SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Suq tal-bijodiżil – Skema ta’ għajnuna li tistabbilixxi kwoti ta’ bijodiżil eżentati mill-ħlas tad-dazju tas-sisa – Modifika ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata – Modifika tal-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-kwoti – Obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 1(c) – Kunċett ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Regolament (KE) Nru 794/2004 – Artikolu 4(1) – Kunċett ta’ ‘modifika ta’ għajnuna eżistenti’”

Fil-Kawżi magħquda C‑915/19 sa C‑917/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Novembru 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2019, fil-proċeduri

Eco Fox Srl (C‑915/19),

Alpha Trading SpA unipersonale (C‑916/19),

Novaol Srl (C‑917/19)

vs

Fallimento Mythen SpA (C‑915/19),

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero delle Politiche agricole, alimentari e forestali,

Ministero dello Sviluppo economico (C‑915/19 sa C‑917/19),

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (C‑915/19),

fil-preżenza ta’:

Oil.B Srl unipersonale,

Novaol Srl (C‑915/19),

Fallimento Mythen SpA,

Ital Bi-Oil Srl,

Cereal Docks SpA,

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (C‑916/19 u C‑917/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Alpha Trading SpA unipersonale u Novaol Srl, minn F. Francica u C. Rossi, avvocati,

għal Fallimento Mythen Spa, minn O. Grandinetti u A. Di Todaro, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Stancanelli u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat‑22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”), kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, bir-rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89 (MT)).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, Eco Fox Srl (C‑915/19), Alpha Trading SpA unipersonale (C‑916/19) u Novaol Srl (C‑917/19) u, min-naħa l-oħra, Fallimento Mythen SpA (C‑915/19), il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja), il-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministeru għall-Ambjent, għall-Protezzjoni tat-Territorju u għall-Baħar, l-Italja), il-Ministero delle Politiche agricole, alimentari e forestali (il-Ministeru għall-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Foresti, l-Italja), il-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) (C‑915/19 sa C‑917/19) u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja) (C‑915/19) fir-rigward tal-modifika ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha huwa previst trattament fiskali privileġġat għall-bijodiżil.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 659/1999

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)

‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

c)

‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika ta’ għajnuna ġdida”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu[109 TFUE] jew għal kull disposizzjoni relevanti tagħahom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. […]”

5

L-imsemmi regolament, applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

Ir-Regolament Nru 794/2004

6

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004, intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament [Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

2.   L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:

[…]

ċ)

l-issikkar ta’ ċerti kriterji għall-applikazzjoni ta’ skema awtorizzata ta’ għajnuna, tnaqqis fl-intensità ta’ l-għajnuna jew tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli.

[…]”

Id-dritt Taljan

Id-Digriet Ministerjali Nru 256/2003

7

L-Artikolu 4(2) tad-decreto ministeriale n. 256 “Regolamento concernente le modalità di applicazione dell’accisa agevolata sul prodotto denominato bijodiżil, ai sensi dell’articolo 21 del decreto legislativo 26 ottobre 1995, n. 504” (id-Digriet Ministerjali Nru 256, intitolat “Regolament dwar il-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tad-Dazju tas-Sisa b’Rata Preferenzjali fuq il-Prodott Imsejjaħ Bijodiżil, fis-sens tal-Artikolu 21 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas‑26 ta’ Ottubru 1995”), tal‑25 ta’ Lulju 2003 (GURI Nru 212, tat‑12 ta’ Settembru 2003, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 256/2003”), kien jipprevedi:

“Meta l-kwantitajiet [ta’ bijodiżil eżentati mid-dazju tas-sisa] li għalihom issir applikazzjoni jaqbżu l-limitu msemmi fil-paragrafu 1, it-tqassim jitwettaq skont il-modalitajiet li ġejjin:

a)

l-ewwel sena ta’ qbiż, għall-kull applikant, il-kwantitajiet ta’ bijodiżil imsemmija fl-Artikolu 3(1)(g) espressi f’tunnellati, u l-kapaċità ta’ produzzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) ukoll espressa f’tunnellati, jiġu kkonvertiti f’perċentwali tal-valuri totali u mmultiplikati rispettivament b’0.6 u b’0.4. It-total tal-valuri miksuba jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ekwivalenti għall-grad ta’ użu, matul is-sena preċedenti u sal‑31 ta’ Mejju tas-sena kurrenti, tal-kwoti attribwiti għal dawn is-sentejn. Għall-installazzjonijiet ġodda u għall-ewwel sena ta’ attività, dawn il-koeffiċjenti jiġu stabbiliti, rispettivament, għal żero u għal 0.1. Il-valur miksub jirrappreżenta l-piż ta’ kull applikant fit-tqassim tal-kontinġent. Meta dan il-kalkolu jwassal għal attribuzzjoni għola mid-domanda, il-kwota li taqbeż titqassam bejn l-applikanti l-oħra, skont l-istess kriterju;

