SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt internazzjonali

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

Id-Direttiva 2008/115

 

Id-Direttiva 2013/32

 

Id-Direttiva 2013/33

 

Id-dritt Ungeriż

 

Il-Liġi fundamentali

 

Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

 

Il-Liġi Nru LXXXIX tal‑2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat

 

Il-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi

 

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 

Il-Kawża C‑924/19 PPU

 

Il-Kawża C‑925/19 PPU

 

Fuq il-proċedura b’urġenza

 

Fuq id-domandi preliminari

 

Fuq il-ħames domanda

 

Fuq l-ewwel domanda

 

Fuq it-tieni domanda

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

Fuq il-mertu

 

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-eżistenza ta’ detenzjoni

 

– Fuq il-kunċett ta’ detenzjoni

 

– Fuq il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid inkwistjoni fil-kawża prinċipali

 

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33

 

– Fuq l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

 

– Fuq l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33

 

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti mid-Direttiva 2008/115

 

Fuq il-konsegwenzi ta’ detenzjoni irregolari

 

Fuq l-ispejjeż

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Motivi ta’ inammissibbltà – Artikolu 40 – Applikazzjonijiet sussegwenti – Artikolu 43 – Proċeduri fuq il-fruntiera – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 2(h), u Artikoli 8 u 9 – Detenzjoni – Legalità – Direttiva 2008/115/UE – Artikolu 13 – Rimedji effettivi – Artikolu 15 – Detenzjoni – Legalità – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

FMS

FNZ (C‑924/19 PPU)

SA,

SA junior (C‑925/19 PPU)

vs

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság,

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, S. Rodin, P. G. Xuereb u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, D. Šváby, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal FNZ u FMS, minn T. Kovács, B. Pohárnok u G. Matevžič, ügyvédek,

għal SA u SA junior, minn B. Pohárnok u G. Matevžič, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, M. Condou-Durande, Z. Teleki, A. Tokár u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni:

tal-Artikoli 13, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98);

tal-Artikoli 6, 26, 33, 35, tal-Artikolu 38(4), kif ukoll tal-Artikoli 40 u 43 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60);

tal-Artikolu 2(h) kif ukoll tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), u

tal-Artikoli 1, 4, 6, 18, 47 u tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, FMS u FNZ kontra Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alfödi Regionális Igazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Migrazzjoni, Direttorat Reġjonali ta’ Dél-alföd, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad”), li qabel kienet tissejjaħ Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal Dél-alföldi Regionális Igazgatósága (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, Direttorat Ġenerali ta’ Dél-alföd, l-Ungerija), u kontra Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Migrazzjoni, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità responsabbli għall-ażil”), li qabel kienet tissejjaħ Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija) (C‑924/19 PPU) u, min-naħa l-oħra, SA u SA junior kontra l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad u l-awtorità responsabbli għall-ażil (C‑925/19 PPU), dwar deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ FMS u ta’ FNZ kif ukoll dawk ta’ SA u ta’ SA junior bħala inammissibbli, u li jordnaw it-tneħħija tagħhom, akkumpanjati minn projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju Ungeriż għal perijodu ta’ sena.

3

Mill‑1 ta’ April 2020, dawn iż-żewġ kawżi jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tas-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szegedi, l-Ungerija), dejjem kif din il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr madankollu ma tirtira d-domandi li kienu tressqu mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szegedi, l-Ungerija).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

4

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu irregolarment, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑8 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2007, L 334, p. 45, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni u s-Serbja”), jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat”:

“1.   Is-Serbja għandha tħalli jidħlu mill-ġdid, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr ebda formalità oħra ħlief dawk provduti f’dan il-Ftehim, lill-persuni kollha ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat li ma tissodisfax, jew m’għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba kemm-il darba ma jiġix ippruvat, jew jista’ jiġi assunt b’mod validu fuq il-bażi ta’ provi prima facie provduti, li dawn il-persuni:

a)

għandhom fil-pussess tagħhom, jew fil-ħin tad-dħul kellhom fil-pussess tagħhom, viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza valida maħruġa mis-Serbja, jew

b)

daħlu illegalment u direttament fit-territorju ta’ l-Istati Membri wara li jkunu qagħdu fi, jew għamlu tranżitu mit-territorju tas-Serbja.

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/115

5

Il-premessi 6, 13, 16, 17 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(6)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.

[…]

(13)

L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta’ l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. […]

[…]

(16)

L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.

(17)

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.

[…]

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta].”

6

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]”.

7

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

8

L-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[…]”.

9

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/115:

“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)

meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement […]

[…]”

10

L-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.”

11

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

3.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb parir legali, rappreżentanza u, fejn meħtieġ, assistenza lingwistika.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali u/jew ir-rappreżentanza meħtieġa tingħata fuq talba mingħajr ħlas skont il-leġislazzjoni jew ir-regoli nazzjonali applikabbli għall-għajnuna legali u jistgħu jipprovdu li din l-għajnuna legali u/jew rappreżentazzjoni mingħajr ħlas għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) sa (6) tad-Direttiva 2005/85/KE [tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13)].”

12

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

(b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

(b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

13

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għandhom jitħallew – fuq talba – jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.   Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u non-governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta’ detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn huma wżati għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skond dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmumin f’detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b’informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skond il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma’ l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4.”

Id-Direttiva 2013/32

14

Il-premessi 34 u 38 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxu:

“(34)

Il-proċeduri għall-eżami tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu tali li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(38)

Ħafna applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jsiru fil-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu ta’ Stat Membru qabel ma tittieħed deċiżjoni rigward id-dħul tal-applikant. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu għall-ammissibbiltà u/jew proċeduri ta’ eżami sostantivi li jippermttu li dawn l-applikazzjonijiet jiġu deċiżi f’dawk il-postijiet f’ċirkustanzi definiti sew.”

15

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]

(e)

‘deċiżjoni finali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni li tistabbilixxi jekk ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat tingħatalhom status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja bi qbil mad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)].

(f)

‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

[…]

(q)

‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).”

16

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprevedi:

“1.   Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

17

L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa/hija jkun/tkun applikant. Ir-raġunijiet għal u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-garanziji disponibbli għall-applikanti detenuti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-Direttiva [2013/33].

2.   Fejn applikant jinżamm f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja rapida taħt id-Direttiva [2013/33].”

18

Skont l-Artikolu 33 tal-istess direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

(b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

(c)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, skont l-Artikolu 38;

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

(e)

persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

19

L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Il-kunċett ta’ l-ewwel pajjiż ta’ asil”, huwa fformulat kif ġej:

“Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:

(a)

huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

(b)

huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement,

sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż.

Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu.”

20

L-Artikolu 38 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

(a)

il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

(b)

ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva [2011/95];

(c)

jiġi rispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-[Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif emendata bil-protokoll marbut mal-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967];

(d)

tkun rispettata l-projbizzjoni tal-espulsjoni [tneħħija] ta’ persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; kif ukoll

e)

tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-[Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif emendata bil-protokoll marbut mal-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967].

2.   L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

(a)

regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

(b)

regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

(c)

regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a).

[…]

4.   Fejn il-pajjiż terz ma jippermettix l-applikant biex jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II.

[…]”

21

L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

3.   Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46.

5.   Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).

6.   Il-proċedura msemmija f’dan l-Artikolu tista’ tkun applikabbli wkoll fil-każ ta’:

(a)

persuna dipendenti li tippreżenta applikazzjoni wara li hija, taħt l-Artikolu 7(2), tkun tat il-kunsens tagħha sabiex il-każ tagħha jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’isimha, u/jew

(b)

persuna minorenni mhux miżżewġa li tippreżenta applikazzjoni wara tkun ippreżentata applikazzjoni oħra f’isimha taħt l-Artikolu 7(5)(c).

F’ dawk il-każi l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2 jikkonsisti fl-eżami jekk hemmx xi fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti jew tal-persuna minorenni mhux miżżewġa li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.

7.   Fejn persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament (UE) 604/2013 tagħmel rappreżentazzjonijiet addizjonali jew applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jitrasferixxi, dawk ir-rappreżentazzjonijiet jew applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabli, kif definit f’dak ir-Regolament, konformement ma’ din id-Direttiva.”

22

L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Proċeduri fuq il-fruntiera”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

(a)

l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, taħt l-Artikolu 33, li ssir f’dawn il-postijiet; u/jew

(b)

is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fil-paragrafu 1 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba’ ġimgħat, l-applikant għandu jitħalla jidħol fit-territorju tal-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

3.   Fil-każijiet ta’ wasliet li jinvolvu numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, li jagħmluha impossibbli fil-prattika li jiġu applikati hemmhekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu.”

Id-Direttiva 2013/33

23

Il-premessa 17 tad-Direttiva 2013/33 tipprovdi:

“Ir-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar-raġunijiet l-oħra ta’ detenzjoni, inklużi r-raġunijiet ta’ detenzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li jkunu applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, mhux relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terzi jew persuna apolida.”

24

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali;

[…]

(g)

‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali’ tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

(h)

‘detenzjoni’ tfisser restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha;

[…]”

25

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Residenza u libertà ta’ moviment”:

“1.   L-applikanti jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza lill-applikant minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza suġġetti għal residenza reali mill-applikanti f’post speċifiku, li għandu jkun determinat mill-Istati Membri. Tali deċiżjoni, li tista’ tkun ta’ natura ġenerali, għandha tittieħed fuq livell individwali u stabbilita mil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li jagħtu lill-applikanti permess temporanju li jħallu l-post ta’ residenza msemmi fil-paragrafu 2 u 3 u/jew iż-żona assenjata msemmija fil-paragrafu 1. Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq livell individwali, oġġettivament u imparzjalment u jingħataw raġunijiet jekk dawn ikunu negattivi.

L-applikant m’għandux ikun jeħtieġ permess biex iżomm appuntamenti ma’ awtoritajiet u qrati jekk il-preżenza tiegħu tkun meħtieġa.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizz kurrenti tagħhom u jinnotifikaw kull tibdil fl-indirizz lil tali awtoritajiet mill-aktar fis possibbli.”

26

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, bit-titolu “Detenzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva [2013/32].

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

(a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

(b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

(c)

sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

(d)

meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva [2008/115] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

(e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

(f)

skond l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013:

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

27

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”, jipprevedi:

“1.   Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.   Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tal-eżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.   L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas.

5.   Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

6.   Fil-każijiet ta’ eżami ġudizzjarju tal-ordni tad-detenzjoni previst fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għandhom aċċess għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas. Din għandha tinkludi, mill-inqas, it-tħejjija tad-dokumenti proċedurali meħtieġa u parteċipazzjoni fis-smigħ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’isem l-applikant.

L-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandha tingħata minn persuni kwalifikati kif adatt, kif ammessi jew permessi skont il-liġi nazzjonali, li l-interessi tagħhom ma jkunux f’kunflitt jew li ma jistgħux ikunu f’kunflitt potenzjali mal-interessi tal-applikant.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu għal assistenza legali u rappreżentazzjoni bla ħlas:

(a)

biss lil dawk li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti;

(b)

biss permezz tas-servizzi mogħtija minn konsulenti legali jew konsulenti oħrajn nominati speċifikament mil-liġi nazzjonali biex jassistu u jirrappreżentaw lil applikanti.

8.   L-Istati Membri jistgħu wkoll:

(a)

jimponu limiti taż-żmien u/jew monetarji dwar l-għoti ta’ assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas, sakemm limiti bħal dawn ma jillimitawx b’mod arbitrarju l-aċċess għall-assistenza u r-rappreżentanza legali;

(b)

jipprovdu li, fir-rigward ta’ tariffi u spejjeż oħra, it-trattament tal-applikanti m’għandux ikun aktar favorevoli mit-trattament ġenerali mogħti liċ-ċittadini tagħhom f’materji li jikkonċernaw l-assistenza legali.

9.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu rimborż sħiħ jew parzjali għal kwalunkwe spejjeż imħallsa jekk u meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant tkun tjiebet konsiderevolment jew jekk id-deċiżjoni li ttieħdet biex jingħataw tali spejjeż tkun ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija mill-applikant.

10.   Il-proċeduri għal aċċess għall-assistenza legali u r-rappreżentanza għandhom ikunu stipulati fil-liġi nazzjonali.”

28

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ detenzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-detenzjoni tal-applikanti għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Fejn Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità ta’ detenzjoni speċjalizzata u jkun obbligat li jirrikorri għall-akkomodazzjoni f’ħabs, l-applikant għandu jinżamm separatament mill-ħabsin ordinarji u għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti f’din id-Direttiva.

Sakemm ikun possibbli, l-applikanti f’detenzjoni għandhom jinżammu separatament minn ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li ma ddepożitawx applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

[…]”

29

Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ lqigħ materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi biżżejjed biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jiżguraw is-sussistenza tagħhom.

[…]”

30

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/33, li jesponi l-“[m]odalitajiet tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, din għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

(a)

binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ssir fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu;

(b)

ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

(c)

djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jsiru addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.”

31

Intitolat “Appelli”, l-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet konnessi mal-għotja, l-rtirar jew it-tnaqqis ta’ benefiċċji taħt din id-Direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu asil jistgħu jkunu suġġetti għal appell fi ħdan il-proċedura stipulata fil-liġi nazzjonali. Għall-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibilità ta’ appell jew eżami, fil-fatt u bi dritt, quddiem awtorità ġudizzjarja.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Liġi fundamentali

32

L-Artikolu XIV(4) tal-Alaptörvény (il-Liġi fundamentali) huwa fformulat kif ġej:

“Jekk la l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u lanqas pajjiżi oħra ma jipproteġuhom, l-Ungerija tagħti, fuq talba, id-dritt ta’ ażil lil persuni li ma għandhomx nazzjonalità Ungeriża li jsofru minn persekuzzjonijiet jew jibżgħu, bir-raġun, li jiġu ppersegwitati direttament fil-pajjiż li tiegħu huma ċittadini jew fil-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom minħabba r-razza, in-nazzjonalità tagħhom, is-sħubija tagħhom fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet reliġjużi jew politiċi tagħhom. Persuna li ma għandhiex nazzjonalità Ungeriża li waslet fit-territorju tal-Ungerija minn pajjiż fejn ma kinitx esposta għal persekuzzjonijiet jew għal riskju dirett ta’ persekuzzjoni ma tistax tippretendi li tibbenefika mid-dritt għall-ażil.”

Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

33

L-Artikolu 5(1) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (Magyar Közlöny 2007/83, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprovdi dan li ġej:

“L-applikant għall-ażil għandu d-dritt

a) skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż u, skont il-leġiżlazzjoni speċifika, li jikseb permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż;

b) skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi u leġiżlazzjoni speċifika, li jirċievi benefiċċji, għajnuna u akkomodazzjoni;

ċ) li jokkupa impjieg fil-post fejn jinsab iċ-ċentru ta’ akkoljenza jew f’post ta’ xogħol iddeterminat mill-persuna pubblika li timpjega fi żmien disa’ xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil u sussegwentement, wara dan it-terminu, konformement mar-regoli ġenerali applikabbli għaċ-ċittadini barranin. […]”

34

L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“L-Ungerija għandha tagħti l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu XIV(4) tal-Liġi fundamentali tal-Ungerija.”

