SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Protezzjoni tad‑denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi – Natura uniformi u eżawrjenti – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 103(2)(a)(ii) – Artikolu 103(2)(b) – Evokazzjoni – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) ‘Champagne’ – Servizzi – Komparabbiltà bejn il‑prodotti – Użu tad-denominazzjoni kummerċjali ‘Champanillo’”

Fil-Kawża C‑783/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne,

vs

GB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, minn C. Morán Medina, abogado,

għal GB, minn V. Saranga Pinhas, abogado, u F. Sánchez García, procurador,

għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn A.‑L. Desjonquères, C. Mosser u E. de Moustier, sussegwentement minn A.‑L. Desjonquères u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras, M. Morales Puerta u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir‑Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 9, u fil-ĠU 2020, L 1, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (iktar ’il quddiem iċ-“CIVC”) u GB dwar ksur tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Champagne”.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1308/2013

3

Il-premessa 97 tar-Regolament Nru 1308/2013 tipprovdi:

“Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati għandhom jiġu protetti kontra l-użi li japprofittaw b’mod abbużiv mir-reputazzjoni li jgawdu l-prodotti li jkunu konformi. Biex tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta u biex ma tiżgwidax lill-konsumaturi, dik il-protezzjoni għandha tkun ukoll għal prodotti u servizzi mhux koperti b’dan ir-Regolament, inklużi dawk li ma jinstabux fl-Anness I għat-TFUE.”

4

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II ta’ dan ir-regolament, dwar id-“Denominazzjonijiet tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid”, tinkludi s-Subtaqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet introduttorji”, li taħtha jinsab l-Artikolu 92, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li jipprevedi:

“1.   Ir-regoli dwar denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali stabbiliti f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-prodotti msemmija fil-punti 1, 3 sa 6, 8, 9, 11, 15 u 16 tal-Parti II tal-Anness VII.

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq:

(a)

il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-produtturi;

(b)

l-iżgurar tal-operazzjoni mingħajr diffikultajiet tas-suq intern għall‑prodotti konċernati;

(c)

il-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità imsemmija f’din it-Taqsima, waqt li jitħallew miżuri nazzjonali ta’ politika tal-kwalità.”

5

L-Artikolu 93 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, li jinsab fis-Subtaqsima 2, intitolata “Denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi”, tal-istess Taqsima 2 tal-imsemmi regolament, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘denominazzjoni ta’ oriġini’ tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali u ġustifikabbli kif adatt, ta’ pajjiż użat biex ikun deskritt prodott imsemmi fl-Artikolu 92(1) li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott ikunu essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi inerenti naturali u umani tiegħu;

(ii)

l-għeneb li minnu jsir il-prodott jiġi esklużivament minn dik iż-żona ġeografika;

(iii)

il-produzzjoni ssir f’dik iż-żona ġeografika; u

(iv)

il-prodott jinkiseb minn varjetajiet ta’ dwieli li jkunu ta’ Vitis vinifera;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 103 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Protezzjoni”:

“1.   Denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjoni ġeografika protetta jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza nbid li jkun ġie magħmul f’konformità malispeċifikazzjoni korrispondenti ta’ prodott.

2.   Denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjoni ġeografika protetta, kif ukoll l-inbid li juża dak l-isem protett f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodotti għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ dak l-isem protett:

(i)

minn prodotti komparabbli li mhumiex konformi ma’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett; jew

(ii)

sakemm dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott jew is-servizz tkun indikata jew jekk l-isem protett ikun ġie tradott, traskritt jew ttraslitterat jew ikun akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, “togħma”, “bħal” jew espressjonijiet simili;

(c)

kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq imballaġġ ta’ ġewwa jew ta’ barra, materjal ta’ reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott tal-inbid konċernat, kif ukoll fuq l-imballaġġ tal-prodott f’kontenitur li jista’ jħalli impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

(d)

kwalunkwe prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

[…]”

7

L-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 1308/2013 intitolat “Ismijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “Ismijiet ta’ nbejjed imsemmija fl-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 [tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25)] u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 [tad-29 ta’ April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 455)], għandhom ikunu protetti awtomatikament skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tagħhom fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 104 ta’ dan ir-Regolament”.

