KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawża C‑490/20

V.М.А.

vs

Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (il-Komun ta’ Sofija, distrett amministrattiv ta’ Pancharevo, il-Bulgarija)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia‑grad (il‑Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Wild ta’ koppja miżżewġa tal-istess sess imwieled fi Stat Membru – Att ta’ twelid maħruġ minn dan l-Istat Membru li jindika żewġ ommijiet għall-wild, li waħda minnhom hija ċittadina ta’ Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan it-tieni Stat Membru li ma taċċettax il-ħruġ ta’ att ta’ twelid li jindika żewġ ommijiet – Determinazzjoni tal-filjazzjoni ta’ wild – Rifjut li tiġi indikata l-mara li welldet lill-wild – Artikolu 4(2) TUE – Rispett tal‑identità nazzjonali tal-Istati Membri – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju”

I. Introduzzjoni

1.

Stat Membru għandu joħroġ att ta’ twelid li fuqu jkunu indikati żewġ nisa bħala ommijiet, li waħda minnhom hija ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, lil wild imwieled fi Stat Membru ieħor fejn kien inħariġlu tali att ta’ twelid? Din hija essenzjalment id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

2.

Ir-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari li joħorġu tali att ta’ twelid huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li d-dritt Bulgaru ma jippermettix li żewġ nisa jiġu indikati bħala ġenituri ta’ wild fuq att ta’ twelid. Din l-impossibbiltà toħroġ mill-fatt li, fil-Bulgarija, tipprevali l-idea tal-familja msejħa “tradizzjonali” li tikkostitwixxi, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, valur protett bħala parti mill-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Peress li dan jimplika li jista’ jkun hemm biss omm waħda ta’ wild, l-awtoritajiet Bulgari jqisu li għalhekk huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-mara li welldet lill-wild sabiex tiġi indikata biss din il-mara fuq l-att tat-twelid, informazzjoni li l-koppja kkonċernata tirrifjuta li tiżvela.

3.

Il-ħruġ tal-att ta’ twelid mitlub ma jikkonfermax biss, de facto, in-nazzjonalità tal-wild ikkonċernat iżda wkoll l-istatus tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Minn dan l-att tiddependi wkoll il-possibbiltà għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u għall-mara miżżewġa tagħha li jitqiesu bħala l-ġenituri tat-tifla tagħhom skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ waħda minnhom. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni ta’ jekk ir-rifjut li jinħareġ att tat-twelid Bulgaru li jirrikonoxxi r-rabtiet ta’ parentela stabbiliti fi Spanja jmurx kontra l-Artikolu 21(1) TFUE kif ukoll kontra d-drittijiet fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), iddefiniti b’mod partikolari fl-Artikoli 7 u 24(2) tagħha.

4.

Din il-kwistjoni hija ta’ natura sensittiva ħafna, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tan-nazzjonalità kif ukoll tad-dritt tal-familja u fid-dawl tad-differenzi kbar li attwalment jeżistu fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-istatus legali u tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-koppji tal-istess sess. Barra minn hekk, din il-kwistjoni hija ta’ importanza prattika notevoli, kif tixhed il-Kawża C‑2/21, Rzecznik Praw Obywatelskich, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kuntest fattwali u legali tagħha huwa simili ħafna għal dak ta’ din il-kawża u li tqajjem, parzjalment, kwistjonijiet kważi identiċi.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Ir-Regolament (UE) 2016/1191

5.

Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ( 2 ) jeżenta minn legalizzazzjoni jew minn formalità simili ċerti dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu li l-għan tagħhom ikun li jistabbilixxu, fost oħrajn, it-twelid u l-filjazzjoni. Dan ir-regolament japplika, konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu, meta tali dokumenti jkollhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor.

6.

Konformement mal-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar ma għandux jobbliga lill-Istati Membri joħorġu dokumenti pubbliċi li ma jeżistux taħt id-dritt nazzjonali tagħhom.

7.

L-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament jipprevedi li dan ir-regolament ma japplikax għar-rikonoxximent fi Stat Membru ta’ effetti legali marbuta mal-kontenut ta’ dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor.

2.   Id-Direttiva 2004/38/KE

8.

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 3 ), tiddefinixxi, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni kif ġej:

“(a)

ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

(b)

is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d)

il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);”.

9.

Fl-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, din id-direttiva tipprevedi:

“(1)   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

[…]

(3)   Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom.

[…]”

B. Id-dritt Bulgaru

10.

Skont l-Artikolu 46(1) tal-Kostituzzjoni tal-Bulgarija, li jinsab fil-Kapitolu 2 tagħha, intitolat “Drittijiet u obbligi prinċipali taċ-ċittadini”, “[i]ż-żwieġ huwa unjoni volontarja bejn raġel u mara”.

11.

Attwalment, id-dritt Bulgaru la jippermetti ż-żwieġ u lanqas xi forma oħra ta’ unjoni li għandha effetti legali bejn persuni tal-istess sess.

12.

Il-filjazzjoni hija rregolata mill-Kapitolu VI tas-Semeen kodeks (il-Kodiċi tal-Familja) ( 4 ). Skont l-Artikolu 60(1) u (2) tiegħu:

“(1) Il-filjazzjoni fir-rigward tal-omm hija ddeterminata permezz tat-twelid.

(2) L-omm tal-wild hija l-mara li tkun wellditu, inkluż fil-każ ta’ prokreazzjoni assistita”.

13.

L-Artikolu 61 tal-Kodiċi tal-Familja jipprevedi:

“(1)   Il-konjuġi tal-omm huwa preżunt li huwa l-missier tal-wild imwieled matul iż-żwieġ jew f’perijodu ta’ tliet mitt jum wara x-xoljiment taż-żwieġ.

(2)   Jekk il-wild jitwieled f’perijodu ta’ tliet mitt jum wara x-xoljiment taż-żwieġ, iżda wara li l-omm tkun iżżewġet mill-ġdid, il-konjuġi l-ġdid tal-omm huwa preżunt li huwa l-missier tal-wild.

[…]”

14.

Konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja, meta l-filjazzjoni ta’ wild fir-rigward ta’ wieħed mill-ġenituri tiegħu ma tkunx magħrufa, kull ġenitur jista’ jirrikonoxxi l-wild tiegħu. Dan ir-rikonoxximent isir, skont l-Artikolu 65 ta’ dan l-istess kodiċi, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali quddiem l-aġent tal-istatus ċivili jew permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata ċċertifikata minn nutar.

15.

In-naredba (Regolament) Nru RD‑02‑20‑9, tal-21 ta’ Mejju 2012, dwar il-funzjonament tas-sistema unika tar-reġistru tal-istatus ċivili, tal-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u għall-Ippjanar tat-Territorju (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru RD‑02‑20‑9”) ( 5 ) jipprevedi, fl-Artikolu 12 tiegħu:

“(1)   Fil-każ ta’ reġistrazzjoni ta’ twelid li jkun seħħ barra mill-pajjiż, l-informazzjoni dwar l-isem tal-persuna, id-data u l-post tat-twelid, is-sess u l-filjazzjoni stabbilita għandha titniżżel fl-att tat-twelid hekk kif tkun indikata fil-kopja jew fit-traduzzjoni bil-Bulgaru tad-dokument barrani prodott. […]

(3)   Meta l-filjazzjoni dwar ġenitur (omm jew missier) ma tkunx stabbilita, meta jiġi redatt l-att tat-twelid fir-Repubblika tal-Bulgarija, il-kaxxa korrispondenti, intiża għall-informazzjoni dwar dan il-ġenitur, għandha titħalla vojta u għandha tinqata’ barra b’linja.

(4)   Jekk il-kopja jew l-estratt ma jkunx fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa fir-rigward tal-ġenituri, għandha tintuża l-informazzjoni li tidher fid-dokumenti ta’ identità tagħhom jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. L-informazzjoni dwar in-numru tal-identità personali, id-data tat-twelid, il-patronimu (jekk ikun il-każ) u n-nazzjonalità tal-ġenitur li jkun ċittadin Bulgaru għandha tiġi kkompletata fuq il-bażi tar-reġistru tal-popolazzjoni. Id-data tat-twelid u n-nazzjonalità tal-ġenitur, li jkun ċittadin barrani, jistgħu jiġu kkompletati bid-dokument tal-identità nazzjonali tiegħu. Fil-każ li jkun impossibbli li tiġi kkompletata l-informazzjoni kollha dwar dan il-ġenitur, l-att għandu jindika biss l-informazzjoni disponibbli.

[…]”

III. Il-fatti u t-tilwima fil-kawża prinċipali

16.

V.M.A., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Bulgara filwaqt li l-mara miżżewġa tagħha hija ċittadina tar-Renju Unit imwielda f’Ġibiltà, fejn iż-żewġ nisa żżewġu fl-2018. Huma ilhom jirrisjedu fi Spanja mis-sena 2015. F’Diċembru 2019, huma kellhom tifla li twieldet u li tirrisjedi wkoll, flimkien maż-żewġ ġenituri tagħha, fi Spanja. L-att tat-twelid ta’ din it-tifla, maħruġ mill-awtoritajiet Spanjoli, jindika lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala “omm A” u lill-mara miżżewġa tagħha bħala l-“omm” tal-wild.

17.

Fid-29 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-awtorità kompetenti, jiġifieri l-iStolichna obshtina (il-Komun ta’ Sofija, il-Bulgarija), toħroġilha att tat-twelid għal bintha, peress li dan l-att huwa b’mod partikolari meħtieġ għall-ħruġ ta’ dokument ta’ identità Bulgaru. Insostenn ta’ din it-talba, hija ppreżentat traduzzjoni bil-Bulgaru, awtentikata u ċċertifikata konformi, tal-estratt tar-reġistru tal-istatus ċivili ta’ Barcelona (Spanja) dwar iċ-ċertifikat ta’ twelid tal-wild.

18.

Permezz ta’ ittra elettronika tas-7 ta’ Frar 2020, il-Komun ta’ Sofija ordna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tippreżenta, f’terminu ta’ sebat ijiem, provi dwar il-filjazzjoni tal-wild fir-rigward tal-omm bijoloġika tagħha. Huwa argumenta, f’dan ir-rigward, li l-mudell ta’ att ta’ twelid li jagħmel parti mid-dritt nazzjonali fis-seħħ jipprevedi biss kaxxa waħda għall-“omm” u kaxxa oħra għall-“missier”, fejn isem wieħed biss jista’ jitniżżel f’kull waħda minn dawn il-kaxxi.

19.

Fit-18 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wieġbet għal din it-talba fis-sens li hija ma setgħetx tipprovdi l-informazzjoni mitluba u li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, hija ma kinitx obbligata tipprovdiha.

20.

Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2020, il-Komun ta’ Sofija ċaħad it-talba għall-ħruġ ta’ att ta’ twelid. Huwa bbaża din id-deċiżjoni ta’ ċaħda fuq l-assenza ta’ informazzjoni dwar l-omm bijoloġika tal-wild u fuq il-fatt li t-tniżżil f’att tat-twelid ta’ żewġ ġenituri tas-sess femminili tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Bulgarija, li ma jawtorizzax iż-żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess.

21.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għalhekk, ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija).

22.

Dik il-qorti tispjega li, skont l-Artikolu 25(1) tal-Kostituzzjoni tal-Bulgarija u skont l-Artikolu 8 taż-Zakon za balgarskoto grazhdanstvo (il-Liġi dwar in-Nazzjonalità Bulgara), il-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara minkejja li, sal-lum, għad ma għandhiex att ta’ twelid Bulgaru. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ħruġ ta’ tali att ma jikkostitwixxix rifjut li tingħata n-nazzjonalità Bulgara.

23.

L-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) għandha dubji dwar jekk ir-rifjut mill-awtoritajiet Bulgari li jirreġistraw it-twelid ta’ ċittadina Bulgara, li seħħ fi Stat Membru ieħor u li ġie attestat minn att ta’ twelid li jindika żewġ ommijiet, maħruġ minn dan l-aħħar Stat Membru, jippreġudikax id-drittijiet mogħtija lill-imsemmija ċittadina Bulgara mill-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll mill-Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta. Fil-fatt, ir-rifjut li jinħareġ att ta’ twelid Bulgaru jista’ jwassal għal ostakoli amministrattivi serji fir-rigward tal-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identità Bulgari u, għaldaqstant, jagħmilha iktar diffiċli għall-wild li teżerċita d-dritt għall-moviment liberu u għalhekk li tgawdi kompletament id-drittijiet tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni.

24.

Barra minn hekk, sa fejn l-omm l-oħra tal-wild hija ċittadina tar-Renju Unit, dik il-qorti tistaqsi jekk il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u b’mod partikolari l-fatt li l-wild ma tistax tkompli tgawdi l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni bis-saħħa tan-nazzjonalità tal-omm l-oħra tagħha, humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni.

25.

Fl-istess ħin, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-obbligu impost, jekk ikun il-każ, fuq l-awtoritajiet Bulgari, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ ċertifikat tat-twelid, li fl-att ta’ twelid Bulgaru jniżżlu żewġ nisa bħala ġenituri, jippreġudika l-identità nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija, li ma pprevedietx il-possibbiltà li fl-att ta’ twelid jitniżżlu żewġ ġenituri tal-istess sess. Dik il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-filjazzjoni tal-wild għandhom importanza fundamentali fit-tradizzjoni kostituzzjonali Bulgara, kif ukoll fid-duttrina Bulgara fil-qasam tad-dritt tal-familja u tas-suċċessjonijiet, kemm mill-perspettiva purament legali kif ukoll mill-perspettiva tal-valuri, fid-dawl tal-istadju attwali tal-evoluzzjoni tas-soċjetà fil-Bulgarija.

26.

