SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Direttiva 2014/23/UE – Proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti ta’ konċessjoni – Artikolu 43 – Modifiki sostanzjali – Logħob tal-lotterija bi tlugħ instantanju – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tiġdid ta’ konċessjoni mingħajr proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(3) – Interess ġuridiku”

Fil-Kawżi magħquda C‑721/19 u C‑722/19,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Ġunju 2019, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2019, fil-proċeduri

Sisal SpA (C‑721/19),

Stanleybet Malta Ltd (C‑722/19),

Magellan Robotech Ltd (C‑722/19)

vs

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

fil-preżenza ta’:

Lotterie Nazionali Srl,

Lottomatica Holding Srl, li kienet Lottomatica SpA (C‑722/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sisal SpA, minn L. Medugno, F. Cintioli, S. Sticchi Damiani u A. Lauteri, avvocati,

għal Stanleybet Malta Ltd u Magellan Robotech Ltd, minn R. A. Jacchia, A. Terranova, F. Ferraro u D. Agnello, avvocati,

għal Lotterie Nazionali Srl, minn V. Fortunato, R. Baratta u A. Botto, avvocati,

għal Lottomatica Holding Srl li kienet Lottomatica SpA, minn S. Fidanzia u A. Gigliola, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. G. Marrone u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati kif ukoll minn G. Gattinara u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, l-ewwel (Kawża C‑721/19), Sisal SpA u, it-tieni (Kawża C‑722/19), Stanleybet Malta Ltd kif ukoll Magellan Robotech Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Stanleybet”) u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“ADM”), u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) kif ukoll Lotterie Nazionali Srl u Lottomatica Holding Srl, li kienet Lottomatica SpA (iktar ’il quddiem “Lottomatica”) (Kawża C‑722/19) rigward il-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-miżura li permezz tagħha l-ADM ġeddet, matul is-sena 2017, il-konċessjoni mogħtija matul is-sena 2010 lil Lotterie Nazionali għall-ġestjoni tal-logħob tal-lotterija bi tlugħ instantanju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/23

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Prinċipju ta’ trattament ugwali, nondiskriminazzjoni u trasparenza”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.”

4

L-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva, intitolat “Modifika ta’ kuntratti fis-seħħ”, jipprevedi:

“1.   Il-konċessjonijiet jistgħu jiġu modifikati mingħajr proċedura ġdida tal-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ din id- Direttiva fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

a)

fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti tal-konċessjoni inizjali bi klawżoli ċari, preċiżi u inekwivoċi, li jistgħu jinkludu klawżoli ta’ reviżjoni tal-valur, jew għażliet. Dawn il-klawżoli għandhom jiddikkjaraw l-ambitu u n-natura ta’ modifiki jew għażliet possibbli kif ukoll il-kondizzjonijiet kif dawn jistgħu jintużaw. Huma m’għandhomx jipprevedu modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura globali tal-konċessjoni;

[…]

e)

fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, ma jkunux sostanzjali fis-sens tal-paragrafu 4.

[…]

4.   Modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha għandha titqies li hija sostanzjali skont it-tifsira ta’ punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-konċessjoni materjalment differenti fil- karattru minn dik inizjalment konkluża. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies li hija sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni inizjali, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ applikanti oħra minbarra dawk inizjalment magħżula, jew għall-aċċettazzjoni ta’ offerta minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni;

b)

il-modifika testendi l-ambitu tal-konċessjoni b’mod konsiderevoli;ju b’tali mod li ma kienx previst fil-konċessjoni inizjali;

c)

il-modifika testendi l-ambitu tal-konċessjoni b’mod konsiderevoli;

d)

fejn konċessjonarju ġdid jibdel lill-konċessjonarju li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti kienet inizjalment tat il-konċessjoni f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt punt (d) tal-paragrafu 1.

5.   Proċedura ġdida għall-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva għandha tintalab għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha minbarra dawk previsti fil-paragrafi 1 u 2.”

5

L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Emendi għad-Direttiva 89/665/KEE”, jipprovdi:

“Id-Direttiva 89/665/KEE [tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44)] għandha tiġi emendata kif ġej:

Fl-Artikolu 1 il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“[…]

Din id-Direttiva tapplika wkoll għal konċessjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti, imsemmija fid-Direttiva [2014/23], sakemm dawn il-konċessjonijiet ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 10, 11, 12, 17 u 25 ta’ dik id-Direttiva.

[…]”

6

Konformement mal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Traspożizzjoni”, l-Istati Membri li kienu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-direttiva sat‑18 ta’ April 2016.

7

L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Dħul fis-seħħ” jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-għoti ta’ konċessjonijiet offruti jew mogħtija qabel is-17 ta’ April 2014.”

