KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑2 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑326/20

SIA “MONO”

vs

Valsts ieņēmumu dienests

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 12 – Dazji tas-sisa – Eżenzjoni tad-dazju tas-sisa armonizzata – Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari – Kundizzjonijiet – Ħlas effettiv tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mid-destinatarji reali tagħhom – Ħlas b’mod ieħor mhux kontanti”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118/KE ( 2 ) dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa, fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija MONO SIA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“VID”) fir-rigward tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa ta’ prodotti mixtrija minn membri tas-servizzi diplomatiċi u konsulari kif ukoll mill-persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali stabbiliti fil-Latvja.

2.

Dawn id-domandi huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiddeterminaw jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari ma humiex eżentati mid-dazji tas-sisa ħlief bil-kundizzjoni, mhux prevista mid-dritt tal-Unjoni, li dawn il-prodotti jkunu nxtraw permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti u li l-ħlas lill-fornitur ikun sar mid-destinatarji reali tal-imsemmija prodotti.

3.

Minkejja n-natura ġdida tagħha, din il-kawża tqajjem problema li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfrontata biha reċentement, jiġifieri dik ta’ restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ kontanti bħala mezz ta’ ħlas. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar il-konformità tal-iskema ta’ eżenzjoni minn dazji tas-sisa stabbilita mil-leġiżlazzjoni Latvjana, u b’mod iktar speċifiku, dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din l-iskema, b’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

1. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi

4.

L-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“KVRD”) jistabbilixxi:

“Aġent diplomatiku jkun eżenti mill-imposti u taxxi kollha, persunali jew fuq il-proprjetà, nazzjonali, reġjonali jew muniċipali, ħlief:

a)

taxxi indiretti ta’ xorta li jkunu normalment inkorporati fil-prezz ta’oġġetti jew servizzi;

[…]”

5.

L-Artikolu 36 tal-KVRD jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istat riċeventi għandu, skont dawk il-liġijiet u regolamenti li jista’ jadotta, jippermetti d-dħul ta’ u jagħti eżenzjoni mid-dazji tad-dwana, taxxi, u ħlasijiet relattivi kollha ħlief ħlasijiet għal magazzinaġġ, trasport u servizzi simili, dwar:

a)

[oġġetti intiżi għall-użu uffiċjali tal-missjoni];

b)

oġġetti għall-użu persunali ta’ aġent diplomatiku jew ta’ membri tal-familja tiegħu li jifformaw parti mid-dar tiegħu, inklużi oġġetti maħsuba għall-istabbiliment tiegħu.”

2. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari

6.

L-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari, konkluża fi Vjenna fl‑24 ta’ April 1963 ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“KVRK”), intitolat “Eżenzjoni fiskali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-uffiċjali konsulari u l-impjegati konsulari kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fid-dar tagħhom huma eżentati mill-imposti u taxxi kollha, persunali jew fuq il-proprjetà, nazzjonali, reġjonali u muniċipali, ħlief

a)

taxxi indiretti ta’ xorta li jkunu normalment inkorporati fil-prezz ta’oġġetti jew servizzi;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 50 tal-KVRK, intitolat “Eżenzjoni mid-dazji doganali u mill-ispezzjoni doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istat ta’ residenza għandu, skont dawk il-liġijiet u regolamenti li jista’ jadotta, jawtorizza d-dħul ta’ u jagħti eżenzjoni minn kull dazji tad-dwana, taxxi, u ħlasijiet relattivi kollha ħlief ħlasijiet għal magazzinaġġ, trasport u servizzi simili, għall-

a)

oġġetti intiżi għall-użu uffiċjali tal-post konsulari;

b)

oġġetti għall-użu personali ta’ uffiċjal konsulari u ta’ membri tal-familja tiegħu li jifformaw parti mid-dar tiegħu, inklużi oġġetti maħsuba għall-istabbiliment tiegħu. L-oġġetti ta’ konsum ma għandhomx jeċċedu l-kwantitajiet neċessarji għall-użu dirett tagħhom mill-persuni interessati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2008/118

8.

Il-premessa 13 tad-Direttiva 2008/118 hija fformulata kif ġej:

“Ir-regoli u l-kondizzjonijiet għall-konsenji li huma eżentati mill-ħlas ta’ dazju tas-sisa għandhom jibqgħu armonizzati. Għall-konsenji eżentati għal organizzazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra, għandu jsir użu minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.”

9.

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

b)

alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-Direttivi 92/83/KEE [ ( 5 )] u 92/84/KEE [ ( 6 )];

c)

tabakk manifatturat kopert mid-Direttivi 95/59/KE [ ( 7 )], 92/79/KEE [ ( 8 )] u 92/80/KEE [ ( 9 )].”

10.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“1.   Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu eżentati mid-dazju tas-sisa fejn dawn ikunu maħsuba biex jiġu użati:

a)

fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari;

b)

minn organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, u mill-membri ta’ tali organizzazzjonijiet, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu tali organizzazzjonijiet jew minn strumenti ta’ ftehim tal-kwartieri ġenerali;

ċ)

mill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat li huwa parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana minbarra l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mess jew il-kantins tagħhom;

[…]

2.   L-eżenzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa.”

11.

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1), il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għal għand destinatarju msemmi fl-Artikolu 12(1) għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 43(2), tistabbilixxi l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.

[…]”

12.

L-Artikolu 14(3) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 jiġu applikati b’tali mod li tiġi evitata kwalunkwe evażjoni, ħrib jew abbuż possibbli.”

2. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011

13.

L-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 ( 10 ) jipprovdi:

“1.   […] iċ-ċertifikat [ta’ eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud] u/jew id[tad]-dazju tas-sisa previst fl-Anness II għal dan ir-Regolament, għandu iservi biex jiġi kkonfermat li l-operazzjoni tista’ tibbenefika, skont in-noti ta’ spjegazzjoni stipulati fl-Anness għal dak iċ-ċertifikat, minn tali eżenzjoni taħt l-Artikolu 151 tad-Direttiva 2006/112/KE [ ( 11 )].

[…]

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ittimbrat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Madanakollu, jekk l-oġġetti u s-servizzi ġew intiżi għall-użu uffiċjali, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lir-reċipjent mir-rekwiżit li ċ-ċertifikat għandu jiġi stampat, taħt tali kundizzjonijiet li jistgħu jistipulaw. Din l-eżenzjoni tista’ tiġi rtirata fil-każ ta’ abbuż.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni bil-punt ta’ kuntatt magħżul biex jidentifika s-servizzi responsabbli għall-istampar taċ-ċertifikat u sa liema punt jistgħu jwarrbu r-rekwiżit li ċ-ċertifikat għandu jiġi stampat. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni li tressqet mill-Istati Membri.

3.   Fejn eżenzjoni diretta hija applikata fl-Istat Membru li fih sar il-forniment, il-fornitur għandu jakkwista ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mir-reċipjent tal-prodotti jew servizzi u jżommu bħala parti mir-reġistri tiegħu. Jekk l-eżenzjoni tingħata permezz ta’ rifużjoni tal-VA [VAT], skont l-Artikolu 151(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, iċ-ċertifikat għandu jiġi mehmuż mat-talba għar-rifużjoni mibgħuta lill-Istat Membru kkonċernat.”

14.

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jindika l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-VAT u/jew mid-dazju tas-sisa msemmi fl-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

C.   Id-dritt Latvjan

15.

Il-likums “Par akcīzes nodokli” (il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa), tat‑30 ta’ Ottubru 2003 ( 12 ), tistabbilixxi, fl-Artikolu 7 tagħha:

“Id-dazji tas-sisa huma dovuti minn:

1.   l-importatur […]”

16.

