DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni – Direttiva 2014/23/UE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Artikolu 30 – Libertà tal-awtoritajiet kontraenti li jiddefinixxu u jorganizzaw il-proċedura li twassal għall-għażla tal-konċessjonarju – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-użu tal-finanzjament ta’ proġetti għall-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ awtostrada”

Fil-Kawża C‑835/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Autostrada Torino Ivrea Valle D’Aosta – Ativa SpA

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Autorità di regolazione dei trasporti,

fil-preżenza ta’:

Autorità di bacino del Po,

Regione Piemonte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn D. Šváby (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), moqri flimkien mal-premessa 68 ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Autostrada Torino Ivrea Valle d’Aosta – Ativa SpA (iktar ’il quddiem “Ativa”) u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja), il-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“MIT”), il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) kif ukoll l-Autorità di regolazione dei trasporti (l-Awtorità Regolatorja tat-Trasport) dwar iċ-ċaħda mill-MIT ta’ żewġ proposti ta’ finanzjament ta’ proġetti ppreżentati minn Ativa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 8 u 68 tad-Direttiva 2014/23 jgħidu li:

“(5)

Din id-Direttiva tirrikonoxxi u terġa’ tafferma d-dritt tal-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi li jiddeċiedu l-mod tal-amministrazzjoni li huma jqisu bħala l-aktar adatt għat-twettiq ta’ xogħlijiet u l-forniment ta’ servizzi. B’mod partikolari, din id-Direttiva bl-ebda mod ma għandha taffettwa l-libertà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu xogħlijiet jew jipprovdu servizzi direttament lill-pubbliku jew li jesternalizzaw tali dispożizzjoni billi jiddelegawha lil partijiet terzi. L-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jibqgħu ħielsa li jiddefinixxu u jispeċifikaw il-karatteristiċi tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, inkluż kwalunkwe kondizzjoni rigward il-kwalità jew il-prezz tas-servizzi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, sabiex iwettqu l-għanijiet tal-politika pubblika tagħhom.

[…]

(8)

Għal konċessjonijiet ugwali għal jew ogħla minn ċertu valur, huwa adatt li tiġi prevista koordinazzjoni minima ta’ proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn abbażi tal-prinċipji tat-TFUE sabiex jiġi ggarantit il-ftuħ ta’ konċessjonijiet għall-kompetizzjoni u ċertezza legali adegwata. Dawk il-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq u biex jiġi żgurat ċertu grad ta’ flessibbiltà. L-Istati Membri għandhom ikun permessi jikkompletaw u jiżviluppaw aktar dawk id-dispożizzjonijiet jekk jidhrilhom li huwa adatt, b’mod partikolari biex tiġi żgurata aktar il-konformità mal-prinċipji stipulati hawn fuq.

[…]

(68)

Il-konċessjonijiet huma normalment arranġamenti fit-tul u kumplessi fejn il-konċessjonarju jassumi r-responsabbiltajiet u r-riskji li tradizzjonalment iġorru l-awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti li normalment jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Għal din ir-raġuni, soġġett għall-konformità ma’ din id-Direttiva u mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali, għandha tingħata flessibbiltà konsiderevoli lill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti biex jiddefinixxu u jorganizzaw il-proċedura li twassal għall-għażla tal-konċessjonarju. Madankollu, sabiex ikunu żgurati t-trattament ugwali u t-trasparenza tul il-proċess kollu tal-għoti, huwa adatt li jiġu previsti garanziji bażiċi fir-rigward tal-proċess tal-għoti, inkluż informazzjoni dwar in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-konċessjoni, il-limitazzjoni tan-numru ta’ kandidati, id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni lill-kandidati u l-offerenti u d-disponibbiltà ta’ dokumentazzjoni adatta. Huwa neċessarju wkoll li jiġi previst li ma jkunx hemm devjazzjoni mit-termini inizjali tal-avviż tal-konċessjoni, sabiex jiġi evitat it-trattament inġust ta’ kwalunkwe kandidat potenzjali.”

4

Intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti permezz ta’ konċessjoni, li l-valur tagħha huwa stmat li huwa inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 8.”

5

Intitolat “Prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet pubbliċi”, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, biex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal-utent fis-servizzi pubbliċi.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipju ta’ trattament ugwali, nondiskriminazzjoni u trasparenza”:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni, inkluż l-istima tal-valur, m’għandux isir bil-ħsieb li din tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew sabiex jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi jew ċerti xogħlijiet, provvisti jew servizzi.