b)

is-snin ta’ wara, lil kull impriża li tkun ippreżentat applikazzjoni tiġi attribwita kwantità ekwivalenti għall-medja fix-xahar tal-kwantitajiet irrilaxxati għall-konsum matul is-sena preċedenti u s-sena kurrenti sal‑31 ta’ Mejju, immultiplikata bi tnax. L-eventwali kwoti li jifdal jiġu attribwiti billi jiġu applikati l-kriterji msemmija fil-punt (a). Meta applikazzjonijiet għal parteċipazzjoni joriġinaw minn impriżi li ma kellhomx attribuzzjoni fis-sena preċedenti, il-kwantitajiet li għalihom saret applikazzjoni, eventwalment ikkorreġuti bl-għajnuna tal-kriterji msemmija fil-punt (a), jiġu attribwiti billi jsir użu, bi prijorità, mill-kwoti li jifdal imsemmija iktar ’il fuq u, jekk neċessarju, billi l-attribuzzjonijiet eżistenti jitnaqqsu b’mod proporzjonali.”

Id-Digriet Ministerjali Nru 156/2008

8

L-Artikolu 3(4) tad-decreto ministeriale n. 156 “Regolamento concernente le modalità di applicazione dell’accisa agevolata sul prodotto denominato ‘bijodiżil’, ai sensi dell’articolo 22-bis, del decreto legislativo 26 ottobre 1995, n. 504” (id-Digriet Ministerjali Nru 156, intitolat “Regolament dwar il-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tad-Dazju tas-Sisa b’Rata Preferenzjali fuq il-Prodott Imsejjaħ ‘Bijodiżil’, fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas‑26 ta’ Ottubru 1995”), tat‑3 ta’ Settembru 2008 (GURI no 239, tal‑11 ta’ Ottubru 2008, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 156/2008”), kien jipprevedi:

“Il-kwota li tista’ tiġi allokata bejn l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu(1) fil-kuntest tal-kwoti ġenerali li għalihom saret applikazzjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità konvenzjonali rispettiva ddefinita bħala t-total tal-medja ta’ kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(g) u tal-kapaċità ta’ produzzjoni fis-sena msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) tal-entità, it-tnejn li huma b’relazzjoni mal-valuri totali rispettivi u mmultiplikati, rispettivament, b’0.5 u b’0.45. Huma biss dawk l-impriżi li japplikaw għal kwoti ġenerali li jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità konvenzjonali. It-tqassim imsemmi f’dan il-paragrafu jitwettaq, għas-sena 2008, l-iktar tard 60 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fl-Artikolu 11(3) u, għas-snin 2009 u 2010, l-iktar tard sat‑28 ta’ Frar ta’ kull sena.”

Id-Digriet Ministerjali Nru 37/2015

9

L-Artikolu 1 tad-decreto ministeriale n. 37 “Regolamento recante modalità di applicazione dell’accisa agevolata sul prodotto denominato bijodiżil nell’ambito del programma pluriennale 2007-2010, da adottare ai sensi dell’articolo 22-bis del decreto legislativo 26 ottobre 1995, n. 504” (id-Digriet Ministerjali Nru 37, intitolat “Regolament dwar il-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tad-Dazju tas-Sisa b’Rata Preferenzjali fuq il-Prodott Imsejjaħ Bijodiżil, fil-kuntest tal-Programm Multiannwali 2007-2010, li għandu jiġi adottat fis-sens tal-Artikolu 22bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas‑26 ta’ Ottubru 1995”), tas‑17 ta’ Frar 2015 (GURI no 76, tal‑1 ta’ April 2015, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 37/2015”), huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Artikolu 4(2) tad-[Digriet Ministerjali Nru 256/2003] huwa fformulat mill-ġdid kif ġej:

