SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

22 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal‑Komunità – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 29(1) – Artikolu 32(1)(e)(i) – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 70(1) – Artikolu 71(1)(e)(i) – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Valur tat-tranżazzjoni – Aġġustament – Prezz li jinkludi l-kunsinna fuq il-fruntiera”

Fil-Kawża C‑75/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema (il-Litwanja)), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

“Lifosa” UAB

vs

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

fil-preżenza ta’:

Kauno teritorinė muitinė,

“Transchema” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Lifosa” UAB, minn A. Seliava u E. Sinkevičius, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1) u tal-Artikolu 32(1)(e)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), kif ukoll tal-Artikolu 70(1) u tal-Artikolu 71(1)(e)(i) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Lifosa” UAB (iktar ’il quddiem l-“importatur”) u l-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (id-Dipartiment tad-Dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, il-Litwanja) dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li jimponu fuq l-importatur, b’mod partikolari, aġġustament tal-valur doganali tal-merkanzija importata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

3

L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jipprovdi:

“Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

[…]

(b)

il-bejgħ jew il-prezz m’huwiex suġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax jiġi stabbilit valur fir-rigward tal-merkanzija li qed tkun stmata;

[…]”

4

L-Artikolu 29(3)(a) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija impurtata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terza persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ. Il-ħlas mhux bilfors ikun f’forma ta’ trasferiment ta’ flus. Ħlas jista’ jsir permezz ta’ ittri ta’ kreditu jew strument negozjabbli u jista’ jsir direttament jew indirettament.”

5

L-Artikolu 32(1) sa (3) tal-kodiċi msemmi jipprovdi li:

“1.   Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

[…]

(e)

(i) l-ispejjeż tat-trasport u assigurazzjoni tal-merkanzija importata, u

[…]

lejn il-post ta’ l-introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità.

2.   Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skond il-bażi ta’ data oġġettiva u li tista’ tiġi kwantifikata.

3.   Ebda żieda m’għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f’dan l-Artikolu.”

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

6

L-Artikolu 164(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), li jinsab fil-Kapitolu 4, intitolat “Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ispejjeż tat-trasport”, tat-Titolu V tal-Parti I tiegħu, kien jipprovdi:

“Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 32(1)(e) […] tal-Kodiċi [Doganali tal-Komunità]:

[…]

(ċ)

meta t-trasport ikun b’xejn jew ipprovdut mix-xerrej, l-ispejjeż tat-trasport lejn il-post tad-dħul ikkalkulat skond l-iskeda tar-rati tan-noll normalment applikati għall-istess metodi ta’ trasport, għandhom jiġu nklużi fil-valur doganali.”

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

7

L-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Il-metodu ta’ valutazzjoni doganali bbażat fuq il-valur tat-tranżazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Il-bażi primarja għall-valur doganali tal-merkanzija għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ.

2.   Il-prezz li effettivament tħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun il-pagament totali magħmul jew li għandu jsir mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil parti terza għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-pagamenti kollha magħmula jew li għandhom isiru bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal- merkanzija importata.

3.   Il-valur tat-tranżazzjoni għandu japplika dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

[…]

(b)

il-bejgħ jew il-prezz mhuwiex soġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax ikun determinat valur rigward il-merkanzija li qed tkun valutata;

[…]”

8

L-Artikolu 71 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Elementi tal-valur tat-transazzjoni”, jipprovdi li:

“1.   Waqt li jkun qed ikun stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 70, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata għandu jkun supplimentat:

[…]

(e)

bl-ispejjeż li ġejjin sal-post fejn il-merkanziji tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni:

(i)

l-ispejjeż tat-trasport u assigurazzjoni tal-merkanzija importata; u

[…]

2.   Iż-żidiet mal-prezz effetivament imħallas jew li għandu jitħallas, skont il-paragrafu 1, għandhom isiru biss fuq il-bażi ta’ fatti oġġettivi u kwantifikabbli.

