SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/71/KE – Prospett meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ – Artikolu 3(2) – Artikolu 6 – Offerta indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati – Kontenut tal-informazzjoni pprovduta fil-prospett – Azzjoni għad-danni – Investituri individwali u investituri kkwalifikati – Għarfien tas-sitwazzjoni ekonomika tal-emittent”

Fil-Kawża C‑910/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Bankia SA

vs

Unión Mutua Asistencial de Seguros (UMAS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bankia SA, minn J. M. Fatás Monforte, J. Salinas Aguirre u D. Sarmiento Ramírez‑Escudero, abogados,

għall-Unión Mutua Asistencial de Seguros (UMAS), minn L. Lozano García, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Očková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Rius Riu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356, rettifika fil-ĠU 2014, L 218, p. 8), kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 76, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/71”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bankia SA u l-Unión Mutua Asistencial de Seguros (UMAS) dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Bankia, bħala emittent ta’ offerta ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, minħabba l-informazzjoni pprovduta fi prospett ippubblikat qabel din l-offerta.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2003/71 tħassret, b’effett mill‑20 ta’ Lulju 2019, bir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (ĠU 2017, L 168, p. 12). Madankollu, fid-dawl tad-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/71 jibqgħu applikabbli.

4

Il-premessi 10, 16, 18, 19, 21 u 27 tad-Direttiva 2003/71 jistipulaw:

“(10)

Il-mira ta’ din id-Direttiva u tal-miżuri tagħha ta’ implimentazzjoni huma li jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-investitur u l-effikaċja tas-suq, skond l-istandards regolatorji għolja adottati fil-fora internazzjonali rilevanti.

[…]

(16)

Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva huwa li jipproteġi lill-investituri. Huwa għalhekk approprjat li jitqiesu l-ħtiġiet differenti għall-protezzjoni tal-kategoriji varji ta’ investituri u l-livell tal-kompetenza tagħhom. L-iżvelar ipprovdut mill-prospett mhux meħtieġ għall-offerti limitati għall-investituri kwalifikati. B’kuntratt ma’ dan, kull bejgħ mill-ġdid lill-pubbliku jew il-kummerċ pubbliku permezz ta’ l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jeħtieġu l-pubblikazzjoni ta’ prospett.

[…]

(18)

Il-provvediment ta’ tagħrif sħiħ li jirrigwarda t-titoli u lil dawk li joħorġu dawn it-titoli jippromwovi, flimkien mar-regoli dwar il-kondotta tan-negozju, il-protezzjoni ta’ l-investituri. Barra minn hekk, dan it-tagħrif jipprovdi mezz effettiv sabiex tiżdied il-fiduċja fit-titoli u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament u l-iżvilupp xierqa tas-swieq tat-titoli. Il-manjiera approprjata għalbiex dan it-tagħrif jintgħamel disponibbli hija li jiġi ppubblikat prospett.

(19)

L-investiment fit-titoli, bħal kull għamla oħra ta’ investiment, jinvolvi riskju. Is-salvagwardji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-investituri attwali u potenzjali huma meħtieġa fl-Istati Membri kollha sabiex jgħinuhom jagħmlu stima infurmata ta’ dawn ir-riskji u b’hekk jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-għarfien fis-sħiħ tal-fatti.

[…]

(21)

It-tagħrif huwa fattur ċavetta fil-protezzjoni ta’ l-investitur; fil-prospett għandu jiġi inkluż sommarju li jagħti l-karatteristiċi essenzjali u r-riskji assoċjati ma’ min joħroġ it-titoli, kull garanti u t-titoli. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess bla xkiel għal dan it-tagħrif, is-sommarju għandu jinkiteb f’ilsien mhux tekniku u normalment ma għandux jaqbeż il-2500 kelma fl-ilsien li fih il-prospett ikun ġie imfassal oriġinarjament.

