SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Kurituri internazzjonali għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija – Regolament (UE) Nru 913/2010 – Artikolu 13(1) – Stabbiliment ta’ punt ta’ waqfa waħda għal kull kuritur tal-merkanzija – Artikolu 14 – Natura tal-kuntest għall-allokazzjonijiet tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija stabbilit mill-bord eżekuttiv – Artikolu 20 – Korpi regolatorji – Direttiva 2012/34/UE – Artikolu 27 – Proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura – Rwol tal-ġestjonarji tal-infrastruttura – Artikoli 56 u 57 – Funzjonijiet tal-korp regolatorju u kooperazzjoni bejn korpi regolatorji”

Fil-Kawża C‑12/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

DB Netz AG

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DB Netz AG, minn H. R. J Krüger u M. Kaufmann, Rechtsanwälte,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn C. Mögelin u J. Arnade, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn W. Mölls u C. Vrignon, sussegwentement minn din tal-aħħar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1), tal-Artikolu 14(1) u (9), tal-Artikolu 18(c) u tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU 2010, L 276, p. 22), kif ukoll tal-Artikolu 27(1) u (2) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(1) u tal-punt 3(a) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DB Netz AG u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija Federali tan-Netwerks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Federali tan-Netwerks”), dwar l-oppożizzjoni ta’ din tal-aħħar għall-abbozz tagħha ta’ emenda tal-kundizzjonijiet sabiex jiġu sottomessi lill-punt ta’ waqfa l-applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura għall-mogħdijiet internazzjonali stabbiliti minn qabel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 913/2010

3

Il-premessi 4, 7, 8, 25 u 26 tad-Direttiva 913/2010 jiddikjaraw:

“(4)

Għalkemm il-ftuħ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għamilha possibbli għal operaturi ġodda li jidħlu fin-netwerk tat-trasport ferrovjarju, il-mekkaniżmi tas-suq, la kienu u lanqas huma biżżejjed biex jorganizzaw, jirregolaw u jagħmlu sikur it-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija. Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tan-netwerk u tiġi żgurata l-affidabbiltà tiegħu, huwa utli li jiġu introdotti proċeduri addizzjonali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali għall-ferroviji tal-merkanzija bejn il-ġesturi tal-infrastruttura.

[…]

(7)

Dan ir-Regolament, ħlief jekk jiġi previst mod ieħor, għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-ġesturi tal-infrastruttura stipulati fid-Direttiva 91/440/KEE [tal-Kunsill tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 34)], u d-Direttiva 2001/14/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404)], u, fejn rilevanti, għall-korpi ta’ allokazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14[…]. Dawk l-atti jibqgħu fis-seħħ, inkluż rigward dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kurituri tal-merkanzija.

[…]

(25)

Sabiex jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali, jeħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni effiċjenti bejn il-korpi regolatorji f’dak li għandu x’jaqsam man-netwerks differenti koperti mill-kuritur tal-merkanzija.

(26)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni rigward l-użu tal-infrastruttura kollha ewlenija fuq il-kuritur tal-merkanzija u jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju għal dak il-kuritur, il-bord ta’ tmexxija għandu jfassal, jaġġorna regolarment u jippubblika dokument li jkun fih din l-informazzjoni kollha.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment u l-organizzazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv bil-għan li jiġi żviluppat netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv. Huwa jistabbilixxi regoli għall-għażla, l-organizzazzjoni, it-tmexxija u l-ippjanar indikattiv tal-investimenti tal-kurituri tal-merkanzija.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jistipula:

“1.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE għandhom japplikaw.

2.   Flimkien mad-definizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1:

a)

“kuritur tal-merkanzija” għandha tfisser il-linji ferrovjarji denominati kollha, inklużi l-linji ta’ laneċ ferrovjarji, fuq it-territorju tal-Istati Membri, jew bejn l-Istati Membri, u, fejn xieraq, pajjiżi terzi Ewropej, li jgħaqqdu żewġ terminali jew aktar, tul rotta prinċipali u, fejn ikun il-każ, rotot u taqsimiet ta’ diversjoni li jikkollegawhom, inkluża l-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha, u s-servizzi ferrovjarji rilevanti skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14[…];

[…]”

6

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għal kull kuritur tal-merkanzija, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu bord eżekuttiv responsabbli għad-definizzjoni tal-objettivi ġenerali tal-kuritur tal-merkanzija, is-sorveljanza u t-teħid ta’ miżuri kif previst espressament fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 9 u 11, l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 22. Il-bord eżekuttiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Għal kull kuritur tal-merkanzija, il-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati u, fejn rilevanti, il-korpi ta’ allokazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14[…] għandhom jistabbilixxu bord ta’ tmexxija responsabbli biex jieħu l-miżuri kif espressament previsti fil-paragrafi 5, 7, 8 u 9 ta’ dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 9 sa 12, l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(2), (6) u (9), l-Artikolu 16(1), l-Artikolu 17(1) u l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament. Il-bord ta’ tmexxija għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-ġesturi tal-infrastruttura.

3.   L-Istati Membri u l-ġesturi tal-infrastruttura li għandhom x’jaqsmu ma’ kuritur tal-merkanzija għandhom jikkooperaw fil-bordijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jiżguraw li l-kuritur tal-merkanzija jiżviluppa skont il-pjan ta’ implimentazzjoni tiegħu.

4.   Il-bord eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu abbażi ta’ kunsens reċiproku tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati.

[…]

9.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jikkoordina skont il-pjani ta’ implimentazzjoni nazzjonali u Ewropej l-użu ta’ applikazzjonijiet tal-IT interoperabbli jew soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu isiru disponibbli fil-ġejjieni, sabiex jittratta talbiet għal passaġġi ferrovjarji u l-operazzjoni tat-traffiku internazzjonali fuq il-kuritur tal-merkanzija.”

7

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 913/2010:

“Il-bord ta’ tmexxija għandu jikkoordina u jiżgura l-pubblikazzjoni f’post wieħed, b’mod u f’perijodu ta’ żmien xierqa, tal-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tax-xogħol kollu fuq l-infrastruttura u t-tagħmir tagħha li jkun jillimita l-kapaċità disponibbli fil-kuritur tal-merkanzija.”

8

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Il-bord ta’ tmexxija għal kuritur tal-merkanzija għandu jinnomina jew iwaqqaf korp konġunt biex l-applikanti jagħmlu talbiet u jirċievu tweġibiet, f’post wieħed u b’operazzjoni waħda, dwar kapaċità ta’ infrastruttura għal ferroviji tal-merkanzija li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda tul il-kuritur tal-merkanzija (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘punt ta’ waqfa waħda’).”

2.   Il-punt ta’ waqfa waħda għandu, bħala għodda ta’ koordinazzjoni, jipprovdi wkoll informazzjoni bażika rigward l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18. Huwa għandu juri l-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli fil-ħin tat-talba u l-karatteristiċi tagħha skont parametri definiti minn qabel, bħall-veloċità, it-tul, id-daqs tat-tagħbija jew it-tagħbija tal-fus awtorizzata, għal ferroviji li jiċċirkolaw fuq il-kuritur tal-merkanzija.

