Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Novembru 2022 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2019/1754 – Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Genève tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi – Artikolu 3(1) TFUE – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Artikolu 207 TFUE – Politika kummerċjali komuni – Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 218(6) TFUE – Dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea – Modifika mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-proposta tal-Kummissjoni – Artikolu 293(1) TFUE – Applikabbiltà – Artikolu 4(3), Artikolu 13(2) u Artikolu 17(2) TUE – Artikolu 2(1) TFUE – Prinċipji ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑24/20,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑17 ta’ Jannar 2020, minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castillo de la Torre, I. Naglis u J. Norris, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, M. Konstantinidis u J. Norris, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Antoniadis, M. Balta u A.‑L. Meyer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs, C. Pochet, u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn K. Najmanová, H. Pešková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. Bain, J.‑L. Carré, A.‑L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Kroazja, irrappreżentata minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn A. Posch, E. Samoilova, J. Schmoll, bħala aġenti, u minn H. Tichy,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata inizjalment minn P. Barros da Costa, L. Inez Fernandes, J. P. Palha u R. Solnado Cruz, bħala aġenti, sussegwentement minn P. Barros da Costa, J. P. Palha u R. Solnado Cruz, bħala aġemti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, M. Safjan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi (Relatriċi), D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, F. Biltgen, N. Piçarra, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Frar 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas‑7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2019, L 271, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt internazzjonali

1.      IlKonvenzjoni ta’ Pariġi

2        Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, ġiet iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irreveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprevedi b’mod partikolari li l-Istati li għalihom tapplika din il-konvenzjoni jikkostitwixxu Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, inkluż il-privattivi, id-disinni, it-trade marks, l-isem kummerċjali u l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza jew denominazzjonijiet tal-oriġini kif ukoll ir-repressjoni tal-kompetizzjoni żleali.

4        Bis-saħħa tal-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, l-Istati kontraenti li għalihom tapplika din il-konvenzjoni jirriżervaw id-dritt li jagħmlu ftehimiet partikolari b’mod separat bejniethom għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

2.      IlFtehim ta’ Lisbona

5        Il-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom ġie ffirmat fil‑31 ta’ Ottubru 1958, irrevedut fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 13172, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Lisbona”). Huwa jikkostitwixxi ftehim partikolari fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li għalih jista’ jissieħeb kull Stat li huwa parti f’din il-konvenzjoni.

6        Seba’ Stati Membri tal-Unjoni huma partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona, jiġifieri r-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka. Għall-kuntrarju, l-Unjoni ma hijiex parti f’dan il-ftehim, li miegħu jistgħu jaderixxu biss Stati.

7        Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Lisbona, l-Istati li għalihom japplika dan tal-aħħar jikkostitwixxu Unjoni Speċjali (iktar ’il quddiem l-“Unjoni Speċjali”) fil-kuntest tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi u jintrabtu li jipproteġu, fuq it-territorji tagħhom u skont it-termini ta’ dan il-ftehim, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Speċjali, irrikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiżi tal-oriġini u rreġistrati mal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).

3.      LAtt ta’ Genève

8        L-Artikolu 21 tal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2019, L 271, p. 15, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Genève”), intitolat “Sħubija fl-Unjoni ta’ Lisbona”, jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri tal-istess Unjoni Speċjali bħall-Istati li huma parti mill-Ftehim ta’ Lisbona[, fil-verżjoni oriġinali tiegħu tal‑31 ta’ Ottubru 1958] jew [għall-Ftehim ta’ Lisbona kif revedut fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit‑28 ta’ Settembru 1979], kemm jekk huma parti tal-Ftehim ta’ Lisbona[, fil-verżjoni oriġinali tiegħu tal‑31 ta’ Ottubru 1958] jew [għall-Ftehim ta’ Lisbona, kif revedut fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit‑28 ta’ Settembru 1979], u anki jekk mhumiex.”

9        L-Artikolu 22 tal-Att ta’ Genève, intitolat “Assemblea tal-Unjoni Speċjali”, jiddisponi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“      [Teħid tad-deċiżjonijiet fl-Assemblea]

a)      L-Assemblea għandha tagħmel ħiltha biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens.

b)      Meta ma tkunx tista’ tintlaħaq deċiżjoni b’kunsens, il-kwistjoni li tkun qed tkun tiġi diskussa għandha tiġi deċiża permezz ta’ votazzjoni. F’każ bħal dan,

(i.)      kull Parti Kontraenti li tkun Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota f’isimha stess biss; kif ukoll,

(ii.)      kwalunkwe Parti Kontraenti li tkun organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tivvota minflok l-Istati membri tagħha, b’numru ta’ voti daqs l-għadd tal-Istati membri tagħha li jkunu parti ta’ dan l-Att. L-ebda organizzazzjoni intergovernattiva ta’ din ix-xorta ma għandha tipparteċipa fil-vot jekk xi wieħed mill-Istati membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota, u viċi versa.

[…]”

10      L-Artikolu 28 tal-Att ta’ Genève, intitolat “Sħubija ma’ Dan l-Att”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“(1)      [Eliġibbiltà] Soġġett għall-Artikolu 29 u l-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu preżenti,

(i.)      kwalunkwe Stat parti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi jista’ jiffirma u jsir parti tal-Att;

(ii)      […]

(iii.)      kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiffirma u ssir parti ta’ dan l-Att, jekk mill-inqas wieħed mill-Istati Membri tagħha jkun parti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u jekk l-organizzazzjoni intergovernattiva tiddikjara li ġiet awtorizzata kif xieraq biex issir parti għal dan l-Att, f’konformità mal-proċeduri interni tagħha, u li skont it-trattat tal-kostituzzjoni tagħha, tapplika l-leġiżlazzjoni li skontha jkunu jistgħu jinkisbu t-titoli reġjonali ta’ protezzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.”