2.   Meta l-kwantitajiet [ta’ bijodiżil eżentati mid-dazju tas-sisa] li għalihom issir applikazzjoni jaqbżu l-limitu msemmi fil-paragrafu 1, it-tqassim jitwettaq skont il-modalitajiet li ġejjin:

a)

l-ewwel sena ta’ qbiż, għall-kull applikant, il-kwantitajiet ta’ bijodiżil imsemmija fl-Artikolu 3(1)(g) espressi f’tunnellati u l-kapaċità ta’ produzzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) ukoll espressa f’tunnellati, jiġu kkonvertiti f’perċentwali tal-valuri totali u mmultiplikati rispettivament b’0.5 u b’0.5. It-total tal-valuri miksuba jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ekwivalenti għall-grad ta’ użu, matul is-sena preċedenti u sal‑31 ta’ Mejju tas-sena kurrenti, tal-kwoti attribwiti għal dawn is-sentejn. Għall-installazzjonijiet ġodda u għall-ewwel sena ta’ attività, dawn il-koeffiċjenti jiġu stabbiliti, rispettivament, għal żero u għal 0.125. Il-valur miksub jirrappreżenta l-piż ta’ kull applikant fit-tqassim tal-kontinġent. Meta dan il-kalkolu jwassal għal attribuzzjoni għola mid-domanda, il-kwota li taqbeż titqassam bejn l-applikanti l-oħra, skont l-istess kriterju;

b)

is-snin ta’ wara, lil kull impriża li tkun ippreżentat applikazzjoni tiġi attribwita kwantità ekwivalenti għall-medja fix-xahar tal-kwantitajiet irrilaxxati għall-konsum matul is-sena preċedenti u s-sena kurrenti sal‑31 ta’ Mejju, immultiplikata bi tnax. Il-kwoti li jifdal jiġu attribwiti b’mod proporzjonali għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-impriżi li ppreżentaw applikazzjoni. Meta l-applikazzjonijiet għal parteċipazzjoni joriġinaw minn impriżi li ma kellhomx attribuzzjoni fis-sena preċedenti, il-kwantitajiet li għandhom jiġu attribwiti lilhom jiġu ddeterminati bl-għajnuna tal-kriterji msemmija fil-punt (a), u attribwiti billi l-attribuzzjonijiet eżistenti jitnaqqsu b’mod proporzjonali.”

10

Skont kliem l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 37/2015:

“L-Artikolu 3(4) tad-[Digriet Ministerjali Nru 156/2008] huwa fformulat mill-ġdid kif ġej:

4.   Il-kwota li tista’ tiġi allokata bejn l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu(1) fil-kuntest tal-kwoti ġenerali li għalihom saret applikazzjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità konvenzjonali rispettiva ddefinita bħala t-total tal-medja ta’ kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(g) u tal-kapaċità ta’ produzzjoni fis-sena msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) tal-entità, it-tnejn li huma b’relazzjoni mal-valuri totali rispettivi u mmultiplikati, rispettivament, b’0.5 u b’0.5. Huma biss dawk l-impriżi li japplikaw għal kwoti ġenerali li jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità konvenzjonali.”

11

L-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 37/2015 jipprevedi:

“Mingħajr modifika tad-data storika li abbażi tagħha kull impriża ġiet ammessa tipparteċipa fil-programmi u saret destinatarja ta’ kwoti pprivileġġati ta’ bijodiżil, għas-snin 2006, 2007, 2008 u 2009 l-attribuzzjonijiet ta’ dan il-prodott huma ddefiniti mill-ġdid għal dawn l-impriżi b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji speċifikati rispettivament fl-Artikoli 1 u 2.”

It-tilwimiet fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali joriġinaw f’rikorsi ppreżentati quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) minn Eco Fox, Alpha Trading u Novaol. Il-fatti u l-motivi tar-rinviju fil-Kawżi C‑916/19 u C‑917/19 huma essenzjalment l-istess bħal dawk fil-Kawża C‑915/19, filwaqt li d-domanda magħmula f’kull waħda minn dawn il-kawżi hija, barra minn hekk, identika.

13

Il-fatti u l-motivi tar-rinviju fil-Kawża C‑915/19 huma kif ġej.

14

Bil-għan li tiffaċilita l-ftuħ ta’ suq nazzjonali tal-bijodiżil, ir-Repubblika Taljana pprevediet, permezz ta’ atti leġiżlattivi suċċessivi, tliet programmi differenti ta’ miżuri ta’ tul multiannwali. Dawn il-programmi rċevew l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

15

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) annulla, permezz ta’ żewġ sentenzi, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi, jiġifieri l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 256/2003 u l-Artikolu 3(4) tad-Digriet Ministerjali Nru 156/2008. Id-dispożizzjonijiet annullati kienu jirrigwardaw, it-tnejn li huma, il-kriterji ta’ attribuzzjoni lill-produtturi ta’ bijodiżil tal-kwantitajiet ta’ prodott eżentati mid-dazju tas-sisa.

16

Sabiex jikkonforma ruħu ma dawn is-sentenzi, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi adotta d-Digriet Ministerjali Nru 37/2015, li fformula mill-ġdid id-dispożizzjonijiet annullati.