35

L-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li:

“L-Ungerija għandha tagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin barrani li ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat iżda fejn hemm ir-riskju li huwa jġarrab ħsara serja fil-każ li huwa jmur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li ma jistax jew, minħabba biża’ ta’ dan ir-riskju, ma jixtieqx jitlob il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.”

36

Skont l-Artikolu 45(1) ta’ din il-liġi:

“Il-prinċipju ta’ non-refoulement japplika meta l-applikant, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun espost għal riskju ta’ persekuzzjoni jew li jsofri t-trattament imsemmi fl-Artikolu XIV(3) tal-Liġi fundamentali minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu, u ma jkunx hemm pajjiż terz sigur li jilqgħu.”

37

L-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill‑1 ta’ Lulju 2018, jipprevedi motiv ta’ inammissibbiltà ġdid tal-applikazzjoni għall-ażil, iddefinita b’dan il-mod:

“L-applikazzjoni tkun inammissibbli meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew għar-riskju ta’ dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 12(1) jew li fih protezzjoni ta’ livell adegwat hija ggarantita.”

38

L-Artikolu 51/A ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“Jekk il-pajjiż ta’ oriġini bla periklu jew il-pajjiż terz bla periklu jirrifjuta li jieħu jew jieħu lura l-applikant, l-awtorità kompetenti tal-ażil għandha tirtira d-deċiżjoni tagħha u tmexxi l-proċedura tal-ażil.”

39

L-Artikolu 71/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jirregola l-proċedura fuq il-fruntiera, jipprovdi, fil-paragrafu 1 sa 7 tiegħu:

“(1)   Jekk iċ-ċittadin barrani jressaq it-talba tiegħu f’żona ta’ tranżitu

a) qabel ma tkun ġiet awtorizzata tidħol fit-territorju tal-Ungerija, jew

b) wara li jkun twassal sal-portal tal-installazzjoni li jservi sabiex jipproteġi l-ordni fil-fruntiera, kif imsemmi fl-[az államhatárról szóló 2007. évi LXXXIX. törvény (il-Liġi Nru LXXXIX tal‑2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat)] wara li ġie interrogat fi ħdan medda ta’ tmien kilometri mill-qsim tal-fruntiera esterna tat-territorju Ungeriż kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [(ĠU 2016, L 77, p.1)], jew mis-sinjali ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera

dan il-kapitolu għandu japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

(2)   Fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-fruntiera, l-applikant ma jibbenefikax mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(a) u (c).

(3)   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tagħti deċiżjoni bi prijorità fuq l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni, sa mhux iktar tard minn tmint ijiem mill-preżentata ta’ din tal-aħħar. L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tadotta mingħajr dewmien il-miżuri neċessarji għan-notifika tad-deċiżjoni mogħija matul il-proċedura.

(4)   Jekk ikunu għaddew erba’ ġimgħat wara t-tressiq tat-talba, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-pulizija tal-migrazzjoni għandha tawtorizza d-dħul, skont id-dispożizzjoni legali applikabbli.

(5)   Jekk l-applikazzjoni ma tkunx inammissibbli, l-awtorità kompetenti tal-pulizija tal-migrazzjoni għandha tawtorizza d-dħul, skont id-dispożizzjoni legali applikabbli.

(6)   Jekk l-applikant ikun ġie awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Ungerija, l-awtorità kompetenti tal-ażil għandha tmexxi l-proċedura skont ir-regoli ġenerali.

(7)   Ir-regoli tal-proċedura fuq il-fruntiera ma għandhomx japplikaw għal persuni vulnerabbli.

[…]”

40

Il-Kapitolu IX/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 80/I(i), li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 71/A ta’ din il-liġi.

41

F’dan l-istess kapitolu tal-imsemmija liġi, hemm l-Artikolu 80/J li jipprovdi li:

“1.   L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata personalment quddiem l-awtorità kompetenti u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu, ħlief jekk l-applikant għall-ażil:

a)

huwa s-suġġett ta’ miżura koersiva, miżura jew kundanna li tirrestrinġi l-libertà personali;

b)

huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni ordnata mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil;

ċ)

jirrisjedi legalment fit-territorju Ungeriż u ma jitlobx akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza.

[…]

4.   Matul il-proċedura, l-applikanti għall-ażil li jgħixu fiż-żona ta’ tranżitu ma jibbenefikawx mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (ċ).

[…]”.

42

L-imsemmi Kapitolu IX/A tal-istess liġi jinkludi l-Artikolu 80/K li jipprovdi:

“1.   Deċiżjoni ta’ ċaħda li hija mmotivata mill-inammissibbiltà tat-talba, jew li ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, tista’ tiġi kkontestata f’terminu ta’ tlett ijiem. L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tibgħat lill-qorti, fi żmien tlett ijiem, ir-rikors, flimkien ma’ dokumenti relatati mal-każ u mar-risposta.

2.   L-awtorità kompetenti tal-ażil għandha tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha jew tagħlaq il-proċedura, jekk l-applikant għal ażil:

[…]

d)

jitlaq miż-żona ta’ tranżitu.

[…]

4.   Id-deċiżjoni li ttemm il-proċedura skont il-paragrafu 2 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża.”

Il-Liġi Nru LXXXIX tal‑2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat

43

L-Artikolu 15/A. tal-az államhatárról szóló 2007. évi LXXXIX. törvény (Magyar Közlöny 2007. évi 88. Száma, il-Liġi Nru LXXXIX tal‑2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat), dwar l-istabbiliment ta’ żona ta’ tranżitu, jipprevedi:

“(1)   Żona ta’ tranżitu tista’ tiġi stabbilita fiż-żona msemmija fl-Artikolu 5(1) sabiex isservi bħala post ta’ residenza temporanja lill-persuni li japplikaw biex jibbenefikaw mill-asil jew mill-protezzjoni sussidjarja […] u għall-post fejn jiżvolġu l-proċeduri dwar l-asil u l-pulizija tal-migrazzjoni u li jospitaw il-faċilitajiet meħtieġa għal dan il-għan.

(2)   Applikant għall-ażil li jinsab f’żona ta’ tranżitu jista’ jidħol fit-territorju Ungeriż:

a)

jekk l-awtorità kompetenti dwar l-ażil tieħu deċiżjoni li tagħtiha protezzjoni internazzjonali;

b)

jekk il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti għat-tmexxija ta’ proċedura ta’ ażil, skont ir-regoli ġenerali, jew

c)

jekk għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71/A(4) u (5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

(2a)   F’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dħul fit-territorju Ungeriż ta’ applikant għall-ażil li jinsab f’żona ta’ tranżitu jista’ jiġi awtorizzat fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b)

[…]

(4)   Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, f’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, installazzjoni li tinsab f’post differenti minn dak indikat fl-Artikolu 5(1) tista’ wkoll tiġi indikata bħala żona ta’ tranżitu.”

Il-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi

44

Skont l-Artikolu 47(9)(a) tal-A harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló törvény (il-Liġi Nru II tal‑2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) (Magyar Közlöny 2007. évi 1. Száma, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi”):

“L-awtorità kompetenti tal-pulizija tal-migrazzjoni tista’ – ex officio jew fuq talba – tirtira projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza jekk din tkun ġiet adottata kontra ċittadin ta’ pajjiż terz […] flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn mogħtija mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil, jew wara tali deċiżjoni, u li l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ juri li telaq mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f’konformità sħiħa ma’ dik id-deċiżjoni ta’ ritorn […].”

45

L-Artikolu 62 ta’ din il-liġi, dwar l-għoti ta’ post ta’ residenza partikolari, jipprevedi:

“(1)   L-awtorità kompetenti tal-pulizija tal-migrazzjoni tista’ tordna lil ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi f’post speċifiku meta:

[…]

f)

l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u la għandu l-mezzi materjali neċessarji għall-għajxien tiegħu, u lanqas residenza

[…]

(3)   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jingħata post ta’ residenza obbligatorju fi struttura ta’ akkomodazzjoni kollettiva jew f’ċentru ta’ akkoljenza meta ma jkunx jista’ jmantni lilu nnifsu, li ma jkollux akkomodazzjoni adegwata, la mezzi materjali jew dħul adegwati, u lanqas stedina min-naħa ta’ persuna li għandha tiżgura t-teħid ta’ responsabbiltà tiegħu, u lanqas ma jkollu membri tal-familja tiegħu li jistgħu jkunu obbligati jipprovdu għall-manteniment tiegħu.

(3a)   F’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, żona ta’ tranżitu tista’ wkoll tiġi indikata bħala post ta’ residenza obbligatorja.”

46

L-Artikolu 65(3b) u (4) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, li jirregola r-ritorn, jipprovdi:

“(3b)   Meta l-awtorità kompetenti tal-pulizija tal-migrazzjoni temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat fid-deċiżjoni ta’ ritorn minħabba aġir imputabbli lill-persuna kkonċernata, b’mod partikolari meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ikkomunika lill-awtorità fatti li ma jikkonformawx mal-verità fir-rigward tan-nazzjonalità tiegħu, jew minħabba li din hija ġġustifikata minn fatti oħra li għandhom effett fuq il-pajjiż ta’ ritorn, tista’ ssir oppożizzjoni għad-deċiżjoni jew għad-digriet li jemenda. Din l-oppożizzjoni tista’ ssir fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa min-notifika tad-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti tal-pulizija tal-migrazzjoni li tkun l-awtriċi tagħha. Id-deċiżjoni mogħtija dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ma tistax tiġi appellata.

(4)   L-awtorità kompetenti tal-pulizija tal-migrazzjoni għandha, mingħajr dewmien, tibgħat l-oppożizzjoni għall-infurzar, flimkien mal-proċess tal-każ, lill-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni, u din l-awtorità tal-aħħar għandha tiddeċiedi fi żmien 8 ijiem.”

47

Il-Gvern Ungeriż kien inizjalment introduċa, fil-leġiżazzjoni nazzjonali, id-dispożizzjonijiet dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi ġġenerata minn immigrazzjoni massiva għall-komitats tan-Nofsinhar tal-Ungerija, residenti fil-fruntiera Serba, u sussegwentement estendihom għat-territorju nazzjonali kollu u kontinwament estenda l-validità tagħhom, skont it-tömeges bevándorlás okozta válsághelyzet Magyarország egész területenval történelvelgġ. (III. 9.) Korm. (III. 9. Korm. Rendelet [id-Digriet tal-Gvern Nru 41/2016 (III.9) dwar id-dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva fit-territorju kollu tal-Ungerija, kif ukoll dwar ir-regoli dwar id-dikjarazzjoni, l-eżistenza u l-waqfien ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi].

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑924/19 PPU

48

FMS u FNZ, li huma ċittadini Afgani maġġuri, jifformaw koppja miżżewġa. Fil‑5 ta’ Frar 2019, huma ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke (l-Ungerija).

49

Insostenn tal-applikazzjoni tagħhom, FMS u FNZ iddikjaraw li, madwar tliet snin qabel, huma kienu telqu, għal raġunijiet politiċi, mill-Afganistan lejn it-Turkija, li kellhom viża valida maħruġa għal perijodu ta’ xahar, u li din il-viża kienet ġiet estiża b’sitt xhur mill-awtoritajiet Torok. Huma sostnew ukoll li huma għaddew mill-Bulgarija u mis-Serbja qabel ma daħlu, għall-ewwel darba, fl-Ungerija, li huma ma kienu ppreżentaw ebda applikazzjoni għall-ażil f’pajjiż ieħor u li ma kienu suġġetti għal ebda trattament ħażin, u lanqas għal xi dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95.

50

Fl-istess jum, l-awtorità responsabbli għall-ażil indikat iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke bħala l-post ta’ akkomodazzjoni ta’ FMS u ta’ FNZ, fejn għadhom jinsabu attwalment.

51

Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tal‑25 ta’ April 2019, l-awtorità responsabbli għall-ażil ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil ta’ FMS u ta’ FNZ, mingħajr eżami fil-mertu, bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 51(2) (f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, għar-raġuni li dawn tal-aħħar kienu waslu fl-Ungerija billi għaddew minn pajjiż terz li fit-territorju tiegħu huma ma kinux esposti għal persekuzzjonijiet li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew għal riskju ta’ dannu serju li jiġġustifika l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja tagħhom u li, fil-pajjiżi li huma għaddew minnhom qabel ma waslu fl-Ungerija, kienet ġiet żgurata, fil-konfront tagħhom, protezzjoni xierqa. Permezz ta’ din l-istess deċiżjoni, din l-awtorità affermat li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma kienx japplika fil-każ ta’ dawn ir-rikorrenti fir-rigward tal-Afganistan u ordnat it-tneħħija tagħhom lejn is-Serbja.

52

FMS u FNZ ippreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2019, mingħajr eżami tal-fondatezza tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom.

53

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad imponiet fuq FMS u fuq FNZ li jirrisjedu fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda, skont l-Artikolu 62(3)a tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi. Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑924/19 PPU jirriżulta li din id-deċiżjoni ma kinitx issemmi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata u li hija biss l-inosservanza tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni, imposta fuq l-imsemmija awtorità mil-leġiżlazzjoni rilevanti, li setgħet tiġi kkontestata quddiem il-qorti ordinarja permezz ta’ eċċezzjoni.

54

Fl-istess jum, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad ikkuntattjat lill-korp tal-pulizija kompetenti għar-ritorn lura lejn is-Serbja sabiex jieħu l-passi neċessarji għar-riammissjoni fis-Serbja ta’ FMS u ta’ FNZ.

55

Fit‑23 ta’ Mejju 2019, il-korp tal-pulizija kompetenti informa lill-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad bid-deċiżjoni tas-Serbja li ma taċċettax mill-ġdid lil FMS u FNZ fit-territorju tagħha minħabba li, peress li dawn ma daħlux illegalment fit-territorju Ungeriż mit-territorju Serb, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-Ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni u s-Serbja ma kinux issodisfatti.

56

Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑924/19 PPU jirriżulta li, sussegwentement, minkejja li s-Serbja ma aċċettatx ir-riammissjoni ta’ FMS u FNZ fit-territorju tagħha, l-awtorità responsabbli għall-ażil irrifjutat li teżamina l-fondatezza tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, għar-raġuni li, skont l-Artikolu 51/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, f’każ ta’ rifjut ta’ riammissjoni fit-territorju ta’ pajjiż terz, jitkompla biss jekk id-deċiżjoni li tkun ċaħdet din l-applikazzjoni bħala inammissibbli tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla periklu” jew ta’ “pajjiż terz bla periklu”.