[…]

(27)

L-investituri għandhom jiġu protetti billi tiġi żgurata l-pubblikazzjoni ta’ tagħrif ta’ min joqgħod fuqu. Dawk li joħorġu t-titoli li t-titoli tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat huma bla ħsara għal obbligu dejjem għaddej ta’ l-iżvelar imma mhumiex meħtieġa li jippubblikaw tagħrif aġġornat b’mod regolari. B’żieda ma’ dan l-obbligu, dawk li joħorġu t-titoli għandhom jelenkaw, għall-inqas darba fis-sena, it-tagħrif kollu rilevanti ppubblikat jew magħmul disponibbli lill-pubbliku fit‑12-il xahar ta’ qabel, inkluż it-tagħrif ipprovdut lill-ħtiġiet varji tar-rappurtaġġ stabbilit f’leġislazzjoni Komunitarja oħra. […]”

5

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘offerta tat-titoli lill-pubbliku’ tfisser komunikazzjoni lil persuni f’kull għamla u b’kull mezz, li tippreżenta tagħrif biżżejjed dwar it-termini ta’ l-offerta u dwar it-titoli li jkunu sejrin jiġu offerti, hekk li jgħinu lill-investitur li jiddeċiedi dwar dawn it-titoli li jixtrihom jew jissottoskrivihom. Din id-definizzjoni għandha tapplika wkoll għat-tqegħid tat-titoli permezz ta’ intermedjarji finanzjarji;

(e)

‘investituri kwalifikati’ tfisser:

(i)

l-entitajiet legali li jkunu awtrorizzati jew regolati sabiex joperaw fis-swieq finanzjarji, inklużi: l-istituzzjonijiet tal-kreditu, id-ditti ta’ l-investiment, istituzzjonijiet oħra awtorizzati jew regolati, il-kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni, skemi oħra ta’ investiment kollettiv u l-kumpaniji tagħhom tal-ġestjoni, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tagħhom tal-ġestjoni, in-negozjanti ta’ l-oġġetti, kif ukoll l-entitajiet mhux awtorizzati jew regolati ta’ hekk li l-għan korporattiv tagħhom huwa biss li jinvestu fit-titoli;

(ii)

il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali, il-banek ċentrali, istituzzjonijiet internazzjonali u supranazzjonali bħalma huma l-Fond Dinji Monetarju, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew ta’ l-Investument u organizzazzjonijiet internazzjonali bħalhom;

[…]

(iv)

ċerti persuni naturali: bla ħsara għar-rikonoxximent reċiproku, Stat Membru jista’ jagħżel li jawtorizza persuni naturali li jkunu residenti fl-Istat Membru u li jitolbu espressament li jiġu kkunsidrati bħala investituri kwalifikati jekk dawn il-persuni jissodisfaw mill-inqas tnejn mill-kriterji dikjarati fil-paragrafu 2;

(v)

ċerti [impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)]: bla ħsara għar-rikonoxximent reċiproku, Stat Membru jista’ jagħżel li jawtorizza lill-SMEs li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’dan l-Istat Membru u li jitolbu espressament li jiġu kkunsidrati bħala investituri kwalifikati;

[…]

(h)

‘min joħroġ it-titoli’ tfisser entità legali li toħroġ jew tipproponi li toħroġ it-titoli;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-obbligu li jiġi ppubblikat prospett”, kien jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri ma għandhom jippermettu li ssir ebda offerta ta’ titoli lill-pubbliku fit-territorju tagħhom mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett.

2.   L-obbligu li jiġi ppubblikat prospett ma għandux japplika għat-tipi ta’ offerta li ġejjin:

(a)

offerta għat-titoli indirizzata lill-invstituri kkwalifikati biss; […]

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull ammissjoni tat-titoli għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew li jopera ġewwa t-territorji tagħhom tkun bla ħsara għall-pubblikazzjoni ta’ prospett.”

7

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva kien jipprevedi derogi mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għal ċerti kategoriji ta’ titoli.

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/71 kien jiddisponi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(2), il-prospett għandu jkun fih it-tagħrif kollu li, skond in-natura partikolari ta’ min joħroġ it-titoli u tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, huwa meħtieġ sabiex jgħin lill-investituri jagħmlu stima infurmata ta’ l-attivi u l-liabbiltajiet, il-posizzjoni finanzjarja, il-qligħ u t-telf, u l-prospetti ta’ min jiħroġ it-titoli u ta’ kull garanti, u tad-drittijiet annessi ma’ dawn it-titoli. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat f’għamla li tkun tista tiġi analizzata u tinftiehem bla xkiel.

