KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑7 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawża C‑721/20

DB Station & Service AG

vs

ODEG Ostdeutsche Eisenbahn GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasporti ferrovjarji – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Direttiva 2001/14/KE – Artikolu 30 – Organu ta’ kontroll ferrovjarju – Kontroll tat-tariffi fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni – Rabta bejn il-kompetenzi tal-qrati ċivili ma’ dawk tal-organi ta’ kontroll”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tirrigwarda l-kunflitt bejn, minn naħa, il-qofol tal-linja ta’ ġurisprudenza, li ssegwi mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, iktar ’il quddiem is-sentenza CTL Logistics, EU:C:2017:834, ikkonfermat b’dik tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie (C‑120/20, iktar ’il quddiem is-sentenza Koleje MazowieckieEU:C:2021:553), li tistabbilixxi l-ħtieġa, qabel kull azzjoni ġudizzjarja, li jiġu fformulati l-kontestazzjonijiet dwar il-piżijiet [tariffi] ferrovjarji quddiem il-korp regolatorju mwaqqaf bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE ( 2 ), u min-naħa l-oħra, il-kummentarji dwar l-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE ( 3 ), li jgħidu li l-qrati nazzjonali għandhom il-ġurisdizzjoni biex jeżaminaw direttament aġir eventwalment abbużiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-ġestjonarju tal-infrastruttura meta jiġi biex jistabbilixxi t-tariffi.

2.

B’mod iktar partikolari, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) tistaqsi essenzjalment jekk, u jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, il-qrati ċivili jistgħu jistħarrġu l-ammont tat-tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

3.

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn ODEG Ostdeutsche Eisenbahn GmbH (iktar ’il quddiem l- “ODEG”), kumpannija ferrovjarja Ġermaniża u DB Station & Service AG, li topera madwar 5400 stazzjon u stazzjonijiet ferrovjarji fil-Ġermanja, fir-rigward tar-rimbors tat-tariffi mħallsa mill-ewwel waħda għall-użu tal-istazzjonijiet ( 4 ) operati mit-tieni waħda għall-perijodu ta’ bejn Novembru 2006 u Diċembru 2010.

II. Il‑kawża prinċipali, il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u d‑domandi preliminari

4.

Is-sussidjarja tad-Deutsche Bahn AG (operatur storiku tas-settur ferrovjarja fil-Ġermanja), DB Station & Service topera stazzjonijiet u stazzjonijiet ferrovjarji f’dan l-Istat Membru. Il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dawn l-installazzjonijiet huma stabbiliti fil-kuntratti-qafas li hija tikkonkludi mal-impriżi ferrovjarji. Kull użu konkret tal-imsemmija installazzjonijiet hija mbagħad irregolata minn kuntratt separat. L-ammont tat-tariffi huwa stabbilit skont l-iskeda tal-prezzijiet tal-istazzjonijiet, stabbilita minn DB Station & Service, skont il-kategorija u skont il-Land.

5.

ODEG hija impriża ferrovjarja li tuża l-infrastruttura ta’ DB Station & Service fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ trasport ferrovjarju ta’ vjaġġaturi għal distanza qasira ( 5 ). Dawn iż-żewġ impriżi kkonkludew kuntratt-qafas għal dan il-għan.

6.

Fl‑1 ta’ Jannar 2005, DB Station & Service introduċiet skeda ġdida ta’ prezzijiet, indikata bit-titolu “SPS 05”. Għal ODEG, din l-iskeda rriżultat f’żieda fit-tariffi tal-infrastruttura li hija ħallset b’riżerva, peress li hija ma kinitx qablet ma’ din iż-żieda.

7.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2009, il-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja), bħala organu ta’ kontroll kompetenti, iddikjarat l-SPS 05 bħala invalida filwaqt li żammet l-effett tagħha sal‑1 ta’ Mejju 2010, sabiex tippermetti li tiġi applikata t-tariffa l-ġdida b’effett minn din id-data. F’din id-deċiżjoni, din l-aġenzija stiednet lil-lanjanti sabiex jadixxu lill-qrati ċivili biex jiksbu r-rimbors tal-eċċess imħallas diġà ( 6 ).

8.

DB Station & Service ikkontestat l-imsemmija deċiżjoni. Fid-data tat‑23 ta’ Marzu 2010, l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) aċċettat l-effett sospensiv ta’ dan ir-rikors. Fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, din il-qorti kienet għadha ma ddeċidietx fuq il-mertu.

9.

Permezz ta’ diversi rikorsi ppreżentati quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), ODEG talbet ir-rimbors tal-ammont ta’ tariffi mħallsa bejn Novembru 2006 u Diċembru 2010, inkwantu l-ammont jaqbeż dak li kien ikun dovut skont l-iskeda fis-seħħ preċedentement, jiġifieri l-SPS 99. Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) laqgħet dawn ir-rikorsi għal raġunijiet ta’ ekwità fuq il-bażi tal-Artikolu 315 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) ( 7 ) li jippermetti lill-qorti li terġa’ tistabbilixxi l-bilanċ kuntrattwali. DB Station & Service ppreżentat appell quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) li għaqqdet id-diversi kawżi b’digriet tat‑30 ta’ Novembru 2015.

10.

Fil-frattemp, wara talba għal deċiżjoni preliminari, u fil-kuntest ta’ tilwima simili quddiem il-qrati ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza CTL Logistics, li l-istħarriġ mill-qrati ordinarji dwar kemm huma ġusti t-tariffi fuq il-linji ma jistax jitwettaq indipendentement mis-sorveljanza mwettqa mill-organu ta’ kontroll kompetenti, inkwantu l-kontroll tal-modalitajiet ta’ kalkolu u tal-ammont tat-tariffi fid-dawl tad-Direttiva 2001/14 jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-organu ta’ kontroll ferrovjarju stabbilit mill-Artikolu 30 ta’ din id- direttiva ( 8 ).

11.

Wara din is-sentenza, ġew ifformulati talbiet oħra għar-rimbors quddiem l-Aġenzija federali tan-networks. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2019, din ċaħdet bħala li huma inammissibbli r-rikorsi ta’ diversi impriżi ferrovjarji li permezz tagħhom dawn talbu li tiġi mistħarrġa, a posteriori, il-legalità tas-SPS 05 bil-għan li jiġi rrimborsat l-ammont eċċessiv tat-tariffi minħabba li tali talbiet kienu allura preskritti ( 9 ). Din id-deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors li, fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, kienet dejjem pendenti quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja).

12.