[…]”

9

L-Artikolu 14 tal-istess regolament jistipula:

“1.   Il-bord eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija b’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14[…].

2.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jevalwa l-ħtieġa għal kapaċità li għandha tiġi allokata lill-ferroviji tal-merkanzija li jgħaddu mill-kuritur tal-merkanzija b’kont meħud tal-istudju tas-suq dwar it-trasport imsemmi fl-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-Regolament, it-talbiet għall-kapaċità ta’ infrastruttura relatati mal-iskedi ta’ xogħol tal-imgħoddi u ta’ issa u l-ftehimiet qafas.

[…]

6.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jippromwovi l-koordinazzjoni ta’ regoli prijoritarji relatati mal-allokazzjoni ta’ kapaċità fil-kuritur tal-merkanzija.

[…]

9.   Il-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija u l-grupp konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 8(7) għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-aħjar koordinazzjoni tal-allokazzjoni ta’ kapaċità bejn il-ġesturi tal-infrastruttura, kemm għal talbiet kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) kif ukoll għal talbiet ippreżentati lill-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati. Dan għandu jqis wkoll l-aċċess għat-terminali.

[…]”

10

L-Artikolu 16(1) tal-istess regolament jistipula:

“Il-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-koordinazzjoni tat-tmexxija tat-traffiku tul il-kuritur tal-merkanzija. Il-bordijiet ta’ tmexxija ta’ kurituri tal-merkanzija konnessi għandhom jimplimentaw proċeduri biex jikkoordinaw it-traffiku tul kurituri tal-merkanzija ta’ dan it-tip.”

11

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 913/2010:

“Il-bord ta’ tmexxija għandu jfassal, jaġġorna regolarment u jippubblika dokument li jkun fih:

a)

l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dikjarazzjoni tan-netwerk għal netwerks nazzjonali rigward il-kuritur tal-merkanzija, imfassla skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14/[…];

[…]

c)

l-informazzjoni rigward il-proċeduri msemmijin fl-Artikoli 13 sa 17 ta’ dan ir-Regolament; u

[…]”

12

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Il-korpi regolatorji msemmijin fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14[…] għandhom jikkooperaw fl-issorveljar tal-kompetizzjoni fil-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-kuritur u għandhom ikunu l-korpi ta’ appell previsti fl-Artikolu 30(2) ta’ dik id-Direttiva. Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa miksuba mill-ġesturi tal-infrastruttura u partijiet rilevanti oħrajn.

[…]

3.   Fil-każ li jkun hemm ilment lil korp regolatorju minn applikant rigward servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, jew fil-qafas ta’ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess, dan il-korp regolatorju għandu jikkonsulta lill-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kollha li minnhom tgħaddi l-mogħdija ferrovjarja internazzjonali tal-ferroviji tal-merkanzija u jitlobhom l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

[…]”

Id-Direttiva 2012/34

13

Il-punti 2, 19 u 26 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34 jistipula:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

‘maniġer tal-infrastruttura’ tfisser kull korp jew ditta responsabbli b’mod partikolari biex tistabbilixxi, timmaniġġja u żżomm l-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar; il-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura f’netwerk jew f’parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti;

[…]

19)

‘applikant’ tfisser impriża ferrovjarja jew grupp internazzjonali ta’ impriżi ferrovjarji jew persuni jew entitajiet legali oħrajn, bħal awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1)] u shippers, forwarders tal-merkanzija u operaturi tat-trasport ikkumbinat, b’interess tas-servizz pubbliku jew b’interess kummerċjali fil-forniment tal-kapaċità tal-infrastuttura;

[…]

26)

‘dikjarazzjoni dwar in-netwerk’ tfisser id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tqegħid ta’ piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura;”

14

L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva jistipula:

“1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li għandha tkun tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ tariffa li ma tistax taqbeż l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tkun ippubblikata f’mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku fuq il-portal tal-internet tal-maniġer tal-infrastruttura u aċċessibbli permezz ta’ portal tal-internet komuni. Dak il-portal tal-internet għandu jiġi stabbilit mill-maniġers tal-infrastruttura fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom skont l-Artikoli37 u 40.

2.   Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, u tiġbor fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja rilevanti. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun fiha wkoll informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi konnessi man-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura u għall-forniment tas-servizzi f’dawn il-faċilitajiet jew tindika sit tal-internet fejn tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk huwa stipulat fl-Anness IV.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 39(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jistipulaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura suġġetta għall-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4. Għandhom jiġu stipulati regoli speċifiċi għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq il-proċessi tal-allokazzjoni tal-kapaċità. B’mod partikolari, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiżgura li l-kapaċità tal-infrastruttura tiġi allokata b’mod ġust u nondiskriminatorju u skont il-liġi tal-Unjoni.”

16

L-Artikolu 40(1) tal-istess direttiva jispeċifika:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jikkooperaw biex jippermettu l-ħolqien u l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura li taqsam aktar minn netwerk wieħed tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, inkluż taħt ftehimiet qafas imsemmija fl-Artikolu 42. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jistabbilixxu dawk il-proċeduri li huma xierqa, suġġett għar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u għandhom jorganizzaw mogħdijiet tal-ferrovija li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed kif jixraq.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-maniġers tal-infrastruttura li d-deċiżjonijiet tal-allokazzjoni tagħhom għandhom impatt fuq maniġers tal-infrastruttura oħrajn jingħaqdu sabiex tiġi kkoordinata l-allokazzjoni ta’, jew sabiex tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura kollha rilevanti fuq livell internazzjonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi miġbura fil-liġi tal-Unjoni dwar in-netwerks orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Il-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti skont din il-kooperazzjoni għandhom jiġu ppubblikati mill-maniġers tal-infrastruttura fid-dikjarazzjoni tan-netwerk tagħhom b’konformità mal-paragrafu 3 tal-Anness IV. Rappreżentati xierqa ta’ maniġers tal-infrastruttura minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu assoċjati ma’ dawn il-proċeduri.”

17

L-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi korp regolatorju nazzjonali wieħed għas-settur ferrovjarju. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dan il-korp għandu jkun awtorità indipendenti li, f’termini organizzattivi, funzjonali, ġerarkiċi u ta’ teħid ta’ deċiżjoni, hija legalment distinta u indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Il-korp għandu jkun ukoll indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull maniġer, korp tat-tqegħid tal-imposti, korp tal-allokazzjoni jew minn kull applikant. Barra minn hekk, għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.”

18

Skont l-Artikolu 56(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:

a)

id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fil-verżjonijiet proviżorji u finali tagħha;

b)

il-kriterji stabbiliti fiha;

c)

il-proċess tal-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;

d)

l-iskema tat-tqegħid tal-imposti;

e)

il-livell jew l-istruttura tal-imposti infrastrutturali li hu meħtieġ iħallas jew li jista’ jkun meħtieġ iħallas;

f)

l-arranġamenti għall-aċċess skont l-Artikoli 10 sa 13;

g)

l-aċċess u t-tqegħid ta’ imposti għas-servizzi skont l-Artikolu 13

2.   Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jimmonitorja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji u għandu, b’mod partikolari, jikkontrolla l-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti.”