Id-Direttiva 89/665

8

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2014/23 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 21, intitolat “Awtorizzazzjoni ta’ konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob”, tad-decreto legge n. 78 – Provvedimenti anticrisi, nonché proroga di termini (id-Digriet Liġi Nru 78 dwar Miżuri Sabiex Tiġi Miġġielda l-Kriżi, u Proroga tat-Termini), tal‑1 ta’ Lulju 2009 (GURI Nru 150, tal‑1 ta’ Lulju 2009), ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 102 tat‑3 ta’ Awwissu 2009 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 179 tal‑4 ta’ Awwissu 2009) (iktar ’il quddiem id‑“Digriet Liġi Nru 78/2009”) jipprovdi:

“1.   Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-aħjar interessi pubbliċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ ġbir [ta’ mħatri] tal-logħob, meta jingħataw lil persuni barra mill-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni ta’ dawn l-attivitajiet għandha dejjem tingħata b’konċessjoni, f’konformità mal-prinċipji u mar-regoli Ewropej u nazzjonali, normalment lil diversi persuni magħżula fi tmiem proċeduri miftuħa, kompetittivi u nondiskriminatorji. Konsegwentement, […] il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi [Amministrazione Autonoma Monopoli di Stato – Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, l-Italja)] għandu jorganizza l-proċeduri meħtieġa sabiex jipproċedi fi żmien xieraq għall-għoti tal-konċessjoni, inkluż fir-rigward ta’ ġbir mill-bogħod tal-imħatri ta’ dawn il-lotteriji, lill-iktar operaturi ta’ logħob, nazzjonali jew Ewropej, ikkwalifikati, li n-numru tagħhom, madankollu, ma għandux jaqbeż l-erbgħa, u li għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ affidabbiltà meħtieġa f’termini ta’ moralità, ta’ teknika u fil-livell ekonomiku.

2.   Il-konċessjoni msemmija fil-paragrafu 1 tipprovdi għal dritt għal remunerazzjoni, inkluża r-remunerazzjoni, ta’ 8 % dovuta għall-punti tal-bejgħ għal-lotteriji bi tlugħ istantanju, ugwali għal 11.90 % ta’ ammont li jinkludi s-somma totali tal-ammonti miġbura u medja tal-premji mħallsa, għal kull konċessjonarju li huwa offerent rebbieħ, sa massimu ta’ 75 %.

3.   L-għażla permezz ta’ sejħa għal offerti għall-għoti tal-konċessjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża, fejn tingħata prijorità lill-kriterji li ġejjin: a) żieda fl-ammont tal-offerti proposti b’rabta ma’ bażi ddefinita minn qabel li tiggarantixxi, fi kwalunkwe każ, dħul globali ta’ mhux inqas minn EUR 500 miljun fis-sena 2009, u minn EUR 300 miljun fis-sena 2010, irrispettivament min-numru finali tal-offerenti rebbieħa; b) offerta ta’ standards ta’ kwalità li jiggarantixxu s-sigurtà tal-konsumaturi l-iktar kompleta possibbli f’termini ta’ inalterabbiltà u ta’ nuqqas ta’ imitazzjoni ta’ biljetti, kif ukoll tas-sigurtà tas-sistema ta’ ħlas tal-ammonti c) distribuzzjoni kapillari, permezz ta’ network estiż fit-territorju nazzjonali kollu, esklużiv għal kull konċessjonarju, kompost minn tal-inqas 10000 punti ta’ bejgħ, li għandhom ikunu operattivi sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2010, bla ħsara għall-projbizzjoni, taħt piena ta’ nullità, tal-klawżoli kuntrattwali li jirrestrinġu l-libertà kuntrattwali tal-fornituri ta’ beni jew ta’ servizzi.

4.   Il-konċessjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li eventwalment jistgħu jiġġeddu darba biss, għandu jkollhom tul massimu ta’ disa’ snin, maqsuma f’żewġ perijodi ta’ ħames u erba’ snin, rispettivament. It-tkomplija tal-konċessjoni matul it-tieni perijodu għandha tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni pożittiva tal-ġestjoni min-naħa tal-amministrazzjoni konċedenti, li għandha tiġi fformulata matul l-ewwel semestru tal-ħames sena tal-konċessjoni.”

10

L-Artikolu 20(1) tad-decreto legge n. 148 – Disposizioni urgenti in materia finanziaria e per esigenze indifferibili (id-Digriet Liġi Nru 148 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam Finanzjarju u għal Eżiġenzi li Ma Jistgħux Jiġu Ddifferiti), tas‑16 ta’ Ottubru 2017 (GURI Nru 242, tas‑16 ta’ Ottubru 2017), ikkonvertit b’emendi bil-Liġi Nru 172 tal‑4 ta’ Diċembru 2017 (GURI Nru 284, tal‑5 ta’ Diċembru 2017) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 148/2017) jipprovdi:

“B’applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) u (4) tad-[Digriet Liġi Nru 78/2009], l-[ADM] għandha tawtorizza t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, marbuta mal-ġbir, inkluż mill-bogħod, tal-lotteriji nazzjonali bi tlugħ instantanju, sat-terminu massimu previst fl-Artikolu 4(1) tal-att ta’ konċessjoni, sabiex jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar għall-baġit tal-Istat, f’ammont ta’ EUR 50 miljun għas-sena 2017, u ta’ EUR 750 miljun għas-sena 2018.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

11

Permezz ta’ avviżi ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Awwissu 2009 u tat‑2 ta’ April 2010, l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, li ADM issuċċediet fid-dritt, nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-għoti tal-konċessjonijiet għall-operat, fil-livell nazzjonali, tal-logħob tal-lotterija bi tlugħ istantanju, jiġifieri l-logħob imsejjaħ “obrox u irbaħ”.

