SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Settur tal-manifattura ta’ strumenti mediċi – Deċiżjoni li timponi multi għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel il-komunikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tagħha – Artikolu 4(1), Artikolu 7(1), u Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Tranżazzjoni provviżorja u tranżazzjoni finali – Struttura ta’ holding – Konċentrazzjoni waħda – Drittijiet tad-difiża – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ legalità – Proporzjonalità – Ammont tal-multi – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑609/19,

Canon Inc., stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn U. Soltész, W. Bosch, C. von Köckritz, K. Winkelmann, M. Reynolds, J. Schindler, D. Arts u W. Devroe, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.-L. Meyer u O. Segnana, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4559 final, tas‑27 ta’ Ġunju 2019, li timponi multi minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament (Każ M.8179 – Canon vs Toshiba Medical Systems Corporation), u, sussidjarjament, it-tħassir jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen u R. Norkus (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Canon Inc., hija kumpannija multinazzjonali speċjalizzata fil-manifattura ta’ prodotti ta’ immaġni u ottika, inklużi kameras, kameras li jirrekordjaw, fotokopjaturi, fotoripetituri u printers għall-kompjuter. Minn meta hija akkwistat Toshiba Medical Systems Corporation (iktar ’il quddiem “TMSC”), ir-rikorrenti hija wkoll speċjalizzata fil-manifattura ta’ tagħmir mediku.

2

TMSC, attiva fl-iżvilupp, il-manifattura u l-bejgħ ta’ tagħmir mediku kif ukoll fil-provvista ta’ servizzi tekniċi f’dan il-qasam, kienet, qabel l-akkwist tagħha mir-rikorrenti, sussidjarja miżmuma 100 % minn Toshiba Corporation (iktar ’il quddiem “Toshiba”). Wara dan l-akkwist, TMSC ingħatat l-isem ġdid “Canon Medical Systems Corporation”.

A. Akkwist mir-rikorrenti ta’ TMSC

3

Fil-bidu tas-sena 2016, Toshiba kellha diffikultajiet finanzjarji kbar. B’mod partikolari, fid-dawl tal-previżjonijiet ta’ riżultati tagħha, Toshiba kienet tqis li kien hemm riskju li kellha tindika r-riżultati negattivi lill-azzjonisti għas-sena finanzjarja 2015 (magħluqa fil‑31 ta’ Marzu 2016). Peress li ebda kumpannija pubblika ta’ daqs analogu għal dik ta’ Toshiba qatt ma kienet irrapportat riżultati negattivi lill-azzjonisti fil-perijodu reċenti fil-Ġappun, kien diffiċli li jiġi previst l-impatt ta’ tali avveniment fuq il-prestazzjonijiet kummerċjali, il-kundizzjoni finanzjarja u l-valur tas-suq ta’ Toshiba.

4

Konsegwentement, Toshiba bdiet proċess ta’ sejħa għal offerti mħaffa għall-bejgħ ta’ TMSC.

5

Inizjalment, fid‑19 ta’ Frar 2016, Toshiba pproponiet lill-offerenti struttura ta’ tranżazzjoni, ikklassifikata bħala proposta “80/20”.

6

Fil-kuntest tal-proċess tas-sejħa għal offerti, kull offerent għamel proposti li kienu jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Toshiba. Fl-offerta tagħha, ir-rikorrenti pproponiet struttura ġdida ta’ tranżazzjoni lil Toshiba. Ir-raġuni wara din l-istruttura l-ġdida kienet li l-bejgħ ta’ TMSC jiġi rrikonoxxut bħala kontribuzzjoni ta’ kapital fil-kontijiet ta’ Toshiba sa mhux iktar tard mil‑31 ta’ Marzu 2016, mingħajr madankollu ma r-rikorrenti kisbet formalment il-kontroll tagħha qabel ma tkun kisbet l-awtorizzazzjonijiet neċessarji mingħand l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti.

7

Bis-saħħa tal-istruttura l-ġdida tat-tranżazzjoni proposta mir-rikorrenti, skont Toshiba, TMSC ma kinitx tibqa’ waħda mis-sussidjarji tagħha fid-dawl tal-prinċipji kontabbli ġeneralment aċċettati fl-Istati Uniti (“United States GAAP”).

8

Skont Toshiba, wara li eżaminat il-fattibbiltà u l-effetti tal-proposta ta’ kull offerent, hija qieset li l-proposta tar-rikorrenti kienet l-iktar waħda kompetittiva u l-unika waħda li fiha t-trasferiment tal-prezz tax-xiri kollu ma kienx suġġett għal awtorizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

9

L-akkwist ta’ TMSC mir-rikorrenti tħabbar pubblikament fis‑17 ta’ Marzu 2016. Fl-istess jum, ir-rikorrenti ħabbret li hija kienet ikkonkludiet ma’ Toshiba ftehim ta’ trasferiment ta’ ishma fir-rigward tal-akkwist ta’ TMSC mingħand Toshiba, Toshiba u Toshiba u TMSC ħabbru li Toshiba kienet aċċettat li tbigħ TMSC lir-rikorrenti u li TMSC ma kinitx għadha sussidjarja tal-grupp Toshiba.

10

Wara l-proposta tar-rikorrenti, TMSC biddlet il-134 980060 azzjoni ordinarja tagħha u ħolqot kategoriji ġodda ta’ azzjonijiet sabiex tkun tista’ timplementa l-istruttura tat-tranżazzjoni.

11

Fil‑15 ta’ Marzu 2016, l-istatuti ta’ TMSC ġew emendati sabiex jinkludu fihom il-kategoriji ġodda ta’ azzjonijiet u azzjonijiet addizzjonali.

12

L-ewwel nett, TMSC ħolqot tliet kategoriji ta’ azzjonijiet:

l-azzjonijiet tal-kategorija A (azzjonijiet bi dritt ta’ vot),

l-azzjoni tal-kategorija B (azzjoni mingħajr dritt ta’ vot) u

l-azzjonijiet tal-kategorija C (azzjonijiet bi dritt ta’ vot u opzjoni ta’ xiri mill-ġdid li jistgħu jiġu eżerċitati minn TMSC).

13

It-tieni, TMSC biddlet l-azzjonijiet ordinarji kollha tagħha f’azzjonijiet tal-kategorija C u ħolqot opzjonijiet fuq l-azzjonijiet għax-xiri obbligatorju tal-azzjonijiet kollha tal-kategorija C.

14

It-tielet, fis‑16 ta’ Marzu 2016, TMSC biddlet l-azzjonijiet tal-kategorija C u ħarġet bħala korrispettiv:

20 azzjoni tal-kategorija A,

azzjoni tal-kategorija B u

100 opzjoni fuq azzjonijiet marbuta mal-azzjonijiet tal-kategorija C.

15

L-offerta tar-rikorrenti kienet tikkonsisti fi struttura ta’ tranżazzjonijiet f’żewġ stadji.

16

Fl-ewwel lok, fis‑17 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti u Toshiba kkonkludew “Shares and Other Securities Transfer Agreement” li permezz tiegħu r-rikorrenti kisbet l-azzjoni mingħajr dritt tal-vot tal-kategorija B għal 4930 yens (madwar EUR 40) u 100 opzjoni fuq l-azzjonijiet bi dritt ta’ vot tal-kategorija C ta’ TMSC għal 665497806400 yens (madwar EUR 5280000000), dritt ta’ vot li madankollu ma setax jiġi eżerċitat sakemm l-opzjonijiet fuq l-azzjonijiet ma kinux eżerċitati. Fl-istess jum, MS Holding, kumpannija ta’ finanzjament maħluqa speċifikament għall-finijiet tat-tranżazzjoni fit‑8 ta’ Marzu 2016, u Toshiba kkonkludew “Excluded share Transfert Agreement”, li permezz tiegħu MS Holding kisbet l-20 azzjoni bi dritt ta’ vot li jifdal tal-kategorija A ta’ TMSC għal 98600 yens (madwar EUR 800). Dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet huma indikati flimkien mill-espressjoni “tranżazzjoni provviżorja” fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4559 final, tas‑27 ta’ Ġunju 2019, li timponi multi minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament (Każ M.8179 – Canon vs Toshiba Medical Systems Corporation, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17

Sussegwentement, fid‑19 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti, wara li kisbet l-aħħar awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni rilevanti, eżerċitat il-100 opzjoni tagħha fuq azzjonijiet tal-kategorija C sabiex takkwista l-azzjonijiet bi dritt tal-vot sottostanti ta’ TMSC, filwaqt li TMSC kisbet l-azzjoni mingħajr dritt tal-vot tal-kategorija B tar-rikorrenti għal 4930 yens (madwar EUR 40) u l-20 azzjoni bi dritt ta’ vot li jifdal fil-kategorija A ta’ MS Holding għal 36098600 yens (madwar EUR 300000). Dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet huma indikati flimkien, fid-deċiżjoni kkontestata, permezz tad-denominazzjoni “tranżazzjoni finali”.

