12.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) fit-18 ta’ April 2019 — Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, Unie Moskeeën Antwerpen VZW u Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW, JG u KH, Executief van de Moslims van België et, Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België. Section belge du Congrès juif mondial u Congrès juif européen VZW et, partijiet oħra: LI, Vlaamse regering, Waalse regering, Kosher Poultry BVBA et u Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA)

(Kawża C-336/19)

(2019/C 270/16)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, Unie Moskeeën Antwerpen VZW, Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW, JG, KH, Executief van de Moslims van België et, Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België. Section belge du Congrès juif mondial u Congrès juif européen VZW et

Partijiet oħra: LI, Vlaamse regering, Waalse regering, Kosher Poultry BVBA et, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA)

Domandi preliminari

1.

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (1) tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri, b’deroga mid-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament u bil-għan tal-promozzjoni tal-benessri tal-annimali, li jadottaw regoli bħal dawk li jinsabu fid-digriet tal-Vlaamse regering (il-Gvern Fjamming) tas-7 ta’ Lulju 2017“li jemenda l-liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali, f’dak li jikkonċerna l-metodi awtorizzati għat-tbiċċir tal-annimali”, liema regoli jipprevedu, minn naħa, projbizzjoni tat-tbiċċir ta’ annimali mingħajr sturdament applikabbli wkoll waqt it-tbiċċir imwettaq fil-kuntest ta’ rit reliġjuż u, min-naħa l-oħra, proċess ta’ sturdament alternattiv għat-tbiċċir imwettaq fil-kuntest ta’ rit reliġjuż, ibbażat fuq l-isturdament reversibbli u fuq il-premessa li tgħid li l-isturdament ma jistax iwassal għall-qtil tal-annimal?

2.

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fil-pożittiv, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tal-imsemmi regolament jikser, fl-interpretazzjoni esposta fl-ewwel domanda, l-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

3.

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fil-pożittiv, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament jikser, fl-interpretazzjoni esposta fl-ewwel domanda, l-Artikoli 20, 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan jipprevedi biss, għat-tbiċċir tal-annimali konformement ma’ metodi partikolari stabbiliti minn riti reliġjużi, eċċezzjoni suġġetta għall-kundizzjoni tal-obbligu ta’ sturdament tal-annimal (Artikolu 4(4) flimkien mal-Artikolu 26(2)), filwaqt li għall-qtil ta’ annimali fil-kuntest tal-kaċċa, tas-sajd u ta’ manifestazzjonijiet kulturali u sportivi, għar-raġunijiet esposti fil-premessi tar-regolament, huma previsti dispożizzjonijiet li jgħidu li dawn l-attivitajiet ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jew ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ sturdament tal-annimal waqt il-qtil tiegħu (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), u l-Artikolu 1(3)) ?


(1)  ĠU 2009, L 303, p. 1.