SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2018/843 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 – Emenda magħmula fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta’ din l-aħħar direttiva – Aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar benefiċjarji effettivi – Validità – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni tad-data personali”

Fil-Kawżi magħquda C‑37/20 u C‑601/20,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Jannar 2020 u tat-13 ta’ Ottubru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-24 ta’ Jannar 2020 u fit-13 ta’ Novembru 2020, fil-proċeduri

WM (C‑37/20),

Sovim SA (C‑601/20)

vs

Luxembourg Business Registers,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, M. Safjan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, F. Biltgen, N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin (Relatur), u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal WM, minn M. Jammaers, A. Komninos, L. Lorang u V. Staudt, avukati,

għal Sovim SA, minn P. Elvinger u K. Veranneman, avukati,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux, C. Schiltz u T. Uri, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Augustin, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn J. T. Kaasin u G. Østerman Thengs, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn J. Etienne, O. Hrstková Šolcová u M. Menegatti, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Chavrier, I. Gurov u K. Pleśniak, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, C. Giolito, L. Havas, H. Kranenborg, D. Nardi, T. Scharf u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn C.-A. Marnier, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, il-validità tal-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU 2018, L 156, p. 43), sa fejn din id-dispożizzjoni emendat il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), kif ukoll l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 30(9) tad-Direttiva 2015/849, kif emendata bid-Direttiva 2018/843 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849 kif emendata”), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 5(1)(a) sa (c) u (f) tal-Artikolu 25(2), kif ukoll tal-Artikoli 44 sa 50 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(ĠU 2016, L 119, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, l-ewwel waħda, WM (Kawża C‑37/20) u, it-tieni waħda, Sovim SA (Kawża C‑601/20) u l-Luxembourg Business Registers (iktar ’il quddiem “LBR”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jipprekludi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar, minn naħa, il-kwalità ta’ WM bħala benefiċjarju effettiv ta’ kumpannija ċivili immobiljari u, min-naħa l-oħra, il-benefiċjarju effettiv ta’ Sovim.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttivi 2015/849, 2018/843 u 2015/849 kif emendata

3

Skont il-premessi 4, 30, 31, 34, 36 u 38 tad-Direttiva 2018/843:

“(4)

[…] [I]l-ħtieġa li tkompli tiżdied it-trasparenza ġenerali tal-ambjent ekonomiku u finanzjarju tal-Unjoni hija ċara. Il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu ma tistax tkun effettiva jekk ma jkunx hemm ambjent ostili għal dawk il-kriminali li jkunu qed ifittxu kenn għall-finanzi tagħhom permezz ta’ strutturi mhux trasparenti. L-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni tiddependi fuq it-trasparenza ta’ arranġamenti korporattivi u ta’ entitajiet legali, trusts u arranġamenti legali simili oħra. Din id-Direttiva mhijiex immirata biss għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus, iżda tinkludi wkoll il-prevenzjoni. It-tisħiħ tat-trasparenza jista’ tkun deterrent b’saħħtu.

[…]

(30)

L-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jippermetti skrutinju ikbar tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-istampa jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-fiduċja fl-integrità tat-tranżazzjonijiet ta’ negozju u tas-sistema finanzjarja. Huwa jista’ jikkontribwixxi biex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta’ entitajiet korporattivi u entitajiet ġuridiċi oħrajn u arranġamenti legali għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kemm minħabba li jgħin għall-investigazzjonijiet kif ukoll minħabba l-effetti fuq ir-reputazzjoni, peress li kull min jista’ jidħol fi tranżazzjonijiet huwa konxju mill-identità tas-sidien benefiċjarji. Dan jiffaċilita wkoll id-disponibbiltà f’waqtha u effiċjenti ta’ informazzjoni kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll għall-awtoritajiet, inklużi l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, involuti fil-ġlieda kontra tali reati. L-aċċess għal dik l-informazzjoni jgħin ukoll l-investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(31)

Il-kunfidenza fis-swieq finanzjarji mill-investituri u l-pubbliku ġenerali tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-eżistenza ta’ reġim preċiż għall-iżvelar li jipprovdi t-trasparenza fis-sjieda benefiċjarja u l-istrutturi tal-kontroll tal-kumpaniji. […] Iż-żieda potenzjali fil-fiduċja fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li titqies bħala effett sekondarju pożittiv u mhux l-għan taż-żieda fit-trasparenza, li huwa li jinħoloq ambjent bi probabbiltà anqas li jintuża għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

[…]

(34)

Fil-każijiet kollha, kemm fir-rigward ta’ entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħra, kif ukoll fir-rigward tat-trusts u arranġamenti legali simili, jenħtieġ li jiġi mfittex bilanċ ġust b’mod partikolari bejn l-interess tal-pubbliku ġenerali fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data. Is-sett ta’ data li jrid ikun magħmul disponibbli lill-pubbliku jenħtieġ li jkun limitat, definit b’mod ċar u eżawrjenti, u jenħtieġ li jkun ta’ natura ġenerali, b’tali mod li jkun imminimizzat il-preġudizzju potenzjali għas-sidien benefiċjarji. Fl-istess ħin, informazzjoni magħmula disponibbli lill-pubbliku jenħtieġ li ma tiddifferenzjax ruħha b’mod sinifikanti mid-data miġbura fil-preżent. Sabiex tkun limitata l-interferenza mad-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tagħhom b’mod ġenerali u tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom b’mod partikolari, din l-informazzjoni jenħtieġ li essenzjalment tkun marbuta mal-istatus tas-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet korporattivi u entitajiet ġuridiċi oħrajn u ta’ trusts u arranġamenti legali simili, u jenħtieġ li tikkonċerna b’mod strett l-isfera ta’ attività ekonomika li fiha joperaw is-sidien benefiċjarji. […]

[…]

(36)

Barra minn hekk, bl-għan li jkun żgurat approċċ proporzjonat u bbilanċjat u biex ikunu ggarantiti d-drittijiet għal ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu għal eżenzjonijiet fl-iżvelar permezz tar-reġistri ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u fl-aċċess għal tali informazzjoni, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn dik l-informazzjoni tesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta’ frodi, ħtif ta’ persuna, rikattar, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri jirrikjedu reġistrazzjoni online sabiex jidentifikaw kwalunkwe persuna li titlob informazzjoni mir-reġistru, kif ukoll il-ħlas ta’ tariffa għal aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru.

