SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

9 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Miżuri ta’ salvagwardja – Suq tar-ross – Importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar/Burma – Regolament (UE) Nru 978/2012 – Kunċett ta’ ‘produtturi tal-Unjoni’ – Kunċett ta’ ‘prodotti simili jew li jikkompetu direttament’ – Diffikultajiet serji – Drittijiet tad-difiża – Fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑246/19,

Ir-Renju tal-Kambodja,

Cambodia Rice Federation (CRF), stabbilita fi Phnom Penh (il-Kambodja),

irrappreżentati minn R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, H. Leupold u E. Schmidt, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ente Nazionale Risi, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn F. Di Gianni u A. Scalini, avukati,

u minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann, U. Öberg (Relatur), R. Mastroianni u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ir-Renju tal-Kambodja u Cambodia Rice Federation (CRF), jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas‑16 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-[Mjanmar / Burma] (ĠU 2019, L 15, p. 5), li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ dan ir-ross għal perijodu ta’ tliet snin u stabbilixxiet tnaqqis progressiv tar-rata tad-dazji applikabbli (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU 2012, L 303, p. 1, rettifika ĠU 2015, L 272, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SPĠ”), l-Unjoni Ewropea tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aċċess preferenzjali għas-suq tagħha fil-forma ta’ tnaqqis fuq id-dazji ordinarji tat-tariffa doganali komuni – li hija komposta minn skema ġenerali u minn żewġ skemi speċjali.

3

Bis-saħħa tal-arranġament speċjali msejjaħ “Kollox minbarra l-armi”, l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”) fl-Unjoni kienu jibbenefikaw, taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament SPĠ, minn sospensjoni totali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni.

4

Fis‑16 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika Taljana, sostnuta ulterjorment minn Stati Membri oħra, ressqet talba quddiem il-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(2) tar-Regolament SPĠ, fejn talbet l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

5

Fis‑16 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ta’ salvagwardja dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat sabiex tiġbor l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq ta’ evalwazzjoni fil-fond.

6

L-investigazzjoni kopriet l-aħħar ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Settembru 2012 sal‑31 ta’ Awwissu 2017 (iktar ’il quddiem il-“perjodu ta’ investigazzjoni”).

7

Fil‑5 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni kkomunikat dokument ta’ informazzjoni ġenerali intiż li jinforma lill-partijiet ikkonċernati, fosthom il-Gvern Kambodjan, bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien previst li d-dazji tat-tariffa doganali komuni jiġu stabbiliti mill-ġdid b’mod temporanju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat wara l-investigazzjoni ta’ salvagwardja mwettqa fuq il-bażi tal-Artikolu 22 tar-Regolament SPĠ (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni ġenerali”).

8

B’mod partikolari, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, qabel kollox, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-prodott ikkonċernat bħala r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma, importat sfuż jew imgeżwer f’pakketti individwali, u li jaqa’, f’dak il-mument, taħt is-subintestaturi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) 10063027, 10063048, 10063067 u 10063098.

9

Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni kien simili għall-prodott ikkonċernat jew kien jikkompeti direttament miegħu peress li dan għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali, huwa intiż għall-istess użu u mibjugħ permezz ta’ ċirkwiti ta’ bejgħ simili jew identiċi, għall-istess tip ta’ klijenti, bejjiegħa bl-imnut jew proċessaturi stabbiliti fl-Unjoni.

10

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni indikat li din kienet komposta mit-taħħana li kienu jipproċessaw ir-ross ikkultivat/prodott fl-Unjoni li kien jikkompeti direttament mal-prodott ikkonċernat. Kuntrarjament għat-talba tar-Repubblika Taljana, hija warrbet lill-kultivaturi tar-ross minn din id-definizzjoni u mill-evalwazzjoni tad-dannu, billi qisithom bħala fornituri ta’ materja prima u mhux bħala taħħana ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament, minkejja li hija rrilevat li kien possibbli li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikollhom ukoll riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Hija indikat ukoll li kienu ntbagħtu kwestjonarji lil ċerti kultivaturi iżda li, minħabba l-frammentazzjoni importanti tas-settur, ir-riżultati kienu juru biss stampa imperfetta ħafna tas-sitwazzjoni.

11

Sussegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-evoluzzjoni tal-konsum ta’ ross Indica fl-Unjoni fuq il-bażi ta’ data kkonvertita f’ekwivalenti ta’ ross mitħun u miġbura mill-Istati Membri, kif ukoll ta’ statistika fuq l-importazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn Eurostat. Hija kkonstatat tnaqqis ta’ 6 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

12

Fil-kuntest tal-analiżi tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, hija kkonstatat żieda sinjifikattiva tal-volum tal-importazzjonijiet mill-Kambodja kif ukoll żieda ta’ 9.7 punti perċentwali tas-sehem mis-suq miżmum mill-Kambodja, u indikat li dan tal-aħħar kien jammonta għal 25 % tal-importazzjonijiet kollha fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni.

13

Fil-kuntest tal-paragun tal-prezzijiet, il-Kummissjoni wettqet analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz. Hija ħadet inkunsiderazzjoni l-prezzijiet medji ta’ importazzjoni mill-Kambodja u l-prezzijiet ta’ bejgħ unitarji tal-industrija tal-Unjoni u wriet twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet tal-Unjoni bil-prezzijiet tal-imsemmija importazzjonijiet li jikkorrispondi għal 22 %.

14

B’hekk il-Kummissjoni qieset li l-importazzjonijiet mill-Kambodja kienu żdiedu b’mod kunsiderevoli f’termini ta’ ċifri assoluti kif ukoll f’termini ta’ sehem mis-suq matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Hija żiedet li l-prezz ta’ importazzjoni medju pponderat magħqud kien naqas matul il-perjodu ta’ investigazzjoni liema fatt kien jindika twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet tal-Unjoni.

15

Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji mġarrba mill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi, bħall-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li tilfu iktar minn 20 punti perċentwali, tal-volumi ta’ produzzjoni, li naqsu bi kważi 40 %, tal-ħażniet, li żdiedu b’4 %, u tas-superfiċji ddedikata għall-kultivazzjoni ta’ ross Indica, li naqset b’37 %.

16

Il-Kummissjoni indikat ukoll li evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi, bħall-evoluzzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, li l-evalwazzjoni tagħha hija diffiċli fid-dawl tal-possibbiltà li t-taħħana jużaw il-kapaċità tagħhom ta’ tħin kemm għar-ross Indica kif ukoll għar-ross Japonica, li r-ross jiġi kkultivat fl-Unjoni jew importat, tal-profittabbiltà tat-taħħana tal-Unjoni, li baqa’ f’livell stabbli, għalkemm baxx, kif ukoll tal-prezzijiet unitarji tar-ross Indica tat-taħħana inklużi fil-kampjun, li żdiedu b’7 %. Hija ppreċiżat li, taħt il-pressjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat bi prezz baxx, it-taħħana tal-Unjoni kienu kkonċentraw il-bejgħ tagħhom fuq volumi inqas importanti ta’ ross Indica mitħun u nofsu mitħun u kienu qiegħdu l-enfasi tagħhom fuq prodotti tad-ditta, li kien ippermetta li jinżamm livell ta’ profittabbiltà stabbli għad-detriment tas-sehem mis-suq.

17

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eskludiet il-possibbiltà li fatturi oħra, bħall-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi u d-diffikultajiet strutturali li ltaqa’ magħhom is-settur Taljan tar-ross, dgħajfu r-rabta kawżali bejn id-diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

18

Fl-osservazzjonijiet tiegħu tas‑16 ta’ Novembru 2018 dwar id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Gvern Kambodjan ikkontesta b’mod partikolari l-kalkoli tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz. Huwa sostna, b’mod partikolari, li l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni ma kinux ingħaddu fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni għar-Renju tal-Kambodja u li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ġie ddeterminat billi ttieħed bħala bażi paragun bejn prezzijiet medji mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni differenzi ta’ livell kummerċjali.

19

Skont l-investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat kien importat f’volumi u bi prezzijiet li kienu jikkawżaw diffikultajiet serji lill-industrija tal-Unjoni. Hija adottat ir-regolament ikkontestat billi bbażat ruħha, minbarra fuq id-definizzjonijiet u l-informazzjoni preżenti fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u riprodotti fl-imsemmi regolament, fuq l-elementi li ġejjin.

20

B’hekk, qabel kollox, il-Kummissjoni ppreċiżat, bi tweġiba għall-kummenti tal-partijiet ikkonċernati wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li, fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott simili jew li jikkompeti direttament miegħu, ir-ross Indica aromatiku jew ifuħ kellu jiġi inkluż ukoll fil-kamp tal-investigazzjoni.

21

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni, fil-premessi 35 sa 39 tar-regolament ikkontestat, indikat li rrevediet il-kalkoli tagħha tat-twaqqigħ tal-prezz sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kummenti tar-Renju tal-Kambodja wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. B’hekk hija aġġustat il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni biex tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ trasport tar-ross bejn in-Nofsinhar, li hija indikat bħala l-Italja u Spanja, u t-Tramuntana tal-Ewropa, billi qieset li l-kompetizzjoni relatata mar-ross Indica nofsu mitħun u mitħun fil-biċċa l-kbira ssir fit-Tramuntana tal-Ewropa. Hija ħadet inkunsiderazzjoni ammont ta’ EUR 49 għal kull tunnellata, li hija qieset fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fl-ilment tar-Repubblika Taljana u vverifikata waqt l-investigazzjoni fuq il-post. Hija aġġustat ukoll il-prezzijiet ta’ importazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, stmati għal madwar 2 % tal-prezz ta’ importazzjoni, billi bbażat ruħha fuq id-data miksuba fil-kuntest ta’ investigazzjoni preċedenti dwar prodott tal-ikel ieħor (is-satsuma). Il-Kummissjoni qalet ukoll li ħadet inkunsiderazzjoni differenzi ta’ livell kummerċjali u pparagunat il-prezzijiet ta’ bejgħ tar-ross mitħun ikkummerċjalizzat sfuż ma’ dawk tar-ross mibjugħ f’pakketti individwali. Hija waslet għall-konklużjoni li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ta’ 13 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali.

22

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-kultivaturi tar-ross tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 74 tar-regolament ikkontestat, li, għalkemm kien minnu li dawn tal-aħħar setgħu jaqilbu l-produzzjoni tagħhom mir-ross Indica lejn ir-ross Japonica, u viċi versa, tali bidla kienet madankollu mmotivata minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, b’mod partikolari d-domanda u l-prezz tas-suq. F’dan il-kuntest, hija indikat li l-investigazzjoni kienet ikkonfermat li, quddiem il-kompetizzjoni miżjuda fl-importazzjonijiet bi prezz baxx tal-prodott ikkonċernat, uħud mill-kultivaturi tar-ross ma kellhomx għażla oħra ħlief li jgħaddu għall-produzzjoni tar-ross Japonica, b’tali mod li dan la kien każ ta’ aġġustament ċikliku u lanqas ta’ għażla intenzjonata iżda miżura difensiva. Skont il-Kummissjoni, din is-soluzzjoni ma hijiex vijabbli fuq terminu medju peress li l-bidla minn ross Indica għal ross Japonica ta’ lok għal provvista eċċessiva ta’ ross Japonica fis-suq li kien ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet ta’ dan it-tip ta’ ross. Minn dan hija kkonkludiet li l-kultivaturi tar-ross kienu għalhekk, b’mod ġenerali, f’sitwazzjoni diffiċli, minkejja li din il-konstatazzjoni kellha biss piż limitat, peress li kienu t-taħħana tar-ross li kienu jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni, u mhux il-kultivaturi tar-ross, li kienu jipprovdu l-materja prima.

It‑talbiet tal‑partijiet

23

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana u minn Ente Nazionale Risi, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

25

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jqajmu sitt motivi.

26

L-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 22(1) u (2) u tal-Artikolu 23 tar-Regolament SPĠ, sa fejn, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, fit-tieni lok, il-fatturi u l-kalkoli li servew bħala bażi għall-konklużjoni dwar id-“diffikultajiet serji” kkawżati lill-industrija tal-Unjoni huma vvizzjati bi żbalji u, fit-tielet lok, l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-aġġustamenti li sarulhom huma żbaljati.

27

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 22 tar-Regolament SPĠ, sa fejn l-analiżi, imwettqa mill-Kummissjoni, tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet inkwistjoni u d-diffikultajiet serji kkawżati lill-industrija tal-Unjoni hija vvizzjata b’irregolaritajiet.