2.   Il-prospett għandu jkun fih it-tagħrif li jirrigwarda lil min joħroġ it-titoli u t-titoli li jkunu sejrin jiġu offruti lill-pubbliku jew li jridu jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat. Għandu jinkludi wkoll sommarju. Is-sommarju għandu jwassal, f’manjiera qasira u f’ilsien mhux tekniku, il-karetteristiċi essenzjali u r-riskji assoċjati ma’ min joħroġ it-titoli, kull garanti u t-titoli, fl-ilsien li fih kien tfassal oriġinarjament il-prospett. Is-sommarju għandu jkun fih ukoll twissija illi:

[…]

(d)

ir-responsabbiltà ċivili taqa’ fuq dawk il-persuni li jkunu intavolaw is-sommarju, inkluża kull traduzzjoni tiegħu, u applikata għan-notifika tagħha, imma biss jekk is-sommarju jkun iqarraq, mhux eżatt jew inkonsistenti meta moqri flimkien ma’ partijiet oħra tal-prospett.

[…]”

9

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ir-responsabbiltà annessa mal-prospett”, kien jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-responsabbiltà rigward it-tagħrif mogħti fi prospett ikollu x’jaqsam mill-inqas ma’ min joħroġ it-titoli jew il-korpi tiegħu amministrattivi, tal-ġestjoni jew tas-sorveljanza, ma’ min joffrihom, mal-persuna li titlob għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew il-garanti, skond kif ikun il-każ. Il-persuni responsabbli għandhom ikunu identifikati biċ-ċar fil-prospett b’isimhom u l-funzjonament tagħhom jew, fil-każ ta’ persuni legali, isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom li, safejn ikunu jafu, it-tagħrif li jkun jinsab fil-prospett ikun skond il-fatti u li l-prospett ma jħalli barra xejn li x’aktarx jaffettwa l-importanza tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ebda responsabbiltà ċivili ma għandha taqa’ fuq persuna fuq il-bażi tas-sommarju biss, inkluża kull traduzzjoni tiegħu, għajr jekk ikunu qarrieqa, mhux preċiżi jew inkonsistenti meta moqrija flimkien mal-partijiet l-oħra tal-prospett.”

Id-dritt Spanjol

10

L-Artikolu 28 tal-Ley 24/1988, de 28 de Julio, del Mercado de Valores (il-Liġi 24/1988, tat‑28 ta’ Lulju 1988, dwar is-Suq tat-Titoli, BOE Nru 181, tad‑29 ta’ Lulju 1988, p. 23405), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“1.   Ir-responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta fil-prospett għandha tal-inqas taqa’ fuq l-emittent, fuq il-persuna li tagħmel offerta jew fuq il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq sekondarju uffiċjali kif ukoll fuq l-amministraturi tagħhom, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti.

[…]

2.   Il-persuni responsabbli għall-informazzjoni pprovduta fil-prospett għandhom jiġu kjarament identifikati permezz tal-isem u tal-funzjoni tagħhom, jew, fil-każ tal-persuni ġuridiċi, permezz tal-isem u tas-sede tagħhom. Bl-istess mod, huma għandhom jipprovdu dikjarazzjoni li tiċċertifika li, sa fejn jafu huma, id-data fil-prospett hija konformi mar-realtà u ma tinkludix ommissjonijiet ta’ natura li jbiddlu l-portata tiegħu.

3.   Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti, il-persuni kollha previsti fil-paragrafi preċedenti għandhom, jekk ikun il-każ, ikunu responsabbli għad-danni kollha kkawżati lill-possessuri ta’ titoli akkwistati b’riżultat ta’ informazzjoni żbaljata jew ta’ ommissjonijiet ta’ data rilevanti fil-prospett jew fid-dokument li, jekk ikun il-każ, għandu jitfassal mill-garanti.

[…]

4.   Ebda responsabbiltà ma tista’ tiġi attribwita lill-persuni msemmija fil-paragrafi preċedenti abbażi biss tas-sunt jew tat-traduzzjoni tiegħu, ħlief jekk il-kontenut tiegħu jkun qarrieqi, ineżatt jew kontradittorju meta mqabbel mal-partijiet l-oħra tal-prospett jew jekk, moqri flimkien mal-partijiet l-oħra tal-prospett, ma jipprovdix l-informazzjoni essenzjali li tippermetti li tgħin lill-investituri meta jikkunsidraw li jinvestu f’dawn it-titoli.”