3.   L-ebda żieda ma għandha ssir mal-prezz effetivament imħallas jew li għandu jitħallas meta jkun qiegħed ikun stabbilit il-valur doganali ħlief kif provdut f’dan l-Artikolu.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447

9

L-Artikolu 138 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifika fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), intitolat “Spejjeż tat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Meta t-trasport ikun mingħajr ħlas jew jiġi pprovdut mix-xerrej, l-ispejjeż tat-trasport li jridu jiġu inklużi fil-valur doganali tal-prodotti għandhom jiġu kkalkolati skont l-iskeda tar-rati tal-merkanzija normalment applikati għall-istess modi ta’ trasport.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

L-importatur hija kumpannija stabbilita fil-Litwanja, li tipproduċi b’mod partikolari fertilizzanti. B’eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż fit-23 ta’ Settembru 2011, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2016, huwa xtara mingħand intermedjarju, “Transchema” UAB, u importa fit-territorju doganali tal-Unjoni diversi kwantitajiet ta’ aċidu sulfuriku tekniku prodott minn kumpannija stabbilita fil-Bjelorussja, Naftan JSC (iktar ’il quddiem il-“produttur”).

11

Għal kull tranżazzjoni, ġie konkluż kuntratt addizzjonali, li kien jistipula prezz speċifiku u msejjaħ “Kunsinna mwassla mal-fruntiera” (DAF), skont l-Incoterm DAF, li jifforma parti mill-Incoterms 2000 stabbiliti mill-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, li permezz tagħha l-ispejjeż kollha ta’ trasport tal-merkanzija importata għandhom jitħallsu mill-produttur sal-post tal-kunsinna miftiehem mal-fruntiera.

12

Il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija ddikjarata mill-importatur kien jindika l-ammonti effettivament imħallsa hekk kif dawn tal-aħħar kienu jidhru fuq il-fatturi maħruġa mill-intermedjarju.

13

Waqt kontroll, l-uffiċċju doganali ta’ Kaunas (il-Litwanja) ikkonstata li l-valur doganali ddikjarat b’dan il-mod tal-merkanzija importata kien inqas mill-ispejjeż effettivament sostnuti mill-produttur għat-trasport bil-ferrovija ta’ din il-merkanzija sal-punt ta’ passaġġ mal-fruntiera. Peress li qies li dawn l-ispejjeż ta’ trasport kellhom jiżdiedu mal-valur tat-tranżazzjoni tal-imsemmija merkanzija, l-uffiċċju doganali ta’ Kaunas adotta, fid-9 ta’ Frar 2017, deċiżjoni intiża sabiex jiġi kkorreġut il-valur għal skopijiet doganali ddikjarat mill-importatur billi żied miegħu l-ispejjeż ta’ trasport tal-istess merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, dan ġie impost il-ħlas ta’ EUR 25876 bħala aġġustament ta’ dan il-valur doganali, ta’ EUR 412 bħala interessi moratorji fuq id-dazji doganali mhux imħallsa korrispondenti, ta’ EUR 187152 bħala VAT fuq l-importazzjoni dovuta, ta’ EUR 42492 bħala interessi moratorji fuq din it-taxxa kif ukoll multa ta’ EUR 42598.

14

L-importatur ikkontesta din id-deċiżjoni mad-dipartiment tad-dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, li kkonfermaha.

15

L-importatur ippreżenta rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja).

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2017, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius) ċaħdet bħala infondat dan ir-rikors tal-importatur, li appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

17

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata kien jinkludi l-ispejjeż ta’ kunsinna fuq il-fruntiera, li kienu akkarigu tal-produttur skont il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna miftiehma deskritti fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

18

Barra minn hekk, dik il-qorti tippreċiża li l-valur doganali ta’ din il-merkanzija indikat mill-importatur fid-dikjarazzjonijiet doganali tiegħu kien jikkonsisti mill-ammonti mħallsa għall-imsemmija merkanzija u li dawn kienu jikkorrispondu għall-valur reali tagħha. Madankollu, il-valur doganali ddikjarat b’dan il-mod kien inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-produttur għat-trasport tal-istess merkanzija bil-ferrovija sal-fruntiera Litwana.

19

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet doganali jsostnu li, fl-assenza ta’ aġġustament tal-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija importata biż-żieda tal-ispejjeż ta’ trasport sostnuti mill-produttur sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija, id-dikjarazzjonijiet doganali ma jirriflettux l-elementi kollha tal-imsemmija merkanzija li għandhom valur ekonomiku.