B.      Iddritt talUnjoni

1.      Iddeċiżjoni kkontestata

11      Skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Biex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita kif xieraq il-kompetenza esklużiva tagħha għall-oqsma koperti mill-Att ta’ Ġinevra u għall-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tas-sistemi ta’ protezzjoni komprensivi tagħha għad-deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli, jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra u ssir parti kontraenti tiegħu.”

12      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi:

“L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra […] hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.”

13      L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan, huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu, kif opportun, flimkien mal-Unjoni u fl-interess tagħha, b’rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva tagħha.”

14      L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni jiddisponi:

“1.      Fl-Unjoni Speċjali, l-Unjoni u kwalunkwe Stat Membru li jirratifika jew jaderixxi mal-Att ta’ Ġinevra skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun irrappreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE. L-Unjoni għandha tkun responsabbli li tiżgura l-eżerċitar tad-drittijiet u t-twettiq tal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirratifikaw jew jaderixxu għall-Att ta’ Ġinevra skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]

2.      L-Unjoni għandha tivvota fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali u l-Istati Membri li rratifikaw jew aderixxew għall-Att ta’ Ġinevra m’għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw.”

2.      IrRegolament (UE) 2019/1753

15      L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2019, L 271, p. 1), intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji għal denominazzjonijiet ta’ oriġini li joriġinaw fl-Istati Membri diġà rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward ta’ kull denominazzjoni ta’ oriġini li toriġina fi Stat Membru li jkun parti għall-Ftehim ta’ Lisbona, għal prodott li tkun protetta skont wieħed mir-Regolamenti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fuq talba minn persuna fiżika jew entità ġuridika kif imsemmi fil-punt (ii) tal-Artikolu 5(2) tal-Att ta’ Ġinevra jew benefiċjarju kif definit fil-punt (xvii) tal-Artikolu 1 tal-Att Ġinevra, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, jagħżel li jitlob jew:

a)      li ssir ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ dik id-denominazzjoni ta’ oriġini skont l-Att ta’ Ġinevra, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun irratifika jew aderixxa mal-Att ta’ Ġinevra skont l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754; jew

b)      il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' dik id-denominazzjoni ta' oriġini fir-Reġistru Internazzjonali.

[…]”

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

16      F’Settembru 2008, l-Assemblea tal-Unjoni Speċjali ħolqot grupp ta’ ħidma inkarigat sabiex jipprepara reviżjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona intiża sabiex itejbu u trendih iktar attraenti, filwaqt li tippreżerva l-prinċipji u l-għanijiet tiegħu.

17      Id-delegazzjonijiet tat‑28 Stat li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona kif ukoll żewġ delegazzjonijiet imsejħa “speċjali”, fosthom dik tal-Unjoni, u ċertu numru ta’ delegazzjonijiet imsejħa “osservaturi” ġew mistiedna jipparteċipaw f’konferenza diplomatika msejħa f’Genève mill‑11 sal‑21 ta’ Mejju 2015 fid-dawl tal-eżami u tal-adozzjoni tal-abbozz tal-Ftehim ta’ Lisbona rrevedut ippreparat minn dan il-grupp ta’ ħidma.

18      Fid-dawl tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni għal din il-konferenza diplomatika, fit‑30 ta’ Marzu 2015 il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Lisbona rrevedut dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. F’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni stiednet b’mod partikolari lill-Kunsill sabiex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-Artikolu 207 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni fl-Artikolu 3(1) TFUE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

19      Fis‑7 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 8512/15 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Lisbona rrevedut dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Bid-differenza ta’ dak li kienet irrakkomandat il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 218(3) u (4) TFUE.

20      Fl‑20 ta’ Mejju 2015, il-konferenza diplomatika msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza adottat l-Att ta’ Genève, li ġie miftuħ għall-firma l-għada. Bis-saħħa tal-Artikolu 28(1)(iii) ta’ dan l-att, kull organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiffirma l-imsemmi att u ssir parti minnu.

21      Permezz tas-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Reviżjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona), (C‑389/15, EU:C:2017:798), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li n-negozjati tal-Att ta’ Genève kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva li l-Artikolu 3(1) TFUE jattribwixxi lill-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni msemmija fl-Artikolu 207(1) TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, annullat id-Deċiżjoni 8512/15, filwaqt li żammet l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jeċċedi s-sitt xhur b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikoli 207 u 218 TFUE.

22      Fil‑5 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill implimenta din is-sentenza billi adotta, abbażi tal-Artikolu 207 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/416 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Lisbona rivedut dwar id-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2018, L 75, p. 23).

23      Fis‑27 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (dokument COM(2018) 350 finali), abbażi tal-Artikolu 207 u tal-Artikolu 218(6)(a) TFUE. Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna n-negozjati ta’ dan l-att, din il-proposta kienet tipprevedi li l-Unjoni biss taderixxi għal dan.

24      Fil‑15 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill bagħat lill-Parlament Ewropew abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève, li jawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jaderixxu ma’ dan l-att flimkien mal-Unjoni. Fis‑16 ta’ April 2019, il-Parlament approva dan l-abbozz.

25      Peress li l-Kummissjoni ma appoġġax l-imsemmi abbozz, fis‑7 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata b’mod unanimu, konformement mal-Artikolu 293(1) TFUE.

26      F’dikjarazzjoni inkluża fil-minuti tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkontestat il-possibbiltà li tawtorizza lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu b’mod parallel mal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li hija kienet disposta taċċetta li s-seba’ Stati Membri li kienu ilhom żmien twil partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona u li kienu diġà rreġistraw diversi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali taħt dan il-ftehim ikunu awtorizzati jaderixxu ruħhom għall-Att ta’ Genève fl-interess tal-Unjoni.