11

L-Artikolu 30a(1) ta’ din il-liġi kien jiddisponi:

“Offerta lill-pubbliku ta’ bejgħ jew ta’ sottoskrizzjoni ta’ titoli hija ddefinita bħala kull komunikazzjoni indirizzata fi kwalunkwe forma u b’kull mezz lil persuni u li tippreżenta informazzjoni suffiċjenti dwar il-kundizzjonijiet tal-offerta u dwar it-titoli li għandhom jiġu offruti, b’mod li investitur ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi li jixtri jew jissottoskrivi dawn it-titoli.

L-obbligu li jiġi ppubblikat prospett ma japplika għall-ebda waħda mit-tipi ta’ offerta segwenti, li għalhekk ma humiex ikkunsidrati bħala offerti pubbliċi għall-finijiet ta’ din il-liġi:

a)

offerta ta’ titoli indirizzata biss lil investituri kkwalifikati.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Matul is-sena 2011, Bankia ppreżentat offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, maqsuma f’żewġ partijiet, bil-għan li tiġi ppreżentata fil-Borża. L-ewwel parti kienet indirizzata lill-investituri minbarra l-investituri kkwalifikati, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2003/71 (iktar ’il quddiem l-“investituri individwali”) kif ukoll lill-impjegati u lill-amministraturi ta’ din il-kumpannija, filwaqt li t-tieni parti, imsejħa “parti istituzzjonali”, kienet indirizzata lill-“investituri kkwalifikati”.

13

Iż-żewġ partijiet tal-offerta ġew proposti mid-data tar-reġistrazzjoni tal-prospett quddiem il-Comisión Nacional del Mercado de Valores (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), jiġifieri fid‑29 ta’ Ġunju 2011. Bejn din id-data u t‑18 ta’ Lulju 2011, kien għaddej il-perijodu msejjaħ ta’ “book-building”, li matulu l-eventwali investituri kkwalifikati setgħu jifformulaw proposti ta’ sottoskrizzjoni. Fit‑18 ta’ Lulju 2011, il-prezz tal-azzjonijiet ġie ffissat għal EUR 3.75, kemm għall-parti li tikkonċerna l-investituri individwali kif ukoll għall-parti istituzzjonali. Il-proposti għas-sottoskrizzjoni ġew magħżula u saru irrevokabbli wara li ġew ikkonfermati. L-aġġudikazzjoni lill-investituri tal-azzjonijiet korrispondenti seħħet fl-istess jum u l-ammissjoni għall-kwotazzjoni uffiċjali seħħet fil-ġurnata ta’ wara.

14

Fil-kuntest tal-offerta ta’ sottoskrizzjoni, Bankia kkuntattjat lill-UMAS, stabbiliment attiv fis-settur tal-assigurazzjoni mutwa, u meqjus bħala investitur ikkwalifikat. Fil‑5 ta’ Lulju 2011, l-UMAS issottoskriva offerta ta’ xiri ta’ 160000 azzjoni, għal EUR 3.75 kull waħda, li tikkorrispondi għal ammont totali ta’ EUR 600000.

15

Wara riformulazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ Bankia, l-azzjonijiet ta’ din iil-kumpannija tilfu kważi l-valur kollu tagħhom fis-suq sekondarju u l-kwotazzjoni tagħhom ġiet sospiża.

16

L-UMAS ippreżentat rikors kontra Bankia intiż, prinċipalment, għan-nullità, minħabba difett fil-kunsens, tal-ordni ta’ xiri tal-azzjonijiet u, sussidjarjament, għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Bankia minħabba n-natura qarrieqa tal-prospett. Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat in-nullità tal-ordni ta’ xiri tal-azzjonijiet u ordnat il-ħlas lura tas-somom imħallsa mill-UMAS, mingħajr ma ddeċidiet dwar ir-responsabbiltà ta’ Bankia.