20

Għall-kuntrarju, l-importatur isostni li l-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata jirrifletti l-valur reali tagħha, peress li, minn naħa, il-produttur ma għandux il-possibbiltà li jittrasforma jew li jaħżen din il-merkanzija u, min-naħa l-oħra, ir-riċiklaġġ tal-imsemmija merkanzija joħloq spejjeż għoljin ħafna. Għaldaqstant, għalkemm dan il-prezz ma jkoprix l-ispejjeż kollha tat-trasport inkorsi mill-produttur, l-imsemmi prezz jibqa’ ġġustifikat u ekonomikament vantaġġuż għal dan tal-aħħar, peress li l-ammont tat-taxxa ambjentali imposta fil-Bjelorussja għar-riċiklaġġ tal-merkanzija importata jeċċedi l-ammont tal-valur doganali ddikjarat u tal-ispejjeż ta’ trasport ta’ din il-merkanzija.

21

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata, l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 32(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 70(1) u l-Artikolu 71(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jeżiġux li l-ispejjeż tat-trasport jiżdiedu mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha, għalkemm il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ jipprevedu li l-prezz tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija jinkludi l-ispejjeż ta’ trasport, l-ispejjeż ta’ trasport imħallsa mill-produttur huma ogħla mill-prezz li bih dan tal-aħħar ittrasferixxa l-merkanzija msemmija lill-importatur.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 29(1) u 32(1)(e)(i) [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità] u l-Artikoli 70(1) u 71(1)(e)(i) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-valur (fid-dwana) tat-tranżazzjoni għandu jiġi aġġustat billi jiġu inklużi miegħu l-ispejjeż kollha effettivament sostnuti mill-[produttur] għat-trasport tal-merkanzija sal-post fejn tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni […] meta, bħal f’din il-kawża, (1) l-obbligu li jiġu koperti dawn l-ispejjeż kien impost fuq il-[produttur] skont il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna […] u (2) dawn l-ispejjeż ta’ trasport kienu jeċċedu l-prezz miftiehem u realment imħallas [mill-importatur], iżda (3) il-prezz realment imħallas [mill-importatur] kien jikkorrispondi mal-valur reali tal-merkanzija, anki jekk [dan il-prezz] ma kienx suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż kollha ta’ trasport sostnuti mill-[produttur]?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 32(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 70(1) u l-Artikolu 71(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata, hemm lok li jiżdied mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-produttur għat-trasport ta’ din il-merkanzija sal-post tal-introduzzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni meta, skont il-kundizzjonijiet tal-kunsinna miftiehma, l-obbligu li jiġu koperti dawn l-ispejjeż jinsab fuq il-produttur, meta l-ispejjeż imsemmija jeċċedu l-prezz effettivament imħallas mill-importatur, iżda meta dan il-prezz jikkorrispondi għall-valur reali tal-merkanzija.

24

Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni dwar l-istima għal skopijiet doganali huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji. Għalhekk, il-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku. Għalkemm il-prezz effettivament imħallas għall-merkanzija jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-valur doganali tagħha, dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat meta din l-operazzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur doganali arbitrarju jew fittizju (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga, C‑1/18, EU:C:2019:519, punti 2223 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prezz imħallas għall-merkanzija importata jikkorrispondi għall-valur reali tagħha u li ma jeżisti ebda element li jippermetti li jiġi sostnut li l-prezz realment imħallas mill-importatur għal din il-merkanzija huwa fittizju, għaliex jirriżulta minn frodi jew minn abbuż ta’ dritt.

26

Konsegwentement, il-kawża prinċipali ma tidhirx li tikkonċerna valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, iżda tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 32(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 70(1) u l-Artikolu 71(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jimponux, għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata, li jiżdiedu mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha, l-ispejjeż ta’ trasport imħallsa, konformement mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, mill-produttur u li huma inklużi fil-prezz tal-bejgħ, meta dan il-prezz ma jippermettix li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ trasport kollha.

27

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata jikkostitwixxi l-“bażi primarja” għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tagħha. Huwa biss bħala supplimenti li ċerti elementi oħra jistgħu jiżdiedu ma’ din il-bażi sabiex jiġi rifless il-valur ekonomiku reali ta’ din il-merkanzija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 71 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

28

Issa, għalkemm l-Artikolu 32(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 71(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jippermettu li jiġi kkompletat il-prezz effettivament imħallas biż-żieda tal-ispejjeż tat-trasport, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li dawn l-ispejjeż ma jkunux diġà ġew inklużi f’dan il-prezz, li huwa l-każ meta l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ jistipulaw prezz bil-“kunsinna mwassla mal-fruntiera”.