[…]

(38)

I[l-GDPR] tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva. B’konsegwenza ta’ dan, il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tkun miżmuma f’reġistri nazzjonali bħala sidien benefiċjarji jenħtieġ li jiġu informati b’dan. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-data personali aġġornata u li tikkorrispondi għas-sidien benefiċjarji attwali biss tkun magħmula disponibbli, u l-benefiċjarji jenħtieġ li jkunu informati dwar id-drittijiet tagħhom skont il-qafas legali attwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kif stipulat fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-proċeduri applikabbli għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet. Barra minn hekk, biex jiġi evitat l-abbuż mill-informazzjoni li tinsab fir-reġistri u biex id-drittijiet tas-sidien benefiċjarji jiġu bbilanċjati, l-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun xieraq li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-persuna li tkun qed tagħmel it-talba kif ukoll il-bażi legali għat-talba tagħha disponibbli għas-sid benefiċjarju.”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi:

“Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jgħid hekk:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

‘sid benefiċjarju’ tfisser kwalunkwe persuna jew persuni fiżiċi li huma s-sid jew li għandhom l-kontroll finali tal-klijent jew il-persuna jew persuni fiżiċi li f’isimhom tkun qed titwettaq transazzjoni jew attività u tinkludi:

a)

fil-każ ta’ entitajiet korporattivi:

(i)

il-persuna fiżika/persuni fiżiċi li hija s-sid jew li għandha l-kontroll finali ta’ entità ġuridika permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta ta’ perċentwal suffiċjenti tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot jew interess ta’ sjieda f’dik l-entità […]”

[…]

(ii)

jekk, wara li tkun eżawriet il-mezzi kollha possibbli u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għal suspett, l-ebda persuna taħt il-punt (i) ma tkun identifikata, jew jekk ikun hemm xi dubbju li l-persuna jew persuni identifikati huma s-sid jew sidien benefiċjarji, il-persuna jew persuni fiżiċi li jkollhom l-inkarigu ta’ uffiċjal jew uffiċjali ta’ maniġment superjuri; […]

[…]”

6

L-Artikolu 30(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 emendata jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet korporattivi u dawk ġuridiċi oħrajn inkorporati fit-territorju tagħhom ikunu meħtieġa jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom, inkluż id-dettalji tal-interessi benefiċjarji miżmuma. […]

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinżamm f’reġistru ċentrali f’kull Stat Membru […]

[…]”

7

Fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2018/843, l-Artikolu 30(5) u (9) tad-Direttiva 2015/849 kien ifformulat kif ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a)

awtoritajiet kompetenti u l-UIF [Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja], mingħajr ebda restrizzjoni;

(b)

entitajiet marbutin b’obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II;

(c)

kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu.

Il-persuni jew organizzazzjonijiet imsemmijin fil-punt (c) għandhom jaċċessaw tal-inqas l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, in-nazzjonalità u l-pajjiż tar-residenza tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum.

[…]

9.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal għal eżenzjoni għall-aċċess imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 5 għall-informazzjoni kollha dwar is-sjieda benefiċjarja jew għal parti minnha fuq bażi ta’ każ b’każ f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn tali aċċess jesponi lis-sid benefiċjarju għar-riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi għal xi raġuni oħra. […]”

8

L-Artikolu 1(15)(c), (d) u (g) tad-Direttiva 2018/843 emenda, rispettivament, il-paragrafu 5, daħħal il-paragrafu 5a u emenda l-paragrafu 9 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849. L-Artikolu 30(5), (5a) u (9) tad-Direttiva 2015/849 kif emendat jgħid hekk:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a)

awtoritajiet kompetenti u l-UIF [Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja], mingħajr ebda restrizzjoni;

(b)

entitajiet marbutin b’obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II;

(c)

kwalunkwe membru tal-pubbliku ġenerali

Il-persuni msemmija fil-punt (c) għandhom jaċċessaw tal-inqas l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, u l-pajjiż tar-residenza u tan-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum.

L-Istati Membri jistgħu, skont kundizzjonijiet li jiġu stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali, jipprovdu aċċess għal informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju. Dik l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi għall-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data.

5a.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 3, bil-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni online u l-ħlas ta’ tariffa, li m’għandhiex teċċedi l-ispejjeż amministrattivi mġarrba biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, inklużi l-ispejjeż taż-żamma u tal-iżviluppi tar-reġistru

[…]

9.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi f’termini legali għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l- eżenzjonijiet jingħataw fuq evalwazzjoni ddettaljata tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi. Id-drittijiet għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni u għal rimedju ġudizzjarju effikaċi għandhom ikunu garantiti. Stat Membru li jkun ta eżenzjonijiet għandu jippubblika data statistika annwali dwar in-numru ta’ eżenzjonijiet mogħtija u r-raġunijiet iddikjarati u jirrapporta d-data lill-Kummissjoni.

[…]”

9

L-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jipprovdi:

“L-ipproċessar ta’ data personali taħt din id-Direttiva hija soġġetta għad-Direttiva [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 15, p. 355)], kif trasposta fil-liġi nazzjonali. […]”

Il-GDPR

10

L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-data personali għandha:

a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […] (‘limitazzjoni tal-fini’);

c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]

f)

tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).”

11

L-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni ta’ data mid-disinn u b’mod awtomatiku”, jipprevedi fil-paragrafu (2) tiegħu:

“Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta’ data personali miġbura, il-livell ta’ pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B’mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b’mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta’ persuni fiżiċi.”

12

L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipju ġenerali għal trasferimenti”, jipprovdi:

“Kwalunkwe trasferiment ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew hija maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss jekk, soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament, il-kontrollur u l-proċessur ikunu f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu, inkluż għal trasferimenti ulterjuri ta’ data personali mill-pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz ieħor jew lejn organizzazzjoni internazzjonali oħra. Id-dispożizzjonijiet kollha f’dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li ma għandux jiddgħajjef il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit minn dan ir-Regolament.”

13

L-Artikolu 49 tal-GDPR, intitolat “Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi”, jipprevedi:

“1.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 45(3), jew salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 46, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss b’waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

g)

it-trasferiment isir minn reġistru li skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru huwa maħsub biex jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku u li huwa miftuħ għall-konsultazzjoni jew mill-pubbliku inġenerali inkella minn kwalunkwe persuna li tista’ turi interess leġittimu, iżda biss sa fejn jiġu sodisfatti fil-każ partikolari l-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru għall-konsultazzjoni.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Id-Direttiva 95/46/KE titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]”

Id-dritt Lussemburgiż

15

L-Artikolu 2 tal-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019 li tistabbilixxi Reġistru tal-benefiċjarji effettivi (Mémorial A 2019, Nru 15, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019”) huwa fformulat kif ġej:

“Huwa stabbilit taħt l-awtorità tal-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja reġistru msejjaħ ‘Reġistru ta’ benefiċjarji effettivi’, bit-taqsira “RBE”, li għandu bħala għan il-konservazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-entitajiet irreġistrati.”

