SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 203 – Taxxi ffatturati inkorrettament – Bona fide tal-persuna li toħroġ il-fattura – Riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa – Obbligi tal-Istati Membri li jipprevedu l-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni tat-taxxa ffatturata inkorrettament – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑48/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

UAB “P.”

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w B.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u M. Safjan, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UAB “P.”, minn D. Kosacka, doradca podatkowy,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UAB “P.” (iktar ’il quddiem “P.”) u d-Dyrektor Izby Skarbowej w B. (id-Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B., il-Polonja), dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) iffatturata inkorrettament.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura.”

Id-dritt Pollakk

4

L-Artikolu 108(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Prodotti u fuq is-Servizzi) tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2004, Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2016, intestatura 710) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jistabbilixxi:

“Meta persuna ġuridika, entità organizzattiva li ma għandhiex personalità ġuridika jew persuna fiżika toħroġ fattura li tindika ammont ta’ VAT, hija obbligata li tħallasha.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

P. hija kumpannija stabbilita fil-Litwanja li kienet tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji tat-trasport Litwani karti tal-fjuwil li jippermettu lil dawn il-kumpanniji ta’ trasport jimlew il-fjuwil minn ċerti pompi tal-petrol li jinsabu fit-territorju Pollakk.

6

Peress li l-attività kummerċjali tagħha kienet tikkonsisti fl-akkwist tal-fjuwil mingħand pompi tal-petrol Pollakki sabiex sussegwentement tbigħu mill-ġdid lil kumpanniji tat-trasport Litwani, permezz ta’ karti tal-fjuwil, P. ħarġet fatturi ta’ kunsinna tal-fjuwil lil dawn il-kumpanniji tat-trasport billi indikat ammont ta’ VAT.

7

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, in-Naczelnik Urzędu Skarbowego w Białymstoku (id-Direttur taċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Białystok, il-Polonja) ikkonstata l-eżistenza ta’ dejn ta’ P. fir-rigward tal-VAT għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu u x-xahar ta’ Diċembru 2011, ħlas żejjed fiskali għall-perijodi bejn ix-xahar ta’ Marzu u dak ta’ Ġunju 2011 kif ukoll ammont ta’ VAT li għandu jitħallas skont l-Artikolu 108 tal-Liġi dwar il-VAT. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li P. ma setgħetx tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-fatturi maħruġa mill-pompi tal-petrol għax-xiri ta’ fjuwil.

8

P. ippreżentat appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Dyrektor Izby Skarbowej w B. (id-Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B., il-Polonja).

9

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2014, id-Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B. annulla d-deċiżjoni tad-Direttur taċ-Ċentru tat-Taxxa ta’ Białystok, tas-27 ta’ Ġunju 2014, minħabba li dan kien stabbilixxa l-post ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-VAT. Barra minn hekk, huwa ddeċieda fuq il-mertu tal-kawża, billi ddetermina l-obbligi fiskali ta’ P. fil-qasam tal-VAT.

10

Fid-deċiżjoni tiegħu tat‑2 ta’ Ottubru 2014, id-direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B. ikkonferma, bħal fil-każ tad-direttur taċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Białystok, li P. la kienet xtrat u lanqas ipprovdiet fjuwil fit-territorju Pollakk. Fil-fehma tiegħu, il-fjuwil kien ipprovdut direttament mill-istazzjonijiet ta’ servizz Pollakki lill-kumpanniji tat-trasport Litwani, li, permezz tal-karti tal-fjuwil mixtrija mingħand P., kienu jissodisfaw ruħhom f’dawn il-pompi tal-petrol billi jibbenefikaw minn libertà ta’ għażla totali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwantità u t-tip ta’ fjuwil. L-attività reali ta’ P. tikkonsisti għalhekk fil-finanzjament tax-xiri tal-fjuwil fl-imsemmija pompi tal-petrol mill-kumpanniji tat-trasport Litwani, permezz ta’ karti tal-fjuwil. Din l-attività tikkostitwixxi servizz finanzjarju eżenti mill-VAT fil-Polonja skont il-Liġi dwar il-VAT.

11

Barra minn hekk, sa fejn il-fatturi maħruġa minn P. ma kinux jirriflettu l-iżvolġiment reali tal-attivitajiet tagħha, id-Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B. ikkonferma wkoll li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-fatturi maħruġa mill-pompi tal-petrol. Barra minn hekk, huwa qies li l-fatturi ta’ bejgħ maħruġa minn P. kienu joħolqu fuqha, skont il-Liġi dwar il-VAT, obbligu li jitħallas l-ammont tal-VAT li kien imsemmi fihom.

12

P. ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B. quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Białymstoku (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Białystok, il-Polonja), li, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ April 2015, annullat din id-deċiżjoni.

13

Id-Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ B. appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja).

