SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 5(1) – Użu fil-kummerċ ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ ħaddieħor għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata – Portata tal-kelma ‘jużaw’ – Reklam imqiegħed online fuq sit internet fuq ordni ta’ persuna li topera fil-kummerċ u wara riprodott fuq siti internet oħra”

Fil-Kawża C‑684/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

mk advokaten GbR

vs

MBK Rechtsanwälte GbR,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MBK Rechtsanwälte GbR, minn M. Boden, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn mk advokaten GbR u MBK Rechtsanwälte GbR, dwar projbizzjoni imposta fuq mk advokaten milli tuża il-grupp ta’ ittri “mbk” fil-kummerċ.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

(b)

kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:

(a)

li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)

li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;

(c)

l-importazzjoni jew esportazzjoni tal-merkanzija taħt is-sinjal;

(d)

l-użu tas-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]”

4

Id-Direttiva 2008/95 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill‑15 ta’ Jannar 2019, bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). Il-kontenut tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 issa jinsab, essenzjalment, flimkien ma’ emendi, fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 2008/95.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

Il-kumpannija ta’ avukati MBK Rechtsanwälte, stabbilita f’Mönchengladbach (il-Ġermanja), hija proprjetarja ta’ trade mark Ġermaniża kkostitwita mill-isem tagħha “MBK Rechtsanwälte”. Din it-trade mark hija rreġistrata għal servizzi legali.

6

mk advokaten, stabbilita fi Kleve (il-Ġermanja), hija wkoll kumpannija ta’ avukati. Inizjalment, hija kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha taħt l-isem “mbk rechtsanwälte” u bl-isem korrispondenti fil-lingwa Olandiża “mbk advokaten”. Madankollu, wara azzjoni ta’ ksur imressqa minn MBK Rechtsanwälte, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2016, ipprojbixxiet lil mk advokaten, taħt piena ta’ multa, milli tuża fil-kummerċ il-grupp ta’ ittri “mbk” għal servizzi legali. Din id-deċiżjoni saret res judicata.

7

Sussegwentement, irriżulta li, fil-każ ta’ użu tal-mutur ta’ tfittxija operat mill-kumpannija Google, tiftixa bil-kliem “mbk Rechtsanwälte” kienet twassal għal diversi siti internet ta’ riferiment għal impriżi, bħas-sit internet www.kleve-niederrhein-stadtbranchenbuch.com, li kienu juru reklam għas-servizzi legali ta’ mk advokaten.

8

Peress li qieset li b’dan il-mod kien intwera li l-projbizzjoni stabbilita mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) ma kinitx ġiet osservata, MBK Rechtsanwälte talbet lil dik il-qorti timponi multa fuq mk advokaten.

9

Fid-difiża tagħha, mk advokaten sostniet li, fir-rigward ta’ reklami fuq l-internet, l-unika inizjattiva meħuda minnha kienet tikkonsisti f’li tirreġistra lilha nnifisha fid-direttorju online Das Örtliche u li, wara d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2016 tal-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), hija kienet irtirat din ir-reġistrazzjoni għal kull sinjal li kien fih il-grupp ta’ ittri “mbk”. Fil-fehma tagħha, hija ma kellha ebda obbligu ieħor, peress li hija qatt ma kienet talbet li tidher fuq siti internet oħra.

10

Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) laqgħet it-talba ta’ MBK Rechtsanwälte. Dik il-qorti kkonstatat li r-reklam imqiegħed online fuq is-siti internet inkwistjoni kien jibbenefika lil mk advokaten u kien ibbażat fuq dak li din tal-aħħar kienet qiegħdet fid-direttorju Das Örtliche. Hija imponiet multa fuq mk advokaten, peress li din kienet illimitat ruħha, wara d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2016, li tħassar ir-reklam li deher f’dan id-direttorju.

11

mk advokaten ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

12

Dik il-qorti tqis li r-riżoluzzjoni tat-tilwima li biha hija adita tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95.