2.   L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jimmiraw li jiżguraw trasparenza fil-proċedura tal-għoti u fit-twettiq tal-kuntratt, filwaqt li jikkonformaw mal-Artikolu 28.”

7

Intitolat “Limitu u metodi għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ konċessjoni”, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tapplika għal konċessjonijiet li l-valur tagħhom huwa daqs jew aktar minn EUR 5186000.”

8

It-Titolu II tad-Direttiva 2014/23, li jesponi l-prinċipji ġenerali u l-garanziji proċedurali dwar l-għoti ta’ konċessjonijiet, huwa kompost mill-Artikoli 30 sa 41.

9

Taħt it-titolu “Prinċipji ġenerali”, l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.   L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandu jkollha l-libertà li torganizza l-proċedura li twassal għall-għażla ta’ konċessjonarju soġġett għal konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   It-tfassil tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni għandu jirrispetta l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3. B’mod partikolari matul il-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti m’għandhiex tipprovdi informazzjoni b’mod diskriminatorju li tista’ tagħti lil xi kandidati jew offerenti vantaġġ fuq oħrajn.”

10

Intitolat “Garanziji proċedurali”, l-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva jgħid, fil-paragrafu 6 tiegħu, li:

“L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tagħmel negozjati mal-kandidati u l-offerenti. Is-suġġett tal-konċessjoni, il-kriterji tal-għotja u r-rekwiżiti minimi m’għandhomx jinbidlu matul in-negozjati.”

Id-dritt Taljan

Il-Liġi Nru 11 tat‑28 ta’ Jannar 2016

11

L-Artikolu 1(1)(lll) tal-legge n. 11 – Deleghe al Governo per l’attuazione delle direttive 2014/23/UE, 2014/24/UE e 2014/25/UE del Parlamento europeo e del Consiglio, del 26 febbraio 2014, sull’aggiudicazione dei contratti di concessione, sugli appalti pubblici e sulle procedure d’appalto degli enti erogatori nei settori dell’acqua, dell’energia, dei trasporti e dei servizi postali, nonché per il riordino della disciplina vigente in materia di contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture (il-Liġi Nru 11, dwar Delega lill-Gvern għat-Traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-Għoti ta’ Konċessjoni, dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u dwar l-Għoti ta’ Kuntratti minn Entitajiet li Joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, tal-Enerġija, tat-trasport u tas-Servizzi Postali, u għat-Tfassil mill-Ġdid tas-Sistema fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti), tat‑28 ta’ Jannar 2016 (GURI Nru 23, tad‑29 ta’ Jannar 2016), kien jimponi fuq il-leġiżlatur delegat l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw “il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet ġodda ta’ awtostradi mhux iktar tard minn erbgħa u għoxrin xahar qabel l-iskadenza tal-konċessjonijiet attwali, b’reviżjoni tas-sistema ta’ konċessjonijiet ta’ awtostradi, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni ta’ klawżoli u dispożizzjonijiet ta’ proroga, skont is-sistema ġenerali l-ġdida ta’ kuntratti ta’ konċessjoni”.

12

Skont l-Artikolu 1(1)(mmm) ta’ din il-liġi, il-leġiżlatur delegat kellu jipprevedi “sistema tranżitorja partikolari għall-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ awtostradi li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-digriet li jittrasponi d-direttivi, ikunu skadew jew qrib l-iskadenza, sabiex jiżgura l-osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ sejħa għal offerti kif ukoll, għall-konċessjonijiet li għalihom l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti teżerċita fuq il-konċessjonarju kontroll analogu għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 17 tad-Direttiva [2014/23]”.

Il-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi

13

Mill-Artikolu 180 tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat‑18 ta’ April 2016 (GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi”), jirriżulta li l-kuntratti ta’ sħubija pubblika-privata jinkludu, b’mod partikolari, il-finanzjament ta’ proġetti.