17

Bankia appellat minn dik is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja), li, kuntrarjament għall-ewwel qorti tal-ewwel istanza, ċaħdet l-azzjoni għal nullità tal-UMAS, iżda laqgħet l-azzjoni għad-danni fir-rigward tal-prospett.

18

Kien wara dik is-sentenza li Bankia ppreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li kienet diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn investituri individwali, li l-prospett maħruġ minn Bankia kien fih ineżattezzi gravi fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja reali ta’ din il-kumpannija.

19

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-parti tal-offerta intiża għall-investituri individwali kienet għamlet obbligatorja l-pubblikazzjoni tal-prospett, li, mingħajr ma kien intiż għall-investituri kkwalifikati, seta’ jinfluwenza d-deċiżjoni ta’ investiment ta’ dawn tal-aħħar. Skont dik il-qorti, la d-Direttiva 2003/71 u lanqas id-dritt Spanjol ma jipprevedu espressament il-possibbiltà għal investituri kkwalifikati li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-emittent minħabba prospett żbaljat meta l-offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni tkun imħallta, jiġifieri indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati. Hija tenfasizza li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/71 jeżenta mill-obbligu li jippubblikaw prospett lill-emittenti ta’ offerti li huma indirizzati esklużivament lill-investituri kkwalifikati, peress li dawn tal-aħħar jitqiesu li għandhom il-kapaċità u l-mezzi ta’ informazzjoni li jippermettulhom jieħdu d-deċiżjoni tagħhom b’mod informat, filwaqt li l-premessa 27 ta’ din id-direttiva tiddikjara li l-protezzjoni tal-investituri għandha tiġi ggarantita permezz tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni affidabbli, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ investituri.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet tkun indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati u meta jkun inħareġ prospett għall-attenzjoni tal-investituri individwali, [l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li] l-azzjoni għad-danni fir-rigward tal-prospett tista’ tkun eżerċitata miż-żewġ tipi ta’ investituri jew mill-investituri individwali biss?

2)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun li l-investituri kkwalifikati jistgħu wkoll jeżerċitaw din l-azzjoni, huwa possibbli li jiġi evalwat il-livell ta’ konoxximent tagħhom tas-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li toħroġ l-offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet indipendentement mill-prospett, fuq il-bażi tar-relazzjonijiet ġuridiċi jew kummerċjali tagħhom ma’ din il-persuna li toħroġ l-offerta (sehem fl-azzjonarjat tagħha, fl-organi ta’ ammistazzjoni tagħha, etc)?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21

L-UMAS issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, fl-ewwel lok, minħabba li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tqajmux mill-partijiet fil-kawża prinċipali u li ma jistgħux jitqajmu ex officio mill-qorti tar-rinviju. Fit-tieni lok, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-ommissjonijiet u n-nuqqasijiet tagħha fil-preżentazzjoni tal-fatti kif ukoll fl-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tielet lok, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tħalli lok għal ebda dubju dwar il-persuni li jistgħu jeżerċitaw l-azzjoni għad-danni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71.

22

Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE sabiex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura li ma tiddependix mill-inizjattiva tal-partijiet. Għaldaqstant, għalkemm il-qorti tar-rinviju hija libera li tistieden lill-partijiet fil-kawża li hija adita biha sabiex jissuġġerixxu formulazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex isiru d-domandi preliminari, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fl-aħħar lok kemm dwar il-forma kif ukoll il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 28 sa 30).

23

Għaldaqstant, anki jekk jitqies li, kif isostni l-UMAS, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda kwistjonijiet mhux imqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għall-inammissibbiltà tagħha.

24

Fit-tieni lok, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa biss possibbli meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ma jkunux osservati jew meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 42).

25

Issa, l-argumenti mressqa mill-UMAS fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli għall-kawża prinċipali ma jippermettux li tiġi kkontestata l-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, din tal-aħħar osservat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li esponiet bi preċiżjoni suffiċjenti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-suġġett ta’ din tal-aħħar kif ukoll ir-rabta li teżisti bejnha u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba.