19

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi s-segwenti:

“Il-korpi regolatorji għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar xogħolhom u l-prinċipji u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u, b’mod partikolari, jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwestjonijiet prinċipali tal-proċeduri u l-problemi ta’ interpretazzjoni tagħhom tal-liġi dwar il-ferroviji tal-Unjoni trasposta. Huma għandhom jikkooperaw xort’oħra għall-iskop tal-koordinazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom mal-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, għandhom jipparteċipaw u jaħdmu flimkien f’netwerk li jiltaqa’ f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni għandha tkun membru, tikkoordina u tappoġġja l-ħidma tan-netwerk u tagħmel rakkomandazzjonijiet lin-netwerk, skont kif jixraq. Hija għandha tiżgura kooperazzjoni attiva tal-korpi regolatorji xierqa.”

20

L-Artikolu 65 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Id-Direttivi 91/440[…], 95/18/KE [Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad‑19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2)] kif emendati bid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness IX huma mħassra b’effett mis‑17 ta’ Ġunju 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness IX fil-liġi nazzjonali.

Referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni mogħtija fl-Anness X.”

21

Skont l-Anness IV tad-Direttiva 2012/34:

“Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 għandu jkollha din l-informazzjoni:

[…]

3)

Taqsima dwar il-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Din għandha tistabbilixxi l-kapaċità ġenerali tal-karatteristiċi tal-infrastruttura li hija disponibbli għall-impriżi ferrovjarji […]. Għandha wkoll tispeċifika l-proċeduri u t-termini li jirrelataw mal-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Għandu jkun fiha kriterji speċifiċi li jintużaw waqt dak il-proċess, partikolarment:

a)

il-proċeduri li bihom l-applikanti jistgħu jitolbu l-kapaċità mingħand il-maniġer tal-infrastruttura mill-kandidati;

b)

ir-rekwiżiti li jirregolaw l-applikanti;

[…]

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

L-AEG

22

L-Artikolu 14(1) tal-Allgemeines Eisenbahngesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Linji tal-Ferrovija) tas‑27 ta’ Diċembru 1993, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AEG”), jistipula:

“L-impriżi ta’ infrastruttura ferrovjarja għandhom jiżguraw użu nondiskriminatorju tal-infrastrutturi li huma jiġġestixxu kif ukoll il-provvista mingħajr diskriminazzjoni tas-servizzi li huma joffru sa fejn huwa stabbilit mir-regolament adottat abbażi tal-punti 6 u 7 tal-Artikolu 26(1) u tal-punt 4 tal-paragrafu 4. […]”

23

Skont l-Artikolu 14d tal-AEG:

“L-impriżi pubbliċi ta’ infrastruttura ferrovjarja għandhom jinfurmaw lill-korpi regolatorji bil-

[…]

6.

il-proposta ta’ reviżjoni jew ta’ emenda tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk u tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-installazzjonijiet ta’ servizz, inkluż il-prinċipji u l-ammonti ta’ imposti rispettivi ppjanati. […]”

[…]”

24

L-Artikolu 14e ta’ din il-liġi jistipula:

“(1)   Wara li jirċievi notifika b’mod konformi mal-Artikolu 14d, il-korp regolatorju jista’ jopponi r-reviżjoni jew l-emenda proposta b’mod konformi mal-punt 6 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14d f’terminu ta’ […] erba’ ġimgħat, bil-kundizzjoni li d-deċiżjonijiet ippjanati ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. […]

[…]

(3)   Jekk il-korp regolatorju jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ oppożizzjoni, […]

2.

id-dikjarazzjoni tan-netwerk jew il-kundizzjonijiet għall-użu tal-installazzjonijiet ta’ servizz, inklużi l-prinċipji u l-ammonti ta’ tariffi previsti, ma għandhomx jidħlu fis-seħħ fil-każ previst fil-punt 4 tal-paragrafu 1. […]”

L-EIBV

25

L-Artikolu 3(1) tal-Eisenbahninfrastruktur-Benutzungsverordnung (ir-Regolament dwar l-Użu tal-Infrastruttura Ferrovjarja) tat‑3 ta’ Ġunju 2005, BGBl 2005 I, p. 1566, iktar ’il quddiem l-“EIBV”), jistipula:

“L-impriżi tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jippermettu użu mhux diskriminatorju tal-faċilitajiet ta’ servizz li huma joperaw u jipprovdu mingħajr diskriminazzjoni s-servizzi assoċjati u s-servizzi deskritti fil-punt 2 tal-Anness 1, jekk jagħmlu parti mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Il-ġestjonarji tal-linji tal-ferrovija huma barra minn hekk obbligati li jagħmlu disponibbli l-mogħdijiet tal-ferrovija li joperaw, is-sistemi ta’ swiċċjar u tas-sigurtà kif ukoll l-installazzjonijiet relatati mal-provvista permezz ta’ tubu, li jallokaw mogħdijiet tal-ferrovija skont dan ir-regolament u li jipprovdu s-servizzi deskritti fil-punt 1 tal-Anness 1.”

26

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“(1)   Il-ġestjonarju ta’ linji tal-ferrovija għandu jistabbilixxi u […] jikkomunika l-kundizzjonijiet għall-użu (kundizzjonijiet ta’ dikjarazzjoni dwar in-network) applikabbli għall-provvista tas-servizzi msemmija fil-punt 1 tal-Anness 1. Fuq talba tal-benefiċċjarji tal-aċċess, il-ġestjonarju tal-linji tal-ferrovija għandu jibgħatilhom, bi spejjeż tagħhom, id-dikjarazzjoni dwar in-network.

(2)   Id-dikjarazzjoni dwar in-network għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Anness 2 u fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu tal-mogħdijiet ferrovjarji. Il-lista tat-tariffi ma tagħmilx parti mid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.

[…]”

27

Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament:

“Il-benefiċjarji tal-aċċess jistgħu f’kull ħin jitolbu mogħdijiet tal-ferrovija lill-ġestjonarju tal-linji tal-ferrovija, sakemm dan ir-regolament ma jipprovdix mod ieħor. […]”

28

L-Anness 1 tal-istess regolament jipprevedi:

“1. Is-servizzi obbligatorji tal-ġestjonarju tal-linji ferrovjarji jinkludu:

a)

l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal mogħdijiet ferrovjarji;

[…]”

29

L-Anness 2 tal-EIBV jispeċifika:

“Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 4 tinkludi l-informazzjoni segwenti:

[…]

3. Il-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità ferrovjarja. Għandha tingħata informazzjoni dwar il-karatteristiċi ġenerali tal-kapaċità tal-linji tal-ferrovija li hija disponibbli għall-benefiċċjarji tal-aċċess kif ukoll kull restrizzjoni relatata mal-użu tagħha, inkluż il-ħtieġa ta’ kapaċità x’aktarx meħtieġa għall-manutenzjoni. Għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar il-proċess u t-termini tal-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastrutturi ferrovjarji, b’mod partikolari

a)

il-proċedura li biha applikanti li jibbenefikaw mill-aċċess jistgħu jitolbu l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet ferrovjarji mingħand l-operatur tal-linji tal-ferrovija;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30

DB Netz, sussidjarja 100 % tal-grupp Deutsche Bahn AG, hija impriża pubblika ta’ infrastruttura ferrovjarja li topera l-ikbar netwerk ferrovjarju tal-Ġermanja.