12

Fil‑5 ta’ Awwissu 2010, wara li ntemmet din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ingħatat konċessjoni waħda, għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2010 u t‑30 ta’ Settembru 2019, jiġifieri lil Lottomatica, l-unika operatriċi ekonomika li kienet issottomettiet offerta, li lilha Lotterie Nazionali ssuċċediet fid-dritt.

13

L-għażla tal-konċessjonarju seħħet skont id-Digriet Liġi Nru 78/2009, li jipprovdi li l-ġestjoni tal-ġbir tal-imħatri tal-logħob kellha tkun is-suġġett ta’ konċessjoni, normalment attribwita lil diversi persuni magħżula fi tmiem proċeduri miftuħa, kompetittivi u nondiskriminatorji, sabiex jiġi ggarantit dħul globalment mhux inqas minn EUR 500 miljun għas-sena 2009 u EUR 300 miljun għas-sena 2010, ikun xi jkun in-numru finali ta’ offerenti rebbieħa. Minħabba l-estensjoni tat-termini ta’ konklużjoni tal-konċessjoni, il-kalendarju tal-ħlas tat-tariffa ġie emendat b’tali mod li l-ewwel parti, ta’ EUR 520 miljun, kellha titħallas mhux iktar tard mit‑28 ta’ Mejju 2010 u t-tieni waħda, ta’ EUR 280 miljun, kellha titħallas sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2010.

14

Il-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż bejn l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat u l-konċessjonarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni”) kien jipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li “[i]l-konċessjoni, li tista’ tiġġedded darba biss, għandha tul ta’ disa’ snin, maqsum f’żewġ perijodi ta’ ħames snin u erba’ snin rispettivament, li jibda jiddekorri mill‑1 ta’ Ottubru 2010. It-tkomplija tal-konċessjoni matul it-tieni perijodu hija suġġetta għall-evalwazzjoni pożittiva tal-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, li għandha tiġi fformulata matul l-ewwel semestru tal-ħames sena tal-konċessjoni”.

15

Fi tmiem l-ewwel ħames snin ta’ operat tal-konċessjoni, it-tkomplija tagħha ġiet awtorizzata għat-tieni nofs perijodu, konformement ma’ din id-dispożizzjoni kuntrattwali.

16

Fis‑26 ta’ Lulju 2017, Lotterie Nazionali ressqet quddiem l-ADM, li ssuċċediet fid-dritt l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, talba għat-tiġdid tal-konċessjoni li kienet ġiet attribwita lilha, abbażi tal-klawżola ta’ tiġdid ukoll prevista mill-imsemmija dispożizzjoni kuntrattwali. Min-naħa tagħhom, Sisal u Stanleybet urew l-interess tagħhom li tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni.

17

Permezz ta’ komunikazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 2017, l-ADM ikkunsidrat li t-tiġdid tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni kien konformi mal-interess pubbliku.

18

Fl-istess sens, id-Digriet Liġi Nru 148/2017, li daħal fis-seħħ fis‑16 ta’ Ottubru 2017, jipprovdi, fl-Artikolu 20(1) tiegħu, li ADM, b’applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) u (4) tad-Digriet Liġi Nru 78/2009, għandha tawtorizza t-tkomplija tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni, sat-terminu massimu tiegħu, previst fl-Artikolu 4(1) tiegħu, b’mod li jiġi ggarantit lill-Istat dħul baġitarju ġdid u iktar sinjifikattiv.

19

Permezz ta’ komunikazzjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2017, ADM tat lil Lotterie Nazionali t-tiġdid tal-konċessjoni sat‑30 ta’ Settembru 2028, bil-kundizzjoni li, konformement mal-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148/2017, il-konċessjonarju jħallas bil-quddiem it-tariffa ta’ EUR 800 miljun favur il-baġit tal-Istat, b’tali mod li jħallas ammont ta’ EUR 50 miljun mhux iktar tard mill‑15 ta’ Diċembru 2017, EUR 300 miljun mhux iktar tard mit‑30 ta’ April 2018 u EUR 450 miljun mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2018 minflok żewġ partijiet ta’ EUR 500 miljun u ta’ EUR 300 miljun, qabel ma jseħħ it-tmiem normali tal-konċessjoni fit‑30 ta’ Settembru 2019.

20

Sisal u Stanleybet ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja). Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148/2017 imur kontra d-dritt tal-Unjoni, sa fejn jintroduċi sistema ta’ monopolju favur operatur uniku, billi jipprevedi t-tkomplija, favur Lotterie Nazionali, tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni, filwaqt li s-sistema prevista mid-Digriet Liġi Nru 78/2009 kienet tipprevedi l-possibbiltà għall-amministrazzjoni, fl-iskadenza tal-perijodu ta’ konċessjoni inizjali, li tagħżel jew it-tiġdid, jew il-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, din ma hijiex sempliċi tkomplija tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni, iżda novazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali, li iktar minn hekk, hija sentejn qabel it-terminu normali tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali, sa fejn modalitajiet ta’ ħlas tat-tariffa minbarra dawk inizjalment previsti f’dan il-kuntratt kienu ġew miftiehma bejn il-partijiet. Fl-aħħar nett, il-ħtieġa li jiġi ggarantit dħul sinjifikattiv ġdid għall-baġit tal-Istat ma tikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika sistema differenti biss għal-logħob tal-lotterija istantanja.