26

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati, l-azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett tistax tiġi eżerċitata mhux biss mill-investituri individwali, iżda wkoll mill-investituri kkwalifikati.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni), C‑160/18, EU:C:2020:190, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/71 ma tidentifikax l-investituri li jistgħu jeżerċitaw tali azzjoni għad-danni. Fil-fatt, din id-direttiva sempliċement tidentifika, fl-Artikolu 6(1) tagħha, il-persuni li r-responsabbiltà tagħhom tista’ tirriżulta minħabba l-kontenut żbaljat jew lakunarju tal-prospett.

30

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, mill-premessa 10 tagħha jirriżulta, b’mod partikolari, li l-protezzjoni tal-investituri kif ukoll il-funzjonament tajjeb u l-iżvilupp tas-swieq jikkostitwixxu l-qafas fundamentali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding, C‑441/12, EU:C:2014:2226, punti 3133).

31

Barra minn hekk, meta l-premessi 18, 21 u 27 tad-Direttiva 2003/71 jiġu kkunsidrati flimkien, jirriżulta li informazzjoni kompleta, affidabbli u faċilment aċċessibbli fuq it-titoli u l-emittenti ssaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri u tikkostitwixxi mezz effikaċi sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb u għall-iżvilupp tas-swieq ikkonċernati, li jevita li jiġu ostakolati b’irregolaritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding, C‑441/12, EU:C:2014:2226, punt 33).

32

F’dan il-kuntest, il-pubblikazzjoni ta’ prospett, kif jirriżulta mill-premessa 19 ta’ din id-direttiva, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-garanziji intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-investituri effettivi u potenzjali, sabiex dawn ikunu jistgħu jevalwaw ir-riskji involuti fl-investiment f’titoli u b’hekk jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti.

33

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li investitur li pparteċipa f’offerta ta’ titoli li fil-kuntest tagħha ġie ppubblikat prospett jista’ leġittimament jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni pprovduta f’dan il-prospett u, konsegwentement, għandu d-dritt li jeżerċita azzjoni għad-danni minħabba din l-informazzjoni, irrispettivament minn jekk l-imsemmi prospett ikunx inħareġ għalih jew le.

34

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 ma hijiex invalidata bid-distinzjoni bejn l-investituri individwali u l-investituri kkwalifikati li tirriżulta mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

35

Ċertament, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi sensiela ta’ derogi mill-obbligu ġenerali li jiġi ppubblikat prospett, stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari meta l-offerta tat-titoli hija indirizzata esklużivament lill-investituri kkwalifikati. Kif stabbilit fil-premessa 16 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħmel distinzjoni bejn il-bżonnijiet ta’ protezzjoni tad-diversi kategoriji ta’ investituri, b’mod partikolari skont il-livell ta’ kompetenza tagħhom. Għalhekk, l-offerti ta’ titoli esklużivament irriżervati għall-investituri kkwalifikati jevitaw l-obbligu ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett peress li dawn tal-aħħar, b’differenza mill-investituri individwali, jista’ jkollhom aċċess, permezz tal-mezzi tagħhom stess, għall-informazzjoni neċessarja għad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, indipendentement mill-prospett.

36

Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/71, li, bħala deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW, C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 69, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 30), li l-investituri kkwalifikati huma mċaħħda mill-possibbiltà li jressqu azzjoni għad-danni, prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, minħabba l-informazzjoni li tinsab fi prospett ippubblikat skont l-Artikolu 3(1) tagħha.

37

Fil-fatt, fil-każ ta’ offerta mħallta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija indirizzata kemm għall-investituri kkwalifikati kif ukoll għall-investituri individwali, l-investituri kollha, tkun xi tkun il-kwalità tagħhom, għandhom dan id-dokument li huwa meqjus, kif ġie rrilevat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li jinkludi informazzjoni kompleta u affidabbli li fuqha huma jistgħu jibbażaw ruħhom b’mod leġittimu. Barra minn hekk, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-derogi mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett, imsemmija fl-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, ma jipprekludux il-pubblikazzjoni volontarja ta’ tali dokument għall-investituri kollha.

