SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Artikolu 14(4)(b) – Persuni li qegħdin ifittxu xogħol – Terminu raġonevoli sabiex wieħed isir jaf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għal min qiegħed ifittex xogħol u sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi impjegat – Rekwiżiti imposti mill-Istat Membru ospitanti fuq min qiegħed ifittex xogħol matul dan it-terminu – Kundizzjonijiet għad-dritt ta’ residenza – Obbligu li jkompli jfittex xogħol u li jkollu ċans ġenwin li jiġi impjegat”

Fil-Kawża C‑710/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

G. M. A.

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.–C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal G. M. A., minn A. Valcke, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn F. Motulsky, avocat,

għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn K. Apps, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.-R. Killmann kif ukoll minn E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. M. A u l-Istat Belġjan dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrikonoxxi lil G. M. A. dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju Belġjan bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2004/38 hija fformulata kif ġej:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament aktar favorevoli applikabbli għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

4

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.”

5

L-Artikolu 7(1) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

6

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jimponi sensiela ta’ formalitajiet amministrattivi fuq il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 7 tagħha.

7

L-Artikolu 14(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

[…]

b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

Id-dritt Belġjan

8

L-Artikolu 39/2(2) tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprevedi:

“Il-Conseil [du contentieux des étrangers] (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), għandu jiddeċiedi, permezz ta’ sentenzi, dwar l-annullament tar-rikorsi l-oħra għal ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, jew preskritti taħt piena ta’ invalidità, eċċess jew użu ħażin ta’ poter.”

9

Skont l-Artikolu 40(4) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980:

“Kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fir-Renju għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-[ewwel paragrafu] tal-Artikolu 41, u:

1o jekk huwa ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu fir-Renju jew jekk huwa jidħol fir-Renju sabiex ifittex xogħol, sakemm huwa jkun jista’ juri li qiegħed ikompli jfittex xogħol u li għandu ċans ġenwin li jiġi impjegat;

[…]”

10

Skont l-Artikolu 50 tal-arrêté royal sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers, du 8 octobre 1981 (id-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) (Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1981, p. 13740):

“§ 1. Iċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu l-intenzjoni li jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju tar-Renju u li juri li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu skont l-[ewwel paragrafu] tal-Artikolu 41 tal-Liġi [tal-15 ta’ Diċembru 1980], għandu jressaq applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni quddiem l-amministrazzjoni komunali tal-post fejn jirrisjedi permezz ta’ dokument konformi mal-mudell li jinsab fl-Anness 19.

[…]

§ 2. Fl-istess ħin tal-applikazzjoni jew mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, iċ-ċittadin tal-Unjoni […] għandu jipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

[…]

3o persuna li qiegħda tfittex xogħol:

a)

reġistrazzjoni mad-dipartiment tal-impjieg kompetenti jew kopja tal-ittri ta’ kandidatura; u

b)

il-prova li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari d-diplomi li hija kisbet, it-taħriġ professjonali li hija possibbilment segwiet jew li qiegħda tipprevedi li ser issegwi u t-tul tal-perijodu ta’ qgħad;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fis-27 ta’ Ottubru 2015, G. M. A., ċittadin Grieg, ippreżenta applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-Belġju, bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, sabiex jikseb dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 50(1) tad-Digriet Irjali dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin. Id-data li fiha G. M. A. daħal fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ma tirriżultax mit-talba għal deċiżjoni preliminari.

12

Fit-18 ta’ Marzu 2016, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Office des étrangers (Belgique) (l-Uffiċċju għall-Barranin tal-Belġju, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), minħabba l-fatt li G. M. A. ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Belġjana sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-Uffiċċju”). Fil-fatt, skont l-Uffiċċju, id-dokumenti mressqa minn G. M. A. ma ħallewx li wieħed jippreżupponi li dan tal-aħħar kellu ċans ġenwin li jiġi impjegat fit-territorju Belġjan. Bħala konsegwenza, G. M. A. ġie ordnat sabiex jitlaq minn dan it-territorju fi żmien 30 jum min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni.

13

Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, iktar ’il quddiem il-“KKB”), li huwa l-qorti kompetenti sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju fl-ewwel istanza, ċaħad ir-rikors ippreżentat minn G. M. A. kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju.

14

G. M. A. għalhekk ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), billi sostna, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 45 TFUE, moqri fid-dawl tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80), jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtu “terminu raġonevoli” lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol li ġejjin minn Stat Membru ieħor, sabiex jippermettu lil dawn il-persuni jsiru jafu bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalihom u sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati. L-imsemmi terminu fl-ebda każ ma jista’ jkun inqas minn sitt xhur, kif jirriżulta minn qari konġunt b’analoġija tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikoli 11 u 16 tad-Direttiva 2004/38.