8

L-Artikolu 230 ta’ dan ir-regolament jipprevedi t-tħassir tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”).

9

L-Artikolu 232 tal-imsemmi regolament jipprevedi li dan għandu jidħol fis-seħħ mill-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

10

Il-punt 5 tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, li għalih jirreferi l-Artikolu 92(1) ta’ dan ir-regolament, jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-“Inbid frizzanti ta’ kwalità”, li miegħu hija konnessa x-xampanja.

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012

11

Ir-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal‑ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 Regolament tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il‑protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall‑prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74, u fil‑ĠU 2011, L 293, p. 38), b’effett mit-3 ta’ Jannar 2013.

12

Il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament tistipula:

“Il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tiġi estiża għall-abbuż, l-imitazzjoni u l-evokazzjoni ta’ ismijiet irreġistrati kemm fuq prodotti kif ukoll fuq servizzi, sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex dik il-protezzjoni tkun allinjata ma’ dik li tapplika fis-settur tal-inbid. Meta d-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini jew l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jintużaw bħala ingredjenti għandu jittieħed kont tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti’.”

13

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li “[d]an ir-Regolament ma għandux japplika għal spirti, inbejjed aromatizzati jew prodotti tad-dwieli kif definiti fl-Anness XIb għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, bl-eċċezzjoni għall-ħall tal-inbid”.

14

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Protezzjoni”, huwa redatt, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, f’termini komparabbli ma’ dawk tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

GB għandu bars tat-tapas fi Spanja u juża s-sinjal CHAMPANILLO sabiex jindividwahom u jippromwovihom fuq in-networks soċjali kif ukoll permezz ta’ fuljetti ta’ reklamar. Huwa jassoċja ma’ dan is-sinjal, b’mod partikolari, mezz grafiku li jirrappreżenta żewġ tazzi bis-sieq li fihom xarba frizzanti u li huma msallba f’xulxin.

16

F’żewġ okkażjonijiet, fl-2011 u fl-2015, l-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks laqa’ l-oppożizzjoni magħmula miċ-CIVC, organu inkarigat mill-protezzjoni tal-interessi tal-produtturi tax-xampanja, għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark CHAMPANILLO mitluba minn GB, minħabba li r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark hija inkompatibbli mad-DOP “Champagne”, li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

17

Sal-2015, GB kien jikkummerċjalizza xarba bil-gass imsejħa Champanillo u waqqaf din il-kummerċjalizzazzjoni fuq talba taċ-CIVC.

18

Peress li qies li l-użu tas-sinjal CHAMPANILLO jikkostitwixxi ksur tad-DOP “Champagne”, iċ-CIVC ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona, Spanja) intiż sabiex GB jiġi kkundannat jieqaf juża s-sinjal CHAMPANILLO, inkluż fuq in-networks soċjali (Instagram u Facebook), sabiex jirtira mis-suq u mill-Internet is-sinjali u l-mezzi pubbliċitarji jew kummerċjali kollha li fuqhom jidher l-imsemmi sinjal u sabiex ineħħi l-isem tad-dominju “champanillo.es”.

19

Fid-difiża tiegħu, GB sostna li l-użu tas-sinjal CHAMPANILLO bħala isem kummerċjali ta’ stabbilimenti tal-ikel ma jwassal għal ebda probabbiltà ta’ konfużjoni mal-prodotti koperti mid-DOP “Champagne” u li huwa ma għandu l-ebda intenzjoni li jisfrutta r-reputazzjoni tal-imsemmija DOP.

20

Il-Juzgado de lo Mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) ċaħdet ir-rikors taċ-CIVC.