31

Bħala ġestjonarju tal-infrastruttura, DB Netz hija obbligata, skont id-dritt Ġermaniż, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u (2), u t-tielet sentenza tal-punt 3(a) tal-Anness 2 tal-EIBV, li timplimenta l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, li tistabbilixxi u tippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk, li tinkludi informazzjoni dwar l-iżvolġiment u t-termini tal-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura ferrovjarja, b’mod partikolari l-proċedura għall-preżentazzjoni mill-benefiċjarji tal-aċċess tal-applikazzjonijiet għal mogħdijiet ferrovjarji mill-ġestjonarju tal-ferrovija.

32

DB Netz tipparteċipa, barra minn hekk, fl-operat ta’ kurituri tal-merkanzija fuq livell Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 913/2010, fejn sitta minn dawn il-kurituri huma kkonċernati min-netwerk ferrovjarju ta’ DB Netz. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, din hija responsabbli, flimkien mal-ġestjonarji l-oħra tal-infrastruttura kkonċernata minn kull kurituri tal-merkanzija inkwistjoni, li tistabbilixxi bord ta’ tmexxija, li jipparteċipa fit-tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija inkwistjoni u li għandu l-kompetenza li jagħżel u li joħloq punt ta’ waqfa waħda għal kull kuritur tal-merkanzija inkwistjoni, li jippermetti lill-utenti ta’ dan tal-aħħar jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal kapaċitajiet tal-infrastruttura f’post wieħed u f’operazzjoni waħda, għall-ferroviji tagħhom ta’ merkanzija transkonfinali. Il-bord ta’ tmexxija għandu jistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiżgura koordinazzjoni bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u jipprepara u jippubblika dokument imsejjaħ “Corridor Information Document (CID)”, li jinkludi l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-użu tal-kuritur tal-merkanzija kkonċernat. Fil-prattika tal-kurituri tal-merkanzija kollha li fihom DB Netz hija preżenti, il-proċedura ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet quddiem il-punt ta’ waqfa waħda tuża s-sistema ta’ riżervazzjoni elettronika msejħa “Path Coordination System” (Sistema ta’ Koordinazzjoni tal-Mogħdijiet Ferrovjarji) (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ riżervazzjoni PCS”).

33

Matul l-2015, il-bordijiet ta’ tmexxija tal-kurituri tal-merkanzija li fihom ipparteċipat DB Netz iddeċidew li l-applikazzjonijiet għal kapaċitajiet tal-infrastruttura għall-mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali stabbiliti minn qabel ma jistgħux jiġu mressqa fil-punt ta’ waqfa waħda ta’ kull kuritur ta’ trasport ta’ merkanzija ħlief bl-għajnuna tas-sistema ta’ riżervazzjoni PCS. Dawn ir-regoli ġew ippubblikati fil-Ktieb 4 taċ-CID.

34

Fil‑31 ta’ Awwissu 2015, DB Netz innotifikat lill-Aġenzija Federali tan-Netwerks, kompetenti bħala korp nazzjonali regolatorju, fis-sens tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34, abbozz ta’ emenda tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tagħha għall-2016. Din l-emenda kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura, fuq mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel fil-kurituri tal-merkanzija skont ir-Regolament Nru 913/2010, quddiem il-punt ta’ waqfa waħda kompetenti. L-emenda prevista kienet intiża, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet tal-infrastruttura, sabiex tippermetti biss l-użu tas-sistema ta’ riżervazzjoni PCS, billi tneħħi l-possibbiltà li tintuża formula ta’ applikazzjoni f’każ ta’ nuqqas tekniku ta’ din is-sistema. L-emenda kienet motivata b’mod partikolari mill-fatt li r-regoli għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet adottati u ppubblikati mill-bordijiet ta’ tmexxija tal-kurituri tal-merkanzija ma kinux jipprevedu l-użu ta’ tali formola.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2015, l-Aġenzija Federali tan-Netwerks opponiet, abbażi tal-Artikolu 14(1) tal-AEG, għall-abbozz ta’ emenda tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-2016 ippreżentat minn DB Netz u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2016, hija ċaħdet l-ilment imressaq minn dan il-ġestjonarju. Hija mmotivat ir-rifjut tagħha minħabba li l-emenda proposta, intiża għat-tneħħija tal-possibbiltà li tintuża soluzzjoni alternattiva, fil-każ ta’ nuqqas tekniku tas-sistema ta’ riżervazzjoni PCS, kienet tmur kontra l-obbligu ta’ DB Netz, li jirriżulta mill-applikazzjoni magħquda tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-AEG, kif ukoll tal-Artikolu 3(1) u tal-punt 1 tal-Anness 1 tal-EIBV, li tiggarantixxi l-użu mhux diskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja li hija topera kif ukoll il-provvista mhux diskriminatorja tas-servizzi obbligatorji li hija tipproponi, inkluż it-trattament tal-applikazzjonijiet għal mogħdijiet ferrovjarji.

36

Fil‑15 ta’ Marzu 2016, DB Netz ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Aġenzija Federali tan-Netwerks. Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ April 2018, billi segwiet, essenzjalment, l-argumenti ta’ din l-aġenzija.

37

DB Netz appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju li tistaqsi jekk l-Aġenzija Federali tan-Netwerks kinitx ġustament oġġezzjonat għall-emenda tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-2016 prevista minn DB Netz.

38

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Aġenzija Federali tan-Netwerks kellha raġunijiet suffiċjenti sabiex tippreżupponi li l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura quddiem il-punt ta’ waqfa waħda msemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 913/2010, irregolata mill-punt 4.2.5.1 tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-2016, kienet toħloq diskriminazzjoni possibbli fl-assenza ta’ soluzzjoni alternattiva fil-każ ta’ funzjonament ħażin tekniku tas-sistema ta’ riżerva PCS.