18

Dawn it-tranżazzjonijiet kollha huma identifikati, fid-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-kelma “konċentrazzjoni”.

B. L‑istadju ta’ qabel il‑komunikazzjoni

19

Fil‑11 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni Ewropea talba għall-ħatra ta’ grupp fir-rigward tal-proġett tagħha li tikseb il-kontroll esklużiv ta’ TMSC fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

20

F’ittra elettronika tal‑5 ta’ April 2016, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-parti tal-formula CO dwar l-istruttura tat-tranżazzjoni prevista kif ukoll preżentazzjoni qasira li tiddeskrivi d-diversi stadji tat-tranżazzjoni.

21

Fit‑28 ta’ April 2016, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-ewwel abbozz tal-formula CO. Fil‑11 ta’ Mejju 2016, din tal-aħħar bagħtet lir-rikorrenti diversi domandi dwar l-abbozz tal-formula CO, fosthom tlieta dwar l-istruttura tat-tranżazzjoni, li r-rikorrenti rrispondiet għalihom fis‑27 ta’ Mejju 2016.

C. Komunikazzjoni u deċiżjoni li tawtorizza l‑konċentrazzjoni

22

Fit‑12 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004, l-akkwist tal-kontroll esklużiv ta’ TMSC permezz tal-akkwist ta’ 100 % tal-azzjonijiet tagħha, skont il-proċedura normali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Ir-rikorrenti ppreċiżat li l-komunikazzjoni kellha tinftiehem bħala li tkopri l-konċentrazzjoni kollha, jiġifieri t-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali.

23

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma wasslet sabiex turi ebda indizju li jista’ juri problemi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni adottat, fid‑19 ta’ Settembru 2016, deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

D. Il‑proċedura amministrattiva u d‑deċiżjoni kkontestata

24

Fit‑18 ta’ Marzu 2016, ftit jiem wara li rċeviet it-talba tar-rikorrenti li jinħatar tim dwar il-proġett tagħha sabiex tikseb il-kontroll esklużiv ta’ TMSC, il-Kummissjoni ġiet adita minn lanjant anonimu.

25

Fil‑11 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni dwar l-ewwel abbozz ta’ formola ta’ komunikazzjoni tagħha tat‑28 ta’ April 2016, li b’risposta għaliha r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

26

Fid‑29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet fetħet investigazzjoni li setgħet twassal għall-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 139/2004 minħabba ksur possibbli tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament u tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

27

Fil‑5 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet nota addizzjonali mingħand ir-rikorrenti.

28

Fis‑6 ta’ Ottubru 2016, inżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2016 meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti, lil TMSC u lil Toshiba jipprovdu informazzjoni u dokumenti interni. Ir-rikorrenti u TMSC wieġbu fl‑4 ta’ Novembru 2016. Toshiba pprovdiet ir-risposti tagħha bejn l‑4 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2016.

30

Fil‑5 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni dwar l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-laqgħa tas‑6 ta’ Ottubru 2016 u d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2016.

31

Wara l-posta elettronika tal-Kummissjoni, Toshiba, TMSC u r-rikorrenti pprovdew dokumenti addizzjonali, rispettivament fil‑15 ta’ Frar, fl‑24 ta’ Frar u fil‑15 ta’ Marzu 2017.

32

Fis‑6 ta’ Lulju 2017, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha hija kkonkludiet preliminarjament li r-rikorrenti kisret intenzjonalment, jew tal-inqas b’negliġenza, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, u li fiha hija tindika li tipprevedi, konsegwentement, l-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament.

33

Fil‑15 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub u talbet li tinstema’.

34

Fit-3 ta’ Mejju 2018 inżammet seduta li matulha r-rikorrenti ippreżentat l-argumenti tagħha.

35

Fit-8 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra elettronika lir-rikorrenti li kienet tinkludi mistoqsijiet li r-rikorrenti ma setgħetx twieġeb matul is-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018. Ir-rikorrenti ppreżentat ir-risposti tagħha fl‑24 ta’ Mejju 2018.

36

Fil‑11 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand ir-rikorrenti. Barra minn hekk, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura ta’ ksur fid-dawl tal-kriterju ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371).

37

Fit‑30 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, li fiha hija kkonkludiet b’mod preliminari li l-aġir tar-rikorrenti jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ukoll abbażi tal-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku adottata fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371).

38

Fil‑21 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat ir-risposti tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u talbet li tinżamm it-tieni seduta, li nżammet fl‑14 ta’ Frar 2019.

39

Fil‑25 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra elettronika lir-rikorrenti li kienet tinkludi mistoqsijiet li r-rikorrenti ma setgħetx tirrispondi għalihom matul is-seduta tal‑14 ta’ Frar 2019. Ir-rikorrenti ppreżentat it-tweġibiet tagħha fit-13 ta’ Marzu 2019.

40

Fit‑3 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni kummenti supplimentari dwar l-approċċ ta’ din tal-aħħar fir-rigward tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371).

41

Fis‑27 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

42

L-ewwel erba’ artikoli tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

Artikolu 1

Billi ma kkomunikatx konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Ewropea qabel l-implimentazzjoni tagħha (is‑17 ta’ Marzu 2016) mingħajr ma kienet espressament awtorizzata permezz tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament […] Nru 139/2004 jew permezz ta’ deċiżjoni meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, [ir-rikorrenti] kisret, tal-inqas b’negliġenza, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

Artikolu 2

Billi implimentat konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Ewropea (is‑17 ta’ Marzu 2016) qabel l-awtorizzazzjoni tagħha (id‑19 ta’ Settembru 2016), [ir-rikorrenti] kisret, tal-inqas b’negliġenza, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament […] Nru 139/2004.

Artikolu 3

Multa ta’ EUR 14000000 ġiet imposta fuq [ir-rikorrenti], b’konformità mal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

Multa ta’ EUR 14000000 ġiet imposta fuq [ir-rikorrenti], b’konformità mal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.”

II. Il-proċedura u t‑talbiet tal-partijiet

43

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

44

Fis‑27 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

45

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

46

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2020, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Il-Kunsill ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fl-24 ta’ April 2020 u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

47

Il-partijiet prinċipali ppreżentaw ir-replika u l-kontroreplika fit‑18 ta’ Marzu u fis‑26 ta’ Ġunju 2020 rispettivament.

48

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ressqet talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

49

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-multi imposti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

50

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

51

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad fl-intier tagħha l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 14(2)(a) u (b) u tar-Regolament Nru 139/2004.

III. Fid‑dritt

52

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ ksur minnha tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004 u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

A. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑assenza ta’ ksur mir‑rikorrenti tal‑Artikolu 4(1) u tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 139/2004

53

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor l-approċċ li hija użat sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ġej:

“[…]

a)

It-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali jikkostitwixxu, flimkien, konċentrazzjoni waħda fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 139/2004] u tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, li tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll ta’ TMSC [mir-rikorrenti] (ara t-Taqsima 4.1).

b)

Bħala parti minn konċentrazzjoni waħda, it-tranżazzjonijiet provviżorji u finali kienu intrinsikament marbuta mill-qrib. Fil-fatt, it-tranżazzjoni provviżorja kienet stadju neċessarju sabiex tintlaħaq bidla fil-kontroll ta’ TMSC, li għandha rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tal-akkwist tal-kontroll ta’ TMSC [mir-rikorrenti]. Għal dawn ir-raġunijiet, it-tranżazzjoni provviżorja kkontribwixxiet (tal-inqas parzjalment) għall-bidla fil-kontroll ta’ TMSC fis-sens tas-sentenza Ernst & Young. Billi wettqet it-tranżazzjoni provviżorja, [ir-rikorrenti] parzjalment wettqet it-tranżazzjoni waħda li tikkonsisti fl-akkwist [minnha] tal-kontroll ta’ TMSC (ara t-Taqsima 4.2).

c)

Billi wettqet parzjalment il-konċentrazzjoni li tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll ta’ TMSC qabel ma nnotifikat lill-Kummissjoni u qabel l-awtorizzazzjoni minn din tal-aħħar, [ir-rikorrenti] kisret l-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) [tar-Regolament Nru 139/2004] (ara t-Taqsima 4.3).”

54

L-ewwel motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li t-tranżazzjoni provviżorja ma tikkostitwixxix akkwist ta’ kontroll mir-rikorrenti. It-tieni parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ implimentazzjoni parzjali bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tielet parti hija bbażata fuq allegati żbalji manifesti mwettqa fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni parzjali” ta’ “konċentrazzjoni waħda”. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq il-fatt li l-proċedura ta’ kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet qatt ma ġiet evitata.

1.   Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq il‑fatt li t‑tranżazzjoni provviżorja ma tikkostitwixxix akkwist ta’ kontroll

55

Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li t-tranżazzjoni provviżorja ma wasslitx għal akkwist ta’ kontroll minnha u ma tistax, konsegwentement, tikkostitwixxi każ ta’ implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni.