27      L-Unjoni aderixxiet għall-Att ta’ Genève fis‑26 ta’ Novembru 2019.

III. Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jinkludi riferimenti għall-Istati Membri jew, sussidjarjament, tannulla kompletament dan l-Artikolu 4 jekk ir-riferimenti għall-Istati Membri jkunu inseparabbli mill-kumplament tal-imsemmi artikolu;

–        iżżomm l-effetti tal-partijiet annullati tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari kwalunkwe użu tal-awtorizzazzjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 3 qabel id-data tas-sentenza mill-Istati Membri li huma attwalment partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jeċċedix sitt xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza, ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ April 2020, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, konformement mal-Artikolu 151(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fit‑18 ta’ Mejju 2020.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2020, l-eżami tal-imsemmija eċċezzjoni ngħaqad mal-mertu.

32      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fl-intier tiegħu;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Portugiża ġew ammessi jintervjenu fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

IV.    Fuq irrikors

A.      Fuq lammissibbiltà

1.      Largumenti talpartijiet

34      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, li magħha jassoċjaw, essenzjalment, l-Istati Membri intervenjenti, il-Kunsill ifakkar li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sakemm l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att.

35      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill isostni li dan l-artikolu ma jistax jiġi sseparat mill-bqija ta’ din id-deċiżjoni mingħajr ma s-sustanza tagħha tinbidel. Minn naħa, l-imsemmi Artikolu 3, flimkien mal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, li japprova l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève, huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-Unjoni tkun tista’ teżerċita b’mod korrett il-kompetenza esterna esklużiva tagħha fl-oqsma li jaqgħu taħt dan l-att, billi jippermettilha jkollha dritt tal-vot fi ħdan l-Assemblea tal-Unjoni Speċjali. Fil-fatt, peress li, konformement mal-Artikolu 22(4)(b)(ii) tal-Att ta’ Genève, kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li hija parti f’dan tal-aħħar jista’ jkollha biss numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma partijiet f’dan l-att, l-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jċaħħad lill-Unjoni mid-dritt għall-vot fi ħdan din l-Assemblea u, għaldaqstant, minn kull possibbiltà li teżerċita b’mod korrett il-kompetenza esklużiva tagħha fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Att ta’ Genève, fatt li jrendi l-kontenut residwali ta’ din id-deċiżjoni inkompatibbli mal-għan u l-iskop iddikjarati.

36      Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti lis-seba’ Stati Membri tal-Unjoni li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim ta’ Lisbona jsiru partijiet kontraenti għall-Att ta’ Genève, dan l-artikolu jiggarantixxi l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini diġà rreġistrati f’dawn l-Istati Membri skont il-Ftehim ta’ Lisbona.

37      Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jinkisbu ż-żamma tal-effetti tal-partijiet annullati ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-imsemmija Stati Membri turi li l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni ma huwiex separabbli mill-kumplament tal-istess deċiżjoni.

38      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba għall-annullament tal-elementi tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata li jagħmlu riferiment għall-Istati Membri, il-Kunsill iqis li dawn l-elementi ma jistgħux jiġu sseparati mill-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni u li, konsegwentement, din it-talba hija, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tat-talba għal annullament ta’ dan l-Artikolu 3, inammissibbli.

39      Filwaqt li tappoġġa l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ir-Repubblika Taljana żżid li, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors huwa ppreżentat mhux kontra l-Parlament u l-Kunsill, iżda biss kontra dan tal-aħħar, minkejja li, konformement mal-Artikolu 218(6)(a)(iii) TFUE, il-Parlament approva d-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta barra minn hekk mill-preambolu tagħha. Issa, il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(6) TFUE timplika kodeċiżjoni reali bejn il-Kunsill u l-Parlament, peress li, mingħajr l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-Kunsill la jista’ jiddelibera u lanqas jadotta deċiżjoni.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

41      Sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, għandu qabel kollox jiġi eżaminat l-argument invokat mir-Repubblika Taljana, li jgħid li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli minħabba li huwa indirizzat biss kontra l-Kunsill.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi ppreżentat kontra l-istituzzjoni li adottat l-att ikkontestat u li tali rikors huwa inammissibbli sa fejn ippreżentat kontra istituzzjoni oħra (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2003, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C‑445/00, EU:C:2003:445, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, mit-titolu stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ġiet adottata mill-Kunsill u huwa, barra minn hekk, stabbilit li din id-deċiżjoni, sa fejn din tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 218(6) TFUE.

44      Issa, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss il-Kunsill li jista’ jadotta deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali. Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE jipprevedi li, f’ċerti każijiet, il-Kunsill jadotta tali deċiżjoni wara l-approvazzjoni tal-Parlament ma huwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni, peress li tali approvazzjoni ma tistax tiġi konfuża mal-att ta’ konklużjoni nnifsu, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE jipprevedi l-adozzjoni tiegħu mill-Kunsill biss.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġustament li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, li bis-saħħa tiegħu l-atti mhux leġiżlattivi li ma jindikawx destinatarju jiġu ffirmati mill-President tal-istituzzjoni li adottahom, id-deċiżjoni kkontestata ġiet iffirmata biss mill-President tal-Kunsill, peress li din il-firma kienet għalhekk tidentifika l-awtur ta’ din id-deċiżjoni.

46      Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika Taljana għandu jiġi miċħud.

47      Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss dment li l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. Dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu. Fir-rigward tal-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, din tippreżupponi l-eżami tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tal-att ikkontestat (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑205/16 P, EU:C:2017:840, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-kwistjoni dwar jekk annullament parzjali jbiddilx is-sustanza tal-att ikkontestat tikkostitwixxi kriterju oġġettiv u mhux kriterju suġġettiv marbut mar-rieda politika tal-istituzzjoni li tkun adottat l-imsemmi att (sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2020:297, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fl-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève, approvat f’isem l-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

50      Fil-fatt, il-premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni tistabbilixxi li “[b]iex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita kif xieraq il-kompetenza esklużiva tagħha għall-oqsma koperti mill-Att ta’ Ġinevra u għall-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tas-sistemi ta’ protezzjoni komprensivi tagħha għad-deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli, jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra u ssir parti kontraenti tiegħu.”