39

Madankollu, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk din il-proċedura tistax, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-EIBV, flimkien mal-punt (a) tat-tielet sentenza tal-punt 3 tal-Anness 2 tagħha, tiġi rregolata minn DB Netz fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tagħha u b’hekk tiġi suġġetta għall-kontroll eżawrjenti tal-Aġenzija Federali tan-Netwerks, jew jekk il-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija kkonċernat huwiex esklużivament kompetenti f’dan il-qasam. Sa fejn l-Artikolu 4(1) u (2) tal-EIBV, flimkien mat-tielet sentenza (a) tal-punt 3 tal-Anness 2 tiegħu, huwa intiż sabiex jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34, flimkien mal-punt 3 (a) tal-Anness IV tagħha, ikun determinanti li jsir magħruf jekk il-proċedura għall-preżentata ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fl-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

40

Fit-tieni lok, fil-każ li din il-proċedura jkollha, effettivament, tiġi rregolata wkoll minn DB Netz fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-korp nazzjonali regolatorju għandux, waqt il-verifika ta’ tali dokument, fis-sens tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, li jipprevedi kooperazzjoni mill-korpi nazzjonali regolatorji, u, fl-affermattiv, jekk dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jeskludix kull azzjoni unilaterali jew jirrikjedix li l-korp nazzjonali regolatorju jkun marbut tal-inqas li jfittex approċċ ikkoordinat. Fil-każ li dan l-Artikolu 20 ma jkunx applikabbli, din il-qorti tistaqsi dwar jekk obbligu paragunabbli ta’ kooperazzjoni jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u, b’mod partikolari, minn dawk tal-Artikolu 57 tagħha. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li, fil-każ ta’ assenza ta’ koordinazzjoni f’dan il-qasam, rekwiżiti kontradittorji min-naħa tal-korpi nazzjonali regolatorji jistgħu jirrendu iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, it-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 913/2010, jiġifieri l-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura f’post wieħed u f’operazzjoni waħda.

41

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fil-każ fejn il-bord ta’ tmexxija ta’ kuritur tal-merkanzija huwa awtorizzat jistabbilixxi huwa stess il-proċedura għal preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet quddiem il-punt ta’ waqfa waħda, huwa dubjuż li l-Aġenzija Federali tan-Netwerks tista’ tipproċedi b’verifika tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-2016 ta’ DB Netz lil hinn mill-konformità materjali tar-regoli adottati minn dan il-bord.

42

Fir-raba’ lok, fil-każ li l-korpi nazzjonali regolatorji jkollhom il-kompetenza sabiex iwettqu tali verifika, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tiċċara l-importanza tal-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija stabbilit, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010, mill-bord eżekuttiv ta’ kuritur tal-merkanzija. Hija tistaqsi dwar il-mod kif huma artikolati, minn naħa, il-fatt li l-bordijiet eżekuttivi tal-kurituri tal-merkanzija kkonċernati, f’dan il-każ, ipprevedew fl-Artikolu 8(2) tal-qafas regolamentari tagħhom li l-kapaċitajiet tal-kuritur tal-merkanzija kkonċernat għandhom jiġu ppubblikati u attribwiti bl-għajnuna ta’ sistema internazzjonali ta’ applikazzjonijiet li għandha tiġi kkoordinata mal-kurituri l-oħra tal-merkanzija, jiġifieri mas-sistema ta’ riżervazzjoni PCS, u, min-naħa l-oħra, l-azzjoni unilaterali tal-Aġenzija Federali tat-Networks li hija intiża li timponi fuq DB Netz rekwiżiti dwar it-tfassil tas-sistema ta’ applikazzjonijiet ta’ kapaċitajiet ta’ infrastruttura mingħajr koorodinazzjoni mal-korpi regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, f’dan ir-rigward, dwar in-natura ġuridika u l-effett vinkolanti tal-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010, u tistaqsi jekk dan il-qafas huwiex suġġett għall-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tal-Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ir-Regolament […] Nru 913/2010, għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti mogħtija lill-bord ta’ tmexxija ta’ kuritur tal-merkanzija mill-Artikolu 13(1), mill-Artikolu 14(9) u mill-Artikolu 18(c) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li l-bord ta’ tmexxija ta’ kuritur tal-merkanzija għandu l-kompetenza li jiddetermina huwa stess il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura quddiem dak li l-Artikolu 13(1) [tal-imsemmi] Regolament isejjaħ punt ta’ waqfa waħda, inkluż, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, ir-rekwiżit li tintuża b’mod esklużiv l-għodda elettronika sabiex isiru riżervazzjonijiet, jew din il-proċedura għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fl-Artikolu 27(1) u (2) [tad-Direttiva 2012/34], ikkunsidrati flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV [ta’ din tal-aħħar], b’tali mod li din il-proċedura tista’ tiġi rregolata biss mill-ġestjonarji tal-infrastruttura li jipparteċipaw f’kuritur tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk rispettiva tagħhom?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li l-proċedura msemmija [f’din l-ewwel domanda] tista’ tiġi rregolata biss fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-ġestjonarji tal-infrastruttura li jipparteċipaw f’kuritur tal-merkanzija, il-verifika tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk minn korp regolatorju nazzjonali għandha għalhekk titwettaq skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 jew inkella għandha tkun irregolata esklużivament mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħha?

a)

Fil-każ li l-verifika għandha titwettaq skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li korp regolatorju nazzjonali joġġezzjona għal regola fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, mingħajr ma jaġixxi flimkien u essenzjalment b’mod koerenti mal-korpi regolatorji tal-Istati Istati [Membri barra dak ikkonċernat] li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija jew minn tal-inqas mingħajr ma jikkonsulta magħhom minn qabel sabiex jiġi adottat approċċ komuni?

b)

Sa fejn il-verifika għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34[…] u mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħha, huwa kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u b’mod partikolari mal-obbligu ġenerali ta’ koordinazzjoni previst fit-tieni sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva, li korp regolatorju nazzjonali joġġezzjona għal tali regola mingħajr ma jaġixxi flimkien u essenzjalment b’mod koerenti mal-korpi regolatorji tal-Istati [Membri barra dak ikkonċernat] li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija jew minn tal-inqas mingħajr ma jikkonsulta magħhom minn qabel sabiex jiġi adottat approċċ komuni?

3)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li l-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija għandu l-kompetenza li jiddetermina huwa stess il-proċedura msemmija [f’din id-domanda], korp regolatorju nazzjonali huwa awtorizzat, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 jew mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u mad-dispożizzjonijiet legali adottati għall-implimentazzjoni tagħha, jivverifika d-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ta’ ġestjonarju tal-infrastruttura b’mod li jmur lil hinn mill-konformità sostantiva tagħha mal-proċedura stabbilita mill-bord ta’ tmexxija u, jekk ikun il-każ, joġġezzjona għaliha, f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ta’ ġestjonarju tal-infrastruttura jkun fiha r-regoli li japplikaw għal din il-proċedura? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema hija r-risposta li għandha tingħata [għat-tieni domanda] fid-dawl ta’ din il-kompetenza tal-korp regolatorju?

4)

Sa fejn, fuq il-bażi tad-domandi preċedenti, il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom il-kompetenza li jivverifikaw il-proċedura msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qafas regolatorju stabbilit skont din id-dispożizzjoni mill-bord eżekuttiv jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni li jorbot lill-korpi regolatorji nazzjonali u lill-qrati nazzjonali, jipprevali fuq id-dritt nazzjonali u huwa suġġett għal interpretazzjoni definittiva u vinkolanti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja?