21

Hija sostniet li bl-użu tas-sinjal CHAMPANILLO minn GB ma kienx hemm evokazzjoni tad-DOP “Champagne”, peress li dan is-sinjal ma kienx ikopri xarba alkoħolika iżda stabbilimenti tal-ikel – li fihom ma tinbiegħx ix-xampanja – u konsegwentement prodotti differenti minn dawk protetti mid-DOP, indirizzati lejn pubbliku differenti u, għaldaqstant, ma jippreġudikax din id-denominazzjoni.

22

Il-Juzgado de lo Mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) ibbażat ruħha fuq is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li permezz tagħha din eskludiet li l-użu tat-terminu Champín għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarba bil-gass mingħajr alokoħol abbażi tal-frott, intiża għall-konsum waqt festini għat-tfal, kien jikser id-DOP “Champagne”, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenza bejn il-prodotti kkonċernati u l-pubbliku li għalih kienu intiżi u minkejja x-xebh fonetiku bejn iż-żewġ sinjali.

23

Iċ-CIVC appella mis-sentenza tal-Juzgado de lo Mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja).

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, kif ukoll tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipproteġux id-DOP fir-rigward tal-użu fil-kummerċ ta’ sinjali li ma jindikawx prodotti iżda servizzi.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-kamp ta’ protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jippermetti li din tkun protetta mhux biss fir-rigward ta’ prodotti simili, iżda wkoll fir‑rigward ta’ servizzi li jistgħu jkunu marbuta mad-distribuzzjoni diretta jew indiretta ta’ dawn il-prodotti?

2)

Ir-riskju ta’ ksur minħabba evokazzjoni li għalih jirreferu l-artikoli inkwistjoni tar-regolamenti tal-Unjoni jeżiġi li titwettaq prinċipalment analiżi nominali, sabiex jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-konsumatur medju, jew, sabiex jiġi analizzat dan ir-riskju ta’ ksur minħabba evokazzjoni, l-ewwel għandu jiġi ddeterminat li l-prodotti involuti huma l-istess prodotti, prodotti simili jew prodotti kumplessi li jinkludu, fost il‑komponenti tagħhom, prodott protett minn denominazzjoni ta’ oriġini?

3)

Ir-riskju ta’ ksur minħabba evokazzjoni għandu jiġi stabbilit permezz ta’ parametri oġġettivi meta jkun hemm koinċidenza totali jew kbira ħafna bejn l-ismijiet, jew dan għandu jitkejjel b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi evokattivi u evokati sabiex jiġi konkluż li r-riskju ta’ evokazzjoni huwa żgħir jew irrilevanti?

4)

Il-protezzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ riferiment fil-każijiet ta’ riskju ta’ evokazzjoni jew ta’ sfruttament hija protezzjoni speċifika, propja għall-partikolaritajiet ta’ dawn il-prodotti, jew il-protezzjoni għandha neċessarjament tkun marbuta mad-dispożizzjonijiet dwar il‑kompetizzjoni żleali?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

26

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tqis li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-DOP għandhom jiġu applikati flimkien ma’ dawk tal-Ftehim bejn ir‑Repubblika Franċiża u l-Istat Spanjol dwar il‑Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini, tal-Indikazzjonijiet ta’ Provenjenza u tad-Denominazzjonijiet ta’ xi Prodotti, magħmul f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1973 (JORF tat-18 ta’ April 1975, p. 4011), u tal-Artikolu L. 643–1 tal-Kodiċi Rurali Franċiż.

27

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007, li s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP għandha natura uniformi u eżawrjenti, b’tali mod li tipprekludi kemm l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ denominazzjonijiet jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kif ukoll dik ta’ sistema ta’ protezzjoni prevista minn trattati li jorbtu żewġ Stati Membri li jagħtu lil denominazzjoni, irrikonoxxuta skont id-dritt ta’ Stat Membru bħala li tikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini, protezzjoni fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 114129, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 100 sa 103).

