sostenn għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni, inkluż l-għajnuna għall-akkomodazzjoni, ma kienx jikkostitwixxi tali benefiċċju. Hija tikkunsidra li dan il-kumitat għalhekk esprima r-rieda tal-Parlament tal-Land ta’ Oberösterreich li jagħmel użu mill-fakultà li japplika d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni. Hija tosserva li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil madankollu ma ġewx esklużi b’mod ġenerali mill-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni, iżda li ġew previsti kundizzjonijiet supplimentari għal dawn iċ-ċittadini. Hija tippreċiża li hija madankollu ma hijiex marbuta bl-interpretazzjoni magħmula mill-imsemmi kumitat tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

23

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din is-sentenza għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma hijiex evidenti.

24

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-garanzija ta’ riżorsi minimi prevista mill-oöBMSG hija intiża, min-naħa tagħha, sabiex tippermetti lil persuni f’sitwazzjoni ta’ diffikultà soċjali li jkollhom kundizzjonijiet ta’ għajxien xierqa b’mod ġenerali, li jinkludi l-aċċess għal akkomodazzjoni. L-għoti ta’ tali benefiċċju huwa suġġett għal kundizzjonijiet ħafna iktar stretti minn dawk ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, peress li dan il-benefiċċju jista’ jiġi rċevut biss minn persuni li ma għandhomx dħul jew li għandhom dħul estremament baxx. Konsegwentement, l-imsemmi benefiċċju jippreżupponi sitwazzjoni ta’ neċessità soċjali nettament iktar ċara minn dik li tista’ tiġġustifika l-għoti tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni. Minħabba f’hekk, persuni li jkollhom dħul baxx, iżda li jippermetti li jiġi kopert l-ammont minimu ta’ sussistenza, jistgħu jirċievu l-għajnuna għall-akkomodazzjoni mingħajr ma jirċievu l-benefiċċju mogħti taħt il-garanzija ta’ riżorsi minimi. F’ċerti każijiet, huwa possibbli li jiġi rċevut kemm dan il-benefiċċju tal-aħħar kif ukoll l-għajnuna għall-akkomodazzjoni, fejn l-ewwel benefiċċju b’hekk parzjalment jitnaqqas mit-tieni, iżda l-pubbliku kkonċernat minn dawn madankollu ma huwiex identiku.

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk humiex biss il-benefiċċji previsti mill-oöBMSG li għandhom jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, jew jekk jistax ikollhom ukoll tali klassifikazzjoni l-għajnuna għall-akkomodazzjoni, peress li din tal-aħħar hija intiża wkoll sabiex tnaqqas il-piż li jirriżulta mill-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni meta din tkun irraġonevoli u dan minkejja li, b’differenza mill-garanzija ta’ riżorsi minimi, din l-għajnuna ma tkunx suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun tinsab f’sitwazzjoni ta’ diffikultà.

26

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-allegata diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, il-qorti tar-rinviju tindika li l-oöADG tittrasponi fid-dritt Awstrijak, sa fejn dan huwa rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2000/43, minkejja li din il-liġi tuża l-espressjoni “etniċità”. Filwaqt li tirrileva li, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq il-kriterju tal-kwalità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma taqax, bħala prinċipju u bħala tali, taħt l-imsemmija direttiva, hija tistaqsi jekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, kriterju ta’ nazzjonalità jistax madankollu jikkostitwixxi “diskriminazzjoni indiretta” bbażata fuq l-oriġini etnika, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tal-istess direttiva. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li hija għandha tiddeċiedi dwar regola li timponi li wieħed ikollu għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża u li tiġi prodotta l-prova ta’ dan b’mod speċifiku sew. Fil-każ li jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-oöWFG twettaqx diskriminazzjoni indiretta, hija jkollha, barra minn hekk, tivverifika jekk din tal-aħħar hijiex iġġustifikata. L-għan tal-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG huwa li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jingħataw aċċess iktar ristrett għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni u r-raġuni għal dak li jikkonċerna li wieħed ikollu għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża hija li dan l-għarfien huwa importanti għall-integrazzjoni soċjali tal-persuna interessata. Ir-rekwiżit li jiġi pprovat tali għarfien jistħoqqlu diskussjoni, skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-għajnuna għall-akkomodazzjoni u r-rekwiżiti li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jissodisfa sabiex jikseb l-“istatus ta’ resident għal żmien twil”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2003/109.