Il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) issostni li r-riżoluzzjoni tat-tilwima miġjuba quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/14 li hija applikabbli ratione materiae u ratione temporis.

13.

B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk l-insenjamenti tas-sentenza CTL Logistics japplikawx mutatis mutandis għall-istħarriġ ta’ dawn it-tariffi fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE u fid-dawl tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, wara s-sentenza f’dik il-kawża, hija din il-bażi legali li l-kawża prinċipali tikkontesta llum fl-appell.

14.

L-imsemmija qorti tindika li diversi qrati ċivili Ġermaniżi rrispondew fl-affermattiv għal din id-domanda. Fil-fatt, huma kkunsidraw li l-prinċipji misluta mis-sentenza CTL Logistics jipprekludu lil dawn milli jiddeċiedu fuq azzjonijiet għal rimbors qabel mal-organu ta’ kontroll kompetenti jkun adotta deċiżjoni finali f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, f’sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2019, imsejħa “Trassenentgelte” (tariffi tal-linji tal-ferroviji) ( 10 ), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ikkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE mill-qrati ċivili hija possibbli mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni finali mill-organu ta’ kontroll.

15.

Skont il-qorti tar-rinviju, jeżistu raġunijiet tajbin biex wieħed jitbiegħed mill-pożizzjoni li ddefendiet il-qorti suprema ċivili Ġermaniża.

16.

L-ewwel nett, għalkemm is-sentenza CTL Logistics kienet tikkonċerna l-inkompatibbiltà tal-istħarriġ tal-ekwità previst mid-dritt ċivili Ġermaniż mad-Direttiva 2001/14, il-motivi tagħha jistgħu jiġu trasposti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-qrati ċivili. Fil-fatt, l-intervent ta’ dawn tal-aħħar, indipendentement mill-organu ta’ kontroll, jista’ joħloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza billi jippermetti lil ċerti impriżi ferrovjarji li jħallsu tariffi għall-infrastruttura inqas għoljin. Tali vantaġġ imur kontra l-għan ċentrali tad-Direttiva 2001/14, li jikkonsisti li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja u biex tkun permessa għaldaqstant kompetizzjoni ġusta. L-istħarriġ magħmul mill-qrati ċivili jkun jikkostitwixxi, barra minn hekk, ksur tal-kompetenza esklużiva tal-organu ta’ kontroll.

17.

Barra minn hekk, għalkemm, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali kienu obbligati japplikaw l-Artikolu 102 TFUE direttament, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx il-kwistjoni dwar jekk dan l-obbligu japplikax ukoll fil-każijiet fejn organu ta’ kontroll, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju, huwiex responsabbli mis-sorveljanza tat-tariffi.

18.

Fl-aħħar, permezz tas-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Settembru 2020, imsejħa “Stationspreissystem II” ( 11 ), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 ma jagħtix lill-organu ta’ kontroll kompetenza biex jiddeċiedi fuq it-tariffi diġà mħallsa u inqas u inqas biex jordna r-rimbors. Minn dan, dik il-qorti ddeduċiet li l-istħarriġ tal-abbużi taħt l-Artikolu 102 TFUE ma jinterferixxix mal-kompetenzi tal-organu ta’ kontroll, peress li dan il-kontroll huwa limitat għall-għoti ta’ danni għall-aġir tal-impriżi fil-passat.

19.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li din l-analiżi tad-dritt tal-Unjoni hija żbaljata. Min-naħa, ebda element fid-Direttiva 2001/14 ma jista’ jikkorrobora l-interpretazzjoni li tgħid li l-organu ta’ kontroll jiddeċiedi biss pro futuro. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 TFUE jippermetti l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw in-nullità tal-atti jew jordnaw it-twaqqif ta’ aġir. Mill-bqija, anki r-rimbors tat-tariffi rċevuti fil-passat jista’ jwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u jinterferixxi mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/14. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) kellha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari f’dan ir-rigward.

20.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-fatt li qrati ċivili nazzjonali jeżaminaw f’kull każ individwalment u indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju [organu ta’ kontroll], fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 102 TFUE u/jew skont id-dritt nazzjonali dwar l-akkordji, l-ammont tat-tariffi mitluba huwa konformi mad-[Direttiva 2001/14]– b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-indipendenza ta’ ġestjoni tal-impriża ta’ infrastruttura (Artikolu 4), il-prinċipji applikabbli għall-iffissar tat-tariffi (Artikoli 7 sa 12) u l-kompiti tal-korp regolatorju (Artikolu 30)?

2.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: kontroll tal-abbużi permezz tal-qrati ċivili nazzjonali fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 102 TFUE u/jew skont id-dritt nazzjonali dwar l-akkordji huwa ammissibbli u meħtieġ, anki jekk l-impriżi ta’ trasport ferrovjarju ikollhom il-possibbiltà li jeżaminaw in-natura xierqa tat-tariffi li tħallsu permezz tal-korp regolatorju kompetenti? Il-qrati ċivili nazzjonali huma obbligati li jistennew deċiżjoni f’dan ir-rigward mill-korp regolatorju u, sa fejn din id-deċiżjoni tkun ikkontestata legalment, skont il-każ, in-natura definittiva tagħha?”

21.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn DB Station & Service, ODEG u mill-Kummissjoni Ewropea.

III. Analiżi

22.

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li ser nanalizza flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/14 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, indipendentement mis-sorveljanza mwettqa mill-organu ta’ kontroll, il-qrati ċivili għandhomx kompetenza biex, fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet magħmula minn impriża ferrovjarja u li jirrigwardaw ir-rimbors tal-eċċess ta’ tariffi mħallas indebitament.

23.

Ir-raġuni prinċipali li għaliha l-qorti tar-rinviju tiddubita dwar il-kompetenza tagħha fil-kawża prinċipali qiegħda fl-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CTL Logistics u kkonfermata fil-kawża Koleje Mazowieckie (iktar ’il quddiem il-“linja tal-ġurisprudenza”), li tgħid li d-Direttiva 2001/14 tagħti kompetenza esklużiva lill-organu ta’ kontroll fuq it-tariffi ffissati mill-ġestjonarju tan-network ferrovjarju, li tipprekludi għaldaqstant lill-qrati ċivili nazzjonali milli jippronunzjaw ruħhom fuq il-legalità ta’ dawn it-tariffi.

24.