14

Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Frar 2017, dik il-qorti, minn naħa, annullat is-sentenza tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Białymstoku (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Białystok) tas-7 ta’ April 2015, billi qieset li din kienet obbligata tevalwa, abbażi tal-proċess mibgħut lilha, jekk l-awtoritajiet fiskali kinux ikkunsidraw ġustament li l-ħruġ tal-fatturi minn P. kien wassal għal riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa għall-Istat u, min-naħa l-oħra, irrinvijat il-kawża għal eżami mill-ġdid tagħha.

15

Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Białymstoku (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Białystok) ċaħdet l-appell ta’ P., minħabba li kien jeżisti riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa għall-Istat.

16

P. appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland (C‑185/01, EU:C:2003:73), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic (C‑235/18, EU:C:2019:412), dik il-qorti tirrileva li l-attività reali ta’ P. kienet tikkonsisti fil-finanzjament tal-akkwist ta’ fjuwil mill-klijenti Litwani tagħha fil-pompi tal-petrol permezz ta’ karti tal-fjuwil u li, konsegwentement, hija llimitat ruħha li tipprovdi servizzi finanzjarji lil entitajiet Litwani, li ma humiex suġġetti għall-VAT fil-Polonja.

17

L-imsemmija qorti tirrileva madankollu li ma huwiex stabbilit li l-aġir ta’ P. u tal-partijiet kontraenti tagħha jikkostitwixxi frodi jew abbuż. Fil-fatt, huwa minħabba prassi tal-awtoritajiet fiskali Pollakki li t-tranżazzjonijiet bħal dawk imwettqa minn P. tqiesu bħala tranżazzjonijiet f’katina li għandhom bħala għan il-provvista ta’ fjuwil lil kumpanniji tat-trasport. Skont din il-prassi, kull wieħed mill-operaturi li jintervjenu fil-katina tal-provvista tal-fjuwil kien iwettaq provvista ta’ prodotti bi ħlas, jiġifieri l-fjuwil, anki jekk effettivament kien hemm provvista fiżika waħda ta’ prodotti.

18

B’hekk, il-qorti tar-rinviju tesponi li, abbażi ta’ din il-prattika, P. setgħet tikkunsidra lilha nnifisha bħala parteċipant fi tranżazzjoni ta’ katina, jiġifieri bħala li tixtri l-fjuwil fil-pompi tal-petrol sabiex terġa’ tbigħu lill-kumpanniji tat-trasport Litwani. Dawn kienu jirċievu mingħand P. fatturi li jsemmu l-VAT marbuta ma’ dan il-fjuwil u setgħu jitolbu r-rimbors tiegħu fil-Polonja.

19

Barra minn hekk, dik il-qorti tippreċiża li, sa fejn il-kawża prinċipali tikkonċerna d-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ P. dwar perijodi li matulhom l-awtoritajiet tat-taxxa Pollakki segwew il-prassi nazzjonali kkonċernata, P. setgħet validament tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-VAT mogħtija minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa.

20

L-imsemmija qorti tirrileva li, anki jekk P. aġixxiet in bona fide, hija madankollu bagħtet fl-2011 fatturi mhux konformi lill-kumpanniji tat-trasport Litwani billi semmiet il-VAT u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) tal-liġi dwar il-VAT, li jimplimenta l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, huma formalment issodisfatti.

21

Hija tfakkar, madankollu, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, il-persuna li toħroġ il-fattura li aġixxiet in bona fide għandu jkollha l-possibbiltà li tirregolarizza t-taxxa inkorrettament indikata fuq il-fattura, skont proċedura stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat. Issa, peress li d-dritt Pollakk ma jipprevedix tali proċedura meta tkun inbdiet proċedura fiskali kontra l-persuna kkonċernata, il-qorti tar-rinviju tirrileva li P. ma kellhiex il-possibbiltà li tikkorreġi t-taxxa inkorrettament indikata fuq il-fatturi indirizzati lill-kumpanniji tat-trasport Litwani.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li kieku t-tranżazzjonijiet bejn il-pompi tal-petrol, P. u l-kumpanniji tat-trasport Litwani kienu ġew korrettament suġġetti għall-VAT, dawn il-kumpanniji ta’ trasport ma kinux jiġu indirizzati fatturi maħruġa minn P. li jsemmu inkorrettament il-VAT, iżda fatturi maħruġa mill-pompi tal-petrol fir-rigward tal-provvista ta’ fjuwil li jsemmu ammont ta’ VAT qrib dak indikat fil-fatturi maħruġa minn P.