56

Din l-ewwel parti tinqasam f’żewġ sub-partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel sub-parti sussidjarja, ir-rikorrenti ssostni li kien ikun hemm implimentazzjoni antiċipat ta’ konċentrazzjoni biss fil-każ ta’ akkwist tal-kontroll. Fil-kuntest tat-tieni sub-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza preċedenti tikkonferma li l-bidla fil-kontroll hija l-uniku kriterju rilevanti.

a)   Fuq l‑ewwel sub‑parti, li tgħid li l‑implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni tippreżupponi l‑akkwist ta’ kontroll

57

Ir-rikorrenti ssostni li mill-kliem tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li konċentrazzjoni tiġi implimentata b’mod antiċipat biss meta jkun hemm l-akkwist tal-kontroll. Huwa paċifiku li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” użat f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li skontu l-konċentrazzjonijiet huma akkwisti li jwasslu għal bidla dejjiema tal-kontroll dirett jew indirett. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għall-punti 44 et seq tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), skont liema l-implimentazzjoni antiċipata ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, li tirrikjedi akkwist tal-kontroll, fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza, skont liema huma biss “tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu għal bidla dejjiema fil-kontroll fuq l-impriża kkonċernata” li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, u fil-punti 49 u 60 tal-imsemmija sentenza, skont liema t-tranżazzjonijiet “ma jikkontribwixxux għall-bidla fil-kontroll dejjiemi tal-impriża kkonċernata” meta dawn ma jkollhomx “rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni” jiġifieri meta dawn ma jkollhomx “bħala tali” rabta mal-bidla tal-kontroll, peress li dan il-kriterju jeskludi t-tranżazzjonijiet kollha li għandhom “rabta kundizzjonata mal-konċentrazzjoni” fis-sens li huma “anċillari jew preparatorji” għall-implimentazzjoni tagħha. Issa, fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li r-rikorrenti ma akkwistatx il-kontroll fuq TMSC qabel l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Settembru 2016. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għas-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281), li tgħid li l-obbligu ta’ sospensjoni huwa intiż li jevita li l-Kummissjoni ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tkun teħtieġ li tiġi kkompletata b’deċiżjoni ta’ xoljiment intiża sabiex ittemm il-kisba tal-kontroll li jkun seħħ saħansitra qabel ma l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-effetti kompetittivi tagħha u tikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma għandux jestendi lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li r-ristrutturazzjonijiet tal-impriżi ma jikkawżawx dannu fit-tul. Fl-aħħar nett, il-kontroll tat-tranżazzjoni mill-Kummissjoni fl-ebda mument u bl-ebda mod ma ġie ostakolat, peress li r-rikorrenti kisbet il-kontroll fuq TMSC biss wara li kisbet l-awtorizzazzjonijiet kollha tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati, fosthom dik tal-Kummissjoni.

58

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59

Huwa paċifiku bejn il-partijiet li TMSC ma kinitx ikkontrollata mir-rikorrenti matul t-tranżazzjoni provviżorja.

60

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, ma jistax ikun hemm implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni ħlief fil-każ ta’ kontroll tal-impriża kkonċernata.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, isseħħ hekk kif il-partijiet f’konċentrazzjoni jimplimentaw tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu għal bidla dejjiema fil-kontroll fuq l-impriża kkonċernata (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 46, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 50).

62

B’hekk, il-fatt li kull implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess artikolu jissodisfa r-rekwiżit li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, jekk il-partijiet f’konċentrazzjoni jkunu pprojbiti milli jimplimentaw konċentrazzjoni permezz ta’ tranżazzjoni waħda, iżda jkunu jistgħu jaslu għall-istess riżultat permezz ta’ tranżazzjonijiet parzjali suċċessivi, dan inaqqas l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 u b’hekk idaħħal f’periklu n-natura preliminari tal-kontroll previst minn dan ir-regolament kif ukoll il-kisba tal-għanijiet tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 47).

63

Huwa f’dan l-istess dawl li l-premessa 20 tal-imsemmi regolament tipprevedi li għandhom jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni waħda t-tranżazzjonijiet li jkunu marbuta mill-qrib sa fejn ikunu s-suġġett ta’ rabta kundizzjonata jew jieħdu l-forma ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli mwettqa fi żmien raġonevolment qasir (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 48).

64

Madankollu, meta tali tranżazzjonijiet, għalkemm imwettqa fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, ma jkunux neċessarji sabiex ikun hemm bidla fil-kontroll ta’ impriża kkonċernata minn din il-konċentrazzjoni, dawn t-tranżazzjonijiet ma humiex koperti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, dawn t-tranżazzjonijiet, għalkemm jistgħu jkunu anċillari jew preparatorji għall-konċentrazzjoni, ma għandhomx rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni, b’tali mod li l-implimentazzjoni tagħhom ma tistax, bħala prinċipju, tippreġudika l-effettività tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 49).

65

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni tkun implimentata biss permezz ta’ tranżazzjoni li, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 59).

66

Peress li l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma żewġ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dak li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), indikat fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet japplika wkoll għat-tieni waħda.

67

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament issostni li mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “konċentrazzjoni” u ta’ “implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni”.

68

F’dan ir-rigward, mill-punt 45 tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 li għalih huwa ddefinit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni, konċentrazzjoni titqies li twettqet “meta bidla dejjiema fil-kontroll”, isseħħ, filwaqt li mill-punt 46 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-“implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni” tista’ sseħħ “hekk kif il-partijiet f’konċentrazzjoni jimplimentaw tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu għal bidla dejjiema fil-kontroll fuq l-impriża kkonċernata”, jiġifieri eventwalment qabel l-akkwist tal-kontroll tal-impriża mmirata.

69

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-punt 59 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), li minnu jirriżulta li, sabiex ikun hemm konċentrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, huwa biżżejjed li tranżazzjoni, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata.

70

Għalhekk, mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li l-kunċett ta’ “implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni”, kif previst fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ma huwiex limitat għas-sitwazzjoni li fiha x-xerrej finali jakkwista l-kontroll tal-impriża kkonċernata, iżda jkopri wkoll kull tranżazzjoni li “tikkontribwixxi” għal tali bidla fil-kontroll.

71

F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), eskludiet, b’mod ġenerali, “it-tranżazzjonijiet kollha li għandhom ‘rabta kundizzjonali mal-konċentrazzjoni’ fis-sens li huma ‘anċillari jew preparatorji’ għall-implimentazzjoni tagħha” huwa żbaljat, peress li dak li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), huwa li t-tranżazzjonijiet li ma kinux neċessarji sabiex jinkiseb bdil fil-kontroll u li għalhekk, anki jekk setgħu jkunu anċillari jew preparatorji għall-konċentrazzjoni, ma għandhomx rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni ma jaqgħux taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, minn dan il-punt jirriżulta li t-tranżazzjonijiet jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni”, anki jekk din l-implimentazzjoni hija parzjali fis-sens tal-punti 47 u 51 tal-imsemmija sentenza, jekk dawn jikkontribwixxu, kompletament jew parzjalment, għall-bidla fil-kontroll tal-impriża mmirata.

72

Barra minn hekk, il-konklużjoni msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti sa fejn hija tagħti interpretazzjoni letterali ta’ estratt tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Din tinvoka l-każ inkwistjoni fejn il-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati “wara […] l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll”. Fil-fatt, l-imsemmi regolament jispeċifika f’dan il-paragrafu diversi każijiet possibbli tal-akkwist ta’ kontroll u jispeċifika f’liema mument, skont il-każ, in-notifika għandha ssir. Kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-riferiment għall-“akkwist ta’ interess li għandu kontroll” jista’ jikkonċerna sitwazzjonijiet irregolati mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004: anki jekk ma humiex suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ offerti pubbliċi ta’ xiri u ta’ tranżazzjonijiet fuq titoli tista’ twassal għall-akkwist ta’ holding ta’ kontroll mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, mingħajr preġudizzju tal-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma tallegax li dan il-każ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

73

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kriterju adottat mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 inkisirx ma huwiex dak dwar jekk kienx hemm akkwist tal-kontroll tal-impriża mmirata, iżda, kif issostni l-Kummissjoni, dak dwar jekk t-tranżazzjoni inkwistjoni kkontribwixxietx, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, għall-bidla fil-kontroll tal-imsemmija impriża. Tali kriterju huwa applikabbli, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

74

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il-Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281), li tgħid li huma biss it-tranżazzjonijiet li jeħtieġu miżuri ta’ xoljiment ekwivalenti għal atti li jippreġudikaw l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni hija ineżatta. Fil-fatt, dak li indikat il-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza, huwa li, minn naħa, mingħajr akkwist tal-kontroll, il-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li xxolji konċentrazzjoni (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il-Kummissjoni, T‑411/07, EU:T:2010:281, punt 66) u li, min-naħa l-oħra, l-akkwist ta’ holding li ma jagħtix, bħala tali, il-kontroll fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 seta’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus vs Il‑Kummissjoni, T‑411/07, EU:T:2010:281, punt 83). Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, jekk l-akkwist tal-kontroll kien neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha li xxolji l-konċentrazzjoni, dan l-akkwist tal-kontroll ma kienx neċessarju sabiex tranżazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004.