28

Il-ħames u s-sitt motivi huma bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-Artikoli 14 u 17 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat‑28 ta’ Awwissu 2013, li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali ta’ salvagwardja skont ir-Regolament SPĠ (ĠU 2013, L 293, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Delega”), moqri flimkien mal-Artikolu 38 tar-Regolament SPĠ, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tikkomunika ċerti fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, jew id-dettalji sottostanti għalihom, billi bbażat id-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

29

Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina qabel kollox l-argument tar-rikorrenti bbażat, fl-ewwel lok, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, fit-tieni lok, fuq żbalji li jivvizzjaw l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-aġġustamenti li saru fih u, fit-tielet lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega.

Fuq l‑ilmenti dwar il‑kunċett ta’ “produtturi tal‑Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament”

30

Ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 22(1) u (2) u tal-Artikolu 23 tar-Regolament SPĠ, sa fejn il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament” billi llimitatu b’riferiment għall-oriġini tal-materja prima. B’hekk hija kkunsidrat biss il-produtturi ta’ ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy prodott jew ikkultivat fl-Unjoni.

31

Issa, skont ir-rikorrenti, għalkemm il-prodott li jista’ jkun suġġett għal miżuri ta’ salvagwardja huwa prodott “li joriġina minn pajjiż benefiċjarju”, l-istess ma jgħoddx għall-“prodotti simili jew li jikkompetu direttament”. L-Artikolu 22(1) tar-Regolament SPĠ ma jiġġustifika ebda restrizzjoni bbażata fuq il-materja prima użata għall-manifattura tal-prodott simili jew li jikkompeti direttament. Il-Kummissjoni missha ħadet inkunsiderazzjoni biss il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat, tal-użu tiegħu, taċ-ċirkwiti ta’ bejgħ u tat-tipi ta’ klijenti.

32

Għaldaqstant, it-taħħana kollha tar-ross tal-Unjoni huma kkonċernati, inklużi dawk li jimmanifatturaw ross mitħun jew nofsu mitħun minn ross paddy li ma joriġinax mill-Unjoni. Issa, billi ħadet inkunsiderazzjoni biss il-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu b’mod dirett immanifatturati minn materja prima prodotti fl-Unjoni, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar id-diffikultajiet serji biss mingħand parti mill-produtturi kkonċernati.

33

Il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament SPĠ, il-“prodotti simili jew li jikkompetu direttament” huma ddeterminati fuq il-bażi tal-“prodott taħt kunsiderazzjoni”.

34

Il-“prodott taħt kunsiderazzjoni” huwa r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma. Issa, sabiex jitqies bħala li joriġina minn pajjiż, ir-ross għandu jkun ġie kkultivat jew maħsud hemmhekk. Għaldaqstant, il-korollarju tal-“prodott taħt kunsiderazzjoni” huwa r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni minn ross ikkultivat jew maħsud fl-Unjoni. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

35

Il-Kummissjoni żżid li, anki jekk hija kienet wettqet żball fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u li hija kienet ikkunsidrat li l-produtturi tal-Unjoni ta’ ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott minn ross importat kellhom jiġu inklużi fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-investigazzjoni kienet tasal għall-istess konklużjoni.

36

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament SPĠ, il-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni” huwa purament ekonomiku. Għalhekk jeħtieġ li wieħed jiffoka fuq dawk il-produtturi li jġarrbu deterjorament ekonomiku jew finanzjarju tas-sitwazzjoni tagħhom. L-oriġini tal-materja prima hija għalhekk fundamentali. Hija ssostni wkoll li l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa ġdid, għaliex ma tqajjimx matul il-proċedura amministrattiva, b’tali mod li huwa inammissibbli.

37

Ente Nazionale Risi tirreferi essenzjalment għall-argumenti tal-Kummissjoni.

38

Preliminarjament, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana li ċerti argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda peress li tqajmu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, l-istess qorti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, xejn ma jipprekludi lil parti kkonċernata milli tiżviluppa kontra deċiżjoni kkontestata motiv legali mhux imqajjem fl-istadju tal-proċedura amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il‑Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166, punti 6768 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li jużaw ross paddy prodott jew ikkultivat barra mill-Unjoni ma jistgħux jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

40

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-miżuri ta’ salvagwardja inkwistjoni f’dan il-każ jagħmlu parti mill-miżuri ta’ difiża kummerċjali msemmija fl-Artikolu 207(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punti 10, 42 u 43, u s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Novolipetsk Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑790/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:706, punti 43, 44, 6876), kif jirriżulta barra minn hekk mill-avviż ta’ ftuħ tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja maħruġa mill-Kummissjoni.

41

Issa, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 3536 u l-ġurisprudena ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jiħux post is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali iżda jillimita ruħu biex jirrileva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din id-data hijiex tali li fuqha jiġu bbażati l-konklużjonijiet li jinsiltu minnha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39).

43

Bis-saħħa tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament SPĠ, jekk prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju ta’ wieħed mill-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1(2) jiġi importat f’volumi u/jew bi prezzijiet tali li jikkawżaw, jew li jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji lill-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament miegħu, jistgħu jerġgħu jiddaħħlu d-dazji tat-tariffa doganali komuni għal dan il-prodott.

44

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-determinazzjoni tal-eżistenza jew tar-riskju ta’ diffikultajiet serji li jiltaqgħu magħhom il-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament hija bbażata fuq provi pożittivi u tinvolvi eżami oġġettiv minn naħa, tal-volum u/jew tal-prezzijiet ta’ importazzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-imsemmija produtturi.

45

Il-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, kif previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament SPĠ, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Fir-rigward ta’ kwistjoni ta’ liġi, il-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha ssir minnha.

46

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, għalkemm il-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni” ma huwiex espressament iddefinit mir-Regolament SPĠ, dan huwa immedjatament ippreżentat b’riferiment għall-prodotti partikolari li għandhom jiġu mmanifatturati mill-industrija kkonċernata. B’hekk, huma biss il-produtturi tal-Unjoni “ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament” tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż benefiċjarju ta’ wieħed mis-sistemi preferenzjali li jissemmew fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament.

47

L-għażla tal-prodott barrani li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja tiddetermina għalhekk il-kamp tal-analiżi tal-qasam ta’ produzzjoni nazzjonali jew, fi kliem ieħor, tal-prodotti simili jew li jikkompetu direttament mal-prodotti importati, li, min-naħa tiegħu, jippermetti li jiġu identifikati l-“produtturi” ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk hemm rabta bejn il-prodotti importati u l-produtturi tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ salvagwardja. Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni tiddetermina jekk il-produtturi tal-Unjoni jkunux ġarrbu jew jirriskjawx li jġarrbu diffikultajiet serji minħabba l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ salvagwardja.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-fondatezza tad-definizzjoni mill-Kummissjoni tal-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament għandha ssir fid-dawl tal-karatteristiċi tal-prodott importat kif iddefinit mill-Kummissjoni.

49

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, fl-ewwel lok, id-definizzjoni tal-prodott importat adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja u, fit-tieni lok, il-konformità tal-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “prodotti simili jew li jikkompetu direttament” u ta’ “produtturi tal-Unjoni”, adottata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-Artikolu 22 tar-Regolament SPĠ.

Fuq id-definizzjoni tal-prodott importat adottata mill-Kummissjoni fir-regolament ikkontestat

50

F’dan il-każ, mill-premessi 13 u 14 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet il-prodott importat ikkonċernat bħala r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma u li jaqa’ taħt is-subintestaturi NM 10063027, 10063048, 10063067 u 10063098.

51

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kunċett ta’ “prodott ikkonċernat”, adottat fir-regolament ikkontestat, jikkostitwixxi t-traduzzjoni konkreta tal-kunċett ġenerali ta’ “prodott taħt kunsiderazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament SPĠ, fejn ir-regolament ikkontestat għandu bħala għan l-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu fil-qasam inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “prodott taħt kunsiderazzjoni”, fis-sens tar-Regolament SPĠ, jiddeterminaw neċessarjament dawk li jiġu attribwiti lill-“prodott ikkonċernat”, fis-sens tar-regolament ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group,C‑232/14, EU:C:2016:180, punti 3839).

52

Għalkemm ir-Regolament SPĠ ma jispeċifikax b’mod espliċitu l-portata tal-kunċett ta’ “prodott taħt kunsiderazzjoni”, mill-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-punt ta’ tluq għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja jikkonsisti f’diffikultajiet serji kkawżati jew li jistgħu jiġu kkawżati mill-importazzjoni, f’ċerti volumi u/jew taħt ċerti prezzijiet, ta’ “prodott li joriġina f’pajjiż benefiċjarju” ta’ wieħed mill-arranġamenti preferenzjali msemmija f’dan ir-regolament. Għalhekk hemm lok li l-kunċett ta’ “prodott taħt kunsiderazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament SPĠ, jiġi interpretat fid-dawl tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

53

Il-premessa 23 u l-Artikolu 33 tar-Regolament SPĠ jipprevedu li r-regoli dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodott li joriġina huma stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

54

Peress li r-Regolament Nru 2454/93 tħassar, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fis-sens li jirreferu, attwalment, għar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1), li għandu jinqara flimkien mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, ĠU 2017, L 101, p. 164, ĠU 2018, L 75, p. 41, ĠU 2021, L 382, p. 60), kif ukoll mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, ĠU 2017, L 101, p. 195). Dawn tal-aħħar jiddefinixxu, b’mod partikolari, x’għandu jinftiehem bi prodott “li joriġina” minn pajjiż.

55

B’hekk, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2015/2446, huma kkunsidrati bħala li joriġinaw minn pajjiż benefiċjarju tas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati l-prodotti miksuba għalkollox f’dan il-pajjiż, fis-sens tal-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, u l-prodotti miksuba f’dan il-pajjiż li fihom materjali li ma jkunux inkisbu għalkollox hemmhekk, bil-kundizzjoni li dawn il-materjali jkunu għaddew minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti hemmhekk fis-sens tal-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament.

56

L-Artikolu 44(1) (b) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jippreċiża li għandhom jitqies li nkisbu għalkollox f’pajjiż benefiċjarju l-pjanti u l-prodotti veġetali mkabbra jew maħsuda hemmhekk.

57

L-Artikolu 47(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/2446 iżid madankollu li t-tfesdiq u t-tħin parzjali jew totali tar-ross kif ukoll l-illostrar u l-igglejżjar taċ-ċereali u tar-ross huma operazzjonijiet meqjusa bħala xogħol jew ipproċessar insuffiċjenti biex tiġi kkonferita n-natura ta’ prodotti oriġinali, irrispettivament minn jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament jiġux issodisfatti jew le.

58

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex jitqies li joriġina minn pajjiż benefiċjarju ta’ wieħed mill-arranġamenti preferenzjali, ir-ross irid ikun ġie kkultivat jew maħsud hemmhekk, jew ikun ġie suġġett għal ċertu xogħol jew ipproċessar, bl-esklużjoni tat-tfesdiq, tat-tħin parzjali jew totali, tal-illostrar u tal-igglejżjar.

59

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li jeżistu prinċipalment tliet varjetajiet ta’ ross. Ir-ross tal-ħabba tonda, ir-ross tal-ħabba mezzana, imsejjaħ ukoll Japonica, u r-ross tal-ħabba twila, imsejjaħ ukoll Indica.

60

Sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonsmati, id-diversi varjetajiet ta’ ross għandhom jiġu pproċessati. Kif jirriżulta mill-Kapitolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), jiġu ġeneralment distinti erba’ stadji tal-ipproċessar tar-ross:

ir-ross paddy: ir-ross li baqa’ bil-ħliefa wara d-dris;

ir-ross meħluf: ir-ross li minnu tneħħiet biss il-ħliefa;

Ir-ross parzjalment immaċinat jew nofsu mitħun: ir-ross li minnu tneħħew il-ħliefa, biċċa mis-sufara u s-saffi ta’ barra tal-perikarpu, kollha jew parti minnhom, iżda mhux is-saffi ta’ ġewwa;

ir-ross immaċinat jew mitħun: ross li minnu tneħħew il-ħliefa, is-saffi kollha ta’ barra u ta’ ġewwa tal-perikarpu, is-sufara kollha fil-każ tar-ross tal-ħabba twila jew mezzana, u mill-inqas parti minnha fil-każ tar-ross tal-ħabba tonda, iżda li fih jistgħu jibqgħu s-strijaturi bojod lonġitudinali fuq mhux aktar minn 10 % tal-ħabb.

61

Kemm ir-ross mitħun kif ukoll ir-ross nofsu mitħun huma għalhekk miksuba mill-ipproċessar li jġarrab ir-ross paddy. Peress li dan tal-aħħar huwa ross kif maħsud, li jkun għad għandu l-ħliefa, dan l-ipproċessar jeħtieġ mill-inqas li jkun inħelef.

62

Peress li t-tfesdiq huwa operazzjoni kkunsidrata bħala insuffiċjenti biex tagħti lir-ross in-natura ta’ prodott li joriġina, kif jirriżulta mill-Artikolu 47(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/2446 u mill-punt 57 iktar ’il fuq, ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun għandu jiġi prodott f’pajjiż benefiċjarju minn ross paddy ikkultivat jew maħsud f’dan il-pajjiż sabiex jiġi kklassifikat bħala prodott “li joriġina” mill-imsemmi pajjiż, fis-sens tal-Artikolu 22(1) u tal-Artikolu 33 tar-Regolament SPĠ.