51      L-Artikoli 2 u 5 tal-istess deċiżjoni jistabbilixxu l-modalitajiet prattiċi ta’ din l-adeżjoni.

52      Issa, kif jirrikonoxxi l-Kunsill stess, huwa biss sabiex jiġu riżolti ċerti diffikultajiet, li, fil-fehma tiegħu, jistgħu jirriżultaw mill-imsemmija adeżjoni, li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu. L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi preċiżazzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-Unjoni u tal-Istati Membri li rratifikaw dan l-att jew jaderixxu għalih fi ħdan l-Unjoni Speċjali, kif ukoll dwar is-suġġett tar-responsabbiltajiet li għandha l-Unjoni fil-qasam tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tar-rispett tal-obbligi tagħha u ta’ dawn l-Istati Membri, li jirriżultaw mill-imsemmi att.

53      B’hekk, dawn l-Artikoli 3 u 4 huma intiżi sabiex jippermettu lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu magħhom flimkien mal-Unjoni. Issa, min-natura fakultattiva ta’ tali adeżjonijiet jew ratifiki jirriżulta li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa kapaċi jipproduċi l-effetti tiegħu fis-sitwazzjoni fejn ebda Stat Membru ma jeżerċita l-fakultà prevista fl-imsemmija Artikoli 3 u 4.

54      Anki jekk, kif isostni l-Kunsill, tali sitwazzjoni kellu jkollha konsegwenzi fuq il-possibbiltà għall-Unjoni li tipparteċipa fil-votazzjoni fi ħdan l-Assemblea tal-Unjoni Speċjali kif ukoll fuq il-garanzija tal-anzjanità u tal-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati fl-Istati Membri taħt il-Ftehim ta’ Lisbona, hija ma taffettwax il-portata ġuridika tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u ma tikkontestax l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève, li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, tikkostitwixxi l-essenza ta’ din id-deċiżjoni.

55      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni titlob l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni.

56      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Kummissjoni talbet iż-żamma tal-effetti tal-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li tagħha hija titlob l-annullament fir-rigward tal-Istati Membri li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona. Fil-fatt, dan il-fatt ma għandha ebda effett fuq in-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni li l-annullament tagħhom huwa mitlub u, għaldaqstant, fuq l-ammissibbiltà tar-rikors.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq ilmertu

58      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi.

1.      Fuq lewwel motiv

59      L-ewwel motiv imqajjem mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 218(6) u tal-Artikolu 293(1) TFUE, tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali u tad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni.

a)      Largumenti tal-partijiet

60      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li ma pproponiet u f’ebda każ ma aċċettat li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu, iżda sempliċement ipproponiet l-adeżjoni tal-Unjoni miegħu. Anki jekk, konformement mal-Artikolu 293(1) TFUE, il-Kunsill jista’ jemenda proposta tal-Kummissjoni billi jiddeċiedi b’mod unanimu, f’dan il-każ, l-ebda proposta intiża sabiex tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu għalih ma teżisti u għalhekk ma setgħetx tiġi emendata. Li jiġi sostnut il-kuntrarju jimplika li l-Kunsill jista’, billi jaġixxi b’unanimità, jagħmel kwalunkwe żieda ma’ proposta tal-Kummissjoni, indipendentement mis-suġġett tagħha. Issa, il-ġurisprudenza tirrikjedi li kull emenda ta’ proposta tal-Kummissjoni tiġi analizzata fid-dawl tas-“suġġett” u tal-“għan” ta’ din il-proposta. Fir-realtà, billi żied mal-adeżjoni tal-Unjoni awtorizzazzjoni ġenerali ta’ adeżjoni tal-Istati Membri, il-Kunsill adotta, fl-istess att “formali”, it-tieni deċiżjoni distinta li ma tinsabx fil-proposta tal-Kummissjoni.

61      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta, fir-replika tagħha, ir-raġunijiet allegati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-emenda tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri n-neċessità li jiġi żgurat li l-Unjoni għandha dritt ta’ vot fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali kif ukoll li tinżamm l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona fis-seba’ Stati Membri li kienu diġà partijiet għal dan tal-aħħar.

62      Minn naħa, l-awtorizzazzjoni tal-Istati Membri sabiex jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew li jaderixxu miegħu ma jiggarantixxux li din il-fakultà tkun eżerċitata u lanqas, konsegwentement, li l-Unjoni ser ikollha dritt tal-vot fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali. Fi kwalunkwe każ, l-importanza ta’ dan id-dritt ta’ vot ma għandhiex tiġi ssopravalutata. Fil-fatt, l-Assemblea tal-Unjoni Speċjali tiddeċiedi biss fuq kwistjonijiet amministrattivi u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, b’kunsens.

63      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona, ir-regoli applikabbli jistgħu jiġu interpretati b’mod li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ kwistjoni li tikkonċerna biss is-seba’ Stati Membri partijiet għall-Ftehim ta’ Lisbona, huwa biżżejjed li dawn ma jaderixxux mal-Att ta’ Genève sabiex il-Ftehim ta’ Lisbona jkompli japplika fir-rigward tagħhom u li din l-anzjanità kif ukoll din il-kontinwità jkunu ggarantiti.