Jeżistu diversi modi kif tingħata risposta għad-domanda magħmula f’din il-kawża. L-ewwel possibbiltà hija li tiġi applikata l-linja ta’ ġurisprudenza għad-domanda tal-kompetenza tal-qrati nazzjonali biex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE. Din l-applikazzjoni ser twassal biex jiġi konkluż li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddeċiedu fuq il-validità tat-tariffi ferrovjarju peress li dan ikun jikkostitwixxi interferenza fuq il-kompetenza esklużiva tal-organu ta’ kontroll. Kif ser nispjega (A), ma jidhirlix li tali soluzzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza dwar il-kompetenza tal-qrati li tirriżulta mill-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE.

25.

It-tieni possibbiltà tikkonsisti filli jiġi kkunsidrat li l-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE għandhom il-kompetenza indipendenti biex jiddeċiedu fuq it-tariffa. Biex wieħed jasal għal tali konklużjoni, ikun jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ dan il-każ minn dawk li ppreżentaw ruħhom fil-kawżi CTL Logistics u Koleje Mazowiecke. Kif ser nispjega, jiena tal-fehma li tali distinzjoni ma hijiex raġonevolment possibbli (B). Ser nissuġġerixxi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra mill-ġdid din il-linja ta’ ġurisprudenza (C). Fl-aħħar, ser nindirizza t-tieni parti tad-domandi tal-qorti tar-rinviju (D).

A.   Traspożizzjoni tal‑linja ta’ ġurisprudenza eżistenti f’każ ta’ invokazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE

26.

Fil-linja ta’ ġurisprudenza inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-organu ta’ kontroll, stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, għandu kompetenza esklużiva biex jiddeċiedi fuq it-tariffi imposti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura. Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-applikazzjoni diretta tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar it-tariffi mill-qorti nazzjonali jindaħlu fuq il-kompetenza esklużiva ta’ dan l-organu ta’ kontroll ( 12 ).

27.

It-traspożizzjoni tal-interpretazzjoni bbażata fuq din il-linja ta’ ġurisprudenza f’każ ta’ invokazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE twassal għall-konklużjoni li l-qorti ċivili li tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 102 TFUE ma tkunx għadha tista’ tiddeċiedi fuq il-validità tat-tariffi deċiżi mill-ġestjonarju tal-infrastuttura. DB Station & Service tidher li taqbel ma’ din is-soluzzjoni.

28.

Il-punt dwar jekk tariffa ġietx imposta effettivament mill-ġestjonarju tan-network bi ksur tar-regoli li jirregolaw dawn it-tariffi, imsemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14, hija fażi neċessarja biex wieħed jasal għad-deċiżjoni dwar il-kumpens tat-tariffi (preżunti) imħallsa indebitament. Li qorti nazzjonali, li tiddeċiedi dwar talba għal kumpens, tkun obbligata titlob li l-parti tas-silloġiżmu deċiżjonali tagħha tkun riżolta b’istanza differenti tidher li tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tirrigwarda l-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE ( 13 ). Skont din il-ġurisprudenza, riprodotta mil-leġiżlatur fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 14 ), il-qrati nazzjonali huma awtorizzati japplikaw l-Artikoli 81 u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) indipendentement u b’mod parallel mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

29.

Ikun possibbli li wieħed jikkontempla sistema fejn l-organu regolatorju indipendenti jkun awtorizzat isolvi t-tilwim bejn il-ġestjonarju tan-network u l-operaturi ferrovjarji li jikkonċernaw it-tariffi u li jagħti rimedji effettivi ( 15 ). F’dak il-każ, li jiġi impost obbligu proċedurali biex wieħed jipprova jsolvi t-tilwima quddiem tali istanza ta’ kontroll qabel ma jadixxi lill-qrati ma jkunx, fil-fehma tiegħi, neċessarjament kontra l-kunċett ta’ effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE. Tali soluzzjonijiet jeżistu f’oqsma diversi tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, kif ukoll f’dik tal-Unjoni ( 16 ).

30.

Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-awtorità li għaliha l-applikant għandu jirrikorri qabel ma jadixxi lill-qorti hija awtorizzata tagħti lil dan l-applikant id-dritt li huwa jitlob.

31.

Dan ma jidhirx li huwa l-każ hawnhekk.

32.

L-organu ta’ kontroll għandu kontroll limitat, li ma jestendix għal kompetenza ġenerali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim ( 17 ). Fi kwalunkwe każ, jidher li dan l-organu ma jistax jieħu konjizzjoni ta’ talbiet pekunjarji, bħalma huma dawk li għandhom bħala għan il-kumpens għad-danni ( 18 ).

33.

Din hija l-ewwel raġuni li għaliha jiena naħseb li t-traspożizzjoni tal-linja ta’ ġurisprudenza ma hijiex konformi mal-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE.

34.

It-tieni raġuni li għaliha ma huwiex mixtieq li l-istħarriġ ġudizzjarju taħt l-Artikolu 102 TFUE jkun suġġett għad-deċiżjoni finali minn qabel tal-organu ta’ kontroll (li tinkludi wkoll l-istanzi ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni) hija li din tkun tista’, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk ta’ dan il-każ, tinvolvi l-ksur tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

35.

Ċertament, l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li “[]l-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha” ( 19 ). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan it-terminu nqabeż b’ħafna u li l-istanzi mibdija ilu iktar minn għaxar snin għad ma għandhomx riżultat.

36.

Jiena nifhem il-ħtieġa li jiġi ppriservat l-effett utli tar-rwol tar-regolatur tal-organu ta’ kontroll. Madankollu, ir-rekwiżiti li joħorġu minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’terminu raġonevoli ( 20 ) huma daqstant imperattivi u jimmilitaw għar-rikonoxximent parallel ( 21 ) tal-kompetenza tal-qrati nazzjonali f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.

37.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/14 kif tirriżulta mis-sentenzi CTL Logistics u Koleje Mazowieckie ma għandhiex tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li ma jixraqx li din tiġi estiża.

B.   Twettiq ta’ distinzjoni bejn il‑linja ta’ ġurisprudenza eżistenti u l‑ġurisprudenza li stabbilixxiet l‑effett dirett tal‑Artikolu 102 TFUE

38.

Skont it-tieni soluzzjoni, id-Direttiva 2001/14 għandha tiġi interpretata bħala li ma tostakolax deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE fuq il-validità jew l-invalidità tat-tariffi ferrovjarji.

39.

ODEG u l-Kummissjoni jidher li jaqblu ma’ din il-pożizzjoni.

40.

Din is-soluzzjoni tinneċessità madankollu li ssir distinzjoni bejn din il-kawża miċ-ċirkustanzi li fuqhom huma bbażati l-kawżi CTL Logistics u Koleje Mazowieckie.

41.