21

Wara ċ-ċaħda tar-rikorsi tagħhom mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), Sisal u Stanleybet appellaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jiddubita l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema l-ġdida introdotta bl-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148/2017. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, din is-sistema tista’ tikser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn, anki jekk Sisal u Stanleybet ma pparteċipawx fis-sejħa għal offerti inizjali, matul is-sena 2010, huma setgħu jipparteċipaw fi proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti fl-iskadenza tal-perijodu ta’ konċessjoni inizjali fl-2019, peress li t-tiġdid tal-imsemmija konċessjoni kien, sad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet liġi, biss possibbiltà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni. Issa, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-amministrazzjoni ma kellhiex iktar il-possibbiltà li tagħżel bejn il-ftuħ ta’ proċedura ġdida u t-tiġdid awtomatiku, peress li dan tal-aħħar kien l-għażla imposta mill-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148/2017.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva [2014/23], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 20(1) tad-[Digriet Liġi Nru 148/2017] u fl-atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti tiegħu, li jipprevedi li “[…] [b]’applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) u (4) tad-[Digriet Liġi Nru 78/2009], l-[ADM] għandha tawtorizza t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, relatata mal-ġbir, anki mill-bogħod, tal-lotteriji nazzjonali bi tlugħ instantanju, sal-aħħar terminu previst fl-Artikolu 4(1) tal-att ta’ konċessjoni, b’tali mod li jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar fil-baġit tal-Istat fl-ammont ta’ Eur 50 miljun għas-sena 2017 u EUR 750 miljun għas-sena 2018”, f’sitwazzjoni fejn:

l-Artikolu 21(1) tad-[Digriet Liġi Nru 78/2009] ippreveda li normalment il-konċessjonijiet inkwistjoni jingħataw lil diversi persuni magħżula permezz ta’ proċeduri miftuħa, kompetittivi u mhux diskriminatorji;

l-Artikolu 21(4) tal-imsemmi digriet, ippreveda li l-konċessjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 21(1) jistgħu eventwalment jiġġeddu, għal darba biss;

il-kumpanniji rikorrenti [fil-kawża prinċipali] ma ħadux sehem fis-sejħa għal offerti maħruġa fl-2010;

ir-relazzjoni speċifika eżistenti ġiet stabbilita, ab origine, ma’ konċessjonarju wieħed, insegwitu għal sejħa għal offerti pubblika, li fil-kuntest tagħha ġiet ippreżentata offerta waħda;

it-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, tkun tinvolvi – konkretament – li l-imsemmija relazzjoni titkompla [esklużivament] ma dan il-konċessjonarju wieħed, minflok permezz ta’ tiġdid ma diversi persuni [operaturi], mingħajr sejħa għal offerti ġdida?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva [2014/23], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 20(1) tad-[Digriet Liġi Nru 148/2017] li, bl-għan iddikjarat li tapplika l-Artikolu 21(3) u (4) tad-[Digriet Liġi Nru 78/2009] tipprevedi li “l-[ADM] għandha tawtorizza t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, relatata mal-ġbir, anki mill-bogħod, tal-lotteriji nazzjonali bi tlugħ instantanju, sal-aħħar terminu previst fl-Artikolu 4(1) tal-att ta’ konċessjoni, b’tali mod li jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar fil-baġit tal-Istat fl-ammont ta’ Eur 50 miljun għas-sena 2017 u EUR 750 miljun għas-sena 2018”, sa fejn tipprevedi dan:

permezz tat-tkomplija ratione temporis tal-unika relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, minflok l-eventwali tiġdid tad-diversi konċessjonijiet previsti fl-Artikolu 21(4) tad-[Digriet Liġi Nru 78/2009] u mingħajr ma tinħareġ sejħa għal offerti ġdida;

f’data li tiġi qabel l-iskadenza tal-konċessjoni: id-Digriet Liġi Nru 148/2017 daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri l-istess ġurnata tal-pubblikazzjoni fil-Gazzatta tal-Gvern Taljan [Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana], filwaqt li l-konċessjoni kellha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2019;

b’tali mod li jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar fil-baġit tal-Istat fl-ammont ta’ Eur 50 miljun għas-sena 2017 u EUR 750 miljun għas-sena 2018, filwaqt li tibdel, b’dan il-mod, uħud mill-aspetti relatati mal-metodi u mat-termini ta’ ħlas tal-korrispettiv għall-konċessjoni, kif ukoll, potenzjalment, l-ammont totali tal-ħlas dovut mill-perspettiva tal-ispiża tiegħu [mill-konċessjonarju], b’mod partikolari bil-bdil tat-termini għall-ħlas, li ġew antiċipati meta mqabbla ma dawk li hemm previsti fil-konċessjoni oriġinali, fid-dawl – skont ir-rikorrenti – tal-fatt oġġettiv u magħruf li l-ħin għandu valur finanzjarju?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva [2014/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-atti ta’ implimentazzjoni tad-[Digriet Liġi Nru 148/2017] u b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni Nru 0133677 tal-[ADM], tal-1 ta’ Diċembru 2017, li, bl-għan iddikjarat li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) tad-[Digriet Liġi Nru 148/2017] u abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 [tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni] li jipprevedi li dan il-ftehim jista’ jiġġedded għal darba biss, ibiddel it-terminu aħħari tar-relazzjoni ta’ konċessjoni għat-30 ta’ Settembru 2028; bla ħsara, f’kull każ, għad-dispożizzjonijiet tal-istess Artikolu 4 fir-rigward tat-tqassim tat-tul tal-konċessjoni f’żewġ perijodi rispettivament ta’ ħames u ta’ erba’ snin (għaldaqstant, wara li jgħaddi l-ewwel perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Ottubru 2019, it-tkomplija b’erba’ snin oħra sal-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2028 hija suġġetta għall-evalwazzjoni pożittiva, min-naħa tal-[ADM], tal-andament tal-amministrazzjoni li għandha ssir sat-30 ta’ Marzu 2024); tipprevedi li l-kumpannija għandha tħallas ammont ta’ Eur 50 miljun sal-15 ta’ Diċembru 2017; ammont ta’ EUR 300 miljun sat‑30 ta’ April 2018; u ammont ta’ EUR 450 miljun sal-31 ta’ Ottubru 2018;