16

L-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-informazzjoni li ġejja dwar il-benefiċjarji effettivi tal-entitajiet irreġistrati għandha tiġi inkluża u miżmuma fir-reġistru tal-benefiċjarji effettivi:

il-kunjom;

l-isem/ismijiet;

in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet;

il-jum tat-twelid;

ix-xahar tat-twelid;

is-sena tat-twelid;

il-post tat-twelid;

il-pajjiż ta’ residenza;

l-indirizz privat preċiż jew l-indirizz professjonali preċiż […]

[…]

10°

għall-persuni rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tal-persuni fiżiċi: in-numru ta’ identifikazzjoni […];;

11°

għall-persuni mhux residenti li ma humiex irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni Fiżiċi: numru ta’ identifikazzjoni barranija;

12°

in-natura tal-interessi effettivi miżmuma;

13°

il-portata tal-interessi effettivi miżmuma.”

17

L-Artikolu 11(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.”

18

L-Artikolu 12 tal-istess liġi jipprevedi:

“L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti 1 sa 8, 12 u 13 huwa miftuħ għal kull persuna.”

19

L-Artikolu 15(1) u (2) tal-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019 jipprovdi:

“(1)   Entità rreġistrata jew benefiċjarju effettiv jistgħu jitolbu, każ b’każ u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġejjin, abbażi ta’ talba debitament immotivata mressqa lill-amministratur, li l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jiġi limitat għall-awtoritajiet nazzjonali biss, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll għall-marixxalli u għan-nutara fil-kwalità tagħhom ta’ uffiċjali pubbliċi, meta dan l-aċċess jesponi lill-benefiċjarju effettiv għal riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, ħtif, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn il-benefiċjarju effettiv ikun minorenni jew ma jkunx kapaċi f’termini legali għal xi raġuni oħra.

(2)   L-amministratur għandu provviżorjament jillimita l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 biss għall-awtoritajiet nazzjonali malli jirċievi t-talba san-notifika tad-deċiżjoni tiegħu, u, fil-każ ta’ rifjut tal-applikazzjoni, għal perijodu addizzjonali ta’ ħmistax-il jum. Fil-każ ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut, il-limitazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni tinżamm sakemm id-deċiżjoni ta’ rifjut ma tkunx tista’ tiġi appellata iktar.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑37/20

20

YO, kumpannija ċivili immobiljari, ressqet quddiem LBR talba skont l-Artikolu 15 tal-liġi tat-13 ta’ Jannar 2019, intiża biex jiġi limitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar WM, il-benefiċjarju effettiv tagħha, li tinsab fir-RBE, biss għall-entitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għar-raġuni li l-aċċess tal-pubbliku inġenerali għal din l-informazzjoni jesponih, kif ukoll lill-familja tiegħu b’mod ikkaratterizzat, reali u attwali għal riskju sproporzjonat u għal riskju ta’ frodi, ta’ ħtif, ta’ rikatt, ta’ estorsjoni, ta’ fastidju, ta’ vjolenza jew ta’ intimidazzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2019.

21

Fil-5 ta’ Diċembru 2019, WM ippreżenta rikors quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-kwalitajiet tiegħu bħala direttur u benefiċjarju effettiv ta’ YO u ta’ ċertu numru ta’ kumpanniji kummerċjali jwassluh sabiex sikwit ikollu jiċċaqlaq lejn pajjiżi b’reġimi politiċi instabbli u esposti għal kriminalità importanti rregolata mid-dritt komuni, ta’ natura li toħloq fil-konfront tiegħu riskju kbir ta’ ħtif, ta’ sekwestru, ta’ vjolenza u anki ta’ mewt.

22

LBR tikkontesta dan l-argument u tqis li s-sitwazzjoni ta’ WM ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tal-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019, peress li dan la jista’ jipprevalixxi ruħu minn “ċirkustanzi eċċezzjonali” u lanqas minn ebda wieħed mir-riskji msemmija f’dan l-artikolu.

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċetti ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”, ta’ “riskju” u ta’ riskju “sproporzjonat”, fis-sens tal-Artikolu 30(9) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-ewwel domanda: il-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’

(a)

L-Artikolu 30(9) tad-[Direttiva 2015/849 kif emendata], sa fejn jissuġġetta l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ekonomiċi għal ‘ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali’, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza li dritt nazzjonali jiddefinixxi l-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ biss bħala ekwivalenti għal ‘riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni’, liema kunċetti jikkostitwixxu diġà kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-limitazzjoni ta’ aċċess mit-tfassil tal-Artikolu 30(9) [tad-Direttiva 2015/849 kif emendata]?

(b)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-paragrafu (a) tal-ewwel domanda, u fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ta’ transpożizzjoni ma jkunx iddefinixxa l-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ minbarra permezz ta’ riferiment għall-kunċetti ineffettivi ta’ ‘[għal] riskju sproporzjonat, [għal] riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni’, l-Artikolu 30(9) [tad-Direttiva 2015/849 kif emendata] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali tinjora l-kundizzjoni ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’, jew għandha tissupplimenta għan-nuqqas tal-leġiżlatur nazzjonali billi tiddefinixxi l-portata tal-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja? F’dan l-aħħar każ, peress li din hija skont it-termini tal-Artikolu 30(9) [tad-Direttiva 2015/849 kif emendata], kundizzjoni li l-kontenut tagħha huwa ddeterminat mid-dritt nazzjonali, huwa possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiggwida lill-qorti nazzjonali fil-kompitu tagħha? Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din l-aħħar domanda, liema huma l-linji gwida li għandhom jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’?