23

Għalhekk, skont dik il-qorti, id-dikjarazzjoni korretta ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mill-intervenjenti kienet tippermetti wkoll lill-kumpanniji tat-trasport Litwani jitolbu r-rimbors tal-VAT indikata fil-fatturi maħruġa mill-pompi tal-petrol, li juri li l-ħruġ minn P. ta’ fatturi li jsemmu inkorrettament il-VAT ma jippreżentax riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għall-Istat. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tal-Liġi dwar il-VAT għall-fatturi maħruġa minn P., filwaqt li l-provvista ta’ fjuwil mill-pompi tal-petrol għandha wkoll tiġi intaxxata bil-VAT, għandha l-effett li tissuġġetta l-istess tranżazzjoni għal taxxa doppja tal-VAT.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 203 tad-[Direttiva 2006/112] flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 108(1) tal-[liġi dwar il-VAT] għall-fatturi b’indikazzjoni inkorretta ta’ VAT maħruġa mill-persuna taxxabbli li tkun aġixxiet in bona fide, jekk:

l-aġir tal-persuna taxxabbli ma kellux rabta ma’ frodi fiskali iżda rriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-liġi mill-partijiet li ħadu sehem fit-tranżazzjoni, ibbażata fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tat-taxxa u fuq il-prassi normali f’dan ir-rigward fil-mument tat-twettiq tat-tranżazzjoni, li kienet tassumi b’mod żbaljat li l-persuna li toħroġ il-fattura twettaq provvista ta’ prodotti, filwaqt li effettivament tipprovdi servizz ta’ intermedjazzjoni finanzjarja eżenti mill-VAT u

il-persuna li tirċievi l-fattura b’indikazzjoni inkorretta ta’ VAT ikollha dritt titlob ir-rimbors tagħha meta l-persuna taxxabbli li effettivament tipprovdilha l-prodotti tiffattura t-tranżazzjoni korrettament?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil persuna taxxabbli in bona fide tirregolarizza fatturi li jsemmu inkorrettament il-VAT wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali, minkejja li l-persuna li tirċievi dawn il-fatturi kien ikollha d-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa kieku t-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn il-fatturi kienu ġew korrettament iddikjarati.

26

Skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, kull persuna li ssemmi l-VAT fuq fattura hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa indikata fuq din il-fattura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-VAT indikata fuq fattura hija dovuta mill-persuna li toħroġ dik il-fattura, inkluż fin-nuqqas ta’ kull tranżazzjoni taxxabbli reali (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, EN.SA.,C‑712/17, EU:C:2019:374, punt 26).

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex telimina r-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jista’ joħloq id-dritt għal tnaqqis previst minn din id-direttiva (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Rusedespred,C‑138/12, EU:C:2013:233, punt 24).

28

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw miżuri sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u ma jistgħux, għaldaqstant, jintużaw b’mod li jerġgħu jqiegħdu inkwistjoni n-newtralità tal-VAT, li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Rusedespred,C‑138/12, EU:C:2013:233, punti 2829 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, dan huwa intiż sabiex jeħles kompletament lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Għalhekk, din is-sistema tiggarantixxi n-newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult,C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-rimbors tal-VAT iffatturata bi żball, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2006/112 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni dwar l-aġġustament, mill-persuna li toħroġ il-fattura, tal-VAT iffatturata inkorrettament u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huma, bħala prinċipju, l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom il-VAT iffatturata inkorrettament tista’ tiġi aġġustata (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult,C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Sabiex tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, il-possibbiltà ta’ aġġustament ta’ kull taxxa ffatturata inkorrettament, kemm‑il darba l-persuna li toħroġ il-fattura turi li hija aġixxiet in bona fide (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult,C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Din is-soluzzjoni hija applikabbli b’mod partikolari f’sitwazzjoni li fiha l-persuna taxxabbli aġixxiet meta ħarġet fatturi li jindikaw inkorrettament il-VAT, sa fejn hija qieset li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ karti ta’ fjuwil lil operaturi li jippermettulhom jimlew il-fjuwil mingħand pompi tal-petrol ma kienx jikkostitwixxi servizz finanzjarju eżenti mill-VAT fil-Polonja, iżda provvista ta’ prodotti suġġetti għal din it-taxxa f’dan l-Istat Membru billi jibbażaw ruħhom fuq prassi kostanti tal-awtoritajiet fiskali Pollakki.

33

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm id-dritt Pollakk jipprevedi, bħala prinċipju, proċedura li tippermetti l-aġġustament tal-VAT iffatturata inkorrettament minn persuna taxxabbli in bona fide, din il-proċedura ma hijiex applikabbli meta ssir verifika fiskali kontra l-persuna kkonċernata.

34

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut li tingħata l-possibbiltà li jiġu aġġustati l-fatturi tal-fjuwil li jindikaw inkorrettament il-VAT maħruġa lil kumpanniji tat-trasport, filwaqt li l-provvisti ta’ fjuwil imwettqa mill-pompi tal-petrol lil dawn il-kumpanniji ta’ trasport huma wkoll suġġetti għall-VAT, iwassal sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi obbligata tħallas piż fiskali bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil persuna taxxabbli in bona fide taġġusta fatturi li jindikaw inkorrettament il-VAT wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali, minkejja li l-persuna li tirċievi dawn il-fatturi kien ikollha d-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa kieku t-tranżazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-imsemmija fatturi kienu korrettament iddikjarati.

Dwar l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil persuna taxxabbli in bona fide taġġusta fatturi li jindikaw inkorrettament il-VAT wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali, minkejja li l-persuna li tirċievi dawn il-fatturi kien ikollha d-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa kieku t-tranżazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-imsemmija fatturi kienu korrettament iddikjarati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.