57

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat id-deċiżjoni ta’ ritorn, li tinsab fid-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għall-ażil tal‑25 ta’ April 2019, f’dak li jirrigwarda l-pajjiż ta’ destinazzjoni, u ordnat it-tneħħija taħt skorta ta’ FMS u ta’ FNZ lejn l-Afganistan.

58

FMS u FNZ opponew għal dawn id-deċiżjonijiet ta’ emenda quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil, li taġixxi bħala awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni. Permezz ta’ digrieti tat‑28 ta’ Ġunju 2019, l-oppożizzjoni tagħhom ġiet miċħuda, mingħajr ma seta’ jiġi ppreżentat ebda appell kontra dawn id-digrieti, skont l-Artikolu 65(3)b tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi.

59

FMS u FNZ adixxew lill-qorti tar-rinviju, minn naħa, b’rikors għall-annullament tal-imsemmija digrieti u sabiex tordna lill-awtorità responsabbli għall-ażil tmexxi proċedura ġdida, billi sostnew, l-ewwel nett, li dawn l-istess digrieti jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ ritorn li għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja u, sussegwentement, li dawn id-deċiżjonijiet ta’ ritorn huma illegali. Fil-fatt, skont FMS u FNZ, l-awtorità responsabbli għall-ażil kellha teżamina l-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom peress li ma kinux ġew riammessi fit-territorju tas-Serbja u li l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jintroduċi l-kunċett ġdid ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla periklu”, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

60

Min-naħa l-oħra, FMS u FNZ ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikors amministrattiv kontenzjuż għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad, intiża sabiex jiġi kkonstatat li din l-awtorità naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi naqset milli tagħtihom akkomodazzjoni li tinsab barra miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

61

Il-qorti tar-rinviju għaqqdet dawn iż-żewġ rikorsi.

62

Din il-qorti tqis, fl-ewwel lok, li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ġġustifikat iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ FMS u ta’ FNZ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

63

Madankollu, hija tirrileva, fit-tieni lok, li ma teżisti ebda regola li teżiġi espressament it-tkomplija awtomatika tal-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ FMS u ta’ FNZ, minkejja li r-rifjut tat-teħid ta’ responsabbiltà tagħhom mis-Serbja rrenda mingħajr effett il-motiv ta’ inammissibbiltà li ġġustifika ċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni.

64

Barra minn hekk, għalkemm, matul eventwali eżami ġdid, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tista’ tinvoka motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(1) u (2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2013/32, il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li l-applikazzjoni għall-ażil tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġunijiet li jsir riferiment għalihom fl-Artikoli 35 u 38 ta’ din id-direttiva biss sa fejn il-persuna kkonċernata tiġi riammessa fit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat. Minn dan isegwi li, jekk ma jkun hemm ebda dubju li l-pajjiż li lejh din il-persuna għandha tintbagħat ma għandux jerġa’ jaċċettaha, l-awtorità responsabbli għall-ażil ma tkunx tista’ tiddikjara l-applikazzjoni għall-ażil inammissibbli.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tqis li FMS u FNZ għandhom dritt li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tiġi eżaminata mill-ġdid u tikkunsidra li għadhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32.

66

Għaldaqstant, hija tistaqsi, fit-tielet lok, dwar jekk FMS u FNZ għandhomx jitqiesu li huma f’detenzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, u, jekk ikun il-każ, jekk tali detenzjoni hijiex legali, peress li fil-każ tagħhom skada t-terminu ta’ erba’ ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 43(2) tal-imsemmija direttiva.

67

Madankollu, u jekk jitqies li FMS u FNZ ma għandhomx id-dritt li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom tiġi eżaminata mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-raba’ lok, jekk dawn tal-aħħar għandhomx jitqiesu li huma f’detenzjoni fis-sens tad-Direttiva 2008/115 u jekk, fl-affermattiv, din id-detenzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.

68

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li ż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, li tinsab fil-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja, hija mdawra b’għeluq għoli u b’fildiferru mxewwek, u tinkludi kontejners tal-metall intiżi b’mod partikolari għall-akkomodazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi preżenti f’din iż-żona. Is-superfiċji tal-kontejner li fih jgħixu FMS u FNZ ma taqbiżx 13 m2 u dan il-kontejner huwa mgħammar b’sodod fuq xulxin u armarji. Il-preżenza ta’ pulizija jew ta’ gwardjani armati hija żgurata b’mod permanenti ġewwa u barra minn din iż-żona ta’ tranżitu, kif ukoll fl-inħawi immedjati tal-imsemmi għeluq.

69

Iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke hija maqsuma f’diversi taqsimiet intiżi sabiex jospitaw, b’mod separat, l-applikanti għal ażil u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għal ażil ġiet miċħuda. Dawn it-taqsimiet huma separati minn xulxin permezz ta’ għeluq, b’tali mod li l-possibbiltà li wieħed jgħaddi minn taqsima għall-oħra hija estremament limitata. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑924/19 PPU jirriżulta li huwa possibbli li wieħed joħroġ minn taqsima darbtejn fil-ġimgħa biss għal madwar siegħa, sabiex imur fit-taqsimiet l-oħra.

70

FMS u FNZ jistgħu jitilqu mit-taqsima tagħhom biss meta l-preżenza tagħhom tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ atti tal-proċedura li jikkonċernawhom jew meta dawn imorru, taħt l-iskorta tal-pulizija jew ta’ gwardjani armati, għal kontrolli jew kura medika f’kontejner taż-żona ta’ tranżitu rriżervata għal dan il-għan. Il-possibbiltà li jkunu f’kuntatt ma’ persuni esterni għal din iż-żona – inkluż mal-avukati tagħhom – hija suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel. FMS u FNZ ma jistgħux jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke lejn post ieħor fl-Ungerija.

71

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni ta’ FMS u ta’ FNZ hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Novembru 2019, Ilias u Ahmed vs L-Ungerija (CE:ECHR:2019:1121JUD004728715).

72

B’hekk hija tirrileva b’mod partikolari li, fil-mument li FMS u FNZ tqiegħdu fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda, dawn ma kinux, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, applikanti għall-ażil u li ma daħlux f’din it-taqsima la minn jeddhom, u lanqas mis-Serbja, iżda mit-taqsima ta’ din iż-żona ta’ tranżitu rriżervata għall-applikanti għall-ażil.

73

Barra minn hekk, it-tqegħid fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke twettaq mingħajr deċiżjoni motivata, mingħajr evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tagħha, u ma jeżisti ebda stħarriġ ġudizzjarju li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha. Barra minn hekk, ebda regola nazzjonali ma tillimita t-tul ta’ residenza fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda.

74

Dejjem skont din il-qorti, FMS u FNZ ma jistgħux legalment jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, peress li t-tluq tagħhom huwa possibbli biss permezz ta’ tneħħija bl-ajruplan lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, li jista’ jagħti lok għal kunflitt armat intern u ma huwiex parti mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967. Għaldaqstant, it-tluq tagħhom jiddependi esklużivament mill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, peress li huwa mifhum li dawn ir-rikorrenti ma jistgħux imorru s-Serbja, peress li dawn issa huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u l-awtoritajiet Serbi ddeċidew li ma jaċċettawhomx lura.

75

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tqegħid ta’ FMS u ta’ FNZ fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda jikkostitwixxi detenzjoni li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Hija tqis għalhekk li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, hija għandha tkun tista’ ġġiegħel, bħala miżura provviżorja, l-awtorità responsabbli sabiex tattribwixxi lil FMS u lil FNZ post ta’ akkomodazzjoni li jinsab barra minn din iż-żona ta’ tranżitu, li ma jkunx post ta’ detenzjoni, sal-għeluq tal-proċedura amministrattiva kontenzjuża.

76

Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effettività tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat il-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi fid-deċiżjonijiet ta’ ritorn li huma s-suġġett tagħhom FMS u FNZ.

77

Fil-fatt, din il-qorti tirrileva, minn naħa, li peress li l-oppożizzjoni għal din id-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-awtorità responsabbli għall-ażil, filwaqt li din tal-aħħar taqa’ taħt l-awtorità tal-Ministru responsabbli mill-pulizija, tifforma parti mill-poter eżekuttiv u għalhekk ma hijiex korp indipendenti u imparzjali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti ma tippermettix lill-qorti tar-rinviju tistħarreġ id-deċiżjoni amministrattiva li tiddeċiedi dwar din l-oppożizzjoni, l-uniku stħarriġ dwar din l-aħħar imsemmija deċiżjoni jikkonsisti fis-setgħa ta’ sorveljanza tal-prosekutur pubbliku, li jista’, jekk ikun il-każ, jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva f’dan il-qasam.

78

Tali sitwazzjoni twassal, skont il-qorti tar-rinviju, sabiex id-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat fid-deċiżjoni ta’ ritorn tista’, b’mod definittiv, tinżamm minkejja li, fil-każ li jkollha ssir proċedura ġdida ta’ ażil fir-rigward ta’ FMS u FNZ, dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, iżda taħt dak tad-Direttiva 2013/32.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

[raġuni ġdida għal inammissibbiltà]

Id-dispożizzjonijiet dwar applikazzjonijiet inammissibbli tal-Artikolu 33 tad-[Direttiva 2013/32] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha applikazzjoni tkun inammissibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ ħsara serja jew fejn huwa ggarantit livell adegwat ta’ protezzjoni?

2)

[tmexxija ta’ proċedura ta’ ażil]

a)

L-Artikolu 6 u l-Artikolu 38(4) tad-[Direttiva 2013/32], kif ukoll il-premessa 34 tagħha, li jimponu obbligu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil ta’ Stat Membru għandha tiggarantixxi lill-applikant il-possibbiltà li jibda l-proċedura ta’ ażil fil-każ li hija ma tkunx eżaminat l-applikazzjoni għall-ażil fuq il-mertu billi tinvoka r-raġuni għal inammissibbiltà msemmija [fl-ewwel domanda], u sussegwentement jordna t-tneħħija tal-imsemmi applikant lejn Stat terz li madankollu ma aċċettax li dan jerġa jidħol [fit-territorju tiegħu]?

b)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) tkun fl-affermattiv, xi jfisser eżattament dan l-obbligu? Dan jinvolvi l-obbligu li tiġi żgurata l-possibbiltà li titressaq applikazzjoni ġdida għall-ażil, u għaldaqstant l-applikazzjoni tal-konsegwenzi negattivi fir-rigward tal-applikazzjonijiet sussegwenti previsti fl-Artikolu 33(2)(d) u fl-Artikolu 40 tad-Direttiva tad-[Direttiva 2013/32] hija pprojbita, jew inkella dan ifisser li l-proċedura ta’ ażil għandha tinbeda jew titmexxa ex officio?

ċ)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) tkun fl-affermattiv, huwa possibbli, anki fid-dawl tal-Artikolu 38(4) tad-[Direttiva 2013/32], li l-Istat Membru – sa fejn is-sitwazzjoni fattwali ma tkunx inbidlet – jeżamina mill-ġdid l-inammissibbiltà fil-kuntest ta’ din il-proċedura l-ġdida (u jkun għalhekk jista’ japplika kull tip ta’ proċedura prevista fil-Kapitolu III tad-Direttiva, pereżempju japplika mill-ġdid raġuni għal inammissibbiltà), jew inkella l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata fuq il-mertu fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini?

d)

Mill-Artikoli 33(1) u (2)(b) u (c), 35 u 38 tad-[Direttiva 2013/32], moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta, jirriżulta li wieħed mir-rekwiżiti kumulattivi għall-applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà rispettivament previsti, jiġifieri għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet, huwa li l-pajjiż terz jerġa’ jħalli lill-applikant jidħol, jew inkella huwa biżżejjed li jiġi vverifikat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt biss fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni?

3)

[Żona ta’ tranżitu inkwantu faċilità ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil] [It-tielet domanda hija rilevanti] jekk hemm lok, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domanda 2, li jkun hemm proċedura ta’ ażil.

a)

L-Artikolu 43 tad-[Direttiva 2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti d-detenzjoni tal-applikant f’żona ta’ tranżitu lil hinn minn perijodu ta’ erba’ ġimgħat?

b)

L-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva 2013/33], applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 26 tad-[Direttiva 2013/32], moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 52(3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, lil hinn mill-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar proċeduri, l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu, f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża prinċipali (żona li minnha ma huwa legalment possibbli ebda tluq volontarju irrispettivament mid-direzzjoni) hija detenzjoni?

ċ)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2013/33], applikabbli abbażi tal-Artikolu 26 tad-[Direttiva 2013/32], li, lil hinn mill-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-[Direttiva 2013/32], il-fatt li t-tqegħid f’detenzjoni tal-applikant iseħħ biss għar-raġuni li dan, peress li ma għandux mezzi ta’ sussistenza, ma jistax jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu (akkomodazzjoni u manteniment)?

d)

Huwa kompatibbli mal-Artikoli 8 u 9 tad-[Direttiva 2013/33], applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 26 tad-[Direttiva 2013/32], li l-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi detenzjoni de facto u li taqbeż il-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-[Direttiva 2013/32] ma tkunx ġiet ordnata permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni, li l-applikant ma għandu l-ebda rimedju fir-rigward tal-legalità tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni, li dan it-tqegħid f’detenzjoni de facto seħħ mingħajr eżami la tan-neċessità u tan-natura proporzjonali tiegħu u lanqas tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni prevedibbli, u, li t-tul preċiż tad-detenzjoni, inkluż it-tmiem tagħha, huwa indeterminat?

e)

L-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru, meta jkun manifest li hemm inkwistjoni detenzjoni illegali, tista’, bħala miżura provviżorja, timponi fuq l-awtorità l-obbligu li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, sal-għeluq tal-proċedura amministrattiva kontenzjuża, post ta’ residenza li jkun jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jkunx jikkonsisti f’faċilità ta’ detenzjoni?

4)

[Żona ta’ tranżitu inkwantu faċilità ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-barranin] [Ir-raba’ domanda hija rilevanti] jekk hemm lok, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domanda 2, li titmexxa proċedura li taqa’ taħt il-kontroll tal-barranin u mhux proċedura ta’ ażil.

a)

Il-premessi 17 u 24, kif ukoll l-Artikolu 16 tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża prinċipali (żona li minnha ma huwa legalment possibbli ebda tluq volontarju irrispettivament mid-direzzjoni) hija ċaħda tal-libertà individwali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

b)

Huwa kompatibbli mal-premessa 16 u mal-Artikolu 15(1) tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-fatt li t-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz iseħħ biss għar-raġuni li dan huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ ritorn u li, peress li ma għandux mezzi ta’ sussistenza, ma jistax jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu (akkomodazzjoni u manteniment)?