2)

It-tieni domanda: il-kunċett ta’ ‘riskju’

a)

L-Artikolu 30(9) tad-[Direttiva 2015/849 kif emendata], sa fejn jissuġġetta l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji [effettivi] għal ‘riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni’, għandu jiġi interpretat bħala li jagħmel riferiment għal ġabra ta’ tmien każijiet, li l-ewwel wieħed minnhom jikkorrispondi għal riskju ġenerali suġġett għall-kundizzjoni ta’ sproporzjon u s-seba’ l-oħra għal riskji speċifiċi li ma humiex suġġetti għall-kundizzjoni ta’ sproporzjon jew bħala li jagħmel riferiment għal ġabra ta’ seba’ każijiet li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal riskju speċifiku suġġett għall-kundizzjoni ta’ sproporzjon?

b)

L-Artikolu 30(9) tad-[Direttiva 2015/849 kif emendata], sa fejn jissuġġetta l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji [effettivi] għal ‘riskju’, għandu jiġi interpretat bħala li jillimita l-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-portata ta’ dan ir-riskju għar-rabtiet biss li għandu l-benefiċjarju [effettiv] mal-entità ġuridika li fir-rigward tagħha huwa jitlob b’mod speċifiku l-limitazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kwalità tiegħu bħala benefiċjarju [effettiv] jew għandu jiġi interpretat bħala li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rabtiet li għandu l-benefiċjarju [effettiv] inkwistjoni ma’ entitajiet ġuridiċi oħra? Fil-każ li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni rabtiet ma’ entitajiet ġuridiċi oħra, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kwalità ta’ benefiċjarju [effettiv] fir-rigward ta’ entitajiet ġuridiċi oħra jew għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull rabta miżmuma ma’ entitajiet ġuridiċi oħra? Fil-każ li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet kollha miżmuma ma’ entitajiet ġuridiċi oħra, l-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-portata tar-riskju hija affettwata min-natura ta’ din ir-rabta?

(c)

L-Artikolu 30(9) tad-[Direttiva 2015/849 kif emendata], sa fejn jissuġġetta l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji [effettivi] għal ‘riskju’, għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi l-benefiċċju tal-protezzjoni li jirriżulta minn limitazzjoni ta’ aċċess meta din l-informazzjoni, flimkien ma elementi oħra ppreżentati mill-benefiċjarju [effettiv] għall-ġustifikazzjoni tal-eżistenza u tal-portata tar-’riskju’ inkors, tkun faċilment aċċessibbli minn terzi permezz ta’ mezzi ta’ informazzjoni oħra?

3)

It-tielet domanda: il-kunċett ta’ riskju ‘sproporzjonat’

Liema interessi diverġenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 30(9) tad-[Direttiva 2015/849 kif emendata], sa fejn jissuġġetta l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar benefiċjarju [effettiv] għal riskju ‘sproporzjonat’?”

Il-Kawża C‑601/20

25

Sovim ressqet quddiem LBR talba skont l-Artikolu 15 tal-liġi tat-13 ta’ Jannar 2019, intiża biex jiġi limitat l-aċċess għall-informazzjoni, li tinsab fir-RBE, dwar il-benefiċjarju effettiv tagħha biss għall-entitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2020.

26

Fl-24 ta’ Frar 2020, Sovim ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

27

Prinċipalment, din il-kumpannija titlob li l-Artikolu 12 tal-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019, li jipprovdi li l-aċċess għal ċerta informazzjoni li tinsab fir-RBE huwa miftuħ għal “kull persuna”, u/jew l-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jitħallew mhux applikati u li l-informazzjoni pprovduta minnha b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi ma tkunx aċċessibbli pubblikament.

28

F’dan ir-rigward, Sovim issostni, fl-ewwel lok, li l-fatt li jingħata aċċess pubbliku għall-identità u għad-data personali tal-benefiċjarju effettiv tagħha jikser id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, irrikonoxxuti rispettivament fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

29

Fil-fatt, fil-fehma ta’ din il-kumpannija, id-Direttiva 2015/849 kif emendata, li abbażi tagħha ġiet introdotta l-Liġi tat‑13 ta’ Jannar 2019 fil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, hija intiża biex tidentifika l-benefiċjarji effettivi ta’ kumpanniji użati bi skop ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll biex tiżgura s-sigurtà tar-relazzjonijiet kummerċjali u l-fiduċja fis-swieq. Issa, ma huwiex stabbilit kif l-aċċess tal-pubbliku, mingħajr l-iċken kontroll, għad-data li tinsab fir-RBE jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet.

30

Fit-tieni lok, Sovim issostni li l-aċċess tal-pubbliku għad-data personali li tinsab fil-RBE jikkostitwixxi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR, b’mod partikolari ta’ ċertu numru ta’ prinċipji fundamentali msemmija fl-Artikolu 5(1) tiegħu.

31

Sussidjarjament, Sovim titlob lill-qorti tar-rinviju tikkonstata li f’dan il-każ, jeżisti riskju sproporzjonat fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi tat‑13 ta’ Jannar 2019, u għalhekk, tordna lil-LBR jillimita l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi.

32

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 15(1) tal-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019 jipprovdi li LBR għandha twettaq l-analiżi, każ b’każ, tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw restrizzjoni tal-aċċess għall-RBE. Għalkemm, fil-kuntest ta’ din il-liġi, diġà saru diversi domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑37/20, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, ta’ “riskju” u ta’ riskju “sproporzjonat”, din il-proċedura tqajjem ukoll problemi oħra, b’mod partikolari dik dwar jekk l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal ċerta data li tinsab fil-RBE huwiex kompatibbli mal-Karta kif ukoll mal-GDPR.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(15)(c) tad-[Direttiva 2018/843], li jemenda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-[Direttiva 2015/849] fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu l-informazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja aċċessibbli fil-każijiet kollha minn kwalunkwe membru tal-pubbliku ġenerali mingħajr ġustifikazzjoni ta’ interess leġittimu, huwa validu

fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta […], interpretat skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet indikati b’mod partikolari fil-premessi 30 u 31 tad-Direttiva 2018/843 li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; u

fid-dawl tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta sa fejn huwa intiż b’mod partikolari jiżgura l-ipproċessar ta’ data personali b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuna kkonċernata, li jiġu llimitati l-għanijiet tal-ġbir u tal-ipproċessar u li tiġi mminimizzata d-data?

2)

a)

L-Artikolu 1(15)(g) tad-Direttiva 2018/843 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, li għalihom dan jirreferi, li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi mill-aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja, meta l-aċċess tal-pubbliku ġenerali jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta’ frodi, ħtif, rikatti, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jeżistu biss meta tiġi prodotta prova ta’ riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, ħtif, rikatti, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni li huwa eċċezzjonali, li fil-fatt jaffettwa l-persuna stess tas-sid benefiċjarju, li jista’ jitqies bħala ċar, reali u attwali?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 1(15)(g) tad-Direttiva 2018/843 interpretat b’dan il-mod huwa validu fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta?