75

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kontroll tat-tranżazzjoni mill-Kummissjoni fl-ebda mument u bl-ebda mod ma ġie ostakolat, peress li hija kisbet il-kontroll fuq TMSC biss wara li kisbet l-awtorizzazzjonijiet kollha tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati, dan huwa żbaljat.

76

Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkunsidra li “l-konċentrazzjonijiet huma ddefiniti bħala akkwisti li jwasslu għal bidla dejjiema tal-kontroll dirett jew indirett” u, għaldaqstant, li sakemm il-kontroll ma jkunx ġie akkwistat, ma hemmx implimentazzjoni antiċipata tal-konċentrazzjoni.

77

B’hekk, ir-rikorrenti tfixkel il-kunċetti ta’ “implimentazzjoni” u ta’ “akkwist”, li huma żewġ kunċetti distinti fir-Regolament Nru 139/2004.

78

Fil-fatt, it-terminu “implimentazzjoni” jirrigwarda l-konċentrazzjoni (jew it-tranżazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 139/2004) filwaqt li t-terminu “akkwist” jirrigwarda l-kontroll.

79

Issa, dawn iż-żewġ termini ma jistgħux jiġu konfużi. L-“implimentazzjoni” tal-konċentrazzjoni tista’ taqa’ taħt it-tul, u dan jispjega l-kunċetti ta’ implimentazzjoni parzjali u ta’ konċentrazzjoni waħda, filwaqt li l-“akkwist” tal-kontroll ma jistax jaqa’ taħt it-tul. Fil-fatt, jew il-kontroll jiġi akkwistat, meta entità jkollha l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija mmirata, jew inkella ma tkunx ġiet akkwistata. Il-kunċett ta’ akkwist tal-kontroll ma jistax għalhekk ikopri akkwist “parzjali”. Għaldaqstant, allegat “kontroll parzjali” ma jistax ikun il-kundizzjoni ta’ implimentazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

80

B’hekk, il-kontroll tal-Kummissjoni, sabiex ikun effettiv, għandu jitwettaq mhux biss qabel l-akkwist tal-kontroll, iżda wkoll qabel l-implimentazzjoni, anki parzjali, tal-konċentrazzjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 62 iktar ’il fuq, jekk il-partijiet f’konċentrazzjoni jkunu pprojbiti milli jimplimentaw konċentrazzjoni permezz ta’ tranżazzjoni waħda, iżda kienu jistgħu jaslu għall-istess riżultat permezz ta’ tranżazzjonijiet parzjali suċċessivi, dan inaqqas l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 u b’hekk idaħħal f’periklu n-natura preliminari tal-kontroll previst minn dan ir-regolament kif ukoll il-kisba tal-għanijiet tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C-633/16, EU:C:2018:371, punt 47).

81

Għaldaqstant, l-ewwel sub-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it-tieni sub‑parti, li tgħid li l‑ġurisprudenza preċedenti tikkonferma li l‑bidla fil‑kontroll hija l‑uniku kriterju rilevanti

82

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea.

83

B’hekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 25 tas-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il-Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281), li konċentrazzjoni tiġi implimentata biss meta impriża takkwista l-kontroll ta’ impriża oħra, jiġifieri l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti, u għall-punt 85 tal-imsemmija sentenza, li jgħid li, fl-assenza ta’ teħid ta’ kontroll effettiv, il-holding ikkontestata ma tistax tiġi assimilata ma’ konċentrazzjoni li diġà ġiet implimentata. It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384), il-Qorti Ġenerali aċċettat struttura ta’ holding peress li ebda kontroll ma kien ġie ttrasferit qabel il-kisba tal-awtorizzazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat, f’din is-sentenza, li l-fatt li jiġu fdati azzjonijiet lil kumpannija kkostitwita bl-għan biss li tilqagħhom ma jwassalx għal akkwist ta’ kontroll mix-xerrej finali u għalhekk ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tielet, skont ir-rikorrenti, fis-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 148 et seq tal-imsemmija sentenza, relatati mal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, l-idea li, fil-każ ta’ implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni, żewġ tranżazzjonijiet għandhom jiġu kklassifikati bħala “konċentrazzjoni waħda” għas-sempliċi raġuni li huma strettament marbuta. F’dan ir-rigward, mill-punt 44 tas-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149), jirriżulta li l-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tikkostitwixxix bażi legali li tippermetti li jiġi konkluż li teżisti “konċentrazzjoni waħda”. Il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha li tgħid li “proġett ekonomiku uniku” ta’ żewġ tranżazzjonijiet jista’ jwassal għal “konċentrazzjoni waħda” għandha għalhekk tiġi miċħuda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 128 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), li l-kriterju rilevanti huwa dak tal-mument li fih seħħ l-akkwist tal-kontroll. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi stabbilita l-implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni u tindika li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 151 tal-imsemmija sentenza, li, meta dawn it-tranżazzjonijiet, meħuda flimkien, ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi ttrasferit il-kontroll tal-impriża mmirata, ma għandu “ebda sens” li jiġu kkwalifikati bħala konċentrazzjoni waħda. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stess sostniet, fil-punt 105 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5089 final tat‑23 ta’ Lulju 2014, li timponi multa għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (Każ COMP/M.7184 – Marine Harvest vs Morpol), li l-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ stadji kinux jagħmlu parti mill-istess tranżazzjoni, fi kliem ieħor l-eżistenza ta’ “konċentrazzjoni waħda”, kienet “irrilevanti” fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

84

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

85

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 25 tas-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il-Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281), ma jikkonċernax il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, iżda jirrifletti r-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar din il-kawża. Fir-rigward tal-punt 85 tal-imsemmija sentenza, għalkemm il-Qorti Ġenerali effettivament indikat li, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ kontroll effettiv, il-holding inkwistjoni fl-imsemmija kawża ma setgħetx“tiġi assimilata ma’ ‘konċentrazzjoni’ li “diġà ġiet implimentata”, minn din l-affermazzjoni ma jistax jiġi dedott li konċentrazzjoni ma tistax tiġi implimentata parzjalment permezz ta’ tranżazzjoni li tikkontribwixxi għal bidla fil-kontroll.

86

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 74 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali indikat fis-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il-Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281, punt 83), li l-akkwist ta’ holding li fih innifsu ma jagħtix il-kontroll fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Għalhekk minn din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, mogħtija qabel is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni ma kellhiex neċessarjament tiġi interpretata bħala akkwist ta’ kontroll.

87

Konsegwentement, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il-Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281), ma teskludix li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tinkludi wkoll l-implimentazzjoni parzjali, jiġifieri tranżazzjonijiet li ma jittrasferixxux, bħala tali, il-kontroll.

88

It-tieni, f’dak li jirrigwarda s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384), għandha tiġi rrettifikata l-konklużjoni li waslet għaliha r-rikorrenti, jiġifieri li l-fatt li jiġu fdati azzjonijiet lil kumpannija kkostitwita bil-għan biss li dawn jiġu milqugħa ma wassalx għal akkwist ta’ kontroll mix-xerrej finali u għalhekk ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, billi titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tagħha.

89

Minn naħa, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384), u din il-kawża ma humiex kompletament paragunabbli. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384), ir-rikorrenti kkontestat li l-istruttura ta’ holding kienet taqa’ taħt l-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), filwaqt li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tallegax li l-istruttura ta’ holding inkwistjoni taqa’ taħt tali eċċezzjoni.

90

Peress li dawn huma żewġ strutturi ta’ holding differenti, il-konklużjonijiet misluta fir-rigward tal-ewwel waħda ma jistgħux jiġu estiżi, b’mod ġenerali, għat-tieni waħda.

91

Min-naħa l-oħra, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384), kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-punt 175 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell, kienet irrilevat, ir-rikors tar-rikorrenti fl-imsemmija kawża kien jirrigwarda biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet iddikjarat il-konċentrazzjoni inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 36). B’hekk, il-kwistjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni, u mhux il-kwistjoni tal-implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjonijiet permezz ta’ struttura ta’ holding. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk Lagardère SCA kinitx akkwistat kontroll uniku jew konġunt mal-bank NBP tal-assi mmirati, permezz tat-tranżazzjoni ta’ holding inkwistjoni, ma kienx neċessarju u li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati ma’ din il-kwistjoni kellhom għalhekk jitqiesu bħala superfluwi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 40).

92

Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti f’din il-kawża sostniet li l-holding tal-assi mmirati kien ta lill-akkwirent finali, sa mill-akkwist tagħhom mill-kumpannija holding, il-possibbiltà li jeżerċita influwenza determinanti fuq l-attività marbuta ma’ dawn tal-aħħar, sa fejn din il-holding tat lill-akkwirent finali, fuq l-assi mmirati kollha jew parti minnhom, drittijiet ta’ proprjetà jew ta’ tgawdija, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat‑30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164) (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384, punt 119).

