Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Frar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 3, 4, 6 u 15 – Refuġjat li jkun qiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru illegalment – Detenzjoni għal finijiet ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor – Status ta’ refuġjat f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Prinċipju ta’ non-refoulement – Assenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115”

Fil-Kawża C‑673/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

M,

A,

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

T,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, M. Ilešič, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M, minn A. Khalaf u H. Postma, advocaten,

–        għal T, minn J. van Mulken, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, P. Huurnink u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn M, A u T u l‑iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar il-kumpens eventwali għad-dannu kkawżat mit-tqegħid tagħhom f’detenzjoni għall-finijiet tat-trasferiment tagħhom mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn Stat Membru ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/115

3        Il-premessi 2, 4 u 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

(5)      Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-[Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

3.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju ta’ moviment liberu kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]      

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn.

[...]”

7        Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/115:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)      il-ħajja familjari,

(c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

9        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

[...]”

10      L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)      ikun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]”

 Id-dritt Olandiż

 Il-Vreemdelingenwet

11      L-Artikolu 59(2) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar Ċittadini Barranin) tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), kif emendata b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2011 għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Olandiż (iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) jipprovdi:

“Jekk id-dokumenti neċessarji għar-ritorn tal-barrani jkunu disponibbli jew ikunu disponibbli fi żmien qasir, id-detenzjoni tal-barrani titqies meħtieġa fl-interess tal-ordni pubbliku, ħlief jekk il-barrani kien jirrisjedi legalment abbażi tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l).

12      L-Artikolu 62a tal-Vw 2000 jipprovdi:

“1.      Il-ministru tagħna għandu jinforma bil-miktub lil barrani ċittadin mhux Komunitarju li ma jkunx għadu residenti legali dwar l-obbligu li jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fuq inizjattiva tiegħu stess kif ukoll dwar it-terminu li fih huwa għandu jissodisfa dan l-obbligu ħlief jekk:

[...]

b.      il-barrani jkollu permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza [...]

3.      Il-barrani msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jkun ordnat jirritorna minnufih fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Jekk din l-ordni ma titħarisx jew jekk it-tluq minnufih tal-barrani jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà nazzjonali, għandha tingħata deċiżjoni ta’ ritorn kontrih.”

13      L-Artikolu 63 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Il-barrani li ma jkunx jirrisjedi legalment u li ma jkunx telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fuq inizjattiva tiegħu stess fit-terminu stabbilit minn din il-liġi, jista’ jitkeċċa.

2.      Il-ministru tagħna huwa kompetenti fil-qasam tat-tkeċċija.

[...]”

14      Skont l-Artikolu 106 tal-imsemmija liġi:

“1.      Jekk il-qorti tordna li titneħħa miżura li ċċaħħad jew tirrestrinġi l-libertà, jew jekk iċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-libertà tkun diġà tneħħiet qabel ma tkun ġiet eżaminata t-talba sabiex dik il-miżura titneħħa, hija tkun tista’ tagħti lill-barrani kumpens imħallas mill-Istat. Id-dannu jinkludi d-dannu mhux patrimonjali. [...]

2.            Il-paragrafu 1 japplika b’analoġija meta l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (id-Diviżjoni tal-Ġurisdizzjoni Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat) tordna t-tneħħija tal-miżura li ċċaħħad jew tirrestrinġi l-libertà.”

 Il-Vreemdelingencirculaire

15      Sal-1 ta’ Jannar 2019, l-Artikolu A3/2 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar Ċittadini Barranin) kien jipprovdi:

“Jekk il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ikun kuntrarju għal obbligi internazzjonali (il-projbizzjoni ta’ refoulement), l-uffiċjal responsabbli għall-kontroll transkonfinali jew għall-kontroll ta’ barranin ma għandux joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Frar 2018, tat-13 ta’ Ġunju 2018 u tad-9 ta’ Ottubru 2018, is-Segretarju tal-Istat ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fil-Pajjiżi l-Baxxi minn M, A u T, rispettivament, għar-raġuni li dawn il-persuni, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, diġà kellhom l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, jiġifieri, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rispettivament.

17      Permezz ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet, huwa ordna lill-imsemmija persuni, skont l-Artikolu 62a(3) tal-Vw 2000, sabiex imorru immedjatament fit-territorju tal-Istat Membru li rrikonoxxielhom tali status. Peress li l-ebda waħda minn dawn l-istess persuni ma osservaw din l-ordni, is-Segretarju tal-Istat żammhom f’detenzjoni skont l-Artikolu 59(2) tal-Vw 2000, għall-finijiet tat-trasferiment forzat tagħhom lejn dawn it-tliet Stati Membri. Sussegwentement dawn intbagħtu lura bil-forza fl-imsemmija Stati Membri, wara li dawn tal-aħħar aċċettaw li jilqgħuhom mill-ġdid fit-territorju tagħhom.

18      M, A u T ippreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn sostnew, essenzjalment, li d-detenzjoni tagħhom kellha tiġi ppreċeduta mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-Artikolu 62a(3) tal-Vw 2000, li jittrasponi, fid-dritt Olandiż, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115. Ir-rikorsi ta’ M u A ġew miċħuda. T rebaħ il-kawża.