13

Hija tesponi li minn ġurisprudenza Ġermaniża stabbilita sew jirriżulta li, meta reklam imqiegħed online fuq sit internet jippreġudika dritt ta’ ħaddieħor, il-persuna li tkun ordnat dan ir-reklam għandha mhux biss tħassru minn dan is-sit iżda wkoll tivverifika, bl-għajnuna ta’ muturi ta’ tfittxija normali, li operaturi ta’ siti internet oħra ma jkunux irriproduċew l-imsemmi reklam u, jekk dan ikun il-każ, tagħmel tentattiv serju sabiex tħassar dawn ir-referenzi sussegwenti.

14

Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li kull wirja tar-reklam tibbenefika lill-persuna li l-prodotti jew is-servizzi tagħha huma promossi b’dan il-mod. Konsegwentement, hija din il-persuna li għandha twettaq, fil-każ li jiġi ppreġudikat dritt ta’ ħaddieħor, il-passi neċessarji sabiex l-okkorrenzi kollha tar-reklam ikkonċernat fuq l-internet jitħassru.

15

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-ġurisprudenza Ġermaniża mal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet approċċ ieħor fir-rigward ta’ reklami li jippreġudikaw trade mark ta’ ħaddieħor. Dan l-approċċ jista’ jiġi traspost għall-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

16

Huwa minnu li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reklam li kien is-suġġett ta’ dik il-kawża kellu, inizjalment, natura legali, filwaqt li, f’din il-kawża, ir-reklam li tiegħu mk advokaten ordnat it-tqegħid online ppreġudika mill-bidu trade mark ta’ ħaddieħor. Madankollu, ir-rilevanza ta’ din id-differenza għall-interpretazzjoni tal-kelma “jużaw”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, ma tirriżultax b’mod ċar.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Terz li jkun sar riferiment għalih fuq sit tal-internet f’entrata li tinkludi sinjal identiku għal trade mark ikun qiegħed jagħmel użu mill-imsemmija trade mark fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 2008/95] jekk ma kienx hu li għamel din l-entrata iżda l-operatur tas-sit li ħadha minn entrata oħra li t-terz kien ippubblika bi ksur tad-dritt tat-trade mark?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li topera fil-kummerċ u li qiegħdet fuq sit internet reklam li jippreġudika trade mark ta’ ħaddieħor tkun qiegħda tuża sinjal identiku għal din it-trade mark meta l-operaturi ta’ siti internet oħra jirriproduċu dan ir-reklam billi jqegħduh online fuq dawn is-siti l-oħra.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-fatt li jiġu offruti għall-bejgħ prodotti jew servizzi taħt sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ ħaddieħor u li jsir reklamar għal dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi taħt dan is-sinjal, jikkostitwixxi “użu” ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 4561 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżisti tali użu tas-sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ ħaddieħor meta dan is-sinjal, magħżul minn min jirreklama bħala kelma prinċipali fil-kuntest ta’ servizz ta’ riferiment fuq l-internet, ikun il-mezz li huwa juża sabiex jikkawża l-wiri tar-reklam tiegħu, anki meta l-imsemmi sinjal ma jkunx jidher fir-reklam innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Għaldaqstant, meta persuna li topera fil-kummerċ tordna mingħand l-operatur ta’ sit internet ta’ riferiment il-pubblikazzjoni ta’ reklam li l-wiri tiegħu jkun fih jew ikun kkawżat minn sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ ħaddieħor, din il-persuna għandha titqies li tkun qiegħda tuża dan is-sinjal, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punti 2930).

22

Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, ma jistgħux jiġu imputati lill-imsemmija persuna atti awtonomi ta’ operaturi ekonomiċi oħra, bħal dawk ta’ operaturi ta’ siti internet ta’ riferiment li magħhom hija ma għandha ebda relazzjoni diretta jew indiretta u li jaġixxu mhux fuq l-ordni tagħha u għan-nom tagħha, iżda fuq inizjattiva tagħhom stess u f’isimhom stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punti 3637).

23

Fil-fatt, il-kelma “jużaw” li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 timplika mġiba attiva u kontroll, dirett jew indirett, tal-att li jikkostitwixxi l-użu. Dan ma jkunx il-każ jekk dan l-att jitwettaq minn operatur indipendenti mingħajr il-kunsens ta’ min jirreklama (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 39).

24

Din id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk tiġi interpretata fis-sens li persuna tista’, indipendentement mill-aġir tagħha, titqies li hija l-awtur tal-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ ħaddieħor għar-raġuni biss li dan l-użu jista’ jagħtiha vantaġġ ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42).