93

Ir-rikorrenti f’din il-kawża kienet għalhekk iżolat it-tranżazzjoni li tagħti lok għall-akkwist tal-assi mmirati mill-kumpannija holding u sostniet li din kienet diġà wasslet għal akkwist ta’ kontroll.

94

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali indikat li, peress li l-holding tal-assi mmirati ma setax, f’dan il-każ, jitqies li huwa konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 4064/89, il-projbizzjoni magħmula lill-partijiet f’tali tranżazzjoni, permezz tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 4064/89, milli twettaqha qabel ma din tiġi kkomunikata u ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni għalhekk ma setgħetx tiġi miksura (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384, punt 171).

95

Din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’hekk ġiet ifformulata biss b’risposta għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni kienet invalida, b’mod partikolari peress li x-xerrej finali, permezz ta’ tranżazzjoni ta’ holding, kien akkwista l-kontroll kemm uniku, kif ukoll konġunt tal-assi mmirati sa mill-akkwist tagħhom mill-kumpannija holding (miżmuma indirettament, iżda 100 % mill-bank NBP), mingħajr komunikazzjoni minn qabel tal-konċentrazzjoni.

96

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk l-akkwist tal-assi mmirati mill-kumpannija holding kienx jikkostitwixxi, bħal f’dan il-każ, l-implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni waħda, iżda jekk dan l-akkwist, imwettaq fil-kuntest ta’ struttura ta’ holding, kienx, bħala tali, ittrasferixxa l-kontroll lix-xerrej.

97

It-tielet, fir-rigward tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet prinċipali ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema kien il-kriterju użat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkaratterizza l-implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni.

98

Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li kien suffiċjenti li jiġi stabbilit li t-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali kienu jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda, filwaqt li l-kriterju xieraq kien ikun li jiġi evalwat jekk it-tranżazzjoni provviżorja ppermettitilhiex takkwista l-kontroll ta’ TMSC.

99

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma kkunsidratx bħala suffiċjenti li jiġi stabbilit li t-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali jikkostitwixxu tranżazzjoni waħda, iżda rrilevat, fl-ewwel lok, li t-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali jikkostitwixxu, flimkien, konċentrazzjoni waħda, fit-tieni lok li t-tranżazzjoni provviżorja kienet ikkontribwixxiet parzjalment għall-bdil fil-kontroll ta’ TMSC fis-sens tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), u li, billi wettqet din it-tranżazzjoni provviżorja, ir-rikorrenti kienet wettqet parzjalment it-tranżazzjoni waħda li tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll ta’ TMSC mir-rikorrenti u, fit-tielet lok, li din l-implimentazzjoni parzjali, qabel il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, kienet kisret l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

100

Fir-rigward tar-riferiment, mir-rikorrenti, għall-punti 148 et seq tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx l-idea li, fil-każ ta’ implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni, żewġ tranżazzjonijiet għandhom jiġu kklassifikati bħala “konċentrazzjoni waħda” għas-sempliċi raġuni li kienu strettament marbuta, peress li hija sempliċement indikat li r-Regolament Nru 139/2004 ma kienx jagħti definizzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom żewġ tranżazzjonijiet kienu jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 150). Fir-rigward tal-punt 44 tas-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149), li għalih tirreferi wkoll ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika sempliċement li ma tistax tiġi dedotta b’mod validu mis-sempliċi kliem tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dan il-punt li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-approċċ tal-Kummissjoni li “proġett ekonomiku uniku” ta’ żewġ tranżazzjonijiet jista’ jwassal għal “konċentrazzjoni waħda”.

101

B’hekk, kif tindika l-Kummissjoni, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestaw il-fatt li żewġ tranżazzjonijiet setgħu jwasslu għal tranżazzjoni waħda.

102

F’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 90 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), li l-Kummissjoni kienet, f’diversi deċiżjonijiet, ibbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” u li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat dan il-kunċett, b’mod partikolari fis-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel Industrie vs Il‑Kummissjoni (T‑282/02, EU:T:2006:64).

103

Fir-rigward tar-riferiment għall-punt 128 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest (T‑704/14, EU:T:2017:753), għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 wara tranżazzjonijiet, li għalihom ma kienx ikkontestat li l-kontroll tal-impriża mmirata kien diġà ġie akkwistat matul l-ewwel tranżazzjoni. Huwa għalhekk f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, meta l-akkwist tal-kontroll esklużiv de facto tal-unika impriża mmirata kien seħħ permezz ta’ tranżazzjoni inizjali waħda, it-tranżazzjonijiet ulterjuri li permezz tagħhom ix-xerrej jikseb partijiet addizzjonali minn din l-impriża ma kinux għadhom rilevanti sabiex jinkiseb il-kontroll (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 128). Għaldaqstant, din il-konklużjoni ma jistax ikollha bħala konsegwenza li l-implimentazzjoni antiċipata tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ bidla fil-kontroll matul l-ewwel tranżazzjoni fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni waħda bħal dik f’dan il-każ.

104

Fir-rigward tar-riferiment għall-punt 151 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest (T‑704/14, EU:T:2017:753), għandu jiġi rrilevat li ċ-ċitazzjoni prodotta mir-rikorrenti ma hijiex eżatta, peress li ma hijiex kompleta. Fil-fatt, dak li ma għandu “ebda sens” f’dan il-punt, skont il-Qorti Ġenerali, huwa li jitqies li t-tranżazzjonijiet kollha li huma suġġetti għal rabta kundizzjonali jew li jieħdu l-forma ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet fuq titoli mwettqa f’terminu raġonevolment qasir għandhom jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni waħda, u dan anki meta dawn it-tranżazzjonijiet, meħuda flimkien, ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi ttrasferit il-kontroll tal-impriża mmirata (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 151). B’hekk, permezz ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement enfasizzat li huma biss it-tranżazzjonijiet li, fit-totalità tagħhom, jittrasferixxu l-kontroll, li jistgħu jikkostitwixxu “konċentrazzjoni waħda”.

105

Issa, f’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ssostnix li t-tranżazzjoni provviżorja, waħedha, hija biżżejjed sabiex tittrasferixxi l-kontroll ta’ TMSC lir-rikorrenti. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija t-tranżazzjoni finali, li kienet tikkostitwixxi konċentrazzjoni waħda mat-tranżazzjoni provviżorja, li ttrasferiet il-kontroll ta’ TMSC lir-rikorrenti.

106

Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti li jirreferi għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fil-punt 105 tad-deċiżjoni fil-Kawża Marine Harvest vs Morpol huwa ineffettiv, peress li, f’din il-kawża, ma kienx hemm l-akkwist ta’ impriża mmirata permezz ta’ struttura ta’ holding bħal f’dan il-każ, iżda sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li Marine Harvest ASA kienet akkwistat il-kontroll ta’ Morpol ASA permezz ta’ xiri wieħed ta’ 48.5 % tal-azzjonijiet ta’ Morpol, u mhux permezz ta’ diversi tranżazzjonijiet relatati mal-assi li jikkostitwixxu, fl-aħħar mill-aħħar, entità ekonomika waħda (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, C‑10/18 P EU:C:2020:149, punt 29).

107

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni sub-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll l-ewwel parti tal-imsemmi motiv fl-intier tagħha.

2.   Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq l‑assenza ta’ implimentazzjoni parzjali bi ksur tal‑Artikolu 4(1) u tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 139/2004

108

Għandu jiġi rrilevat li, fit-Taqsima 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali jikkostitwixxu flimkien tranżazzjoni waħda, għaliex “huma jaqgħu taħt proġett ekonomiku uniku li bis-saħħa tiegħu [ir-rikorrenti] kisbet il-kontroll ta’ TMSC mingħand Toshiba” (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata”. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet elementi. L-ewwel nett, it-tranżazzjoni provviżorja twettqet biss fid-dawl tat-tranżazzjoni finali (Taqsima 4.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni, l-uniku għan ta’ MS Holding kien li tiffaċilita l-akkwist tal-kontroll ta’ TMSC mir-rikorrenti (Taqsima 4.1.2). It-tielet, ir-rikorrenti kienet l-unika parti li setgħet tiddetermina l-identità tax-xerrej finali ta’ TMSC u kienet tassumi r-riskju ekonomiku tat-tranżazzjoni kollha sa mit-tranżazzjoni provviżorja (Taqsima 4.1.3).

109

Preliminarjament, għandu jitfakkar li huwa irrelevanti li l-akkwist, dirett jew indirett, tal-kontroll ta’ impriża jew impriżi sar fi stadju wieħed jew diversi permezz ta’ tranżazzjoni waħda jew diversi, sakemm ir-riżultat milħuq jikkostitwixxi tranżazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 104).

110

Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li l-partijiet, meta jikkomunikaw konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, jipproponu li jikkonkludu żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed jew li jkunu diġà kkonkludewhom qabel il-komunikazzjoni tagħhom. Hija l-Kummissjoni, f’kull każ inkwistjoni, li għandha tevalwa jekk dawn it-tranżazzjonijiet humiex ta’ natura unitarja b’tali mod li jikkostitwixxu tranżazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 105).