63

F’dan il-każ, il-prodott taħt kunsiderazzjoni huwa għalhekk ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma, prodott minn ross li ġie kkultivat jew maħsud hemmhekk.

Fuq il-kunċett ta’ “prodotti simili jew li jikkompetu direttament” u d-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

64

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, kuntrarjament għall-oqsma antidumping jew antisussidji, l-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja ma humiex limitati għall-produtturi tal-Unjoni ta’ “prodotti simili”. Il-produtturi ta’ prodotti “li jikkompetu direttament” għandhom ukoll jiġu kkunsidrati.

65

Fi kwalunkwe każ, anki fil-qasam antidumping, qatt ma ġew aċċettati mill-Qorti Ġenerali argumenti intiżi li jistabbilixxu li l- “prodott taħt konsiderazzjoni” li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni għandu jinkludi biss “prodotti simili”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping”), jiġifieri “prodott[i] li jkun[u] identi[ċi], jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott[i] bħal da[w]n, prodotti [oħra] li għalkemm ma jkun[u]x l-istess f’kull lat, ikoll[hom] karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Portmeirion Group, C‑232/14, EU:C:2015:583, punt 49).

66

Peress li l-ġurisprudenza b’hekk ikkonfermat li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, il-kunċett ta’ “prodott simili” kellu jinftiehem b’mod wiesa’, l-istess għandu japplika għall-kunċett ta’ “prodott simili jew li jikkompeti direttament” fil-qasam relatat tal-miżuri ta’ salvagwardja.

67

F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet iddikjarati taħt it-Titolu 2.2 tar-regolament ikkontestat u mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy ikkultivat jew maħsud fl-Unjoni kien jikkostitwixxi l-“prodott simili jew li jikkompeti direttament”, li hija ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħu magħhom il-produtturi tal-Unjoni.

68

Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali tal-prodotti, l-użu finali tagħhom, u l-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom sabiex tiddetermina l-prodotti simili jew li jikkompetu direttament b’rabta mal-prodott ikkonċernat. Madankollu hija żiedet kriterju addizzjonali, jiġifieri dak tal-oriġini tal-materja prima.

69

Peress li applikat il-kriterju ta’ oriġini għall-prodotti kollha simili jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni, fil-premessi 22 u 23 tar-regolament ikkontestat, iddefinixxiet l-industrija tal-Unjoni b’riferiment għall-oriġini tal-provvista ta’ ross paddy tal-fabbriki tal-Unjoni, intiża għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar, u eskludiet lill-kultivaturi tar-ross, peress li kkunsidrathom biss bħala fornituri ta’ materja prima. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni b’hekk ippreċiżat li eskludiet mill-analiżi tad-dannu lil dawk tat-taħħana tal-Unjoni li jipproduċu ross Indica mitħun jew nofsu mitħun minn ross paddy importat.

70

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Regolament SPĠ jieħu ħsieb jiddefinixxi, fl-Artikolu 22(2) tiegħu, il-kunċett ta’ “prodott simili” bħala prodott identiku, jiġifieri li huwa simili f’kull rigward għall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fl-assenza ta’ tali prodott, prodott ieħor li, għalkemm ma jkunx simili f’kull rigward, ikollu karatteristiċi li jixbhu mill-qrib lil dawk tal-prodott taħt kunsiderazzjoni.

71

Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament SPĠ, il-prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju, jew prodott taħt kunsiderazzjoni, jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tad-definizzjoni tal-“prodott simili”. Kif jirriżulta mill-punt 64 iktar ’il fuq, peress li r-Regolament SPĠ jirrigwarda kemm il-“prodotti simili” kif ukoll il-prodotti “li jikkompetu direttament”, għad-determinazzjoni tal-“prodotti simili jew li jikkompetu direttament” għandhom jiġu applikati kriterji ekwivalenti għal dawk li huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-prodott taħt kunsiderazzjoni.

72

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem fis-sens li tapplika impliċitament, fuq il-prodotti simili jew li jikkompetu direttament, ir-regoli ta’ oriġini tal-prodott taħt kunsiderazzjoni.

73

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jispjega espressament l-importanza tal-kriterju ta’ oriġini fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn pajjiż benefiċjarju ta’ waħda mill-arranġamenti tariffarji preferenzjali, dan ma għamilx l-istess għall-prodotti mmanifatturati mill-produtturi tal-Unjoni. Ir-riferiment espliċitu għar-regoli ta’ oriġini fir-rigward biss tal-prodotti importati jikkontrasta mal-assenz ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens fir-rigward ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

74

Barra minn hekk, mill-premessa 23 u mill-Artikolu 33 tar-Regolament SPĠ jirriżulta espressament li r-regoli ta’ oriġini applikabbli għall-prodotti importati għandhom l-għan li jiżguraw li l-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġġeneralizzati tkun ta’ benefiċċju biss għall-pajjiżi li huma l-benefiċjarji indikati tagħha.

75

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament SPĠ hija għal kollox differenti, peress li dan la jindika u lanqas jissuġġerixxi li l-analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju fuq is-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni għandha, f’kull ċirkustanza, tieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-prodotti mmanifatturati minn dawn tal-aħħar u b’hekk tillimita dawk tal-produtturi tal-Unjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

76

Issa, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li l-oriġini tal-prodotti mmanifatturati mill-produtturi tal-Unjoni hija fattur essenzjali għad-determinazzjoni tal- “prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lil xi wħud minn dawn il-produtturi, li jimmanifatturaw prodotti li wieħed mill-elementi tagħhom huwa importat jew li l-materja prima tagħhom tkun għaddiet minn ipproċessar li jċaħħadha mill-klassifikazzjoni ta’ “prodotti li joriġinaw”, fis-sens tar-Regolament Delegat 2015/2446, mill-possibbiltà li jitolbu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja jew li jiġu inklużi f’investigazzjoni ta’ salvagwardja għas-sempliċi raġuni li l-prodott tagħhom ma’ “joriġinax” fl-Unjoni bħall-prodotti taħt kunsiderazzjoni. Ma jistax jiġi aċċettat li tali limitazzjoni kienet mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

77

Għalhekk il-Kummissjoni tiżbalja billi tikkunsidra li l-“prodotti simili jew li jikkompetu direttament” għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjoni ta’ oriġini tal-prodotti importati minn pajjiż li jibbenefika minn preferenzi tariffarji, fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament SPĠ u tar-Regolament Delegat 2015/2446.

78

Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat x’għandu jinftiehem bi “prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, fis-sens tar-Regolament SPĠ, jeħtieġ li wieħed jieħu bħala sors il-kriterji rilevanti għad-determinazzjoni, b’mod partikolari, tal-“prodott simili” jew tal-“prodott taħt konsiderazzjoni”, taħt ir-regolament antidumping, peress li, bħal fil-qasam tal-antidumping, il-kriterji ta’ determinazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ livell ta’ kompetizzjoni suffiċjenti bejn il-prodott ikkunsidrat u l-prodott simili jew li jikkompeti direttament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il-Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 150).

79

Dan huwa wisq iżjed minnu f’dan il-każ peress li, kif issemma fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, l-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja ma humiex limitati għall-produtturi tal-Unjoni ta’ “prodotti simili”, ġaladarba l-produtturi ta’ prodotti “li jikkompetu direttament” għandhom ukoll jiġu kkunsidrati.

80

Id-definizzjoni tal-prodott simili jew li jikkompeti direttament fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja għandha l-għan li tgħin fit-tfassil tal-lista tal-prodotti mmanifatturati mill-produtturi tal-Unjoni li, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett tal-evalwazzjoni tad-dannu. Għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà, il-perċezzjoni li għandu tagħhom il-konsumatur, il-kanali ta’ distribuzzjoni, il-proċess ta’ manifattura, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-kwalità (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill, T‑459/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:369, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Minn dan jirriżulta neċessarjament li prodotti li ma humiex identiċi għall-prodott ikkonċernat jistgħu jinġabru fl-istess definizzjoni tal-prodott simili jew li jikkompeti direttament u jkunu s-suġġett, flimkien, ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, JingAo Solar et vs Il‑Kunsill, T‑158/14, T‑161/14 u T‑163/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:126, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Ix-xebh tal-prodotti għandu jitkejjel billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-preferenzi tal-utenti finali, peress li d-domanda għall-prodott bażiku min-naħa tal-impriżi ta’ pproċessar tiddependi fuq it-talba tal-utenti finali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, T‑2/95, EU:T:1998:242, punt 213).

83

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jsir l-eżami tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ prodott speċifiku fil-lista ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament, jew tal-esklużjoni tiegħu mill-imsemmija lista.

84

Il-kwistjoni determinanti f’dan il-każ hija għalhekk dik dwar jekk ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni huwiex, indipendentement mill-oriġini tar-ross paddy li minnu jiġi pproċessat, simili jew li jikkompeti direttament mar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja. Kif jirriżulta mill-punti 71 u 78 sa 82 iktar ’il fuq, għal dan il-għan għandhom jiġu eżaminati diversi fatturi, bħall-karatteristiċi, l-użu u l-kanali ta’ distribuzzjoni ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ dawk tar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja, kif ukoll l-interkambjabbiltà tagħhom.

85

Peress li l-Kummissjoni diġà kkunsidrat li dan kien il-każ għar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy ikkultivat jew maħsud fl-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk dan jgħoddx l-istess għar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni minn ross paddy importat.

86

Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy importat fl-Unjoni għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali, iservi għall-istess użi finali, huwa miksi mill-istess operaturi, jinbiegħ permezz tal-istess ċirkwiti kummerċjali u huwa f’kompetizzjoni mar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy ikkultivat jew maħsud fl-Unjoni.

87

Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat, li l-konsumaturi ġeneralment ma jagħmlux differenza bejn il-prodotti tal-Unjoni u dawk importati u li l-konsumaturi li jixtru ross mingħand il-bejjiegħa bl-imnut ġeneralment ma jafux l-oriġini tal-prodott.

88

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 18 tar-regolament ikkontestat, li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li huwa prodott fl-Unjoni u dak li huwa importat għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali, huma intiżi għall-istess użu u mibjugħa permezz ta’ kanali ta’ bejgħ simili jew identiċi, lill-istess tip ta’ klijenti. Issa, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-ross Indica prodott f’pajjiż terz minn ross paddy li joriġina minn dan il-pajjiż għandu l-istess karatteristiċi essenzjali bħar-ross Indica prodott fl-Unjoni minn ross paddy li joriġina mill-Unjoni, l-istess għandu japplika għar-ross Indica prodott fl-Unjoni minn ross paddy importat minn pajjiż terz.

89

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta kif ukoll mill-minuti tas-seduta, f’dan il-każ huwa paċifiku li, mill-perspettiva tat-taħħana, ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun huwa interkambjabbli u sostitwibbli ma’ ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ieħor, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, sa fejn it-taħħana jistgħu jipproċessaw kemm ir-ross prodott fl-Unjoni kif ukoll ir-ross importat. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li dan kien l-istess prodott – fejn huwa biss l-oriġini li huwa differenti.

90

Ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun, irrispettivament mill-oriġini tal-materja prima li serviet għall-ipproċessar tiegħu, jippreżenta għalhekk karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali u għandu l-istess użu. Fi kliem ieħor, ross Indica mitħun jew nofsu mitħun huwa interkambjabbli jew sostitwibbli ma’ ross Indica ieħor mitħun jew nofsu mitħun, kemm għat-taħħana tal-Unjoni kif ukoll għall-konsumaturi.

91

B’hekk, indipendentement mill-oriġini tal-materja prima li minnha ġie pproċessat, ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni għandu jiġi kklassifikat bħala prodott simili jew li jikkompeti direttament mar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja.

92

Peress li l-analiżi tal-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-produtturi kollha tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament sabiex tikseb rappreżentazzjoni affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, il-Kummissjoni kienet obbligata, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet tar-ross Indica mill-Kambodja fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni t-taħħana kollha tal-Unjoni li jimmanifatturaw ross Indica mitħun jew nofsu mitħun, indipendentement mill-oriġini tar-ross paddy li huma jipproċessaw. Dan ma kienx il-każ hawnhekk.

93

Kif ġustament iqajmu r-rikorrenti, id-definizzjoni żbaljata tal-produtturi tal-Unjoni b’hekk ivvizzjat bi żball ukoll l-analiżi tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, peress li l-Kummissjoni eskludiet parti mill-produtturi mill-evalwazzjoni tad-dannu.