ċ)

Huwa kompatibbli mal-premessa 16 u mal-Artikolu 15(2) tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 47 u 52(3) tal-Karta, il-fatt li l-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi detenzjoni de facto ma ġietx ordnata permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandu l-ebda rimedju fir-rigward tal-legalità tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni, li dan it-tqegħid f’detenzjoni de facto seħħ mingħajr eżami la tan-neċessità u tan-natura proporzjonali tiegħu u lanqas tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni prevedibbli?

d)

L-Artikolu 15(1) u (4) sa (6), kif ukoll il-premessa 16 tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 4, 6 u 47 tal-Karta, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu żamma f’detenzjoni li t-tul preċiż tagħha, inkluż it-tmiem tagħha, huwa indeterminat?

e)

Id-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru, meta jkun manifest li hemm inkwistjoni detenzjoni illegali, tista’, bħala miżura provviżorja, timponi fuq l-awtorità l-obbligu li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, sal-għeluq tal-proċedura amministrattiva kontenzjuża, post ta’ residenza li jkun jinstab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jkunx jikkonsisti f’faċilità ta’ detenzjoni?

5)

[Rimedju effettiv f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tibdel il-pajjiż ta’ ritorn]

L-Artikolu 13 tad-[Direttiva 2008/115], li jipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv sabiex jikkontesta d-“deċiżjonijiet relatati mar-ritorn”, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti għandha teżamina, minn tal-inqas darba, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tibdel il-pajjiż ta’ ritorn, meta r-rimedju previst f’dan il-każ mid-dritt tal-Istat Membru ma jkunx rimedju effettiv?”

Il-Kawża C‑925/19 PPU

80

SA u l-wild minuri tagħha, SA junior, huma ċittadini Iranjani. Fil‑5 ta’ Diċembru 2018, huma ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil, fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

81

Insostenn tat-talba tagħhom, SA sostna li huwa kien telaq mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sentejn u nofs qabel, minħabba li kien iddivorzja minn martu, li kien qorob lejn ir-reliġjon Kristjana, mingħajr madankollu ma kien tgħammed, u li, matul it-tfulija tiegħu, kien vittma ta’ vjolenza sesswali min-naħa tal-membri tal-familja tiegħu. Huwa speċifika wkoll li r-raġunijiet li ġegħluh jitlaq il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma humiex politiċi jew marbuta ma’ eventwali sħubija f’komunità etnika jew reliġjuża minoritarja u li huwa kien wasal fl-Ungerija billi għadda mit-Turkija, mill-Bulgarija u mis-Serbja.

82

SA reġa’ ddikjara li, wara li telaq mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran għat-Turkija u li għadda fiha għaxart ijiem, mingħajr ma talab l-ażil f’dan il-pajjiż, huwa kien irrisjeda madwar tliet xhur fil-Bulgarija. Huwa sostna wkoll li, wara li ġie informat li jintbagħat lura fl-Iran jekk huwa ma kienx jippreżenta, fil-Bulgarija, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, huwa kien ippreżenta, kontra r-rieda tiegħu, applikazzjoni għall-ażil. Barra minn hekk, huwa afferma li kien għex ukoll fis-Serbja għal iktar minn sentejn, mingħajr ma ppreżenta applikazzjoni għall-ażil hemmhekk.

83

Fil‑5 ta’ Diċembru 2018, l-awtorità responsabbli għall-ażil indikat iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke bħala l-post ta’ akkomodazzjoni ta’ SA u ta’ SA junior, fejn għadhom jinsabu attwalment.

84

Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tat‑12 ta’ Frar 2019, l-awtorità responsabbli għall-ażil, skont l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil ta’ SA u ta’ SA junior bħala inammissibbli, mingħajr ma eżaminat il-fondatezza tagħha, u ddikjarat li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma kienx japplika fil-każ tagħhom. Hija ordnat it-tneħħija tagħhom lejn is-Serbja billi rrilevat li dawn tal-aħħar ma kinux esposti għal riskju ta’ dannu serju jew għal persekuzzjonijiet fit-Turkija, fil-Bulgarija u fis-Serbja u li kienet żgurata fil-konfront tagħhom protezzjoni ta’ livell xieraq.

85

SA u SA junior ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2019, mingħajr ma din il-qorti ddeċidiet dwar il-fondatezza tal-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

86

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad imponiet fuq SA u fuq SA junior li jirrisjedu fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda, skont l-Artikolu 62(3)a tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi. Skont il-qorti tar-rinviju, il-motivi li jiġġustifikaw tali deċiżjoni ma ssemmewx fiha.

87

Fl-istess jum, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad ikkuntattjat lill-korp tal-pulizija kompetenti għar-rinviju għas-Serbja sabiex jieħu l-passi neċessarji għar-riammissjoni fis-Serbja ta’ SA u ta’ SA junior.

88

Fl‑1 ta’ April 2019, il-korp tal-pulizija kompetenti informa lill-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad bid-deċiżjoni tas-Serbja li ma taċċettax lura lil SA u lil SA junior fit-territorju tagħha għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

89

Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑925/19 PPU jirriżulta li, minkejja li s-Serbja ma aċċettatx lura lil SA u lil SA junior fit-territorju tagħha, l-awtorità responsabbli għall-ażil ma eżaminatx il-fondatezza tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom.

90

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat id-deċiżjoni ta’ ritorn li tinsab fid-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għall-ażil tat‑12 ta’ Frar 2019, fir-rigward tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, u ordnat it-tneħħija taħt skorta ta’ SA u SA junior lejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

91

Dawn tal-aħħar opponew din id-deċiżjoni ta’ emenda quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil, li taġixxi bħala awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni. Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2019, l-oppożizzjoni tagħhom ġiet miċħuda.

92

SA u SA junior adixxew lill-qorti tar-rinviju b’żewġ rikorsi identiċi għal dawk li ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑924/19 PPU, kif imsemmija fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza.

93

Il-qorti tar-rinviju għaqqdet dawn iż-żewġ rikorsi u ddeċidiet, għal raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk esposti fil-punti 62 sa 78 ta’ din is-sentenza, li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari bħal dawk magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑924/19 PPU, kif stabbiliti fil-punt 79 ta’ din is-sentenza.

Fuq il-proċedura b’urġenza

94

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

95

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li FMS, FNZ, SA u SA junior (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) huma attwalment imċaħħda, de facto, mil-libertà.

96

Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ FMS u ta’ FNZ huma iktar diffiċli peress li dawn tal-aħħar għandhom 63 sena u 58 sena rispettivament, li wieħed minnhom huwa dijabetiku u li ż-żamma tagħhom f’detenzjoni de facto ilha għaddejja mis‑17 ta’ Mejju 2019. L-istess qorti rrilevat ukoll li SA junior huwa wild minuri li s-saħħa mentali u psikika tiegħu marret lura kemm ilu jirrisjedi, flimkien ma’ missieru, fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda.

97

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ser ikollhom impatt dirett u determinanti fuq l-eżitu tal-kawżi prinċipali, b’mod partikolari, fuq iż-żamma tad-detenzjoni li huma suġġetti għaliha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2008/115, 2013/32 u 2013/33, li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

99

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun attwalment imċaħħda mil-libertà u ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tqegħid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’ċentru ta’ detenzjoni, kemm jekk matul l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali jew bil-għan tat-tneħħija tiegħu, jikkostitwixxi miżura li ċċaħħad il-libertà (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punti 3435; tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 2325; tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 4041; tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punti 3135, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2018, C et, C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544, punti 3537).

101

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑924 PPU u dawk fil-Kawża C‑925 PPU ilhom jirrisjedu, rispettivament, mis‑17 ta’ Mejju 2019 u mis‑27 ta’ Marzu 2019, fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda.

102

Issa, dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk iż-żamma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din it-taqsima tikkostitwixxix “detenzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2008/115 jew tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33, u, fl-affermattiv, jekk tali detenzjoni tosservax il-garanziji imposti mill-imsemmija direttivi.

103

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ċaħda tal-libertà, li tikkundizzjona l-bidu tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari f’dawn il-kawżi, hija marbuta b’mod inseparabbli mal-eżami tad-domandi magħmula f’dawn il-kawżi u, min-naħa l-oħra, li ż-żamma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda tiddependi mir-risposta mogħtija għal dawn id-domandi.

104

It-tieni nett, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma attwalment is-suġġett ta’ deċiżjonijiet li jordnawlhom jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u, minħabba f’hekk, jistgħu jiġu rritornati f’terminu qasir minkejja li, skont il-qorti tar-rinviju, il-fondatezza tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-ażil tal-imsemmija rikorrenti qatt ma ġiet eżaminata minn qorti.

105

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, skont dawn id-deċiżjonijiet, li ġew ikkonfermati permezz ta’ digrieti li l-annullament tagħhom qiegħed jitkompla quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitneħħew lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, qabel l-eżitu ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari li ma hijiex suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, u li din it-tneħħija tista’ tesponihom għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta.

106

It-tielet nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑925/19 PPU jirriżulta wkoll li wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża huwa wild minuri, li s-saħħa mentali u psikika tiegħu qiegħda tiddeterjora minħabba r-residenza tiegħu fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke. Minn dan isegwi li dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jkun itawwal is-sitwazzjoni attwali u b’hekk ikun ta’ riskju li jagħmel ħsara serja, jew anki irreparabbli, fl-iżvilupp ta’ dan il-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, UD, C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punt 26).

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kontenut tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jista’ jkollhom impatt determinanti kemm fuq iż-żamma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke irriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda kif ukoll fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li jordnawlhom jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑22 ta’ Jannar 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

108

Barra minn hekk, ġie deċiż li din il-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata lill-Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ħames domanda

109

Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-emenda, minn awtorità amministrattiva, tal-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmija f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti tista’ tiġi kkontestata miċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat biss permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem awtorità amministrattiva, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu ssuġġettati għal stħarriġ ġudizzjarju u, min-naħa l-oħra, li dan jobbliga lil tali qorti, f’ċirkustanzi bħal dawn, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors ippreżentat quddiemha, intiż li jikkontesta l-legalità ta’ tali emenda.

110

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, wara li l-awtorità responsabbli għall-ażil ċaħdet, bħala inammissibbli, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u adottat, fl-istess ħin, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jordnawlhom jitilqu mit-territorju Ungeriż għas-Serbja, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat dawn l-aħħar deċiżjonijiet billi ordnat lill-imsemmija rikorrenti jitilqu mit-territorju Ungeriż għall-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jiġifieri l-Afganistan għal FMS u FNZ kif ukoll l-Iran għal SA u SA junior. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li dawn ir-rikorrenti setgħu jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet ta’ emenda biss billi jagħmlu oppożizzjoni għalihom mal-awtorità msemmija fl-Artikolu 65(3)(b) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, u li, skont l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtorità responsabbli għall-ażil, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni, ċaħdet l-oppożizzjonijiet magħmula mill-imsemmija rikorrenti ma jistgħux jiġu appellati.

111

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 jiggarantixxi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat rimedju effettiv sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri u d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija, quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti kompost minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza.

112

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti tikkostitwixxix waħda mid-deċiżjonijiet li kontrihom din id-dispożizzjoni tiggarantixxi rimedju effettiv.

113

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115, “deċiżjoni ta’ ritorn” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jiddikjara illegali r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u li jimponi jew jiddikjara obbligu ta’ ritorn. Skont l-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva, dan l-obbligu ta’ ritorn jimponi fuq il-persuna kkonċernata li tidħol lura jew fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew f’pajjiż ta’ tranżitu, jew f’pajjiż terz ieħor li fih hija tiddeċiedi li tirritorna volontarjament u li fit-territorju tiegħu hija ser tiġi ammessa.

115

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-fatt li jiġi impost jew iddikjarat obbligu ta’ ritorn jikkostitwixxi wieħed miż-żewġ elementi li jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ ritorn, peress li tali obbligu ta’ ritorn ma jistax jiġi kkonċepit, fid-dawl tal-punt 3 ta’ dan l-artikolu, mingħajr l-identifikazzjoni ta’ destinazzjoni, li għandha tkun waħda mill-pajjiżi msemmija f’dan il-punt 3.

116

Minn dan isegwi li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti, hija tagħmel emenda tant sostanzjali għal din id-deċiżjoni ta’ ritorn li hija għandha titqies li adottat deċiżjoni ġdida ta’ ritorn, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115.

117

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata minn analiżi tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

118

B’hekk, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tipprevedi li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, din għandha, b’mod partikolari, tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 49, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 103).

119

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservanza ta’ tali prinċipju għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-pajjiż li lejh huwa previst li jiġi ordnat ir-ritorn tal-persuna kkonċernata. Minn dan isegwi li, qabel ma tista’ ssir emenda tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq evalwazzjoni ġdida tal-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, distinta minn dik li hija kellha twettaq fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti.

120

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li jissuġġerixxi l-Gvern Ungeriż, l-emenda ta’ deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti ma tistax titqies bħala deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda wara din id-deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, minn dan l-Artikolu 8 jirriżulta li deċiżjoni ta’ tneħħija tittieħed b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u, għaldaqstant, għandha tosserva l-kontenut ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Minn dan isegwi li deċiżjoni ta’ tneħħija ma tistax tbiddel il-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi fid-deċiżjoni ta’ ritorn li hija teżegwixxi.

121

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 116 ta’ din is-sentenza hija wkoll konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2008/115, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Fil-fatt, l-assimilazzjoni tad-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti għal deċiżjoni ta’ ritorn ġdida għandha l-konsegwenza li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, meta tipprevedi tali emenda tad-deċiżjoni ta’ ritorn, tiżgura l-osservanza tar-regoli proċedurali kollha previsti mid-Direttiva 2008/115 u li tirregola l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Għaldaqstant, din l-assimilazzjoni tippermetti li tiġi ggarantita implimentazzjoni tal-politika ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, kemm effettiva kif ukoll li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

123

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li emenda tal-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti tikkostitwixxi deċiżjoni ġdida ta’ ritorn, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, li kontriha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva.

124

Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandha tiġi ddeterminata n-natura tar-rimedju ġudizzjarju li huwa ggarantit minn dan l-Artikolu 13(1).

125

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li tali rimedju għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mill-persuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ritorn. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jidher li jsostni l-Gvern Ungeriż, l-eżistenza, skont id-dritt nazzjonali, ta’ setgħa ġenerali ta’ sorveljanza tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, irrikonoxxuta lill-prosekutur pubbliku u li tawtorizza biss lil dan tal-aħħar jikkontesta, jekk ikun il-każ, tali deċiżjoni ġudizzjarja, ma tikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115.

126

It-tieni nett, għalkemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew korp kompost minn membri imparzjali u indipendenti, din il-formulazzjoni waħedha ma tippermettix li jinsiltu insenjamenti oħra fir-rigward tal-karatteristiċi tal-“awtorità amministrattiva” li tista’ tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tali rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ ritorn.

127

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-karatteristiċi tar-rimedju ġudizzjarju effettiv imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45, u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 52).