17

Eco Fox kienet waħda mill-benefiċjarji tal-kwoti pprivileġġati ta’ bijodiżil fil-kuntest tal-programmi inkwistjoni. Hija ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-Digriet Ministerjali Nru 37/2015 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) fejn sostniet li dan id-digriet ministerjali jipprevedi għajnuna mill-Istat ġdida.

18

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2018, l-imsemmija qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija ddeċidiet, b’mod partikolari, li d-Digriet Ministerjali Nru 37/2015 ma kienx jistabbilixxi programm ġdid ta’ għajnuna mill-Istat, iżda kien jistabbilixxi retroattivament, mingħajr ma jbiddel it-tul tal-programmi, ċerti koeffiċjenti ta’ attribuzzjoni tal-kwoti ta’ bijodiżil fiskalment mgħejuna, wara l-annullament mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tad-dispożizzjonijiet li kienu jistabbilixxu l-kriterji preċedenti, u li, għalhekk, ma kienx hemm obbligu li dan id-digriet ministerjali jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

19

Eco Fox ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tiegħu hija ssostni, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida, sa fejn dik preċedenti kienet ġiet annullata b’effett retroattiv, jew, f’kull każ, għajnuna li tbiddel għajnuna li diġà kienet teżisti li, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, kellha tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni.

20

Fallimento Mythen, impriża li tipproduċi l-bijodiżil, tikkunsidra li r-rikors bħala li huwa, parzjalment, inammissibbli u, totalment, infondat.

21

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-effett tal-Artikoli 1 u 2 tad-Digriet Ministerjali Nru 37/2015 ma kienx it-titwil tal-perijodu tal-għajnuna diġà prevista, iżda li dawn bidlu l-kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ din l-għajnuna, billi stabbilixxew regoli ġodda b’mod retroattiv. F’dan ir-rigward huwa kompletament nieqes minn kull ambigwità l-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet ministerjali, li jistipula li, mingħajr modifika tad-data storika li abbażi tagħha kull impriża ġiet ammessa tipparteċipa fil-programmi u saret destinatarja ta’ kwoti pprivileġġati ta’ bijodiżil, għas-snin 2006 sa 2009, l-attribuzzjonijiet ta’ dan il-prodott huma ddefiniti mill-ġdid għal dawn l-impriżi b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji speċifikati rispettivament fl-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmi digriet ministerjali.

22

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Eco Fox ssostni li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull modifika ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi kkomunikata minn qabel lill-Kummissjoni. Skont l-imsemmija qorti, is-sentenzi invokati f’dan ir-rigward, jiġifieri s-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496), u tal‑11 ta’ Ġunju 2009, AEM vs Il‑Kummissjoni (T‑301/02, EU:T:2009:191), ma jidhirx li huma, madankollu, deċiżivi sa fejn, lil hinn mid-dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju, dawn donnhom jagħmlu riferiment, rispettivament, għal atti li jistabbilixxu għajnuna jew għal atti li jestendu għajnuna għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji.

23

Iktar minn hekk, jidher li l-Kummissjoni, li quddiemha ġie ppreżentat ilment minn waħda mill-partijiet fil-proċedura, kellha għarfien tad-Digriet Ministerjali Nru 37/2015, iżda ma bdiet ebda proċedura kontra r-Repubblika Taljana f’dan ir-rigward. Dan il-fatt, jista’ jindika li l-Kummissjoni ma qisitx il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li tistabbilixxi għajnuna mill-Istat ġdida, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑915/19, id-domanda preliminari li ġejja, filwaqt li dawk magħmula fil-Kawżi C‑916/19 u C‑917/19 huma fformulati f’termini identiċi:

“Fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja […] – fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, tar-[Regolament Nru 659/1999], tat-Taqsima I tar-[Regolament Nru 794/2004] u tal-eventwali dispożizzjonijiet ulterjuri tad-dritt tal-[Unjoni] – jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li hija bħala tali suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni […], att normattiv sekondarju bħalma huwa r-regolament adottat permezz tad-Digriet Ministerjali Nru 37/2015 li huwa kkontestat f’dan il-każ li, b’eżekuzzjoni diretta ta’ sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, […]) li jipprovdu għall-annullament parzjali tar-regolamenti preċedenti li diġà ġew innotifikati lill-Kummissjoni, affettwa b’mod retroattiv il-modalità ta’ applikazzjoni tad-dazju tas-sisa mnaqqas [preferenzjali] fuq il-bijodiżil li jemenda b’mod retroattiv il-kriterji ta’ tqassim tal-benefiċċju bejn l-impriżi applikanti mingħajr estensjoni tat-terminu tal-programm ta’ vantaġġi fiskali?