94

Kull interpretazzjoni oħra twassal sabiex il-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li tinfluwenza, u dan b’mod arbitrarju, ir-riżultat tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, billi tipproċedi għall-esklużjoni ta’ tip wieħed jew iktar tal-prodott inkwistjoni u, għaldaqstant, ta’ ċerti produtturi tal-Unjoni.

95

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-limitazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni li jipproduċu prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, biss għat-taħħana tal-Unjoni li jipproċessaw ir-ross Indica li joriġina mill-Unjoni hija fil-verità intiża li tinkludi, u dan b’mod indirett, lill-kultivaturi tar-ross tal-Unjoni fl-analiżi tad-dannu attribwit lit-taħħana ta’ ross. Fil-fatt, billi limitat id-definizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu b’riferiment għall-oriġini tal-materja prima pproċessata f’ross Indica mitħun jew nofsu mitħun il-Kummissjoni wessgħet de facto l-kamp ta’ protezzjoni għall-kultivaturi tar-ross tal-Unjoni inkwantu dawn tal-aħħar biss huma realment ikkonċernati mir-ross ikkultivat fl-Unjoni. Issa, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tinsab fil-premessi 22 u 23 tar-regolament ikkontestat – li jirreferi espliċitament biss għat-taħħana tal-Unjoni.

96

Il-Kummissjoni setgħet espressament twessa’, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni għall-kultivaturi tar-ross ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament, kif kienet stednitha tagħmel ir-Repubblika Taljana matul l-investigazzjoni. Madankollu, hija kellha għalhekk tinkludihom espliċitament fl-analiżi tad-dannu u tipproduċi provi tad-diffikultajiet serji li jiltaqgħu magħhom jew li jirriskjaw li jiltaqgħu magħhom.

97

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi limitat arbitrarjament il-kamp tal-investigazzjoni tagħha dwar id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni biss għat-taħħana ta’ ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy ikkultivat jew maħsud fl-Unjoni.

98

Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li, minkejja dawn l-iżbalji, l-investigazzjoni ta’ salvagwardja wasslet għall-istess konklużjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

99

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat, fejn għalhekk il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivi invokati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni b’motivi oħra invokati għall-ewwel darba quddiemha (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑422/12, EU:T:2017:372, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li jirrigwardaw il-fatt li l-volumi tal-importazzjonijiet ta’ ross Indica lejn l-Unjoni ma tantx kienu għoljin, jikkostitwixxu tali motivi invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

100

L-ilmenti tar-rikorrenti dwar interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament” mill-Kummissjoni għandhom għalhekk jintlaqgħu.

101

Sussidjarjament, madankollu, il-Qorti Ġenerali ser teżamina wkoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-aġġustamenti li saru fuqhom kif ukoll dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Fuq l‑ilmenti dwar l‑analiżi tat‑twaqqigħ tal‑prezzijiet u dwar l‑aġġustamenti

102

Ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 22(1) u (2) u tal-Artikolu 23 tar-Regolament SPĠ, sa fejn, waqt il-paragun tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Kambodja mal-prezzijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni aġġustat b’mod żbaljat il-prezzijiet tal-Unjoni u bbażat ruħha fuq data inċerta sabiex taġġusta l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni.

103

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li xejn ma jippermetti li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li, filwaqt li l-produzzjoni ta’ ross mitħun jew nofsu mitħun issir fin-Nofsinhar tal-Ewropa, il-kompetizzjoni marbuta magħha essenzjalment tiġi eżerċitata fit-Tramuntana. Id-data ta’ Eurostat dwar l-importazzjonijiet mill-Kambodja u ċerti tweġibiet għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni tindika li parti sinjifikattiva tal-importazzjonijiet tikkonċerna n-Nofsinhar tal-Ewropa. L-aġġustament tal-prezzijiet kollha tal-Unjoni jagħmel għalhekk mhux ekwu l-paragun mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Kambodja, sa fejn dawn tal-aħħar ma ġarrbux l-istess aġġustament. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni missha għalhekk ipparagunat il-prezzijiet tar-Renju tal-Kambodja wara l-importazzjoni mal-prezzijiet ta’ tluq mill-fabbrika tat-taħħana tal-Unjoni.

104

Ir-rikorrenti jżidu li, fil-qasam antidumping, l-aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport jista’ jsir biss f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u għandu jkun limitat għall-bejgħ li huwa speċifikament ikkonċernat mill-imsemmija ċirkustanzi. Issa, f’dan il-każ, ebda ċirkustanza eċċezzjonali ma tiġġustifika l-esklużjoni tal-metodu normali ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni missha identifikat il-proporzjon tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li kien jiġġustifika aġġustament.

105

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw il-validità u l-affidabbiltà tad-data ewlenija li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina li l-ispejjeż ta’ trasport fl-Unjoni kienu jammontaw għal ammont uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata u li l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni mill-Kambodja kienu jikkorrispondu għal madwar 2 % tal-prezz tal-importazzjoni. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, huma jsostnu li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data miġbura f’investigazzjoni ta’ salvagwardja li tikkonċerna l-mandolina satsuma tal‑2004, l-ispejjeż ikkunsidrati ma humiex attwali u l-kundizzjonijiet ta’ trasport tal-mandolina satsuma huma differenti minn dawk tar-ross.

106

Il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament SPĠ ma jeżiġi ebda analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz peress li l-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament isemmi biss importazzjonijiet “f’volumi u/jew bi prezzijiet” li jikkawżaw diffikultajiet serji. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ prova meħtieġ u l-livell ta’ dettall ta’ tali analiżi huma iktar baxxi f’investigazzjoni mwettqa fil-kuntest tar-Regolament SPĠ milli fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping.

107

Fir-rigward tal-aġġustament tal-prezzijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-kompetizzjoni bejn ir-ross Indica li joriġina mill-Unjoni u dak li joriġina mill-Kambodja ssir fit-Tramuntana tal-Ewropa, irrispettivament minn jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jitqiesu bħala eċċezzjonali jew le. Il-fatt li n-Nofsinhar tal-Ewropa jikkonsma prinċipalment ross Japonica, filwaqt li t-Tramuntana jiffavorixxi r-ross Indica huwa fatt evidenti muri mid-distribuzzjoni ġeografika tal-esportazzjonijiet ta’ ross Indica mill-Kambodja lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, dan l-aġġustament ta’ ammont ta’ EUR 49 għal kull tunnellata huwa bbażat fuq provi oġġettivi u jikkostitwixxi prattika komuni inkluż fil-proċeduri antidumping.

108

Hija żżid li, anki li kieku l-aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport fl-Unjoni ma tteħidx inkunsiderazzjoni, il-prezzijiet Kambodjani kienu, fi kwalunkwe każ, wasslu għal twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ta’ mill-inqas 5.4 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 8.5 % għall-bejgħ f’pakketti individwali, li, flimkien mal-fatturi l-oħra eżaminati mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament SPĠ.

109

Fir-rigward tal-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li, peress li r-rikorrenti naqsu milli jindikaw ammont konkret tal-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, hija bbażat ruħha fuq data tal‑2014 li tirriżulta minn eżami mill-ġdid tal-iskadenza ta’ miżuri antidumping imposti fuq ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat.

110

Ir-Repubblika Taljana taqbel mal-argumenti tal-Kummissjoni u żżid li l-evalwazzjoni tad-diffikultajiet serji tista’ tkun ibbażata esklużivament fuq il-volumi u l-ishma tas-suq. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tar-Regolament SPĠ ma jirrikjedix li r-raġuni għad-diffikultajiet serji identifikati mill-Kummissjoni tkun esklużiva, u lanqas li din tkun ċerta.

111

Ente Nazionale Risi taqbel, essenzjalment, mal-argumenti tal-Kummissjoni.

112

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li minn qari flimkien tal-Artikolu 22(1) u tal-Artikolu 23(j) tar-Regolament SPĠ jirriżulta li l-prezzijiet tal-prodotti importati u tal-prodotti simili jew li jikkompetu direttament huma wieħed mill-fatturi essenzjali li l-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi intiża li tiddetermina l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji kkawżati jew li jistgħu jiġu kkawżati lill-produtturi tal-Unjoni mill-importazzjonijiet inkwistjoni.

113

Issa, ir-Regolament SPĠ ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ prezz u ma jipprevedix obbligu espress li ssir analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u lanqas ta’ metodu ta’ kalkolu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-effett tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fuq l-industrija tal-Unjoni.

114

Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament SPĠ jirreferu għall-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi stabbilit li l-volumi u/jew il-prezzijiet tal-importazzjonijiet ta’ prodott taħt kunsiderazzjoni jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament u, fl-aħħar mill-aħħar, li jistabbilixxu mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni sabiex jintemm temporanjament id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u/jew finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni.

115

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, iktar milli metodu wieħed, jeżistu diversi metodi ta’ analiżi li jippermettu li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament SPĠ ġewx issodisfatti. Issa, l-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tippreżupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, b’tali mod li l-Kummissjoni għandha ċerta setgħa diskrezzjonali meta tagħżel il-metodu li skontu għandu jiġi vverifikat jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx issodisfatti.

116

Madankollu, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, dan ma jfissirx illi l-qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika.

117

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet li jinsiltu minnha.

118

F’dan il-każ, mill-premessi 61, 64, 76 u 77 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha kemm fuq il-volumi kif ukoll fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet ta’ ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja sabiex tikkonkludi li dawn kienu jikkawżaw diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament, ħaġa li barra minn hekk hija kkonfermat waqt is-seduta.

119

F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punti 13 sa 21 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wettqet analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz li permezz tagħha hija wriet, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, twaqqigħ tal-prezzijiet tal-Unjoni, permezz tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Kambodja, li jikkorrispondi għal 22 %.

120

Wara l-komunikazzjoni ta’ dan id-dokument, ir-Renju tal-Kambodja, b’mod partikolari, staqsa jekk l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz. Bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, fosthom dawk tar-Renju tal-Kambodja, il-Kummissjoni rrevediet il-kalkoli tagħha tat-twaqqigħ tal-prezz u aġġustat, minn naħa, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ammont uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata bħala spejjeż ta’ trasport tar-ross min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropa u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-importazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, stmati għal madwar 2 % tal-prezz tal-importazzjoni. Wara li indikat li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni wkoll differenzi ta’ stadju kummerċjali u pparagunat il-prezzijiet tal-bejgħ tar-ross mitħun ikkummerċjalizzat sfuż ma’ dawk tar-ross mibjugħ f’pakketti individwali, hija waslet għall-konklużjoni li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ta’ 13 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali.

121

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, minkejja tali aġġustamenti mwettqa matul il-proċedura amministrattiva, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kkawżata mill-importazzjonijiet tar-ross Indica mill-Kambodja huma bbażati fuq twaqqigħ tal-prezzijiet qabel l-aġġustamenti, jiġifieri twaqqigħ tal-prezz ta’ 22 %, kif jirriżulta mill-premessi 56, 60 u 63 tar-regolament ikkontestat.

122

Ċertament, il-Kummissjoni, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, indikat li naqset milli tikkoreġi dawn l-indikazzjonijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ 22 %, u li l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz speċifikati fil-premessi 56, 60 u 63 tar-regolament ikkontestat kellhom jinqraw bħala li huma ta’ 13 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, għalkemm il-premessi 56 u 60 tar-regolament ikkontestat huma identiċi għall-premessi 41 u 44 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-premessa 63 tar-Regolament ikkontestat ġiet miżjuda sussegwentement u li t-twaqqigħ tal-prezz ta’ 22 % ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

123

Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi kkonkludiet, fir-regolament ikkontestat, li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni marret lura f’termini ekonomiċi sa fejn din kienet suġġetta għal tnaqqis kunsiderevoli tal-prezzijiet ugwali għal 22 %.

124

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, kif tqajjem ġustament il-Kummissjoni, jekk parti titlob aġġustamenti intiżi li jagħmlu paragunabbli l-prezzijiet tal-importazzjoni u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata. B’hekk, meta produttur jitlob l-applikazzjoni ta’ aġġustament, bħala prinċipju ’l isfel, huwa dan l-operatur li għandu jindika u juri li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali aġġustament huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Bl-istess mod, hija l-Kummissjoni, meta tqis li għandha tagħmel aġġustament, li għandha tibbaża ruħha fuq provi, jew tal-inqas fuq indizji konverġenti, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li fuq il-bażi tiegħu sar l-aġġustament u li tiddetermina l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 5861 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

F’dan il-każ, fil-premessi 34 u 35 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li r-Renju tal-Kambodja “[kien] qajjem dubji dwar il-metodoloġija użata [minnha] biex tikkalkula l-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet”, li skont l-allegazzjonijiet tiegħu “l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni ma ġewx miżjuda biex jiġi kkalkulat il-prezz tal-esportazzjoni tal-Kambodja” u li “[f]id-dawl tal-argumenti li waslu [...], [hija kienet iddeċidiet] li tirrevedi l-kalkoli tagħha dwar it-twaqqigħ, sabiex tinkludi l-kostijiet rilevanti ta’ wara l-importazzjoni jew tat-trasport”.