27

Fl-aħħar, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-Direttiva 2000/43 ma tapplikax għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tqum, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta. Fil-fatt jidhrilha li l-modalitajiet preċiżi ta’ tali regola għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Karta, billi jitqies li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha minħabba l-fatt li jeżistu regoli tad-dritt tal-Unjoni li jippreskrivu l-ħlas ta’ benefiċċji soċjali liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil u li s-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li tikkostitwixxi implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 11 tad-[Direttiva 2003/109] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-[oöWFG], li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-[ŻEE] u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-[Direttiva 2004/38] l-benefiċċju soċjali ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109, teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku, jekk din l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tkun intiża sabiex ittaffi l-piż li jirriżulta mill-ispejjeż tal-akkomodazzjoni meta l-imsemmi piż ma jkunx raġonevoli, minkejja li benefiċċju soċjali ieħor (il-garanzija ta’ riżorsi minimi sabiex jiġi żgurat li jiġu koperti l-bżonnijiet kif previst taħt l-oöBMSG huwa intiż ukoll sabiex jiggarantixxi lill-persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà soċjali minimu għall-għajxien (inklużi l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni)?

2)

Il-projbizzjoni ta’ ‘diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ bbażata fuq ‘l-oriġini tar-razza jew l-etniċità’ stabbilita fl-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2000/43] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38 benefiċċju soċjali (l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taħt l-oöWFG) mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109), teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika stabbilita fl-Artikolu 21 tal-[Karta] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38 benefiċċju soċjali (l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taħt l-oöWFG) mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109), teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

29

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Land ta’ Oberösterreich talab, permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Marzu 2021, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tiegħu, il-Land ta’ Oberösterreich essenzjalment isostni li l-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna għall-akkomodazzjoni bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, magħmula mill-Avukat Ġenerali hija żbaljata. Fil-fatt, din il-klassifikazzjoni tmur kontra kemm din id-dispożizzjoni kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-għan ta’ dan il-benefiċċju. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma kontradittorji u huma bbażati fuq elementi li ma humiex ipprovati jew li ma ġewx invokati. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prova li wieħed ikollu konoxxenza bażika fil-lingwa Ġermaniża li l-applikant għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni għandu jipproduċi, il-Land Oberösterreich jikkontesta li jistgħu jeżistu mezzi ta’ prova oħra minbarra dawk diġà aċċettati bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena, C‑432/18, EU:C:2019:1045, punt 21, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 64).

32

Madankollu, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi tal-proċedura, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

33

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha, wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura, l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni. Hija tirrileva, barra minn hekk, li din il-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex iddibattut bejn il-persuni kkonċernati. Hija tikkunsidra, fl-aħħar, li t-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma juru ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li hija msejħa tagħti fl-imsemmija kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taqa’ taħt il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 u li l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokaw id-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, anki meta tkun intużat il-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.

36

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, prinċipalment, dwar jekk l-għajnuna għall-akkomodazzjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(4).

37

Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw għall-benefiċċji prinċipali, fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza fit-trattament bejn ir-“residenti għal żmien twil”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u ċ-ċittadini nazzjonali. L-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal żmien twil fl-Istati Membri u d-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini għall-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva huma r-regola ġenerali, id-deroga prevista fl-Artikolu(11) 4 tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 86).

38

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “benefiċċju prinċipali’”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett f’din id-direttiva u ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward, is-sens u l-portata tal-imsemmi kunċett għandhom jiġu mfittxija billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, jiġifieri, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 4 u 12 tagħha, l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u għal żmien twil fl-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament li minnha jibbenefika min għandu l-istatus mogħti mill-istess direttiva, bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 9091).