3).

a)

L-Artikolu 5(1)(a) ta[l-GDPR] li jimponi li l-ipproċessar tad-data għandu jsir b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuna kkonċernata għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix

li data personali ta’ sid benefiċjarju inkluża f’reġistru ta’ sjieda benefiċjarja, stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849, kif emendat skont l-Artikolu 1(15) tad-Direttiva 2018/843, tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr kontroll jew ġustifikazzjoni min-naħa tal-pubbliku u mingħajr ma l-persuna kkonċernata (sid benefiċjarju) tkun tista’ tikseb informazzjoni dwar min kellu aċċess għal din id-data personali li tikkonċernaha; jew

li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar ta’ tali reġistru ta’ sjieda benefiċjarja tagħti aċċess għad-data personali tas-sjieda benefiċjarja lil numru illimitat u indeterminabbli ta’ persuni?

b)

L-Artikolu 5(1)(b) ta[l-GDPR] li jimponi l-limitazzjoni tal-għanijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-data personali ta’ sid benefiċjarju inkluża f’reġistru ta’ sjieda benefiċjarja, stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849 [kif emendat], tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr ma l-persuna responabbli għall-ipproċessar ta’ din id-data tkun tista’ tiggarantixxi li l-imsemmija data tintuża biss għall-għan li għalih din tkun inġabbret, jiġifieri, essenzjalment, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, meta l-pubbliku ġenerali ma huwiex responsabbli għar-rispett ta’ dan l-għan?

c)

L-Artikolu 5(1)(c) ta[l-GDPR] li jimponi l-minimizzazzjoni tad-data għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, permezz ta’ reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849 [kif emendat], il-pubbliku ġenerali jkollu aċċess minbarra għall-isem, għax-xahar u għas-sena tat-twelid, għan-nazzjonalità u għall-pajjiż ta’ residenza ta’ sid benefiċjarju kif ukoll għan-natura u għall-estent tal-interessi miżmuma minnu, ikollu aċċess ukoll għad-data tat-twelid u għall-post tat-twelid tiegħu?

d)

L-Artikolu 5(1)(f) ta[l-GDPR] li jimponi li l-ipproċessar ta’ data għandu jsir b’tali mod li tiġi żgurata sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali, b’tali mod li jiġu ggarantiti l-integralità u l-kunfidenzjalità ta’ din id-data ma jipprekludix l-aċċess illimitat u inkundizzjonat, mingħajr impenn ta’ kunfidenzjalità tad-data personali ta’ sjieda benefiċjarja disponibbli fir-reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849 [kif emendat]?

e)

L-Artikolu 25(2) ta[l-GDPR] li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku li abbażi tiegħu, b’mod partikolari, b’mod awtomatiku d-data personali ma tistax tkun aċċessibbli għal numru indeterminat ta’ persuni fiżiċi mingħajr l-intervent tal-persuna fiżika kkonċernata, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix

li reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849 [kif emendat], ma jeżiġix l-inklużjoni fis-sit internet tal-imsemmi reġistru tal-persuni mill-pubbliku ġenerali li jikkonsultaw id-data personali ta’ sid benefiċjarju; jew

li l-ebda informazzjoni dwar il-konsultazzjoni ta’ data personali ta’ sid benefiċjarju inkluża f’tali reġistru ma tingħata lill-imsemmi sid benefiċjarju; jew

li l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-estent u tal-aċċessibbiltà tad-data personali inkwistjoni ma tkun applikabbli fir-rigward tal-għan tal-ipproċessar tagħha?

f)

L-Artikoli 44 sa 50 ta[l-GDPR] li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet stretti t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li tali data ta’ sid benefiċjarju inkluża f’reġistru ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2015/849 [kif emendat], tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha minn kull membru tal-pubbliku ġenerali mingħajr ġustifikazzjoni ta’ interess leġittimu u mingħajr limitazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-post fejn dan il-pubbliku jkun jinsab?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda mressqa fil-Kawża C‑601/20

34

Permezz tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑601/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, tal-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva 2018/843, sa fejn din id-dispożizzjoni emendat il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 fis-sens li dan jipprevedi, fil-verżjoni emendata tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u entitajiet ġuridiċi oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha u għall-membru tal-pubbliku inġenerali.

Fuq l-indħil li jirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

35

L-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, filwaqt li l-Artikolu 8(1) tal-Karta jagħti espliċitament lil kull persuna d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha.

36

Kif jirriżulta mill-Artikolu 30(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji u l-entitajiet legali oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom ikollhom l-obbligu li jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, eżatta u attwali dwar il-benefiċjarji effettivi tagħhom u li din l-informazzjoni tinżamm f’reġistru ċentrali f’kull Stat Membru. Skont l-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva, il-benefiċjarji effettivi huma kwalunkwe persuna jew persuni fiżiċi li huma s-sid jew li għandhom l-kontroll finali tal-klijent u/jew il-persuna jew persuni fiżiċi li f’isimhom tkun qiegħda titwettaq tranżazzjoni jew attività.

37

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal “kull membru tal-pubbliku inġenerali”, filwaqt li t-tieni subparagrafu tiegħu jippreċiża li l-persuni hekk imsemmija huma awtorizzati “jaċċessaw tal-inqas l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, u l-pajjiż tar-residenza u tan-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum”. Dan l-Artikolu 30(5) iżid, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li “[l]-Istati Membri jistgħu, skont kundizzjonijiet li jiġu stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali, jipprovdu aċċess għal informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju”, li “tinkludi għall-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data”.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-data msemmija fl-imsemmi Artikolu 30(5) tinkludi informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati, jiġifieri l-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u entitajiet ġuridiċi oħra kkostitwiti fit-territorju tal-Istati Membri, l-aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku inġenerali lejhom jaffettwa d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma huwa rilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt li d-data kkonċernata jista’ jkollha x’taqsam ma’ attivitajiet professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 59). Barra minn hekk, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali tal-imsemmija data jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt l-Artikolu 8 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 5260).

39

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali lil terzi jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ikun xi jkun l-użu ulterjuri tal-informazzjoni kkomunikata. F’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk l-informazzjoni dwar il-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humaines, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għaldaqstant, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, previst fl-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

41

Fir-rigward tal-gravità ta’ dan l-indħil, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali tirrigwarda l-identità tal-benefiċjarju effettiv kif ukoll in-natura u l-portata tal-interessi effettivi tiegħu miżmuma f’kumpanniji jew f’entitajiet ġuridiċi oħra, din tista’ tippermetti li jitfassal profil li jikkonċerna ċerta data personali ta’ identifikazzjoni ta’ natura ftit jew wisq estiża skont il-konfigurazzjoni tad-dritt nazzjonali, l-istat ta’ kapital tal-persuna kkonċernata kif ukoll is-setturi ekonomiċi, il-pajjiżi u l-impriżi speċifiċi li din investiet fihom.