127

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet, wara osservazzjonijiet fuq id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, aċċettat in-neċessità li tagħmel aġġustamenti għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 125 iktar ’il fuq, hija għalhekk kellha tibbaża ruħha fuq provi, jew fuq indizji konverġenti, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fatturi li għalihom kienu saru l-aġġustamenti u li tiddetermina l-effett tagħhom fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, u l-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-affidabbiltà, il-koerenza u r-rilevanza tal-provi invokati mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tagħha.

128

Il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni jitwettaq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet u jintuża, b’mod usa’, bil-għan li jiġi evalwat dan id-dannu u li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, jiġifieri l-livell ta’ eliminazzjoni tal-imsemmi dannu. L-eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet jeżiġi li jitwettaq paragun ġust bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-imsemmija industrija meta jsir il-bejgħ fit-territorju tal-Unjoni. Sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa ta’ dan il-paragun, il-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali. Fil-fatt, paragun imwettaq bejn prezzijiet miksuba fi stadji kummerċjali differenti, jiġifieri mingħajr ma jiġu inklużi l-ispejjeż kollha relatati mal-istadju kummerċjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jagħti neċessarjament lok għal riżultati artifiċjali li ma jippermettux evalwazzjoni korretta tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Tali paragun ġust jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tad-dannu lil din l-industrija (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 239 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129

L-ewwel, fir-rigward tal-aġġustament tal-prezzijiet tal-Unjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ trasport min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropea u li jammontaw għal EUR 49 għal kull tunnellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prassi li tikkonsisti fil-paragun tal-prezzijiet “mill-fabbrika”, mingħajr spejjeż ta’ trasport, tal-prodotti tal-industrija tal-Unjoni mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet “kost, assigurazzjoni, nol” (CIF) mal-fruntiera tal-Unjoni ġiet irrikonoxxuta numru ta’ drabi mill-ġurisprudenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational CompanyKazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 55, u tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jidal Saw Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 243 sa 249; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni, 181/85, EU:C:1986:491, p. 708 u 709).

130

Fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali aġġustament, li għandhom l-għan li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż neċessarji sabiex il-prodott jitwassal lejn il-post fejn isseħħ il-kompetizzjoni, jiġifieri t-Tramuntana tal-Ewropa, u tirreferi għall-prassi tiegħu implimentata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) 2019/1688 tat‑8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2019, L 258, p. 21, rettifika fil-ĠU 2019, L 259, p. 86), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) 2019/576 tal‑10 ta’ April 2019 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2019, L 100, p. 7).

131

Issa, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, fil-premessi 108 sa 110 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1688 u fil-premessi 127 u 129 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/576, il-Kummissjoni spjegat li l-prassi abitwali tagħha kienet tikkonsisti fl-ipparagunar tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni tal-produtturi-esportaturi mal-prezz mill-fabbrika tal-produtturi tal-Unjoni. Minn dawn il-premessi jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni titbiegħed minn dan l-approċċ standard u taġġusta ċertu bejgħ tal-industrija tal-Unjoni meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkustanzi eċċezzjonali. Hija tindika għalhekk li tista’ tillimita l-aġġustament għall-proporzjon tal-bejgħ ikkonċernat mis-sitwazzjoni eċċezzjonali.

132

F’dan il-każ, il-Kummissjoni b’ebda mod ma ssostni l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali fir-regolament ikkontestat li jiġġustifikaw li, fir-rigward tal-bejgħ ta’ ross Indica fl-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ trasport min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropa. Hija tinvoka ċ-ċirkustanzi tal-każ biss fl-istadju tal-kontroreplika, filwaqt li kienet invokat tali ċirkustanzi partikolari fit-test stess tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni li hija tiċċita.

133

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkomunikat ebda prova jew indizju affidabbli u rilevanti insostenn tal-affermazzjoni tagħha li huwa “fatt evidenti” li l-post fejn isseħħ il-kompetizzjoni tar-ross Indica fl-Unjoni huwa t-Tramuntana tal-Ewropa, fejn għalhekk kien neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni wara t-trasport tar-ross Indica kollu mitħun jew nofsu mitħun min-Nofsinhar tal-Ewropa lejn it-Tramuntana tal-Ewropa u li ma jiġux aġġustati l-ispejjeż ta’ trasport skont il-proporzjon ta’ bejgħ ta’ ross fiż-żoni ġeografiċi differenti tal-Unjoni.

134

Fil-fatt, qabel kollox, għalkemm, fil-premessa 36 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li n- “nofsinhar” tal-Ewropa kienet komposta mill-Italja u minn Spanja, hija ddefinixxietha, fir-risposta tagħha, bħala li hija komposta mill-Italja, minn Spanja u mill-Greċja, li magħha żiedet, ulterjorment, il-Portugall.

135

Sussegwentement, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet żewġ pubblikazzjonijiet li fihom dan il-fatt “evidenti” huwa msemmi u spjegat minn statistika.

136

Issa, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li din hija folja ta’ informazzjoni dwar ir-ross maħruġa mill-Kummissjoni, li fiha huwa ddikjarat, mingħajr ma din id-dikjarazzjoni hija ssostanzjata minn provi, li “r-ross Indica (long grain) huwa r-ross ‘tradizzjonali’ Asjatiku, li jirrappreżenta [madwar] 25 % tal-produzzjoni ta’ ross fl-Unjoni u li huwa prinċipalment ikkonsmat fit-Tramuntana tal-Ewropa”.

137

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni pproduċiet tabella, ippubblikata f’artikolu ta’ Diċembru 1995 dwar il-kwalità tar-ross fl-Unjoni, li tistabbilixxi stima numerika tal-konsum ta’ ross Indica u ta’ ross Japonica matul is-snin 1993 u 1994 għal kull wieħed mit-tnax-il pajjiż li dak iż-żmien kienu membri tal-Unjoni.

138

Filwaqt li din it-tabella tagħti tagħrif dwar ix-xejriet ta’ konsum ta’ ross fl-Unjoni ta’ 30 sena ilu, tali xejriet setgħu nbidlu b’mod sinjifikattiv, kif ġustament sostnew ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni u fis-seduta. Minn dan id-dokument jirriżulta wkoll li l-Italja, Spanja, il-Greċja u l-Portugall iżommu madwar 11.8 % tal-konsum ta’ ross Indica tal-Unjoni u l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li 12 % tal-importazzjonijiet mill-Kambodja kienu ser imorru lejn dawn il-pajjiżi tan- “nofsinhar”.

139

Fl-aħħar nett, għalkemm, fil-premessa 36 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tindika li bbażat ruħha fuq informazzjoni li tinsab fl-ilment u vverifikata waqt l-investigazzjoni fuq il-post, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-Repubblika Taljana ma jinkludi ebda informazzjoni relatata mal-ispejjeż ta’ trasport fl-Unjoni ta’ tali ammont u li l-verifiki li l-Kummissjoni wettqet waqt l-investigazzjoni fuq il-post ma jagħmlux parti mill-fajl.

140

Fl-istadju tar-risposta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-provi oġġettivi li jiġġustifikaw aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport fl-Unjoni, li jammontaw għal EUR 49 għal kull tunnellata, jiġifieri dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Taljana tat-Taħħana tar-Ross (AIRI), ivverifikata fuq il-post għand żewġ taħħana Taljani li kienu jagħmlu parti mill-kampjun, kienu jinsabu fil-fajl, iżda ma kinux aċċessibbli għar-rikorrenti minħabba talba għal trattament kunfidenzjali. Hija żiedet li, anki fl-assenza ta’ aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport, l-analiżi kienet turi l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ta’ mill-inqas 5.4 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 8.5 % għall-bejgħ f’pakketti individwali.

141

Ċertament, l-aċċess tal-partijiet għall-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huwa, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Delegat, kif jirriżulta mill-punt 171 iktar ’il quddiem, espressament ristrett min-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Il-prinċipji li jirregolaw id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet għandhom, konsegwentement, jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità, u b’mod partikolari mal-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirrispettaw is-sigriet kummerċjali (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Donex Shipping and Forwarding, C‑104/19, EU:C:2020:159, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142

Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivi invokati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni b’motivi oħra invokati għall-ewwel darba quddiemha. Issa, dan huwa l-każ tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li permezz tagħhom hija tafferma, mingħajr ma tispjega ulterjorment, li, fl-assenza ta’ aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Kambodja kienu xorta waħda kkawżaw twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ta’ mill-inqas 5.4 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 8.4 % għall-bejgħ f’pakketti individwali.

143

Ir-rifjut ta’ żvelar tal-informazzjoni inkwistjoni ma jistax barra minn hekk jiġi ġġustifikat permezz ta’ motiv invokat matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 153).

144

Fi kwalunkwe każ, diġà ġie deċiż li l-informazzjoni neċessarja biex jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq, aġġustament kontenzjuż kienx xieraq ma hijiex data kunfidenzjali, sa fejn għandu jiġi ddefinit, billi jiġi mmotivat, l-istadju kummerċjali tal-prodotti tal-Unjoni li jikkorrispondi għal dak tal-prodotti importanti u li jsir aġġustament xieraq biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha marbuta miegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 86).

145

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament tinvoka l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kollha li ppermettiet li jiġi konkluż li kien hemm aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport fl-Unjoni ta’ ammont uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata.

146

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni, fit‑8 ta’ Frar 2022, wara mistoqsijiet u fuq talba għall-produzzjoni ta’ dokument tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tenniet li d-dikjarazzjoni tal-AIRI kienet kunfidenzjali.

147

Madankollu, fl‑10 ta’ Frar 2022, hija indikat li kienet kisbet konferma mill-AIRI li, fid-dawl taż-żmien li għadda mill-proċedura amministrattiva, it-talba għal kunfidenzjalità relatata mad-dikjarazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ trasport ma kinitx inżammet. Hija żiedet li hija kienet ser tipproduċi l-imsemmija dikjarazzjoni fit‑18 ta’ Frar 2022, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, u li l-partijiet kollha setgħu jaċċedu għaliha.

148

Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni pproduċiet biss skambju ta’ posta elettronika bejnha u Ente Nazionale Risi, li fih hemm screenshot li jirrappreżenta tabella tal-ispejjeż ta’ trasport tar-ross bl-ingrossa u fi xkejjer kbar. L-ammont ta’ EUR 49 huwa msemmi hemmhekk bħala li jikkorrispondi għall-ispejjeż tat-trasport tar-ross fi xkejjer kbar ittrasportati mill-Italja lejn il-Belġju. Min-naħa l-oħra, id-dokument sors li minnu toriġina din id-data, jew il-kalkoli li ppermettew li wieħed jasal għaliha, ma ġiex ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali.

149

Għalhekk, it-tqassim ġeografiku sottostanti għall-“fatt evidenti” li l-kompetizzjoni tar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun fl-Unjoni sseħħ fit-Tramuntana tal-Ewropa ma huwiex issostanzjat minn provi affidabbli u rilevanti. L-istess jgħodd għall-għażla tal-Kummissjoni li tapplika għall-produzzjoni kollha ta’ ross Indica fl-Unjoni r-rata uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata bħala spejjeż tat-trasport, mingħajr ma tillimita l-aġġustament għal ċertu proporzjon tal-bejgħ ta’ ross Indica mitħun u nofsu mitħun mill-Unjoni li effettivament jeħtieġ tali trasport min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropa.

150

It-tieni, fir-rigward tal-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 36 tar-regolament ikkontestat, li bbażat ruħha fuq “data miksuba fil-qafas tal-investigazzjoni preċedenti dwar prodott ieħor tal-ikel, jiġifieri [l-mandolina] satsuma”. Min-naħa l-oħra hija ma kkomunikatx prova affidabbli u koerenti, u lanqas indizju konverġenti, dwar l-investigazzjoni inkwistjoni u dwar id-data li ppermettiet li jiġi konkluż li l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni kellhom jiġu stmati f’dan il-każ għal madwar 2 % tal-prezz tal-importazzjoni.

151

Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti esprimew l-ipoteżi li din kienet investigazzjoni tal-2003/2004, u qajmu lmenti dwar l-użu ta’ tali data preċedenti, il-Kummissjoni, fl-istadju tar-risposta, ikkonfutat din l-ipoteżi u ppreċiżat li din kienet data tal‑2014 li l-provenjenza tagħha kienet minn eżami mill-ġdid tal-iskadenza ta’ miżuri antidumping stabbiliti fuq ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat.

152

Ċertament, diġà ġie kkunsidrat, f’kawża li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina, li aġġustament ta’ 2 % tal-prezz tal-importazzjoni kien modest, b’tali mod li kien raġonevoli li jitqies li dan kien jinkludi biss l-ispejjeż sostnuti sal-wasla tal-merkanzija fil-maħżen tal-importatur (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 85).