14

Skont l-Artikolu 183 ta’ dan il-kodiċi, li huwa intitolat “Finanzjament ta’ proġetti”:

“1.   Għat-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi jew ta’ utilità pubblika, inklużi xogħlijiet li jikkonċernaw strutturi intiżi għan-navigazzjoni bil-baħar għal skopijiet rikreattivi, li huma inklużi fl-istrumenti ta’ programmazzjoni adottati uffiċjalment mill-amministrazzjoni kontraenti abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, inklużi l-pjanijiet portwali, li jistgħu jiġu ffinanzjati totalment jew parzjalment minn kapital privat, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, minflok jagħtu kuntratti permezz ta’ konċessjoni skont it-Taqsima III, jagħtu konċessjoni permezz ta’ sejħa għal offerti bbażata fuq il-proġett ta’ fattibbiltà, billi jiġi ppubblikat avviż ta’ kuntratt intiż għas-sottomissjoni ta’ offerti għall-użu ta’ riżorsi totalment jew parzjalment koperti mill-awturi tal-proposti. Fi kwalunkwe każ, għall-infrastrutturi relatati max-xogħlijiet lineari, huwa neċessarju li l-proposti korrispondenti jiġu inklużi fl-istrumenti ta’ programmazzjoni adottati mill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport.

2.   L-avviż ta’ kuntratt għandu jiġi ppubblikat skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 72 jew fl-Artikolu 36(9), skont l-ammont tax-xogħlijiet, billi s-sejħa għal offerti tkun ibbażata fuq il-proġett ta’ fattibbiltà ppreparat mill-amministrazzjoni kontraenti. Il-proġett ta’ fattibbiltà li fuqu hija bbażata s-sejħa għal offerti għandu jitfassal mill-persunal tal-amministrazzjonijiet kontraenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti suġġettivi neċessarji għall-preparazzjoni tal-imsemmi proġett, li jiddependu mill-professjonijiet differenti li jagħmlu parti mill-approċċ multidixxiplinari inerenti għall-proġett ta’ fattibbiltà. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ persunal suffiċjentement ikkwalifikat, l-amministrazzjonijiet kontraenti jistgħu jafdaw it-tfassil tal-proġett ta’ fattibbiltà lil terzi, magħżula skont il-proċeduri previsti minn dan il-kodiċi. L-ispejjeż sostnuti sabiex jiġu fdati attivitajiet lil terzi jistgħu jiġu inklużi fil-kuntest ekonomiku tax-xogħol.

[…]