B’hekk, dik il-qorti tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk huwiex meħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn id-diversi interessi leġittimi li huma preżenti f’dan il-każ: minn naħa, l-identità nazzjonali tal-Bulgarija u, min-naħa l-oħra, l-interessi u b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u għal-libertà ta’ moviment tal-wild, li bl-ebda mod ma hija responsabbli għad-differenzi fl-iskali ta’ valuri soċjali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi b’mod partikolari jekk tali bilanċ jistax jintlaħaq bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod iktar partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk bilanċ aċċettabbli bejn dawn id-diversi interessi leġittimi jistax jintlaħaq jekk fit-taqsima “omm” titniżżel waħda miż-żewġ ommijiet imsemmija fl-att ta’ twelid Spanjol, jiġifieri jew l-omm bijoloġika tal-wild, jew il-mara miżżewġa tagħha li saret omm tal-wild skont proċedura oħra (pereżempju b’adozzjoni), filwaqt li titħalla vojta t-taqsima “missier”.

27.

Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi l-inklużjoni taż-żewġ ommijiet tal-wild fl-att ta’ twelid Bulgaru, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif dan ir-rekwiżit ser ikollu jiġi eżegwit, sa fejn hija ma tistax tissostitwixxi l-mudell ta’ att ta’ twelid fis-seħħ.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, l-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikoli 20 u 21 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 7, 24 u 45 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari li tkun saritilhom talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat tat-twelid ta’ wild, li jkun ċittadin Bulgaru, liema twelid ikun seħħ fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, kif attestat f’att tat-twelid Spanjol, li fih huma indikati żewġ persuni ta’ sess femminili bħala ommijiet, mingħajr ma jispeċifika jekk waħda minn dawn il-persuni hijiex l-omm bijoloġika tal-wild, u liema waħda minnhom hija l-omm bijoloġika, jirrifjutaw li joħorġu att tat-twelid Bulgaru għar-raġuni li r-rikorrenti qiegħda tirrifjuta li tindika min hija l-omm bijoloġika tal-wild?

2)

L-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll l-Artikolu 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-identità nazzjonali u kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni timplika li dawn tal-aħħar igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tar-regoli li jiddeterminaw il-filjazzjoni? B’mod partikolari:

L-Artikolu 4(2) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jeżiġu informazzjoni dwar il-filjazzjoni bijoloġika tal-wild?

L-Artikolu 4(2) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 7 u 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-identità nazzjonali u kostituzzjonali tal-Istat Membru, filwaqt li jitqies il-fatt li attwalment ma jeżistix kunsens, la minn perspettiva ta’ valuri u lanqas minn perspettiva legali, dwar il-possibbiltà li bħala ġenituri fl-att tat-twelid jitniżżlu persuni tal-istess sess, mingħajr ma jiġi speċifikat jekk waħda minn dawn il-persuni hijiex ġenitur bijoloġiku tal-wild, u liema waħda minn dawn il-persuni hija tali ġenitur bijoloġiku, u, min-naħa l-oħra, l-interess superjuri tal-wild? Fl-affermattiv, kif għandu jintlaħaq dan il-bilanċ fil-prattika?

3)

Il-konsegwenzi legali ta’ Brexit għandhom impatt fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda sa fejn waħda mill-ommijiet imsemmija fl-att ta’ twelid maħruġ fi Stat Membru ieħor hija ċittadina tar-Renju Unit filwaqt li l-oħra hija ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni, peress li, b’mod partikolari, ir-rifjut li jinħareġ att ta’ twelid Bulgaru jipprekludi l-ħruġ ta’ dokument ta’ identità għall-wild minn Stat Membru tal-Unjoni u, għaldaqstant, jista’ jagħmel iktar diffiċli l-eżerċizzju sħiħ minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali ma jimxux mal-mudell ta’ att tat-twelid li jagħmel parti mid-dritt nazzjonali fis-seħħ?”

29.

Fid-19 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, Spanjol, Taljan, Ungeriż, Pollakk u Slovakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi preliminari. Matul is-seduta tad‑9 ta’ Frar 2021 għamlu interventi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Bulgaru, Spanjol, Ungeriż, Taljan, Olandiż u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni.

V. Evalwazzjoni

A. Fuq il-premessi fattwali tal-kawża prinċipali u l-impatt tagħhom fuq l‑analiżi tad-domandi preliminari

31.

Huwa qabel kollox meħtieġ li jiġu kkjarifikati numru ta’ premessi fattwali tad-digriet tar-rinviju li ġew ikkontestati mill-Gvern Bulgaru matul is-seduta kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-analiżi tad-domandi preliminari.

32.

Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssostni diversi drabi li huwa paċifiku li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara bis-saħħa tal-Artikolu 25(1) tal-Kostituzzjoni tal-Bulgarija. Skont din id-dispożizzjoni, “[għandha] n-nazzjonalità Bulgara kull persuna li minn tal-inqas wieħed mill-ġenituri tagħha għandu nazzjonalità Bulgara […]”. F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru kkonferma, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kisba tan-nazzjonalità Bulgara bis-saħħa tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq topera ipso jure, jiġifieri mingħajr ma huwa meħtieġ ebda att amministrattiv li jagħti n-nazzjonalità.

33.

Issa, peress li, skont l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi tal-Familja, l-omm tal-wild hija l-“l-mara li tkun wellditu” (iktar ’il quddiem l-“omm bijoloġika”), u peress li hija preċiżament din l-informazzjoni li hija nieqsa fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Gvern Bulgaru kkontesta, matul is-seduta, l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju li huwa paċifiku li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara. Fi kliem ieħor, il-Bulgarija ma tirrikonoxxix il-filjazzjoni bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-wild u, għalhekk, il-fatt li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara fuq il-bażi tas-sempliċi preżentazzjoni tal-att tat-twelid Spanjol.

34.

Il-Gvern Bulgaru, fil-verità, enfasizza wkoll li huwa biżżejjed, sabiex il-wild tingħata n-nazzjonalità Bulgara, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi l-maternità tagħha konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja. Din il-possibbiltà la hija rriżervata għal raġel f’relazzjoni eterosesswali u lanqas ma hija suġġetta għall-prova tal-filjazzjoni bijoloġika. Fi kliem ieħor, anki li kieku r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx l-omm bijoloġika fis-sens tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi tal-Familja, hija tista’ b’hekk tikseb l-istatus ta’ omm il-wild bis-saħħa tad-dritt Bulgaru (u ssir dak li ser nirreferi għaliha bħala l-“omm legali”). Madankollu, dejjem skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, dan ikollu l-konsegwenza li tiġi eliminata kull rabta ta’ filjazzjoni bejn il-wild u l-omm bijoloġika tagħha taħt id-dritt Bulgaru.

35.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li ddaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli kif tkun saret mill-qorti tar-rinviju ( 6 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta bl-ipoteżi li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara.

36.

Issa, meta jitqiesu l-inċertezzi manifesti dwar din il-kwistjoni u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, din il-kawża għandha tiġi eżaminata abbażi ta’ żewġ ipoteżijiet.

37.

L-ewwel waħda hija dik li fiha l-wild ma kisbitx in-nazzjonalità Bulgara ipso jure peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex l-omm bijoloġika tagħha, u lanqas ma ser tkun tista’ tiksibha fil-futur għaliex ir-rikorrenti lanqas ma tixtieq tirrikonoxxi l-maternità tagħha konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja. It-tieni ipoteżi hija dik li fiha l-wild tikseb din in-nazzjonalità għaliex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija fil-fatt l-omm bijoloġika tagħha, jew tista’ tiksibha minħabba r-rikonoxximent tal-maternità tagħha mir-rikorrenti konformement mal-Artikolu 64 ta’ dan il-kodiċi.

38.

Għalkemm, taħt l-ewwel ipoteżi, il-wild ma hijiex ċittadina tal-Unjoni bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TFUE, għandu madankollu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma taqax għalhekk barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, taħt din l-ipoteżi, tqum il-kwistjoni ta’ jekk ċittadina tal-Unjoni – ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – li eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu u li saret omm ta’ wild flimkien mal-konjuġi tagħha skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, tistax titlob lill-Istat Membru ta’ oriġini tagħha jirrikonoxxi din is-sitwazzjoni u joħroġ, għal dan il-għan, att ta’ twelid li jindika liż-żewġ nisa bħala ġenituri tal-wild ikkonċernat. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari ma teskludix l-eżami tagħhom mill-perspettiva tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li ma jirreferux espliċitament jew esklużivament għad-dritt ta’ moviment liberu tal-wild.

39.

Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari bl-ebda mod ma jitilfu l-iskop tagħhom jekk il-maternità (bijoloġika jew legali) tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi stabbilita. Fil-verità, il-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari tista’ tagħti l-impressjoni li l-ħruġ ta’ att ta’ twelid Bulgaru jiddependi biss mill-identifikazzjoni tal-omm (bijoloġika) tal-wild. Issa, fir-realtà, l-identifikazzjoni stess tar-rikorrenti bħala omm il-wild ma ser tibdel xejn mill-fatt li l-awtoritajiet Bulgari ma humiex lesti joħorġu l-att ta’ twelid mitlub li jindika, bħall-att ta’ twelid Spanjol, lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lill-mara miżżewġa tagħha bħala ommijiet tal-wild. Dan il-fatt ġie kkonfermat mill-Gvern Bulgaru matul is-seduta. Ir-rifjut li jinħareġ l-att ta’ twelid mitlub jikkawża, barra minn hekk, l-impossibbiltà de facto għall-wild li tikseb dokument ta’ identità Bulgaru. Għaldaqstant, tqum fi kwalunkwe każ il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din is-sitwazzjoni mal-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll mal-Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta.

40.

Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tindirizza l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni jobbligax lil Stat Membru jirrikonoxxi, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ att ta’ twelid, il-filjazzjoni ta’ wild fir-rigward ta’ koppja nisa miżżewġa kif din il-filjazzjoni tkun ġiet iddeterminata f’dokument pubbliku maħruġ minn Stat Membru ieħor jew jekk, għall-kuntrarju, dan l-ewwel Stat Membru huwiex liberu li jiddetermina l-filjazzjoni konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu meta dan jimplika li mara waħda biss tiġi rrikonoxxuta bħala omm ( 7 ).

41.

Il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Bulgari jistgħux jeżiġu informazzjoni dwar l-identità tal-omm bijoloġika tal-wild, imqajma mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, ma għandhiex, għalhekk, natura indipendenti. Fil-fatt, jekk il-Bulgarija għandha tirrikonoxxi l-filjazzjoni tal-wild fir-rigward taż-żewġ nisa indikati bħala ommijiet fl-att ta’ twelid Spanjol, l-identifikazzjoni tal-omm bijoloġika issir irrilevanti peress li l-awtoritajiet Bulgari ikunu fi kwalunkwe każ obbligati jniżżlu liż-żewġ nisa bħala ommijiet fuq l-att ta’ twelid. Għall-kuntrarju, jekk il-Bulgarija hija libera li tiddetermina l-filjazzjoni konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, dan jimplika neċessarjament li l-Bulgarija tista’ tqis lil mara waħda biss bħala l-omm tal-wild, kemm jekk tkun l-omm bijoloġika jew dik li tkun irrikonoxxiet il-wild.

B. L-approċċ li għandu jittieħed

42.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni domanda preliminari, kif ġew elaborati fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom jiġu ttrattati flimkien. F’dan il-kuntest, ser tingħata risposta wkoll għat-tielet domanda preliminari, li tikkonċerna l-konsegwenzi tal-Brexit fuq is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

43.

Għalhekk, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ir-rifjut li jinħareġ l-att tat-twelid mitlub jikkostitwixxix, fir-rigward ta’ kull waħda mill-ipoteżijiet imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, jiġifieri irrispettivament minn jekk il-wild għandhiex in-nazzjonalità Bulgara jew le, ostakolu għad-drittijiet stabbiliti fit-Tieni Parti tat-TFUE, b’mod partikolari għad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE.

44.

Fit-tieni lok, għandu jiġi mistħarreġ jekk eventwali ostakolu għall-moviment liberu jistax jiġi ġġustifikat, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE li jiggarantixxi r-rispett tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri. Il-qorti tar-rinviju tindirizza dan il-punt f’iktar dettall fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari tagħha. F’dan ir-rigward, ser ikun meħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk l-invokazzjoni tal-identità nazzjonali titlobx ibbilanċjar ma’ interessi oħra, bħalma huma d-drittijiet fundamentali tal-Karta msemmija fl-ewwel domanda preliminari, u, jekk ikun il-każ, b’liema intensità għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja.

45.

Din l-analiżi ser titwettaq, l-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, jiġifieri dik li taħtha l-wild ma għandhiex in-nazzjonalità Bulgara. F’dan il-kuntest, ser tingħata wkoll soluzzjoni għall-kwistjoni, imqajma b’mod minn tal-inqas impliċitu matul is-seduta, ta’ jekk il-Bulgarija tistax eventwalment tkun obbligata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tagħti n-nazzjonalità lill-wild tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Parti C).

46.

Sussegwentement, ser tiġi eżaminata l-ipoteżi li taħtha l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara (Parti D).

47.

Fl-aħħar nett, sabiex tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari, ser nagħmel numru ta’ kunsiderazzjonijiet prattiċi sabiex niggwida lill-qorti tar-rinviju fl-implimentazzjoni tas-soluzzjoni proposta (Parti E).

C. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari fl-ipoteżi li l-wild ma għandhiex in-nazzjonalità Bulgara

1.   Fuq l-ostakolu għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni

a)   Fuq l-ostakolu għad-drittijiet tal-wild

48.

Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jiċċaqlaq u li jirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti fit-Trattati u fid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom. Sabiex jiggarantixxu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-prattika, l-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, joħorġu liċ-ċittadini tagħhom dokument ta’ identità konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom.

49.

Fir-rigward ta’ dan l-obbligu tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-awtoritajiet Bulgari ma għandhomx il-kompetenza li joħorġu dokument ta’ identità lill-wild skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jekk din ma jkollhiex in-nazzjonalità Bulgara.