Fil-fatt, jekk kawża ġdida tidher, fil-fatti ġuridikament rilevanti, essenzjalment simili għall-kawża li fiha tkun ġiet stabbilita xi regola, jeħtieġ, fil-prinċipju, li tiġi applikata din ir-regola għal din il-kawża ġdida. Jekk wieħed irid, madankollu, jevita l-applikazzjoni tal-imsemmija regola, jeħtieġ li wieħed ifittex punt ta’ differenza li jiġġustifika li ssir distinzjoni bejn l-ewwel kawża u t-tieni waħda ( 22 ).

42.

F’dan il-każ, l-operatur ferrovjarju (ODEG) talab fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kumpens għat-tariffi li huwa ħallas lill-operatur tan-network iżda li huwa kien iqis bħala li mhux dovuti, peress li dawn it-tariffi jingħad li ġew imposti bi ksur tad-dritt applikabbli. Fl-ewwel istanza, ODEG talab ir-rimbors tad-differenza bejn it-tariffa l-qadima u dik ġdida li huwa kkunsidra bħala invalida ( 23 ). Il-bażi ta’ tali azzjoni – l-Artikolu 315 tal‑BGB – ġiet issostitwita mill-Artikolu 102 TFUE fl-appell (wara s-sentenza CTL Logistics u xi emendi fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża) ( 24 ) u s-suġġett tat-talba tikkonsisti llum f’talba għal kumpens (flok talba għal rimbors). Bl-istess mod barra minn hekk, is-sustanza tat-talba magħmula mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tbiddlitx bejn l-ewwel istanza u l-appell, jiġifieri r-rimbors ta’ dan l-eċċess. Hija biss id-dispożizzjoni invokata insostenn ta’ din it-talba li tbiddlet, peress li l-Artikolu 102 TFUE fil-frattemp issostitwixxa l-Artikolu 315 tal-BGB.

43.

It-talba ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża CTL Logistics kienet ukoll ibbażata fuq l-Artikolu 315 tal-BGB u kienet tirrigwarda r-rimbors tad-differenza bejn it-tariffa l-qadima u t-tariffa l-ġdida (tal‑2005), peress li din tal-aħħar kienet ikkunsidrata bħala inġusta. Fil-kawża Koleje Mazowieckie, it-talba kienet tal-istess tip. Ir-rikorrent talab id-danni, kemm lill-Istat kif ukoll lill-ġestjonarju tan-network, talli awtorizza l-impożizzjoni tal-prezz allegatament bi ksur tal-prinċipji tad-Direttiva 2001/14. Il-bażi ta’ din it-talba kienet ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni li joħorġu mill-ksur tal-obbligi li huwa għandu skont id-dritt tal-Unjoni in segwitu għall-kawżi Francovich et ( 25 ) kif ukoll Brasserie du pêcheur u Factortame ( 26 ). Il-leġiżlazzjoni Pollakka applikabbli fil-kawża Koleje Mazowieckie kienet tipprovdi barra minn hekk responsabbiltà iktar stretta mill-kunċett Ewropew korrispondenti.

44.

Fit-tliet każijiet, indipendentement mill-bażi legali tal-azzjoni, il-qrati nazzjonali kienu aditi b’talbiet għar-restituzzjoni jew kumpens li kienu jeħtieġu li huma jiddeċiedu fuq il-validità tat-tariffi previsti fil-kuntratt għall-użu tan-network ferrovjarju.

45.

Barra minn hekk, ftit jimporta l-mod li bih it-tariffi ġew ikkontestati, il-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur ferrovjarju kienet applikabbli.

46.

Għal din ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, il-kawża prinċipali ma tiddistingwix ruħha abbażi ta’ ċirkustanzi li kienu rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/14 fil-linja ta’ ġurisprudenza. Dan peress, kemm jekk wieħed jieħu l-problema minn lat jew minn ieħor, fl-aħħar mill-aħħar, it-tliet kawżi jikkonċernaw fil-fatt talba għal kumpens pekunjarju b’riferenza għall-eċċess ta’ tariffi imħallsa indebitament. Barra minn hekk, fil-każijiet kollha inkwistjoni, il-fondatezza ta’ din it-talba kienet tiddependi mill-punt dwar jekk it-tariffa kinitx imposta jew le skont id-Direttiva 2001/14.

47.

Minħabba x-xebh fiċ-ċirkustanzi rilevanti, x’fatturi oħra jistgħu jiġġustifikaw li din il-kawża inkwistjoni tiġi individwata sabiex tinżamm il-linja ta’ ġurisprudenza preċedenti?

48.

Is-sentenza CTL Logistics tista’ tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet proprji għal dik il-kawża. Il-qorti nazzjonali kellha, fuq il-bażi tal-Artikolu 315 tal-BGB, is-setgħa li tiddeċiedi ex equo et bono u li tistabbilixxi hija stess in-natura ġusta tat-tariffa.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat f’dik is-sentenza li din id-dispożizzjoni nazzjonali, billi tinsisti esklużivament fuq ir-razzjonalità ekonomika tal-kuntratt individwali, kienet tmur kontra l-fatt li huma biss it-tariffi bbażati fuq kriterji uniformi li jistgħu jiggarantixxu l-politika fil-qasam tat-tariffi preskritta mid-Direttiva 2001/14 ( 27 ). Għaldaqstant, seta’ jiġi argumentat li din il-proċedura partikolari kkontemplata fid-dritt nazzjonali kienet tipperikola l-effett utli ta’ din id-direttiva billi tagħti lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jiddeċiedu liema jkunu l-ammonti ġusti tat-tariffi f’każijiet individwali. Tali setgħa tista’ titqies bħala li hija inkompatibbli ( 28 ) mas-sistema ta’ determinazzjoni tat-tariffi għall-użu tan-network ferrovjarju previst mill-imsemmija direttiva u mpoġġi taħt il-kontroll tal-organu ta’ kontroll.

50.

Din l-eventwali eċċess tas-setgħat tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 315 tal-BGB meta mqabbla ma’ dawk tal-organu ta’ kontroll taħt id-Direttiva 2001/14 ġiet eventwalment eliminata mil-leġiżlatur Ġermaniż, li eskluda l-applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB għall-ftehimiet bejn il-ġestjonarju tan-network u l-operaturi fis-settur ferrovjarju ( 29 ).

51.

Għalkemm, konsegwentement, il-kawża CTL Logistics kienet limitata għas-sitwazzjoni partikolari tal-qrati li jiddeċiedu ex aequo et bono u li għandhom is-setgħa li jistabbilixxu tariffa ġusta f’każijiet partikolari, dan jista’ jippermetti li jiddistingwi ċ-ċirkustanzi tal-kawża CTL Logistics minn dawk ta’ din il-kawża.