15.   L-operaturi ekonomiċi jistgħu jippreżentaw lill-amministrazzjonijiet kontraenti proposti dwar it-twettiq b’konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi jew ta’ utilità pubblika, inklużi x-xogħlijiet li jikkonċernaw l-istrutturi għan-navigazzjoni bil-baħar għal skopijiet rikreattivi, li ma humiex inklużi fl-istrumenti ta’ programmazzjoni adottati mill-amministrazzjoni kontraenti abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Il-proposta għandha tinkludi proġett ta’ fattibbiltà, abbozz ta’ ftehim, pjan ekonomiku u finanzjarju ċċertifikat minn waħda mill-entitajiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 9, kif ukoll l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tas-servizz u tal-ġestjoni. Fil-każ ta’ strutturi intiżi għan-navigazzjoni bil-baħar għal skopijiet rikreattivi, il-proġett ta’ fattibbiltà għandu jiddeskrivi l-karatteristiċi kwalitattivi u funzjonali tax-xogħlijiet kif ukoll il-kuntest tal-bżonnijiet li għandhom jiġu ssodisfatti u s-servizzi speċifiċi li għandhom jiġu pprovduti, jinkludi studju li jinkludi d-deskrizzjoni tal-proġett u l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu ddeterminati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent, u għandu jiġi kkompletat skont it-talbiet speċifiċi tal-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, adottati permezz tad-digrieti tiegħu stess. Il-pjan ekonomiku u finanzjarju għandu jinkludi l-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-preparazzjoni tal-proposta, inklużi d-drittijiet fuq ix-xogħlijiet intellettwali skont l-Artikolu 2578 tal-Kodiċi Ċivili. Il-proposta għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjonijiet fuq l-unur dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 17, mill-garanzija msemmija fl-Artikolu 93 u mill-impenn li tingħata garanzija sal-ammont indikat fit-tielet sentenza tal-paragrafu 9, fil-każ ta’ sejħa għal offerti. L-amministrazzjoni kontraenti għandha tevalwa l-fattibbiltà tal-proposta fit-terminu imperattiv ta’ tliet xhur. Għal dan il-għan, l-amministrazzjoni kontraenti tista’ tistieden lill-awtur tal-proposta sabiex jagħmel l-emendi meħtieġa għall-proġett ta’ fattibbiltà għall-approvazzjoni tiegħu. Jekk l-awtur tal-proposta ma jintegrax l-emendi mitluba, il-proposta ma tistax tiġi evalwata b’mod pożittiv. Il-proġett ta’ fattibbiltà eventwalment immodifikat għandu jiddaħħal fl-istrumenti ta’ programmazzjoni adottati mill-amministrazzjoni kontraenti abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u għandu jiġi approvat skont il-modalitajiet applikabbli għall-approvazzjoni ta’ proġetti; l-awtur tal-proposta huwa obbligat jintegra l-emendi addizzjonali eventwalment mitluba fl-istadju tal-approvazzjoni tal-proġett, u fin-nuqqas ta’ dan il-proġett jitqies li ma ġiex approvat. Il-proġett ta’ fattibbiltà approvat għandu jservi bħala bażi għas-sejħa għal offerti, li għaliha għandu jiġi mistieden l-awtur tal-proposta. Fl-avviż ta’ kuntratt, l-amministrazzjoni kontraenti tista’ titlob lill-kompetituri, inkluż lill-awtur tal-proposta, sabiex jippreżentaw varjanti tal-proġett. L-avviż ta’ kuntratt għandu jippreċiża li l-promotur jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ prijorità. Il-kompetituri, inkluż il-promotur, għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 8 u jippreżentaw offerta li tinkludi abbozz ta’ ftehim, il-pjan ekonomiku u finanzjarju ċċertifikat minn waħda mill-entitajiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 9, kif ukoll l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tas-servizz u tal-ġestjoni, u kull varjanti tal-proġett ta’ fattibbiltà; il-paragrafi 4, 5, 6, 7 u 13 għandhom japplikaw għalihom. Jekk il-promotur ma jkunx l-offerent rebbieħ, huwa jista’ jeżerċita, f’terminu ta’ ħmistax‑il jum mid-data tal-komunikazzjoni tal-għoti tal-kuntratt, id-dritt ta’ prijorità tiegħu u jinħatar bħala offerent rebbieħ jekk jiddikjara li jintrabat li josserva l-obbligi kuntrattwali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk proposti mill-offerent rebbieħ. Jekk il-promotur ma jkunx l-offerent rebbieħ u ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ prijorità, huwa għandu dritt għar-rimbors, mill-offerent rebbieħ, tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għat-tħejjija tal-proposta fil-limiti indikati fil-paragrafu 9. Jekk il-promotur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ prijorità, l-offerent rebbieħ inizjali għandu dritt għar-rimbors, mill-promotur, tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għat-tħejjija tal-offerta fil-limiti indikati fil-paragrafu 9.

16.   Il-proposti msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 15 jistgħu jikkonċernaw, minflok il-konċessjoni, il-kuntratti kollha fi sħubija pubblika-privata.

[…]”

15

L-Artikolu 216 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 23 tiegħu, li:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jew ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-kodiċi, dan tal-aħħar għandu japplika għall-proċeduri u għall-kuntratti li għalihom l-avviżi li jiftħu l-proċedura ta’ selezzjoni tal-kuntrattur jiġu ppubblikati wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u, fil-każ ta’ kuntratti mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż, għall-proċeduri u għall-kuntratti li għalihom, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-kodiċi, l-istediniet għas-sottomissjoni ta’ offerti jkunu għadhom ma ntbagħtux.

[…]

23.   Il-proġetti preliminari li jirrigwardaw it-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi jew ta’ xogħlijiet ta’ utilità pubblika li jikkonċernaw proposti ta’ konċessjoni fformulati skont l-Artikolu 153 jew l-Artikolu 175 tad-[decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti, li Jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat‑12 ta’ April 2006 (GURI Nru 100, tat‑2 ta’ Mejju 2006)], li diġà ġew iddikjarati ta’ interess pubbliku iżda li għadhom ma ġewx approvati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-kodiċi, huma suġġetti għal evalwazzjoni ta’ fattibbiltà ekonomika u finanzjarja u huma approvati mill-amministrazzjoni skont ir-regoli ta’ dan il-kodiċi. In-nuqqas ta’ approvazzjoni jwassal għar-revoka tal-proċeduri miftuħa u ta’ eventwali promoturi, li għandhom dritt għar-rimbors tal-ispejjeż li jkunu sostnew u li jkunu stabbiliti, sabiex jikkostitwixxu l-proġett li fuqu tkun ibbażata s-sejħa għal offerti, jekk dawn l-ispejjeż ikunu obbligatorji sabiex jitwettaq studju dwar l-impatt ambjentali u l-lokalizzazzjoni urbanistika.”