29

Tali approċċ huwa kkonfermat mill-Artikolu 164(ċ) tar-Regolament Nru 2454/93 u mill-Artikolu 138(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu ż-żieda tal-ispejjeż tat-trasport mal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata biss meta t-trasport ikun żgurat jew mingħajr ħlas jew permezz tal-mezzi tal-importatur.

30

Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kawża prinċipali, minn naħa, ebda element ma jippermetti li jiġi sostnut li l-prezz ta’ bejgħ miftiehem ma kienx jinkludi l-ispejjeż ta’ trasport tal-merkanzija importata u, min-naħa l-oħra, il-prezz imħallas mill-importatur kien jikkorrispondi għall-valur reali ta’ din il-merkanzija.

31

Konsegwentement, la l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 32(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 71(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u lanqas dawk previsti fl-Artikolu 164(ċ) tar-Regolament Nru 2454/93 u fl-Artikolu 138(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 ma huma ssodisfatti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Interpretazzjoni differenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal sabiex l-importatur jintalab iħallas darbtejn l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija importata u, konsegwentement, li jitqies li l-importazzjonijiet suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ bejgħ li jipprevedu inklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż fil-prezz tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija għandhom ex officio jkunu s-suġġett ta’ korrezzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni.

33

Il-fatt li, f’dan il-każ, l-ispejjeż ta’ trasport tal-merkanzija importata sostnuti mill-produttur jeċċedu l-prezz effettivament imħallas mill-importatur ma huwiex ta’ natura li jibdel din il-konklużjoni, bil-kundizzjoni li dan il-prezz jirrifletti l-valur reali ta’ din il-merkanzija, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

34

Fit-tieni lok, ir-riskju invokat mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li jgħid li operatur ekonomiku jista’ jevita l-obbligi dwar id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata, billi jibbaża ruħu fuq l-awtonomija kuntrattwali tiegħu, ma jidhirx li huwa fondat f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali riskju jippreżupponi fil-fatt li l-ispejjeż ta’ trasport ta’ din il-merkanzija ma jkunux tħallsu, li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ waqt id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-imsemmija merkanzija jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

35

Għalkemm operatur ekonomiku ma jistax jevita d-dritt tal-Unjoni billi jinvoka l-obbligi kuntrattwali tiegħu, id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata ma tistax madankollu tiġi deċiża b’mod astratt. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ssib il-bażi tagħha fil-kundizzjonijiet li fihom isir il-bejgħ ikkonċernat, anki jekk dawn huma differenti mid-drawwiet kummerċjali jew jistgħu jitqiesu bħala mhux tas-soltu għat-tip ta’ kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 1986, Van Houten International, 65/85, EU:C:1986:53, punt 13). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi evalwat jekk il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata jirriflettix il-valur ekonomiku reali tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni legali konkreta tal-partijiet fil-kuntratt tal-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Gaston Schul, C‑354/09, EU:C:2010:439, punt 38). Għaldaqstant, il-fatt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-bejgħ fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din il-merkanzija mhux biss imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, iżda barra minn hekk iwassal għal riżultat li ma jippermettix li jiġi rifless il-valur ekonomiku reali tal-imsemmija merkanzija.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 32(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 70(1) u l-Artikolu 71(1)(e)(i) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata, ma hemmx lok li mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha jiżdiedu l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-produttur għat-trasport ta’ din il-merkanzija sal-introduzzjoni ta’ din il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni meta, skont il-kundizzjonijiet tal-kunsinna miftiehma, l-obbligu li jiġu koperti dawn l-ispejjeż ikun jaqa’ fuq il-produttur, u dan anki jekk l-ispejjeż imsemmija jeċċedu l-prezz effettivament imħallas mill-importatur, meta dan il-prezz ikun jikkorrispondi mal-valur reali tal-merkanzija msemmija, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 32(1)(e)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 70(1) u l-Artikolu 71(1)(e)(i) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata, ma hemmx lok li mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha jiżdiedu l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-produttur għat-trasport ta’ din il-merkanzija sal-introduzzjoni ta’ din il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea meta, skont il-kundizzjonijiet tal-kunsinna miftiehma, l-obbligu li jiġu koperti dawn l-ispejjeż ikun jaqa’ fuq il-produttur, u dan anki jekk l-ispejjeż imsemmija jeċċedu l-prezz effettivament imħallas mill-importatur, meta dan il-prezz ikun jikkorrispondi mal-valur reali tal-merkanzija msemmija, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.