50.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Bulgari jistgħux ikunu meħtieġa jagħtuha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, in-nazzjonalità Bulgara, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità taqa’, konformement mad-dritt internazzjonali, fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru ( 8 ).

51.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riżerva li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 9 ), għandu jitfakkar li din ir-riżerva tapplika biss meta dan l-eżerċizzju jaffettwa d-drittijiet mogħtija u protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 10 ). Fi kliem ieħor, huwa biss meta jillimita d-drittijiet li joħorġu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li att li jissuġġetta l-kisba jew it-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru għal xi kundizzjonijiet jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 11 ). Għall-kuntrarju, meta persuna qatt ma tkun kisbet id-drittijiet li joħorġu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, tali att ma jkunx jista’, a priori, jillimita dawn id-drittijiet. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tistax titqies li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni “min-natura tagħha stess u l-konsegwenzi tagħha” ( 12 ).

52.

Huwa għalhekk li, fl-ipoteżi li l-wild ma kisbitx in-nazzjonalità Bulgara ipso jure, ma tistax tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-Bulgarija tistax tkun obbligata tagħtiha n-nazzjonalità skont l-Artikoli 20 u 21 TFUE mill-perspettiva tal-wild ( 13 ).

53.

Għal kull fini utli, għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-kuntest, li ġie kkonfermat mill-Gvern Spanjol, matul is-seduta, li, fl-ipoteżi li l-wild la tkun intitolata għan-nazzjonalità Bulgara u lanqas għal dik tar-Renju Unit ( 14 ), il-wild ser tkun intitolata għan-nazzjonalità Spanjola, konformement mal-Artikolu 17 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol. Dan ifisser li ma hemmx riskju li l-wild tispiċċa persuna mingħajr Stat.

54.

Għaldaqstant, fl-ipoteżi li l-wild ma għandhiex in-nazzjonalità Bulgara, hija ma tgawdix mid-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll mill-Artikoli 20 u 21 TFUE, li huma rriżervati għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Konsegwentement, ir-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari li joħorġu att tat-twelid Bulgaru lill-wild li jindika, bħall-att ta’ twelid Spanjol, lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lill-mara miżżewġa tagħha bħala ommijiet tal-wild, kif ukoll ir-rifjut li joħorġu dokument ta’ identità Bulgara lil din il-wild, ma jistgħux jippreġudikaw dawn id-drittijiet.

b)   Fuq l-ostakolu għad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

55.

Għandu jitfakkar li, fl-ipoteżi eżaminata hawnhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex l-omm bijoloġika tal-wild u ma tixtieqx tirrikonoxxi l-maternità tagħha konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja ( 15 ).

56.

Ir-rifjut li jinħareġ l-att ta’ twelid mitlub jista’ madankollu jikkostitwixxi ostakolu għad-dritt għal moviment liberu sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbet legalment l-istatus ta’ omm tal-wild bis-saħħa tad-dritt Spanjol.

57.

Att ta’ twelid jirrifletti l-filjazzjoni ta’ persuna hekk kif tkun ġiet stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti. F’dan id-dawl, mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Bulgaru matul is-seduta jirriżulta li traskrizzjoni tal-att ta’ twelid Spanjol ikollha l-konsegwenza prattika li tagħti l-kwalità ta’ omm lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lill-mara miżżewġa tagħha. Għall-kuntrarju, jekk waħda miż-żewġ nisa ma tiġix indikata fuq dan id-dokument, hija ma tkunx titqies li hija l-omm tal-wild fis-sens tad-dritt tal-familja Bulgaru.

58.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax, fl-istat attwali tal-iżvilupp tiegħu, ir-regoli dwar l-istabbiliment tal-istatus ċivili ta’ persuna ( 16 ) u, b’mod iktar partikolari, dwar il-filjazzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li miżura nazzjonali adottat f’dan il-qasam ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattati, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 17 ).

59.

Ma hemm ebda dubju li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija ċittadina Bulgara residenti fi Spanja, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, u li hija tista’ tinvoka d-drittijiet li joħorġu minnu anki fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha ( 18 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu taċ-ċittadini kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà miċ-ċittadini tal-Unjoni ( 19 ).

60.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-Artikolu 21(1) TFUE jinkludu d-dritt li dawn iċ-ċittadini jgħixu ħajja tal-familja normali kemm fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll fl-Istat Membru li tiegħu jkollhom in-nazzjonalità, meta jmorru lura f’dan l-Istat Membru, billi jibbenefikaw hemmhekk mill-preżenza, magħhom, tal-membri tal-familja tagħhom ( 20 ).

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża, f’dan il-kuntest, li l-“membri tal-familja” huma f’kull każ dawk imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 21 ). Din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod partikolari għar-“raġel jew martu [il-konjuġi]” ta’ ċittadin tal-Unjoni (punt (a)) u għad-“dixxendenti diretti” tiegħu (punt (ċ)). Issa, il-fatt li l-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni li miegħu dan tal-aħħar ikun ikkonkluda żwieġ b’mod validu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma jiġix ikkwalifikat bħala “membru tal-familja” minħabba li d-dritt ta’ Stat Membru ma jkunx jipprevedi din il-possibbiltà, joħloq ir-riskju ta’ differenza fid-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 21(1) TFUE bejn Stat Membru u ieħor, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 22 ). Għal din l-istess raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “dixxendent dirett” għandu jingħata interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha ( 23 ). F’dan il-każ, huwa paċifiku li kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-mara miżżewġa tagħha kisbu b’mod validu l-istatus ta’ ġenitur tal-wild bis-saħħa tad-dritt Spanjol ( 24 ) u li barra minn hekk jgħixu ħajja tal-familja effettiva mat-tifla tagħhom fi Spanja.

62.

Issa, l-assenza ta’ rikonoxximent ta’ dawn ir-rabtiet ta’ parentela mrawma fi Spanja toħloq ostakoli serji għall-ħajja tal-familja fil-Bulgarija. Fil-fatt, l-istatus ta’ membru tal-familja huwa l-bażi ta’ diversi drittijiet u obbligi li joħorġu kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali. Sabiex nagħti biss ftit eżempji, jekk nibda mill-inċertezzi marbuta mad-dritt ta’ residenza tal-wild fil-Bulgarija, u nkompli bl-ostakoli fil-qasam tal-kustodja u tas-sigurtà soċjali, dan ir-rifjut ikollu wkoll konsegwenzi fil-qasam matrimonjali u tas-suċċessjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm ebda dubju li l-assenza ta’ rikonoxximent tar-rabtiet ta’ parentela mrawma fi Spanja tista’ tiddisswadi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha.

63.

Huwa minnu li, kif ġie espost fil-punt 34 iktar ’il fuq, anki jekk ma hijiex l-omm bijoloġika tal-wild, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tirrikonoxxi l-maternità tagħha konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja. Madankollu, ir-rikonoxximent tal-maternità timplika neċessarjament l-esklużjoni tar-rikonoxximent ta’ mara oħra, u b’mod partikolari tal-mara miżżewġa tagħha, bħala omm ( 25 ).

64.

Għaldaqstant, dan jipprekludi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tkompli, fil-każ li tmur lura fil-Bulgarija, il-ħajja tal-familja li hija kellha fi Spanja. B’mod konkret, hija ser ikollha tassumi waħedha d-dmirijiet ta’ ġenitur kollha li jeħtieġu l-prova tal-istatus ta’ ġenitur, kemm jekk tkun ir-reġistrazzjoni fi skola, jew id-deċiżjonijiet ta’ natura medika jew kwalunkwe tip ta’ pass amministrattiv f’isem il-wild, u dan sa fejn il-mara miżżewġa tagħha tkun ipprojbita milli jkollha l-istatus ta’ omm. Barra minn hekk, minn din il-perspettiva, din tal-aħħar, li wkoll kisbet b’mod legali l-istatus ta’ omm, u, għalhekk, id-dritt ta’ kustodja tal-wild fl-Istat Membru ta’ residenza tal-koppja, jiġifieri fi Spanja, tista’ toġġezzjona li l-wild tmur lura fil-Bulgarija. Dan ukoll jista’ jiddisswadi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha.

65.

Għall-kuntrarju, il-fatt li l-wild ma tingħatax in-nazzjonalità Bulgara ma jikkostitwixxix, waħdu, ostakolu għad-dritt għal-libertà ta’ moviment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, sakemm ir-rabtiet tal-familja mrawma fi Spanja jkunu osservati u rrikonoxxuti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu ( 26 ), is-sempliċi fatt li l-wild ta’ ċittadina tal-Unjoni ma tingħatax in-nazzjonalità ta’ Stat Membru minħabba dawn ir-rabtiet ma huwiex ta’ natura li jostakola l-moviment liberu taċ-ċittadina tal-Unjoni kkonċernata. Kif spjegajt iktar ’il fuq, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità ( 27 ). L-Istati Membri, b’mod partikolari, ma humiex meħtieġa, taħt id-dritt tal-Unjoni, li jagħtu n-nazzjonalità lid-dixxendenti diretti taċ-ċittadini tagħhom. Din il-kunsiderazzjoni toħroġ mill-eżistenza stess tad-Direttiva 2004/38, li għandha preċiżament l-għan li tiggarantixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, li jinkludu b’mod partikolari d-dixxendenti diretti tagħhom, li huma ċittadini ta’ Stati terzi.

c)   Konklużjoni intermedja

66.

Fl-ipoteżi li l-wild ma għandhiex in-nazzjonalità Bulgara, hija ma tistax tinvoka d-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, u lanqas ma tista’ tinvoka dawk li joħorġu mill-Artikoli 20 u 21 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar lanqas ma jagħtuha d-dritt li titlob li tingħata n-nazzjonalità Bulgara.

67.

Madankollu, f’din l-istess ipoteżi, ir-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari li jistabbilixxu att ta’ twelid Bulgaru li jindika, bħal dak maħruġ mill-awtoritajiet Spanjoli, lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lill-mara miżżewġa tagħha bħala ġenituri tal-wild, jikkostitwixxi ostakolu għad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taħt l-Artikolu 21(1) TFUE.

2.   Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu għad-dritt ta’ moviment liberu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

68.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni jista’ jiġi ġġustifikat jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jkun proporzjonat għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali ( 28 ).

69.

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Bulgari jsostnu li t-tniżżil fuq att ta’ twelid ta’ koppja miżżewġa tal-istess sess bħala ġenituri ta’ wild jippreġudika l-identità nazzjonali tal-Bulgarija fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk ir-Repubblika tal-Bulgarija tistax tinvoka, f’dan il-kuntest preġudizzju għall-identità nazzjonali tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE (Taqsima A). Fl-affermattiv, għandhom imbagħad jiġu eżaminati l-konsegwenzi legali ta’ tali invokazzjoni, b’mod partikolari fuq l-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima B), qabel ma jiġi eżaminat, fl-aħħar nett, il-każ ineżami (Taqsima C).

a)   Fuq il-kunċett ta’ “identità nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE

70.

Konformement mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tal-Istati Membri. Din il-limitazzjoni għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali turi li l-Artikolu 4(2) TUE ma jagħmilx sempliċi riferiment għal perċezzjonijiet fid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Membri iżda jintroduċi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-kontenut preċiż ta’ dan il-kunċett jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor u, min-natura tiegħu stess, ma jistax jiġi ddeterminat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perċezzjonijiet aċċettati mill-Istati Membri tal-identità nazzjonali tagħhom.

71.

F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-Unjoni li tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri jista’ fil-fatt jinftiehem bħala obbligu li tiġi osservata l-pluralità ta’ perċezzjonijiet, u, għaldaqstant, id-differenzi li jikkaratterizzaw lil kull Stat Membru ( 29 ). L-identità nazzjonali tiggarantixxi b’hekk il-motto tal-Unjoni, kif stabbilit għall-ewwel darba fl-Artikolu I-8 tal-abbozz ta’ Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (iktar ’il quddiem it-“Trattat Kostituzzjonali”) ( 30 ), jiġifieri “Maqgħuda fid-diversità”.

72.

Huwa għalhekk li l-kunċett ta’ identità nazzjonali ma jistax jiġi interpretat b’mod astratt fil-livell tal-Unjoni.

73.

Fil-fatt, jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-Istat Membru kkonċernat ( 31 ), li f’dan ir-rigward għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ( 32 ). Madankollu, dan huwa limitat mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tielet paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu ( 33 ). Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 4(2) TUE tista’ tiġi protetta biss perċezzjoni tal-identità nazzjonali li tkun konformi mal-valuri fundamentali tal-Unjoni stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 2 TUE ( 34 ).

74.

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-preġudizzju għall-identità nazzjonali Bulgara joħroġ mill-fatt li l-att ta’ twelid mitlub jitbiegħed mill-perċezzjoni tal-familja tradizzjonali, kif irrikonoxxuta fl-Artikolu 46(1) tal-Kostituzzjoni tal-Bulgarija, li, fuq livell ġuridiku, tikkostitwixxi l-bażi tad-dritt tal-familja u tas-suċċessjoni kif ukoll wieħed mill-valuri fundamentali tas-soċjetà Bulgara. Din il-perċezzjoni timplika neċessarjament li jista’ jkun hemm biss omm waħda (u missier wieħed) għal wild.

75.