sa fejn tipprevedi dan qabel l-iskadenza tat-terminu oriġinali ta’ skadenza tal-konċessjoni nnifisha (il-Komunikazzjoni Nru 0133677 tal-[ADM] ġiet adottata fl-1 ta’ Diċembru 2017, filwaqt li l-kuntratt ta’ konċessjoni kellu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2019);

jiġi ggarantit, b’dan il-mod, il-ħlas minn qabel ta’ EUR 800 miljun (EUR 50 miljun sal-15 ta’ Diċembru 2017; EUR 300 miljun sat-30 ta’ April 2018; EUR 450 miljun sal-31 ta’ Ottubru 2018) f’dati li jiġu qabel tali skadenza (it-30 ta’ Settembru 2019);

fatt li jwassal għall-bdil potenzjali tal-ammont totali tal-ħlas dovut, mill-perspettiva tal-ispiża tiegħu [mill-konċessjonarju], fid-dawl – skont ir-rikorrenti [fil-kawsża prinċipali] – tal-fatt oġġettiv u magħruf li l-ħin għandu valur finanzjarju?

4)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva [2014/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni, anki fil-każ li l-operaturi fis-settur li attwalment huma interessati li jidħlu fis-suq ma ħadux sehem fis-sejħa għal offerti oriġinali maħruġa għall-għoti tal-konċessjoni li skadiet u li tkompliet mal-konċessjonarju preċedenti, taħt il-kundizzjonijiet kuntrattwali l-ġodda diġà deskritti, jew inkella l-eventwali restrizzjoni tal-aċċess għas-suq isseħħ biss fil-każ li dawn ikunu effettivament ħadu sehem fis-sejħa għal offerti oriġinali?”

Fuq id-domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

23

Id-domandi preliminari jidħlu fil-kuntest tat-tiġdid ta’ konċessjoni għall-ġestjoni tal-logħob ta’ lotterija bi tlugħ instantanju fl-Italja, jiġifieri l-logħob imsejjaħ “obrox u irbaħ”, li ngħatat matul is-sena 2010 lil Lotterie Nazionali u li t-tiġdid tagħha seħħ matul is-sena 2017. Minbarra l-Artikoli 49 u56 TFUE kif ukoll ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi fid-domandi tagħha għall-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva 2014/23. Billi din id-direttiva daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ April 2014, jiġifieri wara d-deċiżjoni inizjali ta’ għoti tal-konċessjoni iżda qabel it-tiġdid tagħha, l-ewwel nett għandu jiġi stabbilit jekk l-imsemmija direttiva tapplikax ratione temporis għall-kawżi prinċipali.

24

F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u applikabbli b’analoġija fil-qasam tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għal kuntratt ta’ konċessjoni hija, fil-prinċipju, dik fis-seħħ fil-mument li fih l-entità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li ser issegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jkun skada wara dan il-mument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, is-sejħa għal offerti ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑15 ta’ Awwissu 2009 u fit‑2 ta’ April 2010, jiġifieri qabel l-iskadenza, fit‑18 ta’ April 2016, tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23.

26

Barra minn hekk, il-konċessjoni ngħatat, wara din is-sejħa għal offerti, qabel is‑17 ta’ April 2014, b’tali mod li din l-għoti inizjali ma taqax, fi kwalunkwe każ, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tagħha.

27

Jekk kuntratt ta’ konċessjoni jinkludi klawżola ta’ tiġdid li tagħmel parti integrali minn dan il-kuntratt inizjali, din il-klawżola hija rregolata wkoll mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi applikabbli għal din il-konċessjoni.

28

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fil-każ ta’ modifika sostanzjali ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li fir-rigward tagħha din il-modifika għandha tiġi evalwata hija dik fis-seħħ fid-data ta’ din il-modifika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan il-kuntest li l-fatt li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali hija preċedenti għall-adozzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ma jwassalx għal konsegwenzi f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑526/17, EU:C:2019:756, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-deċiżjoni li permezz tagħha ntgħażel, konformement mal-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148/2017, li tiġi mġedda l-konċessjoni eżistenti u li din tiġi estiża b’disa’ snin, peress li tali possibbiltà kienet ġiet prevista fl-Artikolu 21(4) tad-Digriet Liġi Nru 78/2009. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li dan it-tiġdid jinvolvi modifiki sostanzjali meta pparagunati mal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni.