153

Madankollu, anki jekk jitqies li r-rikorrenti misshom fehmu li l-aġġustament inkwistjoni kien meħud minn investigazzjoni tal‑2014 u kien jinkludi biss l-ispejjeż inkorsi sal-wasla tal-merkanzija fil-maħżen tal-importatur, ebda element minn fost dawk li ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva jew li jinsabu fir-regolament ikkontestat ma jirrigwarda l-kwistjoni għalfejn dan l-istadju tal-katina ta’ distribuzzjoni tal-prodotti importati huwa l-ekwivalenti tal-livell “tramuntana tal-Ewropa”, tal-industrija tal-Unjoni, u lanqas f’xiex il-prezzijiet ta’ trasport tal-mandolina satsuma huma ekwivalenti għal dawk tar-ross, prodott niexef u li jeħżien inqas faċilment, u, konsegwentement, għalfejn dan l-aġġustament huwa xieraq f’dan il-każ.

154

Għalhekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika dan l-aġġustament ma humiex suffiċjentement konvinċenti, jew huma ineżistenti, u ma jistgħux jitqiesu bħala provi, u lanqas bħala indizji konverġenti, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li fuq il-bażi tiegħu sar l-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni u li jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet.

155

It-tielet, fir-rigward tal-aġġustament tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi ta’ stadju kummerċjali u sabiex jiġu pparagunati l-prezzijiet tar-ross mitħun mibjugħ sfuż ma’ dawk tar-ross mibjugħ f’pakketti individwali, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni la pproduċiet prova insostenn ta’ dan l-aġġustament, u lanqas indizju li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fatturi li għalihom sar dan l-aġġustament u li jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet.

156

Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq provi, jew indizji, affidabbli u rilevanti li jippermettu li tiġi ssostanzjata d-deċiżjoni tagħha li twettaq aġġustamenti fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

157

Għaldaqstant, għandhom ukoll jintlaqgħu l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti fuq il-prezzijiet tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-importazzjoni.

Fuq l‑ilmenti bbażati fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti u tal‑obbligu li jiġu kkomunikati l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali jew id‑dettalji sottostanti għalihom

158

Ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll tal-Artikolu 17(1) sa (4) tar-Regolament Delegat, moqri flimkien mal-Artikolu 38(3) tar-Regolament SPĠ, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiżvela, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġu stabbiliti mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja, ċerti fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, jew id-dettalji sottostanti għalihom, li fuq il-bażi tagħhom hija adottat id-deċiżjoni finali tagħha.

159

Qabel kollox, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni la kkomunikatilhom l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, u lanqas l-aġġustamenti li saru wara l-osservazzjonijiet li segwew il-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, u lanqas id-data ewlenija relatata miegħu, dwar l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, l-ispejjeż tat-trasport tar-ross min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropa, kif ukoll id-distinzjoni bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ sfuż u l-prezzijiet ta’ bejgħ f’pakketti individwali.

160

Il-Kummissjoni lanqas ma kkomunikat id-data li fuqha bbażat il-kalkolu tal-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu, bħall-ishma tas-suq u l-volumi ta’ bejgħ, l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-importazzjonijiet u tal-prezzijiet tagħhom, inkluża d-data rċevuta mill-Istati Membri u minn Eurostat u ċ-ċifri stabbiliti fuq il-bażi tagħhom, u lanqas l-analiżi li permezz tagħha hija applikat ir-rata ta’ konverżjoni tar-ross nofsu mitħun f’ekwivalenti ta’ ross mitħun.

161

Issa, dawn l-elementi huma manifestament fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, u d-data użata f’dan ir-rigward huma dettalji sottostanti għalihom, fejn għalhekk, skont l-Artikolu 17(1) sa (4) tar-Regolament Delegat, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tikkomunikahom, inkluża d-data pubblikament aċċessibbli.

162

Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm l-osservazzjonijiet tagħhom wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali ppermettew li jitnaqqas b’mod qawwi l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz minn 22 % għal 13 % għall-bejgħ sfuż u għal 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali, ma huwiex eskluż li l-komunikazzjoni tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-aġġustamenti li saru hemmhekk, tad-data ewlenija f’dan ir-rigward kif ukoll tal-elementi importanti oħra ppermettewlhom jifformulaw osservazzjonijiet addizzjonali. Billi ma kkomunikatx din l-informazzjoni, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, hija ċaħħdithom mill-possibbiltà li jesponu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, ħaġa li setgħet twassalha biex tbiddel uħud mill-konstatazzjonijiet tagħha u twassal għal tnaqqis addizzjonali tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz, jew saħansitra biex tqiegħed inkwistjoni l-analiżi tar-rabta kawżali bejn id-diffikultajiet serji allegati u l-importazzjonijiet tar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja.

163

Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, ebda wieħed mill-elementi mhux ikkomunikati ma kien kunfidenzjali. Anki li kieku kellu jitqies li xi wħud minnhom kienu kunfidenzjali, skont l-Artikolu 38(3) u (5) tar-Regolament SPĠ, dawn l-elementi misshom kienu s-suġġett ta’ talba għal trattament kunfidenzjali u, fi kwalunkwe każ, kellhom jiġu kkomunikati f’termini ġenerali jew f’forma ta’ sunt.

164

Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u d-data sottostanti għaliha setgħu jinftiehmu mir-rikorrenti, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li kienu jirrigwardaw il-prezz tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Kambodja u l-prezzijiet unitarji tat-taħħana tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Għalkemm hija tammetti li ma kkomunikatx l-aġġustamenti tal-imsemmija analiżi u l-elementi sottostanti għalihom, hija żżid li dawn saru wara l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fuq id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u li dawn wasslu għal tnaqqis tat-twaqqigħ tal-prezz, b’tali mod li jiffavorixxu lir-rikorrenti. Barra minn hekk, hija tippreċiża li t-twaqqigħ tal-prezzijiet huwa biss element fost oħrajn li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati d-diffikultajiet serji kkawżati lill-industrija tal-Unjoni.

165

Il-Kummissjoni żżid li d-data sottostanti għall-aġġustament relatat mal-ispejjeż ta’ trasport min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropa ma kinitx aċċessibbli għar-rikorrenti minħabba talba għal trattament kunfidenzjali.

166

Sussegwentement, fir-rigward tal-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu, għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn huma fatti essenzjali, hija tallega li dawn kienu inklużi fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Fir-rigward tad-data li fuq il-bażi tagħha ġew ikkalkolati dawn l-indikaturi, dawn b’ebda mod ma huma fatti u lanqas kunsiderazzjonijiet essenzjali li għandhom jiġu kkomunikati lir-rikorrenti. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar setgħu jwettqu l-kalkoli tagħhom stess fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali jew pubblikament aċċessibbli.

167

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-Artikolu 16(1) tar-Regolament Delegat u għall-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/339 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tal‑21 ta’ Frar 2019, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti kummerċjali (ĠU 2019, L 60, p. 20), li jipprevedu l-possibbiltà għal uffiċjal tas-seduta li jintervjeni fuq talba tal-partijiet sabiex jeżamina, b’mod partikolari, ir-rifjut li jiġi pprovdut aċċess għall-fajl ikkostitwit u l-kawżi li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità tad-dokumenti.

168

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rikorrenti misshom talbu, matul il-proċedura amministrattiva, l-aċċess għad-data li tat lok għall-indikaturi tal-konsum u ta’ dannu kif ukoll tal-kalkolu relatat mar-rata ta’ konverżjoni tar-ross. Għaldaqstant, huma ma għandhomx iktar ġustifikazzjoni jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

169

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-eventwali irregolaritajiet dovuti għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti ta’ ċerta informazzjoni ma jistgħux iwasslu għall-annullament tar-regolament ikkontestat peress li r-rikorrenti ma wrewx li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku tali informazzjoni ġiet ikkomunikata lilhom.

170

Ir-Repubblika Taljana u Ente Nationale Risi jirreferu essenzjalment għall-argumenti tal-Kummissjoni.

171

L-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat, intitolat “Divulgazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni tiddivulga d-dettalji sottostanti tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet li tieħu.

2.   Id-divulgazzjoni ssir bil-miktub. Din ikun fiha s-sejbiet tal-Kummissjoni u tirrifletti l-intenzjoni tagħha tintroduċix mill-ġdid jew le d-dazji normali tat-Tariffa Doganali Komuni.

3.   Id-divulgazzjoni ssir, filwaqt li titqies il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u normalment, mhux aktar tard minn 45 jum qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proposta għal azzjoni finali u fi kwalunkwe każ fi żmien xieraq għall-partijiet biex jgħaddu l-kummenti tagħhom u biex dawk il-kummenti jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni. F’każ li l-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tiddivulga xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn jiġu divulgati kemm jista’ jkun malajr wara.

4.   Id-divulgazzjoni hija bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed, iżda meta tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn jiġu divulgati kemm jista’ jkun malajr.

5.   Il-preżentazzjonijiet li jsiru wara d-divulgazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk ikunu waslu f’perjodu li f’kull każ, għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, li jkun mill-inqas 14-il jum, filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni. ”

172

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma tikkundizzjona l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal kull talba, magħmula mill-partijiet ikkonċernati, li tkun tirrigwarda dawk id-dettalji sottostanti għall-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija prevista miżura ta’ salvagwardja u li dwarhom ir-rikorrenti jixtiequ jkollhom għarfien.

173

L-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha r-rikorrenti misshom talbu l-aċċess għad-data inkwistjoni, hija bbażata fuq is-sistema tal-proċedura antidumping, li fil-kuntest tagħha r-Regolament antidumping jagħti lil ċerti persuni kkonċernati drittijiet u garanziji proċedurali, li l-eżerċizzju tagħhom jiddependi madankollu mill-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn il-persuni fil-proċedura nnifisha, li għandha tesprimi ruħha, minn tal-inqas, permezz tat-tressiq ta’ talba bil-miktub f’terminu speċifiku (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding,C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 70).

174

Għalkemm il-possibbiltà li tiġi riċevuta informazzjoni finali u, sussegwentement, li jitressqu osservazzjonijiet f’dan ir-rigward hija, fil-kuntest tar-Regolament antidumping, suġġetta għat-tressiq ta’ talba lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra tali talba ma hijiex meħtieġa mill-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat.

175

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Delega u l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni 2019/339 jirrigwardaw l-intervent ta’ uffiċjal tas-seduta matul il-fażi amministrattiva u jirrigwardaw is-sitwazzjoni speċifika fejn il-partijiet ikkonċernati ressqu talba għal aċċess għall-fajl ikkostitwit jew għal dokument partikolari, li dan l-aċċess ġie rrifjutat mill-Kummissjoni u li għandha tiġi deċiża, b’mod partikolari, tilwima dwar il-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti.

176

Issa, dan id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jitolbu aċċess bil-miktub għall-fajl matul il-fażi amministrattiva u l-kwistjoni tal-intervent eventwali tal-uffiċjal tas-seduta fil-każ ta’ rifjut jew ta’ tilwima dwar il-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti huma distinti mill-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika d-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija mmotivat id-deċiżjoni definittiva tagħha fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat.

177

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kienu suġġetti għal ebda obbligu preliminari li jitolbu, matul il-proċedura amministrattiva, l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat sabiex ikunu jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti Ġenerali ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

178

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-drittijiet tad-difiża jinkludu kemm id-dritt għal smigħ kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl u jinsabu fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

Peress li l-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti li jistabbilixxu miżuri ta’ salvagwardja jistgħu jaffettwaw il-partijiet ikkonċernati b’mod dirett u individwali u jwasslu għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva ċerti prinċipji u garanziji proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 7476).

180

Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fit-twettiq tad-dmir ta’ informazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza kollha meħtieġa billi jfittxu li jagħtu lill-impriżi kkonċernati, sa fejn l-osservanza tas-sigriet tan-negozju tibqa’ żgurata, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom u billi jagħżlu, jekk ikun il-każ ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u dwar il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet tagħha u tevalwa l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji kkawżati jew li jistgħu jiġu kkawżati lill-industrija tal-Unjoni li jirriżultaw mill-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181

B’mod partikolari, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod sfavorevoli (sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI,C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 58).

182

In-natura utli tas-sottomissjoni tal-fehma tal-persuna kkonċernata tirrikjedi għalhekk li din il-fehma setgħet tiġi sottomessa fil-ħin meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni kollha meħtieġa, tevalwa r-rilevanza tagħha għall-kontenut tal-att li jkun se jiġi adottat.

183

Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ salvagwardja adottati fuq il-bażi tar-Regolament SPĠ, l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat jistabbilixxi ċerti modalitajiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom u għalhekk jimmaterjalizza d-dritt għal smigħ tagħhom. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-obbligu għall-Kummissjoni li tikkomunika d-dettalji sottostanti għall-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.