15

Barra minn hekk, matul il-perijodu kollu tal-imsemmi terminu, il-persuna li qiegħda tfittex xogħol ma tkunx obbligata li tressaq il-prova li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

16

Fit-tieni lok, G. M. A. sostna li, sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju, jiġifieri fis-6 ta’ April 2016, huwa ġie mqabbad mill-Parlament Ewropew bħala apprentista. Dan il-fatt juri li huwa kellu ċans ġenwin li jiġi impjegat u li għaldaqstant kellu jibbenefika minn dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur.

17

Għaldaqstant, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-impjieg ta’ G. M. A., il-KKB kiser l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom iwettqu eżami eżawrjenti taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha miġjuba għall-attenzjoni tagħhom, anki jekk dawn l-elementi jkunu seħħew sussegwentement għad-deċiżjoni inkwistjoni.

18

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, G. M. A. sostna li l-KKB kellu jinjora r-regola proċedurali nazzjonali li ttrasponiet b’mod żbaljat lill-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Belġjan, jiġifieri l-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, li fuq il-bażi tiegħu din l-istanza ma kkunsidratx ir-reklutaġġ tiegħu bħala apprentista li seħħ sussegwentement għad-deċiżjoni tal-Uffiċċju.

19

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja ser tinterpreta l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. Fil-fatt, jekk dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati fis-sens irrakkomandat minn G. M. A., huwa jkollu jibbenefika minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju Belġjan.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 45 [TFUE] għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat, l-ewwel nett, jagħti terminu raġonevoli lil persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg sabiex din tkun tista’ ssir taf b’offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għaliha u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rreklutata, it-tieni nett, jaċċetta li t-terminu sabiex issir tfittxija għal impjieg ma jistax fi kwalunkwe każ ikun iqsar minn sitt xhur, u t-tielet nett, jawtorizza l-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg matul it-tul taż-żmien kollu ta’ dan it-terminu mingħajr ma jeżiġi minnha li ġġib prova li għandha possibbiltà reali li tiġi rreklutata?

2)

L-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva [2004/38] u l-Artikoli 41 u 47 tal-[Karta] u kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ta’ effett utli tad-direttivi għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li l-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur ta’ ċittadin tal-Unjoni, jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li seħħew wara d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jistgħu jibdlu s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li ma tkunx tippermetti iktar limitazzjoni tad-drittijiet ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha (sentenza tat-23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 18).

22

F’dan il-każ, għalkemm, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE biss, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jirrigwarda speċifikament lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol. B’hekk, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jiġu suġġetti għal miżura ta’ tneħħija jekk kemm-il darba, minn naħa, huma daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu xogħol hemmhekk u, min-naħa l-oħra, jekk kemm-il darba huma jistgħu jġibu l-prova li huma għadhom qegħdin ifittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jiġu impjegati.

23

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat li jagħti terminu raġonevoli lil persuna li qiegħda tfittex xogħol sabiex tkun tista’ ssir taf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għaliha u sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi impjegata, li dan it-terminu fi kwalunkwe każ ma jistax ikun inqas minn sitt xhur, u li, matul dan il-perijodu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-persuna li tkun qiegħda tfittex xogħol sabiex iġġib il-prova li hija qiegħda tfittex xogħol u li hija għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

24

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru ospitanti huwiex obbligat jagħti “terminu raġonevoli” lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol li jippermettilhom isiru jafu bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalihom u li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, għandu portata awtonoma proprja għad-dritt tal-Unjoni u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 39). B’mod partikolari, persuna li tkun qiegħda ġenwinament tfittex xogħol għandha tikkwalifika bħala “ħaddiem” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix, C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 35).

25

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-moviment liberu tal-ħaddiema jagħmel parti mill-pedamenti tal-Unjoni u, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu din il-libertà għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’. B’mod partikolari, interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 45(3) TFUE tikkomprometti ċ-ċans ġenwin ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun qiegħed ifittex xogħol li jsib wieħed fl-Istati Membri l-oħra u għalhekk iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, EU:C:1991:80, punti 1112).