30

Isegwi li, fil-kawżi prinċipali, il-kwistjoni dwar jekk tali modifiki sarux għal dan il-kuntratt ta’ konċessjoni fl-okkażjoni tat-tiġdid tiegħu għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/23, peress li dan it-tiġdid seħħ wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti tal-ipoteżijiet li fihom, minn naħa, il-konċessjonijiet jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr għaldaqstant li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni li tkun konformi mar-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva tkun neċessarja għal dan il-għan u dawk li fihom, min-naħa l-oħra, tali proċedura ta’ għoti hija meħtieġa f’każ ta modifika tal-kundizzjonijiet tal-konċessjoni.

32

Issa, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Isegwi li l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għamlitx emendi li jeħtieġu li tinbeda proċedura ġdida għall-għoti għandha tiġi evalwata biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/23.

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tiġdid ta’ kuntratt ta’ konċessjoni mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti, f’kundizzjonijiet fejn dan ikun ingħata lil konċessjonarju wieħed, filwaqt li d-dritt nazzjonali applikabbli kien jipprevedi li tali konċessjoni bħala prinċipju kellha tingħata lil diversi, mhux iktar minn erba’, operaturi ekonomiċi.

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, bħall-ġestjoni ta’ ċertu logħob tal-ażżard, għall-kisba ta’ konċessjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet iggarantiti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, u dan irrispettivament jekk l-awtorità kontraenti tirrikorrix għal mudell ta’ konċessjonarju wieħed jew għal mudell ta’ konċessjonarji multipli (ara,’ f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑375/17, EU:C:2018:1026, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-logħob tal-ażżard, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inċitament taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob jistgħu jiġu kklassifikati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali li jirriżultaw mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix ir-raġunijiet li wasslu lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jintroduċi u jżomm tali restrizzjonijiet f’dan il-qasam.

38

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhomx l-intenzjoni li jikkontestaw il-mudell ta’ konċessjoni magħżul għall-ġestjoni tal-lotteriji bi tlugħ istantanju, inkwantu tali, iżda jallegaw li, minħabba modalitajiet tat-tiġdid ta’ din il-konċessjoni u l-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan, l-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148/2017 abbanduna l-mudell ta’ konċessjonarji multipli previst fl-Artikolu 21(1) tad-Digriet Liġi Nru 78/2009, u rritorna għal mudell ta’ konċessjonarju wieħed, li jikkostitwixxi modifika sostanzjali fil-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 43(1)(a) tad-Direttiva 2014/23, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-konċessjonijiet jistgħu jiġi mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni meta l-modifiki, irrispettivament mill-ammont tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti ta’ konċessjoni inizjali fil-forma ta’ klawżoli ta’ eżami mill-ġdid, fosthom klawżoli ta’ reviżjoni tal-ammont, jew ta’ għażliet ċari, preċiżi u inekwivokabbli. Dawn il-klawżoli jindikaw il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tal-modifiki jew tal-għażliet possibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet kif dawn jistgħu jintużaw. Dawn ma jippermettux modifiki jew għażliet li jbiddlu n-natura globali tal-konċessjoni.

40

Issa, huwa paċifiku li l-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni kien jinkludi klawżola li kienet tipprevedi għażla li kienet tippermetti li jiġu mġedda għal perijodu ta’ disa’ snin il-konċessjonijiet inizjalment mogħtija.

41

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza, fil-kawżi prinċipali, li konċessjonarju wieħed biss inħatar mill-ġdid mill-awtorità kontraenti għal perijodu ġdid ta’ disa’ snin ma tirriżultax mill-emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-metodu ta’ għoti, peress li d-Digriet Liġi Nru 78/2009 jipprovdi, fl-Artikolu 21(1) tiegħu, li l-konċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha bħala prinċipju tiġi fdata lil “diversi persuni magħżula fi tmiem proċeduri miftuħa, kompetittivi u nondiskriminatorji”. Din l-indikazzjoni hija l-konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-għażla dwar it-tiġdid tal-konċessjoni, prevista mid-Digriet Liġi Nru 78/2009 kif ukoll mill-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni, u li l-eventwalità tagħha ma setgħetx tiġi injorata, fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inizjali li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, hija biss Lottomatica, li lilha Lotterie Nazionali ssuċċediet fid-dritt, li pparteċipat, għall-esklużjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew ta’ operaturi ekonomiċi oħra.

42

Madankollu, tali tiġdid mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti huwa possibbli biss, konformement mal-Artikolu 43(1)(a) tad-Direttiva 2014/23, sa fejn il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-klawżola prevista għal dan il-għan ikunu ġew osservati.

43

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, anki jekk it-tiġdid inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie formalment impost permezz tad-Digriet Liġi Nru 148/2017, tali tiġdid kien jikkorrispondi, b’mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni tiegħu tad‑19 ta’ Settembru 2017, għar-rieda espressa preċedentement mill-ADM.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(1)(a) tad-Direttiva 2014/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tiġdid ta’ kuntratt ta’ konċessjoni mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti, f’kundizzjonijiet fejn dan ikun ingħata lil konċessjonarju wieħed, filwaqt li d-dritt nazzjonali applikabbli kien jipprevedi li tali konċessjoni bħala prinċipju kellha tingħata lil diversi, sa mhux iktar minn erba’, operaturi ekonomiċi, meta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali li jipprevedi l-għażla ta’ tali tiġdid.