28

Minn dan isegwi li, f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha tkun inkwistjoni l-protezzjoni ta’ DOP, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika esklużivament il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam.

29

Fit-tieni lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati espliċitament fid-domandi mressqa quddiemha mill-imsemmija qorti (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2020, DenizBank, C‑287/19, EU:C:2020:897, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006 u tal-Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1308/2013.

31

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 510/2006 u lanqas ir-Regolament Nru 1151/2012, li ħassru u ssostitwixxieh, ma japplikaw għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 510/2006 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, dawn ir-regolamenti ma japplikawx għall-prodotti tal-inbid.

32

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex tali li taffettwa l-kontenut tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, minn naħa, kif imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1151/2012 u tar-Regolament Nru 1308/2013 huma komparabbli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-prinċipji misluta fil-kuntest ta’ kull sistema ta’ protezzjoni, applikazzjoni trasversali, b’tali mod li tiżgura applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet u indikazzjonijiet ġeografiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 32).

33

Fit-tielet lok, għandu wkoll jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1308/2013, li ħassar ir-Regolament Nru 1234/2007 u li huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014, l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar huwiex applikabbli wkoll għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Madankollu, peress li l-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa fformulat f’termini komparabbli għal dawk tal-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, l-interpretazzjoni ta’ din l-ewwel dispożizzjoni hija applikabbli għat-tieni waħda.

35

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1308/2013, b’mod partikolari tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tqajmu dubji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 103(2)(a)(ii) ta’ dan ir-regolament.

36

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jinkludi lista gradwata ta’ aġir ipprojbit, li hija bbażata fuq in-natura ta’ dan l-aġir (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego, C‑614/17, EU:C:2019:344, punti 2527). Għaldaqstant, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013 u dak tal-Artikolu 103(2)(b) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier, C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 25).

37

Issa, l-Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa intiż sabiex jipprojbixxi kull użu dirett jew indirett ta’ denominazzjoni rreġistrata li jisfrutta r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta permezz tar-reġistrazzjoni, f’forma li, mill-perspettiva fonetika u viżiva, hija identika għal din id-denominazzjoni jew, tal-inqas, simili ħafna (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier, C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Dan jimplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “użu” tad-DOP, fis-sens tal-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013, huwa kkostitwit meta l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti jkun partikolarment għoli u qrib l-identiċità, mill-perspettiva viżiva u/jew fonetika, b’tali mod li l-użu tal-indikazzjoni ġeografika protetta jkun f’forma li għandha rabtiet tant mill-qrib magħha li s-sinjal inkwistjoni jkun evidentement inseparabbli.

39

B’differenza mill-aġir isemmi fl-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013, dak l-aġir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) ta’ dan ir-Regolament Nru 1308/2013 la juża direttament u lanqas indirettament id-denominazzjoni protetta nnifisha, iżda jissuġġeriha b’tali mod li l-konsumatur jistabbilixxi rabta suffiċjenti ta’ prossimità ma’ din id-denominazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 33, u tas-17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier, C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 25).

40

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “użu”, fis-sens tal-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013, għandu jiġi interpretat b’mod strett, taħt piena li d-distinzjoni bejn dan il-kunċett u, b’mod partikolari, dak ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 103(2)(b) ta’ dan ir-regolament, tiċċaħħad minn kull għan, li jmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

41

Fil-kawża prinċipali, u bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sinjal CHAMPANILLO inkwistjoni, li jirriżulta mill-għaqda tal-kelma “champagne” fil-lingwa Spanjola (“champán”), nieqsa minn aċċent toniku fuq il-vokali “a”, bis-suffiss diminuttiv “illo”, u li tfisser b’hekk, fil-lingwa Spanjola, “xampanja żgħira”, huwiex komparabbli jew le mad-DOP “Champagne”. Jidher li dan is-sinjal, filwaqt li jissuġġerixxi dan l-isem, jitbiegħed b’mod sinjifikattiv mill-aspett viżiv u/jew fonetiku. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, l-użu ta’ tali sinjal ma jidhirx li jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari, tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013.