19      M u A appellaw mid-deċiżjoni tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Is-Segretarju tal-Istat għamel l-istess fil-kawża tieħu kontra T.

20      Wara li qieset li t-tilwimiet pendenti quddiemha jikkonċernaw biss id-dritt possibbli ta’ M, A u T għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba d-detenzjoni tagħhom, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-riżultat ta’ dawn it-tilwimiet jiddependi minn jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix lis-Segretarju tal-Istat milli jżomm f’detenzjoni ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 59(2) tal-Vw 2000, sabiex jiġi żgurat it-trasferiment tagħhom għal Stat Membru ieħor, mingħajr ma tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-Artikolu 62a(3) tal-Vw 2000.

21      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk id-Direttiva 2008/115 hijiex applikabbli f’dan il-każ.

22      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tagħha. Barra minn hekk, dik il-qorti tindika li l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirregola s-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment li, bħal f’dan il-każ, għandhom madankollu d-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor billi jimponi li, jekk dawn jirrifjutaw li jmorru immedjatament f’dan l-Istat Membru l-ieħor, tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn kontrihom.

23      Madankollu, ma huwiex possibbli li tiġi adottata, kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, bħal f’dan il-każ, għandhom status ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, deċiżjoni ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ refoulement li għandha tiġi osservata fil-każ ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, ritorn eventwali ta’ M, A u T lejn pajjiż ta’ tranżitu ma huwiex previst u dawn il-persuni ma esprimewx ix-xewqa li jitilqu volontarjament f’pajjiż terz ieħor. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

24      F’tali ċirkustanzi, dik il-qorti tqis li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 u tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-premessa 5 tagħha, ma huwiex eskluż li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jkunux applikabbli għall-każ tat-tluq forzat taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lejn l-Istat Membru li fih jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali. F’dan il-każ, id-detenzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini tkun kompletament iddeterminata mid-dritt nazzjonali.

25      Fil-każ li d-Direttiva 2008/115 tapplika madankollu għall-kawżi pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-possibbiltà li l-prattika nazzjonali inkwistjoni tiġi ġġustifikata bħala miżura nazzjonali iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2008/115 […], b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tagħha, tipprekludi d-detenzjoni b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ barrani li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni [Ewropea], meta din id-detenzjoni hija intiża għat-tneħħija, għal dan l-Istat Membru l-ieħor, tal-barrani li rċieva biss l-ordni li jmur hemm għal din ir-raġuni, mingħajr ma ġiet adottata deċiżjoni sussegwenti ta’ ritorn?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2008/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jqiegħed f’detenzjoni amministrattiva ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu mingħajr ma tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn minn qabel fir-rigward tiegħu, sabiex iwettaq it-trasferiment forzat ta’ dan iċ-ċittadin lejn Stat Membru ieħor li fih l-imsemmi ċittadin għandu l-istatus ta’ refuġjat, meta dan l-istess ċittadin ikun irrifjuta li jikkonforma ruħu ma’ din l-ordni mogħtija lilu sabiex imur f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

28      Skont il-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom. Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li tali politika ta’ ritorn effikaċi tikkostitwixxi element indispensabbli ta’ politika ta’ migrazzjoni mmexxija tajjeb. Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha, kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi għal dan il-għan “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija fil-każ ta’ projbizzjoni tad-dħul), C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha, id-Direttiva 2008/115 tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 61, u tad-19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punt 39). Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul [...], soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

30      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih ikun, minħabba dan il-fatt biss, qiegħed jirrisjedi illegalment (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48). Dan jista’ jkun il-każ anki jekk, bħal f’dan il-każ, dan iċ-ċittadin ikollu permess ta’ residenza, validu, fi Stat Membru ieħor minħabba li dan tal-aħħar irrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat.

31      Għalhekk, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minnha għat-tneħħija tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, skont il-każ, regolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 61).

32      F’din il-perspettiva, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 li, ladarba tiġi stabbilita n-natura illegali tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 tal-imsemmi artikolu u fl-osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Skont il-punt 3 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, tali ritorn isir fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin, jew pajjiż ta’ tranżitu jew pajjiż terz li fih l-imsemmi ċittadin jiddeċiedi li jirritorna volontarjament u li jkun lest li jaċċettah fit-territorju tiegħu.

33      B’deroga mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi, min-naħa l-oħra, li, meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment ikollu permess ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jirritorna immedjatament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

34      Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, meta dan iċ-ċittadin ma josservax dan l-obbligu jew meta t-tluq immedjat tiegħu jkun meħtieġ għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istat Membru fejn ikun jinsab illegalment għandu jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu.

35      Għaldaqstant, minn dan l-Artikolu 6(2) jirriżulta li hemm lok li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru filwaqt li jkollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jitħalla jmur f’dan tal-aħħar pjuttost milli tiġi adottata, mill-bidu nett, fil-konfront tiegħu deċiżjoni ta’ ritorn, sakemm l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali ma jeżiġux tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, E, C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 46).