42

Ma’ dan jiżdied il-fatt li huwa inerenti għal tali tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali ta’ din l-informazzjoni, li din l-informazzjoni tkun għalhekk aċċessibbli għal numru potenzjalment illimitat ta’ persuni, b’tali mod li tali pproċessar ta’ data personali jista’ jippermetti wkoll lil persuni li, għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-għan imfittex minn din il-miżura, jipprovaw jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni b’mod partikolari materjali u finanzjarja ta’ benefiċjarju effettiv, li jkollhom aċċess liberu għall-imsemmija informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punti 102103). Din il-possibbiltà hija iktar faċli meta, bħalma huwa l-każ fil-Lussemburgu, id-data inkwistjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq l-internet.

43

Barra minn hekk, il-konsegwenzi potenzjali għall-persuni kkonċernati li jirriżultaw mill-użu abbużiv eventwali tad-data personali tagħhom huma aggravati mill-fatt li, ladarba titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali, din id-data tista’ mhux biss tiġi kkonsultata liberament, iżda wkoll tinżamm u tiġi mxerrda u li, fil-każ ta’ tali pproċessar suċċessiv, isir iktar diffiċli, jew saħansitra illużorju, għal dawn il-persuni jiddefendu ruħhom b’mod effikaċi kontra abbużi.

44

Għaldaqstant, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, previst fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, jikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 105).

Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi

45

Id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humaines, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-essenza tagħhom. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk dawn ikunu meħtieġa u jkunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tal-Karta jippreċiża li d-data personali għandha, b’mod partikolari, tiġi pproċessata “għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”.

– Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità

47

F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi, dan jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet ta’ sitwazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni kemm fir-rigward tat-termini stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet imfittxija minnha, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi hija prevista minn att leġiżlattiv tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2015/849 kif emendata. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) u (5) tagħha jipprevedi, minn naħa, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal data dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji effettivi u l-interessi effettivi li jkollhom, filwaqt li jippreċiża li din id-data għandha tkun adegwata, eżatta u attwali, u billi jelenka espressament uħud mill-imsemmija data li għaliha kull membru tal-pubbliku inġenerali għandu jkun awtorizzat li jkollu aċċess għaliha. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 30(9) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi għal tali aċċess.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ legalità huwa ssodisfatt.

– Fuq ir-rispett tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

50

Fir-rigward tar-rispett tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni li jsir riferiment għaliha espressament fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata tista’ tiġi kklassifikata f’żewġ kategoriji ta’ data distinti, l-ewwel waħda tinkludi data dwar l-identità tal-benefiċjarju effettiv (isem, xahar u sena tat-twelid kif ukoll in-nazzjonalità) u t-tieni waħda data ta’ natura ekonomika (natura u portata tal-interessi effettivi miżmuma).

51

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata ma jinkludix, kif jirriżulta mill-użu tal-espressjoni “għall-inqas”, lista eżawrjenti tad-data li għaliha kull membru tal-pubbliku inġenerali għandu jkun awtorizzat li jkollu aċċess għaliha u li dan l-Artikolu 30(5) iżid, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri huma awtorizzati jagħtu aċċess għal informazzjoni addizzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-imsemmi Artikolu 30(1), tista’ tinkiseb biss informazzjoni “adegwata” dwar il-benefiċjarji effettivi u l-interessi effettivi, miżmuma u, għalhekk, potenzjalment magħmula aċċessibbli għall-pubbliku, li b’mod partikolari, jeskludi informazzjoni li ma hijiex relatata adegwatament mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

52

Issa, ma jidhirx li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali tal-informazzjoni li għandha tali relazzjoni joħloq xi tip ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

53

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jipprevedi espressament li l-ipproċessar ta’ data personali abbażi tagħha huwa suġġett għad-Direttiva 95/46 u, għaldaqstant, għall-GDPR, li l-Artikolu 94(2) tiegħu jippreċiża li r-riferimenti magħmula għal din l-aħħar direttiva għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal dan ir-regolament. Għalhekk huwa paċifiku li kull ġbir, ħażna u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2015/849 kif emendata għandu jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-GDPR.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indħil li jinvolvi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi previst fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

– Fuq l-għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

55

Id-direttiva 2015/849 kif emendata hija intiża, skont il-kliem stess tal-Artikolu 1(1) tagħha, biex tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. F’dan ir-rigward, il-premessa 4 tad-Direttiva 2018/843 tippreċiża li t-tfittxija ta’ dan l-għan ma tistax tkun effikaċi mingħajr l-istabbiliment ta’ ambjent ostili għall-kriminali u li t-titjib tat-trasparenza globali tal-ambjent ekonomiku u finanzjarju tal-Unjoni jista’ jikkostitwixxi forza ta’ dissważjoni.

56

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-għan imfittex mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, introdott mill-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva 2018/843, il-premessa 30 ta’ din id-direttiva tipprovdi li tali aċċess, qabel kollox, “jippermetti skrutinju ikbar tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-istampa jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-fiduċja fl-integrità tat-tranżazzjonijiet ta’ negozju u tas-sistema finanzjarja”. Sussegwentement, l-aċċess inkwistjoni “jista’ jikkontribwixxi biex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta’ entitajiet korporattivi u entitajiet ġuridiċi oħrajn u arranġamenti legali għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kemm minħabba li jgħin għall-investigazzjonijiet kif ukoll minħabba l-effetti fuq ir-reputazzjoni, peress li kull min jista’ jidħol fi tranżazzjonijiet huwa konxju mill-identità tas-sidien benefiċjarji”. Fl-aħħar nett, dan l-aċċess “jiffaċilita wkoll id-disponibbiltà f’waqtha u effiċjenti ta’ informazzjoni kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll għall-awtoritajiet, inklużi l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, involuti fil-ġlieda kontra tali reati.” u “ jgħin ukoll l-investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu”.

57

Barra minn hekk, il-premessa 31 tad-Direttiva 2018/843 tippreċiża li “[…]ż-żieda potenzjali fil-fiduċja fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li titqies bħala effett sekondarju pożittiv u mhux l-għan taż-żieda fit-trasparenza, li huwa li jinħoloq ambjent bi probabbiltà anqas li jintuża għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu”.

58

Minn dan isegwi li, billi jipprevedi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jistabbilixxi, permezz ta’ trasparenza ikbar, ambjent inqas espost li jintuża għal dawn il-finijiet.