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Frar 2020, il-Kawżi C‑915/19 sa C‑917/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

Hemm lok li jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa biss possibbli meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Bankia, C‑910/19, EU:C:2021:433, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-ewwel lok, sa fejn Fallimento Mythen issostni li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli, minħabba allegat ksur tar-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, wara d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Frar 2020, intbagħtet talba għall-informazzjoni lill-qorti tar-rinviju, li permezz tagħha din ġiet mistiedna tispeċifika l-elementi kollha fattwali rilevanti li jistgħu jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta għad-domandi tagħha jew li tesponi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet it-tweġibiet għal din it-talba fit‑13 ta’ Lulju 2020.

28

Issa, l-informazzjoni li tinsab fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, hekk kif ikkompletati sussegwentement, huma suffiċjenti sabiex jitqies li r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura huma ssodisfatti. Huwa minnu li t-tweġibiet tal-qorti tar-rinviju li għalihom isir riferiment fil-punt preċedenti jesponu biss il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u li għalhekk ma jinkludu ebda speċifikazzjoni addizzjonali dwar il-kuntest fattwali li minnu jifformaw parti t-tilwimiet fil-kawża prinċipali. Madankollu, hekk kif iċċarat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti pprovduti bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jippermettu li wieħed jifhem suffiċjentement il-kuntest fattwali ta’ dawn it-tilwimiet.

29

Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan isostni, mingħajr madankollu ma jikkontesta formalment l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, li l-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel id-domanda magħmula f’kull waħda mill-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali, iżda llimitat ruħha li tesponi biss l-elementi li jippermettu li jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Madankollu, minn dawn it-talbiet jirriżulta li l-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-punt ta’ jekk il-modifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “għajnuna ġdida” suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE u li, b’mod partikolari, hija tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam ma tippermettilhiex li tirrispondi b’mod preċiż għal din il-kwistjoni.

30

Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif tosserva Fallimento Mythen, fil-formulazzjoni tad-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, fil-lista ta’ liġijiet rilevanti tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni, għall-“eventwali dispożizzjonijiet ulterjuri tad-dritt tal-[Unjoni]”, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-imsemmija qorti tidentifika, ukoll, dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis li huma rilevanti għall-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 659/1999 u 794/2004.

31

Minn dan isegwi li peress li l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li l-Qorti tal-Ġustizzja tifhem kemm ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta’ li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li anki r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura huma ssodisfatti.

32

B’konsegwenza ta’ dan, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

33

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 107 u 108 TFUE u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 659/1999 u 794/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li modifika ta’ skema fiskali preferenzjali għall-bijodiżil awtorizzata mill-Kummissjoni titqies bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta din il-modifika tikkonsisti fil-bdil, b’effett retroattiv, tal-kriterji ta’ tqassim tal-kwoti ta’ bijodiżil li jibbenefikaw minn rata ta’ dazju tas-sisa pprivileġġata abbażi ta’ din l-iskema.

34

Mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-oriġini ta’ dawn il-kwistjonijiet hija serje ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom din awtorizzata, suċċessivament, fit‑3 ta’ Mejju 2002 (għajnuna N 461/2001) (ĠU 2002, C 146, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2002”), l-iskema ta’ għajnuna inizjali, imbagħad, fil‑21 ta’ Ġunju 2005 (għajnuna N 582/2004) (ĠU 2005, C 240, p. 21) u fil‑11 ta’ Marzu 2008 (għajnuna N 326/2007) (ĠU 2008, C 134, p. 1) (iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2005” u d-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008”), modifiki ulterjuri ta’ din l-iskema (iktar ’il quddiem, it-tliet deċiżjonijiet ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni”).

35

Il-Kummissjoni adottat kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet wara li rċeviet komunikazzjoni minn qabel min-naħa tar-Repubblika Taljana, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, tal-verżjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Minn naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-effett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-legalità tagħha hija s-suġġett tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali kien il-modifika tal-kriterji ta’ tqassim tal-vantaġġ mogħti abbażi ta’ din l-iskema mingħajr ma din il-modifika ma ġiet ikkomunikata minn qabel lill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Għalkemm ir-Repubblika Taljana qieset li l-imsemmija modifika ma kellhiex tkun is-suġġett ta’ tali komunikazzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kollha huma produtturi ta’ bijodiżil, isostnu, quddiem il-qorti tar-rinviju, li din l-aħħar modifika hija illegali peress li, fid-dawl tan-natura kunsiderevoli tagħha, hija kellha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu kkomunikati, fi żmien effettiv, lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implimentata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Hekk kif diġà ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE u speċifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999 jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE l-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE li huma intiżi li jistabbilixxu jew li jimmodifikaw għajnuna, waqt li huwa ppreċiżat li dawn il-modifiki jistgħu jirrigwardaw jew għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel, C‑585/17, EU:C:2019:969, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Skont kliem l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, “għajnuna eżistenti” għandha tfisser, b’mod partikolari, kull “għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”. Minn dan isegwi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ, kemm fil-verżjoni inizjali tagħha approvata bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2002 kif ukoll il-verżjonijiet modifikati approvati permezz tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-2005 u tal-2008, hija koperta mill-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