It-tieni u t-tielet domanda

45

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, li t-tiġdid ta’ konċessjoni ser jiġi deċiż sentejn qabel it-tmiem tagħha u, min-naħa l-oħra, modifika tal-modalitajiet ta’ ħlas tal-korrispettiv finanzjarju dovut mill-konċessjonarju, kif kienu jinsabu fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali, b’mod li jiġi ggarantit lill-Istat dħul baġitarju ġdid u iktar sinjifikattiv.

46

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-fatt li, f’dan il-każ, it-tiġdid ingħata sentejn qabel id-data ta’ skadenza tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, modifika tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, filwaqt li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt li jirregola l-imsemmi kuntratt ma imponiex data li fiha d-deċiżjoni li tirrigwarda tiġdid eventwali setgħet tingħata.

47

Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li ġġustifikaw dan it-tiġdid, b’mod partikolari l-għan li jiġi ggarantit lill-Istat dħul baġitarju ġdid u iktar sinjifikattiv, ma humiex determinanti għall-finijiet li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet tal-imsemmi tiġdid jinkludux modifiki sostanzjali.

48

F’dak li jikkonċerna l-modifika tal-modalitajiet ta’ ħlas tal-korrispettiv finanzjarju dovut mill-konċessjonarju, kif kienu previsti fil-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni, mill-Artikolu 43(1)(a) tad-Direttiva 2014/23 ma jistax jiġi dedott li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ klawżola jew ta’ għażla li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, kull modifika li ma hijiex espressament prevista minn din il-klawżola jew minn din l-għażla jkollha bħala effett li, skont il-paragrafu 5 tal-imsemmija dispożizzjoni, tkun meħtieġa proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni.

49

Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, konformement mal-Artikolu 43(1)(e), tali emendi jistgħu jsiru lil konċessjoni mingħajr ma jkun neċessarju għal dan il-għan li ssir proċedura ġdida ta’ għoti, sa fejn dawn il-modifiki ma jkunux sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 43(4).

50

Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi regola ġenerali li tgħid li l-modifika ta’ kuntratt ta’ konċessjoni fis-seħħ għandha titqies bħala li hija sostanzjali meta tirrendi l-karatteristiċi tal-konċessjoni sostanzjalment differenti minn dawk previsti inizjalment. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li, “fi kwalunkwe eventwalità”, modifika titqies bħala sostanzjali, b’mod partikolari, meta tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu ġew invokati fil-kuntest tal-proċedura inizjali ta’ għoti ta’ konċessjoni, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ kandidati differenti minn dawk inizjalment ammessi jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta differenti minn dik inizjalment magħżula jew kienu jiġbdu iktar parteċipanti għall-proċedura ta’ għoti tal-konċessjoni, jew meta timmodifika l-bilanċ ekonomiku tal-konċessjoni favur il-konċessjonarju b’mod li ma kienx previst fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-ammont li għandu jitħallas mill-konċessjonarju bħala korrispettiv tal-għoti tal-konċessjoni ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqa’ l-istess, peress li huma biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-ħlas ta’ dan l-ammont, li huma s-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, li ġew immodifikati.

52

Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni, l-ammont miftiehem kien dovut, parzjalment, is-sena li fiha l-konċessjoni daħlet fis-seħħ u, parzjalment, is-sena ta’ wara. Min-naħa l-oħra, waqt it-tiġdid, l-ewwel parti tal-ammont dovut għandha titħallas sentejn qabel id-dħul fis-seħħ tal-konċessjoni mġedda, filwaqt li l-ammont li jibqa’ jkun dovut matul is-sena ta’ qabel din id-data.

53

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li tali modifika ma tistax titqies bħala sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn dan il-ħlas antiċipat ikun jista’ jżid l-ammont li għandu jitħallas, tali modifika ma tidhirx li tbiddel il-bilanċ ekonomiku tal-konċessjoni, favur il-konċessjonarju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 43(4)(b).

54

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ dawn il-modalitajiet ta’ ħlas kif immodifikati għall-kuntratt ta’ konċessjoni inkwistjoni kinitx ippermettiet l-ammissjoni ta’ kandidati oħra minbarra dawk li effettivament ipparteċipaw jew il-parteċipazzjoni ta’ iżjed kandidati, fis-sens tal-Artikolu 43(4)(a) tad-Direttiva 2014/23, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma sostniet tali perspettiva u li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jista’ jsostni tali affermazzjoni.

55

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni u t-tielet domanda għandhom jiġu risposti li d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(1)(e) tad-Direttiva 2014/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, li t-tiġdid ta’ konċessjoni jiġi deċiż sentejn qabel it-tmiem tagħha u, min-naħa l-oħra, modifika tal-modalitajiet ta’ ħlas tal-korrispettiv finanzjarju dovut mill-konċessjonarju, kif kienu jinsabu fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali b’mod li jiġi ggarantit lill-Istat dħul baġitarju ġdid u iktar sinjifikattiv, meta din il-modifika ma hijiex sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 43(4) ta’ din id-direttiva.