59

Issa, dan l-għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humaines, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, sa fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jirreferi, f’dan il-kuntest, b’mod espliċitu għall-prinċipju ta’ trasparenza, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 10 TUE kif ukoll mill-Artikolu 15 TFUE, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju, kif tenfasizza din l-istituzzjoni stess, jippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll li tiġi ggarantita leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, għalkemm, f’dan ir-rigward, l-imsemmi prinċipju jikkonkretizza ruħu qabel kollox permezz ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza istituzzjonali u proċedurali li jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ natura pubblika, inkluż l-użu tal-fondi pubbliċi, tali rabta mal-istituzzjonijiet pubbliċi tkun nieqsa meta, bħal f’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni tkun intiża biex tirrendi aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali d-data li tikkonċerna l-identità ta’ benefiċjarji effettivi privati kif ukoll in-natura u l-portata tal-interessi effettivi tagħhom miżmuma f’kumpanniji jew f’entitajiet ġuridiċi oħra.

62

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ trasparenza, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 10 TUE kif ukoll mill-Artikolu 15 TFUE, ma jistax jitqies, bħala tali, bħala għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi.

– Fuq in-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata tal-indħil inkwistjoni

63

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proporzjonalità ta’ miżuri li minnhom tirriżulta interferenza fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta teħtieġ l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ neċessità kif ukoll ta’ dik dwar in-natura proporzjonata ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla mal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2022, Il-Kummissjoni vs An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 93).

64

B’mod iktar speċifiku, id-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li għandu jiġi kkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, billi jsir ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali limitazzjoni u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni hija marbuta ma’ din il-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 65, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punti 115116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi wkoll regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tipprevedi u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi kontra r-riskji ta’ abbuż. B’mod partikolari, din għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tkun tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li wieħed ikollu tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali ssir aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, u għalhekk, għal numru potenzjalment illimitat ta’ persuni, u hija ta’ natura li tista’ tiżvela informazzjoni sensittiva dwar il-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humaines, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

B’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi jistax jilħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, it-tieni nett, jekk l-indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta minn tali aċċess huwiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, fis-sens li l-għan ma jistax jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effettiv permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas dawn id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, u, it-tielet nett, jekk din l-interferenza hijiex sproporzjonata meta mqabbla ma’ dan l-għan, li b’mod partikolari jimplika b’mod partikolari evalwazzjoni tal-importanza tiegħu u tal-gravità tal-imsemmi ndħil.

67

L-ewwel nett, għandu jitqies li l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi huwa adatt biex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali, irrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, intiż sabiex jipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, minħabba l-fatt li n-natura pubblika ta’ dan l-aċċess u t-trasparenza ikbar li tirriżulta minnu jikkontribwixxu għall-implementazzjoni ta’ ambjent inqas espost li jintuża għal dawn il-finijiet..

68

It-tieni nett, sabiex tintwera n-neċessità stretta tal-indħil li jirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu għall-analiżi tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u d-Direttiva 2009/101/KE (COM/2016/0450 finali), li wasslet għad-Direttiva 2018/843. Skont dawn l-istituzzjonijiet, filwaqt li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-emenda tagħha bid-Direttiva 2018/843, jissuġġetta l-aċċess ta’ kull persuna għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi għall-kundizzjoni li din tkun kapaċi turi “interess leġittimu”, l-imsemmija analiżi tal-impatt ikkonstatat li l-assenza ta’ definizzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett ta’ “interess leġittimu” kienet qajmet diffikultajiet prattiċi, b’tali mod li kien tqies li s-soluzzjoni xierqa kienet tikkonsisti fit-tneħħija tal-imsemmija kundizzjoni.

69

Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw, billi jirreferu b’mod partikolari għall-premessa 30 tad-Direttiva 2018/843, li l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, kif previst mid-Direttiva 2015/849 kif emendata, għandu effett dissważiv, jippermetti kontroll imsaħħaħ u jiffaċilita t-tmexxija tal-investigazzjonijiet, inklużi dawk imwettqa mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, u li dawn il-konsegwenzi ma jistgħux jintlaħqu b’mod ieħor.

70

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tindika jekk, sabiex jiġi rrimedjat ir-riskju li l-obbligu għal kull persuna jew organizzazzjoni li turi “interess leġittimu”, kif inizjalment previst mid-Direttiva 2015/849, iwassal, minħabba diverġenzi fid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Istati Membri, għal limitazzjonijiet eċċessivi tal-aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li tiġi proposta definizzjoni uniformi tal-imsemmi kunċett.

71

B’risposta għal din id-domanda, il-Kummissjoni osservat li l-kriterju tal-“interess leġittimu” kien kunċett li diffiċilment seta’ jingħata definizzjoni ġuridika u li, filwaqt li kkunsidrat il-possibbiltà li tipproponi definizzjoni uniformi ta’ dan il-kriterju, hija kienet finalment irrinunzjat milli tagħmel dan, għar-raġuni li dan, anki jekk kellu definizzjoni, kien diffiċli li jiġi implimentat u li l-applikazzjoni tiegħu setgħet tagħti lok għal deċiżjonijiet arbitrarji.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-eżistenza eventwali ta’ diffikultajiet sabiex jiġu ddefiniti preċiżament l-ipoteżijiet u l-kundizzjonijiet li fihom il-pubbliku jista’ jaċċedi għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi ma tistax tiġġustifika li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal din l-informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2022, Il-Kummissjoni vs An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 84).

73

Barra minn hekk, l-effetti invokati u r-riferiment magħmul, f’dan il-kuntest, għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 30 tad-Direttiva 2018/843 lanqas ma jistgħu jistabbilixxu n-neċessità stretta tal-indħil inkwistjoni.

74

Fil-fatt, sa fejn din il-premessa tesponi li l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi jippermetti kontroll ikbar tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili u fejn tissemma espliċitament, f’dan ir-rigward, l-istampa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandu jiġi rrilevat li kemm l-istampa kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom rabta mal-prevenzjoni u mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għandhom interess leġittimu li jaċċedu għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi. L-istess japplika għall-persuni, imsemmija wkoll fl-imsemmija premessa, li jixtiequ jkunu jafu l-identità tal-benefiċjarji effettivi ta’ kumpannija jew ta’ entità ġuridika oħra minħabba l-fatt li huma jistgħu jikkonkludu tranżazzjonijiet magħhom, jew anki istituzzjonijiet finanzjarji u awtoritajiet involuti fil-ġlieda kontra ksur fil-qasam tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, sa fejn dawn l-aħħar entitajiet ma għandhomx diġà aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni abbażi tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata.