40

Min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, bħala “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tipprevedi, f’dan ir-rigward, li, “[g]ħall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament [Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq [intern]”.

41

Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, modifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda ta’ natura purament formali jew amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, għaliex hija tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 94).

42

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali introduċietx modifika ta’ skema ta’ għajnuna li tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, f’liema każ hija għandha titqies bħala li hija “modifika ta’ għajnuna eżistenti” u, għalhekk, “għajnuna ġdida” suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm in-natura u l-portata ta’ din il-modifika kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-verżjonijiet preċedenti ta’ din l-iskema (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hyperswieq et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punti 39 sa 59).

43

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura u tal-portata tal-modifika inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mmodifikat, b’effett retroattiv, il-kriterji ta’ attribuzzjoni, bejn l-impriżi benefiċjarji tal-iskema, tal-kwantitajiet ta’ bijodiżil li għalihom tapplika r-rata preferenzjali ta’ dazju tas-sisa għas-snin 2006 sa 2009. B’mod partikolari, mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, fil-verżjonijiet tal-iskema ta’ għajnuna li kienu jeżistu qabel din il-leġiżlazzjoni, il-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-kwoti ta’ bijodiżil fiskalment pprivileġġati, stabbiliti fuq livell leġiżlattiv bid-Digriet Ministerjali Nru 256/2003, u sussegwentement bid-Digriet Ministerjali Nru 156/2008, kienu jagħtu rwol inqas importanti lill-kapaċità produttiva ta’ kull impriża inkwistjoni, peress li d-Digriet Ministerjali Nru 156/2008 tella’ l-koeffiċjent imwieżen inizjali minn 0.4 għal 0.45, u kienu jenfasizzaw, bil-kontra ta’ dan, l-istorja ta’ produzzjoni ta’ kull impriża inkwistjoni, jiġifieri l-kwantità ta’ bijodiżil li din kienet effettivament qiegħdet fis-suq matul is-snin preċedenti, sa fejn id-Digriet Ministerjali Nru 156/2008 naqqas il-koeffiċjent imwieżen inizjali minn 0.6 għal 0.5.

44

Il-konsegwenza tal-għoti ta’ piż ikbar lill-kriterju tal-istorja ta’ produzzjoni ta’ kull impriża inkwistjoni kienet li l-produtturi msejħa “storiċi”, li kien ilhom joperaw fis-settur tal-bijodiżil għal diversi snin, kienu jibbenefikaw, kull darba, minn kwantità ta’ bijodiżil fiskalment pprivileġġata għola min dik attribwita lill-produtturi li, għalkemm għanhom kapaċità ta’ produzzjoni ikbar, kienu daħlu f’dan is-suq biss fi żmien iktar reċenti. Wara l-annullament mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jipprevedu l-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-kwantitajiet ta’ bijodiżil fiskalment pprivileġġati, il-leġiżlatur Taljan introduċa l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-kriterji tal-istorja ta’ produzzjoni ta’ kull impriża inkwistjoni u tal-kapaċità produttiva tagħha huma mwieżna bl-istess koeffiċjent, jiġifieri 0.5 għal kull kriterju.

45

Dan espost, għandu jiġi speċifikat li, hekk kif jirriżulta mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali la taffettwa ċ-ċirklu ta’ benefiċjarji li kienu, preċedentement, ingħataw il-benefiċċju tal-iskema preferenzjali, la taffettwa l-baġit tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008 u lanqas ma testendix it-tul ta’ din l-iskema. Id-definizzjoni tal-prodott li jibbenefikaw minn rata preferenzjali ta’ dazju tas-sisa u din ir-rata nnifisha lanqas ma huma affettwati.