L-Artikolu 20(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, […] 5, […] ta’ dan l-artikolu, huma eżentati mid-dazji tas-sisa, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa kkonsenjati:

1)

lil rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari;

2)

lill-aġenti diplomatiċi u konsulari tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari, lill-persunal amministrattiv u tekniku u lill-membri tal-familja tal-persuni msemmija f’dan il-punt, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ċittadini Latvjani u ma jkunux jirresjedu fil-Latvja b’mod permanenti. […];

3)

lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rrikonoxxuti bħala tali mir-Repubblika tal-Latvja kif ukoll lir-rappreżentanzi tagħhom, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu dawn l-organizzazzjonijiet jew mill-ftehimiet tal-kwartieri ġenerali;

4)

lill-membri tal-persunal tal-organizzazzjonijiet internazzjonali jew lir-rappreżentanzi tagħhom li jibbenefikaw mill-istatus diplomatiku fir-Repubblika tal-Latvja, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ċittadini Latvjani u ma jkunux jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja;

[…]

6)

lill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat li huwa parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana minbarra l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi jew għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom;

[…]

9)

[…]

a)

lill-kwartieri ġenerali alleati rrikonoxxuti fir-Repubblika tal-Latvja […],

b)

lill-membri ta’ kwartier ġenerali alleat jew lill-persuni responsabbli minn dawn tal-aħħar, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ċittadini Latvjani u ma jkunux jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja.”

17.

L-Artikolu 20(2)(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistgħu jirċievu fir-Repubblika tal-Latvja, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li ġejjin minn:

[…]

2)

imħażen tat-taxxa li jinsabu fir-Repubblika tal-Latvja, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-konsenjatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa juża d-dokument stabbilit fl-Anness II tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 282/2011, li jiċċertifika li dawn il-prodotti huma eżentati mid-dazji tas-sisa,

b)

il-konsenjatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jistabbilixxi dokument ta’ sostenn skont il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa,

c)

il-prezz tal-akkwist ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitħallas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti.”

18.

L-Artikolu 20(5) tal-istess liġi jistabbilixxi:

“L-oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi għall-bżonnijiet tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, importati fir-Repubblika tal-Latvja sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera, […] li jkunu ġejjin minn pajjiż barrani li ma huwiex Stat Membru jew minn territorju msemmi fl-Artikolu 2(31) ta’ din il-liġi, huma eżentati mid-dazji tas-sisa taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

il-konsenjatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa juża d-dokument stabbilit fl-Anness II tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 282/2011, li jiċċertifika li dawn il-prodotti huma eżentati mid-dazji tas-sisa.

2)

il-prezz tax-xiri ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitħallas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Ir-rikorrenti ddikjarat mal-amministrazzjoni doganali Latvjana, taħt l-iskema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa u sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-ambaxxati u s-servizzi konsulari ta’ diversi Stati Membri kif ukoll fir-rappreżentanza tan-NATO fil-Latvja, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (alkoħol u sigaretti) mixtrija minnha mingħand kumpannija Brittanika u mingħand il-fergħa Latvjana tagħha (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”).

20.

Wara li tixtri l-prodotti inkwistjoni mingħand il-kumpannija Brittanika u mingħand il-fergħa Latvjana tagħha, mingħajr ma ħallset direttament il-prezz, ir-rikorrenti tbigħhom lill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ( 13 ) stabbiliti fil-Latvja, mingħajr madankollu ma tirċievi ħlas. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, wara li jirċievu dawn il-prodotti, iħallsu direttament il-prezz tal-imsemmija prodotti lill-imsemmija kumpannija Brittanika li tibbenefika minn trasferiment ta’ dejn tar-rikorrenti. Il-kuntratt ta’ trasferiment jipprovdi wkoll ir-remunerazzjoni li l-imsemmija kumpannija għandha tħallas lir-rikorrenti għar-rwol tagħha ta’ intermedjarja għall-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni.

21.

Wara kontroll fiskali, il-VID adottat deċiżjoni li timponi fuq ir-rikorrenti l-ħlas ta’ dazji tas-sisa għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-prodotti inkwistjoni, flimkien ma’ multi u interessi moratorji. Din id-deċiżjoni indikat li, peress li r-rappreżentanzi diplomatiċi kkonċernati ma kinux ħallsu dawn il-prodotti permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti, il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 20(5)(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa ma kinitx issodisfatta.

22.

Ir-rikorrenti adixxiet lill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) b’rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-VID. Hija argumentat, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 20(5)(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa ma kinitx determinanti u, barra minn hekk, ma kinitx imniżżla bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni fl-istrumenti internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja.

23.

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2019, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) ċaħdet dan ir-rikors għal dak li jirrigwarda l-obbligu tal-ħlas tad-dazji tas-sisa.

24.

Ir-rikorrenti appellat minn din is-sentenza quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali). Din il-qorti tosserva li ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti ddikjarat il-prodotti inkwistjoni fil-kuntest tal-iskema ta’ ħażna doganali, bis-sospensjoni tad-dazji tas-sisa u sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-aġenti diplomatiċi, li hija użat iċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li hija ħarġet id-dokumenti ta’ sostenn relattivi għall-kunsinni ta’ prodotti lill-aġenti diplomatiċi ta’ diversi Stati kif ukoll lir-rappreżentanza tan-NATO fil-Latvja u li l-ħlas li kien dovut lilha għall-prodotti inkwistjoni sar mill-kumpannija Brittanika skont kuntratt ta’ trasferiment ta’ dejn.

25.

Madankollu, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) tosserva, li l-VID tqis li l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma hijiex applikabbli peress li l-Artikolu 20(5)(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jeħtieġ li l-prodotti inkwistjoni jitħallsu permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti.

26.

Barra minn hekk, mill-pożizzjoni adottata mill-VID jirriżulta li mhux biss huwa neċessarju li jiġi pprovat li huwa previst ħlas permezz ta’ mezzi differenti mill-kontanti bejn il-partijiet għat-tranżazzjoni inkwistjoni, iżda wkoll li dan il-ħlas effettivament seħħ mill-persuni li lilhom kienu kkonsenjati l-prodotti. Il-VID tqis li, peress li l-ħlas dovut lir-rikorrenti għall-prodotti inkwistjoni kkonsenjati lill-ambaxxati u lis-servizzi konsulari kien sar, skont kuntratt ta’ trasferiment ta’ dejn, mill-kumpannija Brittanika, u mhux mill-ambaxxati u mis-servizzi konsulari li lilhom kienu kkonsenjati dawn il-prodotti, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-ambaxxati u s-servizzi konsulari inkwistjoni ħallsux effettivament permezz ta’ mezzi differenti mill-kontanti meta rċevew l-imsemmija prodotti.

27.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 12(1) tad-[Direttiva 2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi għal użu fil-kuntest tar-relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari għandhom ikunu eżentati mill-imsemmija dazji bil-kundizzjoni li l-ħlas għal dawn il-prodotti jkun previst permezz ta’ mezzi [ta’ ħlas] li ma humiex kontanti, li l-ħlas ikun effettivament seħħ u li l-ħlas lill-fornitur ikun sar mid-destinatarji reali tal-imsemmija prodotti?

2.

L-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet u limiti li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, jissuġġettaw l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa għall-prodotti suġġetti għall-imsemmija dazji għar-rekwiżit li x-xerrej ta’ dawn il-prodotti jkun ħallas effettivament għalihom permezz ta’ mezzi [ta’ ħlas] differenti mill-kontanti?”

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern Spanjol u minn dak Latvjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

29.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet intervenjenti jipproponu li r-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun kif ġej:

Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/118 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari huma eżentati mid-dazji tas-sisa bil-kundizzjoni li jkun previst li dawn il-prodotti jitħallsu permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti, li l-ħlas lill-fornitur ikun effettivament seħħ u li jkun sar mid-destinatarji reali tal-imsemmija prodotti. L-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti li Stat Membru jimponi restrizzjonijiet addizzjonali inutli u burokratiċi fir-rigward tal-prodotti eżentati mid-dazji tas-sisa, li jirriżultaw f’limitazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas għal dawn il-prodotti.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Latvjan jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari huma eżentati mid-dazji tas-sisa bil-kundizzjoni li jkun previst li dawn il-prodotti jitħallsu permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti, li l-ħlas lill-fornitur ikun effettivament seħħ u li jkun sar mid-destinatarji reali tal-imsemmija prodotti, u li l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet u limiti li, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari, jissuġġettaw l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għall-kundizzjoni li x-xerrej ta’ dawn il-prodotti jkun ħallashom effettivament permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti.