64      Ir-Repubblika Taljana toġġezzjona qabel kollox li l-ewwel motiv huwa infondat, minħabba li l-Artikolu 293(1) TFUE ma huwiex applikabbli għall-proċedura rregolata mill-Artikolu 218 TFUE. Fil-fatt, minn dan l-aħħar artikolu jirriżulta li l-proċedura prevista fih hija bbażata fuq deċiżjoni tal-Kunsill, adottata fuq il-bażi ta’ “rakkomandazzjoni” tal-Kummissjoni, li, konformement mal-Artikolu 288 TFUE, hija att mhux vinkolanti. Il-Kunsill għalhekk għandu setgħa wiesgħa sabiex jilqa’, jiċħad jew jemenda rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-negozjati u, sussegwentement dwar il-konklużjoni ta’ ftehim. B’mod partikolari, deċiżjoni li tikkonkludi ftehim hija rregolata mill-Artikolu 218(6) TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta din id-deċiżjoni “fuq proposta min-negozjatur”. Il-Kummissjoni tintervjeni f’din il-proċedura ta’ konklużjoni mhux bħala tali, iżda biss bħala negozjatur tal-ftehim. B’hekk, proposta tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, li tkun adattata għan-natura partikolari tal-ftehimiet internazzjonali, ma tistax tiġi assimilata ma’ dik prevista fl-Artikolu 293(1) TFUE.

65      Skont il-Kunsill, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kundizzjoni formali u ta’ kundizzjoni sostantiva li l-Kunsill għandu josserva meta jemenda proposta tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 293(1) TFUE.

66      Fir-rigward tal-kundizzjoni formali, meta l-Kummissjoni ma taċċettax emenda magħmula mill-Kunsill, dan tal-aħħar huwa obbligat li jiddeċiedi b’mod unanimu. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill osserva dan ir-rekwiżit formali billi emenda b’unanimità l-proposta tal-Kummissjoni.

67      Fir-rigward tal-kundizzjoni sostantiva, il-Kunsill ma għandux jostakola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-proposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-emendi magħmula għal proposta għandhom jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif iddefinit mill-Kummissjoni. Dan ikun il-każ meta l-Kunsill josserva l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u ma jbiddel la s-suġġett u lanqas l-għan tal-proposta.

68      Il-Kunsill jirrileva li, f’dan il-każ, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha, imsemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni indikat li “[b]iex l-Unjoni teżerċita kif xieraq il-kompetenza esklużiva tagħha għall-Att ta’ Ġinevra […] u l-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tas-sistemi ta’ protezzjoni eżawrjenti tagħha għall-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli, l-[Unjoni] jenħtieġ li ssir parti kontraenti”. Huwa jirrileva wkoll li l-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata tistabilixxi li “[b]iex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita kif xieraq il-kompetenza esklużiva tagħha għall-oqsma koperti mill-Att ta’ Ġinevra u għall-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tas-sistemi ta’ protezzjoni komprensivi tagħha għad-deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli, jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra u ssir parti kontraenti tiegħu”.

69      B’hekk, il-Kunsill baqa’ fil-limiti tal-għan iddikjarat tal-proposta tal-Kummissjoni. Issa, skont il-Kunsill, li kieku din il-proposta ma ġietx emendata, hija ma kinitx tippermetti li jintlaħaq dan l-għan f’żewġ aspetti: minn naħa, l-Unjoni ma kellhiex dritt tal-vot fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali u, min-naħa l-oħra, l-anzjanità tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona mis-seba’ Stati Membri partijiet għal dan il-ftehim tkun sparixxiet wara r-reġistrazzjoni ex novo, mill-Unjoni, bħala parti kontraenti ġdida mal-Unjoni Speċjali, minn indikazzjonijiet ġeografiċi skont l-Att ta’ Genève.

70      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-aċċettazzjoni tal-argument tal-Kummissjoni fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-proposta tal-Kummissjoni hija ekwivalenti għal assenza ta’ proposta, iċaħħad mis-sustanza tiegħu d-dritt ta’ emenda mogħti lilu mill-Artikolu 293(1) TFUE, li jċaħħdu minn kull effett utli.

71      Fit-tielet lok, il-Kunsill josserva li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, huwa ma adottax żewġ deċiżjonijiet permezz tal-istess “att formali”, fejn waħda minnhom hija bbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni u l-oħra le. L-emenda magħmula mill-Kunsill fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex l-għan li tawtorizza lill-Istati Membri jaderixxu mal-Att ta’ Genève sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, iżda li jagħtu effett sħiħ lill-għan u lill-finalità ta’ din il-proposta, b’tali mod li l-Unjoni tkun tista’ taġixxi fi ħdan l-Assemblea tal-Unjoni Speċjali b’mod effettiv u tipproteġi l-interessi tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ifakkar li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri tingħata bla ħsara għar-“rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva [tal-Unjoni]”. Barra minn hekk, sabiex jiggarantixxi l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Kunsill kien afda lill-Kummissjoni r-rappreżentanza tal-Unjoni kif ukoll dik ta’ kull Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din l-awtorizzazzjoni.

72      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tosserva li l-fatt li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jaderixxu mal-Att ta’ Genève b’osservanza stretta tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, iżda mingħajr ma l-Unjoni taderixxi miegħu, ikun nieqes minn kull sens. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-Unjoni li għandha tiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-osservanza tal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew li jaderixxu għalih u l-Unjoni biss tivvota fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali, peress li l-Istati Membri li rratifikaw l-Att ta’ Genève jew li aderixxew miegħu ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom.