39

Barra minn hekk, meta jiddeterminaw il-miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji previsti mill-Karta, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 34 tagħha. Konformement ma’ dan l-aħħar artikolu, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni maħsuba sabiex tiġi żgurata l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti. Minn dan isegwi li, sa fejn benefiċċju jissodisfa l-għan stabbilit minn dan l-artikolu tal-Karta, dan ma jistax jiġi kkunsidrat, fid-dritt tal-Unjoni, bħala li ma jagħmilx parti mill-“benefiċċji prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 (sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 8092).

40

Minn dan jirriżulta li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, benefiċċju intiż sabiex jippermetti lil persuni li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex jaffrontaw il-bżonn ta’ akkomodazzjoni, sabiex jiżgurawlhom kundizzjonijiet ta’ għajxien dinjitużi, jikkostitwixxi “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

41

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni għandha l-għan li tipprekludi li l-ispejjeż dovuti għall-akkomodazzjoni jikkostitwixxu piż irraġonevoli. Limitata għal ammont ta’ EUR 300, din hija kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni li hija maħsuba mhux sabiex tkopri kompletament l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda sabiex tkopri parti minn dawn l-ispejjeż sabiex persuni bi dħul baxx ma jkollhomx jagħmlu użu minn parti kbira wisq mid-dħul tagħhom sabiex ikunu jistgħu jirrisjedu b’mod xieraq.

42

Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jidher li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkontribwixxi sabiex tiggarantixxi lil dawn il-persuni eżistenza dinjituża billi tippermettilhom joqogħdu b’mod xieraq, mingħajr ma jkollhom jagħmlu użu minn parti kbira wisq tad-dħul tagħhom għall-akkomodazzjoni b’detriment, eventwalment, tas-sodisfazzjon ta’ bżonnijiet bażiċi oħra. B’hekk jidher li jikkostitwixxi benefiċċju li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, intiż sabiex jiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti, kif previst fl-Artikolu 34(3) tal-Karta. Jekk dan ikun il-każ, l-għoti tiegħu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil huwa, konsegwentement, ukoll neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ integrazzjoni mfittex mid-Direttiva 2003/109. Għaldaqstant, l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tidher li hija ta’ natura li tikkostitwixxi “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva.

43

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan u li tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-post ta’ din l-għajnuna fis-sistema ta’ għajnuna soċjali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 92).

44

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil ikunu eliġibbli, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha, għal għajnuna soċjali oħra bħall-garanzija ta’ riżorsi minimi prevista mill-oöBMSG, intiża sabiex tippermetti lil persuni f’sitwazzjoni ta’ diffikultà soċjali li jkollhom kundizzjonijiet ta’ eżistenza dinjituża, inkluż l-akkomodazzjoni, u li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, ma jistax jeskludi li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tirċievi l-istess klassifikazzjoni jekk tissodisfa wkoll il-kriterji stabbiliti fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza.

45

Fil-każ fejn l-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma tiġix ikklassifikata bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2003/109 ma tipprevedi ebda obbligu speċifiku għall-każ fejn, wara li jkun għamel użu mill-fakultà li japplika d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) tagħha, Stat Membru madankollu jagħti benefiċċju li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju prinċipali” liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil.

46

Tali sitwazzjoni hija differenti minn dik li fiha att tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri libertà ta’ għażla bejn diversi modalitajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ setgħa diskrezzjonali jew ta’ evalwazzjoni li tagħmel parti integrali mis-sistema stabbilita minn dan l-att, jew ukoll mis-sitwazzjoni li fiha tali att jawtorizza l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 50).

47

Għaldaqstant, jekk jitqies li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma tikkostitwixxix “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju, bħall-prova li wieħed ikollu konoxxenza bażika fil-lingwa Ġermaniża li għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku, imposti mill-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, jaqgħu taħt il-kompetenza miżmuma mill-Istati Membri, mingħajr ma jkunu rregolati minn din id-direttiva u mingħajr ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni previsti fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG ma għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tad-Direttiva 2003/109.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, anki meta tkun intużat il-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, jekk dik l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxi “benefiċċju prinċipali” fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/43 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.

51

Konformement mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/43, din tapplika unikament għad-diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba r-razza jew l-oriġini etnika. L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li din tal-aħħar ma tkoprix id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità u hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet u għall-kundizzjonijiet relatati mad-dħul u mar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr Stat fit-territorju tal-Istati Membri, u għal kull trattament li jirriżulta mill-istatus legali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni mingħajr Stat ikkonċernati.