52.

Madankollu, mhux biss il-motivi tas-sentenza CTL Logistics huma tali li jissuġġerixxu applikazzjoni iktar ġenerali, imma jidhirli li sar diffiċli li wieħed jikkonċepixxi l-linja ta’ ġurisprudenza wara l-għoti tas-sentenza Koleje Mazowieckie. Din l-aħħar deċiżjoni tenniet il-pożizzjoni mibdija mis-sentenza CTL Logistics, li tgħid li l-organu ta’ kontroll jista’ jinvalida t-tariffi, u estendietha għall-ipoteżi tal-proċedura ġudizzjarja li tikkontesta r-responsabbiltà tal-Istat minħabba traspożizzjoni ħażina tad-Direttiva 2001/14.

53.

Fil-kawża Koleje Mazowieckie, il-qorti nazzjonali kellha quddiemha l-ħtieġa li tiddeċiedi jekk it-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2001/14, li ppermettiet l-iffissar tat-tariffa li r-rikorrent kien ikkunsidra bħala illegali, kinitx konformi ma’ din id-direttiva ( 30 ). Minkejja kuntest differenti tas-sentenza CTL Logistics, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-ġurisprudenza kienet kompletament applikabbli fil-kawża kkonċernata ( 31 ). Ir-raġuni kienet li l-ewwel ġustifikazzjoni prinċipali biex tiġi miċħuda l-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex tiddeċiedi dwar il-validità tat-tariffi kienet l-istess, jiġifieri d-diverġenza possibbli tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ( 32 ).

54.

Issa din il-possibbiltà ta’ diverġenzi fid-deċiżjoni ta’ konformità tat-tariffi mad-Direttiva 2001/14 teżisti wkoll fil-kawżi li jiġu deċiżi fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE.

55.

It-tieni ġustifikazzjoni prinċipali fil-linja ta’ ġurisprudenza preċedenti kienet li l-qrati nazzjonali jsolvu każijiet individwali, ħaġa li tista’ għaldaqstant twassal ukoll għal sitwazzjoni fejn l-operatur li jkun rebaħ il-kawża jikseb neċessarjament vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu li ma jkunux ippreżentaw tali rikors ( 33 ).

56.

Hawn ukoll, dan l-ilment japplika wkoll għal tilwim li fihom il-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE.

57.

Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa possibbli li din il-kawża tiġi kkunsidrata bħala differenti mill-kawżi tal-linja ta’ ġurisprudenza preċedenti fuq il-kunsiderazzjoni li l-ġustifikazzjonijiet prinċipali proposti f’dawn il-kawżi ma humiex applikabbli għal kawża ineżami.

58.

Fl-aħħar, is-sentenza Koleje Mazowieckie illimitat il-possibbiltà li tindividwa s-sentenza CTL Logistics abbażi ta’ loġika ta’ ġerarkija tar-regoli. Jekk wieħed jista’ jafferma li din il-kawża hija individwata abbażi tas-supremazija tal-Artikolu 102 TFUE bħala bażi legali li fuqha l-qorti nazzjonali hija mitluba tiddeċiedi fir-rigward tal-validità tat-tariffi, ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru inkwistjoni fil-kawża Koleje Mazowieckie tirriżulta wkoll mid-dritt primarju, jiġifieri l-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

59.

Għaldaqstant jidher li huwa diffiċli li ssir distinzjoni bejn din il-kawża u l-linja ta’ ġurisprudenza preċedenti fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi li fihom id-diversi kawżi seħħew u tad-drittijiet li l-partijiet ipprovaw jinvokaw. Huwa diffiċli wkoll li din il-kawża tiġi individwata fuq il-bażi tal-inapplikabbiltà tal-istess ġustifikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/14, fis-sens li din tagħti lill-organu ta’ kontroll kompetenza esklużiva biex jiddeċiedi fuq il-validità tat-tariffi. Finalment, id-distinzjoni lanqas ma tista tkun ibbażata fuq il-ġerarkija tar-regoli li jagħtu, lill-qrati nazzjonali, s-setgħa għad-deċiżjoni fir-rigward tal-validità tat-tariffi.

60.

Dan iwassalni għat-tielet soluzzjoni.

C.   Rikunsiderazzjoni tal‑linja ta’ ġurisprudenza eżistenti

61.

Il-linja ta’ ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi CTL Logistics u Koleje Mazowieckie ma għandhiex tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u lanqas ma huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn din il-linja u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

62.

Meta wieħed iqis kollox, jidhirli għaldaqstant li huwa neċessarju li tiġi proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tielet soluzzjoni li tikkonsisti f’rikunsiderazzjoni tal-imsemmija linja ta’ ġurisprudenza, mhux biss meta jiġi invokat l-Artikolu 102 TFUE, imma wkoll, għall-omoġeneità u skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14, indipendentement mill-bażi li sservi ta’ bażi legali tat-talba tal-“applikant” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

63.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda raġuni biex id-Direttiva 2001/14 tiġi interpretata bħala li tagħti lill-organu ta’ kontroll is-setgħa esklużiva ta’ evalwazzjoni tal-validità tat-tariffi. Dan għaliex id-dritt tal-Unjoni fih mekkaniżmi intiżi li jipprevjenu r-riskju ta’ diverġenzi (1) u minħabba li tali esklużività ta’ setgħat ma tidhirx li tirriżulta mis-sistema kkontemplata mid-Direttiva 2001/14 (2).

1. Il‑prevenzjoni tar‑riskji ta’ diverġenzi

64.

Il-ġustifikazzjoni prinċipali, proposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CTL Logistics u riprodotta fil-kawża Koleje Mazowieckie, kienet ir-riskju ta’ diverġenzi fl-interpretazzjoni tat-tariffi ferrovjarji li jistgħu jirriżultaw mid-deċiżjonijiet differenti tal-qrati ċivili nazzjonali. L-eventwali diverġenza kienet meqjusa bħala li tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2001/14 u r-raisons d’être tat-twaqqif tal-organu ta’ kontroll.

65.

Ċerti deċiżjonijiet nazzjonali li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju rriproduċew dan l-argument, li din il-qorti tagħmel tagħha wkoll u li ġie riprodott ukoll minn DB Station & Service fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kulħadd aċċetta dan l-argument u ttrasponieh fis-sitwazzjonijiet li fihom id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE.

66.