Fuq l-ewwel domanda

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi d-DOP fir-rigward tal-aġir relatat kemm ma’ prodotti kif ukoll ma’ servizzi.

44

Konformement ma ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għal dak li jikkonċerna l-kliem tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li DOP hija protetta kontra kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott “jew is-servizz” tkun indikata.

46

Minn dan isegwi li, għalkemm huma biss il-prodotti li jistgħu, skont l-Artikolu 92 u l-Artikolu 93(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jibbenefikaw minn DOP, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija minn din id-denominazzjoni tkopri kull użu tagħha minn prodotti jew servizzi.

47

Tali interpretazzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 hija kkonfermata mill-kuntest li minnu tagħmel parti din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 97 tar-Regolament Nru 1308/2013 turi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jistabbilixxi, permezz tiegħu, protezzjoni tad-DOP kontra kull użu li jsir minnhom minn prodotti u servizzi li ma jaqgħux taħt dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-premessa 32 tar-Regolament Nru 1151/2012, dwar is-sistemi ta’ kwalità applikabbli għall-prodotti agrikoli u għall-prodotti tal-ikel, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom, kif ġie rrilevat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, huma komparabbli għal dawk tar-Regolament Nru 1308/2013, tistabbilixxi wkoll li l-protezzjoni tad-DOP kontra l-użu ħażin, imitazzjonijiet u evokazzjonijiet ta’ ismijiet irreġistrati għandha tiġi estiża għas-servizzi, sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex jiġi allinjat ma’ dak applikabbli għas-settur tal-inbid.

48

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1308/2013.

49

Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan ir-regolament jikkostitwixxi strument tal-politika agrikola komuni intiż essenzjalment sabiex jiżgura lill-konsumaturi li prodotti agrikoli li għandhom indikazzjoni ġeografika rreġistrata taħt dan ir-regolament jippreżentaw, minħabba l-provenjenza minn żona ġeografika speċifika tagħhom, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforz kwalitattiv kbir sabiex jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi ma japprofittawx ruħhom b’mod abbużiv mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jistabbilixxi għalhekk protezzjoni wiesgħa ħafna li hija intiża li testendi għal kull użu intiż sabiex jibbenefika mir-reputazzjoni assoċjata mal-prodotti koperti minn waħda minn dawn l-indikazzjonijiet.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 li ma tippermettix li DOP tiġi protetta meta s-sinjal inkwistjoni jindika servizz mhux biss ma tkunx koerenti mas-sinjifikat wiesa’ mogħti lill-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati, iżda, barra minn hekk, ma tippermettix li jintlaħaq b’mod sħiħ dan l-għan ta’ protezzjoni, peress li r-reputazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn DOP tista’ wkoll tkun sfruttata indebitament meta l-prattika prevista f’din id-dispożizzjoni tikkonċerna servizz.

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi d-DOP fir-rigward ta’ aġir relatat kemm ma’ prodotti kif ukoll ma’ servizzi.

It-tieni u t-tielet domanda preliminari

53

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, teżiġi, bħala kundizzjoni preliminari, li l-prodott li jibbenefika minn DOP u l-prodott jew is-servizz kopert mis-sinjal kontenzjuż ikunu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, għandha tiġi ddeterminata bl-użu ta’ fatturi oġġettivi sabiex jiġi stabbilit effett sinjifikattiv fuq konsumatur medju.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, għalkemm l-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013 jippreċiża li kwalunkwe użu dirett jew indirett ta’ DOP huwa pprojbit kemm fir-rigward ta’ “prodotti komparabbli” li ma jkunux konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif ukoll sa fejn l-imsemmi użu jisfrutta r-reputazzjoni tad-DOP, il-punt (b) tal-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu ma fih ebda indikazzjoni fis-sens li l-protezzjoni kontra kwalunkwe evokazzjoni hija limitata għall-każijiet biss fejn il-prodotti koperti mid-DOP u l-prodotti jew servizzi li għalihom jintuża s-sinjal ikkontestat huma “komparabbli” jew “simili”, u lanqas li din il-protezzjoni hija estiża għall-każijiet li fihom is-sinjal jirreferi għal prodotti jew għal servizzi li ma jixbhux lil dawk li jibbenefikaw mid-DOP.