Fuq ir-raba’ domanda

56

Għandu jiġi rrilevat li, qabelxejn, li, anki jekk, fil-livell formali, id-domandi li saru ma jirreferu għall-interpretazzjoni ta’ ebda dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 89/665, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Analisi G. Caracciolo, C‑142/20, EU:C:2021:368, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-kuntest, sa fejn l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija rregolata mid-Direttiva 89/665, applikabbli wkoll għall-konċessjonijiet mogħtija konformement mad-Direttiva 2014/23, hemm lok li tiġi rriformulata r-raba’ domanda fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ konċessjoni minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali kienu ġew immodifikati f’din l-okkażjoni, minkejja li ma pparteċipax għall-proċedura ta’ għoti inizjali ta’ din il-konċessjoni.

58

Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu aċċessibbli, skont regoli ddettaljati li huma jistabbilixxu, għall-inqas għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li tiġi leża minn ksur allegat.

59

Minn dan jirriżulta li d-dritt ta’ operatur ekonomiku li jippreżenta rikors jirrikjedi li huwa jipproduċi l-prova ta’ interess li jingħata l-konċessjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġdida ta’ għoti tagħha.

60

Konformement mal-ġurisprudenza fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tista’, bħala prinċipju, validament tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tiġġustifika interess li tikseb il-kuntratt inkwistjoni jew li qiegħda f’riskju li ġġarrab dannu minħabba n-natura allegatament illegali tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-imsemmi kuntratt. Fin-nuqqas ta’ tressiq ta’ offerta, tali persuna diffiċilment tista’ turi li hija għandha interess li tikkontesta din id-deċiżjoni jew li hija leża jew li qiegħda f’riskju li tiġi leża minħabba dan l-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service, C‑230/02, EU:C:2004:93, punt 27, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 46).

61

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli fil-kawżi prinċipali li fihom il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk l-operaturi ekonomiċi li ma pparteċipawx fil-proċedura inizjali tal-għoti tal-konċessjoni għandhomx id-dritt li jikkontestaw ir-riżultat ta’ din il-proċedura. Hekk kif esponiet il-qorti tar-rinviju, f’dawn il-kawżi, li huwa inkwistjoni huwa l-interess li tali operaturi għandhom li l-entità kontraenti tiżgura li tapplika l-klawżola ta’ tiġdid ta’ din il-konċessjoni fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

62

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-operatur ekonomiku jkun ipparteċipa jew le fil-proċedura inizjali ta’ għoti tal-konċessjoni ma huwiex importanti, sa fejn, fil-mument li fih it-tiġdid tal-konċessjoni għandu jseħħ, jista’ jiġġustifika interess li jingħata tali konċessjoni.

63

F’dan il-kuntest, dan l-operatur ekonomiku ma huwiex obbligat jipprova li huwa effettivament jipparteċipa f’din il-proċedura ġdida ta’ għoti. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha titqies bħala suffiċjenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi, C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 29).

64

Għalhekk, l-operatur ekonomiku li jissodisfa tali kundizzjonijiet jista’, jekk ikun il-każ, jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li jseħħ it-tiġdid tal-konċessjoni favur il-konċessjonarju inizjali minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali ġew emendati f’din l-okkażjoni. Għal dan il-għan, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi stabbilit li dawn il-modifiki huma ta’ natura sostanzjali, dan l-operatur ekonomiku għandu jkun f’pożizzjoni li jippreżenta rikors intiż sabiex issir din il-verifika.

65

Għaldaqstant, ir-raba’ domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ konċessjoni għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali ġew sostanzjalment immodifikati, filwaqt li ma pparteċipax fil-proċedura ta’ għoti inizjali ta’ din il-konċessjoni, sa fejn, fil-mument meta t-tiġdid tal-konċessjoni għandu jseħħ, huwa jiġġustifika interess li jingħata tali konċessjoni.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(1)(a) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tiġdid ta’ kuntratt ta’ konċessjoni mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti, f’kundizzjonijiet fejn dan ikun ingħata lil konċessjonarju wieħed, filwaqt li d-dritt nazzjonali applikabbli kien jipprevedi li tali konċessjoni bħala prinċipju kellha tingħata lil diversi, sa mhux iktar minn erba’, operaturi ekonomiċi, meta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali li jipprevedi l-għażla ta’ tali tiġdid.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(1)(e) tad-Direttiva 2014/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, li t-tiġdid ta’ konċessjoni jiġi deċiż sentejn qabel it-tmiem tagħha u, min-naħa l-oħra, modifika tal-modalitajiet ta’ ħlas tal-korrispettiv finanzjarju dovut mill-konċessjonarju, kif kienu jinsabu fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali b’mod li jiġi ggarantit lill-Istat dħul baġitarju ġdid u iktar sinjifikattiv, meta din il-modifika ma hijiex sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 43(4) ta’ din id-direttiva.

 

3)

L‑Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23, għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ konċessjoni għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali ġew sostanzjalment immodifikati, filwaqt li ma pparteċipax fil-proċedura ta’ għoti inizjali ta’ din il-konċessjoni, sa fejn, fil-mument meta t-tiġdid tal-konċessjoni għandu jseħħ, huwa jiġġustifika interess li jingħata tali konċessjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.