Fil-preżent, fi ħdan l-Unjoni ma jeżistix qbil fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess għall-istituzzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-familja. Huma r-regoli nazzjonali li jirregolaw iż-żwieġ (jew id-divorzju) u l-filjazzjoni (jew il-prokreazzjoni) li jiddefinixxu r-rabtiet tal-familja li jikkostitwixxu s-suġġett stess ta’ dan il-qasam. Fir-rigward, pereżempju, tad-divorzju, kienu ġew ikkonstatati diverġenzi kunċettwali li ma setgħux jingħelbu fil-kuntest tat-tfassil ta’ regolament dwar il-liġi applikabbli għal din l-istituzzjoni, li wasslu sabiex sfaxxat fix-xejn l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni u sabiex tiġi implimentata minflok kooperazzjoni msaħħa ( 35 ). Fir-rigward taż-żwieġ, huma biss tlettax mis-27 Stat Membru tal-Unjoni li, attwalment, fetħu din l-istituzzjoni għall-koppji tal-istess sess ( 36 ). Barra minn hekk, fost dawn it-tlettax‑il Stat Membru, huma biss uħud minnhom li jipprevedu l-parentalità “awtomatika” tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ta’ wild ( 37 ). Minħabba dawn id-diverġenzi, ir-Regolament 2016/1191, li jissemplifika l-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi li jattestaw, fost oħrajn, it-twelid, iż-żwieġ, id-divorzju u l-filjazzjoni jtenni diversi drabi li huwa la jemenda d-dritt materjali f’dan il-qasam u lanqas ma jemenda l-obbligi ta’ rikonoxximent tal-effetti legali marbuta ma’ tali dokument ( 38 ).

76.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet impliċitament li r-regoli li jirregolaw ż-żwieġ jagħmlu parti mill-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE ( 39 ).

77.

Ir-raġuni għal dan huwa li d-dritt tal-familja huwa suġġett legali ta’ natura partikolarment sensittiva kkaratterizzat minn pluralità ta’ perċezzjonijiet u ta’ valuri fuq il-livell tal-Istati Membri u tas-soċjetajiet tagħhom. Id-dritt tal-familja – kemm jekk ibbażat fuq valuri tradizzjonali jew fuq valuri iktar “moderni” – huwa l-espressjoni tal-immaġni tal-Istat innifsu, kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq il-livell soċjali. Dan jista’ jkun ibbażat fuq ideat reliġjużi jew jirrifletti r-rinunzja mill-Istat ikkonċernat għal dawn l-ideat. Minn din il-perspettiva, madankollu, dan huwa fi kwalunkwe każ espressjoni tal-identità nazzjonali inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali.

78.

Barra minn hekk, ir-regoli li jiddefinixxu r-rabtiet tal-familja għandhom importanza primordjali għall-funzjonament tal-kollettività tal-Istat b’mod ġenerali ( 40 ). B’hekk, il-filjazzjoni ta’ persuna tiddetermina, meta Stat japplika f’dan ir-rigward il-ius sanguinis, in-nazzjonalità u għalhekk l-appartenenza stess ta’ persuna lil Stat partikolari.

79.

Id-definizzjoni, fis-sens legali, ta’ dak li jagħmel familja jew ta’ wieħed mill-membri tagħha tolqot, għalhekk, l-istrutturi fundamentali ta’ soċjetà. Għaldaqstant, din id-definizzjoni tista’ tagħmel parti mill-identità nazzjonali ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.

b)   Fuq il-konsegwenzi legali ta’ invokazzjoni tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE

80.

Ġaladarba ġie stabbilit li d-definizzjoni tar-rabtiet tal-familja tista’ tagħmel parti mill-identità nazzjonali tal-Istati Membri, għandu jiġi eżaminat liema konsegwenzi joħorġu minn dan fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ġġustifikat ir-rifjut, min-naħa tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu d-definizzjoni ta’ rabtiet tal-familja magħmula minn Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari tagħha, jekk l-invokazzjoni tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE teħtieġx ibbilanċjar ma’ interessi oħra li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

81.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandna niffokaw, fl-ewwel lok, fuq in-natura u l-funzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja tal-identità nazzjonali (punt 1), sabiex imbagħad nisiltu, fit-tieni lok, konklużjonijiet fir-rigward tal-effetti legali tal-invokazzjoni tagħha (punt 2).

1) Fuq in-natura u l-funzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja tal-identità nazzjonali

82.

Għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li tissuġġerixxi, prima facie, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam sal-lum il-ġurnata ( 41 ), l-identità nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 4(2) TUE ma hijiex biss għan leġittimu fost oħrajn li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ eventwali ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu.

83.

Fil-fatt, minn qari ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 4 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu I tat-Trattat UE joħroġ li dan il-kunċett għandu wkoll dimensjoni vertikali, jiġifieri li t-Trattati jagħtuh rwol fid-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

84.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li wieħed mill-għanijiet prinċipali tat-Trattat ta’ Lisbona kien delimitazzjoni iktar netta tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, it-Trattat Kostituzzjonali jirrifletti t-tranżizzjoni mill-klawżola ta’ salvagwardja tal-identità nazzjonali lejn prinċipju invokabbli marbut mat-tqassim tal-kompetenzi. Dan kien diġà apparenti fit-titolu tal-Artikolu I‑5 tat-Trattat Kostituzzjonali, li minnu huwa ispirat l-Artikolu 4 TUE attwali, li kien ifformulat “Ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri”. Għal finijiet ta’ paragun, id-dispożizzjoni dwar l-identità nazzjonali, introdotta permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, kienet inizjalment tinsab fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 TUE ( 42 ), u mbagħad fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 6 TUE dwar il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni ( 43 ).

85.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata miż-żewġ paragrafi l-oħra tal-Artikolu 4 TUE attwali: mal-klawżola dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li kienet diġà marbuta mas-salvagwardja tal-identità nazzjonali fl-Artikolu I-5(2) tat-Trattat Kostituzzjonali, issa hemm ukoll l-Artikolu 4(1) TUE. Dan jistabbilixxi l-prinċipju ta’ attribuzzjoni, li jistabbilixxi b’mod ċar ir-rabta bejn din id-dispożizzjoni mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(2) TUE, li jsemmi bħala eżempju, kif kien jagħmel il-mudell tiegħu fit-Trattat Kostituzzjonali, diversi oqsma li jistgħu jaqgħu taħt l-identità nazzjonali, bħas-sigurtà nazzjonali, issa jinkludi l-preċiżazzjoni addizzjonali li din “tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”.

86.

Din l-evoluzzjoni turi li l-identità nazzjonali, kif tinsab fl-Artikolu 4(2) TUE, kienet maħsuba sabiex tillimita l-impatt tad-dritt tal-Unjon fl-oqsma meqjusa li huma essenzjali għall-Istati Membri, u mhux biss bħala valur tal-Unjoni li għandu jiġi bbilanċjat ma’ interessi oħra tal-istess livell.

87.

Dan huwa konformi mal-għan tal-identità nazzjonali li jitħarsu, fir-rigward tal-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali, l-approċċi partikolari li huma speċifiċi għal kull wieħed mill-Istati Membri ( 44 ).

88.

Barra minn hekk, hija biss din il-funzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja tal-identità nazzjonali li tista’ tispjega għaliex id-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE kienet ġiet ristretta meta mqabbla mad-dispożizzjoni preċedenti tat-Trattat ta’ Maastricht ( 45 ), billi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-identità nazzjonali tnaqqas għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali. Fil-fatt, li kieku l-identità nazzjonali ma kienet xejn għajr interess fost oħrajn li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal deroga mid-dritt tal-Unjoni, din il-limitazzjoni ma tkun tagħmel ebda sens u, barra minn hekk, tkun tinsab f’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kull interess leġittimu jista’, bħala regola ġenerali, jiġi invokat għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni u mhux interess inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tal-Istati Membri ( 46 ).

2) Fuq l-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja

89.

Mill-prassi ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li l-intensità tal-istħarriġ tal-miżuri nazzjonali li jillimitaw il-libertajiet fundamentali tiddependi, b’mod ġenerali, mil-livell ta’ armonizzazzjoni tas-suġġett ikkonċernat. Fil-fatt, sa fejn suġġett ma jkunx (jew ma jkunx għadu kien) is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni jew sa fejn jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri ( 47 ).

90.

B’hekk, jekk l-obbligu li tiġi osservata l-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE huwa intiż li jitħarsu l-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali speċifiċi għal kull Stat Membru u għalhekk jindika l-limitu tal-azzjoni integrattiva tal-Unjoni, minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita biss stħarriġ limitat tal-miżuri adottati minn Stat Membru għall-finijiet tas-salvagwardja tal-identità nazzjonali tiegħu. Għall-kuntrarju, stħarriġ ta’ proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri jċekken l-identità nazzjonali għal sempliċi għan leġittimu ( 48 ).

91.

Huwa b’dan il-mod li jiġi spjegat il-fatt li l-parteċipanti kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eċċezzjoni madankollu tal-Gvern Spanjol u tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sostnew li r-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx obbligata tirrikonoxxi l-filjazzjoni kif din kienet ġiet stabbilita fl-att tat--twelid Spanjol għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Bulgaru tal-familja u tas-suċċessjoni, u dan peress li d-determinazzjoni tal-filjazzjoni fis-sens tad-dritt tal-familja taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Dawn il-parteċipanti għalhekk qiesu, b’mod minn tal-inqas impliċitu, li din il-kompetenza ma tistax tiddaħħal inkwistjoni permezz ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tat-tifla tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom taħt l-Artikolu 7 tal-Karta jew mal-interess superjuri tal-wild kif stabbilit fl-Artikolu 24(2) tagħha.

92.

Madankollu, tali stħarriġ limitat ma għandux jiġi applikat għal kull espressjoni tal-identità nazzjonali, iżda biss fir-rigward tal-espressjoni fundamentali tal-identità nazzjonali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE tmur kontra l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 49 ).

93.

Fil-kawżi li sal-lum il-ġurnata tqajmet fihom il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-identità nazzjonali, ma kinitx inkwistjoni l-espressjoni fundamentali tal-perċezzjoni li l-Istat Membru kkonċernat xtaq jipproteġi bħala l-identità nazzjonali tiegħu. Fil-parti l-kbira tagħhom, is-suġġett ta’ dawn il-kawżi kien restrizzjonijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba r-rifjut li jiġi rrikonoxxut l-isem li huma kienu adottaw fi Stat Membru ieħor. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, l-eliminazzjoni tan-nobbiltà jew il-forma repubblikana tal-Istat, imressqa, rispettivament, bħala ġustifikazzjoni għal dan ir-rifjut, setgħu jagħmlu parti mill-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE ( 50 ). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu ta’ traskrizzjoni jew ta’ rikonoxximent ta’ isem ma jaffettwax, ġeneralment, l-essenza ta’ dawn l-għanijiet. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Istat Membru kkonċernat bħala għan leġittimu li jista’ jiġġustifika r-restrizzjoni ( 51 ).

94.

Sabiex tintwera din id-distinzjoni, għandu jiġi nnotat li l-obbligu li titolu jew element ta’ nobbiltà jiġi rrikonoxxut bħala komponent ta’ isem – inkwistjoni fil-kawżi Sayn-Wittgenstein u Bogendorff von Wolfersdorff – ma jdaħħalx inkwistjoni l-eliminazzjoni tan-nobbiltà jew il-forma repubblikana tal-Istat sa fejn ma jagħti lok għal ebda privileġġ. B’mod simili, fil-kawża Coman, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li jiġu rrikonoxxuti ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess, konklużi fi Stat Membru ieħor konformement mad-dritt tiegħu, għall-finijiet biss tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ Stat terz, ma jippreġudikax l-istituzzjoni taż-żwieġ, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Ir-raġuni għal dan hija li r-rikonoxximent ta’ tali żwieġ għall-finijiet biss li jingħata dritt ta’ residenza ma jimplikax, għall-imsemmi Stat Membru, li għandu jipprevedi l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fid-dritt nazzjonali tiegħu. Għaldaqstant, tali obbligu ta’ rikonoxximent għall-finijiet biss tal-eżerċizzju tad-drittijiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax l-identità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ( 52 ).

95.

L-affarijiet ikunu differenti jekk l-att mitlub fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ effettivament jibdel l-istituzzjoni jew il-perċezzjoni nazzjonali, billi jirfes b’hekk fuq il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fil-qasam ikkonċernat. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta jkunu inkwistjoni r-regoli li jikkostitwixxu s-suġġett stess tal-perċezzjoni li l-Istat Membru jkun jixtieq jipproteġi bħala l-identità nazzjonali tiegħu.

96.

Fir-rigward ta’ tali espressjoni fundamentali tal-identità nazzjonali, restrizzjoni tal-intensità tal-istħarriġ hija għalhekk meħtieġa sabiex titħares l-eżistenza ta’ oqsma ta’ kompetenzi materjali rriżervati għall-Istati Membri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 53 ).

97.

Il-kawża ineżami hija eżempju perfett ta’ din il-ħtieġa.

98.

B’hekk, minħabba li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza f’dan il-qasam, id-dritt nazzjonali tal-familja ma huwiex, bħala prinċipju, suġġett għal stħarriġ fid-dawl tal-Karta, u dan sa fejn l-Istati Membri ma jkunux qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tagħha f’dan il-qasam. Fid-dawl tan-natura partikolarment sensittiva u tal-importanza fundamentali ta’ dan is-suġġett, huwa jista’ anki jaqa’ taħt l-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, li jimplika li d-dritt tal-Unjoni għandu josserva d-differenzi fil-valuri u fil-perċezzjonijiet ( 54 ).

99.

Issa, meta jkun hemm element transkonfinali f’relazzjoni tal-familja, kull dispożizzjoni nazzjonali fil-qasam tad-dritt tal-familja tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-Artikolu 21(1) TFUE għas-sempliċi raġuni li tkun differenti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ( 55 ). Jekk, fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha twettaq kull darba stħarriġ eżawrjenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-Karta u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar ir-relazzjonijiet tal-familja – bħalma huma l-Artikoli 7 u 24 – dan iwassal sabiex id-dritt nazzjonali kollu tal-familja, inkluża l-espressjoni fundamentali tad-differenzi li l-Unjoni tirrispetta taħt l-Artikolu 4(2) TUE, ikollu jkun konformi ma’ perċezzjoni uniformi ta’ politika tal-familja li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiżviluppa fl-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

100.

Tali interpretazzjoni tkun kuntrarja għall-Artikolu 51(2) tal-Karta, li jipprovdi li din ma għandhiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni.

c)   L-applikazzjoni għall-każ ineżami

101.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta tkun inkwistjoni l-espressjoni fundamentali tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq biss stħarriġ tal-limiti tal-invokazzjoni ta’ dan il-prinċipju, b’mod partikolari tal-osservanza tal-valuri rrikonoxxuti fl-Artikolu 2 TUE ( 56 ). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex il-każ hawnhekk.