Dan ir-riskju ta’ diverġenzi huwa verament daqshekk kbir u huwa differenti fis-sitwazzjoni fejn il-kompetenza ta’ qorti tkun ibbażata fuq l-Artikolu 315 tal-BGB, fuq ir-responsabbiltà tal-Istat Membru jew fuq l-Artikolu 102 TFUE?

67.

Mingħajr ma hu possibbli li tiġi eskluża totalment l-eżistenza ta’ tali diverġenzi fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet konkreti u l-applikazzjoni tagħhom għal kull fatt ta’ din il-kawża, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-okkorrenza eventwali ta’ diverġenzi tagħmel parti minn proċess ta’ integrazzjoni reġjonali bħalma hija dik tal-Unjoni Ewropea.

68.

Għaldaqstant din ma hijiex kwistjoni dwar jekk id-diverġenzi jistgħux iseħħu, imma jekk jeżistux modalitajiet ta’ kontroll jew ta’ koordinazzjoni li jippermettu li jiġi evitat li dawn l-eventwali diverġenzi jipperpetwaw u jimmoltiplikaw ruħhom.

69.

F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt tal-Unjoni, flimkien mar-rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE, huwa kkontemplat mit-trattati biex jissalvagwardja l-uniformità neċessarja tad-dritt tal-Unjoni. Din il-kawża u, preċedentement, is-sentenzi CTL Logistics u Koleje Mazowieckie, jikkostitwixxu l-eżempju perfett tal-effikaċità tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 267 TFUE, peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew ifformulati f’dawn il-kawżi.

70.

Ir-riskju li l-intervent tal-qrati ċivili jkun is-sors ta’ diverġenzi possibbli jidhirli għaldaqstant li huwa esaġerat. Fil-fatt, dawn il-qrati huma obbligati japplikaw ir-regoli kollha tad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva 2001/14.

71.

Barra minn hekk, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, anki minn kampi tad-dritt bħalma huwa d-dritt ċivili, dawn ir-regoli ġuridiċi qatt ma huma awtonomi. Il-qrati nazzjonali, anki ċivili, għandhom għaldaqstant jadottaw interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

72.

Kemm jekk ikunu jridu jiddeċiedu dwar kemm huma ġusti t-tariffi ( 34 ), jew fuq it-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 2001/14, li kienet tippermetti li tiġi stabbilita kuntrattwalment it-tariffa f’ammont li jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jew ukoll fuq l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li mmanifesta ruħu bl-impożizzjoni ta’ tariffi eċċessivi, dawn il-qrati ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Il-prinċipji li jiddeterminaw l-istabbiliment tat-tariffa, imsemmija fil-Kapitolu II ta’ din l-istess direttiva, ma jistgħu jiġu evitati fl-ebda waħda mill-proċeduri fejn il-qrati nazzjonali (ċivili jew xorta oħra) huma mitluba jiddeċiedu fuq il-validità tat-tariffi ( 35 ). F’każ ta’ dubju fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-qrati kompetenti jistgħu, jew finalment għandhom, jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja.

73.

Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni joffri mekkaniżmi biex jevita d-diverġenzi fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, anki jekk din tiġi applikata b’mod parallel mill-qrati nazzjonali u mill-organu ta’ kontroll li twaqqaf din il-leġiżlazzjoni.

2. L‑eżistenza ta’ kompetenzi paralleli

74.

Għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali u settorjali fil-qasam tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440/KEE ( 36 ), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha li tirriżulta mid-Direttiva 2001/12/KE ( 37 ), jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali li jirrigwardaw il-politika ta’ kompetizzjoni u l-istituzzjonijiet b’responsabbiltà f’dak il-qasam, il-korp regolatorju stabbilit taħt l-Artikolu 30 tad-[Direttiva 2001/14], jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvellja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji” ( 38 ).

75.

Wieħed isib tqassim simili tal-kompetenzi fl-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34/UE ( 39 ), li jippreċiża li “[m]ingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jimmonitorja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji”.

76.

Għaldaqstant, il-kompetenza fl-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni fis-settur tappartjeni mhux biss lil dan l-organu ta’ kontroll, imma wkoll lil kull “istituzzjoni kompetenti fil-qasam”, bħalma huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll il-qrati nazzjonali. Tali kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet hija wkoll min-naħa tagħha mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi l-possibbli astensjoni ta’ dawk tal-ewwel favur it-tieni waħda.

77.

Dan it-tqassim tal-kompetenzi fl-applikazzjoni tar-regoli settorjali u ta’ dawk, iktar ġenerali, dwar il-kompetizzjoni tfakkret diversi drabi għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet ( 40 ) jew fis-settur tal-ajru ( 41 ), u jidher ukoll aċċettat għas-settur postali ( 42 ).

78.

Għaldaqstant, l-organu ta’ kontroll, fis-sens tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14 għandu, min-naħa tiegħu, kompetenzi paralleli ( 43 ) u mhux esklużivi biex japplika r-regoli tas-settur ferrovjarju jew ir-regoli ġenerali li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, inkluż ir-regoli dwar il-formazzjoni tat-tariffi.

79.

Għaldaqstant huwa żbaljat, kif jinsab affermat fil-punt 84 tas-sentenza CTL Logistics, li l-qrati ċivili, aditi b’talba għar-rimbors ta’ tariffi, ma jistgħux japplikaw il-leġiżlazzjoni ferrovjarja jew regoli oħra mingħajr ma jindaħlu fuq il-kompetenzi tal-korp regolatorju ferrovjarju ( 44 ).

80.

Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-kompetenza parallela u komplementari tal-organu ta’ kontroll u tal-qrati tal-Istati Membri hija kkorroborata mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprovdi espliċitament li l-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fuq l-istess linja, l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104/UE ( 45 ) hija bbażata fuq loġika simili tal-applikazzjoni effettiva u deċentralizzata tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni li tgħaddi wkoll mill-qrati nazzjonali.

81.

Fl-aħħar, u mhux l-inqas, it-test stess tad-Direttiva 2001/14 ma turi ebda intenzjoni tal-leġiżlatur Ewropew li jagħti lill-organu ta’ kontroll ferrovjarju kompetenza esklużiva li tikkonċerna d-deċiżjonijiet ta’ validità tat-tariffi.

82.

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li “[a]pplikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor […]” ( 46 ). Din id-dikjarazzjoni tipprovdi biss għaldaqstant is-sempliċi fakultà li jadixxi lill-organu ta’ kontroll ( 47 ).

83.