Il-Gvern Spanjol iqis li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, b’mod ġenerali, kundizzjonijiet u limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/118, b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. L-obbligu tal-persuna taxxabbli, sabiex tinvoka l-eżenzjoni, li turi li l-oġġetti jew is-servizzi tabilħaqq tħallsu, u dan b’mod ieħor minbarra b’kontanti, jidher raġonevoli sabiex tiġi żgurata applikazzjoni mhux abbużiva tal-eżenzjoni, sa fejn huwa jippermetti li tiġi kkonfermata l-kunsinna effettiva tal-oġġetti lid-destinatarju diplomatiku jew konsulari. Dan ir-rekwiżit huwa ta’ natura li jipprekludi kull forma ta’ abbuż jew ta’ frodi. Għalhekk, il-Gvern Spanjol jipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari tkun fis-sens li l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri, fil-mument li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa fuq prodotti użati fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, li jissuġġettaw l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li x-xerrej ta’ dawn il-prodotti jkun effettivament ħallashom permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti.

Il-Kummissjoni tqis li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tirriżulta mill-qari tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2008/118 stess, li ma jagħmel ebda riferiment għall-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-domanda. Għalhekk, l-unika kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija li l-prodotti jkunu effettivament intiżi għall-użu indikat, jiġifieri għall-użu fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari. Skont il-Kummissjoni, peress li l-prova ta’ din id-destinazzjoni tista’ titressaq permezz ta’ mezzi oħra minbarra l-prova ta’ ħlas mix-xerrejja lill-fornitur dirett tagħhom b’mod ieħor li mhux kontanti, hija tipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx, sabiex tingħata l-eżenzjoni li huwa jipprovdi, li jkun previst ħlas għal dawn il-prodotti permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti, li l-ħlas lill-fornitur ikun effettivament seħħ u li jkun sar mid-destinatarji reali tal-imsemmija prodotti.

Skont il-Kummissjoni, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa għandha tiġi rrifjutata għar-raġuni li x-xerrej ma ħallasx effettivament il-prezz tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi pprovat, abbażi ta’ provi oħra, li l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni preskritti fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti.

30.

L-istess partijiet wieġbu wkoll bil-miktub fit-terminu mogħti, għal mistoqsija indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ).

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

31.

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, fil-mument li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa fuq prodotti użati fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, li jissuġġettaw l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għal kundizzjonijiet addizzjonali mhux previsti mid-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jipprovdu li d-destinatarju effettiv ta’ dawn il-prodotti jkun ħallashom direttament lill-fornituri permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti.

32.

F’dan ir-rigward, nirrileva, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118.

33.

Għandu jiġi speċifikat li skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda dubju li fil-kawża prinċipali, il-prodotti inkwistjoni kienu ġew ikkonsenjati lil rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari u li ebda irregolarità, minbarra l-ksur tad-dispożizzjoni tad-dritt Latvjan inkwistjoni, ma kienet ikkonstatata mill-VID. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti kkonformat bis-sħiħ mar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà, f’tali ipoteżi, li d-dritt nazzjonali jimponi kundizzjonijiet u limiti addizzjonali meta mqabbel mad-dritt tal-Unjoni, li l-ksur tagħhom iwassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa.

34.

Qabel ma nipproċedi għall-analiżi ddettaljata tad-domandi li saru f’din il-kawża, jidhirli li huwa importanti li jiġi indirizzat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/118 u b’mod iktar partikolari id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa favur il-missjonijiet diplomatiċi u konsulari.

35.

Imbagħad, nipproponi li tiġi analizzata l-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa kif prevista mid-dritt Latvjan fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fl-aħħar nett, il-konformità tagħha fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-eżenzjoni mill-VAT, qasam li għalih il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda skema ta’ eżenzjoni identika għal dik applikabbli għad-dazji tas-sisa.

B.   Il-kamp ta’ aplikazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/118

36.

Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 15 ).

37.

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/118 għandha l-għan li tistabbilixxi skema ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Unjoni sabiex tiżgura l-moviment liberu tagħhom u kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tal-Unjoni ( 16 ). Fost l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju hemm l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva favur missjonijiet diplomatiċi u konsulari.

38.

Il-konklużjonijiet preliminari li ġejjin jistgħu jinsiltu mid-dispożizzjonijiet prinċipali tad-Direttiva 2008/118 li jirrigwardaw l-iskema ta’ eżenzjoni, li huma deskritti fil-punti 10 sa 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

39.

Fl-ewwel lok, l-għan prinċipali tal-iskema ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 huwa li jiġi żgurat li d-destinatarji li jaqgħu f’waħda mill-kategoriji identifikati minn din id-dispożizzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha. Għalhekk, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu eżentati mill-ħlas tad-dazji tas-sisa korrispondenti meta jkunu intiżi li jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari. Tali interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-Artikolu 36 tal-KVRD u mal-Artikolu 50 tal-KVRK.

40.

Fit-tieni lok, minkejja li huwa rrikonoxxut li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni, dan huwa limitat bl-użu taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, li huwa intiż sabiex jipprovdi qafas għas-sistema ta’ implimentazzjoni tal-eżenzjoni u, b’mod speċifiku, sabiex jiżgura li l-għan previst mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jintlaħaq filwaqt li jiġi żgurat l-użu effettiv tal-prodotti inkwistjoni mid-destinatarji tagħhom.

41.

Fit-tielet lok, fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lill-Istati Membri, dawn tal-aħħar jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-eżenzjonijiet previsti favur missjonijiet diplomatiċi u konsulari jkunu applikati b’mod li tiġi evitata kull forma ta’ frodi, evażjoni jew abbuż possibbli ( 17 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prevenzjoni ta’ tali fenomeni tikkostitwixxi għan komuni kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt Latvjan.

42.

Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa, id-Direttiva 2008/118 tħalli lill-Istati Membri l-għażla li jagħtu l-eżenzjoni permezz ta’ żewġ proċeduri differenti, jiġifieri, minn naħa, dik tar-rimbors ex post tad-dazju tas-sisa u, min-naħa l-oħra, dik tal-eżenzjoni ex ante, fil-forma tas-sospensjoni tad-dazji tas-sisa fid-dawl tal-kunsinna tagħhom lill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ( 18 ), il-mudell li għażlet il-Latvja.

43.

Fl-aħħar lok, minbarra l-kundizzjonijiet imsemmija b’mod espliċitu mid-Direttiva 2008/118 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix kundizzjonijiet oħra armonizzati għall-eżenzjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi sabiex jintużaw fir-relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari. B’mod partikolari, l-għoti tal-eżenzjoni ma tiddependix fuq modalitajiet ta’ ħlas u lanqas fuq ħlas dirett mix-xerrej lill-fornitur.

2. L-applikazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa

44.

Sabiex jinftiehem il-funzjonament tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa u l-parametri tal-implimentazzjoni tagħha, għandu jiġi indirizzat, qabel kollox, il-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni. Imbagħad, l-analiżi tiegħi ser tirrigwarda r-rwol tad-dritt nazzjonali u l-interazzjoni tiegħu mad-dritt tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa.

a) Iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni

45.

Qabel kollox, infakkar li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jikkostitwixxi dokument li l-forma u l-kontenut tiegħu huma stabbiliti mill-Kummissjoni u li l-Istati Membri għandhom josservaw sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa ( 19 ). Għalhekk, bilfors għandu jiġi kkonstatat li permezz tal-użu ta’ dan iċ-ċertifikat, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jarmonizza din l-iskema.

46.

Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tiegħu, dan jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej: iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jinkludi l-identità u l-koordinati tal-benefiċjarju tal-eżenzjoni – organizzazzjoni (rappreżentanza diplomatika jew konsulari) jew aġent tagħha ( 20 ) -, id-deskrizzjoni ddettaljata tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati, il-kwantità jew in-numru tagħhom, il-valuri unitarji u t-totali tagħhom u l-munita użata ( 21 ), id-dikjarazzjoni espressa tal-benefiċjarju tal-eżenzjoni li dawn l-oġġetti jew servizzi huma intiżi għal wieħed mill-użi uffiċjali previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jew għall-użu privat ta’ membru ta’ missjoni diplomatika jew konsulari ( 22 ), it-timbru datat u ffirmat ta’ din l-organizzazzjoni f’każ ta’ talba għall-eżenzjoni għal użu privat ( 23 ), u t-timbru datat u ffirmat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jiċċertifika li t-tranżazzjoni tosserva, totalment jew sa kwantità speċifikata, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni minn dazji tas-sisa ( 24 ).

47.

Qabel kollox, ninnota li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jiddeskrivi b’mod preċiż l-istadji differenti li għandhom jiġu segwiti mill-atturi kollha involuti fil-proċess tal-eżenzjoni, jiġifieri l-persuna taxxabbli, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti u l-organizzazzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

48.

Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li bħala prinċipju, il-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni huwa ċċertifikat kemm mill-organizzazzjoni jew mill-individwu li jibbenefika mill-eżenzjoni, jiġifieri l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istat Membru kkonċernat (jew il-persunal tagħhom), kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti.

49.

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari li jibbenefikaw mill-eżenzjoni, fiċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, dawn tal-aħħar jiddikjaraw b’mod partikolari: a) li l-oġġetti huma intiżi għal wieħed mill-użi uffiċjali previsti jew għal użu privat; b) li l-oġġetti u/jew is-servizzi huma konformi mal-kundizzjonijiet u mar-restrizzjonijiet fil-qasam tal-eżenzjoni fl-Istat Membru ospitanti u ċ) li l-informazzjoni kienet ikkomunikata in bona fide. Sabiex tiġi ċċertifikata l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, rappreżentant tal-organizzazzjoni kkonċernata jiffirma kif ukoll jagħmel timbru jew siġill tal-missjoni diplomatika jew konsulari meta l-eżenzjoni tkun ingħatat għall-użu privat ta’ membru tal-organizzazzjoni eżentabbli.

50.

Għal dak li jirrigwarda l-Istat Membru ospitanti, għandu jiġi nnotat li bħala prinċipju, il-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni huwa ċċertifikat ukoll mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat. Din iċ-ċertifikazzjoni tista’ ssir minn awtorità waħda jew iktar skont l-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, nirrileva li f’ċertu numru ta’ Stati Membri, żewġ awtoritajiet jintervjenu f’dan il-proċess ( 25 ). Għalhekk, fl-ewwel lok, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ( 26 ) jew il-Ministeru għad-Difiża ( 27 ) jiċċertifika li l-organizzazzjoni inkwistjoni għandha, minħabba l-istatus tagħha, id-dritt għall-eżenzjoni. Ladarba tinkiseb din iċ-ċertifikazzjoni, l-organizzazzjoni li għandha dritt għall-eżenzjoni tippreżenta ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni lill-fornitur u tipproċedi bix-xiri tal-prodotti eżentati billi tagħtih kopja ta’ dan iċ-ċertifikat. Fit-tieni lok, it-tieni awtorità tal-Istat Membru ospitanti, fil-parti l-kbira tal-każijiet l-awtoritajiet fiskali jew is-servizzi doganali, jistgħu eventwalment jivverifikaw il-konformità tat-tranżazzjoni mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa jew mill-VAT.

51.

Madankollu, meta l-oġġetti jew is-servizzi huma intiżi għal użu uffiċjali, l-Istat Membru ospitanti jista’, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, jeħles lir-rappreżentanzi diplomatiċi jew konsulari mill-obbligu li jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għall-użu taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni ( 28 ). F’tali ipoteżi, dan iċ-ċertifikat jkun jista’ jintuża mingħajr iċ-ċertifikazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u mingħajr ma jkun jinkludi t-timbru tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, jista’ jkun previst li għal raġunijiet ta’ reċiproċità fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi ta’ Stat Membru ma’ ieħor, tittieħed id-deċiżjoni li jiġi ffaċilitat ix-xiri ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari billi jingħataw din id-dispensa, li madankollu, tista’ tiġi rtirata f’każ ta’ abbuż.

52.

Madankollu, anki fil-każijiet fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiddeċiedi li ma tagħmilx it-timbru tagħha f’każ ta’ eżenzjoni minn dazji tas-sisa għal użu uffiċjali, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jeħlisx, bħala prinċipju, lill-missjoni diplomatika jew konsulari li tibbenefika minn din l-eżenzjoni mill-obbligu tagħha li tikkonferma l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża u li tiċċertifika l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, permezz ta’ firma jew ta’ siġill uffiċjali.

53.

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-persuna taxxabbli (jew il-fornitur tal-oġġetti li jibbenefika mill-eżenzjoni), fin-noti ta’ spjega tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 dwar iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni huwa speċifikat li dan iċ-ċertifikat iservi bħala ċertifikazzjoni tal-eżenzjoni fiskali tal-konsenji ta’ oġġetti lill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari. Barra minn hekk, il-persuna taxxabbli/magazzinier għandu jżomm l-imsemmi ċertifikat fir-reġistri tiegħu ( 29 ), skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fl-Istat Membru tiegħu ( 30 ).

b) Ir-rwol tad-dritt nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa

54.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118, l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti”.

55.

Għalhekk, il-Gvern Latvjan jikkunsidra li r-rekwiżit ta’ ħlas permezz ta’ mezzi differenti mill-kontanti, flimkien mal-formalità taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u tal-possibbiltà li din id-dispożizzjoni tagħtihom li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa.

56.

Il-Gvern Spanjol jaqbel ukoll ma’ din il-pożizzjoni, u jikkunsidra li jekk wieħed jaċċetta l-interpretazzjoni li l-eżenzjoni tapplika awtomatikament fil-kuntest tal-kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ servizzi lil rappreżentanza diplomatika jew konsulari, allura l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ tali eżenzjoni, jitlef is-sens kollu tiegħu.

57.

Qabelxejn, ninnota li ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern Latvjan u ta’ dak Spanjol.

58.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, jidher evidenti li f’qasam armonizzat tad-dritt tal-Unjoni, bħall-iskema ġenerali tad-dazju tas-sisa, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri huwa limitat u għandu jiġi eżerċitat b’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

59.

Fit-tieni lok, anki jekk wieħed jillimita ruħu għal interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118, din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu ċertu numru ta’ parametri relattivi għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa.

60.

Prinċipalment, għandu jitfakkar li huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jagħżel il-metodu ta’ eżenzjoni li huwa jixtieq japplika, jiġifieri jekk din isseħħx ex ante u b’mezz dirett, permezz tas-sospensjoni tad-dazji tas-sisa jew ex post, permezz ta’ rimbors ta’ dazji tas-sisa.

61.

Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa jidher b’mod ċar mill-approċċi differenti segwiti minn dawn l-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ parametri ta’ din l-iskema. Għalhekk, wieħed josserva, differenzi fir-rigward tan-nominazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti sabiex jiċċertifikaw kemm l-eliġibbiltà tad-detenturi tal-eżenzjoni kif ukoll il-validità tat-tranżazzjonijiet imwettqa ( 31 ), ir-rekwiżiti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-kontenut mill-missjoni diplomatika kkonċernata ( 32 ), l-ammont li minnu l-eżenzjoni ssir disponibbli ( 33 ), il-perijodu li matulu l-eżenzjoni hija valida jew it-terminu sabiex jinkiseb ir-rimbors ( 34 ), ir-regolamenti tal-użu tal-prodotti kkonċernati ( 35 ) jew anki n-numru ta’ kopji taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni li għandhom jinħarġu ( 36 ).