26

Minn dan isegwi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika d-dritt taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra u li jirrisjedu hemmhekk sabiex ifittxu xogħol hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 13), u l-eżistenza ta’ dan id-dritt ġiet ikkonkretizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-effett utli tal-Artikolu 45 TFUE huwa żgurat sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew, fin-nuqqas tagħha, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, tagħti lill-partijiet interessati terminu raġonevoli li jippermettilhom sabiex isiru jafu, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tagħhom u sabiex, jekk ikun il-każ, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 16).

27

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jagħti lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol terminu raġonevoli li jippermettilhom isiru jafu, fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tagħhom u li jekk ikun il-każ jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati.

28

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, it-tul ta’ dan it-terminu, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur mingħajr xi kundizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi.

29

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur.

30

Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 14(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jżommu d-dritt ta’ residenza previst, skont il-każ, fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 tagħha.

31

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar jinżamm jekk kemm-il darba l-partijiet ikkonċernati ma jkunux ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi, b’mod partikolari, li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jekk kemm-il darba jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

32

Issa, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, huwa l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, dispożizzjoni li tipprevedi deroga mill-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 14, li jsemmi speċifikament lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol.

33

Minn dan isegwi li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jiddetermina speċifikament il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta ż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom bir-rieda li jfittxu xogħol fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, din id-dispożizzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta sabiex jikkodifika l-insenjamenti li rriżultaw mis-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80) dwar id-dritt ta’ residenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol ibbażat fuq l-Artikolu 45 TFUE, tirregola wkoll direttament id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom il-kwalità ta’ persuna li qiegħda tfittex xogħol, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 52 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597).

34

Għaldaqstant, meta ċittadin tal-Unjoni jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti bil-għan li jfittex xogħol hemmhekk, sa mid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol id-dritt ta’ residenza tiegħu jkun jaqa’ taħt l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38.

35

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, indipendentement mill-intenzjoni li biha dawn iċ-ċittadini jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Minn dan isegwi li, anki meta ċittadin tal-Unjoni jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti bl-intenzjoni li jfittex xogħol hemmhekk, id-dritt ta’ residenza tiegħu jaqa’ wkoll, matul l-ewwel tliet xhur, taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, matul l-imsemmi perijodu ta’ tliet xhur imsemmi f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, ebda kundizzjoni, minbarra r-rekwiżit li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu titolu ta’ identità validu, ma tista’ tiġi imposta fuq dan iċ-ċittadin.

37

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li t-“terminu raġonevoli” imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza jibda jiddekorri mill-mument li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat iddeċieda li jirreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol fl-Istat Membru ospitanti.

38

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-possibbiltà li jiġi stabbilit it-tul minimu li għalih għandu jikkorrispondi dan it-terminu raġonevoli, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma jinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel kollox għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, tali terminu għandu jippermetti li jiġi ggarantit l-effett utli tal-Artikolu 45 TFUE.

40

Sussegwentement, fil-punt 21 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ma stabbilixxietx it-tul minimu li għalih għandu jikkorrispondi l-imsemmi terminu raġonevoli, iddeċidiet li terminu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mid-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, bħal dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ma kienx jidher li jista’ jimmina l-imsemmi effett utli.

41

Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2004/38, liema direttiva hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u ta’ residenza mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 23).

42

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jitqies li terminu ta’ sitt xhur mid-data tar-reġistrazzjoni ma jidhirx, fil-prinċipju, bħala insuffiċjenti u ma jimminax l-effett utli tal-Artikolu 45 TFUE.

43

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-obbligi li l-Istat Membru ospitanti jista’ jimponi fuq il-persuna li tkun qiegħda tfittex xogħol matul dan l-istess terminu raġonevoli, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, mill-kliem tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-persuna li tkun qiegħda tfittex xogħol ma tistax tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija jekk iġġib il-prova li hija qiegħda tkompli tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata. Din id-dispożizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, il-prinċipju li jirriżulta mill-punt 21 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80), li jipprovdi li l-persuna kkonċernata ma tistax tiġi mġiegħla titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jekk, wara l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, hija ġġib il-prova li hija “qiegħda tkompli tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata”.

44

Sa fejn, sabiex jiġi evitat li jkollha titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, il-persuna li qiegħda tfittex xogħol għandha għalhekk “tkompli” tfittex xogħol wara li jiskadi dan it-“terminu raġonevoli”, minn dan għandu jiġi dedott li l-Istat Membru ospitanti jista’, diġà matul l-imsemmi terminu, jitlob li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol tkun qiegħda tfittxu. Madankollu, matul l-imsemmi terminu, dan l-Istat Membru ma jistax jeżiġi li l-persuna kkonċernata turi l-eżistenza ta’ ċans ġenwin li tiġi impjegata.