73      Fir-raba’ lok, il-Kunsill iqis li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li tgħid li hija kienet lesta taċċetta li s-seba’ Stati Membri li kienu partijiet għall-Ftehim ta’ Lisbona u li kienu diġà rreġistraw diversi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali skont dan il-ftehim ikunu awtorizzati jaderixxu mal-Att ta’ Genève fl-interess tal-Unjoni hija importanti minn tal-inqas tliet aspetti. L-ewwel, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill lill-Istati Membri, jew tal-inqas lil xi wħud minnhom, hija fl-interess tal-Unjoni. It-tieni, il-Kummissjoni taċċetta impliċitament li l-Kunsill jista’ jagħti effett lil din l-awtorizzazzjoni billi jemenda l-proposta tal-Kummissjoni. It-tielet, il-Kummissjoni tammetti li tali awtorizzazzjoni hija possibbli f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

74      Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Portugiża jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ftehim ta’ Lisbona jkompli japplika għas-seba’ Stati Membri li huma partijiet kontraenti tiegħu jekk dawn ma jaderixxux mal-Att ta’ Genève, u b’hekk jiżguraw kontinwità fil-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi diġà rreġistrati. Fil-fatt, l-Artikolu 11 tar-Regolament 2019/1753 jipprevedi, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-Istati Membri diġà rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini skont l-Att ta’ Genève, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun irratifika l-Att ta’ Genève jew ikun aderixxa għalih bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

75      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill, meta emenda l-proposta għal deċiżjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni li tawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu, kien aġixxa fl-assenza ta’ kwalunkwe inizjattiva tal-Kummissjoni, u b’hekk kiser l-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 293(1) TFUE u kkawża preġudizzju għall-bilanċ istituzzjonali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

1)      Fuq lapplikabbiltà talArtikolu 293(1) TFUE

76      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument invokat mir-Repubblika Taljana li jgħid li l-Artikolu 293(1) TFUE ma huwiex applikabbli għal deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-Artikolu 218(6) TFUE, minħabba l-fatt li dan l-Artikolu 293(1) japplika biss għall-adozzjoni ta’ atti fil-kuntest tal-azzjoni interna tal-Unjoni.

77      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 293(1) TFUE jirriżulta li, meta, bis-saħħa tat-Trattati, il-Kunsill jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni, huwa jista’ jemenda l-proposta biss billi jiddeċiedi b’mod unanimu, ħlief fil-każijiet imsemmija f’ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE msemmija f’dan l-Artikolu 293(1).

78      Issa, minn naħa, l-Artikolu 218 TFUE ma jinsabx fost dawn id-dispożizzjonijiet.

79      Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 293(1) TFUE huwa intiż li japplika għall-atti ġuridiċi kollha tal-Unjoni li għall-adozzjoni tagħhom il-Kunsill jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-atti jaqgħux taħt l-azzjoni interna tal-Unjoni jew taħt l-azzjoni esterna tagħha. B’mod partikolari, ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jippermetti li tiġi eskluża l-applikabbiltà tagħha għall-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 218(6) TFUE, sakemm, meta l-Kunsill jadotta tali deċiżjoni, huwa jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni.

80      Huwa ċertament minnu li, konformement mal-Artikolu 218(6) TFUE, il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim fuq proposta tan-negozjatur.

81      Madankollu, peress li, bis-saħħa tal-Artikolu 218(3) TFUE, il-Kunsill ħatar lill-Kummissjoni bħala negozjatur, huwa jiddeċiedi neċessarjament fuq proposta tal-Kummissjoni sabiex tadotta din id-deċiżjoni.

82      Minn dan isegwi li l-Artikolu 293(1) TFUE huwa applikabbli meta l-Kunsill, meta jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 218(6) TFUE. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Taljana għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq lallegat ksur talArtikolu 293(1) TFUE

83      Sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, il-Kunsill kisirx l-Artikolu 293(1) TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 13(2) TUE, li jgħid li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, li huwa element karatteristiku tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, EPSU vs Il‑Kummissjoni, C‑928/19 P, EU:C:2021:656, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      L-Artikolu 13(2) TUE jiddisponi, barra minn hekk, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprattikaw bejniethom kooperazzjoni leali.

85      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(2) TUE, l-atti tal-Unjoni li ma humiex leġiżlattivi għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprevedu dan.

86      Kif tfakkar fil-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 218(3) u (6) TFUE jirriżulta li d-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim internazzjonali inkwistjoni hija adottata fuq proposta tal-Kummissjoni bħala negozjatur maħtur.

87      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li s-setgħa ta’ inizjattiva rrikonoxxuta lill-Kummissjoni mit-tieni sentenza tal-Artikolu 17(2) TUE ma hijiex limitata għall-preżentazzjoni ta’ proposta. Fil-fatt, skont din is-setgħa, hija, bħala prinċipju, il-Kummissjoni li, konformement mal-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan, tiddeċiedi jekk tippreżentax jew le proposta u, jekk ikun il-każ, tiddetermina s-suġġett, il-finalità u l-kontenut tagħha kif ukoll, sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda, li temenda l-proposta tagħha, jew, jekk ikun hemm bżonn, li tirtiraha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kumissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 70 u 74).

88      L-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha huwa għalhekk marbut b’mod inseparabbli mal-funzjoni ta’ promozzjoni tal-interess ġenerali mogħti lilha mill-Artikolu 17(1) TUE.

89      L-Artikolu 293 TFUE jikkombina garanzija doppja ma’ din is-setgħa ta’ inizjattiva.

90      Minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 293(1) TFUE jipprevedi li, minbarra l-każijiet li hemm riferiment għalihom fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE msemmija fih, il-Kunsill, meta jaġixxi, bis-saħħa tat-trattati, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ biss jemenda l-proposta jekk jiddeċiedi b’mod unanimu.

91      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 293(2) TFUE, sakemm il-Kunsill ikun għadu ma ħa ebda azzjoni, il-Kummissjoni tista’ temenda l-proposta tagħha f’kull ħin matul il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

92      L-Artikolu 293 TFUE jiżgura b’hekk l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali billi jwieżen, b’mod partikolari, il-kompetenzi tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(2) TUE, u dawk tal-Kunsill, previsti fl-Artikolu 16(1) TUE, li jimplika, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn.