62.

Fid-dawl tal-preċedenti, nikkunsidra li interpretazzjoni ffokata fuq l-għan prinċipali tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa, li huwa li jiġi żgurat li d-destinatarji msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jiksbu din l-eżenzjoni, ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu ċertu numru ta’ parametri importanti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din l-iskema.

C.   L-eżami tal-proporzjonalità tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa

63.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponi li l-Istati Membri jirrikorru għall-mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq b’mod effikaċi l-għan imfittex mid-dritt nazzjonali, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju u jkollhom l-inqas preġudizzju fuq l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni ( 37 ).

64.

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija ( 38 ).

65.

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi indirizzat l-għan leġittimu mfittex mil-leġiżlatur Latvjan waqt l-adozzjoni tal-Artikolu 20(5)(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, sabiex jiġi eżaminat jekk dan huwiex iġġustifikat u proporzjonat.

66.

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan tal-aħħar.

67.

Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li l-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa hija s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2008/118. Fuq il-livell tal-implimentazzjoni tagħha, din l-armonizzazzjoni tidher fir-regolament tal-iskema tal-eżenzjoni permezz taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni. Għalhekk huwa f’dan il-kuntest speċifiku ħafna, li għandha tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-Artikolu 20(5)(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula.

68.

Fid-dawl tal-preċedenti, nikkunsidra li fil-każ tal-assenza ta’ tali armonizzazzjoni u tar-rekwiżit ta’ sistema ta’ eżenzjoni uniformi li jirriżulta minnha, miżuri bħal dawk previsti mid-dritt Latvjan jistgħu jkunu ġġustifikati u proporzjonati kemm fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-dritt nazzjonali kif ukoll tal-marġni ta’ diskrezzjoni iktar kunsiderevoli li għandu Stat Membru.

1. Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni imposta mid-dritt Latvjan

69.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Latvjan jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ ħlas permezz ta’ mezzi differenti mill-kontanti tirriżulta mill-volontà li jiġi żgurat li l-eżenzjoni tingħata ġustament lid-detenturi tad-dritt għall-eżenzjoni minn dazji tas-sisa kif ukoll li jiġu miġġielda b’mod iktar effikaċi l-evażjoni u l-frodi fiskali.

70.

Għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom ( 39 ) u li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali tikkostitwixxi għan imfittex mid-Direttiva 2008/118, kif jirriżulta mill-Artikolu 11 u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva ( 40 ).

71.

Jiena nikkunsidra wkoll li mal-ewwel daqqa t’għajn, l-għan imfittex mil-leġiżlatur Latvjan jista’ jidher iġġustifikat fil-każ partikolari ta’ ċerti prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, bħas-sigaretti u l-alkoħol li, introdotti illegalment, jirrappreżentaw parti importanti mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

72.

Madankollu, infakkar li l-Istati Membri għandhom josservaw, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 41 ).

73.

Għalhekk, issa, għandhom jiġu indirizzati l-argumenti mressqa minn dawn iż-żewġ gvernijiet sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni imposta mid-dritt Latvjan.

74.

Il-Gvern Latvjan u dak Spanjol jikkunsidraw li l-użu ta’ mezzi ta’ ħlas f’kontanti waqt tranżazzjonijiet ekonomiċi jiffaċilita kunsiderevolment l-aġir frawdolenti u abbużiv u li, minħabba dan, ir-restrizzjonijiet imposti mid-dritt Latvjan huma leġittimi u proporzjonati.

75.

Skont il-Gvern Spanjol, id-dritt tal-Unjoni stess ma huwiex estraneu għal dan it-tip ta’ restrizzjonijiet, li huma stabbiliti għall-finijiet leġittimi, bħall-prevenzjoni tal-frodi fiskali. F’dan ir-rigward, dan il-gvern jirreferi għas-sentenza Hessischer Rundfunk ( 42 ) kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża ECOTEX BULGARIA ( 43 ).

76.

Minkejja li ġie rrikonoxxut li, f’ċerti każijiet partikolari, restrizzjonijiet dwar l-użu tal-kontanti bħala mezzi ta’ ħlas jistgħu jkunu leġittimi, jiena tal-opinjoni li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Gvern Spanjol ma hijiex trasponibbli għal din il-kawża, li kemm il-fatti tagħha kif ukoll is-sistema legali applikabbli fiha huma differenti kunsiderevolment mill-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63).

77.

Infakkar li fil-kawżi magħquda Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19), il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kulleġġ ġudikanti ta’ Awla Manja, iddeċidiet li, bħala prinċipju, Stat Membru taż-żona ewro jista’ jobbliga l-amministrazzjoni tiegħu taċċetta ħlasijiet f’kontanti, iżda li din il-possibbiltà tista’ wkoll tiġi ristretta għal raġuni ta’ interess pubbliku taħt il-kundizzjoni li tali restrizzjonijiet ikunu proporzjonati mal-għan ta’ interess pubbliku mfittex. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata b’mod partikolari meta l-ħlas f’kontanti jista’ jikkawża spiża irraġonevoli għall-amministrazzjoni minħabba n-numru għoli ħafna ta’ persuni taxxabbli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali restrizzjoni hijiex proporzjonata mal-għan ta’ rkupru effettiv tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ( 44 ), b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-mezzi legali alternattivi ta’ ħlas jistgħu ma jkunux faċilment aċċessibbli għall-persuni kollha responsabbli għall-ħlas tagħha ( 45 ).

78.

L-ewwel nett, ninnota li l-verifika ta’ proporzjonalità msemmija fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63), saret f’kuntest differenti minn dak li għandna f’din il-kawża. L-għan tal-interess pubbliku mfittex fil-kawża msemmija iktar ’il fuq kien jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-assenza ta’ spiża irreġonevoli għall-amministrazzjoni minħabba ħlasijiet f’kontanti. Madankollu, tali riskju ma jqumx fil-kawża prinċipali, fejn l-għan imfittex mil-leġiżlatur Latvjan huwa li jiġi evitat l-abbuż u l-frodi fil-qasam tal-ħlas u tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa.

79.

Fil-kawża ECOTEX BULGARIA (C‑544/19), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar hija mitluba tiddeċiedi dwar sa fejn hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jwettqu, fit-territorju nazzjonali, ħlas f’kontanti meta dan ikun ta’ valur ugwali jew ogħla mil-limitu stabbilit u li teħtieġ li l-persuni taxxabbli jużaw mezzi ta’ ħlas oħra taħt piena ta’ sanzjoni.

80.

Minkejja l-fatt li naqbel mal-analiżi tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża ECOTEX BULGARIA ( 46 ), nikkunsidra li l-konklużjonijiet misluta minn din l-analiżi ma humiex trasponibbli fil-kawża prinċipali. Minn naħa, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni Latvjana, il-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni f’dik il-kawża ma taqax f’qasam armonizzat mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-kuntest legali u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni Bulgara huma differenti kunsiderevolment minn dawk tal-leġiżlazzjoni Latvjana. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Bulgara hija intiża sabiex tiġġieled prattiki ta’ evażjoni fiskali li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet li fihom likwidità importanti ma tiġix iddikjarata fid-dokumenti tal-kontabbiltà, u tiġi eskluża għalhekk mit-tassazzjoni u mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali ( 47 ). Għalhekk, il-leġiżlatur Bulgaru jeħtieġ l-użu ta’ mezzi ta’ ħlas li jiżguraw it-traċċabbiltà tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li għalihom mezzi ta’ provi jew ta’ kontroll oħra ma jeżistux. Madankollu, fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi mekkaniżmu speċifiku għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa, permezz taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, li huwa ta’ natura li jikkostitwixxi mezz ta’ prova li jiċċertifika, bħala prinċipju, mhux biss it-twettiq ta’ tranżazzjoni kummerċjali, iżda wkoll it-traċċabbiltà tagħha sabiex tiġi evitata kull forma ta’ abbuż jew frodi.

2. L-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni sabiex tilħaq l-għanijiet li hija tfittex u n-neċessità tagħha

81.

Infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk hija tirrispondi effettivament għax-xewqa li tilħqu b’mod koerenti u sistematiku ( 48 ).

82.

Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk u sa fejn iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jippermetti, waħdu, is-sodisfazzjon kemm tal-għanijiet tad-dritt Latvjan kif ukoll l-għan imfittex mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118, jiġifieri l-eżenzjoni tad-destinatarji kkonċernati, filwaqt li tiġi żgurata l-assenza ta’ frodi u abbuż. Qabel kollox, nirrileva li, jekk it-tweġiba għal din il-kwistjoni hija fl-affermattiv, nikkunsidra li kull leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi kundizzjonijiet u formalitajiet addizzjonali sabiex jiġi żgurat li d-destinatarji kkonċernati jirċievu prodotti li jibbenefikaw mid-dazju tas-sisa tirriskja li ma tkunx iġġustifikata u sproporzjonata. Madankollu, jekk dan iċ-ċertifikat ma jippermettix li tiġi żgurata applikazzjoni leġittima u mhux abbużiva tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa – u b’mod partikolari li jiġi żgurat li d-destinatarji effettivi jirċievu l-prodotti inkwistjoni – miżuri addizzjonali, bħal dawk previsti fid-dritt Latvjan, jistgħu jkunu ġġustifikati u proporzjonati.

83.

Ninnota li saret mistoqsija speċifika li tirrigwarda preċiżament din il-problema lill-partijiet kollha ( 49 ).

84.

Fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsija magħmula, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat li x-xerrejja tal-prodotti inkwistjoni huma tabilħaqq il-persuni msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118.

85.

Mill-banda l-oħra, għandu jiġi osservat li fit-tweġibiet rispettivi tagħhom, il-Gvern Latvjan u dak Spanjol ma spjegawx kif ir-rekwiżit ta’ ħlas permezz ta’ mezzi oħra differenti mill-kontanti jġib elementi addizzjonali li ma humiex disponibbli għall-awtoritajiet fiskali abbażi taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni. Dawn il-gvernijiet jikkunsidraw li l-ħlas magħmul b’mezzi differenti mill-kontanti jippermetti li l-amministrazzjoni fiskali tipprova b’mod ieħor li l-fornitur wettaq it-tranżazzjoni favur destinatarju partikolari, li ġeneralment huwa l-pagatur. B’hekk, il-persuna li tħallas tkun identifikata b’mod ċar (b’isimha, in-numru tal-kont tagħha jew in-numru tal-kard bankarja tagħha) u jkun ikkonfermat li din il-persuna hija d-destinatarja tal-oġġetti u li hija ħallset direttament lil dan il-fornitur.

86.

Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni diġà tinsab fiċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u tista’ tiġi identifikata b’mod ċar u mingħajr ambigwità ( 50 ). Għalhekk, l-informazzjoni relattiva għall-identità tax-xerrej u għall-prezz totali tal-prodotti diġà tinsab f’dan iċ-ċertifikat, l-istess bħall-kwantità ta’ prodotti mixtrija, it-tip u l-prezz individwali ta’ kull prodott, li ma jistgħux ikunu ddeterminati permezz ta’ sempliċi attestazzjoni ta’ ħlas. Konsegwentement, u bħall-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li l-informazzjoni li tiġġustifika l-ħlas tista’, f’dan il-każ, isservi eventwalment għall-verifika tal-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi ċertifikat, bi tqabbil taż-żewġ sorsi ta’ informazzjoni, iżda li din ma tipprovdi ebda element addizzjonali.

87.

Għalhekk, nikkunsidra li mill-kontenut tiegħu biss, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni huwa ta’ natura, mal-ewwel daqqa t’għajn, li jippermetti l-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għal eżenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 u tal-għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar.

88.

Għalhekk, fit-tieni lok, ngħaddi biex neżamina jekk, eventwalment, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri, il-miżuri addizzjonali adottati mil-leġiżlatur Latvjan jistgħux ikunu ġġustifikati.

89.

Skont il-Gvern Latvjan, dawn il-miżuri addizzjonali huma ġġustifikati minħabba, b’mod partikolari l-metodu ta’ eżenzjoni li għażel il-leġiżlatur Latvjan. Għalhekk, dan il-gvern josserva li, għall-kuntrarju tar-rimbors ta’ dazji tas-sisa li jippermetti lill-amministrazzjoni fiskali tiżgura ruħha li dawn id-dazji ġew irrimborsati lill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari, fil-każ li tiġi applikata l-eżenzjoni tal-imsemmija dazji, l-awtoritajiet fiskali ma jkollhomx eventwalment l-istess possibbiltà ta’ verifika.

90.

Nikkunsidra li t-tweġiba mogħtija mill-Gvern Latvjan jistħoqqilha l-osservazzjonijiet li ġejjin.

91.

Fl-ewwel lok, il-Gvern Latvjan donnu jirrikonoxxi mhux biss il-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jagħżlu sistemi ta’ eżenzjoni differenti, iżda wkoll il-fatt li, li kieku l-Latvja għażlet il-mudell tar-rimbors tad-dazji tas-sisa, dan kien jippermettilha, bħala prinċipju, li tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-iskema tal-eżenzjoni mingħajr ma jkollha tirrikorri għal miżuri addizzjonali. Madankollu, jiena nikkunsidra li dan ir-rikonoxximent jikkostitwixxi, mal-ewwel daqqa t’għajn, indizju importanti tal-fatt li l-leġiżlatur Latvjan jista’ ma jkunx iġġustifikat.

92.

Barra minn hekk, ninnota li skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, anki meta l-eżenzjoni tingħata fil-forma ta’ rimbors, hija topera wkoll abbażi tal-istess ċertifikat ta’ eżenzjoni, peress li dan tal-aħħar ikun mehmuż mat-talba għar-rimbors magħmula lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr ebda formalità addizzjonali ( 51 ). Għalhekk, jidher li, mill-perspettiva tal-eżenzjoni, kemm jekk din issir bl-iskema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa jew tar-rimbors, il-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni ma jinbidlux, filwaqt li jżommu l-istess valur probatorju.

93.

Minkejja li jidher evidenti li f’każ ta’ rimbors tad-dazji tas-sisa, l-Istat Membru ospitanti għandu marġni ta’ verifika iktar importanti, peress li r-rimbors jippreżupponi, bħala prinċipju, verifika tal-identità tad-destinatarju tal-fondi qabel ma jitwettaq, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub, il-Gvern Latvjan ma ressaq ebda element li juri li f’każ ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni ma jippermettix l-eżerċizzju tal-verifika neċessarja sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-iskema tal-eżenzjoni u li tiġi ggarantita l-assenza ta’ frodi u ta’ abbuż, fatt li jiġġustifika miżuri addizzjonali bħal dawk implimentati mil-leġiżlatur Latvjan.

94.

Fit-tieni lok, l-argument imressaq mill-Gvern Latvjan sabiex jiġġustifika l-miżuri addizzjonali huwa bbażat fuq l-Artikolu 72 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr 908 « Kārtība, kādā piemēro pievienotās vērtības nodokļa 0 procentu likmi preču piegādēm un pakalpojumiem, kas sniegti diplomātiskajām un konsulārajām pārstāvniecībām, starptautiskajām organizācijām, Eiropas Savienības institūcijām un Ziemeļatlantijas līguma organizācijai (NATO), un kārtība, kādā atmaksā akcīzes nodokli par Latvijas Republikā iegādātajām akcīzes precēm un piemēro akcīzes nodokļa atbrīvojumu » (id-Digriet Nru 908 tal-Kunsill tal-Ministri li Jistabbilixxi l-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni ta’ Rata tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ta’ 0 % fuq il-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi lil Missjonijiet Diplomatiċi u Konsulari, lil Organizzazzjonijiet Internazzjonali, lil Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u lil Organizzazzjonijiet li Huma Parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), u Modalitajiet Relatati mar-Rimbors tad-Dazji tas-Sisa fuq il-Prodotti Suġġetti għad-Dazji tas-Sisa Mixtrija fir-Repubblika tal-Latvja u mal-Applikazzjoni tal-Eżenzjoni tad-Dazji tas-Sisa) ( 52 ) li jawtorizza l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari jużaw iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet fiskali Latvjani matul perijodu li ma jeċċedix 36 xahar ( 53 ).

