30.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fid-9 ta’ Lulju 2019 — NMI Technologietransfer GmbH vs EuroNorm GmbH

(Kawża C-516/19)

(2019/C 328/24)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NMI Technologietransfer GmbH

Konvenuta: EuroNorm GmbH

Domandi preliminari

1)

Kumpannija b’responsabbiltà limitata li teżerċita attività ekonomika tista’ ma titqiesx, skont l-Artikolu 3(4) tal-Anness I tar-Regolament 651/2014 (1), bħala impriża żgħira jew ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem “SME”) unikament minħabba li 90 % tal-kapital azzjonarju tagħha huwa miżmum minn fondazzjoni kkostitwita taħt id-dritt ċivili li l-bord tagħha (Kuratorium), li ma huwiex awtorizzat jiżgura l-ġestjoni, huwa kkostitwit minn 17-il membru li jinkludu żewġ rappreżentanti ta’ ministeri, is-sindku ta’ belt, ir-rettur ta’ università, tliet professuri ta’ din l-università, il-president ta’ stabbiliment ieħor ta’ edukazzjoni ogħla u d-direttur ta’ kamra tal-kummerċ u tal-industrija?

2)

L-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla pubbliċi kif ukoll il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija huma organi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014?

3)

Il-persuni li jaġixxu fuq bażi volontarja fil-bord tal-fondazzjoni huma organi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 unikament minħabba li dawn jaħdmu prinċipalment f’organu pubbliku?

4)

Il-kontroll eżerċitat mill-organi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 jippreżupponi li l-korpi tal-organi pubbliċi jistgħu jagħtu struzzjonijiet ta’ votazzjoni, fuq il-bażi ta’ relazzjoni legali, lill-membri tal-bord tal-fondazzjoni li jaġixxu fuq bażi volontarja?

5)

Il-kontroll indirett tad-drittijiet tal-vot mill-organi pubbliċi jippreżupponi li l-organi pubbliċi jinfluwenzaw lill-membri tal-bord tal-fondazzjoni sabiex dawn jeżerċitaw id-drittijiet ta’ vot tagħhom b’mod iddefinit minn dawn l-organi pubbliċi?

6)

Ikun hemm diġà kontroll indirett tad-drittijiet tal-vot mill-organi pubbliċi jekk ikun possibbli li l-membri tal-bord tal-fondazzjoni li jaġixxu fuq bażi volontarja jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-organi pubbliċi ta’ oriġini tagħhom fil-kuntest tal-attività tagħhom fi ħdan il-bord?

7)

Il-“kontroll konġunt”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014, jeżiġi li jkun possibbli li tiġi kkonstatata l-formazzjoni ta’ volontà komuni tal-organi pubbliċi fil-qasam tad-dritt tal-vot?

8)

It-terminu “kontroll”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014, jirreferi għall-applikazzjoni effettiva tal-istatut mill-fondazzjoni jew għal interpretazzjoni possibbli tat-termini tal-istatut?


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat [dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea] (ĠU 2014, L 187 p. 1).