36      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, li tiżdied ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tagħha u li tippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-istandards u mill-proċeduri komuni ta’ ritorn liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu illegalment meta dawn jirrifjutaw li jmorru lura immedjatament fit-territorju tal-Istat Membru li jirrikonoxxilhom dritt ta’ residenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 82).

37      Għall-kuntrarju, kif ġie espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, f’tali każ, l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom dawn iċ-ċittadini jirrisjedu illegalment huma, bħala prinċipju, obbligati li jadottaw, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, deċiżjoni ta’ ritorn li tordna lill-imsemmija ċittadini jitilqu mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, E, C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 45).

38      Fit-tieni lok, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kien legalment impossibbli, għall-awtoritajiet Olandiżi, li jadottaw, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara r-rifjut ta’ dawn iċ-ċittadini milli jikkonformaw ruħhom mal-ordni li kienet ingħatatilhom li jirritornaw lejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma kellhom permess ta’ residenza.

39      Fil-fatt, kull deċiżjoni ta’ ritorn għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, dak il-pajjiż fejn għandu jintbagħat iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa d-destinatarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 115).

40      Issa, huwa stabbilit, minn naħa, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, dawn ma jistgħux jiġu mibgħuta lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom mingħajr il-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement, li huwa ggarantit fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li, kif ifakkar l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi osservat mill-Istati Membri, fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, b’mod partikolari meta huma jipprevedu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 53).

41      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn iċ-ċittadini lanqas ma jistgħu jintbagħtu lura lejn pajjiż ta’ tranżitu jew lejn pajjiż terz li fih huma ddeċidew li jirritornaw volontarjament u li jaċċettahom fit-territorju tiegħu, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

42      Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn ebda wieħed mill-pajjiżi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 ma jista’ jikkostitwixxi destinazzjoni ta’ ritorn, l-Istat Membru kkonċernat isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà ġuridika li jeżegwixxi l-obbligu, impost fuqu fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, li jadotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu u li jirrifjuta li jmur immedjatament fl-Istat Membru li fih għandu permess ta’ residenza. Barra minn hekk, ebda standard, u ebda proċedura prevista minn din id-direttiva ma tippermetti li dan iċ-ċittadin jitkeċċa, minkejja li huwa jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

43      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 28). Fil-fatt, ir-regoli u l-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva jikkonċernaw biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 29, u tat-8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 44).

44      B’mod partikolari, id-Direttiva 2008/115 ma għandhiex l-għan li tiddetermina l-konsegwenzi tar-residenza illegali, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom ebda deċiżjoni ta’ ritorn lejn pajjiż terz ma tista’ tiġi adottata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 87). Dan ikun il-każ ukoll meta, bħal f’dan il-każ, din l-impossibbiltà tirriżulta, b’mod partikolari, mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

45      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn ebda deċiżjoni ta’ ritorn ma tista’ tiġi adottata, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jwettaq it-trasferiment forzat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu, lejn l-Istat Membru li rrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat ma hijiex regolata mill-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115. Għaldaqstant, hija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda taħt l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali. Konsegwentement, l-istess japplika għad-detenzjoni amministrattiva ta’ tali ċittadin ordnat, f’tali ċirkustanzi, sabiex jiżgura t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru li fih huwa għandu l-istatus ta’ refuġjat.

46      B’mod iktar partikolari, la l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jipprekludu li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Stat Membru jżomm taħt detenzjoni amministrattiva ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu sabiex iwettaq it-trasferiment tiegħu lejn Stat Membru ieħor, li fih dan iċ-ċittadin għandu permess ta’ residenza, mingħajr ma jkun ħa minn qabel deċiżjoni ta’ ritorn kontra tiegħu, peress li tali deċiżjoni ma tistax, bħala prinċipju, tiġi adottata.

47      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li t-trasferiment forzat u d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għar-rispett sħiħ kemm tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari ta’ dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Geneva, fit-28 ta’ Lulju 1951 (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 49; tal-1 ta’ Ottubru 2015, Celaj, C‑290/14, EU:C:2015:640, punt 32, u tas-17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija fil-każ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul), C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 41).

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jżomm taħt detenzjoni amministrattiva ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu, sabiex jipproċedi bit-trasferiment forzat ta’ dan iċ-ċittadin lejn Stat Membru ieħor li fih l-imsemmi ċittadin għandu l-istatus ta’ refuġjat, meta dan l-istess ċittadin ikun irrifjuta li josserva l-ordni mogħtija lilu li jmur f’dan l-Istat Membru l-ieħor u meta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kontra tiegħu ma tkunx possibbli.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jżomm taħt detenzjoni amministrattiva ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu, sabiex jipproċedi bit-trasferiment forzat ta’ dan iċ-ċittadin lejn Stat Membru ieħor li fih l-imsemmi ċittadin għandu l-istatus ta’ refuġjat, meta dan l-istess ċittadin ikun irrifjuta li josserva l-ordni mogħtija lilu li jmur f’dan l-Istat Membru l-ieħor u meta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kontra tiegħu ma tkunx possibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.