1) Fuq l-impatt fuq l-espressjoni fundamentali tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE

102.

Għandu jitfakkar li l-ostakolu għall-moviment liberu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali joriġina min-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-rabtiet tal-familja tagħha stabbiliti fi Spanja ( 57 ).

i) Fuq ir-rikonoxximent tal-filjazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid

103.

F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid kif mitlub f’dan il-każ, jiġifieri att li fuqu tidher ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-mara miżżewġa tagħha bħala ommijiet tal-wild, għandu jiġi kkonstatat li t-tniżżil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala omm fuq tali att jimplika neċessarjament ir-rikonoxximent tal-effetti legali taż-żwieġ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-filjazzjoni. Fil-fatt, fl-ipoteżi eżaminata f’din il-parti, jiġifieri li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex l-omm bijoloġika tal-wild ( 58 ), il-maternità tagħha tirriżulta mill-istatus tagħha tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika tal-wild. Barra minn hekk, it-tniżżil tagħha fl-att ta’ twelid flimkien ma’ din tal-aħħar ser jagħtiha, minn tal-inqas de facto, il-kwalità ta’ omm fis-sens tad-dritt tal-familja Bulgaru ( 59 ).

104.

L-obbligu li t-talba tintlaqa’ fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni joħloq għalhekk, għar-Repubblika tal-Bulgarija, obbligi fil-qasam tad-dritt tal-familja, jiġifieri f’qasam li jista’ jaqa’ taħt l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, u mhux biss, kif kien il-każ fil-kawża Coman, f’qasam irregolat mid-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Fil-fatt, kif osserva, essenzjalment, il-Gvern Pollakk matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit att ta’ twelid għall-finijiet biss tal-moviment liberu fis-sens tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ). Huwa l-att ta’ twelid li, min-natura tiegħu stess, jirrifletti l-filjazzjoni fis-sens tad-dritt tal-familja.

105.

Issa, ir-regoli dwar il-filjazzjoni jiddeterminaw ir-rabtiet tal-familja li jikkostitwixxu s-suġġett stess tad-dritt tal-familja. Dawn ir-regoli jikkonċernaw l-essenza tal-perċezzjoni li r-Repubblika tal-Bulgarija tixtieq tipproteġi bħala l-identità nazzjonali tagħha ( 61 ). Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-definizzjoni ta’ dak li huwa familja u l-membri tagħha għandha importanza fundamentali għall-kollettività tal-Istat. B’hekk, l-obbligu ta’ traskrizzjoni tal-att ta’ twelid Spanjol iwassal ukoll għal deċiżjoni minn qabel dwar lil min il-Bulgarija għandha tagħti n-nazzjonalità.

106.

L-Artikolu 2(4) tar-Regolament 2016/1191 jindika b’mod ċar, f’dan il-kuntest, ir-rieda tal-leġiżlatur Ewropew li jeskludi obbligu li tiġi rrikonoxxuta b’mod partikolari l-filjazzjoni stabbilita f’dokument pubbliku maħruġ minn Stat Membru ieħor. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta l-filjazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid għandu impatt fuq l-espressjoni fundamentali tal-identità nazzjonali tal-Bulgarija fis-sens deskritt iktar ’il fuq ( 62 ).

107.

Wieħed ċertament jista’, u dan mhux mingħajr raġunijiet validi, iqajjem l-oġġezzjoni li r-rikonoxximent legali ta’ forom oħra ta’ ħajja tal-familja bl-ebda mod ma għandu konsegwenzi negattivi fuq il-perċezzjoni tal-familja “tradizzjonali” li tixtieq tipproteġi r-Repubblika tal-Bulgarija, iżda jħalliha, għall-kuntrarju, kompletament mhux mittiefsa. Madankollu, dak li huwa importanti huwa li hawnhekk hija involuta evalwazzjoni normattiva li, fid-dawl tas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, għandha titwettaq mill-Istati Membri. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqiegħed lilha nnifisha minflok l-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ miżura għas-salvagwardja tal-identità nazzjonali kif iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, dan il-kunċett stess jiġi mċaħħad minn kull sens. Din iċ-ċirkustanza hija espressjoni, fil-fehma tiegħi, tal-konklużjoni li l-invokazzjoni tal-essenza tal-identità nazzjonali ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-proporzjonalità (li tiegħu tikkostitwixxi stadju l-analiżi tan-natura meħtieġa ta’ miżura fir-rigward tal-għan imfittex).

ii) Fuq ir-rikonoxximent tal-filjazzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini

108.

Madankollu, min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li parti kunsiderevoli mill-ostakoli għall-moviment liberu tar-rikorrenti deskritti fil-punt 62 iktar ’il fuq tista’ tiġi eliminata permezz ta’ rikonoxximent tar-rabtiet ta’ parentela stabbiliti fi Spanja għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini. B’hekk, ir-rikonoxximent tat-tifla tagħha bħala d-“dixxendent dirett” fis-sens tal-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, l-istess bħar-rikonoxximent tal-mara miżżewġa tagħha bħala l-“konjuġi” tagħha fis-sens tal-punt 2(a) tal-istess dispożizzjoni, ser ikollhom bħala konsegwenza li dawn ikunu jistgħu jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Bulgaru flimkien mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 63 ). Bl-istess mod, peress li d-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38 għandha titqies ukoll fid-dawl tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” ta’ ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1) ( 64 ), dan għandu jiggarantixxi barra minn hekk li l-wild tkun tista’ tinvoka, pereżempju, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament ( 65 ), il-vantaġġi soċjali u fiskali marbuta mal-eventwali status ta’ ħaddiema migranta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan bl-istess mod bħal wild bijoloġiku.

109.

Issa, sa fejn l-effetti legali ta’ rikonoxximent tar-rabtiet ta’ parentela għall-finijiet biss tal-eżerċizzju tad-drittijiet li joħorġu minn att ta’ dritt sekondarju, bħalma huma d-Direttiva 2004/38 jew ir-Regolament Nru 492/2011, huma limitati għal qasam li jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni, ma jistax jitqies li l-obbligu għal Stat Membru li jiggarantixxi dawn id-drittijiet liċ-ċittadini tal-Unjoni li stabbilixxew b’mod validu tali rabtiet ta’ parentela skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor jikkostitwixxi ndħil fil-kompetenza li jżommu l-Istati Membri fil-qasam tad-dritt tal-familja.

110.

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikonoxximent tar-rabtiet ta’ parentela stabbiliti fi Spanja għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni ma jippreġudikax l-identità nazzjonali tal-Istati Membri ( 66 ).

111.

Ir-rifjut li tiġi rrikonoxxuta s-sitwazzjoni tal-familja maħluqa fi Spanja u li, għal dan il-għan, it-tifla titqies bħala d-“dixxendenta diretta” tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-mara miżżewġa tagħha bħala l-“konjuġi” tagħha fis-sens tal-punt 2(a) u (ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 għandu, għalhekk, ikun suġġett għal eżami tal-proporzjonalità tiegħu fid-dawl tal-Karta ( 67 ).

112.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-kunċett ta’ “ħajja tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta jiddependi, konformement mad-definizzjoni żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), mir-realtà prattika tar-rabtiet personali mill-qrib ( 68 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tal-Karta jinkludi r-relazzjonijiet tal-familja li jkunu żviluppaw fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn persuni tal-istess sess ( 69 ), irrispettivament mill-klassifikazzjoni legali tagħhom fi Stat Membru partikolari. Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 24 tal-Karta jirriżulta li l-interess superjuri tal-wild jimplika, bħala regola ġenerali, iż-żamma tal-unità tal-familja ( 70 ).

113.

F’dan il-każ, huwa paċifiku li ż-żewġ nisa mhux biss kisbu b’mod validu l-istatus ta’ ġenituri skont id-dritt Spanjol iżda li, barra minn hekk, għandhom ħajja ta’ familja effettiva mat-tifla tagħhom fi Spanja. Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq ( 71 ), din il-ħajja tal-familja tkun kompromessa jekk, b’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tkunx tista’ tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha flimkien mal-membri tal-familja tagħha f’kundizzjonijiet normali ( 72 ). Issa, huma preċiżament id-drittijiet li joħorġu minn atti regolamentari bħalma huma d-Direttiva 2004/38 u r-Regolament Nru 492/2011 li jiggarantixxu lil ċittadin tal-Unjoni li jgħix il-ħajja tal-familja tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan il-kuntest li l-Artikolu 7 tal-Karta jista’ jimplika wkoll obbligi “pożittivi” għall-Istati Membri, fis-sens li dawn tal-aħħar għandhom josservaw il-bilanċ bejn l-interessi kompetituri tal-individwi kkonċernati u tas-soċjetà b’mod ġenerali ( 73 ).

114.

F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li l-obbligu li jiġu rrikonoxxuti r-rabtiet ta’ parentela stabbiliti fi Spanja għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini ma jibdilx il-perċezzjonijiet ta’ filjazzjoni jew ta’ żwieġ fid-dritt tal-familja Bulgaru, u lanqas ma jwassal għall-introduzzjoni ta’ perċezzjonijiet ġodda f’dan id-dritt, għandu jitqies li rifjut li tiġi rrikonoxxuta l-filjazzjoni tal-wild fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-mara miżżewġa tagħha għal dawn il-finijiet imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitħarsu dawn l-għanijiet.

115.

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi l-filjazzjoni tal-wild fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-mara miżżewġa tagħha għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini għar-raġuni li d-dritt Bulgaru la jipprevedi l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sens u lanqas il-maternità tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ta’ wild.

2) Fuq l-osservanza tal-Artikolu 2 TUE fir-rigward tal-assenza ta’ rikonoxximent tal-filjazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid

116.

Għad irid jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut li jiġu rrikonoxxuti r-rabtiet ta’ parentela stabbiliti fi Spanja bejn il-wild, minn naħa, u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-mara miżżewġa tagħha, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att tat-twelid imurx kontra l-Artikolu 2 TUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri ta’ rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt, kif ukoll tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet.

117.

Ir-rispett tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE jikkostitwixxi prerekwiżit għall-adeżjoni mal-Unjoni li għandha tkun issodisfatta minn kull Stat Membru f’kull mument ( 74 ).

118.

L-eżami taħt l-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari dak tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ma jistax madankollu jiġi assimilat ma’ eżami tal-miżura nazzjonali fid-dawl tad-drittijiet fundamentali korrispondenti tal-Karta ( 75 ). Il-Karta ma tintroduċix livell minimu armonizzat ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri li huwa dejjem applikabbli. Konformement mal-Artikolu 51(2) tagħha, hija fil-fatt ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami taħt l-Artikolu 2 TUE għandu jkun limitat għall-osservanza tal-kontenut essenzjali ta’ dawn il-prinċipji u drittijiet ( 76 ).

119.

Issa, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tosserva, fil-prattika, ir-rekwiżiti tal-KEDB jew tal-Karta stess, għandu jitqies, a fortiori, li dan huwa l-każ fir-rigward tar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 2 TUE.

120.

F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-perċezzjoni stess li l-Bulgarija tixtieq tipproteġi bħala parti mill-identità nazzjonali tagħha kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-riżultat li tasal għalih, humiex għalhekk konformi magħha.

121.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan li tiġi protetta l-familja msejħa “tradizzjonali”, għandha b’mod partikolari tiġi eżaminata l-konformità tagħha mal-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, prinċipju li l-Unjoni tippromwovi taħt l-Artikolu 2 TUE.

122.

Il-fatt li, għal dan il-għan, jiġi pprojbit iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess kif ukoll li tiġi aċċettata biss mara waħda bħala l-omm ta’ wild, jimplika, mingħajr dubju, differenza fit-trattament bejn koppji eterosesswali u koppji omosesswali. Madankollu, fir-rigward taż-żwieġ, għandu jiġi kkonstatat li attwalment, ma hemmx kunsens fi ħdan l-Unjoni fis-sens li din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma, illum il-ġurnata, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li l-Istati Membri ma humiex meħtieġa jipprevedu l-istituzzjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess fid-dritt nazzjonali tagħhom ( 77 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li r-raġel miżżewweġ tal-omm bijoloġika ta’ wild, għall-kuntrarju tal-mara miżżewġa tagħha, huwa meqjus li huwa l-ġenitur l-ieħor ta’ dan il-wild, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li dan lanqas biss jikkostitwixxi differenza fit-trattament. Fil-fatt, sa fejn ma hemmx bażi fattwali għall-preżunzjoni legali li l-wild huwa d-dixxendenti tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ( 78 ), is-sitwazzjoni tar-raġel miżżewweġ tal-omm bijoloġika ma tistax titqabbel ma’ dik tal-mara miżżewġa tagħha ( 79 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-perċezzjoni taż-żwieġ u tal-filjazzjoni li tixtieq tħares il-Bulgarija bħala parti mill-identità nazzjonali tikser l-Artikolu 2 TUE.

123.

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riżultat miksub b’dan il-mod, jiġifieri l-fatt li, skont id-dritt Bulgaru, ma teżisti ebda rabta ta’ parentela bejn il-wild u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan ir-riżultat għandu jkun konformi mar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 2 TUE fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Huma involuti b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u l-interess superjuri tal-wild, li s-salvagwardja tiegħu taqa’ fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija bis-saħħa ta’ din l-istess dispożizzjoni ( 80 ) kif ukoll bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-drittijiet tal-wild.

124.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, ir-rispett tal-essenza ta’ dawn id-drittijiet ma jirrikjedix, madankollu, ir-rikonoxximent legali ta’ rabta ta’ filjazzjoni mal-ġenitur li ma jkunx il-ġenitur bijoloġiku tal-wild. Għalkemm il-filjazzjoni bijoloġika hija meqjusa bħala element fundamentali tal-identità ta’ kull individwu ( 81 ), protetta mill-Artikolu 8 tal-KEDB, dan madankollu ma japplikax, attwalment, għall-filjazzjoni legali, stabbilita barra mill-pajjiż, ta’ persuna fir-rigward ta’ oħra ( 82 ).