128

Għalhekk, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom jiġu kkontestati quddiem awtoritajiet li ma humiex ġudizzjarji, tali possibbiltà għandha madankollu tiġi implimentata b’osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta li jeżiġi, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-deċiżjoni ta’ awtorità li ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet imposti minn dan l-aħħar artikolu għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju li jkollu, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni sabiex jagħti deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet rilevanti kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 55, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 39).

129

Għaldaqstant, l-Artikolu 47 tal-Karta jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu, f’ċertu stadju tal-proċedura, il-possibbiltà għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jressaq quddiem qorti kwalunkwe kontestazzjoni dwar deċiżjoni ta’ ritorn adottata minn awtorità amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 41).

130

Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha d-destinatarju ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ ritorn ma jistax jikkontesta r-regolarità ta’ din tal-aħħar tal-inqas quddiem instanza ġudizzjarja ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 u tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, oppożizzjoni tista’ titressaq kontra deċiżjoni amministrattiva li temenda deċiżjoni ta’ ritorn inizjali biss quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil u li d-deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità tiċħad din l-oppożizzjoni ma tistax tiġi appellata.

132

Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni tkun kompatibbli mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 biss jekk l-awtorità li tiddeċiedi fuq tali oppożizzjonijiet tkun tista’ titqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, fatt li jippreżumi li l-imsemmija awtorità tissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza, fis-sens ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 3741; tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 5253; tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 5657).

133

Mill-proċessi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ma huwiex il-każ.

134

Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità responsabbli għall-ażil taqa’ taħt l-awtorità tal-Ministru inkarigat mill-pulizija u taqa’, għaldaqstant, taħt is-setgħa eżekuttiva.

135

Issa, l-aspett estern tar-rekwiżit ta’ indipendenza li jikkaratterizza qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta jirrikjedi li l-korp ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet ta’ kwalunkwe oriġini, u b’hekk ikun protett kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136

B’mod iktar partikolari, u skont il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi ggarantita fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 124).

137

Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li deċiżjoni, bħal dik deskritta fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi kkontestata mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, hija inkompatibbli mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 u tikser, barra minn hekk, il-kontenut essenzjali tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din iċċaħħad lill-persuna kkonċernata minn kull azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernaha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 72, u tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 165).

138

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Unjoni jawtorizzax, f’tali ċirkustanzi, lill-qorti tar-rinviju tqis li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtorità responsabbli għall-ażil, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni, ċaħdet l-oppożizzjonijiet tagħhom għad-deċiżjonijiet amministrattivi li jobbligawhom jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

139

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għaliha li twettaq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li għandha effett dirett fil-kawża li tressqet quddiemha (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 5861, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 160161).

140

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78; tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56, u tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 162).

141

L-istess japplika għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, peress li l-karatteristiċi tar-rimedju previst f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 5556, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 163).

142

It-tieni nett, għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 115).

143

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, lill-Istati Membri milli jistabbilixxu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, bil-ħsieb li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, rimedji legali minbarra dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 40, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 51), ikun mod ieħor biss jekk ikun jirriżulta mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni li ma jeżisti l-ebda rimedju ġudizzjarju li tippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi assigurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew inkella jekk l-uniku mod sabiex l-individwi jkollhom aċċess għal qorti jkun billi jiksru l-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 41, u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104).

144

Għaldaqstant huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat mill-persuna kkonċernata bil-ħsieb li tiddefendi d-drittijiet li huma ggarantiti lilha mid-dritt tal-Unjoni, jekk ir-regoli tal-proċedura interni ma jipprovdux għal tali rikors f’tali każ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punt 13, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 46).

145

Għalhekk, l-ineżistenza, fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti li tiġi mistħarrġa l-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ ritorn, bħal dik deskritta fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, ma tistax teżenta lill-qorti nazzjonali mill-obbligu tagħha li tiżgura l-effettività sħiħa tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 li, peress li għandu effett dirett, jista’ jikkostitwixxi, waħdu, titolu ta’ ġurisdizzjoni direttament applikabbli, meta dan ma jkunx ġie korrettament traspost fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

146

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jimponu fuq il-qorti tar-rinviju li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità responsabbli għall-ażil li ċaħdu l-oppożizzjonijiet tagħhom għad-deċiżjonijiet amministrattivi li jobbligawhom jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u li, jekk ikun hemm bżonn, ma japplikawx kull dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli tipproċedi f’dan is-sens (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-emenda, minn awtorità amministrattiva, tal-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti tista’ tiġi kkontestata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat biss permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem awtorità amministrattiva, mingħajr ma jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità. F’każ bħal dan, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita b’rikors intiż li jikkontesta l-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tad-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonsisti f’tali modifika tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

Fuq l-ewwel domanda

148

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għar-raġuni li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn dak ta’ Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni.

149

Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76, u tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29).

150

Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala li timplimenta waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

151

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eskluż qabel kollox li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, tista’ tikkostitwixxi l-implimentazzjoni tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2)(a), (d) u (e) ta’ din id-direttiva, peress li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà relatati mal-ewwel pajjiż ta’ ażil u mal-pajjiż terz bla periklu, stabbiliti, rispettivament, fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 33).

152

F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-motiv ta’ inammissibbiltà dwar il-pajjiż terz bla periklu, previst fl-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta pajjiż li ma huwiex Stat Membru jitqies li huwa pajjiż terz bla periklu għall-applikant skont l-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva.

153

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, għall-finijiet tal-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva, hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fil-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 38 (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punti 36, 4041).

154

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl tal-formulazzjoni nnifisha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-ewwel każ ipotetiku previst minn din il-leġiżlazzjoni hija suġġetta għall-osservanza, fil-pajjiż terz ikkonċernat, ta’ parti biss mill-prinċipji previsti fl-Artikolu 38(1) ta’ din id-direttiva, peress li f’dan il-pajjiż ma huwiex osservat, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li jiġi osservat il-prinċipju ta’ non-refoulement. Għalhekk, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 38(1) tal-imsemmija direttiva ma tistax tiġi ssodisfatta (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 42).

155

Fir-rigward tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tieni każ ipotetiku previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni fuq il-kontenut tal-“livell xieraq ta’ protezzjoni” rikjest minn din il-leġiżlazzjoni u, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk tali livell ta’ protezzjoni jinkludix l-osservanza, fil-pajjiż terz ikkonċernat, tal-prinċipji kollha previsti fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

156

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32 u, b’mod partikolari, ta’ dik dwar l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat, ir-rabta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi bejn tali applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat hija bbażata fuq is-sempliċi tranżitu ta’ dan l-applikant mit-territorju ta’ dan il-pajjiż (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 44).

157

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun għadda mit-territorju ta’ pajjiż terz ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi rabta ta’ konnessjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 38(2) (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punti 45 sa 47).

158

Barra minn hekk, l-obbligu impost mill-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32 fuq l-Istati Membri, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz sigur”, li jistabbilixxu regoli li jipprevedu l-metodi applikabbli sabiex jiġi evalwat, każ b’każ, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala bla periklu għall-applikant, kif ukoll il-possibbiltà għall-imsemmi applikant li jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni ma’ dan il-pajjiż terz, ma jistax jiġi ġġustifikat jekk is-sempliċi tranżitu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż terz ikkonċernat kien jikkostitwixxi rabta suffiċjenti jew sinjifikattiva għal dawn l-għanijiet (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, LH (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punti 4849).

159

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tranżitu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż terz ikkonċernat ma jistax jikkostitwixxi “konnessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

160

Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi applikazzjoni tal-motiv ta’ inammissibbiltà dwar il-pajjiż terz bla periklu, previst fl-Artikolu 33(2)(c) tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 51).

161

Fl-aħħar nett, tali leġiżlazzjoni nazzjonali lanqas ma tista’ tikkostitwixxi applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà relatata mal-ewwel pajjiż ta’ ażil, previst fl-Artikolu 33(2)(b) tad-Direttiva 2013/32 (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 52).

162

Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skont il-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32, pajjiż jista’ jitqies bħala li huwa l-ewwel pajjiż ta’ ażil ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali speċifiku biss jekk, rispettivament, dan ikun ġie rrikonoxxut bħala refuġjat fl-imsemmi pajjiż u għadu jista’ jinvoka din il-protezzjoni, jew jekk huwa kien igawdi, fuq bażi oħra, protezzjoni suffiċjenti fl-imsemmi pajjiż, inkluż il-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement, bil-kundizzjoni li huwa jerġa’ jiġi ammess f’dan l-istess pajjiż (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 53).

163

Issa, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-applikant ikun igawdi minn protezzjoni internazzjonali, fil-pajjiż ikkonċernat, mill-istatus ta’ refuġjat jew minn protezzjoni suffiċjenti, fuq bażi oħra, b’tali mod li jsir inutli li tiġi eżaminata l-ħtieġa ta’ protezzjoni fl-Unjoni.

164

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ma tistax titqies li timplimenta waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 55).

165

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-ammissibbiltà

166

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fir-rigward tal-ipproċessar li għandu jiġi rriżervat għall-applikazzjonijiet għall-ażil, mir-rifjut mill-pajjiż terz ikkonċernat li jaċċetta mill-ġdid l-applikanti fit-territorju tiegħu wara li dawn l-applikazzjonijiet ikunu ġew iddikjarati inammissibbli abbażi tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk, f’tali ċirkustanza, l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, hijiex obbligata teżamina mill-ġdid ex officio l-applikazzjonijiet għall-ażil diġà ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew jekk, fin-nuqqas ta’ dan, dawn jistgħux jippreżentaw mill-ġdid applikazzjonijiet għall-ażil ġodda u, jekk ikun il-każ, jekk dawn tal-aħħar jistgħux, mill-ġdid, jitqiesu bħala inammissibbli għal raġunijiet oħra.

167

Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija mhux il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kawża. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Regoli dixxiplinari li jikkonċernaw il-ġudikatura), C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 43 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi b’mod preċiż ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 28).

169

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija adita, minn naħa, b’rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jordnaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u, min-naħa l-oħra, b’rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni marbuta mat-tqegħid tagħhom fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

170

Madankollu, anki jekk il-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju għalhekk ma għandhomx bħala suġġett direttament l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar tqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn ir-rikorrenti jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tqegħid ta’ dawn tal-aħħar fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda, għandux jiġi eżaminat fid-dawl ta’ dawn id-direttivi.

171

Minn dan isegwi li l-punti (a) u (b) tat-tieni domanda li fil-kuntest tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, hijiex obbligata li tirrepeti ex officio l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew jekk, fin-nuqqas ta’ dan, dawn humiex madankollu awtorizzati li jippreżentaw mill-ġdid applikazzjoni għall-ażil, hija rilevanti għall-eżitu tal-kawżi prinċipali u hija, għaldaqstant, ammissibbli.

172

Min-naħa l-oħra, il-paragrafi (c) u (d) tat-tieni domanda jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu miċħuda mill-ġdid għal raġuni ta’ inammissibbiltà mingħajr rabta mal-proċedura preċedenti, b’mod partikolari għal waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 33(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2013/32, u, f’każ li dan jiġi affermat, jekk iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għal waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet ta’ inammissibbiltà tippreżumix li jkun ġie vverifikat, minn qabel, jekk il-pajjiżi terzi, li hemm riferiment għalihom f’dawn iż-żewġ raġunijiet, jaċċettawx li jirċevuhom lura fit-territorju tagħhom.

173

Issa, il-qorti tar-rinviju baqgħet ma spjegatx ir-raġuni għalfejn hija tqis li hija ma tistax tiddeċiedi fuq il-kawżi pendenti quddiemha mingħajr ma tkun kisbet risposta għall-paragrafi (ċ) u (d) tat-tieni domanda.

174

Minn dan isegwi li l-paragrafi (ċ) u (d) tat-tieni domanda għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq il-mertu

175

Permezz tal-punti (a) u (b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 u l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi, skont id-dritt ta’ Stat Membru, iddikjarata inammissibbli, minħabba li l-applikant wasal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru billi għadda minn pajjiż terz li fih huwa ma kienx espost għal persekuzzjonijiet jew riskju ta’ ħsara serja jew li fih kien żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni, u li, sussegwentement, dan l-aħħar imsemmi pajjiż iddeċieda li ma jaċċettax lura lill-applikant fit-territorju tiegħu, din l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-ġdid ex officio mill-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, jew, fis-sens li, f’tali ċirkustanzi, kieku tressqet applikazzjoni ġdida mill-persuna kkonċernata, din tal-aħħar ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tal-imsemmija direttiva.

176

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, wara li l-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew miċħuda mill-awtorità responsabbli għall-ażil, abbażi tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, u li din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, l-awtoritajiet Ungeriżi ħadu passi sabiex dawn jerġgħu jidħlu fit-territorju tas-Serbja. Madankollu, dan il-pajjiż terz irrifjuta li jilqa’ din it-talba minħabba li, fil-fehma tiegħu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu daħlu legalment fit-territorju Ungeriż, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-Ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni u s-Serbja.

177

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-punt 165 ta’ din is-sentenza, raġuni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 51(2) (f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, tmur kontra l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32.

178

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi mitluba teżamina, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, il-konsegwenzi li, skont id-dritt tal-Unjoni, jistgħu jirriżultaw mill-fatt li l-pajjiż li lejh, flimkien ma’ din ir-raġuni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom jiġu diretti, ma jaċċettax li jerġa’ jaċċettahom fit-territorju tiegħu.

179

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha u, f’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-punt (a) u (b) tat-tieni domanda għandu jinftiehem bħala li huwa intiż sabiex isir magħruf jekk id-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta applikazzjoni għall-ażil tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda bbażata fuq raġuni ta’ inammissibbiltà li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u tkun ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, l-awtorità determinanti fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, hija obbligata li teżamina mill-ġdid ex officio din l-applikazzjoni, jew fis-sens li, f’tali ċirkustanzi, kieku tressqet applikazzjoni ġdida mill-persuna kkonċernata, din tal-aħħar ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tal-imsemmija direttiva.

181

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, timponix li l-imsemmija awtorità determinanti teżamina mill-ġdid ex officio applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda bbażata fuq motiv ta’ inammissibbiltà li jmur kontra l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 u kkonfermat minn deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

182

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti, kif tfakkar fil-punt 149 ta’ din is-sentenza, il-każijiet li fihom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli, dan l-artikolu jistabbilixxi regola li l-kontenut tagħha huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti. Minn dan isegwi li dan l-artikolu għandu effett dirett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 9899 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

183

L-obbligu li titħalla inapplikata, skont il-ħtieġa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett huwa impost, mhux biss fuq il-qrati nazzjonali, iżda wkoll fuq il-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi, responsabbli sabiex japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punti 3031; tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 78).

184

Minn dan isegwi li awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ Stat Membru marbut mid-Direttiva 2013/32 ma tistax tiddikjara inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ raġuni bħal dik prevista fl-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

185

Barra minn hekk, għandha titfakkar l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38; tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 52, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 88).