Id-Digriet Korrettiv

16

Id-decreto legislativo n. 56 – Disposizioni integrative e correttive al decreto legislativo 18 aprile 2016, n. 50 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 56, dwar Dispożizzjonijiet Komplementari u Korrettivi tad-Digriet Leġiżlattiv tat‑18 ta’ April 2016, Nru 50), tad‑19 ta’ April 2017 (GURI Nru 103, tal‑5 ta’ Mejju 2017, iktar ’il quddiem id-“Digriet Korrettiv”) introduċa b’mod partikolari, fl-Artikolu 178 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi, il-paragrafu 8‑bis li jaqra kif ġej:

“L-amministrazzjonijiet ma jistgħux jagħtu l-konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jirrikorru għall-proċedura prevista fl-Artikolu 183.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Ativa, kumpannija konċessjonarja tal-ġestjoni ta’ awtostradi, kienet tiġġestixxi, fit-territorju tal-Piemonte (l-Italja), medda tal-awtostrada A5 ta’ madwar 220 kilometru, bis-saħħa ta’ diversi konċessjonijiet, li l-aħħar waħda minnhom skadiet fl‑2016.

18

Fil‑25 ta’ Settembru 2015, Ativa ppreżentat lill-MIT, skont l-Artikolu 153(19) tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti, li Jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat‑12 ta’ April 2006 (GURI Nru 100, tat‑2 ta’ Mejju 2006), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Preċedenti tal-Kuntratti Pubbliċi”), proposta ta’ finanzjament ta’ proġetti għall-konċessjoni tal-ġestjoni tal-awtostrada A4/A5, tan-network awtostradali u periferiku ta’ Torino (l-Italja) kif ukoll tat-twettiq ta’ xogħlijiet għas-sigurtà tan-nodu idrawliku ta’ Ivrea (l-Italja), tat-tnaqqis tar-riskju sismiku u tal-istandardizzazzjoni tal-infrastrutturi (iktar ’il quddiem l-“ewwel proposta”).

19

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda”), il-MIT ċaħad din il-proposta billi sostna b’mod partikolari, minn naħa, li l-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti ma kinitx applikabbli għall-konċessjoni ta’ ġestjoni ta’ awtostrada u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija proposta la ma kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Kodiċi Preċedenti tal-Kuntratti Pubbliċi u lanqas mal-Artikolu 178 u mal-Artikolu 183(15) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

20

Ativa ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja) intiż, minn naħa, sabiex tiġi annullata l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda u, min-naħa l-oħra, sabiex il-MIT jiġi obbligat jiddeċiedi dwar l-interess pubbliku jew il-fattibbiltà tal-ewwel proposta.

21

Insostenn ta’ dan ir-rikors, Ativa sostniet li l-MIT ma kienx osserva t-terminu ta’ tliet xhur impost fuq l-amministrazzjonijiet kontraenti, permezz tal-Artikolu 153(19) tal-Kodiċi Preċedenti tal-Kuntratti Pubbliċi, sabiex jevalwaw il-proposti sottomessi. B’hekk, l-ewwel proposta tagħha, li kienet ġiet ippreżentata fix-xahar ta’ Settembru 2015, kellha, minn naħa, tiġi evalwata qabel l-aħħar tas-sena 2015 u mhux, kif kienet, f’Ġunju 2016 u, min-naħa l-oħra, kellha bħala bażi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Preċedenti tal-Kuntratti Pubbliċi u mhux dawk tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

22

Fl‑20 ta’ Settembru 2016, Ativa ssottomettiet lill-MIT it-tieni proposta ta’ finanzjament tal-proġetti msemmija fil-punt 18 ta’ dan id-digriet, ibbażata, din id-darba, fuq l-Artikolu 183(15) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2017 u għal raġunijiet komparabbli ma’ dawk li fuqhom kienet ibbażata l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda, il-MIT ċaħad it-tieni proposta (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ ċaħda”). Il-MIT ibbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi, introdott bid-Digriet Korrettiv u li daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Mejju 2017. Skont din id-dispożizzjoni, l-amministrazzjonijiet ma jistgħux jagħtu l-konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jirrikorru għall-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti.