5)

Fil-każ li r-raba’ domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjoni adottata skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 mill-bordijiet eżekuttivi tal-kurituri tal-merkanzija kollha taħt l-Artikolu 8(2) tal-qafas regolatorju kkonċernat, li tipprovdi li l-kapaċità tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija għandha tiġi ppubblikata u allokata permezz ta’ sistema internazzjonali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, li sa fejn ikun possibbli għandha tiġi kkoordinata mal-kurituri l-oħra tal-merkanzija, tipprekludi d-deċiżjoni ta’ korp regolatorju nazzjonali li tissuġġetta lil ġestjonarju tal-infrastruttura li jipparteċipa fil-kuritur tal-merkanzija għal rekwiżiti, fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tiegħu, marbuta mat-tfassil ta’ din is-sistema għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, liema rekwiżiti ma kinux ikkoordinati mal-korpi regolatorji nazzjonali tal-Istati [Membri barra dak ikkonċernat] li jipparteċipaw fil-kurituri tal-merkanzija?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

44

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(9) u l-Artikolu 18(c) tar-Regolament Nru 913/2010 kif ukoll l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti sabiex tadotta r-regoli applikabbli għall-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura, inkluż fir-rigward tal-użu esklużiv ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika speċifika, mal-punt ta’ waqfa waħda previst f’dan l-Artikolu 13(1), huwa l-bord ta’ tmexxija, stabbilit skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, jew il-ġestjonarju tal-infrastruttura nazzjonali, kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3tal-imsemmija direttiva.

45

Peress li din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 913/2010 u tad-Direttiva 2012/34, għandu, preliminarjament, jiġi enfasizzat li mill-premessa 7 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, l-imsemmi regolament għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi tal-ġestjonarji tal-infrastruttura previsti mid-Direttivi 91/440 u 2001/14. Sa fejn id-Direttiva 2012/34 ħassret dawn iż-żewġ direttivi u li, skont l-Artikolu 65 tagħha, ir-riferimenti magħmula għall-imsemmija direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-Direttiva 2012/34, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 913/2010 għandhom, għaldaqstant, jinqraw fid-dawl ta’ din l-aħħar direttiva, sakemm ma jipprovdux mod ieħor.

46

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, hemm lok, konsegwentement, li jiġi eżaminat ir-rwol li r-Regolament Nru 913/2010 jattribwixxi lill-bord ta’ tmexxija tal-kurituri tal-merkanzija filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 dwar il-kompiti mogħtija lill-ġestjonarji tal-infrastruttura.

47

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati mhux biss skont il-kliem tagħhom imma wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li dawn jagħmlu parti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, De Ruiter, C‑361/19, EU:C:2021:71, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 913/2010 u tad-Direttiva 2012/34, l-ewwel, mill-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, għal kull kuritur tal-merkanzija, il-ġestjonarji tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jistabbilixxu bord ta’ tmexxija, li huwa kompost minn rappreżentanti ta’ tali ġestjonarji, responsabbli li jieħu miżuri kif previst espressament, b’mod partikolari, f’dan l-dan l-Artikolu 8(9), fl-Artikolu 12, fl-Artikolu 13(1), fl-Artikolu 14(2), (6) u (9), fl-Artikolu 16(1) kif ukoll fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament.

49

B’hekk, qabel kollox, skont l-Artikolu 8(9) u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 913/2010, il-bord ta’ tmexxija, minn naħa, għandu jikkoordina, skont il-pjanijiet nazzjonali u Ewropej ta’ installazzjoni, l-użu tal-applikazzjonijiet informatiċi interoperabbli jew ta’ soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jsiru disponibbli fil-futur, sabiex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal mogħdijiet internazzjonali u li jiġġestixxi t-traffiku internazzjonali fuq il-kuritur tal-merkanzija, u, min-naħa l-oħra, jikkoordina u jiżgura l-pubblikazzjoni tal-programmazzjoni tax-xogħlijiet kollha li għandhom jitwettqu fuq l-infrastruttura u t-tagħmir tiegħu li jirrestrinġi l-kapaċità disponibbli fuq il-kuritur tal-merkanzija.

50

Insegwitu, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 913/2010, il-bord ta’ tmexxija għandu jaħtar jew joħloq punt ta’ waqfa waħda, li jikkonsisti f’korp komuni li jagħti lill-applikanti l-possibbiltà li jagħmlu applikazzjonijiet, u jirċievu tweġiba għalihom, f’post wieħed u b’operazzjoni waħda, dwar il-kapaċitajiet ta’ infrastruttura għal ferroviji tal-merkanzija li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda tul il-kuritur tal-merkanzija. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 14(2), (6) u (9), kif ukoll l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, il-bord ta’ tmexxija għandu jevalwa l-ħtiġijiet ta’ kapaċitajiet li għandhom jiġu allokati lill-ferroviji tal-merkanzija li jiċċirkolaw fuq il-kuritur tal-merkanzija, jippromwovi l-koordinazzjoni tar-regoli ta’ prijorità dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet fuq tali kuritur, jistabbilixxi proċeduri sabiex jiżgura koordinazzjoni ottimali bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura għall-allokazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet, kemm għall-applikazzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 13(1) kif ukoll għall-applikazzjonijiet rċevuti mill-ġestjonarji tal-infrastruttura kkonċernata, kif ukoll li jimplimenta proċeduri ta’ koordinazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tul l-imsemmija kurituri.

51

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 913/2010 jirriżulta li l-kumitat ta’ tmexxija jistabbilixxi, jaġġorna u jippubblika dokument li jinkludi, essenzjalment, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-użu tal-kuritur tal-merkanzija inkluż, kif jirriżulta mill-punti (a) u (c) ta’ dan l-artikolu, l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerks nazzjonali li jirrigwardaw il-kuritur tal-merkanzija, redatti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 13 sa 17 ta’ dan ir-regolament.

52

B’hekk, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 913/2010 imsemmija fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jispeċifika b’mod espress il-miżuri li l-bord ta’ tmexxija huwa responsabbli li jieħu u, min-naħa l-oħra, li dan il-kumitat għandu, essenzjalment, rwol ta’ koordinazzjoni li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura, l-informazzjoni disponibbli f’dan ir-rigward kif ukoll ċerti aspetti tal-applikazzjonijiet għal tali kapaċitajiet.

53

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jindikaw li r-rwol tal-imsemmi bord jista’ jwassal sabiex dan ikun jista’ jiddetermina l-proċedura ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal riżervazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura f’punt ta’ waqfa waħda.

54

It-tieni, fir-rigward tal-kompiti mogħtija lill-ġestjonarju tal-infrastruttura mid-Direttiva 2012/34, minn naħa, mill-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li kull ġestjonarju tal-infrastruttura għandu jirrediġi u jippubblika d-dikjarazzjoni dwar in-netwerk nazzjonali u, min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva, tali dikjarazzjoni tinkludi l-proċeduri għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet quddiem il-ġestjonarju tal-infrastruttura mill-applikanti.

55

B’hekk, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 jirriżulta li l-adozzjoni tar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura, bħal dawk ippreżentati quddiem il-punt ta’ waqfa waħda għall-ferroviji ta’ merkanzija li tgħaddi minn tal-inqas fruntiera tul il-kuritur tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 913/2010, taqa’ taħt il-kompetenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura.