125.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti EDB tqis ukoll, illum il-ġurnata, li Stat kontraenti ma huwiex meħtieġ jawtorizza s-sempliċi adozzjoni ta’ wild mis-sieħba omosesswali tal-omm bijoloġika tal-wild ( 83 ).

126.

Barra minn hekk, id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja huwa kkaratterizzat, essenzjalment, mill-possibbiltà ta’ għajxien flimkien f’kundizzjonijiet globalment paragunabbli għal dawk li fihom jgħixu l-familji l-oħra ( 84 ). Fi kliem ieħor, dak li huwa importanti għall-finijiet tar-rispett tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt huwa l-garanzija ta’ ħajja tal-familja effettiva. Fil-prattika, ma għandux ikun hemm riskju ta’ separazzjoni tal-membri tal-familja minħabba miżura tal-Istat ( 85 ). Issa, kif spjegajt iktar ’il fuq ( 86 ), anki fl-assenza ta’ rikonoxximent tar-rabtiet ta’ parentela fis-sens tad-dritt tal-familja nazzjonali, huwa fil-prattika żgurat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-mara miżżewġa tagħha jkunu jistgħu jgħixu flimkien mat-tifla tagħhom fil-Bulgarija u fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni f’kundizzjonijiet paragunabbli għal dawk ta’ familji oħra peress li huma għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ttrattati bħala membri tal-familja għall-finijiet tal-applikazzjoni b’mod partikolari tad-Direttiva 2004/38 u tar-Regolament Nru 492/2011.

127.

Ir-rekwiżiti iktar stretti li joħorġu, jekk ikun il-każ, mill-opinjoni tal-Qorti EDB mogħtija fuq talba mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) wara s-sentenza tal-Qorti EDB fil-kawża Mennesson vs Franza, ma jistgħux jitqiesu bħala li jirriflettu l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2 TUE. Fl-opinjoni inkwistjoni, fir-rigward tal-filjazzjoni ta’ wild ikkonċepit, fl-Istati Uniti, permezz ta’ maternità surrogata fir-rigward tal-omm “intiża” tiegħu li ma hijiex l-omm bijoloġika, il-Qorti EDB qieset li, għalkemm l-Istat Membru ta’ oriġini tal-omm “intiża” ma kienx meħtieġ jirrikonoxxi l-filjazzjoni stabbilita fl-att ta’ twelid Amerikan, dan l-Istat Membru kellu xorta waħda joffru possibbiltà oħra sabiex tiġi stabbilita rabta ta’ parentela bejn il-wild u din l-omm, bħall-adozzjoni ( 87 ). Madankollu, il-Qorti EDB ma ħaditx pożizzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ din is-soluzzjoni mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sens li Stat kontraenti ma huwiex meħtieġ jawtorizza s-sempliċi adozzjoni ta’ wild mis-sieħba omosesswali tal-omm bijoloġika tal-wild.

128.

Fi kwalunkwe każ, kif diġà tfakkar iktar ’il fuq, l-osservanza tal-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi prerekwiżit għall-adeżjoni mal-Unjoni ( 88 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, minbarra l-fatt li huma biss uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni li rratifikaw il-Protokoll Nru 16 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar l-opinjoni konsultattiva u li dawn l-opinjonijiet ma humiex vinkolanti ( 89 ), kull ksur tal-KEDB ma jistax jitqies bħala ksur tal-Artikolu 2 TUE. It-tieni nett, peress li huwa qasam ta’ kompetenzi rriżervat lill-Istati Membri, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa żgurat mill-Qorti EDB u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 90 ).

129.

Għaldaqstant, l-invokazzjoni tal-identità nazzjonali mill-Bulgarija fir-rigward tad-determinazzjoni tal-filjazzjoni għall-finijiet b’mod partikolari tal-applikazzjoni tad-dritt Bulgaru tal-familja u tas-suċċessjoni ma tiksirx l-Artikolu 2 TUE. Għaldaqstant, hija tista’ tikkostitwixxi f’dan il-każ il-limitu tal-azzjoni integrattiva tal-Unjoni f’dan ir-rigward u b’hekk tipprekludi li l-Bulgarija tkun obbligata, taħt l-Artikolu 21(1) TFUE, tirrikonoxxi l-filjazzjoni fis-sens tad-dritt tal-familja kif din ġiet stabbilita fi Spanja.

130.

Dan ir-riżultat huwa konformi mar-rieda tal-leġiżlatur Ewropew, espress permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1191, li ma jiġix introdott obbligu ta’ rikonoxximent tas-sitwazzjoni legali materjali maħluqa fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-qasam tal-istatus tal-persuni.

131.

Għalkemm minn dan joħroġ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistħarriġx il-konformità tad-dritt nazzjonali li jirregola l-filjazzjoni b’mod partikolari mal-kunċett ta’ interess superjuri tal-wild fis-sens tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, dan bl-ebda mod ma jeħles lill-qorti tar-rinviju mill-obbligu li twettaq stħarriġ tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni li ma tiġix irrikonoxxuta l-filjazzjoni tal-wild skont id-dritt (kostituzzjonali) nazzjonali tagħha u, jekk ikun il-każ, skont l-obbligi internazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija. Fil-fatt, għandu jitfakkar li s-salvagwardja tal-interess superjuri tal-wild taqa’ fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt nazzjonali tagħha skont l-Artikolu 8 tal-KEDB kif ukoll skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Wild. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li eżerċizzju ta’ bbilanċjar ta’ dan l-interess ma’ valuri eventwali oħra ta’ livell kostituzzjonali, bħall-protezzjoni tal-familja msejħa “tradizzjonali”, huwa inerenti għall-Istat tad-dritt. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ ma tqumx il-kwistjoni ta’ jekk stħarriġ tal-proporzjonalità tar-rifjut ta’ rikonoxximent tal-filjazzjoni stabbilita fi Spanja għandux jitwettaq jew le, iżda tqum il-kwistjoni dwar fuq liema livell – dak tal-Unjoni jew dak nazzjonali – għandu jitwettaq dan l-istħarriġ.

132.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tqajjem b’mod espliċitu d-dubji tagħha fir-rigward tal-konformità tas-sitwazzjoni li tinħoloq fil-każ li ma tiġix irrikonoxxuta r-rabta ta’ parentela mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mal-KEDB u b’mod partikolari mal-opinjoni konsultattiva tal-Qorti EDB, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kawża Mennesson vs Franza ( 91 ). Għaldaqstant, jekk tqis li dan ir-rifjut jikser l-obbligi li għandha r-Repubblika tal-Bulgarija taħt il-KEDB, hija jkollha tagħmel dak li tipprevedi s-sistema legali Bulgara sabiex toħloq sitwazzjoni konformi mal-obbligi li joħorġu minn din il-konvenzjoni (pereżempju, tinterpreta d-dritt Bulgaru fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB, tapplika l-imsemmija konvenzjoni direttament, jew xi ħaġa oħra).

3) Konklużjoni intermedja

133.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-invokazzjoni tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE mill-Bulgarija tista’ tiġġustifika r-rifjut li tiġi rrikonoxxuta l-filjazzjoni tal-wild, kif din il-filjazzjoni ġiet stabbilita fl-att ta’ twelid Spanjol, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid li jiddetermina l-filjazzjoni ta’ din il-wild fis-sens tad-dritt intern tal-familja. Għaldaqstant, il-Bulgarija lanqas ma hija meħtieġa, skont id-dritt tal-Unjoni, tagħti fuq din il-bażi n-nazzjonalità Bulgara lil din il-wild.

134.

Madankollu, l-invokazzjoni tal-identità nazzjonali ma tistax tiġġustifika r-rifjut li jiġu rrikonoxxuti r-rabtiet ta’ parentela, kif ġew stabbiliti fl-att ta’ twelid Spanjol, għall-finijiet biss tal-eżerċizzju tad-drittijiet maħluqa, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mid-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini, bħad-Direttiva 2004/38 u r-Regolament Nru 492/2011.

D. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari fl-ipoteżi li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara

135.

Għandu qabel kollox jitfakkar li fl-ipoteżi eżaminata iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija jew l-omm bijoloġika tal-wild, jew l-omm legali tagħha, li ma jfissirx biss li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara iżda hija wkoll ċittadina tal-Unjoni taħt l-Artikolu 20(1) TFUE. Għaldaqstant, din l-ipoteżi hija viċin is-sitwazzjoni fattwali li wasslet għall-Kawża C‑2/21, Rzecznik Praw Obywatelskich, li hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 92 ).

1.   Fuq il-ksur tad-drittijiet tal-wild

a)   Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu

136.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari li joħorġu l-att tat-twelid mitlub lill-wild jikkostitwixxix ostakolu għad-drittijiet tagħha li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li, skont id-dritt Bulgaru, il-ħruġ ta’ att ta’ twelid huwa prerekwiżit għall-ħruġ ta’ dokument ta’ identità Bulgaru. B’hekk, bir-rifjut tagħhom li joħorġu l-ewwel att, l-awtoritajiet Bulgari jkunu qegħdin effettivament iċaħħdu lill-wild mill-possibbiltà li tikseb dokument ta’ identità Bulgaru, li madankollu huwa espliċitament previst fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38 ( 93 ).

137.

Ma hemm ebda dubju li l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-moviment liberu tal-wild ikun kompromess b’mod serju jekk il-wild ma jkollha ebda dokument ta’ identità validu ( 94 ).

138.

F’dan ir-rigward, huwa veru li mid-dibattiti matul is-seduta ħareġ li l-awtoritajiet Bulgari huma lesti li jistabbilixxu att ta’ twelid li jindika biss lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala omm, li fuq il-bażi tiegħu jkun imbagħad jista’ jinħareġ dokument ta’ identità lit-tifla tagħha.

139.

Madankollu, anki f’din l-ipoteżi, jista’ jikkostitwixxi ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu ta’ din il-wild is-sempliċi fatt li titniżżel biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala omm fuq l-att ta’ twelid, u, jekk ikun il-każ, fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fuq il-bażi tiegħu. Fil-fatt, l-att ta’ twelid Spanjol jindika wkoll lill-mara miżżewġa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala omm il-wild u ma huwiex ikkontestat li ż-żewġ nisa għandhom fi Spanja ħajja ta’ familja effettiva mat-tifla tagħhom.

140.

Għalkemm l-Istati Membri huma bħala prinċipju esklużivament kompetenti sabiex jiddeterminaw il-filjazzjoni li għandha titniżżel fuq att ta’ twelid, huma madankollu għandhom, kif tfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 21 TFUE.

141.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sitwazzjoni ta’ wild ċittadin ta’ Stat Membru, imwieled fi Stat Membru ieħor u li jirrisjedi hemmhekk b’mod legali, taqa’ taħt l-Artikolu 21(1) TFUE. Dan japplika anki fil-każ li dan il-wild qatt ma jkun telaq mill-Istat Membru fejn ikun twieled ( 95 ).

142.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ ostakolu għad-dritt ta’ moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li differenza fid-dettalji li jidhru fuq dokumenti dwar l-istatus ċivili ta’ persuna maħruġa minn Stati Membri differenti hija ta’ natura li toħloq għall-persuni kkonċernati inkonvenjenzi serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata ( 96 ). B’mod partikolari, tali differenza tista’ toħloq, b’mod partikolari, dubji dwar l-identità tal-persuna jew dwar l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tagħha ( 97 ). Għaldaqstant, din id-differenza tista’ toħloq ostakoli għall-moviment liberu ta’ din il-persuna fit-territorju tal-Unjoni.

143.

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-preżentazzjoni ta’ att ta’ twelid hija meħtieġa fil-kuntest ta’ diversi passi amministrattivi u professjonali. B’hekk, fir-rigward tad-differenza bejn id-dettalji li jidhru fuq l-att ta’ twelid Bulgaru – jekk dan tal-aħħar jinkludi biss lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala omm – u l-att ta’ twelid Spanjol, din id-differenza jkollha għalhekk il-konsegwenza li tqajjem dubji jekk mhux ukoll suspetti ta’ dikjarazzjoni falza fil-każ li jiġu ppreżentati dawn id-dokumenti u li toħloq, għalhekk, inkonvenjenzi serji għall-wild ( 98 ).

144.

Fit-tieni lok, kif diġà spjegajt ( 99 ), id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni jinkludu d-dritt li jgħixu ħajja tal-familja normali kemm fl-Istat Membru ospitanti u kemm fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità fil-każ li jmorru lura f’dan l-Istat Membru ( 100 ).

145.

Issa, minħabba r-rifjut li jinħareġ l-att ta’ twelid mitlub, il-mara miżżewġa Brittanika ma hijiex ser titqies, fl-aħħar mill-aħħar, bħala omm taħt id-dritt Bulgaru. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-att ta’ twelid jirrifletti f’dan ir-rigward ir-riżultat tad-determinazzjoni tal-filjazzjoni ta’ persuna fis-sens tad-dritt tal-familja mill-awtoritajiet kompetenti. Dan jimplika l-konsegwenzi sfavorevoli kollha esposti fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, riżultat li wkoll huwa ta’ natura li jiddisswadi lill-wild milli tmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha.

146.

Fit-tielet lok, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax jekk id-dokument ta’ identità li jista’ jinħareġ fuq il-bażi tal-att ta’ twelid ikunx jindika d-dettalji kollha li jidhru fuq dan l-att, fosthom b’mod partikolari l-ismijiet tal-ġenituri, jew jekk jindikax biss id-dettalji dwar id-detentur fis-sens strett. Fi kwalunkwe każ, jekk fuq dan id-dokument jew fuq dokumenti oħra tal-ivvjaġġar marbuta miegħu, intiżi li jindikaw il-persuni awtorizzati jivvjaġġaw mal-wild ikkonċernat, tkun tissemma biss waħda miż-żewġ nisa indikati bħala omm il-wild fuq l-att ta’ twelid Spanjol, dan ukoll jista’ jostakola d-dritt għal moviment liberu tal-wild. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti preċedenti u kif osservat essenzjalment il-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-moviment liberu taħt l-Artikolu 21(1) TFUE jimplika li l-wild għandha tkun tista’ tivvjaġġa ma’ kull waħda mill-ġenituri tagħha.