93      Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li s-setgħa ta’ emenda tal-Kunsill ma tistax testendi sal-punt li tippermettilu jiżnatura l-proposta tal-Kummissjoni, b’mod li jostakola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jitwettqu minnha u li, għaldaqstant, iċċaħħadha mir-raġuni tagħha (ara, fir-rigward tal-irtirar ta’ proposta ta’ att leġiżlattiv, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 83).

94      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma huwiex il-każ meta emendi magħmula mill-Kunsill għal proposta tal-Kummissjoni ma jmorrux lil hinn mis-suġġett ta’ din il-proposta u lanqas ma jbiddlu l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 355/87, EU:C:1989:220, punt 44, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et, C‑408/95, EU:C:1997:532, punt 39).

95      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-emenda magħmula unanimament mill-Kunsill għall-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li tintroduċi dispożizzjoni li tawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu, żnaturatx is-suġġett jew l-iskop ta’ din il-proposta f’sens li tostakola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnha.

96      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-għan tal-imsemmija proposta kien jikkonsisti biss fl-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève u li l-iskop tal-istess proposta kien, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din tal-aħħar, imsemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li l-Unjoni tkun tista’ teżerċita korrettament il-kompetenza esklużiva tagħha fl-oqsma li jaqgħu taħt dan l-att.

97      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-Artikolu 3(1)(e) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Konformement mal-Artikolu 207(1) TFUE, din il-politika hija bbażata fuq prinċipji uniformi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, u għandha tiżvolġi fil-kuntest tal-prinċipji kif ukoll tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

98      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, essenzjalment, li l-Att ta’ Genève, minn naħa, huwa maħsub sabiex jiffaċilita u jirregola l-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Istati terzi, u, min-naħa l-oħra, li huwa tali li jkollu effetti diretti u immedjati fuq dan il-kummerċ, b’mod li n-negozjar tiegħu jaqa’ taħt dik il-kompetenza esklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Reviżjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona), C‑389/15, EU:C:2017:798, punt 74).

99      It-tieni, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) TFUE, meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti.

100    Madankollu, din id-dispożizzjoni żżid li l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’tali qasam biss jekk huma awtorizzati mill-Unjoni sabiex jagħmlu dan.

101    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, imsemmi fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, kif ukoll il-qafas istituzzjonali ddefinit fl-Artikoli 13 sa 19 TUE sabiex jippermetti l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenzi li t-Trattati tawha, jikkostitwixxu karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha relatati mal-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 165).

102    Issa, id-deċiżjoni li tingħata tali awtorizzazzjoni lill-Istati Membri taffettwa l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi mogħtija esklużivament lill-Unjoni mit-Trattati, sa fejn tippermetti l-eżerċizzju, mill-Istati Membri, ta’ kompetenza li t-Trattati taw b’mod esklużiv lill-Unjoni u li din għandha, bħala prinċipju, teżerċita waħedha.

103    Minn dan isegwi li tali deċiżjoni tesprimi għażla politika preċiża u alternattiva bejn, minn naħa, l-eżerċizzju, mill-Unjoni waħedha, ta’ kompetenza esklużiva li t-Trattati tawha f’qasam partikolari u, min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni tal-Istati Membri mill-Unjoni sabiex jeżerċitaw din il-kompetenza.

104    Tali għażla taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-inizjattivi l-iktar xierqa sabiex tippromwoviha, evalwazzjoni li magħha, kif ġie ppreċiżat fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, is-setgħa ta’ inizjattiva li l-Artikolu 17(2) TUE jagħti lil din l-istituzzjoni hija marbuta b’mod inseparabbli.

105    Għaldaqstant, emenda tal-Kunsill intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jeżerċitaw kompetenza esklużiva tal-Unjoni tiżnatura l-għan stess ta’ proposta tal-Kummissjoni li tesprimi l-għażla li l-Unjoni teżerċita waħedha din il-kompetenza.

106    F’dan il-każ, il-proposta tal-Kummissjoni kienet intiża preċiżament sabiex tippermetti lill-Unjoni taderixxi għall-Att ta’ Genève, li, essenzjalment, fetaħ għal din tal-aħħar il-possibbiltà li ssir membru tal-Unjoni Speċjali, filwaqt li l-Ftehim ta’ Lisbona kien jippermetti biss l-adeżjoni ta’ Stati, u, b’hekk, li teżerċita waħedha l-kompetenza esklużiva tagħha fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Att ta’ Genève. Mhux biss din il-proposta ma kinitx tipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew li jaderixxu miegħu, iżda, matul in-negozjati, il-Kummissjoni kienet uriet b’mod ċar l-oppożizzjoni tagħha għal tali awtorizzazzjoni ta’ natura ġenerali, minkejja, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, hija ma opponietx għall-adeżjoni ta’ seba’ Stati Membri.

107    Issa, l-ememda tal-Kunsill twassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li jawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu.

108    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li din l-emenda tiżnatura s-suġġett u l-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni.

109    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata tingħata bla ħsara għar-“rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva [tal-Unjoni]” u li, konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex tiġi ggarantita l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Kunsill ta lill-Kummissjoni r-rappreżentanza tal-Unjoni kif ukoll dik ta’ kull Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din l-awtorizzazzjoni.

110    Fil-fatt, minkejja l-qafas, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżerċizzju, mill-Istati Membri li rratifikaw l-Att ta’ Genève jew li aderixxew miegħu, tad-drittijiet li dawn l-Istati Membri jiksbu minn dan l-att, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tal-użu ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-imsemmija Stati Membri jeżerċitaw, bħala suġġetti tad-dritt internazzjonali indipendenti flimkien mal-Unjoni, kompetenza esklużiva tagħha, li tipprekludi lill-Unjoni milli teżerċita waħedha din il-kompetenza.