186

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm regola tad-dritt tal-Unjoni interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi applikata minn awtorità amministrattiva, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li nħolqu u ġew ikkostitwiti qabel l-intervent tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li awtorità amministrattiva tkun, bħala prinċipju, obbligata li tbiddel deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet karattru definittiv permezz ta’ rikors għal interpretazzjoni. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju tippermetti li jiġi evitat li l-atti amministrattivi li jkollhom effetti legali jiġu kkontestati b’mod indefinit (sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17, punti 2224; tad‑19 ta’ Settembru 2006, i‑21 Germany u Arcor, C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punt 51, kif ukoll tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punti 3637).

187

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-awtorità amministrattiva responsabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva hija madankollu obbligata, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, li teżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni, u eventwalment li tirrevedi din id-deċiżjoni, jekk jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-korp amministrattiv għandu, skont id-dritt nazzjonali, is-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni. It-tieni nett, id-deċiżjoni inkwistjoni tkun saret finali minħabba sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza. It-tielet nett, l-imsemmija sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun ingħatat wara din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni adottata mingħajr ma tkun tressqet domanda għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 KE. Ir-raba’ nett, il-persuna kkonċernata tkun indirizzat ruħha lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 28, u tad‑19 ta’ Settembru 2006, i‑21 Germany u Arcor, C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punt 52).

188

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fir-rigward tar-raba’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu, f’isem il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li tkun saret definittiva u li tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, titressaq quddiem l-amministrazzjoni kompetenti f’terminu raġonevoli (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 59).

189

Minn dan isegwi li, anki jekk jiġi preżunt li d-dritt nazzjonali jippermetti lill-awtorità responsabbli għall-ażil li teżamina mill-ġdid deċiżjoni li tiddikjara, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli, xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li din l-awtorità terġa tindirizza ex officio tali applikazzjoni.

190

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, ma tobbligax lill-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, li teżamina mill-ġdid ex officio applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda kkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva qabel ma ġiet ikkonstatata l-kuntrarjetà għad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda.

191

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux li, meta l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, applikazzjoni ġdida għall-ażil ippreżentata mill-istess applikant tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, bħala applikazzjoni “sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tal-imsemmija direttiva.

192

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li biha ġiet ikkonfermata ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għal raġuni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludix lill-persuna kkonċernata milli tippreżenta applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32. Għaldaqstant, din tal-aħħar xorta tista’, minkejja tali deċiżjoni, teżerċita d-dritt tagħha, li huwa sanċit fl-Artikolu 18 tal-Karta u kkonkretizzat bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li tikseb l-istatus ta’ benefiċċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, dment li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rikjesti mid-dritt tal-Unjoni.

193

Mill-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta ċertament li tali applikazzjoni sussegwenti tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli meta ebda element jew fatt ġdid dwar l-eżami tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jintalab l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ma jkun jidher minn tali applikazzjoni jew ma jiġi ppreżentat mill-applikant.

194

Madankollu, l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, tikkostitwixxi element ġdid dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li l-imsemmija applikazzjoni sussegwenti ma tistax tiġi miċħuda abbażi ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni.

195

Tali konklużjoni tapplika anki fl-assenza ta’ riferiment, magħmul mill-applikant imsemmi fil-punt preċedenti, għall-eżistenza ta’ tali sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

196

Barra minn hekk, l-effett utli tad-dritt irrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali u msemmi fil-punt 192 ta’ din is-sentenza jiġi serjament kompromess jekk applikazzjoni sussegwenti tkun tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, meta ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tkun seħħet bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

197

Fil-fatt, tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkollha l-konsegwenza li l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni tista’ tirriproduċi ruħha għal kull applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma jkun possibbli li l-applikant jiġi offrut il-benefiċċju ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu li ma jkunx ivvizzjat mill-ksur ta’ dan id-dritt. Tali ostaklu għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ma jistax raġonevolment jiġi ġġustifikat mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 9596).

198

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, meta l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni preċedenti tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Tali konstatazzjoni hija neċessarjament imposta fuq din l-awtorità determinanti meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta, bħal f’dan il-każ, minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali.

199

Għandu jiġi ppreċiżat li, fl-okkażjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn, li ġiet adottata wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn tista’, skont id-dritt tal-Unjoni u mingħajr oppożizzjoni mill-awtorità li minnha ngħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma din iċ-ċaħda, teżamina, b’mod inċidentali, il-validità ta’ tali ċaħda meta din tkun ibbażata fuq motiv li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

200

Fl-aħħar nett, għandu jiżdied li, f’dan il-każ, l-imsemmija awtorità determinanti adottat, f’kull waħda miż-żewġ kawżi prinċipali, deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll deċiżjoni li tordnalhom jitilqu mit-territorju Ungeriż għas-Serbja, fil-kuntest ta’ att wieħed, kif jippermettilha tagħmel l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 49). Mill-proċessi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet simultanji ġew ikkonfermati minn deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi.

201

F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi ppreċiżat, fil-każ fejn id-deċiżjonijiet li jemendaw id-deċiżjonijiet ta’ ritorn inizjali u li jordnaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jiġu finalment annullati, li l-awtorità ta’ res judicata, li għandhom d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jikkonfermaw kemm id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet għal ażil kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ ritorn adottati flimkien ma’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda, ma tistax tostakola li t-tneħħija ta’ dawn ir-rikorrenti tiġi posposta, kif jeħtieġ mill-bqija l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, meta din it-tneħħija tiġi deċiża bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

202

Dan għandu jgħodd ukoll, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe ċirkustanza ġdida li seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn inizjali, meta jidher li, kuntrarjament għal dak li jimponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, la l-awtorità amministrattiva li ċaħdet l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u ordnat ir-ritorn, u lanqas il-qorti li ddeċidiet dwar il-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma eżaminaw korrettament jekk il-pajjiż terz imsemmi f’dawn id-deċiżjonijiet ta’ ritorn inizjali josservax il-prinċipju ta’ non-refoulement.

203

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-paragrafi (a) u (b) tat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta applikazzjoni għall-ażil kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda li ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva qabel ma ġiet ikkonstatata l-kuntrarjetà għad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda, l-awtorità determinanti fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, ma hijiex obbligata teżamina din l-applikazzjoni mill-ġdid ex officio. L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, tikkostitwixxi element ġdid relatat mal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, meta l-awtorità determinanti tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni preċedenti tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Tali konstatazzjoni hija neċessarjament imposta fuq l-imsemmija awtorità meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

Osservazzjonijiet preliminari

204

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni, rispettivament, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 dwar id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 dwar id-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tat-tqegħid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda.

205

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li t-tielet domanda tagħha teħtieġ risposta biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, mid-data tat-tqegħid tagħhom fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibqgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 u, bil-kontra, li r-raba’ domanda tagħha titlob risposta biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-imsemmija rikorrenti jaqgħu, sa minn dan it-tqegħid fis-suq, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

206

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, mid-data tat-tqegħid tagħhom f’din it-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkunsidrata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115 jew tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

207

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-deċiżjonijiet amministrattivi li permezz tagħhom l-applikazzjonijiet għal ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew miċħuda ma setgħux iktar jiġu kkontestati, fis-sens tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32, fid-data li fiha dawn tqiegħdu fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda. Għaldaqstant, għandu jitqies li, f’din id-data, l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni finali, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32.

208

Minn dan isegwi li, mill-imsemmija data, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux iktar applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2013/32 u tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33, b’tali mod li ma jaqgħux iktar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

209

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, sakemm ma jkunx ingħata dritt jew permess ta’ residenza bħal dak imsemmi fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinsab f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li jibqa’ f’dan it-territorju fl-istennija tat-tmiem tal-azzjoni kontra din iċ-ċaħda (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 59, u d-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2018, C et, C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544, punt 47).

210

Sa fejn mill-proċessi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbenefikaw minn dritt jew minn permess ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, dawn għandhom jitqiesu, mid-data tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom fl-ewwel istanza, li jinsabu f’residenza irregolari fit-territorju Ungeriż. Għaldaqstant, huma jaqgħu, minn din id-data, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, peress li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva ma hija applikabbli għalihom.

211

Barra minn hekk, peress li d-deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu l-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ikkonfermati minn deċiżjonijiet ġudizzjarji, dawn jistgħu, bħala prinċipju, jitqiegħdu f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-qasam mid-Direttiva 2008/115 jiġu osservati.

212

Madankollu, fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, matul is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑925/19 PPU semmew il-preżentata ta’ applikazzjoni ġdida għall-ażil minn wieħed minnhom. Din it-talba ġiet miċħuda bħala inammissibbli, fatt li l-imsemmi rikorrent ikkontesta bil-preżentata ta’ rikors pendenti quddiem qorti differenti mill-qorti tar-rinviju.

213

Jekk dawn l-elementi javveraw ruħhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmi rikorrent ikollu, sa mid-data li fiha ppreżenta l-applikazzjoni għall-ażil ġdida, jitqies mill-ġdid bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33. Barra minn hekk, jeħtieġ jiżdied li, anki jekk jaqa’, sa mid-data li fiha ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, dan ir-rikorrent ma jistax jiġi ssuġġettat għal miżura ta’ detenzjoni skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva sakemm ikun pendenti r-rikors ippreżentat kontra tali ċaħda (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 6162).

214

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha tingħata risposta kemm għat-tielet kif ukoll għar-raba’ domanda.

Fuq l-eżistenza ta’ detenzjoni

215

Permezz tal-punt (b) tat-tielet domanda tagħha, kif ukoll permezz tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’, b’mod permanenti, f’żona ta’ tranżitu, li tinsab fil-fruntiera esterna ta’ Stat Membru li minnha huwa ma jistax legalment jitlaq volontarjament, fi kwalunkwe direzzjoni, jikkostitwixxi “detenzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-direttivi.

– Fuq il-kunċett ta’ detenzjoni

216

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “detenzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2013/33, għandu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, konformement mal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ikopri kull miżura ta’ iżolament ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru f’post speċifiku, fejn l-applikant huwa mċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu.

217

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-detenzjoni tippresupponi ċaħda, u mhux sempliċi restrizzjoni, tal-libertà ta’ moviment li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata tiġi iżolata mill-bqija tal-popolazzjoni f’post speċifiku.

218

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata, it-tieni nett, mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, mill-punt 4 tat-Titolu 3 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri (COM(2008) 815 final), fl-oriġini tad-Direttiva 2013/33, jirriżulta li s-sistema legali tad-detenzjoni, stabbilita minn din id-direttiva, hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-miżuri ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, tas‑16 ta’ April 2003, kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ gwida tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) dwar il-kriterji ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-ażil tas‑26 ta’ Frar 1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 63, u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 46).

219

Issa, minn naħa, l-imsemmija rakkomandazzjoni tiddefinixxi l-miżuri ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-ażil bħala “il-fatt li [dawn] jinżammu f’żona strettament delimitata jew ristretta, fejn huma mċaħħda mil-libertà”, filwaqt li tippreċiża li “l-persuni li huma suġġetti għal restrizzjonijiet tad-domiċilju jew ta’ residenza ġeneralment ma jitqisux li huma suġġetti għal miżuri ta’ detenzjoni”.

220

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija prinċipji gwida tal-UNHCR jiddefinixxu d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil bħala “iċ-ċaħda tal-libertà jew iż-żamma f’post magħluq li applikant għall-ażil ma huwiex liberu li jitlaq, inkluż – iżda mhux biss – il-ħabsijiet jew iċ-ċentri ta’ detenzjoni, ta’ akkoljenza magħluqa, ta’ detenzjoni u l-istabbilimenti mibnija għal dan il-għan”, filwaqt li jippreċiżaw li “d-differenza bejn iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) u r-restrizzjonijiet inqas fuq il-libertà ta’ moviment hija ‘differenza ta’ livell jew ta’ intensità u mhux ta’ natura jew ta’ essenza’”.

221

It-tielet nett, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33 juri wkoll li d-detenzjoni għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda miżura koerċittiva tal-aħħar rimedju li ma tillimitax biss il-libertà ta’ moviment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali.

222

Għalhekk, l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li miżura ta’ detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss jekk miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, ir-regoli dwar l-alternattivi għad-detenzjoni, bħalma huwa l-obbligu li wieħed jippreżenta ruħu regolarment lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’post speċifiku. Din l-aħħar alternattiva għad-detenzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li huma awtorizzati mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33, peress li, konformement ma’ dan l-artikolu, tali restrizzjonijiet ma jistgħux jippreġudikaw l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata ta’ dan l-applikant u għandhom jagħtuh biżżejjed diskrezzjoni sabiex jiggarantixxu l-aċċess għall-vantaġġi kollha previsti minn din id-direttiva.

223

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, tikkostitwixxi miżura koerċittiva li ċċaħħad lil dan l-applikant mil-libertà ta’ moviment tiegħu u tiżolah mill-kumplament tal-popolazzjoni, billi timponi fuqu li jibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq.

224

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “detenzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 16 lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tinkludi definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Għaldaqstant, l-ebda element ma jippermetti li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lill-kunċett ta’ “detenzjoni”, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, tifsira differenti minn dik mogħtija lil dan il-kunċett fil-kuntest tad-Direttiva 2013/33. Barra minn hekk, id-Direttiva 2013/33, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3)(d), tipprevedi espressament, fost il-każijiet ammissibbli ta’ “detenzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva, każ li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun diġà detenut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115, liema fatt jikkonforta l-interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “detenzjoni”, fis-sens ta’ dawn iż-żewġ direttivi, jikkontempla l-istess realtà waħdanija.

225

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-“detenzjoni” ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, tikkostitwixxi miżura koerċittiva tal-istess natura bħal dik li hija ddefinita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33 u deskritta fil-punt 223 ta’ din is-sentenza.

– Fuq il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid inkwistjoni fil-kawża prinċipali

226

Kif ġie rrilevat fil-punti 68 sa 70 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom l-obbligu, sa mid-data tad-dħul tagħhom fit-territorju Ungeriż, li jibqgħu b’mod permanenti fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, li hija mdawra b’għeluq għoli u b’fildiferru mxewwek. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn ir-rikorrenti jabitaw f’kontejners li s-superfiċji tagħhom ma taqbiżx it‑13-il m2. Huma ma jistgħux, mingħajr awtorizzazzjoni, jirċievu żjarat ta’ persuni esterni għal din iż-żona u l-movimenti tagħhom fi ħdan iż-żona huma limitati u ssorveljati mill-membri tad-dipartimenti tal-ordni preżenti b’mod permanenti fl-imsemmija żona u fl-inħawi ta’ madwarha.

227

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċessi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tqegħid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke ma huwiex differenti minn sistema ta’ detenzjoni.