111

Evalwazzjoni ta’ dan it-tip hija intiża biex tidentifika, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi għal kull każ inkwistjoni u għall-finijiet li tiġi stabbilita r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika wara t-tranżazzjonijiet, il-finalità ekonomika segwita mill-partijiet, billi jiġi eżaminat, fil-preżenza ta’ diversi tranżazzjonijiet ġuridikament distinti, jekk l-impriżi kkonċernati kinux disposti li jikkonkludu kull tranżazzjoni meħuda b’mod iżolat jew jekk, minflok, kull tranżazzjoni tikkostitwixxix biss element ta’ tranżazzjoni iktar kumplessa, li mingħajrha hija ma kinitx tiġi konkluża mill-partijiet (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 106).

112

Fi kliem ieħor, sabiex tiġi stabbilita n-natura unitarja tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, f’kull każ inkwistjoni għandu jiġi evalwat jekk dawn t-tranżazzjonijiet humiex interdipendenti b’mod li waħda ma tistax titwettaq mingħajr l-oħra (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 107).

113

Din l-evalwazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-impriżi li jikkomunikaw tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni l-benefiċċju taċ-ċertezza legali għat-tranżazzjonijiet kollha li jwettqu l-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita kontroll effettiv fuq it-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikanti kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ għanijiet jikkostitwixxu l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 139/2004 (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Minn dan isegwi li tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tista’ titwettaq ukoll fil-preżenza ta’ pluralità ta’ tranżazzjonijiet ġuridiċi formalment distinti meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu interdipendenti b’tali mod li ma jitwettqux waħda mingħajr l-oħra u li r-riżultat tagħhom jikkonsisti fl-għoti lil impriża waħda jew iżjed tal-kontroll ekonomiku, dirett jew indirett, fuq l-attività ta’ impriża waħda jew iżjed differenti (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 109).

115

Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-ħames ilmenti mressqa mir-rikorrenti fil-forma ta’ ħames sub-partijiet, li jgħidu li, l-ewwel nett, il-fatt li “t-tranżazzjoni provviżorja saret biss fid-dawl tat-tranżazzjoni finali” huwa irrilevanti u ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-Kummissjoni, it-tieni, l-uniku għan ta’ MS Holding ma kienx li “jiffaċilita t-teħid tal-kontroll mir-rikorrenti ta’ TMSC”, it-tielet, l-allegat poter li tiġi ddeterminata l-identità tax-xerrej finali u r-riskji ekonomiċi huma irrilevanti, ir-raba’, il-kundizzjonijiet ta’ “implimentazzjoni parzjali” fis-sens tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), ma humiex issodisfatti u, il-ħames, it-tranżazzjoni provviżorja ma “kkontribwixxitx sabiex tibdel fit-tul il-kontroll” fuq TMSC fis-sens tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371).

[omissis]

a)   Fuq ir-raba’ subparti, li tgħid li l-kundizzjonijiet tal-“implimentazzjoni parzjali” fis-sens tas-sentenza tas-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16), ma humiex issodisfatti

214

Ir-rikorrenti ssostni li għalkemm, fil-punt 47 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, f’ċerti ċirkustanzi, “implimentazzjoni parzjali” setgħet tikkostitwixxi implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni, tali “implimentazzjoni parzjali” tista’ teżisti biss fil-każ ta’ akkwist ta’ “kontroll parzjali”. Dan ifisser li x-xerrej ingħata ċerta influwenza fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi mill-mira. Issa, ir-rikorrenti ma kellha ebda dritt partikolari li seta’ taha tali influwenza fuq il-mira qabel il-kisba tal-awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza, li jkun hemm ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 biss meta l-partijiet jimplementaw tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jinbidel b’mod fit-tul il-kontroll fuq l-impriża mmirata, il-“kontroll” jikkostitwixxi l-element essenzjali, inkluż f’każ ta’ implimentazzjoni parzjali. Fl-aħħar nett, mill-punt 61 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-miżura preparatorja inkwistjoni ma kinitx ikkontribwixxiet għall-akkwist tal-kontroll, peress li x-xerrejja ma kellhomx il-possibbiltà li jeżerċitaw “kwalunkwe influwenza” fuq il-mira, jirriżulta li, jekk akkwirent ma jkun kiseb “ebda influwenza”, ma jkunx hemm implimentazzjoni parzjali.

215

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

216

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li mill-punt 47 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li “implimentazzjoni parzjali” ta’ konċentrazzjoni tista’ teżisti biss fil-każ ta’ akkwist ta’ “kontroll parzjali”, dan ma huwiex eżatt.

217

Skont il-punt 47 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), kull implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

218

Kif tfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq, mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li l-kriterju, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ġewx miksura, ma huwiex dak dwar jekk kienx hemm akkwist tal-kontroll, inkluż għalhekk ta’ “kontroll parzjali” tal-impriża mmirata, iżda, kif issostni l-Kummissjoni, dak dwar jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni kkontribwixxietx għal bidla fil-kontroll tal-imsemmija impriża.

219

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li mill-punt 46 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li l-“kontroll” jikkostitwixxi l-element “essenzjali”, dan huwa wkoll ineżatt.

220

Skont il-punt 46 tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni sseħħ meta l-partijiet f’konċentrazzjoni jimplimentaw tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jinbidel b’mod dejjiemi l-kontroll fuq l-impriża kkonċernata.

221

Barra minn hekk, mill-punt 59 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371) (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), li konċentrazzjoni tista’ tiġi implementata permezz ta’ tranżazzjoni li, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata.

222

Għalhekk, kif issostni l-Kummissjoni, għalkemm tranżazzjonijiet “jikkontribwixxu” għal bidla fil-kontroll fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), inklużi tranżazzjonijiet li ma jippermettux li jiġi ttrasferit, waħedhom, il-kontroll, huma jikkostitwixxu implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni.

223

F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li mill-punt 61 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li, jekk akkwirent ma jkunx akkwista “ebda influwenza”, ma hemmx implimentazzjoni parzjali, għandu jiġi rrilevat li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għaliex, fost motivi oħra, hija ma kienet tat lill-impriża kkonċernata “ebda influwenza”, fuq il-kumpannija mmirata, ir-rikorrenti kellha, f’dan il-każ, ċerta influwenza, peress li, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-punt 157 tad-deċiżjoni kkontestata u kif diġà ġie rrilevat (ara l-punti 195 u 208 iktar ’il fuq), mid-data tat-tranżazzjoni provviżorja, u indipendentement mir-riżultati tal-awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni, ir-rikorrenti kellha l-kompetenza esklużiva sabiex tiddetermina l-identità tal-akkwirent finali ta’ TMSC. Li kieku hija kienet prekluża milli tixtriha hija stess, ir-rikorrenti kienet tkun għadha tista’ tiddeċiedi dwar l-identità tax-xerrej finali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament indikat, fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet kisbet il-possibbiltà li teżerċita ċertu livell ta’ influwenza fuq TMSC wara t-tranżazzjoni provviżorja.

224

Għaldaqstant hemm lok li r-raba’ sub-parti tiġi miċħuda.

b)   Fuq il-ħames sub-parti, li tgħid li t-tranżazzjoni provviżorja ma “kkontribwixxietx sabiex jinbidel b’mod dejjiemi l-kontroll” fuq TMSC fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16)

225

Ir-rikorrenti tqis li r-raġunament tal-Kummissjoni msemmi fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li t-tranżazzjoni provviżorja kienet neċessarja sabiex tinkiseb bidla fil-kontroll ta’ TMSC, fis-sens li din it-tranżazzjoni kellha rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni, u li skontu dan ifisser li t-tranżazzjoni provviżorja kkontribwixxiet — tal-inqas parzjalment — sabiex jinbidel il-kontroll tal-impriża mmirata fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), huwa żbaljat għal diversi raġunijiet.

1) Fuq il-kriterju tar-rabta funzjonali diretta fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16)

226

Ir-rikorrenti ssostni li r-“rabta funzjonali diretta” meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni teżisti biss jekk l-att iwassal fih innifsu għall-bidla fil-kontroll. Issa, ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma eżerċitatx kontroll fuq TMSC. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni meta x-xerrej ma jkunx kiseb il-possibbiltà li jeżerċita “kwalunkwe influwenza” fuq il-mira. Barra minn hekk, mill-punti 48 u 49 tal-imsemmija sentenza jirriżulta b’mod ċar li anki tranżazzjonijiet konsekuttivi li jifformaw parti minn konċentrazzjoni waħda ma jikkostitwixxux implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni peress li l-ewwel tranżazzjoni ma hijiex “neċessarja” sabiex jintlaħaq tibdil fil-kontroll, iżda hija biss “inċidentali” jew “preparatorja”. F’dan il-każ, it-trasferiment tal-azzjonijiet lil MS Holding ma kienx neċessarju sabiex ir-rikorrenti tikseb il-kontroll ta’ TMSC.

