5.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 340/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Lulju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Landesgericht Klagenfurt – l-Awstrija) – GSMB Invest GmbH & Co. KG vs Auto Krainer GesmbH
(Kawża C-128/20) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Regolament (KE) Nru 715/2007 - Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur - Punt 10 tal-Artikolu 3 - Artikolu 5(1) u (2) - Apparat ta’ manipulazzjoni - Vetturi bil-mutur - Magna diesel - Emissjonijiet ta’ inkwinanti - Sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet - Software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna - Valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (valv tal-EGR) - Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn “tieqa ta’ temperaturi” - Projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet - Artikolu 5(2)(a) - Eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni)
(2022/C 340/06)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landesgericht Klagenfurt
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: GSMB Invest GmbH & Co. KG
Konvenuta: Auto Krainer GesmbH
Dispożittiv
1) |
Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mill-imsemmi regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ sewqan tkun ta’ inqas minn 1 000 metru jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3. |
2) |
L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti minn dan ir-regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ sewqan tkun ta’ inqas minn 1 000 metru, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ tali apparat, prevista f’din id-dispożizzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-apparat jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-komponenti, bħalma huma l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel, sakemm ma jkunx stabbilit li l-imsemmi apparat jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsarat jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ wieħed minn dawn il-komponenti, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-istess apparat. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, apparat ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, jiffunzjona fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tkun protetta minn ħsarat jew inċident u li l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura jkun żgurat. |