B’paragun ma’ setturi oħra, jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li, f’dak tal-komunikazzjonijiet, il-premessa 69 tad-Direttiva 2018/1972 tippreċiża li, f’każ ta’ tilwima, it-talba lill-awtorità settorjali tikkostitwixxi wkoll “fakultà”.

84.

Jirriżulta minn dan l-eżami li l-organu ta’ kontroll tas-settur ferrovjarju, kif dan jipproċedi fuq il-bażi tad-Direttiva 2001/14, u ulterjorment fuq id-Direttiva 2012/34, ma għandux kompetenzi esklużivi biex jiddeċiedi fuq il-validità tat-tariffi ferrovjarji.

D.   Għandha l‑qorti nazzjonali tistenna d‑deċiżjoni finali tal‑organu ta’ kontroll?

85.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet ukoll, f’każ li teżisti kompetenza għall-qrati nazzjonali li jippermettilhom biex jiddeċiedu fuq it-tilwima fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, indipendentement mill-organu ta’ kontroll, jekk din għandhiex tibqa’ tistenna d-deċiżjoni definittiva tal-organu ta’ kontroll.

86.

Minkejja l-elementi ta’ risposta mogħtija qabel u mingħajr ma mmur kontrihom, is-sospensjoni tal-istanza mibdija quddiem il-qrati nazzjonali hija kkontemplata meta dawn jieħdu konjizzjoni ta’ proċedura parallela quddiem l-organu ta’ kontroll u dan, sabiex tkun ippreservata l-utilità ta’ dan tal-aħħar ( 48 ).

87.

Madankollu, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-proċedura quddiem l-organu ta’ kontroll diġà damet diversi snin ( 49 ). Huwa probabbli barra minn hekk, kif tidher li tindika l-qorti nazzjonali, li din il-proċedura, jew l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji kontra l-eventwali deċiżjoni li jirriżultaw minnha, ma jirnexxux fil-futur immedjat.

88.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali adita direttament b’azzjoni intiża li tirrikonoxxi n-natura abbużiva ta’ aġir għandha għaldaqstant tistaqsi dwar jekk is-sospensjoni tipprekludix li jiġi żgurat li r-rikorrent ikollu, f’terminu raġonevoli, id-dritt li jikseb soluzzjoni għat-tilwima tiegħu kif ukoll id-dritt għall-kumpens tiegħu ( 50 ).

89.

Dejjem f’dak il-każ u sabiex jiġi evitat li jgħaddi t-terminu raġonevoli għas-sentenza, id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa suxxettibbli li jeskludi s-sospensjoni tal-proċedura ġudizzjarja sakemm issir definittiva l-eventwali deċiżjoni tal-organu ta’ kontroll u sakemm jiġu eżerċitati r-rimedji ġudizzjarji disponibbli.

90.

Konsegwentement, nikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu, għall-qrati nazzjonali aditi b’talba magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, li jistennew deċiżjoni tal-organu ta’ kontroll. Jiena tal-fehma wkoll li dawk il-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jissospendu d-deċiżjoni sabiex jistennew din id-deċiżjoni, jekk dan ma jpoġġix f’perikolu d-drittijiet għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet fil-proċedura.

IV. Konklużjoni

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

1)

Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-organu ta’ kontroll, il-kompetenza tal-qrati ċivili biex jieħdu konjizzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, tat-talbiet magħmula minn impriża ferrovjarja u li jirrigwardaw ir-rimbors tal-eċċess ta’ tariffi imħallas indebitament.

2)

Id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu, għall-qrati nazzjonali aditi b’talba magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, minn impriża ta’ trasport ferrovjarju sabiex jistħarrġu n-natura xierqa tal-ammont ta’ tariffi mħallsa, li jistennew deċiżjoni tal-organu ta’ kontroll imwaqqaf taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 u, f’każ li din id-deċiżjoni tiġi kkontestata ġudizzjarjament, in-natura definittiva tagħha. Salv li jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, lanqas ma tipprekludi lil dawn il-qrati nazzjonali milli jiddeċiedu li jistennew l-imsemmija deċiżjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija, u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 5, p. 404).

( 3 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, EU:C:1974:6, punti 14 sa 16), u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 38).

( 4 ) Il-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14 jinkludi l-aċċess tal-binarju għall-faċilitajiet tas-servizzi u l-fornitura tas-servizzi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-istazzjonijiet tal-passiġġiera, il-bini tagħhom u l-infrastrutturi l-oħrajn.

( 5 ) Mill-informazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-destinazzjonijiet proposti minn ODEG huma limitati għall-Ġermanja. Madankollu, dan ma jipprekludix neċessarjament l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. F’dan ir-rigward, ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni - l-Linji Gwida dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2004, C 101, p. 81).

( 6 ) Deċiżjoni li tikkonċerna l-prezzijiet tal-istazzjonijiet taDB Station&Service AG tal-Aġenzija Federali tan-Networks, tal‑10 ta’ Diċembru 2009, fajl Nru 705-07-038, p. 22.

( 7 ) L-Artikolu 315 tal-BGB, intitolat “Determinazzjoni tal-benefiċċju minn parti waħda”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1) Jekk il-benefiċċju jrid jiġi stabbilit minn waħda mill-partijiet kontraenti, irid jiġi aċċettat, f’każ ta’ dubju, li din id-determinazzjoni għandha ssir ex aequo et bono.

[…]

(3) Meta d-determinazzjoni għandha ssir ex aequo et bono, id-determinazzjoni magħmula ma torbot la lil parti waħda u lanqas lill-oħra ħlief jekk din tkun konformi mal-ekwità. Jekk hija ma tkunx konformi mal-ekwità, hija għandha tiġi stabbilita b’sentenza […]”

( 8 ) Sentenza CTL Logistics, punti 84 u 86.

( 9 ) Deċiżjoni Nru BK10-19-0011 E, tal-Aġenzija Federali tan-Networks, tal‑11 ta’ Ottubru 2019.

( 10 ) KZR 39/19, DE:BGH:2019:291019UKZR39.19.0.

( 11 ) KZR 12/15,:DE:BGH:2020:010920UKZR12.15.0.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CTL Logistics, punti 84 u 86, kif ukoll Koleje Mazowieckie, punti 53 u 54.

( 13 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205).

( 15 ) Fis-setturi tal-elettriċità jew tat-telekomunikazzjonijiet, l-istrumenti rispettivi jipprovdu li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma responsabbli biex jiżguraw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-impriżi (ara l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36) u l-Artikolu 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125)).