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li, bħala derogi mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jawtorizzaw skema ta’ għajnuna għandhom ikunu interpretati b’mod strett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hyperswieq et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ma għandux biss jiġi eżaminat it-test innifsu tagħhom iżda għandu wkoll isir riferiment għall-komunikazzjoni mwettqa mill-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hyperswieq et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni jirriżulta li l-kriterji ta’ attribuzzjoni, bejn l-impriżi benefiċjarji tal-iskema, tal-kwantitajiet ta’ prodott li għalihom tapplika r-rata preferenzjali ta’ dazju tas-sisa ma jikkostitwixxux element li fuqu l-Kummissjoni bbażat l-approvazzjoni tal-verżjonijiet preċedenti tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

B’mod partikolari, għalkemm huwa paċifiku li l-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-kwantitajiet ta’ bijodiżil li jibbenefikaw mill-iskema fiskali preferenzjali ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, minn tal-inqas fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-modifiki li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008, dawn il-kriterji ma ġew eżaminati espliċitament fl-ebda waħda mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni.

50

L-eżami tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern kien ibbażat fuq elementi oħra, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda, speċifikament, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008, fuq il-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima E.3.3 tal-Linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna ta’ l-istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 76), li jirrigwardaw l-għajnuna għall-funzjonament favur il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli. Għalhekk, fil-premessi 32 u 36 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni vverifikat il-konformità tad-definizzjoni tal-prodotti li għalihom japplika l-vantaġġ fiskali mal-punt 6 ta’ dawn il-linji gwida u mad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 188). Fil-premessi 38 sa 45 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni vverifikat li l-kalkolu tal-għajnuna kien konformi mal-kriterji stipulati fil-punt 56 tal-imsemmija linji gwida u li dan kien ta’ natura li jeskludi r-riskju ta’ kumpens żejjed. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li flimkien mal-vantaġġ fiskali kien hemm previst, għall-bijokarburanti, obbligu ta’ rilaxx għall-konsum.

51

Issa, la mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-preżenti kawżi ma jirriżulta li l-modifika, introdotta mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-kriterji ta’ attribuzzjoni, bejn l-impriżi benefiċjarji, tal-kwoti fiskalment pprivileġġati ta’ bijodiżil, tista’ tinfluwenza xi element tal-evalwazzjonijiet magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi skema ta’ għajnuna kkomunikata lill-Kummissjoni jiġi kkomunikat lil din l-istituzzjoni mill-Istat Membru inkwistjoni bl-ebda mod ma jfisser li l-elementi kollha ta’ dan l-abbozz għandhom jitqiesu bħala essenzjali meta, bħal f’dan il-każ, din il-komunikazzjoni tkun segwita minn deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tawtorizza l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, tali approċċ ikun ifisser it-tixjin tal-effett utli tal-kunċett ta’ “modifika ta’ għajnuna eżistenti”, li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, hekk kif imfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ma jkoprix kull modifika ta’ għajnuna eżistenti, iżda biss dawk il-modifiki li jkollhom l-effett li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

52

Ċertament, mill-premessa 23 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2002, mill-premessa 22 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2005 u mill-premessa 46 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008 jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani impenjaw ruħhom li jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-kumpens żejjed. Dawn ir-rapporti kellhom, b’mod partikolari, jindikaw l-ispiża ta’ materja prima u l-ispiża ta’ produzzjoni, il-kwoti attribwiti u l-kumpanniji li lilhom ġew attribwiti dawn il-kwoti kif ukoll id-data l-oħra kollha li tippermetti li l-Kummissjoni tevalwa jekk effettivament kienx hemm kumpens żejjed. L-awtoritajiet Taljani ġew ukoll imfakkra li huma kellhom javżaw minn qabel lill-Kummissjoni dwar kull bidla fil-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-għajnuna.

53

Madankollu, l-ewwel, mill-premessa 17 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2005 u mill-premessa 44 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008 jirriżulta, b’mod partikolari, li r-riskju ta’ kumpens żejjed ma jirriżultax mill-kriterji ta’ tqassim tal-prodott fiskalment pprivileġġat bħala tali, iżda jiddependi fuq ir-relazzjoni bejn l-ispiża ta’ produzzjoni tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-prezz fis-suq tad-diżil normali. Sakemm l-għajnuna tillimita ruħha li tkopri d-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti, bla ħsara għal benefiċċju raġonevoli, il-kumpens żejjed huwa eskluż.