147.

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fl-ipoteżi li l-wild tibbenefika mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni permezz tan-nazzjonalità Bulgara tagħha, kemm ir-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari li joħorġulha dokument ta’ identità Bulgaru, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll ir-rifjut li jistabbilixxu att ta’ twelid Bulgaru li jindika, bħal dak maħruġ mill-awtoritajiet Spanjoli, lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lill-mara miżżewġa tagħha bħala ommijiet tal-wild, jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-wild.

148.

Barra minn hekk, il-possibbiltà eventwali għall-wild li tikseb, u dan jiddependi, minn naħa, mir-rieda tar-Renju Unit li jagħtiha n-nazzjonalità ( 101 ), u, min-naħa l-oħra, mir-riżultat tan-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri tal-Unjoni mar-Renju Unit, dokument ta’ identità li jippermettilha de facto tiċċaqlaq u tirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Unjoni ma’ kull waħda mill-ġenituri tagħha, ma tistax iddgħajjef din il-konklużjoni. Minbarra l-fatt li din il-possibbiltà ma hijiex ċerta, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ostakolu għall-moviment liberu taċ-ċittadini joħroġ mis-sempliċi fatt li jkun hemm żewġ dokumenti pubbliċi b’kontenut differenti li jattestaw l-istess avveniment u mill-inkonvenjenzi serji li jirriżultaw minn dan. Għaldaqstant, il-konsegwenzi legali tal-Brexit, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari tagħha, ma għandhomx impatt fuq is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

b)   Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ostakoli għad-drittijiet tal-wild

149.

Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-rifjut li tiġi rrikonoxxuta l-filjazzjoni fir-rigward ukoll tal-omm Brittanika għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid Bulgaru, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-parti preċedenti ( 102 ) jirriżulta li l-invokazzjoni tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE tista’ tiġġustifika dan ir-rifjut.

150.

Għall-kuntrarju, fir-rigward, it-tieni nett, tar-rifjut li tiġi rrikonoxxuta l-filjazzjoni għall-finijiet tal-ħruġ ta’ dokument ta’ identità konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, ma jidhirx li tali dokument, meta dan jew dokument li jakkumpanjah isemmu l-ismijiet tal-ġenituri sabiex jindikaw il-persuni awtorizzati jivvjaġġaw mal-wild ikkonċernat, jista’ jkollu l-istess effetti legali bħal att tat-twelid li jkun jinkludi din l-informazzjoni ( 103 ). Fil-fatt, dokument ta’ identità ma għandux funzjoni probatorju f’dak li jikkonċerna l-filjazzjoni ta’ persuna. Għaldaqstant, jidher li huwa eskluż li drittijiet jew obbligi marbuta mal-espressjoni fundamentali tal-perċezzjoni ta’ familja li r-Repubblika tal-Bulgarija tixtieq tipproteġi jistgħu jkunu bbażati fuq il-fatt li persuna tissemma bħala ġenitur ta’ minorenni fuq id-dokument ta’ identità tagħha (jew dokument li jakkumpanja tali dokument għall-finijiet tal-ivvjaġġar). B’hekk, it-tniżżil taż-żewġ ġenituri msemmija fl-att ta’ twelid Spanjol fuq tali dokument bl-ebda mod ma jista’ jibdel il-perċezzjonijiet ta’ filjazzjoni jew ta’ parentela fid-dritt Bulgaru. L-uniċi obbligi maħluqa għar-Repubblika tal-Bulgarija f’dan ir-rigward jikkonċernaw il-garanzija tad-drittijiet li din il-wild tgawdi taħt id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt id-Direttiva 2004/38, li tipprevedi, fl-Artikolu 4(3) tagħha, l-obbligu li jinħareġ dokument ta’ identità lil kull ċittadin.

151.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu li fuq tali dokumenti jitniżżlu, għall-finijiet biss li jiġi ggarantit l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-wild ma’ kull waħda mill-ġenituri tagħha individwalment, l-ismijiet taż-żewġ nisa indikati bħala ommijiet fuq l-att ta’ twelid Spanjol, ma jippreġudikax l-identità nazzjonali ( 104 ).

152.

Barra minn hekk, ir-rifjut li jinħareġ dokument ta’ identità jew dokument li jakkumpanjah li jindikaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lill-mara miżżewġa tagħha bħala ġenituri tal-wild bħala l-persuni awtorizzati jivvjaġġaw magħha, lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat ( 105 ).

153.

Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-relazzjoni ta’ kull omm individwalment mat-tifla tagħha hija protetta mill-Artikolu 7 tal-Karta. Madankollu, l-għajxien ta’ din ir-relazzjoni ikun kunsiderevolment iktar diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ familja b’żewġ nazzjonalitajiet li tirrisjedi fi Stat terz, jekk waħda minn dawn il-ġenituri ma tkunx awtorizzata tivvjaġġa ma’ dan il-wild minħabba li ma tkunx irrikonoxxuta bħala omm tagħha għal dan il-għan. F’dawn ċirkustanzi, fid-dawl tal-assenza ta’ impatt formali tal-obbligu li jinħarġu dokumenti tal-ivvjaġġar li jippermettu lill-wild tivvjaġġa ma’ kull waħda mill-ġenituri tagħha, fuq il-filjazzjoni u fuq l-istituzzjoni taż-żwieġ fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, jidher li r-rifjut li jinħarġu tali dokumenti jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jitħarsu l-għanijiet invokati mir-Repubblika tal-Bulgarija.

154.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, kif ukoll l-argumenti esposti fil-punti 108 sa 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet, japplikaw, mutatis mutandis, għad-drittijiet kollha li joħorġu mid-Direttiva 2004/38 u minn atti oħra tad-dritt sekondarju li jagħtu drittijiet liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom minħabba l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu. Minn dan isegwi b’mod partikolari li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-mara miżżewġa tagħha għandhom jitqiesu bħala l-“axxendenti diretti” u l-wild bħala d-“dixxendenti diretta” tagħhom fis-sens tal-punt 2(ċ) u (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38.

155.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-ipoteżi li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tirrifjuta li toħroġ dokument ta’ identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa lill-wild tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, li jindikaw lil din tal-aħħar kif ukoll lill-mara miżżewġa tagħha bħala ġenituri tat-tifla, għar-raġuni li d-dritt Bulgaru la jirrikonoxxi l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u lanqas ma jirrikonoxxi l-maternità tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ta’ wild. Ir-Repubblika tal-Bulgarija lanqas ma tista’ tirrifjuta, għal dawn l-istess raġunijiet, li tirrikonoxxi r-rabtiet ta’ parentela bejn din il-wild u dawn iż-żewġ nisa għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini.

2.   Fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

156.

Kif tfakkar bil-bidu ta’ din il-parti, fl-ipoteżi eżaminata hawnhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija jew l-omm bijoloġika jew l-omm legali tal-wild.

157.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l-omm bijoloġika tal-wild, is-sempliċi obbligu li tiżvela din l-informazzjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent tar-rabta ta’ parentela tagħha mat-tifla tagħha ma jistax jitqies li jikser id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE. Fil-fatt, sa fejn kwistjoni ma tkunx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix lil ċittadina tal-Unjoni li l-fatt li tmur fi Stat Membru ieħor ser jibqa’ kompletament newtrali fir-rigward tar-regoli applikabbli għaliha f’dan il-qasam ( 106 ). Kull leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin tal-Unjoni li tkun inqas favorevoli minn dik tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma tistax titqies li tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu ( 107 ).

158.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eventwali ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata jew id-differenza ta’ trattament fil-konfront tal-koppji eterosesswali li toħroġ mill-obbligu li tiġi żvelata din l-informazzjoni ma jistgħux jiġu evalwati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 21 tal-Karta, iżda biss bid-dawl tad-dritt (kostituzzjonali) nazzjonali. Fil-fatt, sa fejn il-ħruġ tal-att ta’ twelid ma jimplikax ostakolu għall-moviment liberu, dan il-ħruġ ma jikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 108 ).

159.

Madankollu, dak li jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa, kif spjegat iktar ’il fuq, l-assenza ta’ rikonoxximent tal-mara miżżewġa tagħha bħala ġenitur tal-wild ( 109 ).

160.

Issa, kif għadu kemm ġie espost, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma hijiex meħtieġa, taħt l-Artikolu 21(1) TFUE, tirrikonoxxi l-filjazzjoni kif din kienet ġiet stabbilita fl-att ta’ twelid Spanjol, u dan anki jekk dan ikollu l-konsegwenza li l-omm indikata bħala tali fl-imsemmi att ta’ twelid li ma hijiex l-omm bijoloġika tal-wild ma tingħatax ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ omm taħt id-dritt Bulgaru ( 110 ). Madankollu, b’analoġija mar-raġunament espost fil-punti 108 sa 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tirrikonoxxi lill-mara miżżewġa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala l-“konjuġi” tagħha fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 111 ), kif ukoll bħala l-“axxendenta diretta” tal-wild fis-sens tal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

161.

Fit-tieni lok, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l-omm legali tal-wild, huwa minnu li dan jippreżupponi li hija kellha tikseb minn qabel ir-rikonoxximent tal-maternità tagħha skont l-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja. F’dan ir-rigward, għalkemm l-impożizzjoni ta’ dan il-pass għandha ċertament titqies bħala ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu tagħha ( 112 ), hija għandha fi kwalunkwe każ, u għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt preċedenti, titqies li hija ġġustifikata.

3.   Konklużjoni intermedja

162.

Fl-ipoteżi li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tirrifjuta li toħroġ, għar-raġuni li d-dritt Bulgaru la jirrikonoxxi l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u lanqas il-maternità tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ta’ wild, dokument ta’ identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa lill-wild tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, li jsemmu lil din tal-aħħar kif ukoll lill-mara miżżewġa tagħha bħala l-ġenituri tal-wild.

163.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija lanqas ma tista’ tirrifjuta, għal dawn l-istess raġunijiet, li tirrikonoxxi r-rabta ta’ parentela bejn il-wild u l-omm Brittanika tagħha kif ukoll l-istatus ta’ din tal-aħħar bħala l-“konjuġi” tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-applikazzjoni b’mod partikolari tad-Direttiva 2004/38 u tar-Regolament Nru 492/2011.

E. Fuq l-implimentazzjoni prattika tal-obbligi kkonstatati fit-tilwima fil-kawża prinċipali (ir-raba’ domanda preliminari)

164.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex twarrab il-mudell ta’ att ta’ twelid li jagħmel parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ sabiex tissostitwixxih b’mudell li jippermetti t-tniżżil ta’ żewġ ommijiet fit-taqsima “ġenituri”. Fil-każ li dan l-ostakolu għall-implimentazzjoni tas-sentenza li ser tingħata ma jimmaterjalizzax fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-approċċ propost f’dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju xorta waħda ser ikollha – fl-ipoteżi li l-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara – issolvi l-problema prattika li l-istabbiliment ta’ att ta’ twelid Bulgaru jikkostitwixxi prerekwiżit għall-ħruġ ta’ dokument ta’ identità ( 113 ).

165.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li d-dritt tal-Unjoni jimponi biss obbligu ta’ riżultat fuq l-awtoritajiet Bulgari f’dan ir-rigward, jiġifieri l-ħruġ ta’ dokument ta’ identità li jippermetti lill-wild tivvjaġġa ma’ kull waħda mill-ġenituri tagħha individwalment. Huwa l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet sabiex jintlaħaq dan il-għan.

166.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju hija meħtieġa tieħu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha li jkunu xierqa sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u filwaqt li tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni kollha rrikonoxxuti minn dan id-dritt ( 114 ). Minn dan isegwi li hija għandha tikkunsidra wkoll rimedji alternattivi, sa fejn madankollu dan ma jwassalx għal applikazzjoni tad-dritt nazzjonali contra legem.

167.

F’dan ir-rigward, minn naħa, jidher li dokument ta’ identità jista’ jinħareġ fuq il-bażi ta’ att ta’ twelid li jindika biss lil waħda miż-żewġ nisa bħala omm, peress li, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Bulgaru matul is-seduta, dokument ta’ identità Bulgaru ma jsemmix l-ismijiet tal-ġenituri. Għaldaqstant ikun biżżejjed li ż-żewġ nisa jissemmew f’dokument tal-ivvjaġġar li jakkumpanja lid-dokument ta’ identità tal-wild għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-ġenituri tagħha.

168.

Min-naħa l-oħra, kif osservat il-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li huwa eskluż li dokument ta’ identità jista’ jinħareġ fuq il-bażi tat-traduzzjoni ċċertifikata bil-lingwa Bulgara tal-att ta’ twelid Spanjol. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li l-Gvern Bulgaru kkonferma li l-istabbiliment ta’ att ta’ twelid Bulgaru ma huwiex kundizzjoni għall-għoti tan-nazzjonalità Bulgara ( 115 ). Għaldaqstant, dan ma jidhirx li huwa neċessarju sabiex ikun ibbażat id-dritt tal-wild li titlob il-ħruġ ta’ dokument ta’ identità Bulgaru sa fejn in-nazzjonalità tagħha hija stabbilita permezz ta’ mezzi oħra, bħall-prova tal-filjazzjoni bijoloġika fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew ir-rikonoxximent tal-maternità min-naħa tagħha, konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja.

169.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-punti preċedenti u li tapplika s-soluzzjoni li fil-fehma tagħha tkun l-iktar adegwata sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-drittijiet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-wild igawdu taħt l-Artikolu 21(1) TFUE.