38

Issa, hekk kif essenzjalment enfasizza l-Avukat Ġenerali: fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2003/71 jipprevedu, b’mod iddettaljat, diversi derogi mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett, filwaqt li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi prinċipju, mingħajr eċċezzjoni, ta’ responsabbiltà ċivili fil-każ ta’ prospett żbaljat, għandu jwassal għal interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li tgħid, li meta prospett ikun ippubblikat, azzjoni għad-danni ċivili għandha tkun tista’ titressaq abbażi tal-informazzjoni pprovduta fiha, irrispettivament mill-kwalità tal-investitur li jidhirlu li ġie leż.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati, l-azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett tista’ tiġi eżerċitata mhux biss mill-investituri individwali, iżda wkoll mill-investituri kkwalifikati.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn investitur ikkwalifikat minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, jippermettu lil, jew saħansitra jimponu fuq, il-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-investitur kellu jew kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ekonomika tal-emittent tal-offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, fid-dawl tar-relazzjonijiet tiegħu miegħu u indipendentement mill-prospett.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71 jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili japplikaw għall-persuni responsabbli mill-informazzjoni mogħtija fi prospett. Dan l-Artikolu 6(2) ma jeżiġix l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt nazzjonali f’dan il-qasam, bla ħsara, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li ebda responsabbiltà ċivili ma tista’ tingħata lil “persuna” abbażi tas-sunt biss tal-prospett jew tat-traduzzjoni tiegħu, sakemm il-kontenut tagħhom ma jkunx qarrieqi, ineżatt jew kontradittorju meta mqabbel mal-partijiet l-oħra tal-prospett.

42

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71 jagħti, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 44, 47 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett.

43

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 16 tagħha, jirriżulta li, għalkemm il-prospett tal-bejgħ ta’ titoli jinkludi l-informazzjoni essenzjali lill-investituri individwali sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, l-investituri kkwalifikati, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ kompetenza tagħhom, għandhom, għall-kuntrarju, normalment aċċess għal elementi oħra ta’ informazzjoni li jistgħu jiċċaraw it-teħid ta’ deċiżjoni tagħhom.

44

Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-Istati Membri, billi jadottaw, jekk ikun il-każ, dispożizzjonijiet speċifiċi fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, li jippermettu, jew jimponu, li l-livell ta’ kompetenzi tal-investitur ikkwalifikat, kif ukoll ir-relazzjonijiet tiegħu mal-emittent tat-titoli kkonċernati, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-implimentazzjoni tar-responsabbiltà minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71.

45

Madankollu, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-implimentazzjoni tal-azzjoni għad-danni prevista fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, skont il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali, dan il-prinċipju għandu madankollu jiġi applikat fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann, C‑174/12, EU:C:2013:856, punt 40).

46

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw sitwazzjonijiet suġġetti għad-dritt tal-Unjoni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern, filwaqt li l-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li tali dispożizzjonijiet ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 33).

47

Konsegwentement, fil-każ fejn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jippermettu, jew saħansitra jimponu, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-konoxxenza tas-sitwazzjoni ekonomika tal-emittent li għandu jew għandu jkollu l-investitur ikkwalifikat, fid-dawl tar-relazzjonijiet tiegħu miegħu, hija l-qorti nazzjonali adita b’tali azzjoni għad-danni li għandha tivverifika li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili li d-dritt nazzjonali jipprevedi barra minn hekk u lanqas ma għandhom bħala effett, fil-prattika, li jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tal-imsemmija azzjoni għad-danni.

48

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn investitur ikkwalifikat minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, jippermettu lil, jew saħansitra jimponu fuq, il-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-investitur kellu jew kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ekonomika tal-emittent tal-offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, fid-dawl tar-relazzjonijiet tiegħu miegħu u indipendentement mill-prospett, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili previsti mid-dritt nazzjonali u li fil-prattika ma għandhomx l-effett li jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2008/11, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati, l-azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett tista’ tiġi eżerċitata mhux biss mill-investituri individwali, iżda wkoll mill-investituri kkwalifikati.

 

2)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71, kif emendata bid-Direttiva 2008/11, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn investitur ikkwalifikat minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, jippermettu lil, jew saħansitra jimponu fuq, il-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-investitur kellu jew kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ekonomika tal-emittent tal-offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, fid-dawl tar-relazzjonijiet tiegħu miegħu u indipendentement mill-prospett, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili previsti mid-dritt nazzjonali u li fil-prattika ma għandhomx l-effett li jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.