227

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

228

Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 73 iktar ’il fuq, il-kriterju adottat mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), sabiex jiġi ddeterminat jekk ġewx miksura l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma huwiex dak dwar jekk kienx hemm akkwist tal-kontroll tal-impriża mmirata, iżda dak dwar jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni kkontribwixxietx, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, għall-bidla fil-kontroll tal-imsemmija impriża.

229

B’hekk, il-fatt, enfasizzat fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata u li tirreferi għaliha r-rikorrenti, li din ma eżerċitatx kontroll fuq TMSC matul il-perijodu provviżorju ma jfissirx li din it-tranżazzjoni provviżorja ma kkontribwixxietx, kompletament jew parzjalment, għall-bidla fil-kontroll tal-impriża mmirata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 46).

230

Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li r-“rabta funzjonali diretta” allegatament meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni teżisti biss jekk l-att iwassal fih innifsu għall-bidla fil-kontroll.

231

Skont il-punt 49 tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), it-tranżazzjonijiet li ma humiex neċessarji sabiex tinkiseb bidla fil-kontroll, sa fejn ma għandhomx rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, ma jissodisfawx il-kriterju tal-kontribuzzjoni għal bidla fil-kontroll u, konsegwentement, ma jiksrux l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 meta jitwettqu qabel il-komunikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni.

232

F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, u kif huwa indikat fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tranżazzjoni provviżorja kienet neċessarja, peress li, l-ewwel nett, mingħajr l-istruttura ta’ tranżazzjoni f’żewġ stadji proposta mir-rikorrenti, Toshiba kienet tkun fl-impossibbiltà li tirrinunzja għall-kontroll ta’ TMSC u li tirċievi b’mod irriversibbli l-ħlas ta’ TMSC qabel tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2016, peress li Toshiba kellha tistenna l-awtorizzazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għall-bejgħ ta’ TMSC. It-tieni, fil-kuntest ta’ din l-istruttura f’żewġ stadji, it-tranżazzjoni provviżorja kienet tikkostitwixxi stadju neċessarju sabiex tintlaħaq bidla fil-kontroll ta’ TMSC. L-għan ta’ din l-istruttura f’żewġ stadji kien li t-tranżazzjoni provviżorja tippermetti, minn naħa, lil xerrej intermedju jixtri t-titoli ta’ vot kollha ta’ TMSC, iżda mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti fil-qasam tal-komunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, lir-rikorrenti li tħallas il-prezz ta’ TMSC lil Toshiba b’mod irriversibbli filwaqt li tikseb l-iktar ċertezzi fir-rigward tal-fatt li hija finalment tikseb il-kontroll ta’ TMSC. It-tielet, l-ebda waħda mill-istrutturi ta’ tranżazzjonijiet alternattivi ipotetiċi ma setgħet tissodisfa l-ħtieġa għal Toshiba li tirċievi ammont sinjifikattiv ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital qabel il-31 ta’ Marzu 2016.

233

Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), ma kklassifikatx ir-“rabta funzjonali diretta” bħala rekwiżit distint minn dak tal-kontribuzzjoni għal bidla fil-kontroll li għandha tiġi ssodisfatta sabiex tranżazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Il-kriterju adottat fl-imsemmija sentenza huwa dak dwar jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni kkontribwixxietx, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

234

Fl-aħħar nett, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċċita l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li jsegwu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha r-rikorrenti tindika hija stess li “il-ħolqien ta’ MS Holding kien […] neċessarju għat-trasferiment ta’ TMSC minn Toshiba, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Toshiba”.

235

Permezz ta’ din ir-risposta, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti stess ammettiet li t-tranżazzjoni provviżorja kellha “rabta funzjonali diretta” mal-bidla fil-kontroll ta’ TMSC.

[omissis]

3.   Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti mwettqa fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni parzjali ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’”

302

Preliminarjament, ir-rikorrenti tixtieq tenfasizza l-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Il-Kummissjoni tfixkel żewġ kunċetti distinti, jiġifieri, minn naħa, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni waħda li jikkonċerna l-kwistjoni tal-kompetenza u jippermetti li jiġi ddeterminat jekk żewġ tranżazzjonijiet differenti għandhomx jiġu kkomunikati flimkien lill-Kummissjoni, jiġifieri b’mod partikolari li jiġi vverifikat jekk id-dħul mill-bejgħ taż-żewġ tranżazzjonijiet għandux jiġi kkombinat fil-kuntest tal-kalkolu tal-limiti ta’ komunikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni f’kuntest ta’ allegat implimentazzjoni antiċipat ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Ir-rikorrenti żżid li huwa minħabba li l-Kummissjoni ma sabet ebda element li jipprova li r-rikorrenti kkontrollat lil TMSC mit-tranżazzjoni provviżorja li hija bbażat teorija innovattiva u ġdida ta’ “implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni waħda”. Il-Kummissjoni għalhekk għandha l-intenzjoni, b’mod abbużiv, li tistabbilixxi regola ġdida li tipprojbixxi l-istrutturi msejħa ta’ holding, anki meta dawn ma jwasslux għal akkwist ta’ kontroll preċedenti għall-awtorizzazzjonijiet.

303

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

304

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-kunċett ta’ konċentrazzjoni waħda jikkonċerna biss il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni, skont jekk ċerti limiti humiex milħuqa jew le, iżda mhux il-kwistjoni tal-eventwali ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tirrileva li argumenti li jwasslu għall-inklużjoni ta’ tranżazzjonijiet fil-kunċett ta’ konċentrazzjoni waħda jwasslu de facto sabiex jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 53). B’hekk, dak li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 u għalhekk, loġikament, dak tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

305

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni riedet tistabbilixxi regola ġdida li tipprojbixxi l-istrutturi msejħa ta’ holding, anki meta dawn ma jwasslux għal akkwist ta’ kontroll preċedenti għall-awtorizzazzjonijiet, din l-affermazzjoni għandha tiġi kkwalifikata.

306

Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 73 iktar’ il fuq, mis-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ġewx miksura, ma huwiex indispensabbli li kien hemm akkwist tal-kontroll tal-impriża mmirata. Jista’ jkun biżżejjed li t-tranżazzjoni inkwistjoni tkun ikkontribwixxiet, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, għall-bidla fil-kontroll tal-imsemmija impriża.

307

Madankollu, huwa minnu li hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni tirrileva l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni waħda li timplika struttura ta’ holding.

308

Insostenn tat-tielet parti tagħha, ir-rikorrenti tiżviluppa l-argumenti tagħha madwar tliet punti.

a)   Fuq l-argument li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma jistax ikun ibbażat fuq il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004

309

Skont l-aħħar parti tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, huwa xieraq “li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli liema transazzjonijiet isiru f’perjodu ta’ żmien raġjonevolment qasir”.

310

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pproduċietx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova tal-eżistenza ta’ rabta kundizzjonali bejn it-tranżazzjonijiet provviżorji u finali. Kieku l-awtorizzazzjonijiet neċessarji fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll ma kinux inkisbu, ir-rikorrenti kienet tkun tista’ ssib xerrej terz għall-opzjonijiet fuq l-azzjonijiet. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni waħda ma tistax tkun ibbażata fuq il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, kif ikkonstatatu kemm il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, fil-punt 126 tas-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (T‑282/02, EU:T:2006:64), li, kull darba li diversi tranżazzjonijiet ikunu interdipendenti, huma neċessarjament jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li, skont il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni waħda hija rilevanti biss f’żewġ sitwazzjonijiet: meta żewġ tranżazzjonijiet ikunu s-suġġett ta’ rabta kundizzjonali u meta jsiru f’perijodu ta’ żmien raġonevolment qasir. Issa, dan il-każ ma jikkorrispondi għal ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Dawn iż-żewġ akkwisti ma sarux f’terminu raġonevolment qasir, peress li kien biss disa’ xhur wara t-tranżazzjoni provviżorja li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-opzjonijiet tagħha fuq l-azzjonijiet.

311

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

312

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma pproduċietx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova tal-eżistenza ta’ rabta kundizzjonali bejn it-tranżazzjonijiet provviżorji u finali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma huwiex eżatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 228 sa 235 iktar’ il fuq.

313

F’dan ir-rigward, il-fatt li ma kienx assolutament ċert li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jagħtu l-awtorizzazzjonijiet neċessarji ma jistax iqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni.

314

Fil-fatt, minbarra l-fatt li, kif tindika r-rikorrenti stess, il-probabbiltà li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet kienet għolja, rifjut tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma kienx iwassal għar-riżoluzzjoni tat-tranżazzjoni. Il-prezz ta’ TMSC tħallas b’mod irriversibbli mir-rikorrenti lil Toshiba, li setgħet tinkludiha fi żmien xieraq fil-kontijiet tagħha. Għaldaqstant, ftit jimporta li r-rikorrenti hija l-akkwirent finali ta’ TMSC, jew li hija kellha tbigħha lil xerrej terz tal-għażla tagħha.