184

Tali obbligu huwa meħtieġ, a fortiori, fir-rigward tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali nnifishom, u dan iktar u iktar peress li l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat isemmu espressament il-komunikazzjoni tal-“fatti u kunsiderazzjonijiet”.

185

Dan l-artikolu jipprovdi wkoll, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-komunikazzjoni għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u, bħala prinċipju, sa mhux iktar tard minn 45 jum qabel id-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, hija għandha sseħħ f’mument xieraq li jippermetti lill-partijiet jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom u lill-Kummissjoni teżaminahom. Barra minn hekk, dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni ulterjuri billi tibbaża ruħha fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk ikkomunikati preċedentement, hija għandha tikkomunikahom fl-iqsar żmien possibbli.

186

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat ma fiha ebda indikazzjoni li tippermetti li din il-komunikazzjoni tingħata natura purament indikattiva. Uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, bħall-verżjoni Ingliża u Franċiża tagħha, li jużaw rispettivament il-verbi “shall” u “doivent” jew l-indikattiv preżenti, jirreferu għalhekk espressament għal obbligu, għall-Kummissjoni, li jiġu kkomunikati d-dettalji sottostanti għall-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali jew għall-fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, li fuq il-bażi tagħhom hija tieħu d-deċiżjonijiet tagħha, fl-osservanza tat-termini.

187

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-informazzjoni li l-Kummissjoni ma kkomunikatx. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tanalizza dawk l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, l-ewwel, tad-data sottostanti għall-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu u, it-tieni, tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-aġġustamenti li saru hemmhekk wara l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fuq id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

Fuq id-data sottostanti għall-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu

188

F’dan il-każ, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni kienet ikkomunikat lill-partijiet ikkonċernati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li hija kienet tqis essenzjali u li fuq il-bażi tagħhom hija kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi mill-ġdid temporanjament id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja, inklużi ċ-ċifri li jikkonċernaw l-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu u l-analiżi tat-tendenzi li wrew dawn l-indikaturi, kif jirriżulta mill-punti 11 sa 16 iktar ’il fuq.

189

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 172 sa 186 iktar ’il fuq, l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat ma jissuġġettax l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal xi tip ta’ parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati fil-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, id-drittijiet tad-difiża, li tagħhom il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rispett fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża li tadotta miżuri ta’ salvagwardja fuq il-bażi tar-Regolament SPĠ, huma implimentati fir-Regolament Delegat permezz ta’ sistema kompleta ta’ garanziji proċedurali intiża, b’mod partikolari, li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli.

190

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat, fil-paragrafu 1 tiegħu, ma jillimitax l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija tieħu d-deċiżjonijiet tagħha, iżda jsemmi espressament id-dettalji sottostanti għalihom.

191

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu kienu fatti essenzjali. It-tagħrif u d-data sottostanti għal dawn l-indikaturi huma għalhekk dettalji sottostanti għal fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li kellhom jiġu kkomunikati lir-rikorrenti konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat.

192

Qabel kollox, fir-rigward, tar-rati ta’ konverżjoni tar-ross nofsu mitħun f’ekwivalenti ta’ ross mitħun, min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 5 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni indikat li din ir-rata ta’ konverżjoni kienet iffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1312/2008 tad‑19 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-rati ta’ konverżjoni, l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar u l-valur tal-prodotti derivati għall-istadji varji ta’ l-ipproċessar tar-ross (ĠU 2008, L 344, p. 56), u li din kienet tapplika kemm għall-importazzjonijiet kif ukoll għall-volumi prodotti fl-Unjoni. Ir-rata ta’ konverżjoni tar-ross nofsu mitħun f’ross mitħun hija ffissata fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament b’mod li r-rikorrenti kellhom aċċess għal din l-informazzjoni. Ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jista’ jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward.

193

Sussegwentement, fir-rigward tad-data li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċ-ċifri relatati mal-konsum fl-Unjoni, mal-ishma mis-suq miżmuma mill-industrija tal-Unjoni u mir-Renju tal-Kambodja, mal-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mal-prezzijiet tagħhom kif ukoll mal-produzzjoni, mal-ħażniet u maż-żona stabbilita mill-industrija tal-Unjoni għall-koltivazzjoni ta’ ross Indica, imsemmija fil-premessi 19, 21, 24, 26, 33, 35, 36 u 38 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali kif ukoll fil-premessi 25, 27, 30, 32, 47, 49, 52 u 53 tar-Regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li fiha huwa biss indikat li dawn iċ-ċifri ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-data rċevuta mill-Istati Membri jew mid-data ta’ Eurostat.

194

Issa, jidher li d-data ta’ Eurostat inkwistjoni jew id-data rċevuta mill-Istati Membri ma tidhirx fil-fajl imqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti u l-hyperlink li tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 4 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tirreferi għall-preżentazzjoni ġenerali tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni fir-rigward taċ-“ċereali, żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt, proteini u ross”, fis-sit tal-Kummissjoni.

195

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-punt 372 tas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni (T‑329/01, EU:T:2006:268). Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li t-test pubblikament aċċessibbli inkwistjoni f’din il-kawża kien jikkonsisti f’pubblikazzjoni speċifika u li kienet espliċitament issemmiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, il-hyperlink fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 4 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali ma tirreferix direttament lejn id-data mqiegħda għad-dispożizzjoni minn Eurostat u din, l-istess bħad-data rċevuta mill-Istati Membri, ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti mod ieħor.

196

Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-istatistika ta’ Eurostat kienet disponibbli pubblikament u li r-rikorrenti kellhom aċċess għaċ-ċifri finali relatati mal-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni ma spjegatx il-metodoloġija segwita, jekk ikun il-każ, sabiex tgħaqqad id-data rċevuta mill-Istati Membri mal-istatistika ta’ Eurostat sabiex tiġi stabbilita d-data finali inkluża fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u fir-regolament ikkontestat.

197

Konsegwentement, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat billi ma kkomunikatx fi żmien xieraq lill-partijiet ikkonċernati l-informazzjoni ta’ Eurostat u d-data tal-Istati Membri miksuba għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-kalkolu tal-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu.

198

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-data użata sabiex tiġi ddeterminata l-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li kkomunikat biss kalkolu parzjali, peress li d-data ma kinitx tirrifletti l-ħażna tal-ftuħ u lanqas l-użu tar-ross bħala żrieragħ. Madankollu hija żżid li dan il-kalkolu kien konformi mal-kalkolu tal-bilanċ u li r-rikorrenti setgħu jifhmu dan billi jibbażaw ruħhom fuq il-karta tal-bilanċ fuq ir-ross, li għalih kellhom aċċess.

199

Ċertament, mill-karti tal-bilanċ fuq ir-ross, annessi mas-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, jirriżulta li ċ-ċifri relatati mal-ħażniet tal-għeluq li jinsabu fil-premessa 36 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, u riprodotti fil-premessa 52 tar-regolament ikkontestat, jikkorrispondu għad-differenza bejn, minn naħa, is-somma tal-ħażniet inizjali, tal-produzzjoni li tista’ tintuża u tal-importazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-użu intern totali u l-esportazzjonijiet. Madankollu, għalkemm dan il-metodu ta’ kontabbiltà jippermetti li jiġu kkalkolati l-ħażniet tal-għeluq, din kienet biss iddettaljata mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, din b’ebda mod ma tirriżulta mid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u l-Kummissjoni ma tallegax li kkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

200

Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti kellhom aċċess għal żewġ karti tal-bilanċi fuq ir-ross li jkopri l-perijodu ta’ investigazzjoni, mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li din tal-aħħar ibbażat ruħha fuq bilanċ ieħor, tal‑2018, li ċ-ċifri tiegħu rriżultaw minn ġabra ta’ data magħmula mill-Kummissjoni u li kellhom ċerti differenzi meta mqabbla maċ-ċifri riprodotti fil-karti tal-bilanċ fuq ir-ross fil-pussess tar-rikorrenti. Din il-karta tal-bilanċ ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva; bħalma lanqas ma ġiet ikkomunikata d-data sottostanti u l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiġbor din id-data.

201

Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni ssostni li fil-premessa 18 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali ġie indikat b’mod ċar li d-data dwar il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni kienet ġiet ikkalkolata abbażi tal-karti tal-bilanċ fuq ir-ross, billi jiġu miżjuda l-ħażniet inizjali u l-produzzjoni li tista’ tintuża u billi jitnaqqsu ż-żrieragħ, l-esportazzjonijiet u l-ħażniet tal-għeluq, u li dan kien “metodu ta’ kontabbiltà ġeneralment aċċettat”, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din il-premessa tindika li “[l]-konsum ta’ ross Indica fl-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ data miġbura mingħandu l-Istati Membri mill-Kummissjoni u mill-istatistika dwar l-importazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn Eurostat”. Ma hemm ebda riferiment għall-volum tal-bejgħ u lanqas għall-metodu ta’ kontabbiltà użat mill-Kummissjoni.

202

Bl-istess mod, il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex tasal għaċ-ċifri finali dwar il-konsum fl-Unjoni, li jinsabu fil-premessa 19 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u huma riprodotti fil-premessa 25 tar-regolament ikkontestat, ma huwiex identifikabbli fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

203

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellhomx għad-dispożizzjoni tagħhom id-dettalji sottostanti għall-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu u lanqas l-informazzjoni utli għar-riproduzzjoni tal-kalkoli tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, peress li din tal-aħħar naqset mill-obbligu tagħha li tikkomunika informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat.

204

Issa, ma huwiex eskluż li r-rikorrenti setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fl-assenza ta’ dawn l-irregolaritajiet.

205

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent li juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti fl-assenza tal-irregolarità proċedurali inkwistjoni, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li din il-parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar fl-assenza ta’ din l-irregolarità, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ irregolarità relatata mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tal-att inkwistjoni biss sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti b’tali mod li tippreġudika konkretament id-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 7879 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206

Diġà ġie deċiż li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt meta, peress li ma kellux aċċess għad-dokumenti li kellhom jiġu kkomunikati lilu b’applikazzjoni tar-rispett dovut għad-drittijiet tad-difiża, rikorrent ma setax utilment iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu u b’hekk iċċaħħad minn possibbiltà, anki żgħira, li jiddefendi ruħu aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 56).

207

F’każ bħal dan, nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ atti tal-proċess li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-amministrazzjoni jew istituzzjoni tal-Unjoni jaffettwa inevitabbilment, fir-rigward tal-protezzjoni dovuta lid-drittijiet tad-difiża, ir-regolarità tal-atti adottati fi tmiem proċedura li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli lir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 78, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 73).

208

Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-assenza ta’ aċċess tar-rikorrenti għall-kalkoli tad-data tal-konsum u tal-indikaturi ta’ diffikultajiet serji kienet għalhekk ta’ natura li tillimita l-kapaċità tagħhom li jressqu osservazzjonijiet rilevanti. Il-fatt li f’dan il-każ ma kellhomx ċerta informazzjoni dwar il-metodoloġija ta’ kalkolu huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-eżitu tal-proċedura setax ikun differenti fil-każ li l-Kummissjoni kellha tiżvela dawn il-kalkoli.

209

Issa, il-fatt li wieħed ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni kollha dwar l-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu kif ukoll tal-kalkoli ddettaljati mwettqa mill-Kummissjoni u mhux biss id-data użata għal dawn il-kalkoli huwa, b’mod ġenerali, ta’ natura li tippermetti lir-rikorrenti jipprovdu osservazzjonijiet iktar utli għad-difiża tagħhom. B’hekk jistgħu jivverifikaw preċiżament il-mod li bih il-Kummissjoni użat din id-data u jqabbluha mal-kalkoli tagħhom stess, li huwa ta’ natura li jippermettilhom jidentifikaw żbalji eventwali min-naħa tal-Kummissjoni li nkella ma jkunux jistgħu jiġu pperċepiti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 208, u tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 156).

210

Kif jirriżulta mill-punti 196 u 199 sa 202 iktar ’il fuq, il-kisba tad-data u tal-metodi ta’ kalkolu sottostant għall-indikaturi ta’ konsum u ta’ dannu kienet tikkostitwixxi kisba sostanzjali ta’ informazzjoni għar-rikorrenti li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kienet ta’ natura li tippermettilhom iressqu osservazzjonijiet iktar rilevanti minn dawk li kienu diġà ppreżentaw, b’mod partikolari, wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

211

Għaldaqstant, huwa possibbli li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, b’tali mod li b’hekk tippreġudika b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Fuq l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u l-aġġustamenti

212

Mill-premessi 33 sa 42 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u l-aġġustamenti mwettqa mill-Kummissjoni huma elementi essenzjali tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li wasslu għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji kkawżati lill-industrija tal-Unjoni. Fis-seduta hija kkonfermat ukoll li bbażat ruħha fuq l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz sabiex tikkonkludi li teżisti rabta kawżali bejn id-diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet tar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja.