56

Fit-tieni lok, l-eżami tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 913/2010 u tad-Direttiva 2012/34 jikkonferma l-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 52 u 55 ta’ din is-sentenza.

57

L-ewwel, kif tindika l-premessa 26 tal-imsemmi regolament, ir-rekwiżit li l-bord ta’ tmexxija jirrediġi, jaġġorna u jippubblika d-dokument imsemmi fl-Artikolu 18 tal-istess regolament huwa intiż li jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni, li tinsab b’mod partikolari fid-dikjarazzjonijiet tan-netwerks nazzjonali u dwar l-użu tal-infrastruttura prinċipali kollha tal-kuritur tal-merkanzija, kif ukoll sabiex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għal dan il-kuritur.

58

Minn dan isegwi, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan id-dokument huwa ta’ natura informattiva.

59

It-tieni nett, l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34 jagħti lill-korp regolatorju stabbilit konformement mal-Artikolu 55(1) ta’ din id-direttiva, li huwa awtorità awtonoma u indipendenti, is-setgħa li jivverifika, b’mod partikolari, jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, iddefinita fil-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, tinkludix klawżoli diskriminatorji jew tagħti lill-ġestjonarju tal-infrastruttura setgħat diskrezzjonali li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-applikanti. B’hekk minn tali kontroll tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk jirriżulta li huwa effettivament il-ġestjonarju tal-infrastruttura, li għandu jirrediġi u jippubblika din id-dikjarazzjoni, u mhux il-bord ta’ tmexxija, li għandu jiddetermina l-proċedura għall-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet tal-infrastruttura ppreżentati mill-applikanti.

60

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 27(1) u (2) kif ukoll tal-Anness IV tad-Direttiva 2012/34, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kwalunkwe applikazzjoni għal kapaċitajiet tal-infrastruttura għandha, skont din id-direttiva, tiġi ppreżentata quddiem il-ġestjonarju tal-infrastruttura minn impriża ferrovjarja konformement mad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imfassla minnu u għandha tissodisfa l-prinċipji u l-kriterji li jkunu jinsabu f’din id-dikjarazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019 (C‑388/17, EU:C:2019:161, punt 38).

61

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 913/2010, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2012/34, mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u l-organizzazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv bil-għan li jinħoloq netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv kif ukoll ir-regoli ta’ selezzjoni, ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kurituri tal-merkanzija.

62

F’dan ir-rigward, kif tindika l-premessa 4 tar-Regolament Nru 913/2010, sabiex jiġi ottimizzat l-użu tan-netwerk u tiġi żgurata l-affidabbiltà tiegħu, dan ir-regolament jintroduċi proċeduri ġodda sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet internazzjonali għall-ferroviji tal-merkanzija bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura.

63

Issa, għalkemm huwa minnu li tali kooperazzjoni bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura fil-kuntest ta’ kuritur tal-merkanzija tista’ tiġi ggarantita biss fi ħdan il-bord ta’ tmexxija, responsabbli, b’mod partikolari, li jistabbilixxi r-regoli intiżi għall-implimentazzjoni ta’ punt ta’ waqfa waħda għal kull kuritur tal-merkanzija, minn dan ma jirriżultax madankollu li tali kumitat ta’ tmexxija huwa kompetenti sabiex jiddetermina b’mod speċifiku l-proċedura ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura. Fil-fatt, tali kompetenza tirriskja li tippreġudika l-kompiti tal-ġestjonarji tal-infrastruttura, previsti mid-Direttiva 2012/34, li jmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 913/2010, li josserva, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, id-drittijiet u l-obbligi li din id-direttiva tattribwixxi lill-ġestjonarji tal-infrastruttura.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ DB Netz li dan l-għan ta’ kooperazzjoni jista’ jiġi kompromess jekk il-ġestjonarji tal-infrastruttura kienu kompetenti sabiex jirregolaw il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tagħhom, għaliex tali kompetenza timplika riskju ta’ regoli inkoerenti li jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet differenti dwar in-netwerks nazzjonali.

65

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura prevista fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, li tinkludi, b’mod partikolari, dik dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fil-punt ta’ waqfa waħda, tirrifletti preċiżament il-kooperazzjoni bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2012/34. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, sabiex jiġi ggarantit l-għan ta’ kooperazzjoni tal-ġestjonarji tal-infrastruttura, jidher neċessarju li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 913/2010 dwar ir-rwol tal-bord ta’ tmexxija, eżaminati fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, fis-sens li huwa dan tal-aħħar li għandu jiżgura li d-dikjarazzjoni dwar in-netwerks nazzjonali ma jinkludux regoli kontradittorji.

66

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(9) u l-Artikolu 18(c) tar-Regolament Nru 913/2010 kif ukoll l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġestjonarju tal-infrastruttura, iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, huwa l-awtorità kompetenti sabiex jadotta, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk nazzjonali, ir-regoli applikabbli għall-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura, inkluż fir-rigward tal-użu esklużiv ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika speċifika, mal-punt ta’ waqfa waħda previst f’dan l-Artikolu 13(1).

Fuq it-tieni domanda

67

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-verifika minn korp nazzjonali regolatorju tar-regoli dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fil-punt ta’ waqfa waħda previsti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk hijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 jew inkella mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34, b’mod partikolari dawk tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva, u jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-korp regolatorju ta’ Stat Membru huwa f’pożizzjoni li jopponi dawn ir-regoli mingħajr ma jikkopera mal-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija jew, għall-inqas, mingħajr ma jikkonsultawhom minn qabel sabiex jintlaħaq approċċ komuni.

68

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (3) tar-Regolament Nru 913/2010 jirriżulta, essenzjalment, li l-korpi regolatorji jikkooperaw u jikkonsultaw lil xulxin sabiex jissorveljaw il-kompetizzjoni fuq il-kuritur tal-merkanzija sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, aċċess nondiskriminatorju għal dan il-kuritur.

69

Barra minn hekk, l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi kontroll tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, imwettaq mill-korp regolatorju fuq inizjattiva tiegħu stess, “bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti”, li jispeċifika li dan il-korp “[g]ħandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji”. F’dan ir-rigward, bħal fir-rigward tal-kompetenzi kollha attribwiti lilhom u li jinkludu setgħa deċiżjonali, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-korpi regolatorji jikkooperaw sabiex jikkoordinaw il-proċessi deċiżjonali tagħhom fl-Unjoni kollha.

70

Minn dan isegwi li l-kontroll ta’ dikjarazzjoni dwar in-netwerk, imwettaq minn korp regolatorju sabiex jipprevjeni trattament diskriminatorju, minn naħa, jista’ jaqa’ kemm fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 kif ukoll f’dawk tal-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34. Min-naħa l-oħra, kemm l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2012/34 jimponu, f’tali każ, kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji. Madankollu, fil-każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn dan il-kontroll jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura ta’ kuritur tal-merkanzija, il-korpi regolatorji għandhom jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ kooperazzjoni previsti speċifikament fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010.