315

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-konklużjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżistenza ta’ konċentrazzjoni waħda fuq il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, ċertament, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” jinsab biss fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 u mhux fl-artikoli ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 42).

316

Fil-punt 150 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), il-Qorti Ġenerali qieset li din il-premessa ma kienx fiha definizzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom żewġ tranżazzjonijiet jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq in-natura speċifika tal-imsemmija premessa, li, minkejja li tista’ tippermetti li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjoni legali, ma tistax tikkostitwixxi tali regola peress li ma għandhiex valur legali vinkolanti tagħha stess (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 43).

317

Issa, għalkemm il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ sservi bħala element ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, hija ma tistax tiddeduċi b’mod validu mill-formulazzjoni biss ta’ din il-premessa interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” li ma tkunx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk kellha, f’diversi okkażjonijiet, l-opportunità li tindika li l-premessi ta’ att tal-Unjoni ma għandhomx valur legali vinkolanti u ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 44).

318

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata biss fuq il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, interpretat fid-dawl tal-imsemmija premessa.

319

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-punt 126 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), huwa minnu li l-Qorti Ġenerali fiha indikat, b’risposta għal argument tar-rikorrenti f’din il-kawża, ibbażat fuq il-kunċett tar-rabta kundizzjonali kif imsemmi fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, li ma jistax jiġi dedott mill-punt 107 tas-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel Industrie vs Il‑Kummissjoni (T-282/02, EU:T:2006:64), li jgħid li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura unitarja tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, għandu, f’kull każ inkwistjoni, jiġi evalwat jekk dawn it-tranżazzjonijiet humiex ta’ interdipendenti b’mod li waħda ma setgħetx titwettaq mingħajr l-oħra, li, kull darba li diversi tranżazzjonijiet huma interdipendenti, huma jikkostitwixxu neċessarjament konċentrazzjoni waħda.

320

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dan il-każ.

321

Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-akkwist tal-produttur u t-trasformatriċi Norveġiża tas-salamun Morpol. Inizjalment, ix-xerrej ikkonkluda kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet li permezz tiegħu huwa akkwista, mingħajr komunikazzjoni minn qabel, 48.5 % tal-kapital azzjonarju ta’ Morpol. Sussegwentement, huwa akkwista l-kumplament tal-azzjonijiet billi nieda offerta pubblika obbligatorja ta’ xiri fuqhom.

322

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’din il-kawża, kien diġà nkiseb il-kontroll sa mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 132).

323

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li mis-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (T‑282/02EU:T:2006:64), ma jistax jiġi dedott li, f’sitwazzjoni li fiha l-akkwist tal-kontroll ta’ impriża waħda mmirata jkun twettaq permezz ta’ tranżazzjoni waħda, huwa neċessarju li din it-tranżazzjoni titqies bħala li tifforma parti minn konċentrazzjoni waħda, meta x-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet li jkun wassal għat-teħid tal-kontroll u offerta pubblika ta’ xiri obbligatorju ulterjuri jkunu interdipendenti (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 133).

324

Għalhekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-limitazzjoni prevista fil-punt 126 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), kienet sempliċement intiża sabiex teskludi s-sitwazzjoni speċifika deskritta fil-punt 133 tal-imsemmija sentenza u mhux li tiċħad il-kunċett ta’ konċentrazzjoni waħda.

325

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni, f’diversi deċiżjonijiet, ibbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 90), u approvat dan il-kunċett, b’mod partikolari fis-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel Industrie vs Il-Kummissjoni (T‑282/02, EU:T:2006:64).

326

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149), ċaħdet l-appell mis-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753).

b)   Fuq l-argument li l-punt 35 tal-Avviż Konsolidat tal-Kummissjoni dwar kriterji ta’ Kompetenza Ġuridika (AKĠ) jikkostitwixxi bażi insuffiċjenti għall-kunċetti ta’ “konċentrazzjoni waħda” u ta’ “implimentazzjoni parzjali” tal-Kummissjoni

1) Fuq l-argument li l-AKĠ ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti u ma huwiex legalment vinkolanti

327

Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-AKĠ ma jikkostitwixxix il-bażi legali xierqa fir-rigward tal-implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni, peress li hija ma tindirizzax il-kwistjoni tal-mument li fih konċentrazzjoni tiġi implementata fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Anki fl-ipoteżi li jkun possibbli li t-“tranżazzjoni ta’ holding” fis-sens tal-punt 35 tal-AKĠ tiġi kkwalifikata bħala “konċentrazzjoni waħda”, l-imsemmi punt tal-AKĠ ma jfissirx li “implimentazzjoni parzjali” ta’ “struttura ta’ holding” tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4(1) jew tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, meta l-AKĠ ma jsegwix ir-Regolament Nru 139/2004 u l-ġurisprudenza applikabbli, hija ma hijiex vinkolanti għall-partijiet.

328

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

329

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-AKĠ ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk diversi tranżazzjonijiet jagħmlux parti minn konċentrazzjoni waħda, kellu jsir riferiment għall-“għan ekonomiku mfittex mill-partijiet”, skont is-sentenza tal‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel Industrie vs Il-Kummissjoni (T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 106) (ara l-punti 111 iktar ’il fuq).

330

Barra minn hekk, fil-premessa 99(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “t-tranżazzjoni provviżorja [kienet] ikkontribwixxiet (tal-inqas parzjalment) għall-bdil fil-kontroll ta’ TMSC fis-sens tas-sentenza [tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371)] [billi] pproċediet bit-tranżazzjoni provviżorja, [ir-rikorrenti] implementat parzjalment il-konċentrazzjoni waħda li tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll ta’ TMSC mi[r-rikorrenti]”.

331

Fl-aħħar nett, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet tqis li t-tranżazzjoni provviżorja u t-tranżazzjoni finali kienu jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, peress li, għalkemm kienu legalment distinti, huma kienu jaqgħu fil-kuntest ta’ proġett ekonomiku uniku li permezz tiegħu r-rikorrenti kienet kisbet il-kontroll ta’ TMSC mingħand Toshiba. F’din il-premessa, il-Kummissjoni żiedet li t-tranżazzjonijiet suċċessivi konklużi bejn Toshiba, MS Holding u r-rikorrenti kienu jikkorrispondu mill-qrib mat-tip ta’ struttura ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni waħda deskritta fil-punt 35 tal-AKĠ.

332

Għalhekk, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni waħda kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel Industrie vs Il‑Kummissjoni (T‑282/02, EU:T:2006:64), u qieset li t-tranżazzjoni provviżorja kienet tat lok għal implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni waħda abbażi tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371). Kien biss b’mod sussidjarju li l-Kummissjoni semmiet il-punt 35 tal-AKĠ.

333

Għaldaqstant ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-AKĠ tikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

334

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-AKĠ ma hijiex legalment vinkolanti għad-detriment tagħha, kif ġie rrilevat, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-AKĠ. Barra minn hekk, lanqas ma hija bbażata fuq il-punti l-oħra tal-AKĠ.

335

Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-AKĠ ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti u ma huwiex legalment vinkolanti.

2) Fuq l-argument li l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 35 tal-AKĠ ma humiex issodisfatti

336

Ir-rikorrenti ssostni li, fl-ipoteżi li l-punt 35 tal-AKĠ huwa applikabbli għal dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ “ftehim ta’ holding” ma humiex issodisfatti, peress li, minn naħa, skont dan il-punt, l-“akkwirent provviżorju ġeneralment jakkwista l-azzjonijiet “għan-nom” tal-akkwirent finali”, filwaqt li MS Holding ma akkwistatx lil TMSC “għan-nom” tar-rikorrenti, u li, min-naħa l-oħra, ma kinitx teżisti “rabta diretta” jew “ftehim li jipprevedi l-bejgħ mill-ġdid fil-futur” bejn l-“ewwel akkwirent” u l-“akkwirent finali”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li MS Holding setgħet teżerċita d-drittijiet ta’ vot kollha f’TMSC u li l-amministraturi ta’ MS Holding kellhom id-dritt li jittrasferixxu l-azzjonijiet tagħhom, peress li huma setgħu jittrasferixxu azzjonijiet tal-kategorija A mingħajr l-approvazzjoni tar-rikorrenti. Trasferiment ipotetiku ta’ azzjonijiet tal-kategorija A mill-amministraturi ta’ MS Holding kien jirrikjedi biss l-approvazzjoni tal-amministraturi ta’ TMSC u MS Holding setgħet faċilment tikseb din l-approvazzjoni minħabba s-setgħa tagħha li tħassar jew li tissostitwixxi l-bord tad-diretturi kollu ta’ TMSC.

337

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

338

Għandu jitfakkar li l-punt 35 tal-AKĠ jsemmi, kif ġie rrilevat (ara l-punti 332 u 334 iktar ’il fuq), b’mod sussidjarju fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxix il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata.

339

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 35 tal-AKĠ ma humiex issodisfatti.

[omissis]

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Canon Inc. hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Mejju 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.