45

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, peress li l-għan ta’ tali terminu raġonevoli huwa, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol tkun tista’ ssir taf bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki personali tagħha u li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi impjegata, huwa biss fi tmiem tali terminu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk il-persuna kkonċernata għadhiex tfittex xogħol u jekk għandhiex ċans ġenwin li tiġi impjegata.

46

B’hekk, huwa biss wara l-iskadenza ta’ dan l-istess terminu raġonevoli li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol ikollha ġġib il-prova mhux biss li għadha qiegħda tfittex xogħol iżda wkoll li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

47

Huma l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru ospitanti li għandhom jevalwaw il-provi prodotti f’dan is-sens mill-persuna li qiegħda tfittex xogħol inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija awtoritajiet u qrati għandhom iwettqu analiżi globali ta’ kull element rilevanti bħal, pereżempju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li din il-persuna li qiegħda tfittex xogħol irreġistrat ruħha mal-organu nazzjonali responsabbli mill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, li din tippreżenta ruħha lil persuni li jimpjegaw potenzjali billi tibgħatilhom ittri ta’ kandidatura jew inkella li tmur għal intervisti li jikkonċernaw offerti ta’ impjieg. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija awtoritajiet u qrati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol nazzjonali fis-settur li jikkorrispondi għall-kwalifiki personali tal-persuna li qiegħda tfittex xogħol inkwistjoni. Il-fatt li din tal-aħħar tkun irrifjutat xi offerti li ma jikkorrispondux għall-kwalifiki professjonali tagħha ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jitqies li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38.

48

F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-mument meta ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, jiġifieri fis-27 ta’ Ottubru 2015, G. M. A. kellu jkollu, tal-inqas, terminu raġonevoli li matulu l-awtoritajiet Belġjani setgħu biss jimponu fuq dan tal-aħħar l-obbligu li juri li kien qiegħed ifittex xogħol.

49

Issa, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju li tirrifjuta lil G. M. A. dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju Belġjan ittieħdet minħabba li l-provi miġjuba minn dan tal-aħħar insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li huwa kellu ċans ġenwin li jiġi impjegat.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tali kundizzjoni fuq persuna li qiegħda tfittex xogħol li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ G. M. A.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun kif ġej:

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ospitanti huwa obbligat li jagħti terminu raġonevoli lil ċittadin tal-Unjoni, li jibda jiddekorri mill-mument li fih dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun irreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, sabiex ikun jista’ jsir jaf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalih u sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi impjegat.

Matul dan it-terminu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol iġġib il-prova li hija qiegħda tfittex xogħol. Huwa biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu li dan l-Istat Membru jista’ jeħtieġ li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol turi mhux biss li hija qiegħda tkompli tfittex xogħol, iżda wkoll li hija għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

Fuq it-tieni domanda

52

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett utli għandhomx ikunu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors kontra deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur lil persuna li qiegħda tfittex xogħol, il-qrati tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati jeżerċitaw stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u li jieħdu inkunsiderazzjoni elementi li seħħew wara l-imsemmija deċiżjoni, meta dawn l-elementi jkunu jistgħu jibdlu s-sitwazzjoni tal-persuna li qiegħda tfittex xogħol u jiġġustifikaw l-għoti tal-imsemmi dritt ta’ residenza.

53

Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, matul il-perijodu kopert mit-terminu raġonevoli msemmi fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jimponu fuq il-persuna li qiegħda tfittex xogħol ikkonċernata li turi li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata. Għalhekk, sa fejn, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju imponiet fuq G. M. A. obbligi kuntrarji għall-Artikolu 45 TFUE u għall-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, ma jidhirx neċessarju li jiġi eżaminat jekk elementi li seħħew wara din id-deċiżjoni għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati tal-Istat Membru ospitanti sabiex jiġi rrikonoxxut lir-rikorrent fil-kawża prinċipali dritt ta’ residenza bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ospitanti huwa obbligat li jagħti terminu raġonevoli lil ċittadin tal-Unjoni, li jibda jiddekorri mill-mument li fih dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun irreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, sabiex ikun jista’ jsir jaf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalih u sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi impjegat.

 

Matul dan it-terminu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol iġġib il-prova li hija qiegħda tfittex xogħol. Huwa biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu li dan l-Istat Membru jista’ jeħtieġ li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol turi mhux biss li hija qiegħda tkompli tfittex xogħol, iżda wkoll li hija għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.