95.

Madankollu, il-Gvern Latvjan ma jispjegax kif din il-possibbiltà offruta mid-dritt nazzjonali tista’ tikkomprometti speċifikament l-applikazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni, billi żżid, pereżempju, ir-riskju ta’ frodi jew ta’ abbuż. Dan il-gvern lanqas ma jirrnexxielu jispjega għaliex, f’dan il-każ, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, waħdu, ma huwiex suffiċjenti sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt Latvjan. F’dan ir-rigward, nenfasizza, li kif spjegat fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li Stat Membru jeħles lid-destinatarju mill-obbligu li jġib it-timbru tal-awtoritajiet fiskali tiegħu fuq dan iċ-ċertifikat ma jeżentax lill-missjoni diplomatika jew konsulari li tibbenefika mill-eżenzjoni mill-obbligu tagħha li timla’ l-imsemmi ċertifikat u li tiċċertifika l-kontenut tiegħu.

96.

Bilfors għandu jiġi kkonstatat ukoll li jekk il-Gvern Latvjan iqis li tali dispensa ta’ approvazzjoni tista’ tkun ta’ natura li tikkomprometti l-funzjonament tajjeb tal-iskema tal-eżenzjoni, dan il-gvern jista’ f’kull mument jiddeċiedi li jirtira din il-miżura, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li jipprovdi l-possibbiltà li din id-dispensa tiġi rtirata f’każ ta’ abbuż.

97.

Fit-tielet u l-aħħar lok, ninnota li l-Gvern Latvjan jiġġustifika l-miżuri meħuda bin-neċessità li jiġi żgurat kontroll iktar effikaċi mill-awtoritajiet doganali. F’dan ir-rigward, ġie sottomess li minħabba l-impossibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ kontroll fir-rigward tal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari, dan il-kontroll jista’ jiġi eżerċitat biss fuq negozjanti responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa jew responsabbli mill-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-imsemmija dazji, b’mod partikolari fil-każ fejn tingħata d-dispensa tal-awtorizzazzjoni minn qabel iċċitata iktar ’il fuq.

98.

Madankollu, infakkar li kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt Latvjan jipprovdu li ċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni għandhom jiġu stabbiliti f’kopja doppja, li waħda minnhom għandha tinżamm mill-konsenjatur fir-reġistri tiegħu. Issa, din il-modalità tippermetti li l-awtoritajiet Latvjani jiżguraw kontroll effikaċi, sa mill-mument fejn iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni inkwistjoni jinkludi ċ-ċertifikazzjoni b’mezz uffiċjali tax-xiri u tal-użu effettiv mill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari kkonċernati.

99.

Nirrileva wkoll li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-Gvern Latvjan għandu diversi mezzi li jippermettulu jaddatta l-iskema tiegħu ta’ eżenzjoni minn dazji tas-sisa, inkluż dak imsemmi fil-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jikkonsisti fl-irtirar ta’ ċerti faċilitajiet mogħtija lill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari jekk dan il-gvern jissuspetta kwalunkwe riskju ta’ abbuż jew ta’ frodi. Issa f’dan ir-rigward, nenfasizza li la l-awtoritajiet fiskali Latvjani u lanqas il-qorti tar-rinviju ma sostnew l-eżistenza ta’ eventwali abbużi jew ta’ frodi min-naħa tar-rikorrenti. Għalhekk, kif tinvoka l-qorti tar-rinviju, il-VID la tikkontesta l-kunsinna effettiva tal-prodotti inkwistjoni lill-ambaxxati jew lis-servizzi konsulari, u lanqas, barra minn hekk, l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti mid-Direttiva 2008/118 u mil-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa.

D.   Applikazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni minn dazji tas-sisa konformi mal-iskema ta’ eżenzjoni fil-qasam tal-VAT

100.

Fl-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li dan l-istess ċertifikat ta’ eżenzjoni jintuża wkoll fil-kuntest tal-iskema tal-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 151(2) tad-Direttiva 2006/112.

101.

Issa, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-VAT, miżura nazzjonali li tissuġġetta, essenzjalment, id-dritt għall-eżenzjoni għall-osservanza ta’ obbligi formali, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti sostantivi u b’mod partikolari, mingħajr ma tistaqsi jekk dawn ġewx issodisfatti, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat ġbir tajjeb tat-taxxa ( 54 ).

102.

Bħall-Kummissjoni, ninnota li din il-ġurisprudenza ġiet applikata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dazji tas-sisa fir-rigward tal-eżenzjoni tal-prodotti enerġetiċi ( 55 ). Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti formali jistgħu jostakolaw l-għoti tal-eżenzjoni biss jekk il-ksur ta’ tali rekwiżiti formali jkollu l-effett li jipprekludi li tiġi prodotta l-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti ( 56 ).

103.

Barra minn hekk, nirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-VAT, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teżiġi li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet jiġifieri, minn naħa, li r-riżultat tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, minkejja l-applikazzjoni formali tal-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/112 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha, ikun il-kisba ta’ vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet, u min-naħa l-oħra, li minn numru ta’ elementi oġġettivi jirriżulta li l-iskop essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni huwa limitat għall-ksib ta’ dan il-vantaġġ fiskali ( 57 ). Issa, jekk wieħed jittrasponi dan ir-raġunament fil-qasam tad-dazji tas-sisa fil-kawża prinċipali, jirriżulta, abbażi tad-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li d-destinatarji effettivi tal-prodotti inkwistjoni kienu fil-fatt il-missjonijiet diplomatiċi u konsulari, u li minħabba f’hekk, il-persuna taxxabbli/magazzinier ma jidhirx li ħa xi vantaġġ minn dawn it-tranżazzjonijiet.

104.

Fid-dawl tal-preċedenti, nikkunsidra li din il-ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-eżenzjoni mill-VAT għandha tiġi applikata b’analoġija fil-kawża prinċipali sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-effett utli tad-Direttiva 2008/118.

105.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju sabiex tiżgura li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni użat fil-kawża prinċipali jinkludi kemm l-informazzjoni neċessarja sabiex jippermetti kontroll effettiv min-naħa tal-awtoritajiet Latvjani kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari kkonċernati, jidhirli li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni ta’ abbuż jew ta’ frodi fir-rigward tad-dazji tas-sisa.

V. Konklużjonijiet

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118 tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens, li sabiex l-eżenzjoni li huwa jipprovdi tkun tista’ tingħata, ma jeħtieġx li jkun previst li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari għandhom jitħallsu permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti u li l-ħlas lill-fornitur ikun effettivament seħħ u li jkun sar mid-destinatarji reali ta’ dawn il-prodotti, sa fejn il-prova tal-użu previst tal-imsemmija prodotti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari tkun tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, abbażi taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.

2)

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa għandha tiġi rrifjutata għar-raġuni li x-xerrej ma ħallasx effettivament il-prezz tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa permezz ta’ mezzi ta’ ħlas differenti mill-kontanti, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi pprovat, b’mod partikolari, abbażi taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni preskritti mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal‑Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

( 3 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 500, p. 95.

( 4 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 596, p. 261.

( 5 ) Direttiva tal‑Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

( 6 ) Direttiva tal‑Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213).

( 7 ) Direttiva tal‑Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283).

( 8 ) Direttiva tal‑Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 202).

( 9 ) Direttiva tal‑Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 204).

( 10 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1).

( 11 ) Direttiva tal‑Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

( 12 ) Latvijas Vēstnesis, 2003, Nru 161.

( 13 ) L-espressjoni “missjonijiet diplomatiċi u konsulari” użata f’dawn il-konklużjonijiet tkopri kemm ir-rappreżentanti diplomatiċi u konsulari kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-missjonijiet militari li jinstabu fi Stat Membru.