71

Fir-rigward tal-punt dwar jekk, u f’liema kuntest u kundizzjonijiet, dan l-Artikolu 20 jirrikjedi li l-korp regolatorju ta’ Stat Membru jwettaq waħdu, jew b’kooperazzjoni mal-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati minn kuritur tal-merkanzija, il-verifika tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-ġestjonarju tal-infrastruttura, minn naħa, qabel kollox, mill-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 20(1) jirriżulta li l-korpi regolatorji għandhom jikkooperaw sabiex jissorveljaw il-kompetizzjoni fuq il-kuritur tal-merkanzija. Insegwitu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu 20, fil-każ li jkun hemm ilment rigward servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, jew fil-kuntest ta’ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess, il-korp regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonsulta lill-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kollha li minnhom tgħaddi l-mogħdija internazzjonali għall-ferrovija tal-merkanzija kkonċernata u jitlobhom l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

72

Fl-aħħar nett, skont il-premessa 25 tar-Regolament Nru 913/2010, li tirrifletti dak li huwa previst fit-tieni tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali, jeħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni effiċjenti bejn il-korpi regolatorji f’dak li għandu x’jaqsam man-netwerks differenti koperti mill-kuritur tal-merkanzija.

73

B’hekk, mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta dmir ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji tal-Istati Membri li tobbligahom jaslu, sa fejn huwa possibbli, għal approċċ komuni meta, fil-kuntest tal-kompetenzi ta’ kontroll tagħhom, huma jadottaw deċiżjoni intiża li tiżgura l-aċċess mhux diskriminatorju għall-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija.

74

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi ggarantit l-għan imfittex mill-imsemmi regolament li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura permezz, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ kumitati ta’ tmexxija responsabbli li jagħżlu jew li joħolqu l-punt ta’ waqfa waħda. Fil-fatt, l-assenza ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji, li huma responsabbli, b’mod partikolari, li jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għall-kurituri tal-merkanzija, tirriskja li tippermetti l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ selezzjoni u ta’ organizzazzjoni differenti, u potenzjalment kontradittorji, dwar is-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija għall-istess kuritur tal-merkanzija, li jista’ jkollu l-konsegwenza li jqiegħed inkwistjoni s-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita mill-punt ta’ waqfa waħda.

75

Konsegwentement, f’dan il-każ, l-Aġenzija Federali tan-Netwerks ma tistax tieħu deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 u, b’mod partikolari, mingħajr ma tikkonsulta, minn qabel, il-korpi regolatorji kkonċernati l-oħra.

76

Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 913/2010 ma jirriżulta li l-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji ta’ Stat Membru jimplika li korp regolatorju ta’ Stat Membru huwa obbligat jikseb il-kunsens tal-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati qabel ma jadotta deċiżjoni, jew li jkun marbut bid-deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-korpi regolatorji l-oħra.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-verifika minn korp nazzjonali regolatorju tar-regoli dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fil-punt ta’ waqfa waħda previsti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, u li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-korp regolatorju ta’ Stat Membru ma jistax jopponi dawn ir-regoli mingħajr ma jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 20 u, b’mod partikolari, mingħajr ma jikkonsulta l-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija, sabiex jintlaħaq, sa fejn possibbli, approċċ komuni.

Fuq it-tielet domanda

78

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda.

Fuq ir-raba’ domanda

79

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija stabbilit mill-Kumitat eżekuttiv skont din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi att tad-dritt tal-Unjoni.

80

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk dan il-qafas jipprekludix li korp regolatorju nazzjonali jkun jista’ jadotta deċiżjoni li timponi sistema ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-kapaċitajiet tal-infrastruttura quddiem il-punt ta’ waqfa waħda mingħajr ma jkun hemm koordinazzjoni mal-korpi regolatorji nazzjonali l-oħra kkonċernati mill-kuritur tal-merkanzija.

81

Għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 913/2010, għal kull kuritur tal-merkanzija, għandu jiġi stabbilit bord eżekuttiv mill-Istati Membri kkonċernati, jiġifieri minn dawk li t-territorju tagħhom jinqasmu mill-kuritur tal-merkanzija, responsabbli li jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-kuritur tal-merkanzija, jissorvelja u jieħu, b’mod partikolari, il-miżuri previsti espressament fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament. Il-bord eżekuttiv għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati u, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 8, jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens reċiproku ta’ dawn ir-rappreżentanti.

82

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 14(1) jirriżulta li l-bord eżekuttiv jiddefinixxi l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija kkonċernat, konformement mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, li, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, jikkorrispondi għall-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2012/34.

83

Issa, skont din l-aħħar dispożizzjoni, huma l-Istati Membri li jistgħu jimplimentaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura suġġetta għall-kundizzjoni ta’ indipendenza ta’ ġestjoni, prevista fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

84

B’hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm il-ħolqien tal-bord eżekuttiv huwa preskritt mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 913/2010, tali bord eżekuttiv huwa implimentat mill-Istati Membri u għaldaqstant ma jikkostitwixxix istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni.

85

Il-fatt li l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010, huwa adottat mill-bord eżekuttiv ifisser biss li l-adozzjoni tiegħu ssir permezz ta’ azzjoni kollettiva tal-ġestjonarji tal-infrastruttura u, b’hekk, tal-Istati Membri kkonċernati, li hija intiża li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, kif previst mir-Regolament Nru 913/2010 u mid-Direttiva 2012/34.

86

Konsegwentement, tali kuntest ma jikkostitwixxix att tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma għandux il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan tal-aħħar.

87

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qafas stabbilit mill-bord eżekuttiv għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010, ma jipprekludix l-intervent tal-korp regolatorju nazzjonali kkonċernat, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, sabiex jirrimedja għal eventwali problema ta’ diskriminazzjoni li tirrigwarda l-proċedura ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fil-punt ta’ waqfa waħda, kif tinsab fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tan-netwerk tal-ġestjonarju tal-infrastruttura.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura fil-kuritur tal-merkanzija stabbilit mill-bord eżekuttiv skont din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxix att tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq il-ħames domanda

89

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ħames domanda.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(9) u l-Artikolu 18(c) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv, kif ukoll l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġestjonarju tal-infrastruttura, iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, huwa l-awtorità kompetenti sabiex jadotta, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk nazzjonali, ir-regoli applikabbli għall-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura, inkluż fir-rigward tal-użu esklużiv ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika speċifika, mal-punt ta’ waqfa waħda previst f’dan l-Artikolu 13(1).

 

2)

Il-verifika minn korp nazzjonali regolatorju tar-regoli dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fil-punt ta’ waqfa waħda previsti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, u li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-korp regolatorju ta’ Stat Membru ma jistax jopponi dawn ir-regoli mingħajr ma jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 20 u, b’mod partikolari, mingħajr ma jikkonsulta l-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija, sabiex jintlaħaq, sa fejn possibbli, approċċ komuni.

 

3)

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura fil-kuritur tal-merkanzija stabbilit mill-bord eżekuttiv skont din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxix att tad-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.