VI. Konklużjoni

170.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija):

1.

Stat Membru huwa meħtieġ, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, joħroġ lil wild, li jkun ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, ta’ koppja ta’ żewġ nisa li huma indikati fl-att ta’ twelid maħruġ mill-Istat Membru tat-twelid u ta’ residenza bħala ommijiet ta’ dan il-wild, dokument ta’ identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa li jindikaw lil dawn iż-żewġ nisa bħala l-ġenituri ta’ dan il-wild, u dan anki jekk id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild la jipprevedi l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u lanqas ma jipprevedi l-maternità tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ta’ wild.

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-Istat Membru lanqas ma jista’ jirrifjuta, għal dawn l-istess raġunijiet, li jirrikonoxxi r-rabtiet ta’ parentela bejn dan il-wild u ż-żewġ nisa indikati bħala l-ġenituri tiegħu fl-att ta’ twelid maħruġ mill-Istat Membru ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet maħluqa, għal dan il-wild, mid-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini.

2.

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi r-rabtiet ta’ parentela, stabbiliti fl-att ta’ twelid ta’ Stat Membru ieħor, bejn waħda miċ-ċittadini tiegħu, il-mara miżżewġa tagħha u l-wild tagħhom għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet maħluqa, għal din iċ-ċittadina, mid-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini, għar-raġuni li d-dritt intern tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ din il-mara la jipprevedi l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u lanqas ma jipprevedi l-maternità tal-mara miżżewġa tal-omm bijoloġika ta’ wild. Dan japplika indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċittadina ta’ dan l-Istat Membru hijiex jew le l-omm bijoloġika jew legali ta’ dan il-wild skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha u indipendentement min-nazzjonalità tal-wild.

3.

L-invokazzjoni tal-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE tista’ tiġġustifika r-rifjut li tiġi rrikonoxxuta l-filjazzjoni ta’ wild fir-rigward ta’ koppja miżżewġa ta’ żewġ nisa, kif din il-filjazzjoni tkun ġiet stabbilita fl-att ta’ twelid maħruġ mill-Istat Membru ta’ residenza tal-wild, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jew ta’ dak ta’ waħda minn dawn iż-żewġ nisa, li jiddetermina l-filjazzjoni ta’ dan il-wild fis-sens tad-dritt tal-familja ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

4.

Il-konsegwenzi legali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE ma għandhomx impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2016, L 200, p. 1.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 4 ) DV Nru 47, tat-23 ta’ Ġunju 2009, emendat bid-DV Nru 74, tal-15 ta’ Settembru 2009, bid-DV Nru 82, tas-16 ta’ Ottubru 2009, bid-DV Nru 98, tal-14 ta’ Diċembru 2010, bid-DV Nru 100, tal-21 ta’ Diċembru 2010, emendat u kkompletat bid-DV Nru 82, tas-26 ta’ Ottubru 2012, emendat bid-DV Nru 68, tat-2 ta’ Awwissu 2013, bid-DV Nru 74, tal-20 ta’ Settembru 2016, emendat u kkompletat bid-DV Nru 103, tat-28 ta’ Diċembru 2017, emendat u kkompletat bid-DV Nru 24, tat-22 ta’ Marzu 2019, emendat bid-DV Nru 101, tas-27 ta’ Diċembru 2019.

( 5 ) DV Nru 43, tat-8 ta’ Ġunju 2012, emendat u kkompletat bid-DV Nru 64, tal-14 ta’ Jannar 2014, emendat bid-DV Nru 2, tad-9 ta’ Jannar 2015, emendat u kkompletat bid-DV Nru 64, tal-21 ta’ Awwissu 2015, emendat u kkompletat bid-DV Nru 22, tat-22 ta’ Marzu 2016, emendat u kkompletat bid-DV Nru 32, tat-13 ta’ April 2018.

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 15), kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27).

( 7 ) Din id-domanda hija simili ħafna għal dik magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑2/21, Rzecznik Praw Obywatelskich, imsemmija fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, dik il-kawża tikkonċerna l-wild ta’ ċittadina Pollakka, miżżewġa Irlandiża, li jirrisjedu flimkien fi Spanja. Dan l-Istat Membru ħareġ att tat-twelid li jindika liż-żewġ nisa bħala ommijiet il-wild. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtoritajiet amministrattivi Pollakki jistgħux jirrifjutaw li jittraskrivu dan l-att tat-twelid, liema traskrizzjoni hija meħtieġa sabiex il-wild ikun jista’ jikseb dokument ta’ identità Pollakk, għar-raġuni li d-dritt Pollakk ma jipprevedix il-parentalità ta’ koppji tal-istess sess u għar-raġuni li l-imsemmi att tat-twelid jindika bħala ġenituri persuni tal-istess sess.

( 8 ) Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10); tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 39); kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 30).

( 9 ) Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10); tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, EU:C:2001:106, punt 19); tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 45); kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 32).

( 10 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 48).

( 11 ) Sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 48), kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 32).

( 12 ) Ara sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 4249), kif ukoll tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, EU:C:2001:106, punt 25).

( 13 ) Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali obbligu jistax jirriżulta mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u mid-drittijiet li joħorġu minn dan l-istatus għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ara, iktar ’il quddiem, il-punti 65 u 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Jidher li l-awtoritajiet Brittaniċi, wara r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija), irrifjutaw li jirrikonoxxu n-nazzjonalità Brittanika lill-wild konformement mal-British Nationality Act 1981 (il-Liġi tal-1981 dwar in-Nazzjonalità Brittanika), għar-raġuni li l-omm Brittanika, li twieldet f’Ġibiltà minn ġenitur ta’ nazzjonalità Brittanika, ma tistax tgħaddi n-nazzjonalità tagħha lil wild meta dan jitwieled barra mit-territorju tar-Renju Unit.

( 15 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 25); tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 16); u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 37).

( 17 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punti 2526); tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 16); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 32); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 38).

( 18 ) Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 23); tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 51); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 31).

( 19 ) Sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 70); tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33); tat-13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 47); u tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 41).

( 20 ) Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punti 21 et seq.); tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 52); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 32).

( 21 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 33).

( 22 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 39).

( 23 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt il-kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 50).

( 24 ) Hawnhekk qiegħda nitlaq mill-premessa, ikkonfermata mill-Gvern Spanjol matul is-seduta, li d-determinazzjoni tal-filjazzjoni hija marbuta, konformement mad-dritt nazzjonali privat Spanjol, mal-post ta’ residenza abitwali tal-wild, jiġifieri mad-dritt Spanjol li jipprevedi l-parentalità tal-konjuġi tal-omm bijoloġika ta’ wild. Għall-kuntrarju tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 6263), ma hemmx, għalhekk, dubju dwar il-legalità tal-istatus miksub fi Stat Membru ieħor.

( 25 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-punti 102 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 81); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 48); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 41).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 9192), kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 73).

( 30 ) ĠU 2004, C 310, p. 1.

( 31 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 58).

( 32 ) Ara, fir-rigward tad-definizzjoni tal-ordni pubbliku, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 18); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614, punt 31); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 87); kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 68).

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:2, punt 40).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:7, punt 61), kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 89).

( 35 ) Ara l-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU 2010, L 343, p. 10).

( 36 ) Jiġifieri, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.

( 37 ) Dawn huma, kif jirriżulta mir-riċerki tiegħi ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja. Fil-parti l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi, din il-possibbiltà madankollu hija aċċettata biss fil-każ ta’ prokreazzjoni medikament assistita, li għaliha tkun tat il-kunsens il-konjuġi tal-omm bijoloġika.

( 38 ) Ara b’mod partikolari l-premessi 7 u 18, kif ukoll l-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament.

( 39 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 4243).

( 40 ) Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Federali Kostituzzjonali, il-Ġermanja) għalhekk qieset, fis-sentenza tagħha Lissabon, li d-dritt tal-familja kien jagħmel parti mill-oqsma partikolarment sensittivi għall-kapaċità ta’ awtodeterminazzjoni demokratika ta’ Stat kostituzzjonali, li minnu jirriżulta li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju għall-koordinazzjoni tas-sitwazzjonijiet transkonfinali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, Lissabon, DE:BVerfG:2009:es20090630.2bve000208, punti 251 u 252).

( 41 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 8384); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punti 8687); tas-16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punti 2627); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 65); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 43 et seq.).

( 42 ) Ara l-verżjoni kkonsolidata, ĠU 1992, C 224, p. 1.

( 43 ) Ara l-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat ta’ Nice, ĠU 2002, C 325, p. 1.

( 44 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Li kienet tipprevedi, sempliċement, li “[l]-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 46 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral (120/78, EU:C:1979:42, punt 14); tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 75); kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 55).

( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑265/95, EU:C:1997:595, punti 3334); tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑141/07, EU:C:2008:492, punt 46); kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 69).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-punti 86 u 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 3).

( 50 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 838892); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punti 8687); kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 73).

( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 4546).

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punti 2425).

( 54 ) Ara l-punti 70 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Dan għaliex, kif tfakkar f’dawn il-konklużjonijiet, meta ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni jimplika, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-membri tal-familja kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jkomplu b’din il-ħajja tal-familja meta jmorru lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punti 2123); tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 52); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 32).

( 56 ) Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara l-punti 62 sa 64, kif ukoll 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara l-punti 37 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara wkoll il-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma qiegħda titlob dan peress li hija tixtieq tikseb preċiżament ir-rikonoxximent tar-rabtiet ta’ parentela stabbiliti fi Spanja.

( 61 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 74 u 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Ara b’mod partikolari l-punti 92 u 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 5156).

( 64 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 51).

( 65 ) Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40); tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 40); kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet (C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 38).

( 66 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 4546).

( 67 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 47).

( 68 ) Qorti EDB, sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, K. u T. vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2001:0712JUD002570294, punt 150).

( 69 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 4950).

( 70 ) Dan huwa kkonfermat minn diversi atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Ara, pereżempju, il-premessa 18 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), li tipprovdi li l-Istati Membri “[f]l-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, […] għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja”; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża TQ (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2020:515, punt 65).

( 71 ) Ara b’mod partikolari l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 48).

( 73 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 54).

( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 42).

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 2930), kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 50).

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 48), kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 58).

( 77 ) Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 59), kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 37).

( 78 ) Meta, bħal f’dan il-każ, la tkun involuta koppja li persuna minnhom hija transsesswali, la maternità surrogata, u lanqas sitwazzjoni li fiha l-wild ikun tnissel mill-gameta ta’ omm, iżda jkun inġarr u twelled mill-oħra.

( 79 ) Qorti EDB, sentenza tas-7 ta’ Mejju 2013, Boeckel u Gessner-Boeckel vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2013:0507DEC000801711, punt 30).

( 80 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2014, Mennesson vs Franza (CE:ECHR:2014:0626JUD006519211, punt 99).

( 81 ) Qorti EDB, sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Jäggi vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2006:0713JUD005875700, punt 37).

( 82 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2014, Mennesson vs Franza (CE:ECHR:2014:0626JUD006519211, punt 100), kif ukoll opinjoni konsultattiva tal-10 ta’ April 2019 (talba Nru P16‑2018‑001, punt 53).

( 83 ) Qorti EDB, sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Gas u Dubois vs Franza (CE:ECHR:2012:0315JUD002595107, punti 62 u 72).

( 84 ) Qorti EDB, sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2010, Chavdarov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2010:1221JUD000346503, punti 49 u 50), kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2014, Mennesson vs Franza (CE:ECHR:2014:0626JUD006519211, punti 92 u 94).

( 85 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2014, Mennesson vs Franza (CE:ECHR:2014:0626JUD006519211, punt 92).

( 86 ) Ara l-punti 108 sa 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 87 ) Opinjoni konsultattiva tal-10 ta’ April 2019 (talba Nru P16‑2018‑001, punt 53). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li din il-possibbiltà hija prekluża f’dan il-każ peress li d-dritt internazzjonali privat Bulgaru jorbot il-liġi applikabbli għall-adozzjoni mal-post tar-residenza abitwali tal-wild, f’dan il-każ Spanja. Issa, skont id-dritt Spanjol, adozzjoni tal-wild minn waħda min-nisa diġà rrikonoxxuta bħala omm hija loġikament eskluża. Madankollu, wieħed ikollu raġun jistaqsi jekk, fil-każ li l-familja tmur lura fil-Bulgarija, tkunx imbagħad il-liġi Bulgara li ssir applikabbli għall-adozzjoni.

( 88 ) Ara l-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 89 ) Ara l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll.

( 90 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punti 100 u 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 91 ) Qorti EDB, opinjoni konsultattiva tal-10 ta’ April 2019 (talba Nru P16‑2018‑001).

( 92 ) Ara l-punt 4 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 93 ) Ara wkoll il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 94 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Dafeki (C‑336/94, EU:C:1997:579, punt 19).

( 95 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 27); tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 17); tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 4243); kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari (C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 26).

( 96 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 36); tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559, punti 2324); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 66); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 76); kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 39).

( 97 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 26); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 68 sa 70); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 77); kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 39).

( 98 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 29).

( 99 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 60 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 100 ) Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punti 2123); tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 52); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 32).

( 101 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 102 ) Ara b’mod partikolari l-konklużjoni fil-punt 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 103 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 104 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 4546).

( 105 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 47 sa 50).

( 106 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 3435).

( 107 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Gemeinsamer Betriebsrat Eurothermen Resort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2018:627, punt 51).

( 108 ) Ara, a contrario, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 43), kif ukoll tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 35).

( 109 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 110 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjoni intermedja fil-punt 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 111 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 51).

( 112 ) Ara, f’dan ir-rigward, fuq il-konsegwenzi tar-rikonoxximent tal-maternità konformement mal-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Familja, il-punti 34 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 113 ) Fl-ipoteżi li l-wild ma jkollhiex in-nazzjonalità Bulgara, l-awtoritajiet Bulgari ma jkollhomx il-kompetenza li joħorġulha dokument ta’ identità taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38; ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 114 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 3031).

( 115 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.