228

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-argument imqajjem mill-Gvern Ungeriż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u matul is-seduta, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma liberi li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke sabiex imorru s-Serbja ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni li t-tqegħid ta’ dawn ir-rikorrenti f’din iż-żona ta’ tranżitu ma huwiex differenti minn sistema ta’ detenzjoni.

229

Fil-fatt, minn naħa, u mingħajr ma hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, li għandha tiddeċiedi dwar il-konformità tal-aġir tal-awtoritajiet Serbi mal-Ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni u s-Serbja, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta espliċitament, u barra minn hekk ma ġiex ikkontestat mill-Gvern Ungeriż, li eventwali dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-Serbja jitqies bħala illegali minn dan il-pajjiż terz u li, konsegwentement, dawn jesponu ruħhom għal sanzjonijiet. Għaldaqstant, b’mod partikolari għal din ir-raġuni, dawn ir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li għandhom possibbiltà effettiva li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

230

Min-naħa l-oħra, kif jenfasizzaw essenzjalment ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑925/19 PPU, billi jitilqu mit-territorju Ungeriż, dawn ir-rikorrenti jirriskjaw li jitilfu kull opportunità li jiksbu l-istatus ta’ refuġjat fl-Ungerija. Fil-fatt, skont l-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, dawn jistgħu jippreżentaw applikazzjoni ġdida għall-ażil biss f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa (l-Ungerija). Barra minn hekk, mill-Artikolu 80/K tal-istess liġi jirriżulta li l-awtorità responsabbli għall-ażil tista’ tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali jekk l-applikant jitlaq waħda minn dawn iż-żewġ żoni, mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża.

231

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-paragrafu (b) tat-tielet domanda u għall-paragrafu (a) tar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttivi 2008/115 u 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ b’mod permanenti f’żona ta’ tranżitu fejn il-perimetru huwa ristrett u magħluq, li fi ħdanu l-movimenti ta’ dan iċ-ċittadin huma limitati u ssorveljati, u li minnu ma jistax legalment jitlaq volontarjament, fi kwalunkwe direzzjoni, tidher li hija ċaħda tal-libertà, karatteristika ta’ “detenzjoni” fis-sens tal-imsemmija direttivi.

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33

– Fuq l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

232

Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’żona ta’ tranżitu għal perijodu ta’ iktar minn erba’ ġimgħat.

233

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Gvern Ungeriż jikkontesta li l-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ proċedura ta’ eżami abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

234

Madankollu, jeħtieġ jitfakkar li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni tinterpreta d-dritt nazzjonali kif ukoll tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li tkun adita biha u li tislet minnhom il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C‑291/05, EU:C:2007:771, punti 18, u tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 50). Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mas-sitwazzjoni li l-imsemmija qorti tqis li hija stabbilita u li hija ma tistax tkun marbuta mill-ipoteżijiet prodotti minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36, u tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 22).

235

Bil-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2013/32 joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu, fil-fruntieri tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom, proċeduri speċifiċi sabiex jiddeċiedu dwar l-ammissibbiltà, skont l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’dawn il-postijiet jew fuq il-mertu ta’ din l-applikazzjoni f’wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 31(8) tal-imsemmija direttiva, sakemm dawn il-proċeduri josservaw il-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali msemmija fl-istess direttiva. Skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32, dawn il-proċeduri speċifiċi għandhom jitmexxew f’terminu raġonevoli, bil-kundizzjoni li, jekk ebda deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tkun ġiet adottata wara terminu ta’ erba’ ġimgħat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jidħol fit-territorju tiegħu, u l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi ttrattata fi tmiem dan it-terminu ta’ erba’ ġimgħat konformement mal-proċedura tad-dritt komuni.

236

Mill-premessa 38 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta wkoll li tali proċedura fil-fruntiera hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jiġu ppreżentati fil-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu ta’ Stat Membru qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar id-dħul tal-applikanti fit-territorju tiegħu.

237

L-Istati Membri huma għalhekk awtorizzati li jimponu fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu, għal perijodu massimu ta’ erba’ ġimgħat, fil-fruntieri tagħhom jew f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu tagħhom sabiex jeżaminaw, qabel ma jiddeċiedu dwar id-dritt tagħhom ta’ dħul fit-territorju tagħhom, jekk l-applikazzjoni tagħhom hijiex inammissibbli, skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, jew jekk għandhiex tiġi ddikjarata bħala infondata skont l-Artikolu 31(8) ta’ din id-direttiva.

238

Issa, tali sitwazzjoni hija prevista mill-Artikolu 8(3)(ċ) tad-Direttiva 2013/33, li abbażi tiegħu l-Istati Membri jistgħu jżommu f’detenzjoni applikant għall-protezzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu, fil-kuntest ta’ proċedura, dwar id-dritt tiegħu li jidħol fit-territorju tagħhom. Mill-bqija, l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2013/33 jirreferu espressament għall-modalitajiet ta’ detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali f’post tal-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-proċeduri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

239

Minn dan isegwi li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex iżommu f’“detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri tagħhom, fil-kundizzjonijiet li dan l-Artikolu 43 jistabbilixxi u sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-proċeduri li huwa jipprevedi.

240

Issa, mill-imsemmi Artikolu 43(1) u (2) jirriżulta li detenzjoni bbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax teċċedi erba’ ġimgħat. Għalkemm id-data li minnha jibda jiddekorri dan it-terminu ma hijiex speċifikata fih, għandu jitqies li tali terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32, peress li din id-data għandha titqies bħala dik li fiha tibda l-proċedura ta’ eżami ta’ tali applikazzjoni.

241

Minn dan isegwi li d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’żona ta’ tranżitu lil hinn minn perijodu ta’ erba’ ġimgħat li jibda jiddekorri mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32, ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 43(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

242

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li, skont l-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32, meta influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jirrendi impossibbli l-applikazzjoni tal-proċeduri speċifiċi stabbiliti mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva, fil-fruntieri tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom, dawn il-proċeduri jistgħu jkomplu jiġu applikati sakemm l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati jkunu miżmuma normalment f’postijiet li jinsabu viċin dawn il-fruntieri jew dawn iż-żoni ta’ tranżitu.

243

L-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti għalhekk lill-Istati Membri, fis-sitwazzjoni speċifika ta’ influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jkomplu japplikaw il-proċeduri previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, anki jekk it-terminu ta’ erba’ ġimgħat li fih dawn il-proċeduri għandhom normalment jitmexxew, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, ikun skada.

244

Madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva jirriżulta li tali proċeduri jistgħu jinżammu biss sakemm l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu, fi tmiem it-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, miżmuma normalment f’postijiet li jinsabu qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu.

245

Issa, billi jeżiġi li dawn l-applikanti jinżammu f’kundizzjonijiet normali, l-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32 neċessarjament eskluda li huma jistgħu jibqgħu f’detenzjoni. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-akkomodazzjoni normali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali huma rregolati mill-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33, li jipprovdu li kull applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu, bħala prinċipju, id-dritt għal allowance finanzjarja li tippermettilu li jmur jew li jgħix f’post li ma huwiex ċentru ta’ detenzjoni.

246

Minn dan isegwi li l-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jawtorizzax lil Stat Membru li jżomm f’detenzjoni l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri tiegħu jew f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu tiegħu lil hinn mit-terminu ta’ erba’ ġimgħat, imsemmi fil-punt 241 ta’ din is-sentenza, anki meta influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jirrendi impossibbli l-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva f’tali terminu.

247

Madankollu, għandu jiżdied li, għalkemm, skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32, dawn l-applikanti huma, bħala prinċipju, liberi li jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fi tmiem tali terminu ta’ erba’ ġimgħat, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jawtorizza madankollu lil dan l-Istat Membru jillimita l-libertà ta’ moviment tagħhom għal żona li tinsab qrib il-fruntieri tiegħu jew taż-żoni ta’ tranżitu tiegħu, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33.

248

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-punt (a) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax id-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’żona ta’ tranżitu għal perijodu ta’ iktar minn erba’ ġimgħat.

– Fuq l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33

249

Permezz tal-punti (ċ) u (d) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, l-ewwel nett, applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa ma jistax imantni ruħu, it-tieni nett, din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni li tordna t-tqegħid f’detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, it-tielet nett, l-applikant hekk detenut ma għandu l-ebda rimedju sabiex jikkontesta l-legalità tat-tqegħid u taż-żamma tiegħu f’detenzjoni u, ir-raba’ nett, il-perijodu speċifiku taż-żamma f’detenzjoni tkun indeterminata.

250

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 59, u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 42).

251

Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 189 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva ma tkopri l-ipoteżi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jistax imantni ruħu.

252

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu, kif tirrileva l-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, li r-raġunijiet għad-detenzjoni li huma stabbiliti f’din id-direttiva huma bla ħsara għal raġunijiet oħra ta’ detenzjoni, b’mod partikolari r-raġunijiet ta’ detenzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li huma applikabbli skont id-dritt nazzjonali, indipendentement mill-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, meta jistabbilixxu tali raġunijiet ta’ detenzjoni, li josservaw il-prinċipji u l-għan tad-Direttiva 2013/33 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 46).

253

Issa, mill-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali lil kull applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jkollux mezzi suffiċjenti sabiex ikollu livell ta’ għajxien adattat għas-saħħa tiegħu u sabiex ikun jista’ jiżgura l-għajxien tiegħu.

254

Minn dan isegwi li applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma għandux mezzi ta’ sussistenza għandu jingħata jew allowance finanzjarja li tippermettilu jirritorna, jew akkomodazzjoni in natura f’wieħed mill-postijiet imsemmija fl-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, li ma jistgħux jiġu konfużi mal-faċilitajiet ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tal-istess direttiva. Għaldaqstant, l-għoti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma għandux mezzi ta’ għajxien ta’ akkomodazzjoni in natura, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 18, ma jistax ikollu l-effett li jċaħħdu mill-moviment liberu tiegħu, bla ħsara għas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqu skont l-Artikolu 20 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin, C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 52).

255

Għaldaqstant, u mingħajr ma hemm bżonn li wieħed jistaqsi dwar jekk id-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, minħabba li ma jistax imantni ruħu, hijiex raġuni ta’ detenzjoni indipendenti mill-kwalità tiegħu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali motiv, fi kwalunkwe każ, jippreġudika l-kontenut essenzjali tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali li għandhom jiġu rrikonoxxuti lilu matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u, konsegwentement, la josserva l-prinċipji u lanqas l-għan tad-Direttiva 2013/33.

256

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li ma jistax imantni ruħu.

257

Fit-tieni lok, konformement mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/33, id-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi ordnata permezz ta’ kitba, minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, fejn id-deċiżjoni ta’ detenzjoni għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata.

258

Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li d-detenzjoni tista’ sseħħ biss meta dan jirriżulta neċessarju, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ u jekk miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jżommu f’detenzjoni applikant għall-protezzjoni internazzjonali biss wara li jkunu vverifikaw, każ b’każ, jekk tali detenzjoni hijiex proporzjonata għall-finijiet imfittxija minnha (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 48).

259

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(2) u (3) u l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludu li applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni mingħajr il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ din il-miżura jkunu ġew eżaminati minn qabel u mingħajr ma tkun ġiet adottata deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li għalihom ġiet ordnata tali detenzjoni.

260

Fit-tielet lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jeżiġi li, meta d-detenzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali tiġi ordnata minn awtorità amministrattiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal stħarriġ ġudizzjarju mħaffef tal-legalità tad-detenzjoni ex officio u/jew fuq talba tal-persuna detenuta. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi li ż-żamma f’detenzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli, ex officio jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat.

261

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9(3) u (5) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludi li Stat Membru ma jipprevedi ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali.

262

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandu jinżamm f’detenzjoni biss għal perijodu qasir kemm jista’ jkun u sakemm ir-raġuni għad-detenzjoni tiegħu tkun applikabbli, peress li l-proċeduri amministrattivi marbuta ma’ din ir-raġuni ta’ detenzjoni għandhom jiġu eżegwiti bid-diliġenza kollha mixtieqa u d-dewmien f’dawn il-proċeduri li ma huwiex attribwibbli lill-applikant ma jistax jiġġustifika estensjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni.

263

Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2013/33 ma tistabbilixxi terminu stabbilit li lil hinn minnu l-Istati Membri huma obbligati jtemmu d-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 9 tal-Proposta għal Direttiva (COM(2008) 815 final) kien jipprovdi espressament li d-deċiżjoni ta’ detenzjoni kellha tippreċiża l-perijodu massimu tad-detenzjoni, dan ir-rekwiżit ma jidhirx fit-test finali tad-Direttiva 2013/33.

264

Madankollu, għandu jingħad ukoll li l-assenza ta’ ffissar ta’ perijodu massimu għad-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma tosservax id-dritt tiegħu għal-libertà, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, ħlief sa fejn dan l-applikant jibbenefika, kif jeżiġi l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33, minn garanziji proċedurali effettivi li jippermettu li tintemm id-detenzjoni tiegħu malli din ma tibqax neċessarja jew proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex minnha. B’mod partikolari, meta d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx suġġetta għal limitu temporali, l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f), tad-Direttiva 2013/32, għandha taġixxi bid-diliġenza kollha meħtieġa (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2017, S.M.M. vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2017:0622JUD007745012, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

265

Minn dan isegwi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix terminu li fi tmiemu d-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali tiġi awtomatikament ikkunsidrata bħala irregolari, sakemm dan l-Istat Membru jiżgura li, minn naħa, id-detenzjoni ddum biss sakemm ir-raġuni li tiġġustifikaha tibqa’ applikabbli u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri amministrattivi marbuta ma’ din ir-raġuni jiġu eżegwiti b’diliġenza.

266

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-punti (ċ) u (d) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, l-ewwel nett, applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li ma jkunx jista’ jmantni ruħu, it-tieni nett, din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni motivata li tordna d-detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura u, it-tielet nett, ma jkun hemm ebda stħarriġ fir-rigward tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni tal-applikant. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li l-Istati Membri jistabbilixxu perijodu massimu għaż-żamma f’detenzjoni sakemm id-dritt nazzjonali tagħhom jiggarantixxi li d-detenzjoni ddum biss sakemm ir-raġuni li tiġġustifikaha tibqa’ applikabbli u li l-proċeduri amministrattivi marbuta ma’ din ir-raġuni jiġu eżegwiti b’diliġenza.

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti mid-Direttiva 2008/115

267

Permezz tal-paragrafi (b), (ċ) u (d) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, l-ewwel nett, ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li ma jistax imantni ruħu, it-tieni nett, din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni li tordna d-detenzjoni u mingħajr ma tkun ġiet eżaminata n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, it-tielet nett, il-persuna detenuta ma jkollha l-ebda rimedju sabiex tikkontesta l-legalità tat-tqegħid u taż-żamma tagħha f’detenzjoni u, ir-raba’ nett, il-perijodu speċifiku taż-żamma f’detenzjoni tkun indeterminata.