( 16 ) Dan hu l-każ fl-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li r-rikors għall-qrati kompetenti tal-Unjoni huwa ammissibbli biss jekk preċedentement ġiet adita l-Awtorità tal-Ħatra. Ara, fuq dan is-suġġett, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano (C‑54/20 P, EU:C:2021:1025).

( 17 ) Is-setgħat tal-organu ta’ kontroll huma rregolati mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14.

( 18 ) Ara d-deċiżjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, l-organu ta’ kontroll stess jidher li għandu tali rappreżentazzjoni tal-uffiċċju tiegħu, peress li huwa paċifiku li dan l-organu kien stieden lill-impriżi ferrovjarji biex jadixxu lill-qrati ċivili għall-parti pekunjarja tat-talbiet tagħhom.

( 19 ) Korsiv miżjud minni.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Tali rikonoxximent parallel jippermetti wkoll li jiġi evitat li l-istħarriġ ġudizzjarju jikkostitwixxi min-naħa l-oħra l-unika rimedju ġudizzjarju.

( 22 ) Ara Tridimas, T., “Precedent and the Court of Justice, A Jurisprudence of Doubt?” f’Dickinson J., Eleftheriadis, P. (Ed.), Philosophical Foundations of EU Law, OUP, Oxford, 2012, p. 307 sa 330; Jacobs, M., Precedents and Case-Based Reasoning in the European Court of Justice, CUP, Cambridge, 2014, p. 127 et seq.

( 23 ) Jeħtieġ li jitfakkar li l-organu ta’ kontroll iddeċieda li t-tariffa 2005 kienet fil-fatt tikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/14. Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata minn DB Station & Service u d-deċiżjoni ġudizzjarja finali għadha pendenti. F’dan ir-rigward, ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).

( 26 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996 (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79).

( 27 ) Sentenza CTL Logistics, punt 74. Madankollu minix konvinta minn dan l-argument peress li l-qorti ċivili li tiddeċiedi fuq il-lealtà tal-prezz ma setgħetx tikser il-prinċipju tal-iffissar tat-tariffi preskritt fid-Direttiva 2001/14. Ara, f’dan is-sens, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża CTL Logistics, (C‑489/15, EU:C:2016:901, punti 39 sa 41).

( 28 ) Anki jekk ma jistax jiġi injorat il-fatt li din is-setgħa hija limitata bl-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika d-Direttiva 2001/14. F’dan ir-rigward, ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Dan it-tibdil leġiżlattiv seħħ wara diversi kontrovserji akkademiċi u politiċi fil-Ġermanja. Mill-punt 13 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2016:901) jirriżulta li “[i]d-dibattitu intern iġġenerat minn din it-tendenza ġudizzjarja jidher li kiseb il-portata ta’ kunflitt istituzzjonali reali, bħalma juri fost oħrajn in-nuqqas ta’ qbil espress mill-Bundesrat (kunsill federali, il-Ġermanja) mal-proposta, li tinsab fl-abbozz ta’ liġi li temenda l-leġiżlazzjoni ferrovjarja u li tittrasponi d-Direttiva 2012/31, li tiġi eskluża b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni”. Fl-aħħar mill-aħħar, jidher (peress li l-Gvern Ġermaniż ma pparteċipax f’din il-proċedura) li l-leġiżlatur Ġermaniż intervjena biex jiddikjara l-Artikolu 315 tal-BGB inapplikabbli għal sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (punt 14 tal-imsemmija konklużjonijiet).

( 30 ) Il-qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi dwar il-validità tat-tariffa filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat Pollakk fit-traspożizzjoni tad-direttiva 2001/14(sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338).

( 31 ) Sentenza Koleje Mazowieckie, punt 52.

( 32 ) Fuq dan l-argument, ara l-punti 64 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Sentenzi CTL Logistics, punt 95, u Koleje Mazowieckie, punt 51.

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2016:901, punti 39 sa 41).

( 35 ) Ara wkoll, għal dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali waqt l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali ta’ kompetizzjoni, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 224), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 57).

( 36 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 1, p. 341).

( 37 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 5, p. 376).

( 38 ) Il-korsiv ġie miżjud minni.

( 39 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika (ĠU 2012, L 343, p. 32 u rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67).

( 40 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062), kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il-Kummissjoni (C‑123/16 P, EU:C:2018:590).

( 41 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 1986, Asjes et (209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188), kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands (C‑819/19, EU:C:2021:904, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Avviż mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni lis-settur postali u dwar l-istima ta’ ċerti miżuri statali dwar is-servizzi postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 174).

( 43 ) Ara Idot, L., “Règles de concurrence et régulations sectorielles”, f’van Damme, J. u van der Mensbrugghe, F., La régulation des services publics en Europe, ASPE Europe, Pariġi, 2000, p. 377 sa 415.

( 44 ) Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali jew settorjali tal-kompetizzjoni minn qorti nazzjonali tindaħal fuq il-kompetenzi u l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-organu ta’ kontroll, li jibqgħu intatti. Dawn ir-regoli, meħudin fit-totalità tagħhom, lanqas ma jippreġudikaw l-indipendenza ta’ dan l-organu, kif previst fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, peress li l-kompetenzi tiegħu joħorġu preċiżament minn tali kuntest ġuridiku. L-istess japplika fir-rigward tal-indipendenza tal-ġestjonarju ta’ infrastruttura ggarantita fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).

( 46 ) Il-korsiv ġie miżjud minni.

( 47 ) Il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola u Ġermaniża jużaw ukoll l-istess verb modali “jista’”. Dawk bil-lingwa Ingliża, Kroata u Taljana jaffermaw l-eżistenza ta’ dritt. Għalkemm il-verżjonijiet lingwistiċi differenti li għalihom għadni kif irreferejt jistabbilixxu, b’xi mod jew b’ieħor, fakultà jew dritt, ħadd mhu qiegħed jissuġġerixxi kompetenza obbligatorja jew esklużiva. Għaldaqstant, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jikkorroboraw il-kunsiderazzjoni li tgħid li d-Direttiva 2001/14 tagħti lill-organu ta’ kontroll, imwaqqaf mill-Artikolu 30 tagħha, kompetenza fakultattiva biex jirriżolvi t-tilwim. Tali tifsira tal-kompetenza tal-organu ta’ kontroll biex jirriżolvi t-tilwim tinsab fid-Direttiva 2012/34, li fil-frattemp issostitwixxiet id-Direttiva 2001/14 peress li l-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34, li jikkorrispondi għall-ex Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tad-dispożizzjoni li ppreċedietha.

( 48 ) Ara, b’analoġija, Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 49 ) Ara l-punti 7 sa 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara r-referenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.