75

Barra minn hekk, u filwaqt li huwa ppreċiżat, f’din l-istess premessa, li l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi “jista’ jikkontribwixxi” sabiex jiġi miġġieled l-użu abbużiv ta’ kumpanniji u ta’ entitajiet ġuridiċi oħra u li “jkun utli wkoll” għall-investigazzjonijiet kriminali, għandu jiġi kkonstatat li tali kunsiderazzjonijiet lanqas ma huma ta’ natura li juru li din il-miżura hija strettament neċessarja għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jitqies li l-indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

77

It-tielet nett, fir-rigward tal-elementi mressqa sabiex tiġi stabbilita n-natura proporzjonata tal-indħil inkwistjoni, sa fejn, b’mod partikolari, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, previst fl-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, huwa bbażat fuq evalwazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali mfittex u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali inkwistjoni, u li jeżistu garanziji suffiċjenti kontra r-riskji ta’ abbuż, għandu jiżdied dan li ġej.

78

Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni li, kif jirriżulta mill-premessa 34 tad-Direttiva 2018/843, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jippreċiża li d-data kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandha tkun limitata, iddefinita b’mod ċar u eżawrjenti, u għandha tkun ta’ natura ġenerali, b’mod li tnaqqas għall-minimu d-dannu li jista’ jiġi kkawżat lill-benefiċjarji effettivi. Huwa f’dan il-kuntest li, abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, hija biss id-data strettament neċessarja sabiex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji kif ukoll in-natura u l-portata tal-interessi tagħhom li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

79

Sussegwentement, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw li tista’ ssir deroga mill-prinċipju tal-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi peress li l-Artikolu 30(9) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jistabbilixxi li, f’“ċirkostanzi eċċezzjonali”, “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi ta’ każ b’każ” meta l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal din l-informazzjoni “jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi f’termini legali għal xi raġuni oħra”.

80

Fl-aħħar nett, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni josservaw li, kif jirriżulta mill-Artikolu 30(5a) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, moqri flimkien mal-premessa 36 tad-Direttiva 2018/843, l-Istati Membri jistgħu jikkundizzjonaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi għal reġistrazzjoni online sabiex ikunu jistgħu jsiru jafu l-identità tal-persuna li titlob din l-informazzjoni. Barra minn hekk, skont il-premessa 38 ta’ din l-aħħar direttiva, sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, l-Istati Membri jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar informazzjoni dwar l-applikant kif ukoll il-bażi legali għall-applikazzjoni tiegħu.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li kull membru tal-pubbliku inġenerali huwa awtorizzat li jkollu aċċess, “għall-inqas” għad-data msemmija f’din id-dispożizzjoni u jżid, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess għal “informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju effettiv”, li tinkludi, “għall-inqas”, id-data tat-twelid jew id-dettalji tal-benefiċjarju effettiv ikkonċernat.

82

Issa, mill-użu tal-espressjoni “għall-inqas” jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data li la hija suffiċjentement iddefinita u lanqas identifikabbli. Għaldaqstant, ir-regoli sostantivi li jirregolaw l-indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni mfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 160).

83

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ibbilanċjar tal-gravità ta’ dan l-indħil, irrilevat fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, mal-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, għandu jitqies li, għalkemm, fid-dawl tal-importanza tiegħu, dan l-għan jista’, kif ġie kkonstatat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija prijoritarjament fdata lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-entitajiet, bħall-istabbilimenti ta’ kreditu jew l-istabbilimenti finanzjarji, li, minħabba l-attivitajiet tagħhom, jingħataw obbligi speċifiċi f’dan il-qasam.

84

Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata jipprevedu li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi għandha tkun aċċessibbli, fil-każijiet kollha, għall-awtoritajiet kompetenti u għall-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja, mingħajr ebda restrizzjoni, kif ukoll għall-entitajiet taxxabbli, fil-kuntest tad-diliġenza fir-rigward tal-klijenti.

85

Min-naħa l-oħra, b’paragun ma’ sistema bħal dik tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 fil-verżjoni tagħha preċedenti għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2018/843, li kienet tipprevedi, minbarra l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti u ta’ ċerti entitajiet, dak ta’ kull persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu, l-iskema introdotta minn din l-aħħar direttiva, li tipprevedi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, tirrappreżenta ksur kunsiderevolment iktar serju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, mingħajr ma dan l-indħil huwa kkumpensat mill-vantaġġi eventwali li jistgħu jirriżultaw minn din l-aħħar sistema meta mqabbel mal-ewwel, f’dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 112).

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet fakultattivi tal-Artikolu 30(5a) u (9) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, li jippermettu lill-Istati Membri, rispettivament, li jikkundizzjonaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi għal inklużjoni online u li jipprevedu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, derogi mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal din l-informazzjoni, ma humiex, minnhom infushom, ta’ natura li juru la bbilanċjar xieraq bejn l-għan ta’ interess ġenerali mfittex u d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u lanqas l-eżistenza ta’ garanziji suffiċjenti li jippermettu lill-persuni kkonċernati jipproteġu b’mod effettiv id-data personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż.

87

Barra minn hekk, huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197), dwar ir-reklamar obbligatorju dwar il-kumpanniji, inkluż għar-rappreżentanti legali tagħhom, previst mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Volum 1, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Volum 1, p. 304). Fil-fatt, ir-reklamar obbligatorju previst minn din id-direttiva, minn naħa, u l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi previst mid-Direttiva 2015/849 kif emendata, min-naħa l-oħra, huma differenti kemm fil-finalitajiet rispettivi tagħhom kif ukoll fil-portata tagħhom f’termini ta’ data personali koperta.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑601/20 għandha tkun li l-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva 2018/843 huwa invalidu sa fejn emenda l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 fis-sens li, fil-verżjoni emendata tiegħu, dan jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u tal-entitajiet ġuridiċi oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha lil kull membru tal-pubbliku inġenerali.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi magħmula fil-Kawża C‑601/20 kif ukoll fuq id-domandi magħmula fil-Kawża C‑37/20

89

Fir-rigward tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑601/20 u tad-domandi magħmula fil-Kawża C‑37/20, dawn huma bbażati fuq il-premessa tal-validità tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 kif emendata, sa fejn dan jipprevedi l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi.

90

Issa, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑601/20, ma għadx hemm lok li dawn id-domandi jiġu eżaminati.

91

Barra minn hekk, fid-dawl ta’ din l-istess risposta, lanqas ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑601/20.

Fuq l-ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE, huwa invalidu sa fejn dan emenda l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, fis-sens li dan il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) jipprevedi, fil-verżjoni emendata tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u tal-entitajiet ġuridiċi oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha lil kull membru tal-pubbliku inġenerali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.