213

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, għandu jiġi osservat li, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni indikat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Kambodja u l-prezzijiet unitarji tal-fabbriki tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

214

Mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti interpretaw korrettament il-portata ta’ din l-informazzjoni u kienu f’qagħda li jwettqu l-kalkoli tagħhom stess f’dak li jirrigwarda l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ 22 %. L-assenza ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz, kif ikkomunikata fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, għalhekk ma ċaħħdithomx minn kull possibbiltà li jressqu ċerti osservazzjonijiet rilevanti.

215

Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 194 sa 196 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kkomunikatx id-data ta’ Eurostat, inkluża dik li ppermettitilha tistabbilixxi ċ-ċifri relatati mal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Kambodja, bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat.

216

Fir-rigward taċ-ċifri li jistabbilixxu l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-Unjoni, mill-premessa 39 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali kif ukoll mill-premessa 54 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dawn ġew stabbiliti fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarji tat-taħħana tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Għalkemm mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kellhom aċċess għal dawn it-tweġibiet, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet li jirrigwardaw il-prezzijiet ġew indikati bħala kunfidenzjali. Kif iqajmu ġustament ir-rikorrenti, id-data aggregata tat-taħħana tal-Unjoni ma hijiex kunfidenzjali u tinsab fil-premessa 39 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, riprodotta fil-premessa 54 tar-regolament ikkontestat. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jallegawx li d-data individwali tat-taħħana kellha tiġi kkomunikata lilhom – bir-riżultat li huma ma jistgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom f’dan ir-rigward.

217

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-aġġustamenti magħmula fuq l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, għandu jiġi kkonstatat li dawn issemmew għall-ewwel darba fir-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, mill-premessi 34 sa 37 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dawn ġew adottati mill-Kummissjoni twieġeb l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, fosthom ir-Renju tal-Kambodja, b’segwitu għall-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u sabiex jiġi ggarantit paragun ġust.

218

L-aġġustamenti magħmula għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz mhux biss huma għalhekk fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tistabbilixxi mill-ġdid temporanjament id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja, iżda barra minn hekk wasslu għal bidla fil-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-konklużjonijiet finali li kienu ġew preċedentement ikkomunikati lill-partijiet ikkonċernati fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

219

L-aġġustamenti b’hekk għamlu bidliet fit-tendenzi li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tad-dannu, peress li, fir-regolament ikkontestat, minbarra l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ġenerali ta’ 22 %, diġà indikat fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni semmiet marġni ġdid ta’ 13 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali.

220

Skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament Delegat u fid-dawl tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk ikkomunikati preċedentement, hija kellha l-obbligu li tikkomunika lir-rikorrenti l-aġġustamenti magħmula għall-analiżi ta’ twaqqigħ tal-prezz kif ukoll, a fortiori, l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, wara aġġustament, fl-iqsar żmien possibbli. Issa, il-Kummissjoni tammetti li ma ttrażmettiet ebda element li jippermetti lir-rikorrenti jieħdu konjizzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u li jesponu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tagħhom.

221

Ċertament, kif issemma fil-punt 141 iktar ’il fuq, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni għandha ssir fl-osservanza tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, il-Kummissjoni b’ebda mod ma sostniet, la matul il-proċedura amministrattiva, u lanqas fir-regolament ikkontestat, li din kienet informazzjoni kunfidenzjali li għaliha hija ma setgħetx tagħti l-aċċess lir-rikorrenti.

222

Hija invokat biss il-kunfidenzjalità tal-provi li jiġġustifikaw l-aġġustament tal-prezzijiet tal-Unjoni fl-istadju tar-risposta. Issa, fi kwalunkwe każ, mill-punt 145 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tinvoka l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kollha li ppermettiet li jiġi konkluż li kien hemm aġġustament tal-ispejjeż ta’ trasport fl-Unjoni ta’ ammont uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata.

223

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm, bis-saħħa tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Delegat, il-komunikazzjoni ssir fir-rispett tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, ir-rispett tal-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni ma jistax iċaħħad id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-kontenut essenzjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 29).

224

Barra minn hekk, l-Artikolu 38(5) tar-Regolament SPĠ jippreċiża, essenzjalment, li l-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi artikolu, dwar l-użu tal-informazzjoni, inkluża dik li kienet is-suġġett ta’ talba għal trattament kunfidenzjali, ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli ssemmi informazzjoni ta’ natura ġenerali u, b’mod partikolari, il-motivi li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa tar-Regolament SPĠ, filwaqt li madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li s-sigrieti kummerċjali ma jiġux żvelati.

225

Skont il-ġurisprudenza, huwa skont il-livell ta’ speċifiċità tal-informazzjoni mitluba li għandha tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Ajinmoto u NutraSweet vs Il‑Kunsill, T‑159/94 u T‑160/94, EU:T:1997:209, punt 93, u tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 143).

226

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tipprova, sa fejn huwa kompatibbli mal-osservanza tas-sigriet tan-negozju, tikkomunika lill-partijiet ikkonċernati indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom, billi tagħżel, jekk ikun il-każ ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 30, u tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 141).

227

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma kkomunikat ebda informazzjoni dwar l-aġġustament tal-prezzijiet tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva.

228

L-istess japplika għall-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni u għall-aġġustament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi ta’ stadju kummerċjali u sabiex jiġu pparagunati l-prezzijiet tar-ross mitħun mibjugħ sfuż ma’ dawk tar-ross mibjugħ f’pakketti individwali, ladarba dawn kienu dehru fir-regolament ikkontestat, mingħajr ma l-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar il-kalkoli li saru u d-data użata sabiex isiru tali aġġustamenti. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat ma jagħmel riferiment għal ebda ġustifikazzjoni valida sabiex jiġġustifika rifjut eventwali li jikkomunikahom.

229

Peress li l-aġġustamenti magħmula għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz jikkostitwixxu fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tistabbilixxi mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tikkomunikahom lir-rikorrenti, inklużi d-dettalji sottostanti għalihom. Għaldaqstant, l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat u d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti ġew miksura.

230

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 205 sa 207 iktar ’il fuq, ksur tad-drittijiet tad-difiża jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura meta teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u li r-rikorrenti ġew imċaħħda minn opportunità, anki żgħira, li jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fl-assenza tal-irregolarità proċedurali.

231

Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ressqu, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni, ċertu numru ta osservazzjonijiet fuq il-bażi tal-informazzjoni li diġà kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, li minnhom uħud wasslu għal tibdil fil-kalkoli tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz.

232

Fil-fatt, mill-premessi 34 u 35 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li r-Renju tal-Kambodja kkontesta l-metodu użat mill-Kummissjoni biex tikkalkola l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz li jinsab fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u sostna li l-prezzijiet tal-importazzjoni kellhom jiġu aġġustati billi jiġu inklużi l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. Bi tweġiba għal dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-kalkoli tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, iżda wkoll l-ispejjeż ta’ trasport rilevanti fl-Unjoni, kif ukoll differenzi fl-istadju kummerċjali li għandhom effett fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, kif diġà ssemma fil-punti 119, 120, u 126 iktar ’il fuq.

233

Barra minn hekk, kif indikaw ir-rikorrenti stess waqt is-seduta, huma pproduċew, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u b’mod partikolari bi tweġiba għat-tabella tal-Kummissjoni li tistabbilixxi stima numerika tal-konsum ta’ ross Indica u ta’ ross Japonica fl-Unjoni għas-snin 1993 u 1994, tabella li tirrigwarda s-snin 1995 u 1996 li kienet tindika l-abitudnijiet ta’ konsum differenti, b’mod partikolari, għall-Italja u l-Portugall.

234

Għalhekk huwa ċar li r-rikorrenti setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fl-assenza tal-irregolaritajiet proċedurali dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-data sottostanti għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u l-aġġustamenti kontenzjużi u li ma jistax jiġi eskluż li l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward setgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li din tal-aħħar kienet diġà biddlet il-pożizzjoni tagħha u l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz minħabba l-osservazzjonijiet li kienu ġew sottomessi lilha mill-partijiet ikkonċernati wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 92).

235

Barra minn hekk, peress li paragun ġust, jiġifieri fl-istess stadju kummerċjali, bejn il-prezz tal-importazzjoni u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz li ppermetta li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jesponu utilment il-fehma tagħhom meta ebda element li jiġġustifika din in-natura ġusta ma kien ġie kkomunikat lilhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 85).

236

Kif enfasizzaw ir-rikorrenti, essenzjalment, waqt is-seduta, il-fatt li huma ma kellhomx, f’dan il-każ, informazzjoni li tikkonċerna l-aġġustamenti u l-kalkoli tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-eżitu tal-proċedura setax ikun differenti fil-każ li l-Kummissjoni kellha tiżvelahom. Fil-fatt, fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti kellhom biss għarfien ġenerali tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ 22 %. Huma ma kinux jafu, b’mod partikolari, qabel din id-data, li l-prezzijiet tal-importazzjoni u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu s-suġġett ta’ aġġustamenti mill-Kummissjoni. Ebda element minn fost dawk li ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva ma kien iddedikat għall-kwistjoni dwar kif il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz kienu ġew riveduti sabiex jintlaħaq twaqqigħ tal-prezz ta’ 13 % għall-bejgħ sfuż u ta’ 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali, u lanqas ma kien hemm element iddedikat għar-raġunijiet tal-għażla ta’ aġġustament tal-importazzjoni stmat għal 2 % tal-prezz tal-importazzjoni u ta’ aġġustament tal-prezzijiet tal-industrija fl-Unjoni ta’ ammont uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata.

237

Issa, kieku r-rikorrenti kellhom fil-pussess tagħhom l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u l-aġġustamenti tiegħu, kif ukoll il-kalkoli tal-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz, huma kienu jkunu f’pożizzjoni, tal-inqas, li jressqu osservazzjonijiet dwar ir-riżultati li għalihom kienet waslet il-Kummissjoni. Ir-rikorrenti setgħu għalhekk, jekk ikun il-każ, jipparagunaw dawn ir-riżultati mar-riżultati tagħhom stess. B’hekk, huma kienu jkunu f’pożizzjoni, skont il-każ, li jikkontestaw b’mod iktar preċiż il-metodu użat mill-Kummissjoni u kien ikollhom, b’hekk, iktar opportunitajiet li l-oġġezzjonijiet tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

238

Il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-aġġustamenti u l-kalkoli ta’ marġnijiet ġodda ta’ twaqqigħ tal-prezz kif ukoll dwar il-kalkoli ddettaljati mwettqa mill-Kummissjoni kienet għalhekk, evidentement, tikkostitwixxi għar-rikorrenti gwadann sostanzjali ta’ informazzjoni li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien ta’ natura li jippermettilhom iressqu osservazzjonijiet iktar rilevanti minn dawk li kien diġà ressaq ir-Renju tal-Kambodja.

239

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, kieku r-rikorrenti kellhom fil-pussess tagħhom il-kalkoli tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz, huma setgħu jisfruttaw din l-informazzjoni b’mod utli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

240

B’hekk, ir-rikorrenti jinvokaw ġustament ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat, u huwa possibbli li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, b’tali mod li jiġu ppreġudikati konkretament id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

241

Fil-kuntest tal-eżami ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt allegat mill-Kummissjoni li r-rikorrenti setgħu jitolbuha, wara l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. Fil-fatt, tali element ma jistax ikollu effett, jekk ikun il-każ, fuq il-kwistjoni dwar jekk twettaqx ksur tad-drittijiet tad-difiża. Għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża hija importanti l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tkun taf id-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tistabbilixxi mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni. Għall-istess raġunijiet, l-elementi li juru li l-paragun bejn il-prezz tal-importazzjoni u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni sar fl-istess stadju kummerċjali huma ta’ importanza kapitali għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punti 9091).

242

Il-fatt li l-aġġustamenti mwettqa fl-istadju tar-regolament ikkontestat kienu favorevoli għar-rikorrenti peress li t-twaqqigħ tal-prezz għadda minn 22 % għal, rispettivament, 13 % għall-bejgħ sfuż u 14 % għall-bejgħ f’pakketti individwali, huwa għalhekk nieqes minn interess.

243

L-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat għandhom għalhekk jintlaqgħu.

244

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-regolament ikkontestat għandu jintlaqa’.

Fuq l‑ispejjeż

245

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

246

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Bis-saħħa tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 138(1), għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

247

Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Taljana u Ente Nazionale Risi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas-16 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-[Mjanmar / Burma], huwa annullat.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju tal-Kambodja u mill-Cambodia Rice Federation (CRF).

 

3)

Ir-Repubblika Taljana u Ente Nazionale Risi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Papasavvas

Spielmann

Öberg

Mastroianni

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Novembru 2022

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.