55

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “evokazzjoni” jkopri ipoteżi li fiha s-sinjal użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn indikazzjoni ġeografika protetta, b’tali mod li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-prodott inkwistjoni, jitwassal sabiex ikollu f’moħħu, bħala xbieha ta’ riferiment, il-merkanzija li tibbenefika minn din l-indikazzjoni jew minn din id-denominazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Barra minn hekk, jista’ jkun hemm evokazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew ta’ DOP meta, fir-rigward ta’ prodotti ta’ dehra analoga, tkun teżisti familjarità fonetika u viżiva bejn l-indikazzjoni ġeografika protetta jew id-DOP u s-sinjal ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Madankollu, la l-inkorporazzjoni parzjali ta’ DOP f’sinjal li jkollhom prodotti jew servizzi li ma humiex koperti minn din id-denominazzjoni u lanqas l-identifikazzjoni ta’ xebh fonetiku u viżiv tal-imsemmi sinjal mal-imsemmija denominazzjoni ma jikkostitwixxu kundizzjonijiet li għandhom ikunu imperattivament meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evokazzjoni ta’ din l-istess denominazzjoni. L-evokazzjoni tista’ fil-fatt tirriżulta wkoll minn “prossimità kunċettwali” bejn id-denominazzjoni protetta u s-sinjal inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 464950).

58

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, il-kriterju determinanti huwa dak dwar jekk il-konsumatur, meta jkollu quddiemu denominazzjoni kontenzjuża, jitwassalx sabiex ikollu direttament f’moħħu, bħala xbieha ta’ riferiment, il-merkanzija koperta mid-DOP, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-inkorporazzjoni parzjali ta’ DOP fid-denominazzjoni kkontestata, familjarità fonetika u/jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni ma’ din id-DOP, jew inkella prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija DOP (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 51 u tas-17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier, C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 26).

59

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-essenzjali, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evokazzjoni, huwa li l-konsumatur jistabbilixxi rabta bejn it-terminu użat sabiex jidentifika l-prodott inkwistjoni u l-indikazzjoni ġeografika protetta. Din ir-rabta għandha tkun suffiċjentement diretta u inekwivoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 4553 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Minn dan jirriżulta li l-evokazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, tista’ tiġi kkonstatata biss permezz ta’ evalwazzjoni globali tal-qorti tar-rinviju, li tinkludi l-elementi rilevanti kollha tal-kawża.

61

Konsegwentement, il-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 1308/2013, ma jeħtieġx li l-prodott kopert mid-DOP u l-prodott jew is-servizz kopert mid-denominazzjoni kkontestata jkunu identiċi jew simili.

62

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali evokazzjoni, għandu jsir riferiment għall-perċezzjoni ta’ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Dan il-kunċett ta’ konsumatur Ewropew medju għandu jiġi interpretat b’mod li jiggarantixxi protezzjoni effettiva u uniformi tad-denominazzjonijiet irreġistrati kontra kwalunkwe evokazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego, C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 47).

64

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni effettiva u uniformi tad-denominazzjonijiet protetti f’dan it-territorju kollu teħtieġ li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li jistgħu jeskludu l-eżistenza ta’ evokazzjoni għall-konsumaturi ta’ Stat Membru wieħed. Xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex tiġi implimentata l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, l-eżistenza ta’ evokazzjoni tista’ wkoll tiġi evalwata biss fir-rigward tal-konsumaturi ta’ Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego, C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 48).