23

Ativa ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ ċaħda.

24

Permezz ta’ żewġ sentenzi tal‑31 ta’ Awwissu 2018, din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi ta’ Ativa.

25

Permezz tal-ewwel sentenza tagħha, l-imsemmija qorti qieset li l-ksur mill-MIT tat-terminu ta’ tliet xhur, previst fl-Artikolu 153(19) tal-Kodiċi Preċedenti tal-Kuntratti Pubbliċi, ma jistax, waħdu, jivvizzja b’illegalità l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda. Barra minn hekk, hija ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li din kienet tipprevedi li l-proposta ta’ finanzjament ta’ proġetti għandha tikkonsisti fi proġett preliminari li abbażi tiegħu ssir l-għażla tal-konċessjonarju. It-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte) ikkonkludiet għalhekk li proposta li, bħal dik ta’ Ativa, tinkludi proġett definittiv hija inammissibbli, peress li tali proġett huwa meħtieġ biss fi stadju ulterjuri tal-proċedura.

26

Din il-qorti qieset ukoll li l-argument li jgħid li l-MIT ma setax jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-Artikolu 183 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi kien irrilevanti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, għalkemm adottata wara l-preżentazzjoni tal-ewwel proposta, kienet fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda.

27

Permezz tat-tieni sentenza tagħha, l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra t-tieni deċiżjoni ta’ ċaħda għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 25 u 26 ta’ dan id-digriet. Barra minn hekk, skont l-istess qorti, it-tieni proposta ma kinitx konformi mal-Artikolu 183(15) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

28

Ativa appellat minn dawn iż-żewġ sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Hija tosserva li l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi, li jipprojbixxi lill-amministrazzjonijiet milli jagħtu l-konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jirrikorru għall-proċedura prevista fl-Artikolu 183 ta’ dan il-kodiċi, ġie introdott wara li hija ppreżentat iż-żewġ proposti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li ż-żewġ proposti tagħha għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Preċedenti tal-Kuntratti Pubbliċi. Barra minn hekk, sa fejn il-MIT bl-ebda mod ma rrefera għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Korrettiv, Ativa ma ngħatatx il-possibbiltà li ssostni r-raġunijiet li għalihom ir-regoli ġodda introdotti ma japplikawx għall-kawża prinċipali, u dan jikser id-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura.

29

Il-MIT iqis, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi huwa applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-konċessjonijiet “li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu”. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi għal ftuħ ikbar għall-kompetizzjoni u sabiex jiġi evitat li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ex amministraturi, li huma detenturi ta’ konċessjonijiet li ser jiskadu u li ngħataw mingħajr sejħa għal offerti. Barra minn hekk, mill-prinċipju tempus regit actum jirriżulta li, bla ħsara għal dispożizzjonijiet tranżitorji speċifiċi, kull fażi jew att tal-proċedura taqa’ taħt is-sistema prevista mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data meta din il-fażi tiżvolġi jew fid-data tal-adozzjoni tal-att li jikkonkludi l-fażi awtonoma tal-proċedura li minnha tagħmel parti. F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda fażi preparatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

30

Barra minn hekk, matul il-fażi preliminari, ma hijiex kwistjoni li tintgħażel l-aħjar offerta abbażi ta’ kriterji tekniċi u ekonomiċi ddeterminati minn qabel, iżda li tiġi evalwata minn qabel il-fattibbiltà ta’ proposta ta’ proġett u li jiġi approvat proġett li għandu jservi bħala bażi għas-sejħa għal offerti. L-awtur tal-proposta huwa kklassifikat bħala “promotur” u jiġi mistieden jagħmel offerta biss fil-każ ta’ approvazzjoni tal-proġett u ta’ ftuħ tas-sejħa għal offerti.