52

Issa, f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament li huma suġġetti għaliha ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatus ta’ residenti għal żmien twil, meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali, li tirriżulta mill-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, hija bbażata fuq dan l-istatus.

53

Tali differenza fit-trattament ma taqax, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 50).

54

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju ta’ nazzjonalità jew, bħal fil-kawża prinċipali, fuq l-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil tistax ukoll tikkostitwixxi “diskriminazzjoni indiretta” ibbażata fuq l-oriġini etnika, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, peress li l-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG jagħmel distinzjoni mhux biss skont il-kriterju tal-kwalità ta’ resident għal perijodu twil, iżda wkoll skont il-kriterju li wieħed ikollu għarfien bażiku tal-lingwa nazzjonali.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika meta mqabbla ma’ persuni oħra. L-espressjoni “żvantaġġ partikolari” imsemmija f’din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tfisser li huma partikolarment il-persuni ta’ oriġini etnika partikolari li jinsabu fi żvantaġġ minħabba l-miżura inkwistjoni. Il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, japplika biss jekk il-miżura allegatament diskriminatorja jkollha bħala effett li tiżvantaġġa oriġini etnika b’mod partikolari (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 100; tas‑6 ta’ April 2017, Jyske Finans, C‑668/15, EU:C:2017:278, punti 2731, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2018, Maniero, C‑457/17, EU:C:2018:912, punti 4748).

56

Issa, l-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li japplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi mingħajr distinzjoni, ma jiżvantaġġax lill-persuni ta’ oriġini etnika b’mod partikolari. Konsegwentement, ma jikkostitwixxix “diskriminazzjoni indiretta” bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi mingħajr distinzjoni u li permezz tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq it-tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan jindirizzaw lill-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE, l-istess bħall-Artikolu 51(2) tal-Karta, jippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u ma tistax, konsegwentement, tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma taqax fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punti 2021, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 32).

60

Issa, minn naħa, kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda magħmula, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43.

61

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma tiġix ikklassifikata bħala “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, għandu jitfakkar li din tal-aħħar, kif ġie rrilevat fil-punti 45 u 47 ta’ din is-sentenza, ma timponi ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri meta, wara li jkunu għamlu użu mill-fakultà li japplikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, dawn jagħtu madankollu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil benefiċċju mhux prinċipali li jaqa’ taħt l-għajnuna soċjali jew il-protezzjoni soċjali. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali benefiċċju, bħall-prova li wieħed ikollu konoxxenza bażika fil-lingwa Ġermaniża li għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku, imposta fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

62

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, dispożizzjoni bħall-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u ma tistax, konsegwentement, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari tal-Artikolu 21 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Min-naħa l-oħra, jekk l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxi “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Karta hija intiża li tapplika. Madankollu, dispożizzjoni bħall-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi mingħajr distinzjoni u li minnha ma jirriżultax li tqiegħed fi żvantaġġ il-persuni ta’ oriġini etnika partikolari, ma tistax titqies li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta li tagħha d-Direttiva 2000/43 tikkostitwixxi l-espressjoni konkreta fl-oqsma materjali koperti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 58).

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li, meta tkun intużat il-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 21 tal-Karta ma huwiex intiż li japplika fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, jekk dik l-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma tikkostitwixxix “benefiċċju prinċipali” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(4). Jekk l-imsemmija għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxi tali benefiċċju prinċipali, l-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, anki meta tkun intużat il-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, jekk dik l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxi “benefiċċju prinċipali” fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

 

2)

Ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi mingħajr distinzjoni u li permezz tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.

 

3)

Meta tkun intużat il-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma huwiex intiż li japplika fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil, l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jipproduċu l-prova, b’mod speċifikat minn din il-leġiżlazzjoni, li għandhom għarfien bażiku fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, jekk dik l-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma tikkostitwixxix “benefiċċju prinċipali” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(4). Jekk l-imsemmija għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxi tali benefiċċju prinċipali, l-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.