25

Skont din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, f’dan il-każ, jekk jirriżultax minn aġir ta’ mk advokaten, fil-kuntest ta’ relazzjoni diretta jew indiretta bejn din tal-aħħar u l-operaturi tas-siti internet inkwistjoni, li dawn l-operaturi kienu qiegħdu r-reklam online fuq l-ordni ta’ u f’isem mk advokaten. Fin-nuqqas ta’ tali aġir, hemm lok li jiġi konkluż li MBK Rechtsanwälte ma għandhiex dritt, skont id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, li taġixxi kontra mk advokaten minħabba t-tqegħid online tar-reklam fuq is-siti internet għajr dak tad-direttorju Das Örtliche.

26

Dan ma jaffettwax il-possibbiltà għal MBK Rechtsanwälte li titlob, jekk ikun il-każ, mingħand mk advokaten il-ħlas lura ta’ vantaġġi ekonomiċi abbażi tad-dritt nazzjonali u lanqas il-possibbiltà li taġixxi kontra l-operaturi tas-siti tal-internet inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 43).

27

Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi osservat li, fil-każ ta’ riproduzzjoni, mill-operaturi ta’ siti internet, ta’ reklam fuq l-inizjattiva tagħhom stess u f’isimhom stess, ma jistax jitqies li l-operatur ekonomiku li l-prodotti jew is-servizzi tiegħu huma promossi b’dan il-mod huwa l-klijent tagħhom. Konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-operatur ta’ sit internet ta’ riferiment ma jkunx qiegħed juża huwa stess sinjali identiċi jew simili għat-trade marks ta’ ħaddieħor li jinsabu fir-reklami tal-klijenti tiegħu jew li jikkawżaw il-wiri ta’ dawn ir-reklami (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 56, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punti 3940), ma tapplikax f’tali każ.

28

F’każ bħal dan, dawn l-operaturi ta’ siti internet ikunu qegħdin jużaw, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, sinjali identiċi jew simili għat-trade marks ta’ ħaddieħor li jinsabu fl-offerti għall-bejgħ jew fir-reklami li huma juru jew li jikkawżaw il-wiri ta’ dawn ir-reklami (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 48). Il-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks jistgħu, għaldaqstant, jaġixxu kontra dawn l-operaturi skont id-dritt esklużiv previst fl-imsemmi Artikolu 5(1), meta dawn l-offerti jew reklami jippromwovu prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-imsemmija trade marks huma rreġistrati.

29

Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija konformi mal-għan tagħha, li jikkonsisti fil-provvista lill-proprjetarju ta’ trade mark ta’ strument legali li jippermettilu li jipprojbixxi, u għalhekk li jwaqqaf, kull użu tat-trade mark tiegħu li jsir minn terz mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 38).

30

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt, imfakkar fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134), ir-reklam li kkawża preġudizzju għal trade mark ta’ ħaddieħor kien inizjalment leċitu, filwaqt li r-reklam inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreġudika mill-bidu trade mark ta’ ħaddieħor, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan il-fatt huwa irrilevanti fir-rigward tal-unika kwistjoni eżaminata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li hija dwar min huwa, fil-każ ta’ riproduzzjoni ta’ reklam li jippreġudika trade mark ta’ ħaddieħor, l-awtur tal-użu tas-sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li topera fil-kummerċ u li qiegħdet fuq sit internet reklam li jippreġudika trade mark ta’ ħaddieħor, ma tkunx qiegħda tuża s-sinjal identiku għal din it-trade mark meta l-operaturi ta’ siti internet oħra jirriproduċu dan ir-reklam billi jqegħduh, fuq l-inizjattiva tagħhom u f’isimhom stess, online fuq dawn is-siti l-oħra.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li topera fil-kummerċ u li qiegħdet fuq sit internet reklam li jippreġudika trade mark ta’ ħaddieħor ma tkunx qiegħda tuża s-sinjal identiku għal din it-trade mark meta l-operaturi ta’ siti internet oħra jirriproduċu dan ir-reklam billi jqegħduh, fuq l-inizjattiva tagħhom u f’isimhom stess, online fuq dawn is-siti l-oħra.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.