31

Ladarba jiġi approvat il-proġett, l-għoti tal-konċessjoni jsir biss fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, abbażi tal-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Din il-fażi hija indipendenti minn dik preċedenti u għandha titwettaq skont ir-regoli ta’ sejħa għal offerti, bla ħsara għad-dritt ta’ prijorità mogħti lill-promotur mill-Artikolu 183(15) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

32

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis, bħall-MIT, li l-prinċipju ġenerali ta’ legalità jirrikjedi li l-amministrazzjoni tikkonforma ruħha mal-liġi fis-seħħ fil-mument meta hija turi r-rieda tagħha li torganizza l-proċedura li twassal għall-għażla tal-konċessjonarju. Għaldaqstant, jekk proposta ta’ konċessjoni ppreżentata abbażi ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi preċedenti ma tkunx għadha ġiet approvata fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida, l-amministrazzjoni tista’, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli tranżitorji previsti mil-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ matul il-proċedura, tapprova dan l-abbozz u torganizza s-sejħa għal offerti biss billi tibbaża ruħha fuq is-sistema l-ġdida.

33

Issa, fil-qasam tal-konċessjonijiet ta’ awtostradi, id-Digriet Korrettiv żied il-paragrafu 8‑bis mal-Artikolu 178 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi, li jipprojbixxi l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jsir użu mill-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti prevista fl-Artikolu 183 ta’ dan il-kodiċi.

34

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis, l-ewwel nett, li t-tieni deċiżjoni ta’ ċaħda hija legali. Fil-fatt, l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi daħal fis-seħħ matul il-fażi preliminari tal-proċedura u għalhekk huwa applikabbli għad-deċiżjoni li għalqet b’mod definittiv il-proċedura billi ċaħdet il-proposta tal-konċessjonarju li l-awtorizzazzjoni tiegħu kienet ser tiskadi.

35

It-tieni nett, peress li l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Korrettiv, il-projbizzjoni li jsir użu mill-finanzjament ta’ proġetti għal konċessjoni awtostradali ma hijiex applikabbli. Madankollu, minkejja li l-MIT ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi sabiex jiċħad l-ewwel proposta, il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni huwa ineffettiv. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi wkoll li jiġu inklużi, fil-programmazzjoni tal-amministrazzjoni kontraenti, proġetti ta’ operaturi privati li diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ta’ fattibbiltà favorevoli, b’mod li Ativa ma jkollha l-ebda interess li tikseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda.

36

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis madankollu neċessarju li jiġi eżaminat il-motiv imqajjem minn Ativa bbażat fuq il-fatt li, billi jipprojbixxi purament u sempliċement lill-amministrazzjonijiet konċedenti milli jirrikorru għall-finanzjament ta’ proġetti għall-għoti ta’ konċessjoni, l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi jikser il-prinċipju ta’ “libertà tal-proċedura” li jgħid li l-amministrazzjoni konċedenti għandha diskrezzjoni wiesgħa sabiex tiddefinixxi u torganizza l-proċedura li twassal għall-għażla tal-konċessjonarju, u li l-osservanza tiegħu hija imposta fuq il-leġiżlatur nazzjonali skont il-premessa 68 kif ukoll l-Artikolu 37(6) tad-Direttiva 2014/23.

37

Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-[Unjoni], u, b’mod partikolari, il-prinċipji stabbiliti bid-Direttiva [2014/23], b’mod speċifiku l-libertà tal-għażla tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratt, b’osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, imsemmija fil-premessa 68 u fl-Artikolu 30 [ta’ din id-direttiva], fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratti, jipprekludi liġi nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 178(8‑[bis]) [tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi], li jipprojbixxi mingħajr kundizzjonijiet lill-amministrazzjonijiet milli jipproċedu bl-għoti tal-kuntratti tal-autostrade li skadew jew li ser jiskadu bl-użu tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 183 [tal-istess kodiċi], li jirregola l-finanzjament tal-proġett?”

Fuq id-domanda preliminari

38

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda magħmula b’mod preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

39

Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.

40

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex intiża sabiex isir magħruf jekk il-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti rregolata mill-Artikolu 183 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2014/23, iżda sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jimponi fuq l-awtoritajiet kontraenti tiegħu l-obbligu li jirrikorru għal konċessjoni għall-ġestjoni ta’ awtostradi u, b’dan il-mod, jipprojbixxulhom milli jagħżlu l-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti.

41

Permezz tad-domanda tiegħu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23, moqri flimkien mal-Artikolu 30 u mal-premessi 5 u 68 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jagħtu konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jirrikorru għall-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti prevista fl-Artikolu 183 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

42

Fid-dawl kemm tal-formulazzjoni tad-Direttiva 2014/23 kif ukoll tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, din id-domanda teħtieġ risposta negattiva.