268

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta espliċitament li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fl-assenza ta’ miżuri oħra suffiċjenti, iżda inqas koerċittivi, li jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv, tiġi ġġustifikata biss sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin u/jew li jitwettaq it-tneħħija tiegħu, b’mod partikolari meta jeżisti riskju ta’ ħarba jew meta l-imsemmi ċittadin jevita jew ifixkel il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija.

269

Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tirriskja, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għaċ-ċaħda tal-libertà ta’ din tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni (sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C-61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 39).

270

Għalhekk, il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u ma huwiex f’pożizzjoni li jmantni ruħu ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqiegħed f’detenzjoni abbażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

271

Fil-fatt, dik iċ-ċirkustanza ma hijiex waħda minn dawk li tista’ thedded l-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn u ta’ tneħħija kieku ma ġietx stabbilita miżura ta’ detenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev, C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punti 6870).

272

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li ma jistax imantni lilu nnifsu.

273

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-detenzjoni għandha tiġi ordnata mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji permezz ta’ att bil-miktub li jindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata. L-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija motivi huwa neċessarju kemm sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li titressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 4145).

274

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 13, 16 u 24 tad-Direttiva 2008/115, kull detenzjoni ordnata li taqa’ taħt din id-direttiva hija rregolata b’mod strett mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva b’mod li tiġi żgurata, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija, u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss wara li jkun ġie eżaminat jekk miżuri oħra inqas koersivi ma kinux suffiċjenti. Barra minn hekk, kif tikkonferma l-premessa 6 ta’ din l-istess direttiva, id-deċiżjonijiet adottati skontha, inklużi d-deċiżjonijiet ta’ tqegħid f’detenzjoni, għandhom, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, għandhom hekk jittieħdu fuq il-bażi ta’ każ b’każ u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 5570).

275

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15(1) u(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru jitqiegħed f’detenzjoni mingħajr ma tkun ġiet eżaminata n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ din il-miżura minn qabel u ma tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni, li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata.

276

Fit-tielet lok, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li, jekk id-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju aċċellerat tal-legalità tad-detenzjoni, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3) tal-istess direttiva, fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjoni tad-detenzjoni, li għandha sseħħ f’intervalli raġonevoli, għandha tkun suġġetta għal stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja.

277

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li Stat Membru ma jipprevedi ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

278

Fir-raba’ lok, mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment għandha tkun qasira kemm jista’ jkun u għandha tinżamm biss sakemm il-mekkaniżmu ta’ tneħħija jkun pendenti u jiġi eżegwit bid-diliġenza kollha meħtieġa, filwaqt li, meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija jew li l-kundizzjonijiet li jkunu ġġustifikaw id-detenzjoni ma għadhomx iktar issodisfatti, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u l-persuna kkonċernata għandha tiġi lliberata immedjatament.

279

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(5) u (6) tal-istess direttiva jipprevedi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni li ma jistax jeċċedi s-sitt xhur, peress li dan il-perijodu jista’ jiġi estiż biss għal perijodu determinat li ma jeċċedix tnax-il xahar addizzjonali u biss għall-każijiet li fihom, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tal-awtoritajiet nazzjonali, huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew minħabba dewmien fil-kisba tad-dokumenti neċessarji minn pajjiżi terzi. Ġaladarba fl-ebda każ ma huwa awtorizzat li jinqabeż dan it-terminu massimu, il-persuna detenuta għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi lliberata immedjatament ladarba jintlaħaq il-perijodu massimu ta’ detenzjoni ta’ tmintax-il xahar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev, C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punti 6069).

280

Minn dan isegwi li l-Artikolu 15(1) u (4) sa (6) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, ma tipprevedix li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż b’mod irregolari titqies awtomatikament bħala irregolari wara terminu massimu ta’ 18-il xahar, u, min-naħa l-oħra, ma tiggarantixxix li din id-detenzjoni tinżamm biss sakemm il-mekkaniżmu ta’ tneħħija jkun għadu għaddej u jiġi eżegwit bid-diliġenza kollha meħtieġa.

281

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-punti (b), (ċ) u (d) tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, l-ewwel nett, li ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li ma jistax imantni lilu nnifsu, it-tieni nett, li din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni mmotivata li tordna t-tqegħid f’detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, it-tielet nett, li ma jeżisti l-ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni u, ir-raba’ nett, li din l-istess detenzjoni tista’ teċċedi t-18-il xahar u tinżamm meta l-mekkaniżmu ta’ tneħħija ma jkunx għadu pendenti jew ma jkunx iktar eżegwit bid-diliġenza kollha meħtieġa.

Fuq il-konsegwenzi ta’ detenzjoni irregolari

282

Permezz tal-punt (e) tat-tielet domanda tagħha u tal-punt (e) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru tkun manifestament kuntrarja għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, qorti ta’ Stat Membru tista’, bħala miżura provviżorja, tobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħti post ta’ residenza lill-persuna detenuta illegalment, li ma jkunx post ta’ detenzjoni.

283

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-qorti tar-rinviju, la d-deċiżjoni amministrattiva li ordnat it-tqegħid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għall-applikanti għall-ażil u lanqas dik li ordnat it-tqegħid tagħhom fit-taqsima ta’ din iż-żona ta’ tranżitu rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda ma tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

284

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ungeriż madankollu għamel riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet proċedurali li, fil-fehma tiegħu, jippermettu li t-tqegħid f’din iż-żona ta’ tranżitu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju li jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

285

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tivverifika jekk qorti għandhiex, skont dan id-dritt, il-possibbiltà li tistħarreġ il-legalità tat-tqegħid u taż-żamma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

286

Madankollu, kif ġie enfasizzat, essenzjalment, fil-punt 234 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għas-sitwazzjoni li l-qorti tar-rinviju tqis bħala stabbilita u ma tistax tkun marbuta b’ipoteżijiet imqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

287

Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk, f’każ li jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tqis li t-tqegħid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda jikkostitwixxi detenzjoni, din tal-aħħar tistax, skont id-dritt tal-Unjoni, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ ir-regolarità ta’ tali detenzjoni, minkejja l-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi eżerċitat tali stħarriġ ġudizzjarju.

288

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 huwa inkundizzjonali u suffiċjentement preċiż għaldaqstant huwa munit b’effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 4647, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 54). Għal raġunijiet simili, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 għandu jitqies ukoll li għandu tali effett.

289

Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jikkostitwixxu materjalizzazzjoni, fil-qasam ikkunsidrat, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Kif ġie enfasizzat fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, dan l-Artikolu 47 huwa biżżejjed fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali.

290

It-tieni nett, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiżgura ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż irregolarment tikkostitwixxi, mhux biss, kif ġie rrilevat fil-punti 261 u 277 ta’ din is-sentenza, ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 u tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, iżda tikser ukoll il-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn tipprekludi, b’mod assolut, li l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar id-dritt ta’ kustodja u l-libertajiet tal-Unjoni.

291

Għaldaqstant, u għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 138 sa 146 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jimponu fuq il-qorti tar-rinviju, jekk hija tqis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma suġġetti għal detenzjoni, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina r-regolarità ta’ tali detenzjoni billi tħalli, jekk ikun hemm bżonn, mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli tipproċedi f’dan is-sens.

292

Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdu espressament li, meta d-detenzjoni titqies li hija illegali, il-persuna kkonċernata għandha tiġi lliberata immedjatament.

293

Minn dan isegwi li, f’tali każ, il-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tissostitwixxi bid-deċiżjoni tagħha, id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tat lok għat-tqegħid f’detenzjoni u li tipprovdi għal miżura alternattiva għad-detenzjoni jew inkella għar-rilaxx fil-libertà tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62). Madankollu, l-adozzjoni ta’ miżura alternattiva għad-detenzjoni hija prevista biss jekk ir-raġuni li ġġustifikat id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata kienet u tibqa’ valida, iżda din id-detenzjoni ma tidhirx jew ma tidhirx iktar li għadha neċessarja jew proporzjonata fid-dawl ta’ din ir-raġuni.

294

Għaldaqstant, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jawtorizzaw, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe qorti oħra li għandha ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali, lill-qorti tar-rinviju li tipprovdi għal-liberazzjoni immedjata tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jekk hija tqis li t-tqegħid tagħhom fit-taqsima taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke rriżervata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda jikkostitwixxi detenzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għaliha.

295

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-possibbiltà li l-awtorità amministrattiva kompetenti tiġi ordnata, bħala miżuri provviżorji, tagħti akkomodazzjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li, għalkemm l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 sempliċiment jimponi li tali applikant għandu jiġi lliberat immedjatament, meta jidher li d-detenzjoni tiegħu hija illegali, xorta jibqa’ l-fatt li, wara li jiġi lliberat, dan tal-aħħar ikompli jibbenefika mill-kwalità tiegħu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, u b’hekk huwa jista’ jipprevalixxi ruħu mill-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 245 ta’ din is-sentenza, fost dawn il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza hemm l-għoti ta’ allowance finanzjarja li tippermetti lill-imsemmi applikant li jmur jgħix jew l-għoti ta’ akkomodazzjoni in natura.

296

Barra minn hekk, mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li għandu jkun miftuħ rimedju għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra d-deċiżjonijiet relatati b’mod partikolari mal-għoti tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali. Għaldaqstant, hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali, li tieħu konjizzjoni ta’ tali rikors li għandha tiżgura l-osservanza tad-dritt għall-akkomodazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, peress li, kif tfakkar fil-punt 254 ta’ din is-sentenza, tali akkomodazzjoni ma tistax tikkonsisti f’detenzjoni de facto.

297

Fl-aħħar, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza konsistenti, qorti nazzjonali adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni trid tkun f’pożizzjoni li tagħti rimedju provviżorju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 21, kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 107).

298

Minn dan isegwi li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/33 jimponi li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li d-detenzjoni tiegħu tkun intemmet jista’ jinvoka, quddiem il-qorti kompetenti skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tiegħu li jikseb jew allowance finanzjarja li tippermettilu jikseb akkomodazzjoni jew inkella akkomodazzjoni in natura, peress li din il-qorti jkollha, skont id-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li tieħu miżuri provviżorji sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva tagħha.

299

Għandu jingħad ukoll li, għal raġunijiet analogi għal dawk li ġew esposti fil-punti 138 sa 146 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jimponu fuq il-qorti tar-rinviju li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jekk ebda qorti oħra ma jkollha, skont id-dritt nazzjonali, ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.

300

Fir-rigward, fit-tieni nett, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet miċħuda, għandu jiġi rrilevat li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, bħall-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, sempliċement jimponi li l-persuna kkonċernata għandha tiġi lliberata immedjatament meta jkun jidher li d-detenzjoni tagħha hija illegali.

301

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-punt (e) tat-tielet domanda u għall-punt (e) tar-raba’ domanda għandha tkun kif ġej:

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva li tordna t-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tali tqegħid f’detenzjoni u jawtorizzaw lil din il-qorti sabiex immedjatament tillibera lill-persuni kkonċernati jekk hija tqis li din id-detenzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li d-detenzjoni tiegħu, meqjusa illegali, tkun intemmet, jista’ jinvoka, quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tiegħu li jikseb jew allowance finanzjarja li tippermettilu jikseb akkomodazzjoni jew inkella akkomodazzjoni in natura, peress li din il-qorti jkollha, skont id-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li tadotta miżuri provviżorji sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva tagħha.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tad-dritt għall-akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż li jiggarantixxi tali dritt.

Fuq l-ispejjeż

302

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-emenda, minn awtorità amministrattiva, tal-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti tista’ tiġi kkontestata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat biss permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem awtorità amministrattiva, mingħajr ma jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità. F’każ bħal dan, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita b’rikors intiż li jikkontesta l-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tad-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonsisti f’tali emenda tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

 

2)

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni.

 

3)

Id-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta applikazzjoni għall-ażil kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda li ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva qabel ma ġiet ikkonstatata l-kuntrarjetà għad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda, l-awtorità determinanti fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, ma hijiex obbligata teżamina din l-applikazzjoni mill-ġdid ex officio. L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, tikkostitwixxi element ġdid relatat mal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, meta l-awtorità determinanti tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni preċedenti tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Tali konstatazzjoni hija neċessarjament imposta fuq l-imsemmija awtorità meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali.

 

4)

Id-Direttiva 2008/115 u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ b’mod permanenti f’żona ta’ tranżitu fejn il-perimetru huwa ristrett u magħluq, li fi ħdanu l-movimenti ta’ dan iċ-ċittadin huma limitati u ssorveljati, u li minnu ma jistax legalment jitlaq volontarjament, fi kwalunkwe direzzjoni, tidher li hija ċaħda tal-libertà, karatteristika ta’ “detenzjoni” fis-sens tal-imsemmija direttivi.

 

5)

L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax id-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’żona ta’ tranżitu għal perijodu ta’ iktar minn erba’ ġimgħat.

 

6)

L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, l-ewwel nett, applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li ma jkunx jista’ jmantni ruħu, it-tieni nett, din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni motivata li tordna d-detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, u t-tielet nett, ma jkun hemm ebda stħarriġ fir-rigward tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni ta’ dan l-applikant. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li l-Istati Membri jistabbilixxu perijodu massimu għaż-żamma f’detenzjoni sakemm id-dritt nazzjonali tagħhom jiggarantixxi li d-detenzjoni ddum biss sakemm ir-raġuni li tiġġustifikaha tibqa’ applikabbli u li l-proċeduri amministrattivi marbuta ma’ din ir-raġuni jiġu eżegwiti b’diliġenza.

 

7)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, l-ewwel nett, li ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li ma jistax imantni lilu nnifsu, it-tieni nett, li din id-detenzjoni sseħħ mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni mmotivata li tordna t-tqegħid f’detenzjoni u mingħajr ma jkunu ġew eżaminati n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali miżura, it-tielet nett, li ma jeżisti l-ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tordna d-detenzjoni u, ir-raba’ nett, li din l-istess detenzjoni tista’ teċċedi t-18-il xahar u tinżamm meta l-mekkaniżmu ta’ tneħħija ma jkunx għadu pendenti jew ma jkunx iktar eżegwit bid-diliġenza kollha meħtieġa.

 

8)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva li tordna t-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tali tqegħid f’detenzjoni u jawtorizzaw lil din il-qorti sabiex immedjatament tillibera lill-persuni kkonċernati jekk hija tqis li din id-detenzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li d-detenzjoni tiegħu, meqjusa illegali, tkun intemmet, jista’ jinvoka, quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tiegħu li jikseb jew allowance finanzjarja li tippermettilu jikseb akkomodazzjoni jew inkella akkomodazzjoni in natura, peress li din il-qorti jkollha, skont id-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li tadotta miżuri provviżorji sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva tagħha.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tad-dritt għall-akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż li jiggarantixxi tali dritt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.