54

Barra minn hekk, għalkemm l-effett tal-modifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien il-bdil tal-importanza mogħtija liż-żewġ parametri li l-leġiżlatur Taljan qies bħala rilevanti għall-finijiet tat-tqassim tal-għajnuna, jiġifieri l-istorja ta’ produzzjoni effettiva ta’ kull impriża inkwistjoni u l-kapaċità produttiva tagħha, dawn iż-żewġ kriterji jibqgħu rilevanti, u issa jinsabu saħansitra fuq l-istess livell, fil-kuntest tal-verżjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li, anki fid-dawl tal-fatt li r-rata ta’ dazju tas-sisa nżammet, il-modifika inkwistjoni ma tistax tikkonfuta l-konstatazzjoni mwettqa mil-Kummissjoni fil-premessa 45 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008, li tgħid li hija biss parti mill-produzzjoni ta’ kull impriża benefiċjarju li tista’ tibbenefika mir-rata preferenzjali ta’ dazju tas-sisa abbażi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

55

It-tieni, ma jistax jitqies li indikazzjoni ġenerali, bħal dik esposta fil-premessa 22 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2005, li tgħid li l-awtoritajiet Taljani huma obbligati li javżaw minn qabel lill-Kummissjoni dwar kull bidla fil-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-għajnuna, għandha tiġi interpretata bħala li għandha l-effett li timmodifika l-portata tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, sa fejn din tapplika, hekk kif dan jirriżulta mill-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, biss għall-modifiki ta’ għajnuna eżistenti li huma ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2008, il-Kummissjoni ssemmi dan l-obbligu li tiġi avżata dwar il-bdil tal-iskema ta’ għajnuna filwaqt li tispeċifika espliċitament li tali komunikazzjoni għandha titwettaq f’konformità mal-Artikolu 108(3) TFUE u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 659/1999 u 794/2004.

56

It-tielet, il-fatt li, minħabba d-definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-vantaġġ imwettqa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċerti benefiċjarji jiġu attribwiti inqas kwoti ta’ bijodiżil fiskalment pprivileġġati minn dawk inizjalment previsti, filwaqt li benefiċjarji oħra jingħataw iktar kwoti, ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni, li permezz tagħha din qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, l-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, ma għandhomx it-tendenza li juru li din il-modifika kkontestat l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li huwa dak li l-ispejjeż sostnuti mill-produtturi u l-ħallata ta’ bijodiżil jitnaqqsu jew inkella l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni b’konsegwenza ta’ dan, li tgħid li, inkwantu azzjoni favur l-enerġiji rinnovabbli u, għalhekk, favur il-protezzjoni tal-ambjent, l-iskema ta’ għajnuna, kemm fil-verżjoni inizjali tagħha kif ukoll fil-verżjonijiet immodifikati, kienet u għadha kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

57

Hemm lok li jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni hija konformi wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun obbligata li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, u li għalhekk il-kontroll tal-Kummissjoni ma għandux ikun jirrigwarda s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hyperswieq et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 65). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tevalwa jekk din l-iskema hijiex ta’ natura neċessarja għar-realizzazzjoni ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Minn dan jirriżulta li l-modifika tal-kriterji ta’ tqassim tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kellhiex effett fuq l-elementi kostituttivi ta’ din l-iskema, hekk kif dawn ġew evalwati mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni inkwistjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-imsemmija skema mas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 59). B’konsegwenza ta’ dan, din il-modifika ma tikkostitwixxix “modifika ta’ għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 u, għalhekk, ma hijiex “għajnuna ġdida” suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni tagħha ma tistax titqies bħala li hija illegali biss għar-raġuni li din ma ġietx ikkomunikata minn qabel lill-Kummissjoni.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 107 u 108 TFUE u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 659/1999 u 794/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li modifika ta’ skema fiskali preferenzjali għall-bijodiżil awtorizzata mill-Kummissjoni ma għandhiex titqies bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta din il-modifika tikkonsisti fil-bdil, b’effett retroattiv, tal-kriterji ta’ tqassim tal-kwoti ta’ bijodiżil li jibbenefikaw minn rata ta’ dazju tas-sisa pprivileġġata abbażi ta’ din l-iskema, sa fejn l-imsemmija modifika ma taffettwax l-elementi kostituttivi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, hekk kif dawn ġew evalwati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-verżjonijiet preċedenti tal-imsemmija skema mas-suq intern.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress lil-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija l-imsemmija qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċidi:

 

L-Artikoli 107 u 108 TFUE u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108[TFUE], kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat‑22 ta’ Lulju 2013, u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li modifika ta’ skema fiskali preferenzjali għall-bijodiżil awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex titqies bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta din il-modifika tikkonsisti fil-bdil, b’effett retroattiv, tal-kriterji ta’ tqassim tal-kwoti ta’ bijodiżil li jibbenefikaw minn rata ta’ dazju tas-sisa pprivileġġata abbażi ta’ din l-iskema, sa fejn l-imsemmija modifika ma taffettwax l-elementi kostituttivi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, hekk kif dawn ġew evalwati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-verżjonijiet preċedenti tal-imsemmija skema mas-suq intern.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.