65

Fit-tilwima tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-użu tad-DOP inkwistjoni u l-kuntest li fih isir dan l-użu, jekk id-denominazzjoni CHAMPANILLO hijiex tali li toħloq, f’moħħ il-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, rabta suffiċjentement diretta u univoka max-xampanja, sabiex dik il-qorti tkun tista’ sussegwentement tistħarreġ jekk fil-każ ineżami teżistix evokazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, ta’ din id-DOP. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, li fosthom jiffiguraw, b’mod partikolari, ix-xebh kbir kemm viżiv kif ukoll fonetiku bejn l-isem kontenzjuż u l-isem protett kif ukoll l-użu tal-isem kontenzjuż sabiex jiġu indikati servizzi tal-ikel u għal finijiet pubbliċitarji.

66

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma teħtieġx, bħala kundizzjoni preliminari, li l-prodott li jibbenefika minn DOP u l-prodott jew is-servizz kopert mis-sinjal kontenzjuż ikunu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, tkun stabbilita meta l-użu ta’ isem jipproduċi, f’moħħ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, rabta suffiċjentement diretta u univoka bejn dan l-isem u d-DOP. L-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tirriżulta minn diversi elementi, b’mod partikolari, l-inkorporazzjoni parzjali tad-denominazzjoni protetta, il-familjarità fonetika u viżiva bejn iż-żewġ denominazzjonijiet u x-xebh li jirriżulta minnha, u anki fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, mill-prossimità kunċettwali bejn id-DOP u d-denominazzjoni inkwistjoni jew ukoll xebh bejn il-prodotti koperti minn din l-istess DOP u l-prodotti jew servizzi koperti minn din l-istess denominazzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha dwar l-użu tad-denominazzjoni inkwistjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

67

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali.

68

Kif jirriżulta mill-punti 56 sa 60 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ protezzjoni kontra l-evokazzjoni ta’ DOP kif prevista fl-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 hija sistema ta’ protezzjoni oġġettiva, peress li l-implimentazzjoni tagħha ma teħtieġx li tintwera l-eżistenza ta’ intenzjoni jew ta’ nuqqas. Barra minn hekk, il-protezzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti protetti mid-denominazzjoni rreġistrata u l-prodotti jew is-servizzi li għalihom is-sinjal ikkontestat jintuża jew għal dik ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumatur għal dak li jikkonċerna dawn il-prodotti u/jew dawn is-servizzi.

69

Minn dan isegwi li, għalkemm, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex eskluż li l-istess aġir jista’ jikkostitwixxi fl-istess waqt kemm prattika pprojbita mill-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 kif ukoll att ta’ kompetizzjoni żleali skont id-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa usa’ minn dan tal-aħħar.

70

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi protezzjoni speċifika u proprja li tapplika indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni żleali.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta (DOP) fir-rigward ta’ aġir relatat kemm ma’ prodotti kif ukoll ma’ servizzi.

 

2)

L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma teħtieġx, bħala kundizzjoni preliminari, li l-prodott li jibbenefika minn DOP u l-prodott jew is-servizz kopert mis-sinjal kontenzjuż ikunu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, tkun stabbilita meta l-użu ta’ isem jipproduċi, f’moħħ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, rabta suffiċjentement diretta u univoka bejn dan l-isem u d-DOP. L-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tirriżulta minn diversi elementi, b’mod partikolari, l-inkorporazzjoni parzjali tad-denominazzjoni protetta, il-familjarità fonetika u viżiva bejn iż-żewġ denominazzjonijiet u x-xebh li jirriżulta minnha, u anki fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, mill-prossimità kunċettwali bejn id-DOP u d-denominazzjoni inkwistjoni jew ukoll xebh bejn il-prodotti koperti minn din l-istess DOP u l-prodotti jew servizzi koperti minn din l-istess denominazzjoni.

 

3)

L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi protezzjoni speċifika u proprja li tapplika indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni żleali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.