111    Lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw l-emenda tal-Kunsill l-argumenti tiegħu, esposti fil-punti 61 sa 63 ta’ din is-sentenza, dwar in-neċessità li jiġi żgurat li l-Unjoni għandha dritt tal-vot fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali kif ukoll li tinżamm l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona fis-seba’ Stati Membri li kienu diġà partijiet għal dan tal-aħħar.

112    Fil-fatt, id-diffikultajiet eventwali li l-Unjoni tista’ tiltaqa’ magħhom, fuq livell internazzjonali, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tagħha jew il-konsegwenzi ta’ dan l-eżerċizzju fuq l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri ma jistgħux, bħala tali, jawtorizzaw lill-Kunsill jemenda proposta tal-Kummissjoni sal-punt li jiżnatura s-suġġett jew il-finalità tagħha, u b’hekk jikser il-bilanċ istituzzjonali li l-Artikolu 293 TFUE jfittex li jiżgura l-osservanza tiegħu.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 293(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 13(2) TUE, b’tali mod li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

2.      Fuq ittieni motiv

114    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(1) TFUE u l-Artikolu 207 TFUE kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni.

115    Dan il-motiv ġie ppreżentat mill-Kummissjoni sussidjarjament u peress li l-ewwel motiv intlaqa’, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

116    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata parzjalment annullata, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni. Fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-artikolu, konformement mal-konklużjonijiet magħmula prinċipalment mill-Kummissjoni, għandu jiġi annullat biss sa fejn dan jinkludi riferimenti għall-Istati Membri peress, li dawn ir-riferimenti huma separabbli mill-kumplament tal-imsemmi artikolu.

C.      Fuq ittalba ta’ żamma taleffetti taddeċiżjoni kkontestata

117    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, jekk ir-rikors huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara null u bla effett l-att ikkontestat.

118    Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

119    Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li dan huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti tal-att iddikjarat null għandhom jitqiesu li huma definittivi.

120    Dan il-poter jista’ jiġi eżerċitat, għal motivi ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari meta l-annullament ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill, fil-kuntest tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali prevista mill-Artikolu 218 TFUE, huwa tali li jqiegħed fid-dubju l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ftehim internazzjonali kkonċernat jew fl-implimentazzjoni tiegħu, minkejja li ma jkun hemm ebda dubju dwar il-kompetenza tal-Unjoni għal dan il-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, (Reviżjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona), C‑389/15, EU:C:2017:798, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE sabiex tnaqqas l-effetti tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li hija tista’, eċċezzjonalment, taċċetta kompromess li jipprevedi li s-seba’ Stati Membri attwalment partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona jaderixxu għall-Att ta’ Genève, sabiex jiġu evitati problemi marbuta mal-kontinwità tad-drittijiet. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, sa fejn l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jkopri wkoll aspetti oħra li ma humiex ikkontestati bħala tali, u li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tajba tal-Att ta’ Genève mill-Unjoni, huwa importanti li jinżammu l-effetti tiegħu sakemm jiġi ssostitwit b’dispożizzjoni ġdida.

122    Konsegwentement, kif ġie indikat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm l-effetti tal-partijiet annullati tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari kwalunkwe użu tal-awtorizzazzjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 3 implimentata qabel id-data tas-sentenza mill-Istati Membri li huma attwalment partijiet għall-Ftehim ta’ Lisbona, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jeċċedix sitt xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza, ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata.

123    Il-Gvern Franċiż jassoċja ruħu ma’ din it-talba, li, fil-fehma tiegħu, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali, peress li kontestazzjoni tal-parteċipazzjoni fl-Att ta’ Genève tal-Istati Membri li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona jista’ jkollha konsegwenzi negattivi serji għall-proprjetarji ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati minn dawn l-Istati skont il-Ftehim ta’ Lisbona.

124    Il-Kunsill iqis li l-imsemmija talba hija inammissibbli, minħabba li, permezz tagħha, il-Kummissjoni fir-realtà qiegħda tipprova tikseb mhux biss iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, iżda emenda ta’ din id-deċiżjoni.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-talba tagħha, il-Kummissjoni trid iżżomm temporanjament l-effetti tal-partijiet annullati tad-deċiżjoni kkontestata.

126    Għalkemm huwa minnu li l-aċċettazzjoni ta’ din it-talba jwassal, fil-prattika, għal bidla temporanja tal-portata tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni, tali konsegwenza hija inerenti għall-eżerċizzju, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-ġurisdizzjoni li hija tislet mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.

127    Minn dan isegwi li talba intiża għaż-żamma tal-effetti tal-partijiet annullati tal-att ikkontestat hija ammissibbli.

128    Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi ammess li l-preżervazzjoni tal-anzjanità u tal-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona fis-seba’ Stati Membri diġà partijiet għal dan il-ftehim hija b’mod partikolari neċessarja, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, sabiex jiġu protetti d-drittijiet miksuba li jirriżultaw minn dawn ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali.

129    Konsegwentement, hemm lok li jinżammu l-effetti tal-partijiet annullati tad-deċiżjoni kkontestata, biss sa fejn dawn jikkonċernaw Stati Membri li, fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, diġà għamlu użu mill-awtorizzazzjoni, prevista fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, li jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew li jaderixxu miegħu, flimkien mal-Unjoni, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jeċċedix sitt xhur minn din id-data, ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

 Fuq lispejjeż

130    L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn jintalbu.

131    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

132    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

133    Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3, sa fejn fih riferimenti għall-Istati Membri, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, huwa annullat.

2)      L-effetti tal-partijiet annullati tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 jinżammu biss sa fejn dawn jikkonċernaw Stati Membri li, fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, diġà għamlu użu mill-awtorizzazzjoni, prevista fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, li jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, jew li jaderixxu miegħu, flimkien mal-Unjoni Ewropea, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jeċċedix sitt xhur minn din id-data, ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.