43

L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/23, moqri flimkien mal-premessa 8 tagħha, din id-direttiva għandha biss l-għan li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni minn awtoritajiet kontraenti u minn entitajiet kontraenti, meta l-valur stmat ta’ dawn il-kuntratti ma jkunx inqas mil-limiti previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva.

44

Għalhekk, id-Direttiva 2014/23 hija intiża li tapplika biss fil-każ fejn awtorità kontraenti jew entità kontraenti jkunu bdew proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni.

45

It-tieni nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23 jirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni libera mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, skont id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li dawn l-“awtoritajiet”, ikkunsidrati fil-kwalità tagħhom ta’ awtoritajiet li għandhom setgħa leġiżlattiva u mhux bħala awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti, huma liberi li jiddeċiedu kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, sabiex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, ta’ sigurtà u ta’ aċċessibbiltà, l-ugwaljanza fit-trattament u l-promozzjoni tal-aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti fil-qasam tas-servizzi pubbliċi.

46

It-tielet nett, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23, moqri flimkien mal-premessa 5 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jwettqu l-missjonijiet tagħhom ta’ interess pubbliku billi jużaw ir-riżorsi tagħhom stess, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew billi jiddelegaw dawn il-funzjonijiet lil operaturi ekonomiċi.

47

Għalhekk jidher li d-Direttiva 2014/23 ma tistax iċċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ ġestjoni għad-detriment tal-oħrajn. Din il-libertà timplika fil-fatt għażla li ssir fi stadju preċedenti għal dak tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li ma tistax, għaldaqstant, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita, C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 44, kif ukoll id-digrieti tas‑6 ta’ Frar 2020, Pia Opera Croce Verde Padova, C‑11/19, EU:C:2020:88, punt 41, u tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco, C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87, punt 33).

48

Ir-raba’ nett, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-affermazzjoni, li tinsab fl-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll fil-premessa 68 tagħha, li tgħid li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti hija libera li torganizza l-proċedura li twassal għall-għażla tal-konċessjonarju bla ħsara għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva.

49

Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali kellhom l-intenzjoni li jipprivileġġaw metodu ta’ ġestjoni b’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jibbenefikaw biss minn libertà kundizzjonata li, konsegwentement, tista’ tintuża biss fil-kuntest tal-għażliet politiċi magħmula minn qabel mill-imsemmija awtoritajiet.

50

Il-ħames nett, il-libertà li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23, fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ ġestjoni li huma jqisu l-iktar xieraq għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew għall-provvista ta’ servizzi ma tistax madankollu tkun illimitata. Għall-kuntrarju, hija għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tal-prinċipji li jirriżultaw minnu, bħall-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita, C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digrieti tas‑6 ta’ Frar 2020, Pia Opera Croce Verde Padova, C‑11/19, EU:C:2020:88, punt 45, u tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco, C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87, punt 37).

51

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, li għandha tiżgura li l-projbizzjoni għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti li jirrikorru għall-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti, kif stabbilita fl-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi, ma qabżitx il-limiti msemmija fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, jidher li jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea, li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura l-ftuħ l-iktar wiesa’ possibbli għall-kompetizzjoni fil-konċessjonijiet awtostradali. Peress li kien biss reċentement li s-settur tal-konċessjonijiet awtostradali nfetaħ għall-kompetizzjoni, il-leġiżlatur Taljan għażel sistema ta’ sejħa pubblika għal offerti billi pprojbixxa l-alternattiva li tikkostitwixxi fl-għoti ta’ dawn il-konċessjonijiet permezz tal-finanzjament ta’ proġetti. B’dan il-mod, l-Artikolu 178(8‑bis) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi għandu l-għan li jevita li jiġi rrikonoxxut kwalunkwe vantaġġ, anki jekk de facto, lill-konċessjonarji li l-awtorizzazzjoni tagħhom tkun ser tiskadi.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23, moqri flimkien mal-Artikolu 30 u mal-premessi 5 u 68 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jagħtu konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jirrikorru għall-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti prevista fl-Artikolu 183 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Kuntratti Pubbliċi.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 30 u mal-premessi 5 u 68 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jagħtu konċessjonijiet ta’ awtostradi li jkunu skadew jew li jkunu ser jiskadu billi jirrikorru għall-proċedura ta’ finanzjament ta’ proġetti prevista fl-Artikolu 183 tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat‑18 ta’ April 2016.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.