( 14 ) Ara f’dan is-sens, il-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Litaksa (C‑556/13, EU:C:2015:202, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara l-premessi 2, 8 u 10 tad-Direttiva 2008/118.

( 17 ) Ara f’dan is-sens, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2008/118.

( 18 ) Ara f’dan is-sens, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118.

( 19 ) Ara f’dan is-sens, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2008/118 u l-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

( 20 ) Ara f’dan is-sens, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-kaxxa 1 taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u n-noti ta’ spjega.

( 21 ) Ara f’dan is-sens, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-kaxxa 5 taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u n-noti ta’ spjega.

( 22 ) Ara f’dan is-sens, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-kaxxa 3 taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u n-noti ta’ spjega.

( 23 ) Ara f’dan is-sens, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-kaxxa 4 taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u n-noti ta’ spjega.

( 24 ) Ara f’dan is-sens, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-kaxxa 6 taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u n-noti ta’ spjega.

( 25 ) Ara pereżempju, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni użat fi Franza, aċċessibbli fl-indirizz segwenti: https://www.diplomatie.gouv.fr/IMG/pdf/Certificat_d_exoneration_de_la_TVA_et_des_droits_d_accises_f1_cle41f1f4.pdf

( 26 ) Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, id-diviżjoni tal-protokoll tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hija responsabbli minn din il-funzjoni.

( 27 ) Fil-każ fejn l-eżenzjoni tirrigwarda missjoni armata stazzjonata fl-Istat Membru ospitanti.

( 28 ) Ara f’dan is-sens, l-Artikolu 51(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 u l-punt 7 tan-noti ta’ spjega tal-Anness II ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

( 29 ) Ara f’dan is-sens, l-Artikolu 51(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

( 30 ) Fin-noti ta’ spjega tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 huwa indikat ukoll li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni għandu jsir f’kopja doppja: l-ewwel kopja tinżamm mill-konsenjatur filwaqt li t-tieni kopja għandha takkumpanja ċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

( 31 ) Ara f’dan is-sens, il-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ċerti Stati Membri jeħtieġu li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jinkludi kemm il-firma tal-kap tal-missjoni (jew ta’ persuna li lilha l-kap tal-missjoni ddelega tali setgħa) kif ukoll il-preżenza ta’ siġill tar-rappreżentanza diplomatika. Ara pereżempju, l-iskema Litwana tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa (https://urm.lt/default/en/value-added-tax-and-excise-duty-exemptions).

( 33 ) L-ammont minimu tax-xiri sabiex ikun hemm dritt għall-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa jew mill-VAT jista’ jvarja skont il-prodotti kkonċernati bejn l-Istati Membri differenti. Pereżempju, huwa stabbilit għal EUR 80 għal kull tranżazzjoni fil-Finlandja (https://www.vero.fi/en/detailed-guidance/guidance/48591/exemptions-from-excise-duties-diplomatic-missions-diplomats-consuls-international-organisations-and-institutions-of-the-european-union/), bejn EUR 120 u EUR240 għal kull tranżazzjoni fil-Lussemburgu (ara f’dan is-sens l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1) tar-règlement grand-ducal du 7 février 2013 concernant les franchises et exonérations de la taxe sur la valeur ajoutée accordées aux missions diplomatiques et aux postes consulaires ainsi qu’aux agents diplomatiques, aux fonctionnaires consulaires et aux agents de chancellerie (ir-Regolament Gran Dukali tas‑7 ta’ Frar 2013 dwar it-tnaqqis u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti lill-missjonijiet diplomatiċi u lill-postijiet konsulari, kif ukoll lill-aġenti diplomatiċi, lill-uffiċjali konsulari u lill-aġenti tal-kanċellerija) (Mémorial A 2013, Nru 24, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Gran Dukat”)) u EUR 250 għal kull tranżazzjoni fir-Repubblika Ellenika (ara f’dan is-sens, l-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni Ministerjali POL.1268/30.12.2011 kif emendata bid-Deċiżjoni Ministerjali A 1144/25.06.2021 (FEK B’ 2821/30-06-2021).

( 34 ) Ara pereżempju, fid-dritt Ungeriż, l-Artikolu 7(1) tal-egyes, az általános forgalmi adót és a jövedéki adót érintő kiváltságok, kedvezmények és mentességek érvényesítésének végrehajtásáról szóló 11/2010. (III. 31.) PM rendelet (id-Digriet tal-Ministru għall-Finanzi Nru 11/2010 (III. 31) dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti privileġġi, faċilitajiet u immunitajiet relattivi għat-taxxa fuq il-valur miżjud u għad-dazji tas-sisa) li jispeċifika li t-talba għar-rimbors tad-dazji tas-sisa għandha tiġi introdotta bejn l‑1 ta’ Jannar u t‑30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara x-xiri tal-oġġetti li għalihom hija mitluba l-eżenzjoni mill-VAT jew mid-dazju tas-sisa.

( 35 ) Pereżempju, l-iskema Finlandiża tipprovdi regolamenti speċifiċi għall-użu tal-alkoħol mixtri għall-finijiet uffiċjali mill-missjonijiet diplomatiċi u konsulari. Għalhekk, il-konsum tal-alkoħol għandu jseħħ ġewwa binjiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni gratwita biss ta’ grupp speċifiku ta’ mistiedna tal-ambaxxatur jew ta’ membru tal-missjoni diplomatika jew konsulari (ara f’dan is-sens, https://www.vero.fi/en/detailed-guidance/guidance/48591/exemptions-from-excise-duties-diplomatic-missions-diplomats-consuls-international-organisations-and-institutions-of-the-european-union/).

( 36 ) In-numru ta’ kopji jista’ għalhekk ivarja minn tlieta fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu (ara f’dan is-sens l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Gran Dukat) għal erbgħa fir-Repubblika Franċiża (ara f’dan is-sens, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni maħruġ mill-Gvern Franċiż: https://www.diplomatie.gouv.fr/IMG/pdf/Certificat_d_exoneration_de_la_TVA_et_des_droits_d_accises_f1_cle41f1f4.pdf).

( 37 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C‑340/95, C‑401/95 u C‑47/96, EU:C:1997:623, punt 46), u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF (C‑425/14, EU:C:2015:721, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska (C‑25/07, EU:C:2008:395, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 59).

( 41 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 62).

( 42 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63).

( 43 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża ECOTEX BULGARIA (C‑544/19, EU:C:2020:931).

( 44 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punti 72 sa 76).

( 45 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 77).

( 46 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża ECOTEX BULGARIA (C‑544/19, EU:C:2020:931).

( 47 ) Ara l-punt 83 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża ECOTEX BULGARIA (C‑544/19, EU:C:2020:931).

( 48 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet iwieġbu għall-mistoqsija dwar jekk u sa fejn ir-rekwiżit ta’ ħlas permezz ta’ mezzi oħra differenti mill-kontanti huwa ta’ natura li jagħti lill-amministrazzjoni elementi ta’ informazzjoni addizzjonali għal dawk li jinsabu fiċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 u neċessarji għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni minn dazji tas-sisa.

( 50 ) Ara f’dan is-sens, id-deskrizzjoni taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni, uħud minnhom jistgħu jeħtieġu li ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jkun akkumpanjat minn fatturi jew minn dokumenti oħra li jiċċertifikaw ix-xiri tal-prodotti kkonċernati waqt it-talba għal rimbors.

( 52 ) Latvijas Vēstnesis, 2012, Nru 203.

( 53 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika r-rilevanza tal-argument tal-Gvern Latvjan ibbażat fuq dan id-digriet.

( 54 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2007, Collée (C‑146/05, EU:C:2007:549, punt 29).

( 55 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Polihim‑SS (C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 62).

( 56 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2007, Collée (C‑146/05, EU:C:2007:549, punt 31).

( 57 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Kuršu zeme (C‑273/18, EU:C:2019:588, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).